ISSN 1725-5104

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

Ħarġa Speċjali ( *1 )

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 48
20 ta' Diċembru 2005


Werrej

 

I   Atti li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

Paġna

 

 

 

*

Ir-Regolament (KE) Nru 2046/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-14 ta' Diċembru 2005 dwar miżuri maħsuba sabiex jiffaċilitaw il-proċeduri għall-applikazzjoni għal, u għall-ħruġ ta', viżi għall-membri tal-familja Olimpika li sejrin jieħdu sehem fil-Logħob Olimpiku u/jew Paralimpiku tax-Xitwa f'Turin fl-2006

1

 


 

(*1)   Din il-Ħarġa Speċjali bil-Malti hija ppubblikata bil-lingwi uffiċjali ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea fil-ĠU L 334.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

20.12.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1


IR-REGOLAMENT (KE) Nru 2046/2005 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

ta' l-14 ta' Diċembru 2005

dwar miżuri maħsuba sabiex jiffaċilitaw il-proċeduri għall-applikazzjoni għal, u għall-ħruġ ta', viżi għall-membri tal-familja Olimpika li sejrin jieħdu sehem fil-Logħob Olimpiku u/jew Paralimpiku tax-Xitwa f'Turin fl-2006

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-punti (a) u (b)(ii) ta' l-Artikolu 62(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (1),

Billi

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1295/2003 tal-15 ta' Lulju 2003 dwar miżuri maħsuba sabiex jiffaċilitaw il-proċeduri għall-applikazzjoni għal, u għall-ħruġ ta', viżi għall-membri tal-familja Olimpika li jieħdu sehem fil-Logħob Olimpiku u Paralimpiku f'Ateni (2) stabbilixxa sistema temporanja speċifika li tidderoga mill-proċeduri normali għall-ħruġ tal-viżi għall-membri tal-familja Olimpika li pparteċipaw fil-Logħob Olimpiku u/jew Paralimpiku ta' Ateni fl-2004, sabiex jippermetti lill-Greċja tospita l-ewwel Logħob Olimpiku u Paralimpiku organizzat minn Stat Membru li jifforma parti miż-żona Schengen mingħajr fruntieri interni u sabiex jippermetti lill-Greċja tirrispetta l-obbligu tagħha taħt il-Karta Olimpika.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1295/2003 stabbilixxa dispożizzjonijiet speċifiċi li ffaċilitaw il-proċeduri għall-preżentazzjoni ta' applikazzjonijiet għall-viżi uniformi u l-forma li biha nħarġu l-viżi għall-membri tal-familja Olimpika, kif ukoll dispożizzjonijiet speċifiċi li ssimplifikaw il-kontrolli fuq il-fruntieri esterni għal dik il-kategorija ta' persuni. Barra minn hekk, dan ir-Regolament ippreveda rapport ta' valutazzjoni dwar il-funzjonament tar-Regolament li kellu jiġi preżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(3)

Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-implementazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1295/2003 kienet suċċess, u s-sistema tad-deroga ġiet kunsidrata effettiva, flessibli u adegwata sabiex tirregola d-dħul u l-waqfa qasira, fiż-żona ta' Schengen mingħajr fruntieri interni, tal-membri tal-familja Olimpika li pparteċipaw fil-Logħob.

(4)

Għalhekk l-Unjoni Ewropea għandha tadotta sistema ta' deroga simili għal-Logħob Olimpiku u Paralimpiku tax-Xitwa ta' l-2006 sabiex tippermetti lill-Italja, bħala pajjiż ospitant, tirrispetta l-obbligi tagħha skond il-Karta Olimpika, filwaqt li tiżgura livell għoli ta' sigurtà fiż-żona ta' Schengen mingħajr fruntieri interni.

(5)

Għalkemm qiegħed jinżamm l-obbligu tal-viża għall-membri tal-familja Olimpika li jkunu ċittadini ta' pajjiżi terzi suġġetti għall-ħtieġa tal-viża taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu ta' l-2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (3), għandha tiġi stabbilita deroga temporanja għat-tul tal-Logħob Olimpiku u Paralimpiku tax-Xitwa ta' l-2006.

(6)

L-ambitu ta' l-applikazzjoni ta' din id-deroga għandu jkun limitat għad-dispożizzjonijet ta' l-acquis dwar il-preżentazzjoni ta' l-applikazzjonijiet għall-viżi, il-ħruġ tal-viżi u l-format tagħhom. Bl-istess mod, il-metodi ta' l-eżerċizzju tal-kontrolli fuq il-fruntieri esterni għandhom ikunu adattati fil-limiti neċessarji sabiex jieħdu in konsiderazzjoni t-tibdil fis-sistema tal-viża.

(7)

L-applikazzjonijiet għall-viża għall-membri tal-familja Olimpika li sejrin jieħdu sehem fil-Logħob Olimpiku u/jew Paralimpiku tax-Xitwa fl-2006, għandhom ikunu preżentati lill-Kumitat Organizzattiv tal-Logħob Olimpiku u Paralimpiku tax-Xitwa ta' l-2006 permezz ta' l-organizzazzjonijiet responsabbli fl-istess żmien ta' l-applikazzjoni għall-akkreditazzjoni. Il-formola ta' l-applikazzjoni għall-akkreditazzjoni għandha jkollha fiha data bażika relatata mal-persuni konċernati, bħalma huma l-isem, is-sess u d-data u l-post tat-twelid tagħhom, u n-numru, it-tip u d-data ta' l-iskadenza tal-passaport tagħhom, kif ukoll indikazzjoni rigward il-pussess ta' permess ta' residenza maħruġ minn Stat ta' Schengen, flimkien mat-tip u d-data ta' l-iskadenza ta' dak il-permess. Tali applikazzjonijiet għandhom jiġu trasmessi lis-servizzi Taljani responsabbli għall-ħruġ tal-viżi.

(8)

Il-Kumitat Organizzattiv tal-Logħob Olimpiku u Paralimpiku tax-Xitwa ta' l-2006 joħroġ il-karti ta' l-akkreditazzjoni lill-membri tal-familja Olimpika, skond ir-regoli definiti mil-liġi Taljana. Il-karta ta' l-akkreditazzjoni hija dokument ta' sigurtà għolja, li jagħti aċċess għas-siti speċifiċi fejn isiru l-kompetizzjonijiet u għal attivitajiet oħra previsti matul il-Logħob Olimpiku u Paralimpiku ta' l-2006, fid-dawl tal-fatt li l-Logħob jista' jkun il-mira ta' attakki terroristiċi. Il-viża maħruġa hija mehmuża permezz ta' l-inseriment ta' numru fil-karta ta' l-akkreditazzjoni.

(9)

Irrispettivament mid-dispożizzjonijet ta' dan ir-Regolament, il-membri tal-familja Olimpika xorta jistgħu jippreżentaw applikazzjonijiet individwali għall-viżi skond id-dispożizzjonijet relevanti ta' l-acquis ta' Schengen.

(10)

Fejn m'hemm l-ebda dispożizzjoni speċifika stabbilita f'dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet relevanti ta' l-acquis ta' Schengen dwar viżi u kontrolli fuq il-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri. Dan ir-Regolament ma japplikax għall-membri tal-familja Olimpika li jkunu ċittadini ta' pajjiżi terzi suġġetti għar-rekwiżit ta' viża u għad-detenturi ta' permess ta' residenza jew ta' permess provviżorju ta' residenza maħruġ minn wieħed mill-Istati Membri li jimplementaw bis-sħiħ l-acquis ta' Schengen. Għal kwalunkwe waqfa fiż-żona ta' Schengen mingħajr fruntieri interni li t-tul tagħha jkun previst li jeċċedi 90 ġurnata, jista' jinħareġ permess ta' residenza temporanju lill-membru tal-familja Olimpika konformement mal-liġi Taljana.

(11)

Għandu jsir provvediment sabiex issir valutazzjoni ta' l-implementazzjoni ta' l-arranġamenti tad-deroga stabbiliti b'dan ir-Regolament wara l-għeluq tal-Logħob Paralimpiku tax-Xitwa ta' l-2006.

(12)

L-adozzjoni ta' din id-deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen hija meħtieġa u adatta sabiex jintlaħaq l-għan ewlieni li jiġi faċilitat il-ħruġ tal-viżi lill-membri tal-familja Olimpika. Konformement mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fit-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dan l-għan.

(13)

Fir-rigward ta' l-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp ta' dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn ta' l-aħħar ma' l-implementazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen (4) li jaqa' fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt B tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju ta' l-1999 (5) dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim.

(14)

Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tieħux sehem fl-adozzjoni mill-Kunsill ta' dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Madankollu, billi dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta' Schengen taħt it-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka għandha, skond l-Artikolu 5 ta' l-imsemmi Protokoll, tiddeċiedi f'perjodu ta' sitt xhur wara d-data ta' l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament jekk hijiex sejra timplimetah jew le fil-liġi nazzjonali tagħha.

(15)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp ta' dispożizzjonijet ta' l-acquis ta' Schengen li fih ir-Renju Unit ma jieħux sehem skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq sabiex jieħu parti f'xi dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen (6). Ir-Renju Unit għalhekk mhuwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhuwiex marbut bih jew suġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(16)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp ta' dispożizzjonijet ta' l-acquis ta' Schengen li fih l-Irlanda ma tieħux sehem skond id-Deciżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba ta' l-Irlanda sabiex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen (7). L-Irlanda għalhekk mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(17)

Fir-rigward ta' l-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn il-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera ma' l-implementazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen li jaqa' fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/860/KE tal-25 ta' Ottubru ta' l-2004 (8) dwar l-iffirmar, f'isem il-Komunità Ewropea, u dwar l-applikazzjoni provviżorja ta' ċerti dispożizzjonijet ta' dak il-Ftehim.

(18)

Id-dispożizzjonijiet kollha ta' dan ir-Regolament, ħlief għall-Artikolu 9, jikkostitwixxu dispożizzjonijiet li jibnu fuq l-acquis ta' Schengen jew li huma, b'xi mod ieħor, marbuta miegħu fis-sens ta' l-Artikolu 3(2) ta' l-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SKOP U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Skop

Dan ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi li jintroduċu deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen li jikkonċernaw il-proċeduri għall-applikazzjoni għal, u għall-ħruġ ta', viżi kif ukoll il-format uniformi ta' viżi għall-membri tal-familja Olimpika għat-tul tal-Logħob Olimpiku u Paralimpiku tax-Xitwa ta' l-2006.

Barra minn dawn id-dispożizzjonijet speċifiċi, id-dispożizzjonijet relevanti ta' l-acquis ta' Schengen dwar il-proċeduri ta' l-applikazzjoni għal, u għall-ħruġ ta', viżi uniformi għandhom jibqgħu fis-seħħ.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

1)

“Organizzazzjonijiet responsabbli” relatati mal-miżuri maħsuba sabiex jiffaċilitaw il-proċeduri għall-applikazzjoni għal, u għall-ħruġ ta', viżi għall-membri tal-familja Olimpika li sejrin jieħdu sehem fil-Logħob Olimpiku u/jew Paralimpiku tax-Xitwa ta' l-2006 tfisser l-organizzazzjonijiet uffiċjali, f'termini tal-Karta Olimpika, li jkunu intitolati li jippreżentaw listi tal-membri tal-familja Olimpika lill-Kumitat Organizzattiv għal-Logħob Olimpiku u Paralimpiku tax-Xitwa ta' l-2006 bil-ħsieb li jinħarġu karti ta' l-akkreditazzjoni għal-Logħob;

2)

“Membru tal-familja Olimpika” tfisser kwalunkwe persuna li tkun membru tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, tal-Kumitat Paralimpiku Internazzjonali, tal-Federazzjonijiet Internazzjonali, tal-Kumitati Nazzjonali Olimpiċi u Paralimpiċi, tal-Kumitati Organizzattivi tal-Logħob Olimpiku u ta' l-assoċjazzjonijiet nazzjonali, bħalma huma l-atleti, il-ġudikanti/referees, il-coaches u tekniċi sportivi oħra, il-persunal mediku assoċjat mat-timijiet u nies sportivi individwali u ġurnalisti akkreditati mill-medja, uffiċjali esekuttivi superjuri, donaturi, sponsors u mistiedna uffiċjali oħra, li aċċettaw li jkunu gwidati mill-Karta Olimpika, li jaġixxu taħt il-kontroll u l-awtorità suprema tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, li jkunu inklużi fil-listi ta' l-organizzazzjonijiet responsabbli u li jkunu akkreditati mill-Kumitat Organizzattiv tal-Logħob Olimpiku u Paralimpiku ta' l-2006 bħala parteċipanti fil-Logħob Olimpiku u/jew Paralimpiku ta' l-2006;

3)

“Karti ta' l-akkreditazzjoni Olimpiċi” maħruġa mill-Kumitat Organizzattiv tal-Logħob Olimpiku u Paralimpiku tax-Xitwa ta' l-2006, konformement ma' l-Ordinanza n. 3463 del Presidente del Consiglio dei Ministri tad-9 ta' Settembru 2005 (ĠU Nru 219 tad-20.9.2005) tfisser wieħed minn żewġ dokumenti ta' sigurtà, wieħed għal-Logħob Olimpiku u l-ieħor għal-Logħob Paralimpiku, u kull wieħed minnhom ikollu r-ritratt tad-detentur tiegħu, li jistabbilixxi l-identità tal-membru tal-familja Olimpika u jawtorizza l-aċċess għall-faċilitajiet fejn isiru l-kompetizzjonijiet u l-attivitajiet l-oħra skedati matul il-perjodu kollu tal-Logħob;

4)

“It-tul tal-Logħob Olimpiku u l-Logħob Paralimpiku” tfisser il-perjodu mill-10 ta' Jannar 2006 sas-26 ta' Marzu 2006 għal-Logħob Olimpiku tax-Xitwa ta' l-2006 u għall-perjodu mill-10 ta' Frar 2006 sad-19 ta' April 2006 għal-Logħob Paralimpiku tax-Xitwa ta' l-2006;

5)

“Il-Kumitat Organizzativ tal-Logħob Olimpiku u Paralimpiku tax-Xitwa ta' l-2006” tfisser il-Kumitat stabbilit fis-27 ta' Diċembru 1999 konformement ma' l-Artikolu 12 tal-Kodiċi Ċivili Taljan (RD 16/3/1942 nru 262) sabiex jorganizza l-Logħob Olimpiku u Paralimpiku tax-Xitwa ta' l-2006 f'Turin, li jiddeċiedi dwar l-akkreditazzjoni tal-membri tal-familja Olimpika li sejrin jieħdu sehem f'dawk il-Logħob;

6)

“Servizzi responsabbli għall-ħruġ tal-viżi” tfisser is-servizzi maħtura fl-Italja sabiex jeżaminaw l-applikazzjonijet u sabiex joħorġu viżi lill-membri tal-familja Olimpika.

KAPITOLU II

ĦRUĠ TAL-VIŻI

Artikolu 3

Kondizzjonijiet

Viża tista' tinħareġ skond dan ir-Regolament biss meta l-persuna konċernata:

(a)

tkun ġiet nominata minn waħda mill-organizzazzjonijiet responsabbli u akkreditata mill-Kumitat Organizzattiv tal-Logħob Olimpiku u Paralimpiku tax-Xitwa ta' l-2006 bħala parteċipant/a fil-Logħob Olimpiku u/jew Paralimpiku ta' l-2006;

(b)

ikollha dokument ta' l-ivjaġġar validu li jawtorizza l-qsim tal-fruntieri esterni, kif imsemmi fl-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni tad-19 ta' Ġunju 1990 li timplementa l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija gradwali ta' kontrolli fuq il-fruntieri komuni tagħhom (9)(minn hawn 'il quddiem imsejħa “il-Konvenzjoni ta' Schengen”);

(ċ)

ma tkunx persuna li fir-rigward tagħha tkun inħarġet twissija sabiex jiġi miċħud id-dħul;

(d)

ma tkunx persuna meqjusa bħala theddida għall-politika pubblika, għas-sigurtà nazzjonali jew għar-relazzjonijiet internazzjonali ta' kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri.

Artikolu 4

Preżentazzjoni ta' l-applikazzjoni

1.   Fil-każ li organizzazzjoni responsabbli tħejji lista tal-persuni magħżula sabiex jieħdu sehem fil-Logħob Olimpiku u/jew Paralimpiku tax-Xitwa ta' l-2006, hija tista', flimkien ma' l-applikazzjoni għall-karta ta' l-akkreditazzjoni Olimpika għall-persuni magħżula, titfa' applikazzjoni kollettiva għall-viżi għal dawk il-persuni magħżula li jkunu meħtieġa li jkollhom viża fil-pussess tagħhom skond ir-Regolament (KE) Nru 539/2001, ħlief fejn dawk il-persuni jkollhom permess ta' residenza maħruġ minn Stat ta' Schengen.

2.   L-applikazzjonijiet kollettivi għall-viżi għall-persuni konċernati għandhom jiġu trasmessi fl-istess waqt ma' l-applikazzjonijiet għall-ħruġ tal-karta ta' l-akkreditazzjoni Olimpika lill-Kumitat Organizzattiv tal-Logħob Olimpiku u Paralimpiku tax-Xitwa ta' l-2006 skond il-proċedura stabbilita minnu.

3.   Għall-persuni li jkunu ser jieħdu sehem fil-Logħob Olimpiku u/jew Paralimpiku tax-Xitwa fl-2006 għandha tiġi preżentata applikazzjoni waħda għall-viża għal kull persuna.

4.   Il-Kumitat Organizzattiv tal-Logħob Olimpiku u Paralimpiku tax-Xitwa ta' l-2006 għandu jgħaddi l-applikazzjonijiet kollettivi lis-servizzi responsabbli għall-ħruġ ta' viżi malajr kemm jista' jkun, flimkien ma' kopji ta' l-applikazzjonijiet għall-ħruġ ta' karti ta' l-akkreditazzjoni Olimpiċi għall-persuni konċernati, li jkollhom isimhom sħiħ, in-nazzjonalità, is-sess u d-data u l-post tat-twelid tagħhom, u n-numru, it-tip u d-data ta' l-iskadenza tal-passaport tagħhom.

Artikolu 5

Eżami ta' l-applikazzjoni kollettiva għall-viżi u t-tip ta' viżi maħruġa

1.   Il-viża għandha tkun maħruġa mis-servizzi responsabbli għall-ħruġ tal-viżi wara eżami maħsub sabiex jiżgura li l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 jiġu sodisfatti.

2.   Il-viża maħruġa għandha tkun viża uniformi għal waqfa qasira, li tippermetti dħul aktar minn darba u li tawtorizza waqfa ta' mhux iżjed minn disgħin ġurnata għat-tul tal-Logħob Olimpiku u/jew Paralimpiku tax-Xitwa ta' l-2006.

3.   Fejn il-membru konċernat tal-familja Olimpika ma jissodisfax il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punt (ċ) jew (d) ta' l-Artikolu 3, is-servizzi responsabbli għall-ħruġ tal-viżi jistgħu joħorġu viża b'validità territorjali limitata skond l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta' Schengen.

Artikolu 6

Forma tal-viża

1.   Il-viża għandha tkun f'forma ta' żewġ numri inseriti fil-karta ta' l-akkreditazzjoni Olimpika. L-ewwel numru għandu jkun in-numru tal-viża. Fil-każ ta' viża uniformi, dak in-numru għandu jkun magħmul minn seba' karattri li jikkonsistu minn sitt numri preċeduti mill-ittra “C”. Fil-każ ta' viża b'validità territorjali limitata, dak in-numru għandu jkun magħmul minn tmien karattri li jikkonsistu minn sitt numri preċeduti mill-ittri “IT”. It-tieni numru għandu jkun in-numru tal-passaport tal-persuna konċernata.

2.   Is-servizzi responsabbli għall-ħruġ tal-viżi għandhom jgħaddu n-numri tal-viżi lill-Kumitat Organizzattiv tal-Logħob Olimpiku u Paralimpiku tax-Xitwa ta' l-2006 sabiex jinħarġu l-karti ta' l-akkreditazzjoni.

Artikolu 7

Dispensa minn ħlasijiet

L-ipproċessar ta' l-applikazzjonijiet għall-viżi u l-ħruġ tal-viżi ma għandhomx jinvolvu ħlasijiet mitluba mis-servizzi responsabbli għall-ħruġ tal-viżi.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 8

Kanċellazzjoni ta' viżi

Fil-każ li l-lista ta' persuni mressqa bħala parteċipanti fil-Logħob Olimpiku u/jew Paralimpiku tax-Xitwa ta' l-2006 tiġi emendata qabel jibda l-Logħob, l-organizzazzjonijiet responsabbli għandhom jinfurmaw mingħajr dewmien lill-Kumitat Organizzattiv tal-Logħob Olimpiku u Paralimpiku tax-Xitwa ta' l-2006 b'dan it-tibdil sabiex il-karti ta' l-akkreditazzjoni tal-persuni mneħħija mil-lista jkunu jistgħu jiġu revokati. Il-Kumitat Organizzattiv għandu jinnotifika lis-servizzi responsabbli għall-ħruġ tal-viżi tagħhom u għandu javżahom bin-numri tal-viżi konċernati.

Is-servizzi responsabbli għall-ħruġ tal-viżi għandhom jikkanċellaw il-viżi tal-persuni konċernati. Huma għandhom minnufih jinfurmaw b'dan lill-awtoritajiet responsabbli għall-kontrolli fuq il-fruntieri, u dawn ta' l-aħħar għandhom mingħajr dewmien jgħaddu dik l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 9

Kontroll fuq il-fruntieri esterni

1.   Il-kontrolli li jsiru mad-dħul, meta jaqsmu l-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri, fuq il-membri tal-familja Olimpika li lilhom tkun inħarġitilhom il-viża b'mod konformi ma' dan ir-Regolament għandhom ikunu limitati għall-kontroll tal-konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3.

2.   Għat-tul tal-Logħob Olimpiku u/jew Paralimpiku tax-Xitwa:

(a)

it-timbri tad-dħul u tal-ħruġ għandhom isiru fuq l-ewwel paġna vojta tal-passaport ta' dawk il-membri tal-familja Olimpika li fil-każ tagħhom ikun meħtieġ li jsiru dawn it-timbri skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2133/2004 tat-13 ta' Diċembru ta' l-2004 dwar ir-rekwiżit ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri li jittimbraw sistematikament id-dokumenti ta' l-ivjaġġar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi meta dawn jaqsmu l-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri (10). ma' l-ewwel dħul in-numru tal-viża għandu jkun indikat fuq dik l-istess paġna;

(b)

il-kondizzjonijet tad-dħul previsti fl-Artikolu 5(1)(ċ) tal-Konvenzjoni ta' Schengen għandhom ikunu presunti li ġew sodisfatti ladarba l-membru tal-familja Olimpika jkun ġie debitament akkreditat.

3.   Il-paragrafu 2 għandu japplika għall-membri tal-familja Olimpika li jkunu ċittadini ta' pajjiżi terzi, kemm jekk ikunu suġġetti għar-rekwiżit ta' viża taħt ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 kif ukoll jekk le.

Artikolu 10

Għoti ta' informazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill

Mhux iktar tard minn erba' xhur wara l-għeluq tal-Logħob Paralimpiku tax-Xitwa ta' l-2006, l-Italja għandha tittrasmetti lill-Kummissjoni rapport dwar id-diversi aspetti ta' l-implementazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Fuq il-bażi ta' dak ir-rapport u ta' kwalunkwe informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri l-oħrajn fl-istess limitu ta' żmien, il-Kummissjoni għandha tagħmel valutazzjoni tal-funzjonament tad-deroga fir-rigward tal-ħruġ ta' viżi lill-membri tal-familja Olimpika, kif prevista minn dan ir-Regolament, u għandha tinforma b'dan lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, nhar l-14 ta' Diċembru 2005.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-Presiden

C. CLARKE


(1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Novembru 2005 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-1 ta' Diċembru 2005.

(2)  ĠU L 183, tat-22.7.2003, p. 1.

(3)  ĠU L 81, tal-21.3.2001, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 851/2005 (ĠU L 141, ta' l-4.6.2005, p. 3).

(4)  ĠU L 176, ta' l-10.7.1999, p. 36.

(5)  ĠU L 176, ta' l-10.7.1999, p. 31.

(6)  ĠU L 131, ta' l-1.6.2000, p. 43.

(7)  ĠU L 64, tas-7.3.2002, p. 20.

(8)  ĠU L 370, tas-17.12.2004, p. 78.

(9)  ĠU L 239, tat-22.9.2000, p. 19. Konvenzjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1160/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 191, tat-22.7.2005, p. 18).

(10)  ĠU L 369, tas-16.12.2004, p. 5.