ISSN 1725-5104

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

Ħarġa Speċjali ( 1 )

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 48
22 ta' Lulju 2005


Werrej

 

I   Atti li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

Paġna

 

*

Ir-Regolament (KE) Nru 1158/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2005 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1165/98 li jikkonċerna l-istatistika għal żmien qasir

1

 

*

Ir-Regolament (KE) Nru 1159/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2005 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2236/95 li jistabbilixxi regoli ġenerali għall-għoti ta' għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej

16

 

*

Ir-Regolament (KE) Nru 1160/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2005 li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 dwar l-abolizzjoni gradwali ta' kontrolli fuq il-fruntieri komuni, fir-rigward ta' l-aċċess għas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen mis-servizzi fl-Istati Membri responsabbli mill-ħruġ taċ-ċertifikati ta' reġistrazzjoni għal vetturi  ( 5 )

18

 

*

Ir-Regolament (KE) Nru 1161/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2005 dwar il-kumpilazzjoni ta' kontijiet trimestrali mhux finanzjarji skond is-settur istituzzjonali

22

 

*

Id-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2005 dwar it-twaqqif ta' qafas għall-iffissar tar-rekwiżiti għall-eko-disinn ta' prodotti li jużaw l-enerġija u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/42/KEE u d-Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/57/KE u 2000/55/KE

29

 

*

Id-Direttiva 2005/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2005 li temenda d-Direttiva 1999/32/KE dwar il-kontenut ta' kubrit f'karburanti għal użu marittimu

59

 

 

II   Atti li l-pubblikazzjoni tagħhom mhijiex obbligatorja

 

 

Kummissjoni

 

*

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ April 2005 li tistabbilixxi l-Bord Konsultattiv Ewropew għar-Riċerka dwar is-Sigurtà

70

 


 

(1)   Din il-Ħarġa Speċjali bil-Malti hija ppubblikata bil-lingwi uffiċjali ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea fil-ĠU C 237 A.

 

(5)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

22.7.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1


IR-REGOLAMENT (KE) Nru 1158/2005 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-6 ta' Lulju 2005

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1165/98 li jikkonċerna l-istatistika għal żmien qasir

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 285(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1165/98 (3) stabbilixxa qafas bażiku komuni għall-ġbir, il-kumpilazzjoni, it-trasmissjoni u l-valutazzjoni ta' statistika Komunitarja dwar in-negozju għall-finijiet ta' l-analiżi taċ-ċiklu ekonomiku.

(2)

L-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1165/98 imwettqa permezz tar-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 586/2001 (4), (KE) Nru 588/2001 (5), u (KE) Nru 606/2001 (6), rispettivament dwar id-definizzjoni ta' Gruppi Industrijali Ewlenija, id-definizzjoni ta' varjabbli u l-għoti ta' derogi lill-Istati Membri, ħolqot korp ta' esperjenza prattika li tippermetti li miżuri għal titjib ulterjuri fl-istatistika għal żmien qasir jiġu identifikati.

(3)

Fil-Pjan ta' Azzjoni tiegħu dwar ir-Rekwiżiti ta' Statistika ta' l-EMU u f'rapporti sussegwenti dwar progress dwar l-implimentazzjoni ta' dak il-Pjan, il-Kunsill ta' l-Ecofin identifika aspetti fundamentali oħra għat-titjib ta' l-istatistika koperta mir-Regolament (KE) Nru 1165/98.

(4)

Għall-politika monetarja tiegħu, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jeħtieġ li l-istatistika għal żmien qasir tiġi żviluppata iżjed kif inhu ddikjarat fid-dokument tiegħu Rekwiżiti ta' Statistika tal-BĊE fil-qasam ta' l-Istatistika Ekonomika Ġenerali, u b'mod partikolari, jeħtieġ aggregati f'waqthom, affidabbli u ta' sinifikat għaż-żona ta' l-euro.

(5)

Il-Kumitat tal-Programm Statistiku, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE EURATOM (7), identifika Indikaturi Ekonomiċi Ewropej Prinċipali (PEEI) li jmorru lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1165/98.

(6)

Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 1165/98 f'oqsma ta' importanza partikolari għall-politika monetarja u għall-istudju taċ-ċiklu tan-negozju.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat tal-Programm Statistiku.

(8)

L-implimentazzjoni ta' l-istrateġija ta' Lisbona għat-tkabbir u l-impieg tinkludi t-tnaqqis ta' piżijiet mhux meħtieġa fuq in-negozji u d-disseminazzjoni ta' teknoloġiji ġodda,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1165/98 huwa b'dan emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 4(2) għandu jinbidel kif ġej:

(a)

Il-punt li ġej għandu jiżdied mas-subparagrafu waħdieni:

“d)

parteċipazzjoni fi skemi Ewropej ta' ġbir ta' kampjuni kkordinati mill-Eurostat sabiex jiġu prodotti estimi Ewropej.

Id-dettalji ta' l-iskemi msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu kif speċifikat fl-Annessi. L-approvazzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom għandhom ikunu rregolati mill-proċedura stipulata fl-Artikolu 18.

Skemi Ewropej ta' ġbir ta' kampjuni għandhom jiġu stabbiliti meta skemi nazzjonali ta' ġbir ta' kampjuni ma jilħqux ir-rekwiżiti Ewropej. Barra min hekk, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jieħdu sehem fi skemi Ewropej ta' ġbir ta' kampjuni meta dawn l-iskemi joħolqu possibbiltajiet għal tnaqqis sostanzjali fl-ispejjeż tas-sistema statistika jew tal-piż li jrid iġorr in-negozju biex jilħaq ir-rekwiżiti Ewropej. Il-parteċipazzjoni fi skema Ewropea ta' ġbir ta' kampjuni għandha tissodisfa l-kondizzjonijiet ta' Stat Membru għall-forniment tal-varjabbli kkonċernat skond l-għan ta' skema bħal din. Skemi Ewropej ta' kampjuni jistgħu jindirizzaw il-kondizzjonijiet, il-livell ta' dettall u l-iskadenzi għat-trasmissjoni ta' data.”

(b)

Is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied:

“Stħarriġiet obligatorji għandhom ikunu wżati biex tinkiseb informazzjoni li mhix diġà disponibbli (fit-termini ta' żmien meħtieġa) f'għejun oħra, bħal reġistri. L-istħarriġiet għandhom jitwettqu bl-użu ta' kwestjonarji elettroniċi u kwestjonarji li jkunu fuq il-web fejn dan ikun applikabbli.”;

(2)

L-Artikolu 10 għandu jinbidel b'dan li ġej:

(a)

il-paragrafu 3 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“3.

Il-kwalità tal-varjabbli għandha tiġi eżaminata regolarment billi jitqabblu ma' informazzjoni statistika oħra, u tali tqabbil għandu jsir minn kull Stat Membru u l-Kummissjoni (Eurostat). Barra minn hekk għandhom jiġu verifikati għal konsistenza interna.”

(b)

il-paragrafu 4 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“4.

Il-valutazzjoni tal-kwalità għandha titwettaq billi jitqabblu l-benefiċċji tad-disponibbiltà tad-data ma' l-ispejjeż tal-ġbir u l-piż fuq in-negozji, speċjalment fuq l-intrapriżi żgħar. Għall-finijiet ta' din il-valutazzjoni, l-Istati Membri għandhom jittrasmettu lill-Kummissjoni, fuq talba tagħha, l-informazzjoni neċessarja skond metodoloġija komuni Ewropea żviluppata mill-Kummissjoni f'koperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri.”;

3.

L-Artikolu 12(1) għandu jinbidel b'dan li ġej:

“1.

Il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Programm Statistiku, għandha tippubblika sa 11 ta' Frar 2006 manwal metodoloġiku ta' parir li jispjega r-regoli stipulati fl-Annessi u li jkun fih ukoll gwida dwar l-istatistika għal żmien qasir.”;

4.

L-Artikolu 14(2) għandu jinbidel b'dan li ġej:

“2.

Il-Kummisjoni għandha, sa 11 ta' Awissu 2008 u kull tliet snin wara, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istatistika kkumpilata skond dan ir-Regolament u b'mod partikolari dwar ir-rilevanza u l-kwalità tagħha u r-reviżjoni ta' indikaturi. Ir-rapport għandu jindirizza speċifikament ukoll l-ispiża tas-sistema statistika u l-piż fuq in-negozju minħabba dan ir-Regolament b'relazzjoni mal-benefiċċji tiegħu. Għandha tirrapporta dwar l-aħjar prattiċi biex jitnaqqas il-piż fuq in-negozju u għandha tindika modi biex jitnaqqsu l-piż u l-ispejjeż.”;

5)

Il-punt li ġej għandu jiżdied ma' l-Artikolu 17:

“(j)

l-istabbiliment ta' skemi Ewropej ta' ġbir ta' kampjuni (L-Artikolu 4).”;

6)

L-Annessi A sa D għandhom ikunu emendati kif jidher fl-Anness.

L-Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak li fih ikun ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, nhar is-6 ta' Lulju 2005.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

J. STRAW


(1)  ĠU C 158, tal-15.6.2004, p. 3.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Frar 2005 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Ġunju 2005.

(3)  ĠU L 162, tal-5.6.1998, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).

(4)  ĠU L 86, tas-27.3.2001, p. 11.

(5)  ĠU L 86, tas-27.3.2001, p. 18.

(6)  ĠU L 92, tat-2.4.2001, p. 1.

(7)  ĠU L 181, tat-28.6.1989, p. 47.


L-ANNESS

PARTI (A)

L-Anness a għar-regolament (KE) nru 1165/98 huwa b'dan emendat kif ġej:

Kamp ta' applikazzjoni

It-test taħt l-intestatura (a) (“Kamp ta' applikazzjoni”) jinbidel b'li ġej:

“Dan l-Anness japplika għall-attivitajiet kollha elenkati fis-Sezzjonijiet Ċ sa E tan-NACE, jew skond kif ikun il-każ, għall-prodotti kollha elenkati fis-Sezzjonijiet Ċ sa E tas-CPA.”

Lista ta' varjabbli

It-test taħt l-intestatura (ċ) (“Lista ta' varjabbli”) jinbidel b'li ġej:

1)

Il-varjabbli li ġej hu miżjud mal-paragrafu 1:

“Varjabbli

Isem

340

Prezzijiet ta' importazzjoni”

2)

Il-paragrafu (2) jinbidel b'li ġej:

“2.

L-informazzjoni dwar prezzijiet ta' produzzjoni għal swieq mhux domestiċi (Nru 312) u għal prezzijiet ta' importazzjoni (Nru 340) tista' tiġi kkumpilata bl-użu ta' valuri unitarji għal prodotti li joriġinaw minn kummerċ esteru jew għejun oħra sakemm ma jkun hemm l-ebda deterjorazzjoni sinifikattiva fil-kwalità meta kkumparat ma' informazzjoni speċifika dwar prezzijiet. Il-Kummissjoni għandha tiddetermina, skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 18, il-kondizzjonijiet biex tiġi żgurata l-kwalità neċessarja tad-data.”

3)

Il-paragrafu (9) jinbidel b'li ġej:

“9.

L-informazzjoni dwar il-prezzijiet ta' produzzjoni u l-prezzijiet ta' importazzjoni (Nri 310, 311, 312 u 340) mhix meħtieġa għall-gruppi li ġejjin tan-NACE u tas-CPA: 12.0, 22.1, 23.3, 29.6, 35.1, 35.3, 37.1, 37.2. Il-lista tal-gruppi tista' tiġi riveduta sa 11 ta' Awissu 2008 skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 18.”

4)

Il-paragrafu 10 li ġej hu miżjud:

“10.

Il-varjabbli dwar il-prezzijiet ta' importazzjoni (Nru 340) hu kkalkulat abbażi ta' prodotti CPA. L-unitajiet ta' attività ekonomika ta' importazzjoni jistgħu jiġu klassifikati barra mill-attivitajiet tas-Sezzjonijiet Ċ sa E tan-NACE.”

Forma

It-test taħt l-intestatura (d) (“Forma”) jinbidel b'li ġej:

“1.

Il-varjabbli kollha għandhom jiġu trasmessi f'forma mhux aġġustata, jekk disponibbli.

2.

Barra minn hekk, il-varjabbli ta' produzzjoni (Nru 110) u l-varjabbli tas-sigħat maħduma (Nru 220) għandhom jiġu trasmessi f'forma aġġustata ta' ġranet ta' xogħol. Kull fejn varjabbli oħra juru effetti ta' ġranet ta' xogħol, l-Istati Membri jistgħu wkoll jittrasmettu dawk il-varjabbli f'forma aġġustata ta' ġranet ta' xogħol. Il-lista ta' varjabbli li għandha tiġi trasmessa f'forma aġġustata ta' ġranet ta' xogħol tista' tiġi emendata skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 18.

3.

Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jittrasmettu l-varjabbli b'aġġustamenti staġunali u jistgħu wkoll jittrasmettu l-varjabbli fil-forma ta' ċikli ta' tendenzi. Huwa biss jekk id-data mhijiex trasmessa f'dawn il-forom, li l-Kummissjoni (Eurostat) tista' tipproduċi u tippubblika sensieli b'aġġustamenti staġunali u ċikli ta' tendenzi għal dawn il-varjabbli.

4.

Il-Varjabbli Nri 110, 310, 311, 312 u 340 għandhom jiġu trasmessi bħala indiċi. Il-varjabbli l-oħra kollha għandhom jiġu trasmessi bħala indiċi jew bħala ċifri assoluti.”.

Perijodu ta' referenza

Il-varjabbli li ġej hu miżjud taħt l-intestatura (e) (“Perijodu ta' referenza”):

“Varjabbli

Perijodu ta' referenza

340

xahar”

Livell ta' dettall

It-test taħt l-intestatura (f) (“Livell ta' dettall”), jinbidel kif ġej:

1)

Il-paragrafi 1 u 2 jinbidlu b'li ġej:

“1.

Il-varjabbli kollha, ħlief il-varjabbli tal-prezz ta' importazzjoni (Nru 340), għandhom jiġu trasmessi fil-livell ta' Sezzjoni (ittra waħda), Sotto-sezzjoni (żewġ ittri) u Diviżjoni (żewġ ċifri) tan-NACE. Il-varjabbli 340 għandu jiġi rrapportat fil-livell ta' Sezzjoni (ittra waħda), Sotto-sezzjoni (żewġ ittri) u Diviżjoni (żewġ ċifri) tas-CPA.

2.

Barra minn hekk, għas-Sezzjoni D tan-NACE, l-indiċi tal-produzzjoni (Nru 110) u l-indiċi tal-prezzijiet ta' produzzjoni (Nri 310, 311, 312) għandhom jiġu trasmessi fil-livelli ta' 3 ċifri u 4 ċifri tan-NACE. L-indiċijiet trasmessi għall-produzzjoni u għall-prezzijiet ta' produzzjoni fil-livelli ta' 3 ċifri u 4 ċifri għandhom jirrappreżentaw mill-inqas 90 % tal-valur miżjud totali għal kull Stat Membru tas-Sezzjoni D tan-NACE f'sena bażi partikolari. Il-varjabbli m'għandhomx għalfejn jiġu trasmessi f'dawn il-livelli dettaljati minn dawk l-Istati Membri li l-valur miżjud totali tagħhom tas-Sezzjoni D tan-NACE f'sena ta' bażi partikolari jirrappreżenta inqas minn 4 % tat-total tal-Komunità Ewropea.”;

2)

Il-paragrafu 4 jinbidel b' li ġej:

“4.

Barra minn hekk, il-varjabbli kollha ħlief il-varjabbli tal-valur tal-bejgħ u l-ordnijiet ġodda (Nri 120, 121, 122, 130, 131, 132) għandhom jiġu trasmessi għat-total ta' l-industrija definita bħala s-Sezzjonijiet Ċ sa E tan-NACE u għall-gruppi industrijali ewlenin (MIGs) kif definiti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 586/2001 (*).

(*)  ĠU L 86, tas-27.3.2001, p. 11.”;"

3)

Il-paragrafi li ġejjin huma miżjuda:

“5.

Il-varjabbli tal-valur tal-bejgħ (Nri 120, 121, 122) għandhom jiġu trasmessi għat-total ta' l-industrija definita bħala s-Sezzjonijiet Ċ sa D tan-NACE u għall-gruppi industrijali ewlenin bl-eċċezzjoni tal-MIGs definiti għal attivitajiet relatati ma' l-enerġija.

6.

Il-varjabbli ta' l-ordnijiet ġodda (Nri 130, 131, 132) għandhom jiġu trasmessi għat-total tal-manifattura, is-Sezzjoni D tan-NACE u għal sett ridott ta' MIGs ewlenin li jkopri l-lista tad-Diviżjonijiet tan-NACE definiti fil-paragrafu 8 taħt l-intestatura (ċ) (‘Lista ta' varjabbli’) ta' dan l-Anness.

7.

Il-varjabbli tal-prezz ta' importazzjoni (Nru 340) għandu jiġi trasmess għat-total tal-prodotti industrijali, is-Sezzjonijiet Ċ sa E tas-CPA u għall-MIGs definiti skond ir-Regolament (KE) Nru 586/2001 minn gruppi ta' prodotti tas-CPA. Dan il-varjabbli m'għandux għalfejn jiġi trasmess minn dawk l-Istati Membri li ma adottawx l-euro bħala l-munita tagħhom.

8.

Għall-varjabbli tal-prezz ta' importazzjoni (Nru 340), il-Kummissjoni tista' tiddetermina skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 18, it-termini għall-applikazzjoni ta' skema Ewropea ta' kampjuni kif definita fil-punt (d) ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 4(2).

9.

Il-varjabbli dwar is-swieq mhux domestiċi (Nri 122, 132 u 312) għandhom jiġu trasmessi skond id-distinzjoni bejn iż-żona ta' l-euro u ż-żona mhux ta' l-euro. Id-distinzjoni għandha tiġi applikata għat-total ta' l-industrija definita bħala s-Sezzjonijiet Ċ sa E tan-NACE, il-MIGs, il-livell ta' Sezzjoni (ittra waħda), Sotto-sezzjoni (żewġ ittri) u Diviżjoni (żewġ ċifri) tan-NACE. L-informazzjoni dwar in-NACE mhix meħtieġa għall-varjabbli 122. Barra minn hekk, il-varjabbli tal-prezz ta' importazzjoni (Nru 340) għandu jiġi trasmess skond id-distinzjoni bejn iż-żona ta' l-euro u ż-żona mhux ta' l-euro. Id-distinzjoni għandha tiġi applikata għat-total ta' l-industrija definita bħala s-Sezzjonijiet Ċ sa E tas-CPA, il-MIGs, il-livell ta' Sezzjoni (ittra waħda), Sotto-sezzjoni (żewġ ittri) u Diviżjoni (żewġ ċifri) tas-CPA. Għad-distinzjoni bejn iż-żona ta' l-euro u ż-żona mhux ta' l-euro, il-Kummissjoni tista' tiddetermina skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 18, it-termini għall-applikazzjoni ta' skema Ewropea ta' ġbir ta' kampjuni kif definiti fil-punt (d) ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 4(2). L-iskema Ewropea ta' kampjuni tista' tillimita l-kamp ta' applikazzjoni tal-varjabbli tal-prezz ta' importazzjoni għall-importazzjoni ta' prodotti minn pajjiżi li mhumiex fiż-żona ta' l-euro. Id-distinzjoni bejn iż-żona ta' l-euro u ż-żona mhux ta' l-euro għall-varjabbli 122, 132, 312 u 340 m'għandhiex għalfejn tiġi trasmessa minn dawk l-Istati Membri li ma adottawx l-euro bħala l-munita tagħhom.

10.

Dawk l-Istati Membri li l-valur miżjud tagħhom fis-Sezzjonijiet Ċ, D u E tan-NACE f'sena bażi partikolari jirrappreżenta inqas minn 1 % tat-total tal-Komunità Ewropea jridu jittrasmettu biss data għat-total ta' l-industrija, il-MIGs, u l-livell ta' Sezzjoni tan-NACE, jew il-livell ta' Sezzjoni tas-CPA.”.

Termini perentorji għat-trasmissjoni ta' data

It-test taħt l-intestatura (g) (“Skadenzi għat-trasmissjoni ta' data”) hu emendat b'li ġej:

(1)

Fil-paragrafu 1, xi varjabbli huma emendati, jew miżjuda, kif ġej:

“Varjabbli

Skadenzi

110

xahar u 10 ijiem kalendarji

(…)

(…)

210

xahrejn

(…)

(…)

340

xahar u 15-il jum kalendarju ;”

2)

Il-Paragrafu 2 jinbidel b' li ġej:

“2.

L-iskadenzi jistgħu jkunu sa 15-il jum kalendarju itwal għal data dwar il-livelli tal-Grupp u l-Klassi tan-NACE jew il-livelli tal-Grupp u l-Klassi tas-CPA.

Għal dawk l-Istati Membri li l-valur miżjud tagħhom fis-Sezzjonijiet Ċ, D u E tan-NACE f'sena bażi partikolari jirrappreżenta inqas minn 3 % tat-total tal-Komunità Ewropea, l-iskadenza tista' tkun sa 15-il jum kalendarju itwal għal data dwar it-total ta' l-industrija, il-MIGs, il-livell tas-Sezzjoni u d-Diviżjoni tan-NACE, jew il-livell tas-Sezzjoni u d-Diviżjoni tas-CPA.”.

Studji pilota

Taħt l-intestatura (h) (“Studji Pilota”), il-punti 2 u 3 huma mħassra.

L-ewwel perijodu ta' referenza

Taħt l-intestatura (i) (“L-ewwel perijodu ta' referenza”), il-paragrafi li ġejjin huma miżjuda:

“L-ewwel perijodu ta' referenza għat-trasmissjoni tad-distinzjoni tal-varjabbli dwar is-swieq mhux domestiċi bejn iż-żona euro u ż-żona mhux ta' l-euro m'għandux ikun iżjed tard minn Jannar 2005.

L-ewwel perijodu ta' referenza għall-varjabbli 340 m'għandux ikun iżjed tard minn Jannar 2006 bil-kondizzjoni li tkun applikata sena bażi mhux iżjed tard mill-2005.”.

Perijodu ta' transizzjoni

Taħt l-intestatura (j) (“Perijodu ta' transizzjoni”), il-paragrafi li ġejjin huma miżjuda:

“3.

Jista' jingħata perijodu ta' transizzjoni li jintemm fi 11 ta' Awissu 2007 għall-varjabbli 340 u għad-distinzjoni bejn iż-żona ta' l-euro u ż-żona mhux ta' l-euro għall-varjabbli 122, 132, 312 u 340 skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 18.

4.

Jista' jingħata perijodu ta' transizzjoni li jintemm fi 11 ta' Awissu 2007 għat-tibdil ta' l-iskadenzi għat-trasmissjoni ta' data għall-varjabbli 110 skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 18.

5.

Jista' jingħata perijodu ta' transizzjoni li jintemm fi 11 ta' Awissu 2006 għat-tibdil ta' l-iskadenzi għat-trasmissjoni ta' data għall-varjabbli 210 skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 18.”.

PARTI (B)

L-anness B għar-regolament (KE) nru 1165/98 hu emendat kif ġej:

Lista ta' varjabbli

It-test taħt l-intestatura (ċ) (“Lista ta' varjabbli”) huwa b'dan emendat kif ġej:

1)

il-Paragrafu 5 jinbidel bit-test li ġej:

“5.

Huwa biss jekk il-varjabbli ta' l-ispejjeż ta' kostruzzjoni (Nri 320, 321, 322) ma jkunux disponibbli, li dawn jistgħu jiġu approssimati mill-varjabbli tal-prezzijiet ta' produzzjoni (Nru 310). Din il-prattika għandha tiġi permessa sa 11 ta' Awissu 2010.”;

2)

Il-paragrafu li ġej hu miżjud:

“6.

L-Istati Membri għandhom iwettqu studji istitwiti mill-Kummissjoni u stabbiliti b'konsultazzjoni ma' l-Istati Membri. L-istudji għandhom jitwettqu b'kont meħud tal-benefiċċji mill-ġbir tad-data b'relazzjoni ma' l-ispiża għall-ġbir u l-piż fuq in-negozju, sabiex:

(a)

tiġi stmata l-fattibbiltà ta' varjabbli trimestrali tal-prezzijiet ta' produzzjoni (Nru 310) fil-kostruzzjoni;

(b)

tiġi definita metodoloġija xierqa għall-ġbir ta' data u l-ikkalkular ta' l-indiċi.

Il-Kummissjoni għandha sa mhux iżjed tard minn 11 ta' Awissu 2006 tipproponi definizzjoni li għandha tiġi applikata għall-varjabbli tal-prezz ta' produzzjoni.

L-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni dwar ir-riżultati ta' l-istudji mhux iżjed tard minn 11 ta' Awissu 2007.

Filwaqt li taġixxi skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 18, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi sa mhux iżjed tard minn 11 ta' Awissu 2008 jekk hix ser tinvoka l-Artikolu 17(b) biex tissostitwixxi l-varjabbli ta' l-ispejjeż ta' kostruzzjoni bil-varjabbli tal-prezz ta' produzzjoni b'effett mis-sena bażi 2010.”.

Forma

It-test taħt l-intestatura (d) (“Forma”) jinbidel b'li ġej:

“1.

Il-varjabbli kollha għandhom jiġu trasmessi f'forma mhux aġġustata, jekk disponibbli.

2.

Barra minn hekk, il-varjabbli dwar il-produzzjoni (Nru 110, 115, 116) u l-varjabbli tas-sigħat maħduma (Nru 220) għandhom jiġu trasmessi f'forma aġġustata ta' ġranet ta' xogħol. Kull fejn varjabbli oħra juru effetti ta' ġranet ta' xogħol, l-Istati Membri jistgħu wkoll jittrasmettu dawk il-varjabbli f'forma aġġustata ta' ġranet ta' xogħol. Il-lista ta' varjabbli li għandha tiġi trasmessa f'forma aġġustata ta' ġranet ta' xogħol tista' tiġi emendata skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 18.

3.

Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jittrasmettu l-varjabbli bl-aġġustamenti staġunali u jistgħu wkoll jittrasmettu l-varjabbli fil-forma ta' ċikli ta' tendenzi. Huwa biss jekk id-data mhix trasmessa f'dawn il-forom, li l-Kummissjoni (Eurostat) tista' tipproduċi u tippublika sensieli b'aġġustamenti staġunali u ċikli ta' tendenzi għall-varjabbli.

4.

Il-varjabbli 110, 115, 116, 320, 321 u 322 għandhom jiġu trasmessi bħala indiċi. Il-varjabbli 411 u 412 għandhom jiġu trasmessi bħala valuri assoluti. Il-varjabbli l-oħra kollha għandhom jiġu trasmessi bħala indiċi jew bħala ċifri assoluti.”.

Perijodu ta' referenza

It-test taħt l-intestatura (e) (“Perijodu ta' referenza”), jinbidel b'li ġej:

“Perijodu ta' referenza ta' xahar għandu japplika għall-varjabbli 110, 115 u 116. Perijodu ta' referenza ta' mhux inqas minn tliet xhur għandu japplika għall-varjabbli l-oħra kollha f'dan l-Anness.

Dawk l-Istati Membri li l-valur miżjud tagħhom fis-Sezzjoni F tan-NACE f'sena bażi partikolari jirrappreżenta inqas minn 1 % tat-total tal-Komunità Ewropea jistgħu jfornu biss il-varjabbli 110, 115 u 116 b'perijodu ta' referenza ta' tliet xhur.”.

Livell ta' dettall

Taħt l-intestatura (f) (“Livell ta' dettall”), il-paragrafu li ġej hu miżjud:

“6.

Dawk l-Istati Membri li l-valur miżjud tagħhom fis-Sezzjoni F tan-NACE f'sena bażi partikolari jirrappreżenta inqas minn 1 % tat-total tal-Komunità Ewropea jistgħu jittrasmettu biss data għat-total tal-kostruzzjoni (livell ta' Sezzjoni tan-NACE).”.

Skadenzi għat-trasmissjoni ta' data

Taħt l-intestatura (g) (“Termini perentorji għat-trasmissjoni ta' data”) il-varjabbli 110, 115, 116 u 210 jinbidlu b'li ġej:

“Varjabbli

Skadenzi

110

xahar u 15 il-jum kalendarju

115

xahar u 15 il-jum kalendarju

116

xahar u 15 il-jum kalendarju

(…)

(…)

210

xahrejn.”

Studji pilota

Taħt l-intestatura (h) (“Studji Pilota”), il-punti 1 u 3 huma mħassra.

L-ewwel perijodu ta' referenza

Taħt l-intestatura (i) (“L-ewwel perijodu ta' referenza”), it-test li ġej hu miżjud:

“L-ewwel perijodu ta' referenza għat-trasmissjoni tal-varjabbli 110, 115, u 116 b'perijodu ta' referenza ta' kull xahar ma jkunx iżjed tard minn Jannar 2005.”.

Perijodu ta' transizzjoni

Taħt l-intestatura (j) (“Perijodu ta' transizzjoni”), il-paragrafi li ġejjin huma miżjuda:

“3.

Jista' jingħata perijodu ta' transizzjoni li jintemm fi 11 ta' Awissu 2007 biex jiġi emendat il-perijodu ta' referenza għall-varjabbli 110, 115, u 116 skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 18.

4.

Jista' jingħata perijodu ta' transizzjoni li jintemm fi 11 ta' Awissu 2007 għat-tibdil ta' l-iskadenzi għat-trasmissjoni tad-data għall-varjabbli 110, 115, 116 u 210 skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 18.”.

PARTI (Ċ)

L-anness Ċ għar-regolament (KE) nru 1165/98 huwa b'dan emendat kif ġej:

Lista tal-varjabbli

Taħt l-intestatura (ċ) (“Lista tal-varjabbli”), il-paragrafu li ġej hu miżjud:

“4.

L-Istati Membri għandhom iwettqu studji istitwiti mill-Kummissjoni u stabbiliti b'konsultazzjoni ma' l-Istati Membri. L-istudji għandhom jitwettqu b'kont meħud tal-benefiċċji mill-ġbir tad-data b'relazzjoni ma' l-ispiża għall-ġbir u l-piż fuq in-negozju, sabiex:

(a)

tiġi stmata l-fattibbiltà tat-trasmissjoni ta' varjabbli trimestrali ta' sigħat maħduma (Nru 220) għan-negozju bl-imnut u għat-tiswija;

(b)

tiġi stmata l-fattibbiltà tat-trasmissjoni ta' varjabbli trimestrali ta' pagi u salarji grossi (Nru 230) għan-negozju bl-imnut u għat-tiswija;

(ċ)

tiġi definita metodoloġija xierqa għall-ġbir ta' data u l-ikkalkular ta' l-indiċi.

L-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni dwar ir-riżultati ta' l-istudji mhux iżjed tard minn 11 ta' Awissu 2007.

Filwaqt li taġixxi skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 18, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi sa mhux iżjed tard minn 11 ta' Awissu 2008 jekk hix ser tinvoka l-Artikolu 17(b), sabiex jiġu nklużi l-varjabbli ta' sigħat maħduma (Nru 220) u l-varjabbli ta' pagi u salarji grossi (Nru 230) b'effett mis-sena bażi 2010.”.

Forma

Taħt l-intestatura (d) (“Forma”), il-paragrafi 1 sa 2 jinbidlu b'li ġej:

“1.

Il-varjabbli kollha għandhom jiġu trasmessi f'forma mhux aġġustata, jekk disponibbli.

2.

Il-varjabbli tal-valur tal-bejgħ (Nru 120) u l-varjabbli tal-volum tal-bejgħ (Nru 123) għandhom ukoll jiġu trasmessi f'forma aġġustata ta' ġurnata tax-xogħol. Kull fejn varjabbli oħra juru effetti ta' ġranet ta' xogħol, l-Istati Membri jistgħu wkoll jittrasmettu dawk il-varjabbli f'forma aġġustata ta' ġranet ta' xogħol. Il-lista ta' varjabbli li għandha tiġi trasmessa f'forma aġġustata għal ġranet ta' xogħol tista' tiġi emendata skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 18.”.

Livell ta' dettall

It-test taħt l-intestatura (f) (“Livell ta' dettall”), huwa emendat kif ġej:

1)

Il-Paragrafu 1 jinbidel b'li ġej:

“1.

Il-varjabbli tal-valur tal-bejgħ (Nru 120) u l-varjabbli tad-deflator tal-bejgħ/volum ta' bejgħ (Nri 330/123) għandhom jiġu trasmessi skond il-livelli ta' dettall definiti fil-paragrafi 2, 3 u 4. Il-varjabbli ta' persuni impjegati (Nru 210) għandu jiġi trasmess skond il-livell ta' dettall imfisser fil-paragrafu 4.”;

2)

Il-paragrafu li ġej hu miżjud:

“5.

Dawk l-Istati Membri li l-volum tal-bejgħ fid-Diviżjoni 52 tan-NACE f'sena bażi partikolari jirrappreżenta inqas minn 1 % tat-total tal-Komunità Ewropea, għandhom jittrasmettu biss il-varjabbli tal-volum ta' bejgħ (Nru 120) u l-varjabbli tad-deflator tal-bejgħ/volum ta' bejgħ (Nri 330/123) skond il-livelli ta' dettall imfissra fil-paragrafi 3 u 4.”.

Termini perentorji għat-trasmissjoni ta' data

It-test taħt l-intestatura (g) (“Termini perentorji għat-trasmissjoni ta' data”) hu mibdul b'li ġej:

“1.

Il-varjabbli għandhom jiġu trasmessi għall-valur tal-bejgħ (Nru 120) u d-deflator tal-bejgħ/volum ta' bejgħ (Nri 330/123) fi żmien xahrejn fil-livelli ta' dettall speċifikati fil-paragrafu 2 taħt l-intestatura (f) ta' dan l-Anness. L-iskadenza tista' tkun sa 15-il jum itwal għal dawk l-Istati Membri li l-valur tal-bejgħ tagħhom fid-Diviżjoni 52 f'sena bażi partikolari jirrappreżenta inqas minn 3 % tat-total tal-Komunità Ewropea.

2.

Il-varjabbli għandhom jiġu trasmessi għall-valur tal-bejgħ (Nru 120) u d-deflator tal-bejgħ/volum ta' bejgħ (Nri 330/123) fi żmien xahar għal-livell ta' dettall speċifikat fil-paragrafi 3 u 4 taħt l-intestatura (f) ta' dan l-Anness. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jipparteċipaw għall-varjabbli tal-valur tal-bejgħ u d-deflator tal-bejgħ/volum ta' bejgħ Nri 120 u 330/123 b'kontribuzzjonijiet skond l-allokazzjoni ta' skema Ewropea ta' ġbir ta' kampjuni kif definita fil-punt (d) ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 4(2). It-termini ta' l-allokazzjoni għandhom jiġu determinati skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 18.

3.

Il-varjabbli tan-numru ta' persuni impjegati għandu jiġi trasmess fi żmien xahrejn wara t-tmiem tal-perijodu ta' referenza. L-iskadenza tista' tkun sa 15-il jum itwal għal dawk l-Istati Membri li l-valur tal-bejgħ tagħhom fid-Diviżjoni 52 f'sena bażi partikolari jirrappreżenta inqas minn 3 % tat-total tal-Komunità Ewropea.”.

Studji pilota

Taħt l-intestatura (h) (“Studji Pilota”), il-punti 2 u 4 huma mħassra.

Perijodu ta' transizzjoni

Taħt l-intestatura (j) (“Perijodu ta' transizzjoni”), il-paragrafu li ġej hu miżjud:

“4.

Jista' jingħata perijodu ta' transizzjoni li jintemm mhux iżjed tard minn 11 ta' Awissu 2006 għat-tibdil tat-termini perentorji għat-trasmissjoni ta' data tal-varjabbli 210 skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 18.”.

PARTI (D)

L-anness D għar-regolament (KE) nru 1165/98 huwa b'dan emendat kif ġej:

Lista tal-varjabbli

It-test taħt l-intestatura (ċ) (“Lista tal-varjabbli”) huwa b'dan emendat kif ġej:

1)

fil-paragrafu 1, il-varjabbli li ġej hu miżjud:

“Varjabbli

Isem

310

Prezzijiet ta' produzzjoni;”

2)

Il-paragrafi li ġejjin huma miżjuda:

“3.

Il-varjabbli tal-prezz ta' produzzjoni (Nru 310) ikopri s-servizzi forniti lil klijenti li huma intrapriżi jew persuni li jirrappreżentaw intrapriżi.

4.

L-Istati Membri għandhom iwettqu studji istitwiti mill-Kummissjoni u stabbiliti b'konsultazzjoni ma' l-Istati Membri. L-istudji għandhom jitwettqu b'kont meħud tal-benefiċċji mill-ġbir ta' data b'relazzjoni ma' l-ispiża għall-ġbir u l-piż fuq in-negozju, sabiex:

(a)

tiġi stmata l-fattibbiltà tat-trasmissjoni ta' varjabbli trimestrali ta' sigħat maħduma (Nru 220) għal servizzi oħra;

(b)

tiġi stmata l-fattibbiltà tat-trasmissjoni ta' varjabbli trimestrali ta' pagi u salarji grossi (Nru 230) għal servizzi oħra;

(ċ)

tiġi definita metodoloġija xierqa għall-ġbir ta' data u l-ikkalkular ta' l-indiċi;

(d)

jiġi definit livell xieraq ta' dettall. Id-data għandha tiġi maqsuma skond attivitajiet ekonomiċi definiti minn Sezzjonijiet tan-NACE u skond diżaggregazzjonijiet ulterjuri, mhux lil hinn mil-livell ta' Diviżjonijiet (il-livell ta' żewġ ċifri) jew ir-raggruppamenti ta' Diviżjonijiet tan-NACE.

L-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni dwar ir-riżultati ta' l-istudji mhux iżjed tard minn 11 ta' Awissu 2007.

Filwaqt li taġixxi skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 18, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi sa mhux iżjed tard minn 11 ta' Awissu 2008 jekk hix ser tinvoka l-Artikolu 17(b) sabiex jiġu nklużi l-varjabbli ta' sigħat maħduma (Nru 220) u l-varjabbli ta' pagi u salarji grossi (Nru 230) b'effett mis-sena bażi 2010.”.

Forma

It-test taħt l-intestatura (d) (“Forma”) huwa b'dan emendat kif ġej:

1)

Il-paragrafi 1 u 2 jinbidlu b'li ġej:

“1.

Jekk disponibbli, il-varjabbli kollha għandhom jiġu trasmessi f'forma mhux aġġustata.

2.

Il-varjabbli tal-valur tal-bejgħ (Nru 120) għandu wkoll jiġi trasmess f'forma aġġustata ta' ġurnata tax-xogħol. Kull fejn varjabbli oħra juru effetti ta' ġranet ta' xogħol, l-Istati Membri jistgħu wkoll jittrasmettu dawk il-varjabbli f'forma aġġustata ta' ġranet ta' xogħol. Il-lista tal-varjabbli li għandha tiġi trasmessa f'forma aġġustata ta' ġranet ta' xogħol tista' tiġi emendata skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 18.”;

2)

Il-Paragrafu 4 jinbidel b' li ġej:

“4.

Il-varjabbli tal-prezz ta' produzzjoni (Nru 310) għandu jiġi trasmess bħala indiċi. Il-varjabbli l-oħra kollha għandhom jiġu trasmessi bħala indiċi jew bħala ċifri assoluti.”.

Perijodu ta' referenza

Taħt l-intestatura (e) (“Perijodu ta' referenza”), is-subparagrafi li ġejjin huma miżjuda:

“L-Istati Membri għandhom iwettqu studji istitwiti mill-Kummissjoni u stabbiliti b'konsultazzjoni ma' l-Istati Membri. L-istudji għandhom jitwettqu b'kont meħud tal-benefiċċji ta' perijodu ta' referenza mnaqqas b'relazzjoni ma' l-ispiża għall-ġbir u l-piż fuq in-negozju sabiex tiġi stmata l-fattibbiltà tat-tnaqqis tal-perijodu ta' referenza għall-varjabbli tal-valur tal-bejgħ (Nru 120) minn wieħed trimestrali għal perijodu ta' referenza ta' xahar.

L-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport dwar ir-riżultati ta' l-istudji lill-Kummissjoni mhux iżjed tard minn 11 ta' Awissu 2007.

Filwaqt li taġixxi skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 18, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi sa mhux iżjed tard minn 11 ta' Awissu 2008 jekk hix ser tinvoka l-Artikolu 17(b) in konnessjoni ma' reviżjoni tal-kumpilazzjoni tal-varjabbli tal-valur tal-bejgħ.”.

Livell ta' dettall

It-test taħt l-intestatura (f) (“Livell ta' dettall”), huwa b'dan emendat kif ġej:

1)

Il-paragrafi 3 u 4 jinbidlu b'li ġej:

“3.

Għad-Diviżjonijiet 50, 51, 64 u 74 tan-NACE, il-varjabbli tal-valur tal-bejgħ jista' jiġi trasmess fil-livell ta' żewġ ċifri biss minn dawk l-Istati Membri li l-valur tal-bejgħ tagħhom f'dawk id-diviżjonijiet tan-NACE f'sena bażi partikolari jirrappreżenta inqas minn 4 % tat-total tal-Komunità Ewropea.

4.

Għas-Sezzjoni I tan-NACE, il-varjabbli tan-numru ta' persuni impjegati (Nru 210) jista' jiġi trasmess fil-livell tas-Sezzjoni biss minn dawk l-Istati Membri li l-valur miżjud totali tagħhom fis-Sezzjoni I f'sena bażi partikolari jirrappreżenta inqas minn 4 % tat-total tal-Komunità Ewropea.”.

2)

Il-paragrafi li ġejjin huma miżjuda:

“5.

Il-varjabbli tal-prezz ta' produzzjoni (Nru 310) għandu jiġi trasmess skond l-attivitajiet u r-raggruppamenti li ġejjin tan-NACE:

 

60.24, 63.11, 63.12, 64.11, 64.12 f'4 ċifri;

 

61.1, 62.1, 64.2 fi 3 ċifri;

 

72.1 sa 72.6 fi 3 ċifri;

 

is-somma ta' 74.11 sa 74.14;

 

is-somma ta' 74.2 sa 74.3;

 

74.4 sa 74.7 fi 3 ċifri;

In-NACE 74.4 jista' jiġi indikat b'mod approssimativ minn indikazzjonijiet pubbliċitarji.

In-NACE 74.5 ikopri l-prezz totali ta' ħaddiema reklutati u persunal ipprovdut.

6.

Il-lista ta' attivitajiet u raggruppamenti tista' tiġi emendata sa mhux iżjed tard minn 11 ta' Awissu 2008 skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 18.

7.

Għad-Diviżjoni 72, il-varjabbli tal-prezz ta' produzzjoni (Nru 310) jista' jiġi trasmess fil-livell ta' żewġ ċifri biss minn dawk l-Istati Membri li l-valur tal-bejgħ tagħhom f'dawk id-diviżjonijiet tan-NACE f'sena bażi partikolari jirrappreżenta inqas minn 4 % tat-total tal-Komunità Ewropea.”.

Skadenzi għat-trasmissjoni ta' data

It-test taħt l-intestatura (g) (“Termini perentorji għat-trasmissjoni ta' data”) jinbidel b'li ġej:

“Il-varjabbli għandhom, wara li jintemm il-perijodu ta' referenza, jiġu trasmessi sa' l-iskadenzi li ġejjin:

Varjabbli

Skadenzi

120

Xahrejn

210

Xahrejn

310

3 xhur”

L-ewwel perijodu ta' referenza

Taħt l-intestatura (i) (“L-ewwel perijodu ta' referenza”), it-test li ġej hu miżjud:

“L-ewwel perijodu ta' referenza għat-trasmissjoni tal-varjabbli tal-prezz ta' produzzjoni Nru 310 m'għandux ikun iżjed tard mill-ewwel trimestru ta' l-2006. Tista' tingħata deroga ta' sena ulterjuri għall-ewwel perijodu ta' referenza skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 18, bil-kundizzjoni li tiġi applikata sena bażi li ma tkunx iżjed tard mill-2006.”.

Perijodu ta' transizzjoni

Taħt l-intestatura (j) (“Perijodu ta' transizzjoni”), il-paragrafi li ġejjin huma miżjuda:

“Jista' jingħata perijodu ta' transizzjoni li jintemm sa mhux iżjed tard minn 11 ta' Awissu 2008 għall-varjabbli Nru 310 skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 18. Perijodu ta' transizzjoni ulterjuri ta' sena jista' jiġi konċess għall-implimentazzjoni tal-varjabbli Nru 310 għad-Diviżjonijiet tan-NACE 63 u 74 skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 18. Barra minn dawk il-perijodi ta' transizzjoni, jista' jingħata perijodu ta' transizzjoni ulterjuri ta' sena, skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 18, lil dawk l-Istati Membri li l-valur tal-bejgħ tagħhom fl-attivitajiet tan-NACE msemmija taħt l-intestatura (a) ‘Kamp ta' applikazzjoni’ f'sena bażi partikolari jirrappreżenta inqas minn 1 % tat-total tal-Komunità Ewropea.

Jista' jingħata perijodu ta' transizzjoni li jintemm mhux iżjed tard minn 11 ta' Awissu 2006 għat-tibdil tat-termini perentorji għat-trasmissjoni ta' data għall-varjabbli 120 u 210 skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 18.”.



22.7.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

16


IR-REGOLAMENT (KE) Nru 1159/2005 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-6 ta' Lulju 2005

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2236/95 li jistabbilixxi regoli ġenerali għall-għoti ta' għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 156 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 2236/95 (3) jipprovdi, inter alia, għall-kofinanzjament ta' studji relatati ma' proġetti ta' interess komuni għal ammont li normalment ma jistax jaqbeż il-50 % ta' l-ispiża totali, filwaqt li l-kontribut massimu għal proġetti fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet ma jistax jaqbeż l-10 % ta' l-ispiża totali ta' l-investiment.

(2)

Id-Deċiżjoni Nru 1336/97/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 1997 dwar serje ta' linji gwida għan-netwerks tat-telekomunikazzjoni trans-Ewropej (4) tidentifika proġetti ta' interess komuni. L-esperjenza fl-implimentazzjoni ta' dik id-Deċiżjoni uriet li inqas minn proġett wieħed f'għoxrin jinvolvi l-varar ta' servizz, waqt li l-bqija jkunu studji ta' fattibbiltà. Bħala riżultat l-impatt dirett ta' għajnuna mogħtija għan-netwerks tat-telekomunikazzjoni trans-Ewropej huwa limitat.

(3)

L-ispiża tal-varar ta' servizz trans-Ewropew bażat fuq netwerks ta' komunikazzjoni ta' data elettronika hija ħafna ogħla mill-ispiża ta' servizz komparabbli fi Stat Membru wieħed minħabba ostakoli ta' lingwa, kultura, leġislazzjoni u amministrazzjoni.

(4)

L-ispiża ta' studju ta' tħejjija għal servizz fis-settur tat-telekomunikazzjoni instabet li hija ta' proporzjon ogħli ta' l-investiment totali meħtieġ għall-varar tas-servizz, u b' riżultat il-kontribut massimu li huwa permess taħt ir-Regolament (KE) Nru 2236/95 huwa applikat għal tali studji, li jipprekludi l-għoti ta' l-għajnuna għall-varar ta' servizzi. B'konsegwenza, l-għoti ta' għajnuna taħt dak ir-Regolament kellu effett dirett żgħir fl-istimulazzjoni tal-varar ta' servizzi.

(5)

L-għajnuna Komunitarja għandha tingħata preferibbilment lil proġetti li jimmiraw sabiex jistimulaw il-varar ta' servizzi u b'hekk jagħmlu l-akbar kontribut għall-iżvilupp tas-soċjetà ta' l-informazzjoni. Huwa neċessarju għalhekk li jiġi miżjud il-kontribut massimu fi proporzjon ma' l-ispejjeż effettivi li joħorġu min-natura trans-Ewropea ta' servizz. Żieda fil-kontribut Komunitarju għandha madankollu tiġi applikata biss għal servizzi ta' interess pubbliku li jridu jgħelbu l-ostakoli ta' lingwa, kultura, leġislazzjoni u amministrazzjoni,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Is-subparagrafu li ġej għandu jiġi miżjud ma' l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 2236/95:

“Fil-każ ta' proġetti ta' interess komuni identifikati fl-Anness I għad-Deċiżjoni Nru 1336/97/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 1997 dwar serje ta' linji gwida għan-netwerks tat-telekomunikazzjoni (*) trans-Ewropej, l-ammont totali ta' l-għajnuna Komunitarja mogħtija taħt dan ir-Regolament jista' jilħaq it-30 % ta' l-ispiża totali ta' investiment.

L-Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, nhar is-6 ta' Lulju 2005

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

J. STRAW


(1)  ĠU C 234, tat-30.9.2003, p. 23.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Novembru 2003 (ĠU C 87 E, tas-7.4.2004, p. 22), Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Ġunju 2005.

(3)  ĠU L 228, tat-23.9.1995, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 807/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 143, tat-30.4.2004, p. 46).

(4)  ĠU L 183, tal-11.7.1997, p. 12. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 1376/2002/KE (ĠU L 200, tat-30.7.2002, p. 1).


22.7.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

18


IR-REGOLAMENT (KE) Nru 1160/2005 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-6 ta' Lulju 2005

li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 dwar l-abolizzjoni gradwali ta' kontrolli fuq il-fruntieri komuni, fir-rigward ta' l-aċċess għas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen mis-servizzi fl-Istati Membri responsabbli mill-ħruġ taċ-ċertifikati ta' reġistrazzjoni għal vetturi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 71(1)(d) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

L-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/37/KE tad-29 ta' April 1999 dwar id-dokumenti ta' reġistrazzjoni għal vetturi (3) jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin fl-implimentazzjoni ta' dik id-Direttiva u jistgħu jiskambjaw informazzjoni fuq livell bilaterali jew multilaterali, b'mod partikolari sabiex jivverifikaw, qabel kwalunkwe reġistrazzjoni ta' vettura, l-istatus legali ta' din ta' l-aħħar, fejn meħtieġ fl-Istat Membru fejn kienet reġistrata qabel. Tali verifika tista' b'mod partikolari tinvolvi l-użu ta' netwerk elettroniku.

(2)

Is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (jew “is-SIS”), stabbilita skond it-Titolu IV tal-Konvenzjoni ta' l-1990 li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 dwar l-abolizzjoni gradwali ta' kontrolli fuq il-fruntieri komuni (4)(minn hawn 'il quddiem “il-Konvenzjoni ta' Schengen ta' l-1990”) u integrata fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea skond il-Protokoll anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, tikkostitwixxi netwerk elettroniku bejn l-Istati Membri u fiha, inter alia, data dwar vetturi bil-mutur b'ċilindrata 'l fuq minn 50cc li ġew misruqa, approprjati indebitament jew mitlufa. Skond l-Artikolu 100 tal-Konvenzjoni ta' Schengen ta' l-1990, id-data dwar tali vetturi bil-mutur imfittxija għall-finijiet ta' qbid jew ta' użu bħala prova fi proċedimenti kriminali tiddaħħal fis-SIS.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/919/KE tat-22 ta' Diċembru 2004 dwar it-trattament tal-kriminalità tal-vetturi b' implikazzjonijiet trans-konfinali (5) tinkludi l-użu tas-SIS bħala parti integrali mill-istrateġija ta' l-infurzar tal-liġi kontra l-kriminalita tal-vetturi.

(4)

Skond l-Artikolu 101(1) tal-Konvenzjoni ta' Schengen ta' l-1990, l-aċċess għal data mdaħħla fis-SIS u d-dritt ta' tfittxija ta' tali data direttament huma riservati esklussivament għall-awtoritajiet responsabbli mill-kontrolli fuq il-fruntieri u kontrolli oħra tal-pulizija u tad-dwana mwettqa fil-pajjiż, u mill-koordinazzjoni ta' tali kontrolli.

(5)

L-Artikolu 102(4) tal-Konvenzjoni ta' Schengen ta' l-1990 jistabbilixxi li d-data ma tistax, bħala prinċipju, tintuża għal finijiet amministrattivi.

(6)

Is-servizzi responsabbli fl-Istati Membri għall-ħruġ ta' ċertifikati ta' reġistrazzjoni għal vetturi u identifikati b'mod ċar għal dan il-għan għandhom ikollhom aċċess għad-data imdaħħla fis-SIS dwar vetturi bil-mutur b'ċilindrata 'l fuq minn 50cc, karrijiet u karavani li meta vojta jiżnu aktar minn 750 kg u dwar ċertifikati ta' reġistrazzjoni u pjanċi tan-numru ta' vettura li ġew misruqa, approprjati indebitament, mitlufa jew invalidati, sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw jekk il-vetturi lilhom ippreżentati għar-reġistrazzjoni ġewx misruqa, approprjati indebitament jew mitlufa. Għal dak il-għan huwa meħtieġ li jiġu adottati regoli li jagħtu lil dawk is-servizzi aċċess għal dik id-data, u li jiġi permess lilhom jużaw dik id-data għall-iskop amministrattiv tal-ħruġ korrett ta' ċertifikati ta' reġistrazzjoni tal-vetturi.

(7)

Hija responsabbiltà ta' l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li f'każ ta' riżultat pożittiv, jittieħdu l-miżuri previsti skond l-Artikolu 100(2) tal-Konvenzjoni ta' Schengen ta' l-1990.

(8)

Ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill ta' l-20 ta' Novembru 2003 dwar is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) tindika numru ta' kwistjonijiet u konsiderazzjonijiet importanti rigward l-iżvilupp tas-SIS, b'mod partikolari rigward l-aċċess għas-SIS minn korpi privati bħal servizzi ta' reġistrazzjoni tal-vetturi.

(9)

Safejn is-servizzi fl-Istati Membri, responsabbli għall-ħruġ ta' ċertifikati ta' reġistrazzjoni għall-vetturi, mhumiex servizzi governattivi, l-aċċess għas-SIS għandu jingħata b'mod indirett, jiġifieri permezz ta' l-intermedjazzjoni ta' awtorità kif imsemmi fl-Artikolu 101(1) tal-Konvenzjoni ta' Schengen ta' l-1990 responsabbli biex tiżgura konformità mal-miżuri meħuda minn dawn l-Istati Membri skond l-Artikolu 118 ta' dik il-Konvenzjoni.

(10)

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-individwi rigward l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data  (6), kif ukoll ir-regoli speċifiċi dwar il-protezzjoni tad-data fid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Schengen ta' l-1990, li jissupplimentaw jew jiċċaraw il-prinċipji stabbiliti f'dik id-Direttiva, japplikaw għall-ipproċessar ta' data personali mis-servizzi responsabbli fl-Istati Membri għall-ħruġ ta' ċertifikati ta' reġistrazzjoni għall-vetturi.

(11)

Billi l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-għoti ta' aċċess għas-SIS lis-servizzi fl-Istati Membri responsabbli mill-ħruġ ta' ċertifikati ta' reġistrazzjoni għall-vetturi, sabiex jiġu faċilitati l-kompiti tagħhom skond id-Direttiva 1999/37/KE, ma jistax jintlaħaq b'mod sodisfaċenti mill-Istati Membri minħabba n-natura stess tas-SIS bħala sistema ta' informazzjoni konġunta, u jista' għalhekk jintlaħaq biss fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artiklu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artiklu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-għan.

(12)

L-Istati Membri għandhom ikollhom perjodu suffiċjenti li fih jieħdu l-miżuri prattiċi meħtieġa biex jiġi applikat dan ir-Regolament.

(13)

Fir-rigward ta' l-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt G tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawk iż-żewġ Stati fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen (7).

(14)

Fir-rigward ta' l-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen - skond it-tifsira tal-Ftehim iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, l-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera u l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen - li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt G, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien ma' l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2004/860/KE tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2004 (8) dwar l-iffirmar, għan-nom tal-Komunità Ewropea, u dwar l-applikazzjoni proviżorja ta' ċerti dispożizzjonijiet ta' dak il-Ftehim.

(15)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea.

(16)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta' Schengen jew li huwa b'mod ieħor marbut miegħu fis-sens ta' l-Artikolu 3(2) ta' l-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu li ġej għandu jiġi mdaħħal fit-Titolu IV tal-Konvenzjoni ta' Schengen ta' l-1990:

“Artikolu 102A

1.   Minkejja l-Artikoli 92(1), 100(1), 101(1) u (2), 102(1), (4) u (5), is-servizzi fl-Istati Membri responsabbli mill-ħruġ ta' ċertifikati ta' reġistrazzjoni għall-vetturi, kif imsemmi fid-Direttiva tal-Kunsill 1999/37/KE tad-29 ta' April 1999 dwar id-dokumenti ta' reġistrazzjoni għall-vetturi (*), għandhom ikollhom id-dritt għall-aċċess għad-data li ġejja, imdaħħla fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen, għall-iskop waħdieni li jivverifikaw jekk il-vetturi preżentati lilhom għar-reġistrazzjoni ġewx misruqa, approprjati indebitament jew mitlufa:

(a)

data dwar vetturi bil-mutur b'ċilindrata 'l fuq minn 50cc, li ġew misruqa, approprjati indebitament jew mitlufa;

(b)

data dwar karrijiet u karavani li meta vojta jiżnu aktar minn 750 kg, li ġew misruqa, approprjati indebitament jew mitlufa;

(ċ)

data dwar ċertifikati ta' reġistrazzjoni ta' vetturi u pjanċi tan-numru li ġew misruqa, approprjati indebitament, mitlufa jew invalidati.

Soġġett għall-paragrafu 2, il-liġi nazzjonali ta' kull Stat Membru għandha tirregola l-aċċess għal dik id-data minn dawk is-servizzi.

2.   Is-servizzi msemmija fil-paragrafu 1 li jkunu servizzi tal-gvern għandhom ikollhom id-dritt li jfittxu direttament id-data mdaħħla fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen imsemmija f'dak il-paragrafu.

Is-servizzi msemmija fil-paragrafu 1 li ma jkunux servizzi tal-gvern għandhom ikollhom aċċess għad-data mdaħħla fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen imsemmija f'dak il-paragrafu biss permezz ta' l-intermedjazzjoni ta' awtorità kif imsemmi fl-Artikolu 101(1). Dik l-awtorità għandha jkollha d-dritt li tfittex direttament id-data u tgħaddiha lil dawk is-servizzi. L-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura li dawk is-servizzi u l-impjegati tagħhom ikunu obbligati jirrispettaw kwalunkwe limitazzjoni fuq l-użu permissibbli ta' data mgħoddija lilhom mill-awtorità.

3.   L-Artikolu 100(2) m'għandux japplika għal tfittxija magħmula skond dan l-Artikolu. Il-komunikazzjoni mis-servizzi kif imsemmi fil-paragrafu 1 lill-awtoritajiet tal-pulizija jew lill-awtoritajiet ġudizzjarji, ta' informazzjoni li tirriżulta minn tfittxija tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen li toħloq is-suspett ta' reat kriminali għandha tkun regolata mil-liġi nazzjonali.

4.   Kull sena, wara li jitlob l-opinjoni ta' l-awtorità konġunta ta' superviżjoni stabbilita skond l-Artikolu 115 dwar ir-regoli tal-ħarsien tad-data, il-Kunsill għandu jippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu. Dak ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni u statistiċi dwar l-użu magħmul mid-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu u r-riżultati miksuba fl-implimentazzjoni tagħhom u għandu jgħid kif ġew applikati r-regoli dwar il-ħarsien tad-data.”

Artikolu 2

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

2.   Għandu japplika minn 11 ta' Jannar 2006.

3.   Għal dawk l-Istati Membri li fihom għadhom ma japplikawx id-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen dwar is-SIS, dan ir-Regolament għandu japplika fi żmien sitt xhur wara d-data li fiha dawk id-dispożizzjonijiet jiddaħħlu fis-seħħ għalihom, kif speċifikat fid-Deċiżjoni tal-Kunsill adottata għal dan il-għan skond il-proċeduri applikabbli.

4.   Il-kontenut ta' dan ir-Regolament għandu jorbot għan-Norveġja 270 jum wara d-data ta' pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

5.   Minkejja ir-rekwiżiti ta' notifika stabbiliti fl-Artikolu 8(2)(ċ) tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni ta' Schengen man-Norveġja u l-Iżlanda (9), in-Norveġja għandha, qabel id-data msemmija fil-paragrafu 4, tinnotifika lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li r-rekwiżiti kostituzzjonali sabiex tintrabat bil-kontenut ta' dan ir-Regolament ġew sodisfatti.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, nhar is-06 ta' Lulju 2005.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

J. STRAW


(1)  ĠU C 110, tat-30.4.2004, p. 1.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-1 ta’ April 2004 (ĠU C 103 E, tad-29.4.2004, p. 794) Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 2004 (ĠU C 111 E, tal-11.5.2005, p. 19) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ April 2005 (għada mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta’ Ġunju 2005.

(3)  ĠU L 138, ta’ l-1.6.1999, p. 57. Direttiva emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/127/KE (ĠU L 10, tas-16.1.2004, p. 29).

(4)  ĠU L 239, tat-22.9.2000, p. 19. Konvenzjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 871/2004 (ĠU L 162, tat-30.4.2004, p. 29).

(5)  ĠU L 389, tat-30.12.2004, p. 28.

(6)  ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru. 1882/2003 (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).

(7)  ĠU L 176, ta' l-10.7.1999, p. 31.

(8)  ĠU L 370, tas-17.12.2004, p. 78.

(9)  ĠU L 176, ta' l-10.7.1999, p. 36.


22.7.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

22


IR-REGOLAMENT (KE) Nru 1161/2005 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-6 ta' Lulju 2005

dwar il-kumpilazzjoni ta' kontijiet trimestrali mhux finanzjarji skond is-settur istituzzjonali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 285(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Il-Pjan ta' Azzjoni dwar ir-Rekwiżiti Statistiċi ta' l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (EMU) approvat mill-Kunsill ta' l-Ecofin f'Settembru tas-sena 2000 jispeċifika li grupp limitat ta' kontijiet settorjali trimestrali huwa meħtieġ b'mod urġenti, u li dawn iridu jkunu disponibbli fi żmien 90 jum mit-tmiem tat-trimestru konċernat.

(2)

Ir-Rapport Konġunt tal-Kunsill ta' l-Ecofin u tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew dwar statistiċi u indikaturi taż-żona tal-euro, kif adottat mill-Kunsill ta' l-Ecofin fit-18 ta' Frar 2003, jenfasizza li azzjonijiet bi prijorità għolja f'bosta oqsma, inklużi l-kontijiet nazzjonali trimestrali skond is-settur istituzzjonali, għandhom jiġu implimentati kompletament sa l-2005.

(3)

L-analiżi ta' movimenti ċikliċi fl-ekonomija ta' l-Unjoni Ewropea u t-twettiq tal-politika monetarja fi ħdan l-EMU jeħtieġu statistiċi makroekonomiċi dwar l-imġieba ekonomika u l-interrelazzjoni ta' setturi istituzzjonali individwali li jkunu impossibbli li jiġu identifikati f'data kkumpilata fil-livell ta' l-ekonomija in ġenerali. Hemm għalhekk il-ħtieġa li jsiru kontijiet trimestrali skond is-settur istituzzjonali, kemm għall-Unjoni Ewropea in ġenerali kif ukoll għaż-żona ta' l-euro.

(4)

Il-produzzjoni ta' dawn il-kontijiet hi parti mill-għan globali li tiġi kkumpilata sistema ta' kontijiet kull sena u kull trimestru għall-Unjoni Ewropea u għaż-żona ta' l-euro. Din is-sistema tiġbor fiha l-aggregati makroekonomiċi ewlenin u l-kontijiet finanzjarji u mhux finanzjarji skond is-settur istituzzjonali. L-għan hu li tinkiseb konsistenza f'dawn il-kontijiet kollha u, fir-rigward tal-bqija tal-kontijiet dinjija, bejn il-bilanċ ta' pagamenti u d-data tal-kontijiet nazzjonali.

(5)

Il-kumpilazzjoni ta' kontijiet Ewropej skond is-settur istituzzjonali, skond il-prinċipji tas-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità kif stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 (3), teħtieġ it-trasmissjoni mill-Istati Membri tal-kontijiet nazzjonali trimestrali skond is-settur istituzzjonali. Madankollu, il-kontijiet Ewropej iridu jirriflettu l-ekonomija taż-żona Ewropea u jistgħ jkunu differenti mis-sempliċi aggregazzjoni tal-kontijiet ta' l-Istati Membri. B'mod partikolari, l-għan hu li jittieħed kont tat-transazzjonijiet ta' l-Istituzzjonijiet u l-korpi ta' l-Unjoni Ewropea fil-kontijiet tal-qasam konċernat (l-Unjoni Ewropea jew iż-żona tal-euro, skond liema jkun applikabbli).

(6)

Il-produzzjoni ta' statistiċi Komunitarji speċifiċi ssegwi r-regoli stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 322/97 tas-17 ta' Frar 1997 dwar l-istatistika komunitarja (4).

(7)

Peress li l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-kumpilazzjoni ta' kontijiet trimestrali mhux finanzjarji skond is-settur istituzzjonali għall-Unjoni Ewropea u ż-żona tal-euro, ma jistgħux jintlaħqu b'mod sodisfaċenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti ta' l-azzjoni, jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak il-għan. B'mod partikolari, fejn Stati Membri jagħmlu kontribut negliġibbli għat-totali Ewropej, m'għandhomx ikunu meħtieġa jirrapportaw id-dettalji kollha tad-data.

(8)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (5).

(9)

Il-Kumitat tal-Programm ta' l-Istatistika stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom (6) u l-Kumitat dwar l-Istatistika Monetarja, Finanzjarja u tal-Bilanċi ta' Pagament stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 91/115/KEE (7) ġew ikkonsultati,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Għan

Dan ir-Regolament jipprovdi qafas komuni għall-kontributi ta' l-Istati Membri għall-kumpilazzjoni ta' kontijiet Ewropej trimestrali mhux finanzjarji skond is-settur istituzzjonali.

Artikolu 2

Trasmissjoni ta' Kontijiet Trimestrali Mhux Finanzjati Skond is-Settur Istituzzjonali

1.   L-Istati Membri għandhom jittrasmettu lill-Kummissjoni l-kontijiet trimestrali mhux finanzjati skond is-settur istituzzjonali, kif speċifikat fl-Anness, ħlief, għall-ewwel, il-punti P.1, P.2, D.42, D.43, D.44, D.45 u B.4G.

2.   Għandha tiġi adottata skeda ta' żmien għat-trasmissjoni tal-punti P.1, P.2, D.42, D.43, D.44, D.45 u B.4G, rispettivament, u kwalunkwe deċiżjoni dwar il-ħtieġa ta' tqassim tat-transazzjonijiet elenkati fl-Anness skond is-settur kontroparti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 8(2). Kwalunkwe deċiżjoni tali m'għandhiex tiġi adottata qabel ma l-Kummissjoni tkun irrapportat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament skond l-Artikolu 9.

3.   Id-data trimestrali msemmija fil-paragrafu 1 għandha titwassal lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn 90 jum kalendarju wara li jintemm it-trimestru li għalih tirreferi d-data. Matul perjodu transitorju ta' tliet snin mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament id-data trimestrali msemmija fil-paragrafu 1 għandha titwassal lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn 95 jum kalendarju wara t-tmiem tat-trimestru li għalih tirreferi d-data. Kwalunkwe reviżjoni tad-data tat-trimestri preċedenti għandha tiġi trasmessa fl-istess ħin.

4.   Il-ħin tat-trasmissjoni speċifikat fil-paragrafu 3 jista' jiġi aġġustat, b'massimu ta' ħamest ijiem, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 8(2).

5.   L-ewwel trasmissjoni ta' data trimestrali għandha tkun tad-data tat-tielet trimestru ta' l-2005. L-Istati Membri għandhom iwasslu din id-data mhux aktar tard mit-3 ta' Jannar 2006. L-ewwel trasmissjoni għandha tinkludi data b'lura għall-perjodi mill-ewwel trimestru ta' l-1999.

Artikolu 3

Obbligi ta' Rappurtaġġ

1.   L-Istati Membri kollha għandhom jittrasmettu d-data deskritta fl-Anness, fir-rigward tal-bqija tas-settur dinji (S.2) u s-settur tal-gvern ġenerali (S.13). Stat Membru li għalih il-prodott gross domestiku skond prezzijiet kurrenti normalment jirrappreżenta aktar minn 1 % tat-total Komunitarju korrispondenti għandu jittrasmetti d-data deskritta fl-Anness għas-setturi istituzzjonali kollha.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-persentaġġ tat-total tal-prodott gross domestiku Komunitarju skond il-prezzijiet attwali li normalment jirrappreżenta l-prodott gross domestiku ta' Stat Membru, kif speċifikat fil-paragrafu 1, abbażi tal-medja aritmetika tad-data annwali ta' l-aħħar tliet snin trasmessa mill-Istati Membri.

3.   Il-proporzjon (1 %) tat-total Komunitarju msemmi fil-paragrafu 1 jista' jiġi aġġustat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 8(2).

4.   Derogi minn dan ir-Regolament jistgħu jiġu aċċettati mill-Kummissjoni jekk is-sistemi ta' statistika nazzjonali jkunu jeħtieġu adattazzjoni maġġuri. Tali derogi m'għandhomx idumu aktar minn tliet snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, jew tal-miżuri implimentattivi adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 8(2).

Artikolu 4

Definizzjonijiet u Standards

L-istandards, id-definizzjonijiet, il-klassifikazzjonijiet u r-regoli tal-kontabilità għal data trasmessa għall-fini ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu dawk stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru. 2223/96 (minn issa 'l quddiem imsejjaħ ir-“Regolament ESA”).

Artikolu 5

Sorsi tad-data u ħtiġiet ta' konsistenza

1.   L-Istati Membri għandhom jimlew l-informazzjoni mitluba f'dan ir-Regolament billi jużaw is-sorsi kollha li jikkunsidraw rilevanti, filwaqt li jagħtu prijorità għal informazzjoni diretta bħal sorsi amministrattivi jew sondaġġi ta' intrapriżi u ta' nukleji familjari.

Meta tali informazzjoni diretta ma tistax tinġabar, b'mod partikolari fir-rigward tad-data b'lura meħtieġa taħt l-Artikolu 2(5), jistgħu jiġu trasmessi l-aħjar estimi.

2.   Id-data trasmessa minn Stati Membri għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandha tkun konsistenti mal-kontijiet trimestrali mhux finanzjarji tal-gvern ġenerali u l-aggregati ewlenin trimestrali ta' l-ekonomija totali, trasmessa lill-Kummissjoni taħt il-programm ta' trasmissjoni ta' data tar-Regolament ESA.

3.   Id-data trimestrali trasmessa mill-Istati Membri għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandha tiġi allinjata mad-data annwali korrispondenti trasmessa taħt il-programm ta' trasmissjoni ta' data tar-Regolament ESA.

Artikolu 6

Standards ta' kwalità u rapporti

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li l-kwalità tad-data trasmessa titjieb maż-żmien sabiex tilħaq l-istandards tal-kwalità komuni li għandhom jiġu definiti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 8(2).

2.   L-Istati Membri għandhom ifornu lill-Kummissjoni b'deskrizzjoni aġġornata tas-sorsi, l-metodi u t-trattamenti ta' l-istatistika użati fi żmien sena mill-ewwel trasmissjoni ta' data tagħhom.

3.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'bidliet maġġuri ta' metodoloġija jew bidliet oħrajn li jaffettwaw id-data trasmessa sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara li tali bidla jkollha effett.

Artikolu 7

Miżuri ta' implimentazzjoni

Il-miżuri ta' implimentazzjoni għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 8(2). Tali miżuri għandhom jinkludu:

(a)

li tiġi stabbilita l-iskeda ta' żmien għat-trasmissjoni tal-punti P.1, P.2, D.42, D.43, D.44, D.45 u B.4G skond l-Artikolu 2(2);

(b)

li jsir rekwiżit li t-transazzjonijiet li jidhru fl-Anness jiġu maqsuma skond is-settur kontroparti skond l-Artikolu 2(2);

(ċ)

li tiġi riveduta l-iskeda ta' żmien tat-trasmissjonijiet trimestrali skond l-Artikolu 2(4);

(d)

li jiġi aġġustat il-proporzjon (1 %) tat-total Komunitarju sabiex jiġi determinat l-obbligu li tiġi trasmessa data għas-setturi istituzzjonali kollha skond l-Artikolu 3(3);

(e)

li jiġu definiti l-istandards ta' kwalità tad-data skond l-Artikolu 6(1).

Artikolu 8

Proċedura ta' Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat tal-Programm ta' l-Istatistika.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, filwaqt li jittiehed kont tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu msemmi fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

3.   Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 9

Rapport dwar l-Implimentazzjoni

Fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tiegħu.

B'mod partikolari r-rapport għandu:

(a)

jipprovdi informazzjoni dwar il-kwalità ta' l-istatistika li tkun saret;

(b)

jistma l-benefiċċji favur il-Komunità, l-Istati Membri, il-fornituri u l-utenti ta' informazzjoni l-istatistiċi li jkunu saru meta mqabbla ma' l-ispiża tagħhom;

(ċ)

jidentifika oqsma għal titjib potenzjali u emendi li huma kkunsidrati meħtieġa fid-dawl tar-riżultati miksuba.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, 6 ta' Lulju 2005.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

J. STRAW


(1)  ĠU C 42, tat-18.2.2004, p. 23.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Marzu 2004 (ĠU C 103 E, tad-29.4.2004, p. 141), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-8 ta' Marzu 2005) (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Mejju 2005 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 310, tat-30.11.1996, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1267/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 180, tat-18.7.2003, p. 1).

(4)  ĠU L 52, tat-22.2.1997, p. 1. Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).

(5)  ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

(6)  ĠU L 181, tat-28.6.1989, p. 47.

(7)  ĠU L 59, tas-6.3.1991, p. 19.


L-ANNESS

Trasmissjoni ta' data

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

22.7.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

29


ID-DIRETTIVA 2005/32/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-6 ta' Lulju 2005

dwar it-twaqqif ta' qafas għall-iffissar tar-rekwiżiti għall-eko-disinn ta' prodotti li jużaw l-enerġija u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/42/KEE u d-Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/57/KE u 2000/55/KE

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Id-differenzi li jeżistu bejn il-liġijiet jew il-miżuri amministrattivi adottati mill-Istati Membri għal dak li jirrigwarda l-eko-disinn tal-prodotti li jużaw l-enerġija jistgħu joħolqu diffikultajiet għall-kummerċ li jwasslu għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan il-Komunità u għaldaqstant ikollhom impatt dirett fuq it-twaqqif u l-funzjoni tas-suq intern. L-armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali huwa l-uniku mezz għall-prevenzjoni ta' dawn l-ostakli għall-kummerċ u l-kompetizzjoni inġusta.

(2)

Il-prodotti li jużaw l-enerġija (“EUPs”) jammontaw għal proporzjon kbir mill-konsum tar-riżorsi naturali u ta' l-enerġija fil-Komunità. Għandhom ukoll numru ta' impatti importanti fuq l-ambjent. Għall-parti l-kbira tal-kategoriji tal-prodotti li jinsabu fis-suq tal-Komunità, jistgħu jiġu osservati gradi differenti ħafna ta' impatt ambjentali, għalkemm dawn iwettqu funzjonijiet simili. Fl-interess ta' l-iżvilupp sostenibbli, għandu jitħeġġeġ it-titjib kontinwu f'dawk il-prodotti li għandhom impatt fuq l-ambjent, notevolment billi jiġu identifikati l-għejun prinċipali ta' l-impatti negattivi fuq l-ambjent u jiġi evitat it-trasferiment tat-tniġġis, fejn dan it-titjib ma jkunx jinvolvi spejjeż eċċessivi.

(3)

L-eko-disinn tal-prodotti huwa fattur kruċjali fl-istrateġija tal-Komunità dwar il-Politika Integrata dwar il-Prodotti. Bħala trattament preventiv, maħsub biex itejjeb il-dehra ambjentali tal-prodotti filwaqt li jinżammu l-kwalitajiet funzjonali tagħhom, jipprovdi opportunitajiet ġodda ġenwini għall-fabbrikanti, għall-konsumaturi u għas-soċjetà fit-totalità tagħha.

(4)

It-titjib fl-effiċenza fl-enerġija — fejn waħda mill-għażliet disponibbli hija użu aktar effiċjenti ta' l-elettriku mill-konsumatur — huwa kkunsidrat bħala fattur li jikkontribwixxi sostanzjalment sabiex jintlaħqu l-livelli meħtieġa mill-Komunità ta' emissjonijiet ta' gass serra. Id-domanda għall-elettriku tirappreżenta l-kategorija ta' l-użu aħħari ta' l-enerġija li l-aktar li qed tikber b'rata mgħaġġla u, fin-nuqqas ta' xi azzjoni politika li taħdem kontra din it-tendenza, hija maħsuba li tikber fl-20 30 sena li ġejjin. Tnaqqis sinifikanti fil-konsum ta' l-enerġija, hekk kif suġġerit mill-Kummissjoni fil-Programm Ewropew tagħha dwar il-Bidla tal-Klima (ECCP), huwa fil-fatt possibli. Il-Bidla tal-Klima hija waħda mill-prijoritajiet tas-Sitt Programm Komunitarju ta' Azzjoni Ambjentali stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). L-iffrankar ta' l-enerġija huwa l-aktar mod effettiv meta mqabbel man-nefqa sabiex tiżdied is-sigurtà tal-forniment u titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjoni. Għalhekk, hemm bżonn li tittieħed azzjoni għad-domanda u li jiġu stabbiliti għanijiet sostanzjali f'dan il-qasam.

(5)

Għandha tittieħed azzjoni matul il-fażi li fih l-EUP ikun qed jigi ddisinnjat, peress li jidher li t-tniġġiż ikkawżat matul iċ-ċiklu tal-ħajja ta' prodott huwa determinat f'dan il-punt, u l-biċċa l-kbira ta' l-ispejjeż involuti jsiru f'dan l-istadju.

(6)

Għandha tiġi stabbilita sistema koerenti għall-applikazzjoni tar-rekwiżiti għall-eko-disinn tal-Komunità għall-EUPs, bil-għan li l-moviment liberu ta' dawk il-prodotti li jkunu jikkonformaw ikun żgurat u jittejjeb l-impatt ġenerali tagħhom fuq l-ambjent. Rekwiżiti Komunitarji bħal dawn għandhom jirrispettaw il-prinċipji tal-kompetizzjoni ġusta u tal-kummerċ internazzjonali.

(7)

Il-ħtiġijiet ta' l-eko-disinn għandhom jitfasslu b'tali mod li jiġu kkunsidrati l-miri u l-prijoritajiet tas-Sitt Programm Komunitarju ta' Azzjoni Ambjentali, u jinkludu kif ikun xieraq il-miri ta' l-istrateġiji tematiċi relevanti ta' dak il-Programm.

(8)

Din id-Direttiva għanda l-għan li tikseb livell għoli ta' protezzjoni għall-ambjent billi tnaqqas l-impatt potenzjali ta' l-EUPs fuq l-ambjent, li fl-aħħar mill-aħħar ikun ta' benefiċċju għall-konsumaturi u utenti finali oħra. L-iżvilupp sostenibbli jeħtieġ ukoll kunsiderazzjoni xierqa ta' l-impatt fuq is-saħħa, dak soċjali u ekonomiku tal-miżuri kkunsidrati. It-titjib ta' l-effiċenza fl-enerġija tal-prodotti jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-forniment ta' l-enerġija, li hija prekondizzjoni għall-attività ekonomika b'saħħitha kif ukoll għall-iżvilupp sostenibbli.

(9)

Jekk Stat Membru jqis li hu meħtieġ li jinżammu d-dispożizzjonijiet nazzjonali minħabba bżonnijiet kbar li għandhom x'jaqsmu mal-protezzjoni ta' l-ambjent, jew li jiddaħħlu dispożizzjonijiet ġodda bbażati fuq evidenza xjentifika ġdida li għandha x'taqsam mal-protezzjoni ta' l-ambjent minħabba problema speċifika ta' dak l-Istat Membru li tinqala' wara li tkun ġiet adottata l-miżura ta' implimentazzjoni applikabbli, huwa jista' jagħmel dan skond il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 95(4),(5) u (6) tat-Trattat, li jistipula li l-Kummissjoni tkun notifikata minn qabel u li tagħti l-approvazzjoni tagħha.

(10)

Sabiex il-benefiċċji ambjentali jilħqu l-massimu tagħhom permezz ta' disinn imtejjeb jista' jkun meħtieġ li l-konsumaturi jiġu infurmati dwar il-karatteristiċi u l-prestazzjoni ambjentali tal-EUPs, kif ukoll jingħataw pariri dwar kif jużaw il-prodott b'mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent.

(11)

L-approċċ imfassal fil-“Green Paper” dwar il-Politika Integrata tal-Prodotti, li huwa element innovattiv ewlieni tas-Sitt Programm Komunitarju ta' Azzjoni Ambjentali, jimmira sabiex inaqqas l-impatt tal-prodotti fuq l-ambjent matul iċ-ċiklu tal-ħajja. Il-fatt li, waqt il-fażi ta' l-ippjanar, jiġi kkunsidrat l-impatt ambjentali ta' prodott matul iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu għandu potenzjal għoli biex jiffaċilita l-progress ambjentali b'mod effettiv meta mqabbel man-nefqa. Għandu jkun hemm biżżejjed flessibiltà sabiex dan il-fattur ikun jista' jiġi integrat fid-disinn tal-prodott waqt li jiġu kkunsidrati wkoll il-fatturi tekniċi, funzjonali u ekonomiċi.

(12)

Għalkemm approċċ komprensiv għall-prestazzjoni ambjentali huwa mixtieq, il-mitigazzjoni tal-gassijiet serra permezz ta' effiċenza akbar fl-enerġija għandha titqies bħala mira ambjentali ta' prijorità waqt li l-adozzjoni ta' pjan ta' ħidma għadha tkun pendenti.

(13)

Sabiex jiġi żgurat li l-impatt ambjentali tagħhom jitnaqqas kemm jista' jkun, l-iffissar ta' rekwiżiti speċifiċi u kwantifikati ta' l-eko-disinn għal ċerti prodotti jew aspetti ambjentali diversi jkunu meħtieġa u ġustifikati. Tenut kont tal-bżonn urġenti ta' kontribuzzjoni sabiex jintlaħqu l-impenji fil-qafas tal-Protokoll ta' Kjoto tal-Konvenzjoni ta' Qafas dwar il-Bidla fil-Klima tan-Nazzjonijiet Uniti (UNFCCC), u mingħajr ebda preġudizzju għall-approċċ integrat imsemmi f'din id-Direttiva, għandha tingħata ċerta prijorità lil dawk il-miżuri li jkollhom potenzjal għoli li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gass serra bi ftit spejjeż. Miżuri bħal dawn jistgħu wkoll jikkontribwixxu għal użu sostenibbli tar-riżorsi u jitqiesu wkoll bħala l-kontribuzzjoni prinċipali għall-kwadru ta' programmi magħmula għal żmien ta' għaxar snin dwar il-produzzjoni u l-konsum sostenibbli li ġie aċċettat fis-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli ġewwa Johannesburg f'Settembru ta' l-2002.

(14)

Bħala prinċipju ġenerali, il-konsum ta' l-enerġija ta' l-EUPs li jkunu stand-by jew mitfija jrid jitnaqqas għall-minimu neċessarju biex jaħdmu tajjeb.

(15)

Filwaqt li bħala referenza għandhom jittieħdu l-prodotti jew teknoloġiji disponibbli fis-suq li l-iktar jaħdmu tajjeb, anke fis-swieq internazzjonali, il-livell tar-rekwiżiti għall-eko-disinn irid jiġi stabbilit fuq il-bażi ta' l-analiżi teknika, ekonomika u ambjentali. Il-flessibilità fil-metodu ta' kif jiġi stabbilit il-livell tar-rekwiżiti tista' tħaffef u tiffaċilita t-titjib fil-prestazzjoni ambjentali. Il-partijiet interessati għandhom jiġu kkonsultati u għandhom jikkoperaw b'mod attiv f'din l-analiżi. L-istabbiliment tal-miżuri obbligatorji jeħtieġ konsultazzjoni xierqa tal-partijiet involuti. Din it-tip ta' konsultazzjoni tista' titfa' dawl fuq il-bżonn għal introduzzjoni li ssir permezz ta' fażijiet jew għal xi miżuri transitorji. L-introduzzjoni ta' miri temporanji tgħin sabiex iżżid il-possibiltà ta' tbassir tal-politika, u tippermetti l-akkomodazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott kif ukoll tiffaċilita l-ippjanar fit-tul għal partijiet interessati.

(16)

Għandha tingħata prijorità lil modi alternattivi ta' azzjoni bħal ma' hija l-awto-regolamentazzjoni individwali min-naħa ta' l-industrija fejn azzjonijiet bħal dawn x'aktarx jilħqu l-għanijiet politiċi b' mod aktar malajr jew b'anqas spejjeż minn dawk ir-rekwiżiti obbligatorji. Miżuri leġiżlattivi jistgħu jkunu meħtieġa meta s-suq jonqos milli jevolvi lejn id-direzzjoni t-tajba jew inkella b'veloċità aċċettabbli.

(17)

Awto-regolamentazzjoni, inklużi l-ftehim volontarji offruti bħala impenni unilaterali min-naħa ta' l-industrija, tista' tkun ta' ġid għall-progress mgħaġġel minħabba l-implimentazzjoni veloċi u effettiva fl-infiq, u tippermetti addattazzjoni xierqa u flessibbli għall-possibiltajiet teknoloġiċi u s-sensittivitajiet tas-suq.

(18)

Għall-ivvalutar ta' ftehim volontarju jew ta' miżuri oħra ta' awto-regolamentazzjoni magħmula bħala alternattivi għall-miżuri ta' implimentazzjoni, informazzjoni għandha tkun disponibbli fuq mill-inqas il-kwistjonijiet li ġejjin: il-parteċipazzjoni miftuħa, il-valur miżjud, ir-rappreżentattività, l-għanijiet kwantifikati u mqassma fi stadji, l-involviment tas-soċjetà ċivili, il-monitoraġġ u r-rappurtar, l-effettività fl-infiq fl-amministrazzjoni ta' inizjattiva awto-regolatorja, is-sostenibbilità.

(19)

Il-Kapitolu 6 tal-“Komunikazzjoni dwar il-Ftehim Ambjentali fuq livell Komunitarju fi ħdan il-Kwadru tal-Pjan ta' Azzjoni dwar is-Simplifikazzjoni u t-Titjib ta' l-Ambjent Regolatorju” tal-Kummissjoni jista' jservi ta' gwida utli meta ssir il-valutazzjoni ta' l-awto-regolamentazzjoni min-naħa ta' l-industrija fil-kuntest ta' din id-Direttiva.

(20)

Din id-Direttiva għandha wkoll tinkoraġġixxi l-integrazzjoni ta' l-eko-disinn għall-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju (SMEs) kif ukoll ditti żgħar ħafna. Integrazzjoni bħal din tista' tiġi ffaċilitata permezz ta' disponibbiltà kbira u aċċess aktar faċli għall-informazzjoni relatata mas-sostenibbiltà tal-prodotti tagħhom.

(21)

Dawk il-EUPs li jkunu jikkonformaw mar-rekwiżiti għall-eko-disinn stabbiliti fil-miżuri ta' implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom iġibu il-marka “CE” u kull informazzjoni assoċjata magħha sabiex ikunu jistgħu jitpoġġew fis-suq intern u jiċċirkolaw liberament. L-infurzar rigoruż tal-miżuri ta' implimentazzjoni huwa meħtieġ sabiex jitnaqqas l-impatt tal-EUPs regolati fuq l-ambjent u tiġi assigurata l-kompetizzjoni ġusta.

(22)

Waqt li tkun qed tipprepara l-miżuri ta' implimentazzjoni u l-pjan ta' ħidma tagħha, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet involuti, bħall-industrija, inklużi l-SMEs u l-industrija tas-snajja', it-trade unions, il-kummereċjanti, in-negozjanti li jbiegħu bl-imnut, l-importaturi, il-gruppi għall-protezzjoni ta' l-ambjent u l-organizazzjonijiet tal-konsumaturi.

(23)

Waqt li tkun qed tipprepara miżuri ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tqis ukoll il-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti, b'mod partikolari dawk li jkunu jikkonċernaw is-sustanzi tossiċi, fejn l-Istati Membri jkunu indikawhom bħala sustanzi li għandhom jiġu preservati, u dan mingħajr ma tnaqqas il-livelli ta' protezzjoni eżistenti u ġustifikati fl-Istati Membri.

(24)

Għandha tingħata attenzjoni għall-moduli u r-regoli li jkunu intenzjonati għall-użu fid-Direttivi ta' l-armonizzazzjoni teknika imwaqqfa fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/465/KEE tat-22 ta' Lulju 1993 dwar il-moduli għal diversi fażijiet tal-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità u tar-regoli għat-twaħħil u l-użu ta' l-marka tal-konformità CE li hija intenzjonata għall-armonizzazzjoni tat-teknikalità tad-Direttivi (4).

(25)

L-awtoritajiet ta' sorveljanza għandhom ipartu l-informazzjoni dwar il-miżuri ppjanati fl-ambitu ta' din id-Direttiva bl-għan li tittejjeb is-sorveljanza tas-suq. Koperazzjoni bħal din għandha tagħmel l-aħjar użu mill-mezzi elettroniċi tal-komunikazzjoni u tal-programmi tal-Komunità relevanti. It-tpartit ta' l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja kif ukoll dwar il-kisbiet ta' soluzzjonijiet fl-ippjanar għandu jiġi faċilitat. L-akkumulazzjoni u t-tixrid ta' l-għarfien li joħroġ mill-isforzi ta' l-eko-disinn min-naħa tal-fabbrikanti huwa wieħed mill-benefiċċji kruċjali ta' din id-Direttiva.

(26)

Korp kompetenti hu normalment korp pubbliku jew privat, maħtur mill-awtoritajiet pubbliċi, u li jippreżenta l-garanziji neċessarji ta' imparzjalità u disponibbiltà ta' ħiliet tekniċi biex titwettaq il-verifika tal-prodotti fir-rigward ta' l-osservanza tal-miżuri ta' implimentazzjoni applikabbli.

(27)

Sabiex jittieħed kont ta' l-importanza li tiġi evitata n-nuqqas ta' osservanza, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-mezzi neċessarji għal sorveljanza effettiva tas-suq ikunu disponibbli.

(28)

Għal dak li għandu x'jaqsam mat-taħriġ u ma' l-informazzjoni ta' l-eko-disinn għall-SMEs, jista' jkun xieraq li jiġu kkunsidrati wkoll xi attivitajiet kumplimentari.

(29)

Huwa fl-interess tat-tħaddim tas-suq intern li jkun hemm standards li jkunu ġew armonizzati fuq livell Komunitarju. Ladarba dan l-istandard ikun ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, il-konformità miegħu għandha tqajjem preżunzjoni ta' konformità mar-rekwiżiti korrispondenti stabbiliti fil-miżura ta' implimentazzjoni adottata fuq il-bażi ta' din id-Direttiva, għalkemm għandhom jitħallew mezzi oħra li jgħinu sabiex tintwera din il-konformità.

(30)

Wieħed mill-irwoli ewlenin ta' l-istandards armonizzati għandu jkun dak li jgħin lill-fabbrikanti japplikaw il-miżuri ta' implimentazzjoni adottati taħt din id-Direttiva. Standards bħal dawn jistgħu jkunu essenzjali sabiex jiġu stabbiliti metodi ta' kejl u ta' ttestjar. Fil-każ tar-rekwiżiti ġeneriċi ta' l-eko-disinn, l-istandards armonizzati jistgħu jikkontribwixxu b'mod konsiderevoli billi jigwidaw lill-fabbrikanti sabiex jistabbilixxu l-profil ekoloġiku tal-prodotti tagħhom, bi qbil mar-rekwiżiti tal-miżura ta' implimentazzjoni applikabbli. Dawn l-istandards għandhom jindikaw b'mod ċar ir-relazzjoni bejn il-klawżoli tagħhom u r-rekwiżiti in kwistjoni. L-għan ta' standards armonizzati m'għandux ikun dak li jiffissa l-limiti għal aspetti ambjentali.

(31)

Għall-fini tad-definizzjonijiet użati f'din id-Direttiva, huwa utli li wieħed jirreferi għal standards internazzjonali relevanti bħall-ISO 14040.

(32)

Din id-Direttiva hija konformi ma' ċerti prinċipji għall-implimentazzjoni ta' approċċ ġdid, kif stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill tas-7 ta' Mejju 1985 dwar approċċ ġdid għall-armonizzazzjoni teknika u għall-istandards Ewropej armonizzati (5). Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Ottubru 1999 (6) fuq l-irwol ta' l-istandardizzazzjoni fl-Ewropa rrakkmandat lill-Kummissjoni sabiex din teżamina jekk il-prinċipju ta' l-approċċ il-ġdid jistax jiġi estiż għas-setturi li għadhom mhux koperti bħala mezz li jtejjeb u jissimplifika l-leġiżlazzjoni, fejn ikun possibbli.

(33)

Din id-Direttiva tikkumplimenta l-istrumenti Komunitarji eżistenti bħalma hi d-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KEE tat-22 ta' Settembru 1992 dwar l-indikazzjoni permezz ta' ttikkettjar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum ta' l-enerġija u riżorsi oħra skond l-apparat tad-dar (7), ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2000 dwar skema Komunitarja riveduta għall-għoti ta' l-eko-tikketti (8), ir-Regolament (KE) Nru 2422/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 dwar l-ittikkettjar dwar l-użu effiċjenti ta' l-enerġija għat-tagħmir ta' l-uffiċċju (9), id-Direttiva 2002/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 2003 dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (10), id-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummisjoni relatata ma' Artikolu 9, id-Direttiva 2002/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 2003 dwar ir-restrizzjoni ta' l-użu ta' ċerti sostanzi ta' riskju f'tagħmir elettriku u elettroniku (11) u d-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE tas-27 ta' Lulju 1976 dwar l-approsimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u proviżjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri dwar restrizzjonijiet fuq il-marketing u l-użu ta' ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi (12). Is-sinerġiji bejn din id-Direttiva u l-istrumenti diġà eżistenti tal-Komunità għandhom jikkontribwixxu billi jżidu l-impatti rispettivi tagħhom u jibnu rekwiżiti koerenti li jkunu jistgħu jiġu applikati mill-fabbrikanti.

(34)

Peress illi d-Direttiva tal-Kunsill 92/42/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-ħtiġiet ta' effiċenza għal kaldaruni tal-misħun ġodda li jaħdmu b'karburanti likwidi jew gassużi (13), id-Direttiva 96/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Settembru 1996 dwar il- ħtiġiet ta' effiċenża fl-enerġija għall-friġġijiet, friżers elettriċi domestiċi u kombinazzjonijiet taghħom (14) u d-Direttiva 2000/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2000 dwar il-ħtiġiet ta' effiċenza fl-enerġija ta' alimentaturi għal dawl fluorexxenti (15) diġà għandhom dispożizzjonijiet għar-reviżjoni tar-rekwiżiti għall-effiċenza fl-enerġija, dawn għandom għalhekk jiġu integrati fil-qafas preżenti.

(35)

Id-Direttiva 92/42/KEE tipprovdi sistema ta' gradazzjoni bl-istilel bl-għan li ssir magħrufa il-prestazzjoni fl-enerġija tat-tankijiet tal-misħun. Billi l-Istati Membri u l-industrija jaqblu bejniethom li s-sistema ta' gradazzjoni bl-istilel uriet li ma kisbitx ir-riżultat mistenni, id- Direttiva 92/42/KEE għandha tiġi emendata sabiex tiftaħ it-triq għal skemi aktar effettivi.

(36)

Ir-rekwiżiti meħtieġa fid-Direttiva tal-Kunsill 78/170/KEE tat-13 ta' Frar 1978 dwar il-Prestazzjoni tal-Ġeneraturi tas-Sħana għat-Tisħin ta' Spazji u l-Produzzjoni ta' Ilma Jaħraq f'Bini Mhux Industrijali Ġdid Jew Eżistenti u dwar l-Insulazzjoni tad-Distribuzzjoni tas-Sħana u ta' l-Ilma Jaħraq Domestiku F'Bini Ġdid Mhux Industrijali (16) ġew mibdula mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/42/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/396/KEE tad-29 ta' Ġunju 1990 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri rigward appliances li jużaw il-gass (17) u d-Direttiva 2002/91/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar il-prestazzjoni ta' l-enerġija tal-bini (18). Id-Direttiva 78/170/KEE għandha għalhekk tiġi mħassra.

(37)

Id-Direttiva tal-Kunsill 86/594/KEE ta' l-1 ta' Diċembru 1986 dwar ħoss trasmess bl-arja emess minn apparat domestiku (19) tistabbilixxi l-kondizzjonijiet taħt liema l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu pubblikazzjoni ta' l-informazzjoni dwar il-ħoss li jagħmel apparat bħal dan, u tiddefinixxi proċedura li tiddetermina l-livell tal-ħoss. Għal raġunijiet ta' armonizzazzjoni, l-emissjonijiet tal-ħoss għandhom jiġu inklużi fi stima integrata tal-prestazzjoni ambjentali. Peress illi din id-Direttiva tipprovdi għal dan it-trattament integrat, id-Direttiva 86/594/KEE għandha tiġi mħassra.

(38)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati bi qbil mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (20).

(39)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-penali li għandhom jiġu applikati fil-każ ta' xi ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva. Dawn il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(40)

Huwa mfakkar li l-paragrafu 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar l-abozzar aħjar tal-liġijiet (21) jgħid li l-Kunsill “ser iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ifasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, skedi li juru, sa fejn ikun possibbli, il-korrelazzjoni bejn direttivi u l-miżuri ta' transpożizzjoni u biex jagħmluhom pubbliċi.”

(41)

Minħabba li l-objettiv ta' l-azzjoni proposta, jiġifieri li tiġi żgurata l-ħidma tas-suq intern billi l-prodotti jkunu meħtieġa jilħqu livell adegwat ta' prestazzjoni ambjentali ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri waħedhom, jistgħu, minħabba d-daqs u l-effett tagħhom, jintlaħqu aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà hekk kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex ikun jista' jintlaħaq dan l-għan,

(42)

Il-Kumitat tar-Reġjuni ġie kkonsultat iżda ma tax opinjoni.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas għat-twaqqif ta' rekwiżiti Komunitarji ta' l-eko-disinn għall-prodotti li jużaw l-enerġija bl-għan li jkun żgurat il-moviment liberu ta' dawk il-prodotti fi ħdan is-suq intern.

2.   Din id-Direttiva tipprovdi għat-twaqqif ta' rekwiżiti li l-prodotti li jużaw l-enerġija u li jaqgħu taħt il-miżuri ta' implimentazzjoni jridu jissodisfaw sabiex ikunu jistgħu jitqiegħdu fis-suq u/jew jiġu mħaddma. Hija tikkontribwixxi għal żvilupp sostenibbli billi żżid l-effiċenza fl-enerġija u l-livell ta' protezzjoni ta' l-ambjent, u fl-istess ħin iżżid is-sigurtà fil-forniment ta' l-enerġija.

3.   Din id-Direttiva ma tapplikax għall-mezzi tat-trasport ta' persuni jew merkanzija.

4.   Din id-Direttiva u l-miżuri ta' implimentazzjoni adottati taħtha huma mingħajr ebda preġudizzju għal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-immaniġġar ta' l-iskart u l-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-kimiċi, inkluża l-leġiżlazzjoni tal-Komunità dwar il-gassijiet florinati b' effett serra.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)

“Prodott li juża l-Enerġija” jew “EUP” (Energy-using Product) tfisser prodott li, ladarba jitqiegħed fis-suq u/jew jibda jiġi mħaddem, jiddependi fuq l-użu ta' l-enerġija (elettriku, kombustibbli magħmul mill-fossili u sorsi rinnovabbli ta' enerġija) biex ikun jista' jaħdem kif maħsub, kif ukoll prodott għall-ġenerazzjoni, it-trasferiment u l-kejl ta' din l-enerġija, inklużi l-partijiet li jiddependu mill-użu ta' l-enerġija u huma maħsuba biex jiġu inkorporati f'EUP kopert minn din id-Direttiva li jitqiegħdu fis-suq u/jew jiġu mħaddma bħala partijiet individwali għall-utenti finali u li l-prestazzjoni ambjentali tagħhom tista' tiġi stmata b'mod indipendenti;

2)

“Komponenti u partijiet oħra għall-immuntar” tfisser partijiet maħsuba biex jiġu inkorporati f'EUPs li mhumiex preżenti fis-suq u/jew ma jiġux imħaddma bħala partijiet individwali għall-utenti finali jew li l-prestazzjoni ambjentali tagħhom ma tistax tiġi stmata b'mod indipendenti;

3)

“Miżuri ta' implimentazzjoni” tfisser miżuri adottati skond din id-Direttiva li jistabbilixxu r-rekwiżiti meħtieġa ta' l-eko-disinn għall-EUPs definiti jew għall-aspetti ambjentali tagħhom;

4)

“Tqegħid fis-suq” tfisser li l-EUP isir disponibbli għall-ewwel darba fis-suq tal-Komunità bil-ħsieb li jkun hemm distribuzzjoni jew użu tiegħu fi ħdan il-Komunità kemm jekk dan isir bi ħlas jew b'xejn u irrispettivament mit-teknika tal-bejgħ;

5)

“Tħaddim” tfisser l-ewwel użu ta' l-EUP skond l-użu maħsub tiegħu minn utent aħħari fil-Komunità;

6)

“Fabbrikant” tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika li timmanifattura l-EUPs responsabbli għall-konformità tagħhom ma' din id-Direttiva in vista tat-tqegħid tagħhom fis-suq/jew it-tħaddim taħt l-isem tal-fabbrikant stess jew it-trademark jew inkella għall-użu personali tal-fabbrikant. Fin-nuqqas ta' fabbrikant, hekk kif definit fl-ewwel sentenza jew ta' importatur kif imfisser fil-punt 8, kull persuna fiżika jew ġuridika li tqiegħed fis-suq u/jew tħaddem EUPs li jaqgħu taħt din id-Direttiva għandha titqies bħala fabbrikant;

7)

“Rappreżentant awtorizzat” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fil-Komunità li tkun irċeviet mandat bil-miktub mingħand il-fabbrikant sabiex twettaq f'ismu l-obbligi u l-formalitajiet kollha jew parti minnhom li jkollhom x'jaqsmu ma' din id-Direttiva;

8)

“Importatur” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fil-Komunità li tqiegħed prodott minn pajjiż terz fis-suq Komunitarju waqt il-ħidma kummerċjali tagħha;

9)

“Materjali” tfisser il-materjali kollha wżati waqt iċ-ċiklu tal-ħajja ta' EUP;

10)

“Disinn tal-prodott” tfisser l-għadd ta' proċessi li jittrasformaw ir-rekwiżiti legali, tekniċi, tas-sigurtà, funzjonali, tas-suq jew oħrajn li jridu jiġu sodisfatti minn EUP fl-ispeċifikazzjoni teknika għal dak l-EUP;

11)

“Aspett ambjentali” tfisser element jew funzjoni ta' EUP li jista' jkollu interazzjoni ma' l-ambjent matul iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu;

12)

“Impatt ambjentali” tfisser kull bidla fl-ambjent li tirriżulta b'mod sħiħ jew parzjali mill-EUP matul iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu;

13)

“Ċiklu tal-ħajja” tfisser il-fażijiet konsekuttivi u interkonnessi ta' EUP mill-użu tal-materja prima sar-rimi finali;

14)

“Użu mill-ġdid” tfisser kull operazzjoni li biha EUP jew il-komponenti tiegħu, wara li jkunu laħqu t-tmiem ta' l-ewwel użu tagħhom, jintużaw għall-istess skop li għaliha kienu ġew maħluqa, inkluż l-użu kontinwu ta' EUP, li jintbagħat lura lill-post għall-ġbir, fornitur, riċiklatur jew fabbrikant, kif ukoll użu mill-ġdid ta' EUP wara li ġie arranġat mill-ġdid;

15)

“Riċiklaġġ” tfisser l-ipproċessar mill-ġdid fi proċess ta' produzzjoni ta' materjal ta' skart sabiex għall-fini oriġinali tiegħu jew għal finijiet oħra iżda eskluż l-irkupru ta' l-enerġija;

16)

“L-irkupru ta' l-enerġija” tfisser l-użu ta' skart kombustibbli bħala mezz biex jiġġenera l-enerġija permezz ta' inċinerazzjoni diretta ma' skart ieħor jew mingħajru iżda bl-irkupru tas-sħana;

17)

“Irkupru” tfisser kull operazzjoni applikabbli li jipprovdi għalihom l-Anness II B tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal-15 ta' Lulju 1975 dwar l-iskart (22);

18)

“Skart” tfisser kull sustanza jew oġġett fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness I għad-Direttiva 75/442/KEE li d-detentur jarmi jew li jkolli l-intenzjoni jew ikun meħtieġ li jarmi;

19)

“Skart perikoluż” ifisser kull skart li kopert mill-Artikolu 1 (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991 dwar skart perikoluż (23);

20)

“Profil ekoloġiku” tfisser deskrizzjoni, skond il-miżuri ta' implimentazzjoni applikabbli għall-EUP, ta' l-inputs u l-outputs (bħalma huma l-materjal, l-emissjonijiet u l-iskart) assoċjati ma' l-EUP matul iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu li jkunu sinifikanti għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-impatt ambjentali u huma espressi fi kwantitajiet fiżiċi li jistgħu jiġu mkejla;

21)

“Prestazzjoni ambjentali” ta' EUP tfisser ir-riżultati ta' l-immaniġġar ta' l-aspetti ambjentali ta' l-EUP mill-fabbrikant, hekk kif riflessi fid-dokumentazzjoni teknika tiegħu;

22)

“Titjib fil-prestazzjoni ambjentali” tfisser il-proċess li jtejjeb il-prestazzjoni ambjentali ta' EUP matul ħafna ġenerazzjonijiet, għalkemm mhux neċessarjament fir-rispett ta' l-aspetti ambjentali kollha tal-prodott simultanjament;

23)

“Eko-disinn” tfisser l-integrazzjoni ta' l-aspetti ambjentali fid-disinn tal-prodott bil-għan li tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali ta' l-EUP matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tiegħu;

24)

“Rekwiżit għall-eko-disinn” tfisser kull rekwiżit relatat ma' EUP, jew id-disinn ta' EUP, li jkun maħsub biex ittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tiegħu, jew kull rekwiżit ieħor għat-tqassim ta' l-informazzjoni għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-aspett ambjentali ta' EUP;

25)

“Rekwiżit ġeneriku għall-eko-disinn” tfisser kull rekwiżit għall-eko-disinn ibbażat fuq il-profil ekoloġiku sħiħ ta' EUP mingħajr valuri ta' limitu fissi għal aspetti ambjentali partikolari;

26)

“Rekwiżit speċifiku għall-eko-disinn” tfisser rekwiżit kwantifikat u li jista' jitkejjel għall-eko-disinn li jkollu x'jaqsam ma' aspett ambjentali partikolari ta' EUP, bħalma huwa l-konsum ta' l-enerġija waqt l-użu, u kkalkulat għal ċerta unità ta' prestazzjoni ta' l-output;

27)

“Standards armonizzat” tfisser speċifikazzjoni teknika adottata minn entità rikonoxxuta ta' l-istandards taħt mandat mill-Kummissjoni, bi qbil mal-proċedura stabbilita fid-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' l-istandards u tar-regolamenti tekniċi (24), bl-għan li jiġi stabbilit rekwiżit Ewropew, li l-konformità magħha mhix meħtieġa.

Artikolu 3

Tqegħid fis-suq u tħaddim

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jassiguraw li l-EUPs li jaqgħu taħt il-miżuri ta' implimentazzjoni jkunu jistgħu jitpoġġew fis-suq jew jiġu mħaddma biss meta dawn ikunu konformi ma' dawn il-miżuri u meta jkollhom il-marka CE skond l-Artikolu 5.

2.   L-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtoritajiet responsabbli għas-sorveljanza tas-suq. Għandhom jagħmlu mezz li dawn l-awtoritajiet ikollhom u jagħmlu użu mill-poteri neċċessarji sabiex ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa, u b'hekk jaqdu dmirhom skond din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jispjegaw id-doveri, il-poteri u l-arranġamenti organizzattivi ta' l-awtoritajiet kompetenti li għandhom ikunu jistgħu:

(i)

jorganizzaw spezzjonijiet xierqa konformi ma' l-EUP, fuq skala adegwata, u jobbligaw lill-fabbrikant jew lir-rappreżentant awtorizzat tiegħu li jirtira mis-suq dawk l-EUPs li ma jkunux konformi, skond l-Artikolu 7;

(ii)

jitolbu l-għoti ta' kull informazzjoni meħtieġa mill-partijiet konċernati, kif speċifikat fil-miżuri ta' implimentazzjoni;

(iii)

jieħdu kampjuni tal-prodotti u jissottomettuhom għal spezzjonijiet ta' konformità.

3.   L-Istati Membri għandhom iżommu lill-Kummissjoni infurmata dwar ir-riżultati tas-sorveljanza tas-suq, u fejn ikun xieraq, il-Kummissjoni għandha tgħaddi din l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra.

4.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-konsumaturi u partijiet interessati oħra jingħataw l-opportunità li jagħtu l-kummenti tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti dwar il-konformità tal-prodott.

Artikolu 4

Responsabbiltajiet ta' l-importatur

Fejn il-fabbrikant ma jkunx stabbilit fil-Komunità u fin-nuqqas ta' rappreżentant awtorizzat, l-obbligu

li jiġi żgurat li l-EUP imqiegħed fis-suq jew li mħaddem jikkonforma ma' din id-Direttiva u l-miżura ta' implimentazzjoni applikabbli u

li d-dikjarazzjoni ta' konformità u d-dokumentazzjoni teknika tinżamm disponibbli,

għandha tkun fuq l-importatur.

Artikolu 5

Immarkar u dikjarazzjoni ta' konformità

1.   Qabel ma EUP li jkun kopert minn miżuri ta' implimentazzjoni jitqiegħed fis-suq u/jew jibda jaħdem, marka ta' konformità CE għandha titwaħħal u dikjarazzjoni ta' konformità għandha tinħareġ li fiha l-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu jassigura u jiddikjara li l-EUP jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-miżura ta' implimentazzjoni applikabbli.

2.   Il-marka ta' konformità CE tikkonsisti fl-inizjali “CE” hekk kif jidher fl-Anness III.

3.   Id-dikjarazzjoni ta' konformità għandha tinkludi l-elementi speċifikati fl-Anness VI u għandha tirreferi għall-miżura ta' implimentazzjoni adatta.

4.   It-twaħħil tal-marki fuq EUP li x'aktarx iqarrqu lill-utenti tal-prodott fir-rigward tat-tifsira jew il-forma tal-marka CE għandhom ikunu projbiti.

5.   L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-informazzjoni li tingħata skond il-Parti 2 ta' l-Anness I tkun fil-lingwa (i) uffiċjali meta l-EUP jilħaq lill-utent aħħari.

L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw ukoll li din l-informazzjoni tingħata f'lingwa uffiċjali waħda jew aktar tal-Komunità.

Meta japplikaw l-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom iqisu b'mod partikolari:

(a)

jekk l-informazzjoni tistax tingħata permezz ta' simboli armonizzati jew kowds rikonoxxuti jew miżuri oħrajn;

(b)

it-tip ta' utent antiċipat ta' l-EUP u n-natura ta' l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta.

Artikolu 6

Moviment liberu

1.   L-Istati Membri m'għandhomx iżommu, jillimitaw jew ixekklu t-tqegħid fis-suq jew it-tħaddim, fi ħdan it-territorji tagħhom, fuq il-bażi ta' rekwiżiti ta' eko-disinn relatati mal-parametri għall-eko-disinn imsemmija fil-Parti I ta' l-Anness I li jaqgħu taħt il-miżura ta' implimentazzjoni applikabbli, ta' EUP li jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet kollha relevanti tal-miżura ta' implimentazzjoni applikabbli u li jkollhom il-marka CE skond l-Artikolu 5.

2.   L-Istati Membri m'għandhomx iżommu, jillimitaw jew ixekklu t-tqegħid fis-suq u/jew it-tħaddim, fi ħdan it-territorji tagħhom, ta' EUP li jkollu l-marka CE skond l-Artikolu 5 fuq il-bażi ta' rekwiżiti ta' eko-disinn relatati mal-parametri għall-eko-disinn msemmija fil-Parti I ta' l-Anness I fejn il-miżuri ta' implimentazzjoni applikabbli huma b'tali mod li l-ebda rekwiżit ta' l-eko-disinn mhu meħtieġ.

3.   L-Istati Membri m'għandhomx iżommu l-wiri ta' EUP li ma jkunux konformi mad-dispożizzjonijiet tal-miżura ta' implimentazzjoni applikabbli, per eżempju fil-fieri, wirjiet u esibizzjonijiet oħra, kemm-il darba ikun hemm indikazzjoni ċara li dawn ma jistgħux jitqiegħdu fuq is-suq u/jew jitħaddmu qabel ma jsiru konformi.

Artikolu 7

Klawżola ta' salvagwardja

1.   Meta Stat Membru jivverifika li EUP li jkollu l-marka CE msemmija fl-Artikolu 5 u li jintuża skond l-użu maħsub tiegħu ma jikkonformax mad-dispożizzjonijiet kollha relevanti tal-miżura ta' implimentazzjoni applikabbli, il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat għandu jkun obbligat li jġib l-EUP konformi mad-dispożizzjonijiet tal-miżura ta' implimentazzjoni applikabbli u/jew mal-marka CE u li jwaqqaf il-ksur ta' dawn id-dispożizzjoniiet skond il-kondizzjonijiet imposti mill-Istat Membru.

Fejn ikun hemm evidenza biżżejjed li jista' jkun li EUP ma jikkonformax mad-dispożizzjonijiet, l-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji li, skond il-gravità tan-nuqqas ta' konformità, jistgħu saħansitra jżommu t-tqegħid fis-suq ta' l-EUP sakemm l-konformità tiġi stabbilita.

Jekk il-ksur jibqa' jseħħ, l-Istat Membru għandu jieħu deċiżjoni fejn jillimita jew iċaħħad it-tqegħid fis-suq u/jew it-tħaddim ta' l-EUP in kwistjoni jew jassigura li dan jiġi rtirat mis-suq.

F'każijiet fejn il-prodott jiġi mċaħħad jew irtirat milli jidħol fis-suq, il-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra għandhom jiġu infurmati minnufih.

2.   Kull deċiżjoni minn Stat Membru skond din id-Direttiva li tillimita jew iżżomm it-tqegħid fis-suq u/jew it-tħaddim ta' EUP għandha tiddikjara l-bażi li fuqha tkun ittieħdet.

Deċiżjoni bħal din għandha tkun mgħarrfa minnufih lill-parti konċernata, li fl-istess ħin għandha tiġi mgħarrfa dwar ir-rimedji legali disponibbli taħt il-liġijiet fis-seħħ fl-Istat Membru konċernat u t-termini perentorji ta' dawn ir-rimedji.

3.   L-Istat Membru għandu jinforma minnufih lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra dwar kull deċiżjoni meħuda skond il-paragrafu 1, u għandu jindika r-raġunijiet tiegħu, u, b'mod partikolari, dwar jekk il-ksur tad-dispożizzjonijiet ikunx sar minħabba:

(a)

in-nuqqas li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tal-miżura ta' implimentazzjoni applikabbli;

(b)

l-applikazzjoni żbaljata ta' l-istandards armonizzati msemmija fl-Artikolu 10 (2);

(ċ)

nuqqasijiet fl-istandards armonizzati msemmija fl-Artikolu 10 (2).

4.   Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mingħajr dewmien lill-partijiet konċernati u tista' tfittex parir tekniku mingħand esperti esterni indipendenti.

Wara l-konsultazzjoni, il-Kummissjoni għandha tinforma minnufih lill-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni u lill-Istati l-Membri l-oħra dwar l-opinjoni tagħha.

Meta l-Kummissjoni jidhrilha li d-deċiżjoni mhix ġustifikata, għandha tinforma minnufih lill-Istati Membri dwar dan.

5.   Meta d-deċiżjoni msemmija f'paragrafu 1 tkun ibbażata fuq nuqqas ta' standard armonizzat, il-Kummissjoni għandha minnufih tagħti bidu għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10 (2), (3) u (4). Fl-istess ħin il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 19 (1).

6.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa, fejn ikunu ġustifikati, sabiex jiggarantixxu l-kunfidenzjalità fir-rigward ta' l-informazzjoni provduta waqt il-proċedura.

7.   Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Istati Membri skond dan l-Artikolu għandhom jinħarġu fil-pubbliku, b'mod trasparenti.

8.   L-opinjoni tal-Kummissjoni dwar dawk id-deċiżjonijiet għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 8

Stima ta' konformità

1.   Qabel iqiegħdu EUP li jkun kopert minn miżuri ta' implimentazzjoni fis-suq u/jew qabel ma dan jiġi mħaddem, il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu għandhom jiżguraw li tkun saret stima ta' konformità mar-rekwiżiti relevanti kollha tal-miżura ta' implimentazzjoni applikabbli.

2.   Il-proċeduri ta' l-istima ta' konformità għandhom jiġu speċifikati mill-miżuri ta' implimentazzjoni u jħallu lill-fabbrikanti l-għażla bejn il-kontroll tad-disinn intern stabbilit fl-Anness IV u s-sistema ta' ġestjoni stabbilita fl-Anness V. Meta din tkun ġustifikata kif suppost u proporzjonata mar-riskju, il-proċedura ta' stima ta' konformità għandha tiġi speċifikata fost il-moduli relevanti spjegati fid-Deċiżjoni 93/465/KEE.

Jekk Stat Membru jkollu indikazzjonijiet kbar tal-probabbiltà li EUP ma jkunx konformi, dan għandu jippubblika mill-iktar fis possibbli evalwazzjoni sustanzjata tal-konformità ta' l-EUP li tista' ssir minn korp kompetenti sabiex ikun possibbli li tittieħed azzjoni korrettiva fi żmien tajjeb, jekk ikun hemm bżonn.

Jekk EUP li jkun kopert minn miżuri ta' implimentazzjoni jkun iddisinjat minn organizzazzjoni li tkun reġistrata skond ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2001 li jippermetti l-parteċipazzjoni volontarja minn organizzazzjonijiet fl-iskema Komunitarja għall-immaniġġjar ta' l-ambjent u verifika (EMAS) (25) u l-funzjoni tad-disinn tkun inkluża fl-ambitu ta' dik ir-reġistrazzjoni, is-sistema ta' tmexxija ta' dik l-organizzazzjoni għandha tiġi preżunta bħala li tikkonforma mar-rekwiżiti ta' l-Anness V ta' din id-Direttiva.

Jekk EUP kopert minn miżuri ta' implimentazzjoni jkun iddisinnjat minn organizzazzjoni li jkollha sistema ta' tmexxija li tkun tinkludi l-funzjoni tad-disinn tal-prodott u li tkun implimentata skond l-istandards armonizzati li n-numri ta' referenza huma ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, dik is-sistema ta' ġestjoni għandha tiġi preżunta bħala li tikkonforma mar-rekwiżiti korrispondenti ta' l-Anness V.

3.   Wara li l-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu jkun qiegħed fis-suq jew beda jħaddem EUP kopert minn miżuri ta' implimentazzjoni, dan għandu jżomm id-dokumenti relatati ma' l-istima ta' konformità li twettqet u d-dikjarazzjonijiet ta' konformità disponibbli għall-ispezzjoni mill-Istati Membri għal perjodu ta' 10 snin wara li l-aħħar EUP ikun ġie manifatturat.

Id-dokumenti relevanti għandhom ikunu disponibbli fi żmien 10 ijiem wara l-irċevuta tat-talba min-naħa ta' l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru.

4.   Id-dokumenti relatati ma' l-istima ta' konformità u d-dikjarazzjoni ta' konformità msemmija fl-Artikolu 5 għandhom isiru f'waħda mill-lingwi uffiċjali tal-Komunità.

Artikolu 9

Preżunzjoni tal-konformità

1.   L-Istati Membri għandhom iqisu l-EUP li jkollu l-marka CE msemmija fl-Artikolu 5 bħala konferma mad-dispożizzjonijiet relevanti tal-miżura ta' implimentazzjoni applikabbli.

2.   L-Istati Membri għandhom iqisu EUP li għalih ikun ġew applikati standards armonizzati, u li jkollu n-numri ta' referenza tiegħu pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, bħala li jikkonformaw mar-rekwiżiti relevanti kollha tal-miżura ta' implimentazzjoni applikabbli li dawn l-istandards jirrigwardaw.

3.   EUPs li jkunu ngħataw l-eko-tikketta tal-Komunità skond ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000 għandhom jitqiesu li jikkonformaw mar-rekwiżiti għall-eko-disinn tal-miżura ta' implimentazzjoni applikabbli, dejjem jekk dawk ir-rekwiżiti ikunu ġew sodisfatti mill-eko-tiketta.

4.   Għal raġunijiet tal-preżunzjoni ta' konformità fil-kuntest ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni tista', billi taġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2), tiddeċiedi li eko-tikketti oħrajn jissodisfaw il-kondizzjonijiet ekwivalenti għall-eko-tikketta tal-Komunità skond ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000. Dawk l-EUPs li jkunu ġew mogħtija eko-tikketti oħrajn bħal dawn għandhom jitqiesu bħala li jikkonformaw mar-rekwiżiti għall-eko-disinn tal-miżura ta' implimentazzjoni applikabbli, dejjem jekk dawk ir-rekwiżiti jkunu ġew sodisfatti mill-eko-tikketta.

Artikolu 10

Standards Armonizzati

1.   L-Istati Membri, għandhom, safejn ikun possibbli, jiżguraw li jittieħdu l-miżuri adegwati sabiex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jiġu kkonsultati fuq livell nazzjonali dwar il-proċess ta' preparazzjoni u ta' spezzjoni ta' l-istandards armonizzati.

2.   Meta Stat Membru jew il-Kummissjoni jqisu li l-istandards armonizzati li l-applikazzjoni tagħhom hija maħsuba li tissodisfa d-dispożizzjonijiet speċifiċi ta' miżura ta' implimentazzjoni applikabbli ma jkunux jissodisfaw bis-sħiħ dawk id-dispożizzjonijiet, l-Istat Membru konċernat jew il-Kummissjoni għandhom jinfurmaw lill-Kumitat Permanenti stabbilit taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/34/KE dwar dan, u jagħtu r-raġunijiet. Il-Kumitat għandu jagħti opinjoni urġentement.

3.   Fid-dawl ta' l-opinjoni tal-Kumitat, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk għandhiex tippubblika jew le, jew li tippubblika b'restrizzjoni, li żżomm fis-seħħ jew tirtira r-referenzi għall-istandards armonizzati konċernati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

4.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-korp Ewropew għall-istandardizzazzjoni u, jekk ikun hemm bżonn, toħroġ mandat ġdid bl-għan li jkun hemm reviżjoni ta' l-istandards armonizzati konċernati.

Artikolu 11

Rekwiżiti meħtieġa għall-komponenti u partijiet oħra għall-immuntar

Il-miżuri ta' implimentazzjoni jistgħu jeħtieġu lill-fabbrikanti jew lir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom li jqiegħdu komponenti u partijiet oħra għall-immuntar fis-suq u/jew li jħaddmuhom li dawn jipprovdu lill-fabbrikant ta' EUP kopert mill-miżuri ta' implimentazzjoni b'informazzjoni relevanti dwar il-kompożizzjoni tal-materjal u l-konsum ta' l-enerġija, tal-materjali u/jew ta' riżorsi tal-komponenti jew partijiet oħra għall-immuntar.

Artikolu 12

Koperazzjoni amministrattiva u skambju ta' informazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu l-miżuri adegwati sabiex jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet responsabbli sabiex jimplimentaw din id-Direttiva biex jikkoperaw bejniethom u jipprovdu lil xulxin u lill-Kummissjoni b'informazzjoni sabiex ikunu jistgħu jagħtu l-għajnuna tagħhom fit-tħaddim ta' din id-Direttiva u b'mod partikolari, jgħinu fl-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 7.

Il-koperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta' l-informazzjoni għandhom jieħdu kemm jista' jkun vantaġġ mill-mezzi ta' informazzjoni elettroniċi u jista' jkollhom l-appoġġ mill-programmi relevanti tal-Komunità.

L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet responsabbli mill-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

2.   In-natura speċifika u l-istruttura ta' l-iskambju ta' l-informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiġu deċiżi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2).

3.   Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri adegwati sabiex tinkoraġġixxi u tikkontribwixxi għall-koperazzjoni bejn l-Istati Membri msemmija f'dan l-Artikolu.

Artikolu 13

Impriżi żgħar u ta' daqs medju

1.   Fil-kuntest ta' programmi li minnhom jistgħu jibbenifikaw impriżi żgħar u ta' daqs medju u ditti żgħar ħafna, il-Kummissjoni għandha tieħu kont ta' inizjattivi li jintegraw aspetti ambjentali fosthom l-effiċenza fl-enerġija meta jiddisinjaw il-prodotti tagħhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw, b'mod partikulari permezz tat-tisħiħ ta' netwerks u ta' strutturi ta' sostenn, li jinkoraġġixxu lil impriżi żgħar u ta' daqs medju u ditti żgħar ħafna biex jadottaw approċċ ambjentalment sod mill-istadju tad-disinn tal-prodott u jadattaw ruħhom għal-leġiżlazzjoni Ewropea futura.

Artikolu 14

Informazzjoni għall-Konsumatur

Bi qbil mal-miżura ta' implimentazzjoni applikabbli, il-fabbrikanti għandhom jiżguraw, fil-forma li jqisu xierqa, li l-konsumaturi ta' EUPs jkollhom:

l-informazzjoni meħtieġa dwar ir-rwol li huma jista' jkollhom fl-użu sostenibbli tal-prodott;

meta dan ikun meħtieġ mill-miżuri ta' implimentazzjoni, il-profil ekoloġiku tal-prodott u l-benefiċċji ta' l-eko-disinn.

Artikolu 15

Miżuri ta' implimentazzjoni

1.   Meta EUP jissodisfa l-kriterji mniżżla fil-paragrafu 2, dan għandu jkun kopert minn miżura ta' implimentazzjoni jew minn miżura ta' awto-regolamentazzjoni bi qbil mal-paragrafu 3(b). Meta l-Kummissjoni tadotta miżuri ta' implimentazzjoni, din għandha taġixxi bi qbil mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2).

2.   Il-kriterji msemmija fil-paragrafu 1 huma kif ġej:

(a)

l-EUP għandu jirrappreżenta volum sinifikanti ta' bejgħ u kummerċ b'mod indikattiv ta' aktar minn 200 000 unità f'sena fi ħdan il-Komunità skond il-figuri disponibbli l-aktar riċenti;

(b)

meta jiġu kkunsidrati l-kwantitajiet imqiegħda fis-suq u/jew imħaddma, l-EUP għandu jkollu impatt sinifikanti fuq l-ambjent fi ħdan il-Komunità, hekk kif huwa speċifikat fil-prijoritajiet strateġiċi tal-Komunità stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE;

(ċ)

L-EUP għandu jirrappreżenta potenzjal sinifikanti għall-progress fir-rigward ta' l-impatt ambjentali mingħajr ma jġib miegħu spejjeż eċċessivi, billi jqis b'mod partikulari:

in-nuqqas ta' leġiżlazzjoni relevanti oħra tal-Komunità jew il-falliment tal-forzi tas-suq biex jindirizzaw il-kwistjoni b'mod xieraq;

id-differenzi estensivi fil-prestazzjoni ambjentali fost l-EUP disponibbli fis-suq b'funzjonalità ekwivalenti.

3.   Fil-preparazzjoni ta' l-abbozz ta' miżura ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll l-opinjonijiet li jkun esprima l-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 19(1) u tikkunsidra:

(a)

il-prijoritajiet ambjentali tal-Komunità, bħal dawk imfassla fid-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE jew il-Programm Ewropew tal-Kummissjoni għall-Bidla fil-Klima (ECCP);

(b)

leġiżlazzjoni Komunitarja u awto-regolamentazzjoni relevanti, bħal ftehimiet volontarji, li, wara evalwazzjoni bi qbil ma' l-Artikolu 17, huma mistennija jilħqu l-għanijiet politiċi iktar malajr jew bi spiża iżgħar mir-rekwiżiti mandatorji.

4.   Fit-tħejjija ta' abbozz ta' miżura ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha:

(a)

tikkunsidra ċ-ċiklu tal-ħajja ta' l-EUP u l-aspetti ambjentali sinifikanti kollha, fost l-oħrajn l-effiċenza fl-enerġija. Id-dettal ta' l-analiżi ta' l-aspetti ambjentali u tal-fattibilità tat-titjib għandhom ikunu proporzjonati mas-sinifikat tagħhom. L-adozzjoni ta' rekwiżiti għall-ekodisinn dwar l-aspetti ambjentali sinifikattivi ta' EUP m'għandhiex tkun ittardjata b'mod eċċessiv minħabba inċertezzi dwar aspetti oħrajn;

(b)

twettaq stima, li tikkunsidra l-impatt ambjentali, fuq il-konsumaturi u fuq il-fabbrikanti, inklużi l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju kif ukoll ditti żgħar ħafna fir-rigward tal-kompetittività, inkluż fis-swieq barra mill-Komunità, l-innovazzjoni, l-aċċess għas-suq, l-ispejjeż u l-benefiċċji;

(ċ)

tikkonsidra il-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti dwar l-ambjent li l-Istati Membri jqisu li hija relevanti;

(d)

twettaq konsultazzjoni xierqa mal-partijiet konċernati;

(e)

tħejji memorandum ta' spjegazzjoni dwar l-abbozz tal-miżura ta' implimentazzjoni bbażat fuq l-istima li għaliha ssir referenza fil-punt (b);

(f)

tiffissa data(i) ta' implimentazzjoni, kull miżura jew perjodu f'diversi stadji, waqt li tikkunsidra b'mod partikolari l-impatti possibbli fuq l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju kif ukoll ditti żgħar ħafna jew fuq gruppi ta' prodotti speċifiċi primarjament manifatturati minnhom stess.

5.   Il-miżuri ta' implimentazzjoni għandhom jissodisfaw il-kriterji kollha li ġejjin:

(a)

ma għandu jkun hemm ebda impatt negattiv sinifikanti fuq il-funzjonalità tal-prodott, mill-perspettiva ta' l-utent;

(b)

is-saħħa, is-sigurtà u l-ambjent m'għandhomx jiġu affettwati b'mod negattiv;

(ċ)

m'għandu jkun hemm ebda impatt negattiv fuq il-konsumaturi b'mod partikolari fir-rigward tal-prezz u l-ispejjeż matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott;

(d)

m'għandu jkun hemm ebda impatt negattiv fuq il-kompetittività ta' l-industrija;

(e)

fil-prinċipju, l-iffissar ta' rekwiżit għall-eko-disinn m'għandux ikollu l-konsegwenza li tiġi imposta fuq il-fabbrikanti xi teknoloġija proprjetarja;

(f)

m'għandux jitqiegħed piż amministrattiv żejjed fuq il-fabbrikanti.

6.   Il-miżuri ta' implimentazzjoni għandhom jistabbilixxu r-rekwiżiti għall-eko-disinn skond l-Anness I u/jew l-Anness II.

Għandhom jiġu introdotti rekwiżiti għall-eko-disinn għal aspetti ambjentali magħżula li jkollhom impatt ambjentali sinifikanti.

Il-miżuri ta' implimentazzjoni jistgħu jipprevedu wkoll li ebda rekwiżit ta' l-eko-disinn ma jkun meħtieġ fir-rigward ta' ċerti parametri speċifiċi ta' l-eko-disinn li għalihom issir referenza fil-Parti I ta' l-Anness I.

7.   Ir-rekwiżiti meħtieġa għandhom ikunu fformulati b'mod li jiggarantixxu li awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq jistgħu jivverifikaw il-konformità tal-EUP mar-rekwiżiti tal-miżura ta' implimentazzjoni. Il-miżura ta' implimentazzjoni għandha tispeċifika jekk il-verifikazzjoni tistax tiġi ssir b'mod dirett fuq l-EUP jew inkella fuq il-bażi tad-dokumentazzjoni teknika.

8.   Il-miżuri implimentattivi għandhom jinkludu l-elementi mniżżla fl-Anness VII.

9.   Studji u analiżi relevanti li jintużaw mill-Kummissjoni biex tipprepara l-miżuri implimentattivi għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku, filwaqt li titqies b'mod partikulari il-faċilità ta' l-aċċess u l-użu minn SMEs interessati.

10.   Fejn hu adattat, miżura ta' implimentazzjoni li tistabbilixxi r-rekwiżiti għall-eko-disinn għandha tkun akkompanjata b'linji ta' gwida, li għandhom jiġi adottati mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 19(2), li għandhom ikopru partikularitajiet ta' l-SMEs attivi fis-settur tal-prodott affettwat mill-miżura ta' implimentazzjoni. Jekk ikun meħtieġ u bi qbil ma' l-Artikolu 13(1), il-Kummissjoni tista' tipproduċi iktar materjal speċjalizzat li jiffaċilita l-implimentazzjoni mill-SMEs.

Artikolu 16

Pjan ta' ħidma

1.   Skond il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 15 u wara li jkun ġie kkonsultat il-Forum ta' Konsultazzjoni msemmi fl-Artikolu 18, il-Kummissjoni għandha sa mhux iktar tard mis-6 ta' Lulju 2007 biex tistabbilixxi pjan ta' ħidma li għandu jkun disponibbli għall-pubbliku.

Il-pjan ta' ħidma għandu jispeċifika, għat-tliet snin sussegwenti, lista indikattiva ta' gruppi ta' prodotti li għandhom jiġu kkunsidrati bħala prijoritajiet għall-adozzjoni tal-miżuri implimentattivi.

Il-pjan ta' ħidma għandu jiġi emendat kull tant żmien mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Forum Konsultattiv.

2.   Madanakollu, matul il-perjodu transitorju, waqt li l-ewwel pjan ta' ħidma msemmi fil-paragrafu 1 ikun qiegħed jiġi stabbilit, skond il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 19(2), il-kriterji mniżżla fl-Artikolu 15 u wara konsultazzjoni mal-Forum Konsultattiv, il-Kummissjoni għandha tintroduċi kif xieraq bil-quddiem:

miżuri implimentattivi li jibdew b'dawk il-prodotti li ġew identifikati mill-ECCP bħala li joffru potenzjal għoli għal tnaqqis effettiv meta mqabbel man-nefqa fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra, bħal tagħmir li jsaħħan u dak li jsaħħan l-ilma, sistemi ta' muturi ta' l-elettriku, dawl kemm fis-settur domestiku kif ukoll fis-settur terzjarju, appliances domestiċi, tagħmir ta' l-uffiċċju fis-settur domestiku kif ukoll fis-settur terzjarju, apparat elettroniku għall-konsumatur u sistemi ta' HVAC (tisħin ventilazzjoni u arja kkundizzjonata);

miżura ta' implimentazzjoni separata li tnaqqas it-telf minn prodotti li jkunu stand-by fil-każ ta' grupp ta' prodotti.

Artikolu 17

Awto-regolamentazzjoni

Ftehim voluntarji jew miżuri oħra ta' awto-regolamentazzjoni ippreżentati bħala alternattiva għall-miżuri ta' implimentazzjoni fil-kuntest ta' din id-Direttiva għandhom jiġu evalwati mill-inqas fuq il-bażi ta' l-Anness VIII.

Artikolu 18

Forum Konsultattiv

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, fil-mod kif jitmexxew l-attivitajiet tagħha hi tosserva, f'dak li għandu x'jaqsam ma' kull miżura ta' implimentazzjoni, parteċipazzjoni bbilanċjata tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri u tal-partijiet kollha interessati li huma kkonċernati bil- prodott/grupp ta' prodotti in kwistjoni, bħall-industrija, inklużi SMEs u l-industrija tas-snajja, it-trade unions, il-kummerċjanti, il-bejjiegħa bl-imnut, l-importaturi, il-gruppi għall-protezzjoni ambjentali u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur. Dawn il-partijiet għandhom jikkontribwixxu, b'mod partikulari, biex jiġu definiti u riveduti miżuri ta' implimentazzjoni, biex tiġi eżaminata l-effettività tal-mekkaniżmi stabbiliti li jissorveljaw is-suq, u biex jiġu valutati ftehim voluntarji u miżuri oħra ta' awto-regolamentazzjoni. Dawn il-partijiet għandhom jiltaqgħu fil-Forum Konsultattiv. Ir-regoli ta' proċedura tal-Forum għandhom ikunu stabbiliti mill-Kummissjoni.

Artikolu 19

Proċedura ta' Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jkunu ġew ikkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8.

Il-perjodu mniżżel fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun iffissat għal tliet xhur.

3.   Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 20

Penali

L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar il-penali li japplikaw għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali skond din id-Direttiva. Il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, u għandhom iqisu l-grad ta' nuqqas ta' konformità u n-numru ta' unitajiet ta' prodotti li mhumiex konformi mqiegħda fis-suq tal-Komunità.

Artikolu 21

Emendi

1.   Id-Direttiva 92/42/KEE hija permezz ta' dan emendata kif ġej:

1)

L-Artikolu 6 għandu jiġi mħassar.

2)

L-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal:

“Artikolu 10a

Din id-Direttiva tistabbilixxi miżura ta' implimentazzjoni fit-tifsira ta' l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2005 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar tar-rekwiżiti għall-eko-disinn ta' prodotti li jużaw l-enerġija (*), f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-effiċenza fl-enerġija waqt l-użu, skond dik id-Direttiva, u tista' tiġi emendata jew imħassra skond l-Artikolu 19 (2) tad-Direttiva 2005/32/KE.

(*)  ĠU L 191, tat-22.7.2005, p. 29”"

3)

It-taqsima 2 ta' l-Anness I, għandha tiġi mħassra.

4)

L-Anness II għandu jiġi mħassar.

2.   Id-Direttiva 96/57/KE hija permezz ta' dan emendata kif ġej:

L-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal:

“Artikolu 9a

Din id-Direttiva tistabbilixxi miżura ta' implimentazzjoni fit-tifsira ta' l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2005 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar tar-rekwiżiti għall-eko-disinn ta' prodotti li jużaw l-enerġija (**), f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-effiċenza fl-enerġija waqt l-użu, skond dik id-Direttiva, u tista' tiġi emendata jew imħassra skond l-Artikolu 19 (2) tad-Direttiva 2005/32/KE.

3.   Id-Direttiva 2000/55/KE hija permezz ta' dan emendata kif ġej:

L-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal:

“Artikolu 9a

Din id-Direttiva tistabbilixxi miżura ta' implimentazzjoni fit-tifsira ta' l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2005 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar tar-rekwiżiti għall-eko-disinn ta' prodotti li jużaw l-enerġija (***), f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-effiċenza fl-enerġija waqt l-użu, skond dik id-Direttiva, u tista tiġi emendata jew imħassra skond l-Artikolu 19 (2) tad-Direttiva 2005/32/KE.

Artikolu 22

Tħassir

Id-Direttivi 78/170/KEE u 86/594/KEE huma mħassra. L-Istati Membri jistgħu jkomplu japplikaw miżuri nazzjonali eżistenti adottati skond id-Direttiva 86/594/KEE sakemm il-miżuri implimentattivi għall-prodotti kkonċernati jkunu adottati skond din id-Direttiva.

Artikolu 23

Reviżjoni

Mhux aktar tard mis-6 ta' Luljun 2010 l-Kummissjoni għandha tikkunsidra mill-ġdid l-effikaċja ta' din id-Direttiva u tal-miżuri implimentattivi tagħha, il-limitu tal-miżuri implimentattivi, il-mekkaniżmi ta' sorveljanza tas-suq u kwalunkwe awto-regolazzjoni relevanti stimulata, wara konsultazzjoni mal-Forum Konsultattiv msemmi fl-Artikolu 18, u kif ikun xieraq, għandha tippreżenta proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex temenda din id-Direttiva.

Artikolu 24

Kunfidenzjalità

Rekwiżiti dwar l-għoti ta' informazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 11 u fit-tieni parti ta' l-Anness I, mill-fabbrikant u/jew rappreżentant awtorizzat għandhom ikunu proporzjonati u jikkunsidraw il-kunfidenzjalità leġittima ta' l-informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

Artikolu 25

Implimentazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva qabel il-11 ta' Awwissu 2007 Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan minnufih.

Meta L-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu mehmuża minn referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodu ta' kif issir referenza bħal din għandha tiġi stabbilita mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 26

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 27

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, 6 ta' Lulju 2005

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

J. STRAW


(1)  ĠU C 112, tat-30.4.2004, p. 25.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-20 ta' April 2004 (ĠU C 104 E, tat-30.4.2004, p. 319) Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tad-29 ta' Novembru 2004 (ĠU C 38 E, tal-15.2.2005, p. 45), il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' April 2005 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2005.

(3)  ĠU L 242, ta' l-10.9.2002, p. 1.

(4)  ĠU L 220, tat-30.8.1993, p. 23.

(5)  ĠU C 136, ta' l-4.6.1985, p. 1.

(6)  ĠU C 141, tad-19.5.2000, p. 1.

(7)  ĠU L 297, tat-13.10.1992, p. 16. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).

(8)  ĠU L 237, tal-21.9.2000, p. 1.

(9)  ĠU L 332, tal-15.12.2001, p. 1.

(10)  ĠU L 37, tat-13.2.2003, p. 24. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2003/108/KE (ĠU L 345, tal-31.12.2003, p. 106).

(11)  ĠU L 37, tat-13.2.2003, p. 19.

(12)  ĠU L 262, tas-27.9.1976, p. 201. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/98/KE (ĠU L 305, ta' l-1.10.2004, p. 63).

(13)  ĠU L 167, tat-22.6.1992, p. 17. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 52, tal-21.2.2004, p. 50).

(14)  ĠU L 236, tat-18.9.1996, p. 36.

(15)  ĠU L 279, ta' l-1.11.2000, p. 33.

(16)  ĠU L 52, tat-23.2.1978, p. 32. Direttiva kif emendata mid-Direttiva 82/885/KE (ĠU L 378, tal-31.12.1982, p. 19).

(17)  ĠU L 196, tas-26.7.1990, p. 15. Direttiva kif emendata mid-Direttiva 93/68/KEE (ĠU L 220, tat-30.8.1993, p. 1).

(18)  ĠU L 1, ta' l-4.1.2003, p. 65.

(19)  ĠU L 344, tas-6.12.1986, p. 24. Direttiva kif emendata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 807/2003 (ĠU L 122, tas-16.5.2003, p. 36).

(20)  ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

(21)  ĠU C 321, tal-31.12.2003, p. 1.

(22)  ĠU L 194, tal-25.7.1975, p. 39. Direttiva kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003.

(23)  ĠU L 377, tal-31.12.1991, p. 20. Direttiva kif emendata mid-Direttiva 94/31/KE (ĠU L 168, tat-2.7.1994, p. 28).

(24)  ĠU L 204, tal-21.7.1998, p. 37. Direttiva kif l-aħħar emendata mill-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.

(25)  ĠU L 114, ta' l-24.4.2001, p. 1.


ANNESS I

Metodu biex jiġu stabbiliti rekwiżiti ġeneriċi għall-eko-disinn

(imsemmija fl-Artikolu 15)

Rekwiżiti ġeneriċi għall-eko-disinn jimmiraw biex itejbu l-prestazzjoni ambjentali ta' l-EUPs, li jiffukaw fuq aspetti ambjentali sinifikanti tagħhom mingħajr ma jistabbilixxu valuri ta' limitu. Il-metodu skond dan l-Anness għandu jiġi applikat meta ma jkunx xieraq li jiġi stabbiliti valuri ta' limitu għall-grupp tal-prodotti li jkunu qed jiġu eżaminati. Il-Kummissjoni għandha tidentifika aspetti ambjentali sinifkanti matul il-preparazzjoni ta' l-abbozz tal-miżura ta' implimentazzjoni li għandha tkun preżentata lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 19 li għandha tkun speċifikata fil-miżura ta' implimentazzjoni.

Meta jkunu qed jiġu ppreparati l-miżuri implimentattivi li jistabbilixxu r-rekwiżiti ġeneriċi għall-eko-disinn skond l-Artikolu 15 il-Kummissjoni għandha tidentifika, kif inhu xieraq għall-EUP kopert mill-miżura ta' implimentazzjoni, il-paramentri relevanti għall-eko-disinn fost dawk imniżżla fil-parti 1, ir-rekwiżiti għall-provvista ta' informazzjoni fost dawk li huma mniżżla fil-parti 2 u r-rekwiżiti għall-fabbrikant imniżżla fil-parti 3.

Parti 1. Parametri għall-Eko-Disinn għall-EUPs

1.1.

Safejn għandhom x'jaqsmu mad-disinn tal-prodott, l-aspetti ambjentali sinifikanti huma identifikati b'referenza għall-fażijiet li ġejjin taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott:

(a)

l-għażla u l-użu tal-materja prima;

(b)

il-manifaturra;

(ċ)

l-imballaġġ, it-trasport u d-distribuzzjoni;

(d)

l-installazzjoni u l-manutenzjoni;

(e)

l-użu;

(f)

it-tmiem tal-ħajja, jiġifieri l-istat ta' l-EUP meta jkun wasal fit-tmiem ta' l-ewwel użu tiegħu sakemm jintrema għall-aħħar darba.

1.2.

Għal kull fażi, dawn l-aspetti ambjentali li ġejjin għandhom ikunu assessjati fejn ikun relevanti:

(a)

il-konsum mistenni ta' materjali, enerġija u riżorsi oħra bħall-ilma frisk;

(b)

l-emissjonijiet antiċipati fl-arja, fl-ilma jew fil-ħamrija;

(ċ)

it-tniġġis antiċipat minħabba effetti fiżiċi bħal storbju, vibrazzjoni, radjazzjoni u oqsma elettromanjetiċi;

(d)

il-produzzjoni mistennija ta' materjal ta' skart;

(e)

il-possibiltajiet ta' użu mill-ġdid, riċiklaġġ u rkupru ta' materjali u/jew ta' enerġija, fid-dawl tad-Direttiva 2002/96/KE.

1.3.

B'mod partikolari, ser jintużaw dawn il-parametri li ġejjin, u jkunu miżjuda ma' oħrajn, fejn hu meħtieġ, biex ikun valutat il-potenzjal għal titjib fl-aspetti ambjentali msemmija fil-paragrafu preċedenti:

(a)

il-piż u l-volum tal-prodott;

(b)

l-użu ta' materjal li jirriżulta minn attivitajiet ta' riċiklaġġ;

(ċ)

il-konsum ta' enerġija, ilma u riżorsi oħra tul iċ-ċiklu tal-ħajja;

(d)

l-użu ta' sustanzi klassifikati bħala perikolużi għas-saħħa u/jew għall-ambjent skond id-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas-27 ta' Ġunju 1967 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikketjar ta' sustanzi perikolużi (1), u tenut kont tal-leġiżlazzjoni dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' sustanzi speċifiċi, bħad-Direttivi 76/769/KEE jew 2002/95/KE;

(e)

il-kwantità u n-natura ta' oġġetti tal-konsum li huma meħtieġa għall-użu u l-manutenzjoni kif suppost;

(f)

faċilità ta' użu mill-ġdid u riċiklaġġ kif espress minn: in-numru ta' materjali u komponenti wżati, l-użu ta' komponenti standard, iż-żmien meħtieġ għaż-żarmar, il-komplessità ta' għodod meħtieġa għaż-żarmar, l-użu ta' standards, kowds ta' komponenti u materjal għall-identifikazzjoni ta' komponenti u materjali tajbin għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ (li jinkludu mmarkar ta' partijiet tal-plastik skond l-istandards ta' l-ISO), l-użu ta' materjali li jistgħu jkunu riċiklati faċilment, aċċess faċli għall-komponenti jew materjali ta' valur jew oħrajn li jistgħu jkunu riċiklati; aċċess faċli għall-komponenti u materjali li jkun fihom sustanzi perikolużi;

(g)

inkorporazzjoni ta' komponenti wżati;

(h)

evitar ta' soluzzjonijiet tekniċi li huma ta' ħsara għall-użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ ta' komponenti jew appliances sħaħ;

(i)

estensjoni tat-tul tal-ħajja kif espress minn: l-inqas tul ta' ħajja ggarantita, l-inqas żmien għad-disponibiltà ta' spare parts, modularità, tibdil għall-aħjar, possibbiltà ta' tiswija;

(j)

ammonti ta' skart iġġenerat u ammonti ta' skart perikoluż iġġenerat;

(k)

emissjonijiet fl-arja (gassijiet serra, aġenti aċidifikanti, komposti organiċii li jevaporaw, sustanzi li jnaqqsu s-saff ta' l-ożonu, sustanzi organiċi persistenti li jniġġsu, metalli tqal) mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 97/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1997 dwar l-approsimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri fuq il-miżuri kontra l-emissjoni ta' tniġġiż fil-forma gassuża u partikolati mill-magni tal-kombustjoni interna li għandhom ikunu mmuntati f'makkinarju ambulanti li mhux tat-triq (2);

(l)

emissjonijiet fl-ilma (metalli tqal, sustanzi b'effett ħażin fuq il-bilanċ ta' ossiġnu, sustanzi organiċi persistenti li jniġġsu);

(m)

emissjonijiet fil-ħamrija (speċjalment ħruġ aċċidentali u tixrid ta' sustanzi perikolużi waqt il-fażi ta' użu tal-prodotti, u l-potenzjal li jgħaddi minn ġol-ħarmija meta jintrema bħala skart).

Parti 2. Rekwiżiti dwar l-għoti ta' informazzjoni

Il-miżuri implimentattivi jista' jkollhom bżonn ta' l-għoti ta' informazzjoni mill-fabbrikant li tista' tinfluwenza l-mod kif l-EUP jiġi mmaniġġjat, użat u riċiklat minn partijiet minbarra l-fabbrikant. Din l-informazzjoni tista' tinkludi, fejn applikabbli:

informazzjoni mid-disinnjatur f'dak li għandu x'jaqsam mal-proċess ta' manifattura;

informazzjoni għall-konsumaturi dwar il-karatteristiċi ambjentali sinifikanti u l-prestazzjoni ta' prodott, li takkompanja l-prodott meta jitqiegħed fis-suq biex tħalli lill-konsumatur iqabbel dawn l-aspetti tal-prodotti;

informazzjoni għall-konsumaturi dwar kif jinstallaw, jużaw u jagħmlu manutenzjoni tal-prodott sabiex inaqqsu l-impatt tiegħu fuq l-ambjent u jassiguraw li jibqa' tajjeb għal użu itwal, kif ukoll dwar kif jirritornaw il-prodott fit-tmiem tal-ħajja tiegħu, u fejn hu xieraq, informazzjoni dwar il-perjodu ta' disponibiltà ta' spare parts u l-possibiltajiet li prodott jinbidel għall-aħjar;

informazzjoni dwar il-faċilitajiet ta' trattament li jikkonċernaw iż-żarmar, ir-riċiklaġġ, jew ir-rimi fit-tmiem tal-ħajja tiegħu.

L-informazzjoni għandha tingħata fuq il-prodott innifsu fejn ikun possibbli.

Din l-informazzjoni ser tikkunsidra l-obbligazzjonijiet skond leġiżlazzjoni Komunitarji oħra, bħad-Direttiva 2002/96/KE.

Parti 3. Rekwiżiti għall-fabbrikant

1.

Meta jindirizzaw l-aspetti ambjentali identifikati fil-miżura ta' implimentazzjoni bħala li huma kapaċi li jiġu influwenzati b'mod sostanzjali mid-disinn tal-prodott, il-fabbrikanti tal-EUPs ikunu meħtieġa jagħmlu stima tal-mudell ta' l-EUP matul iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu, abbażi ta' ipoteżi realistika dwar il-kondizzjonijiet normali u l-finijiet ta' l-użu. Aspetti ambjentali oħra jistgħu jiġu valutati fuq bażi volontarja.

Fuq il-bażi ta' l-istima l-fabbrikanti jistabbilixxu l-profil ekoloġiku ta' l-EUP. Dan ikun ibbażat fuq il-karatteristiċi tal-prodott li huma relevanti għall-ambjent u l-inputs/outputs matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott espressa fi kwantitajiet fiżiċi li jistgħu jitkejlu.

2.

Il-fabbrikant jagħmel użu minn din l-istima biex jevalwa s-soluzzjonijiet ta' disinni alternattivi u l-prestazzjoni ambjentali miksuba tal-prodott mal-punti ta' referenza.

Il-punti ta' referenza jiġu identifikati mill-Kummissjoni fil-miżura ta' implimentazzjoni abbażi l-informazzjoni li tkun inġabret fil-preparazzjoni tal-miżura.

L-għażla ta' soluzzjoni speċifika ta' disinn tikseb bilanċ raġonevoli bejn id-diversi aspetti ambjentali u bejn aspetti ambjentali u konsiderazzjonijiet relevanti oħra, bħas-sigurtà u s-saħħa, rekwiżiti tekniċi għall-funzjonalità, il-kwalità, u l-prestazzjoni, u aspetti ekonomiċi, li jinkudu l-ispejjeż tal-manifattura u tal-possibiltà li l-prodott jitqiegħed fis-suq, filwaqt li tikkonforma mal-leġiżlazzjoni relevanti kollha.


(1)  ĠU 196, tas-16.8.1967, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/73/KE (ĠU L 152, tat-30.4.2004, p. 1).

(2)  ĠU L 59, 27.2.1998, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/26/KE (ĠU L 146, 30.4.2004, p. 1).


ANNESS II

Metodu biex jiġu stabbiliti Rekwiżiti Speċifiċi għall-Eko-disinn

(Imsemmija fl-Artikolu 15)

Rekwiżiti speċifiċi għall-eko-disinn għandhom l-għan li jtejbu aspett ambjentali speċifiku tal-prodott. Jistgħu jieħdu l-forma ta' rekwiżiti għall-konsum imnaqqas ta' ċertu riżors, bħal-limitu fuq l-użu ta' dan ir-riżors fid-diversi stadji taċ-ċiklu tal-ħajja ta' EUP, kif ikun xieraq (bħal limitu fuq il-konsum ta' l-ilma fil-fażi ta' l-użu jew fuq il-kwantitajiet ta' ċertu materjal inkorporat fil-prodott jew rekwiżit ta' kwantitajiet minimi ta' materjal riċiklat).

Meta jkunu qed jiġu preparati l-miżuri implimentattivi li jistabbilixxu rekwiżiti speċifiċi għall-eko-disinn skond l-Artikolu 15, il-Kummissjoni tidentifika, kif inhu xieraq għall-EUP kopert mill-miżura ta' implimentazzjoni, il-parametri relevanti għall-eko-disinn fost dawk li huma msemmija fil-parti I ta' l-Anness I, u tistabbilixxi l-livelli ta' dawk ir-rekwiżiti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2) kif ġej:

1.

Analiżi teknika, ambjentali u ekonomika tagħżel numru ta' mudelli rappreżentattivi ta' l-EUP in kwistjoni fis-suq u tidentifika l-possibilitajiet tekniċi biex tiġi mtejba l-prestazzjoni ambjentali tal-prodott, filwaqt li l-vijabbiltà ekonomika tal-possibilitajiet tkompli tkun ikkunsidrata u kwalunkwe telf sinifikanti fil-prestazzjoni jew fl-utilità għall-konsumaturi jkun evitat.

L-analiżi teknika, ambjentali u ekonomika għandha tidentifika wkoll, għall-aspetti ambjentali li qed jiġu kkunsidrati, il-prodotti li jagħtu l-aħjar prestazzjoni u t-teknoloġija disponibbli fis-suq.

Il-prestazzjoni ta' prodotti disponibbli fis-swieq internazzjonali u “benchmarks” stabbiliti taħt leġiżlazzjoni ta' pajjiżi oħra għandhom jitqiesu matul l-analiżi kif ukoll meta jkunu qed jiġu stabbiliti r-rekwiżiti.

Abbażi ta' din l-analiżi u meta titqies il-fattibilità ekonomika u teknika kif ukoll il-potenzjal għal titjib, għandhom jittieħdu miżuri konkreti b'attenzjoni biex jitnaqqas l-impatt ambjentali tal-prodott.

F'dak li għandu x'jaqsam mal-konsum ta' l-enerġija fl-użu, il-livell ta' effiċenza fl-enerġija jew konsum jiġu stabbiliti billi l-mira tkun fuq il-prezz minimu taċ-ċiklu tal-ħajja għal dawk li jużawh l-aħħar għall-mudelli rappreżentattivi ta' l-EUP, filwaqt li jitqiesu l-konsegwenzi fuq aspetti ambjentali oħra. Il-metodu ta' l-analiżi ta' l-ispejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja juża rata ta' skont reali abbażi tad-data mogħtija mill-Bank Ċentrali Ewropew u tul ta' ħajja realistika għall-EUP; huwa bbażat fuq is-somma tal-varjazzjonijiet fil-prezz tax-xiri (li jirriżulta mill-varjazzjoni fl-ispejjeż industrijali) u fl-ispejjeż ta' l-operat, li jirriżultaw mil-livelli differenti ta' possibilitajiet ta' titjib tekniku, imnaqqsa matul it-tul ta' żmien tal-mudelli rappreżentattivi ta' l-EUP li qed jiġu kkunsidrati. L-ispejjeż ta' l-operat ikopru primarjament il-konsum ta' l-enerġija u spejjeż addizzjonali f'riżorsi oħra (bħall-ilma jew prodott tal-ħasil).

Analiżi ta' sensittività li tkopri l-fatturi relevanti (bħall-prezz ta' l-enerġija jew riżors ieħor, il-prezz tal-materja prima jew tal-produzzjoni, rati ta' skont) u, fejn hu xieraq, spejjeż ambjentali esterni, inklużi l-emissjonijiet ta' gassijiet serra li jkunu ġew evitati, issir biex jiġi kkontrollat jekk ikunx hemm tibdil sinifikanti u jekk il-konklużjonijiet totali humiex affidabbli. Ir-rekwiżit jiġi adattat skond dan.

Metodoloġija simili tista' tkun applikata għal riżorsi oħra bħall-ilma.

2.

Għall-iżvilupp ta' analiżi teknika, ambjentali u ekonomika, informazzjoni disponibbli fil-qafas ta' attivitajiet oħra tal-Kommunità tista' tintuża.

L-istess japplika għall-informazzjoni disponibbli minn programmi eżistenti applikati f'partijiet oħra tad-dinja biex jiġi stabbilit ir-rekwiżit speċifiku għall-eko-disinn ta' l-EUPs ikkumerċjat mas-sieħba ekonomiċi ta' l-UE.

3.

Id-data tad-dħul fis-seħħ tar-rekwiżit tikkunsidra ċ-ċiklu ta' disinn mill-ġdid tal-prodott.


ANNESS III

Il-marka CE

(Imsemmija fl-Artikolu 5(2))

Image Test ta 'immaġni

Il-marka CE għandha tkun għolja mill-inqas 5 mm. Jekk il-marka CE tkun imċekkna jew imkabbra l-proporzjonijiet li ngħataw fid-disinn iggradat ta' hawn fuq għandhom jiġu rispettati.

Il-marka CE għandha titwaħħal ma' l-EUP. Fejn dan ma jkunx possibbli, għandha titwaħħal ma' l-imballaġġ u mad-dokumenti li jkunu miegħu.


ANNESS IV

Kontroll Intern tad-Disinn

(Imsemmi f'Artikolu 8)

1.

Dan l-Anness jiddeskrivi l-proċedura li biha l-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu li jwettaq l-obbligazzjonijiet imniżżla fit-taqsima 2 ta' dan l-Anness jiggarantixxi u jiddikjara li l-EUP jissodisfa r-rekwiżiti relevanti tal-miżura ta' implimentazzjoni applikabbli. Id-dikjarazzjoni ta' konformità tista' tkopri prodott wieħed jew iktar u għandha tinżamm mill-fabbrikant.

2.

Fajl ta' dokumentazzjoni teknika li jagħmel possibli stima ta' konformità ta' l-EUP bir-rekwiżiti tal-miżura ta' implimentazzjoni applikabbli jimtela mill-fabbrikant.

Id-dokumentazzjoni tispeċifika, b'mod partikolari:

(a)

deskrizzjoni ġenerali ta' l-EUP u ta' l-użu maħsub tiegħu;

(b)

ir-riżultati ta' studji ta' stima ambjentali rilevanti li jkunu saru mill-fabbrikant, u/jew ir-referenzi għal-letteratura ta' stima ambjentali jew studji tal-każijiet, li ntużaw mill-fabbrikant għall-valutazzjoni, id-dokumentazzjoni u d-deċiżjoni dwar is-soluzzjonijiet tad-disinn tal-prodott;

(ċ)

il-profil ekoloġiku, jekk hu meħtieġ mill-miżura ta' implimentazzjoni;

(d)

elementi ta' l-ispeċifikazzjoni tad-disinn tal-prodott li għandhom x'jaqsmu ma' l-aspetti ambjentali tad-disinn tal-prodott;

(e)

lista ta' standards adattati msemmija fl-Artikolu 10, li jkunu ġew applikati kollha jew parzjalment, u deskrizzjoni tas-soluzzjonijiet adottati biex jintlaħqu r-rekwiżiti tal-miżura ta' implimentazzjoni applikabbli fejn l-istandards imsemmija fl-Artikolu 10 ma kienux applikati jew fejn dawn l-istandards ma jkoprux b'mod totali r-rekwiżiti tal-miżura ta' implimentazzjoni applikabbli;

(f)

kopja ta' l-informazzjoni li tikkonċerna l-aspetti ambjentali tad-disinn tal-prodott provduta skond ir-rekwiżiti speċifikati fit-tieni parti ta' l-Anness I;

(g)

ir-riżultati tal-kejl li sar tar-rekwiżiti ta' l-eko-disinn, inklużi dettalji tal-konformità tal-qisien kif huma mqabbla mar-rekwiżiti għall-eko-disinn stabbiliti mill-miżura ta' implimentazzjoni applikabbli.

3.

Il-fabbrikant għandu jieħu l-qisien kollha meħtieġa biex jiżgura li l-prodott ikun manifatturat bi qbil ma' l-ispeċifikazzjonijiet tad-disinn imsemmija fis-taqsima 2 u mar-rekwiżiti tal-miżura li japplikaw għalih.


ANNESS V

Sistema ta' Ġestjoni ta' l-Istima ta' Konformità

(Imsemmija fl-Artikolu 8)

1.

Dan l-Anness jiddeskrivi l-proċedura li biha l-fabbrikant li jissodisfa l-obbligi tat-taqsima 2 ta' dan l-Anness jiggarantixxi u jiddikjara li l-EUP jissodisfa r-rekwiżiti tal-miżura ta' implimentazzjoni applikabbli. Id-dikjarazzjoni ta' konformità tista' tkopri prodott wieħed jew aktar u għandha tinżamm mill-fabbrikant.

2.

Sistema ta' ġestjoni tista' tintuża għall-istima ta' konformità ta' l-EUP bil-kondizzjoni li l-fabbrikant jimplimenta l-elementi ambjentali speċifikati fit-taqsima 3 ta' dan l-Anness.

3.

Elementi ambjentali tas-sistema ta' ġestjoni

Din it-taqsima tispeċifika l-elementi u l-proċeduri li bihom il-fabbrikant ikun jista' juri li l-EUP jikkonforma mar-rekwiżiti tal-miżura ta' implimentazzjoni applikabbli.

3.1.

Il-Politika tal-Prestazzjoni Ambjentali tal-Prodott

Il-fabbrikant għandu jkun jista' juri l-konformità mar-rekwiżiti tal-miżura ta' implimentazzjoni applikabbli. Għandu wkoll ikun jista' jipprovdi qafas biex ikunu jistgħu jsiru jew jiġu riveduti oġġettivi u indikaturi tal-prestazzjoni ambjentali tal-prodott sabiex il-prestazzjoni ambjentali totali tal-prodott tkun tista' titjieb.

Il-miżuri kollha li jkunu adottati mill-fabbrikant biex itejbu l-wirja ambjentali ġenerali u jwaqqfu profil ekoloġiku ta' l-EUP, jekk ikun meħtieġ mill-miżura ta' implimentazzjoni, mid-disinn u l-manifattura, iridu jiġu dokumentati b'mod sistematiku u ordnat fil-forma ta' proċeduri u struzzjonijiet bil-miktub.

Dawn il-proċeduri u struzzjonijiet jrid ikollhom, b'mod partikulari, deskrizzjoni adegwata ta':

il-lista tad-dokumenti li għandha tkun ippreparata biex turi l-konformità ta' l-EUP, u jekk ikun relevanti, li għandhom ikunu disponibbli;

l-oġġettivi u l-indikaturi tal-prestazzjoni ambjentali tal-prodott u l-istruttura ta' l-organizzazzjoni, ir-responsabbiltajiet, is-setgħat ta' l-amministraturi u l-allokazzjoni tar-riżorsi f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-implimentazzjoni u l-manutenzjoni tagħhom;

il-kontrolli u t-testijiet li ser isiru wara l-manifattura biex jivverifikaw il-prestazzjoni tal-prodott kontra l-indikaturi tal-prestazzjoni ambjentali;

proċeduri biex jikkontrollaw id-dokumentazzjoni meħtieġa u biex jiżguraw li din tinżamm aġġornata;

il-metodu biex jivverifika l-implimentazzjoni u l-effiċjenza ta' l-elementi ambjentali tas-sistema ta' ġestjoni.

3.2.

L-Ippjanar

Il-fabbrikant jistabbilixxi u jżomm

(a)

il-proċeduri għall-istabbiliment tal-profil ekoloġiku tal-prodott;

(b)

oġġettivi u indikaturi tal-prestazzjoni ambjentali tal-prodott, li jikkunsidraw il-possibiltajiet teknoloġiċi u jqisu r-rekwiżiti tekniċi u ekonomiċi;

(ċ)

programm biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

3.3.

Implimentazzjoni u Dokumentazzjoni

3.3.1.

Id-dokumentazzjoni li tikkonċerna s-sistema ta' ġestjoni għandha tkopri dan li ġej b'mod partikolari:

(a)

ir-responsabbiltajiet u l-awtoritajiet ikunu definiti u dokumentati sabiex jiżguraw prestazzjoni ambjentali tal-prodott effettiva u jsir rapport dwar l-operat tiegħu għall-analiżi u t-titjib;

(b)

id-dokumenti jkunu stabbiliti u jindikaw il-kontroll tad-disinn u l-mezzi tekniċi għall-verifika implimentati u l-proċessi u l-miżuri sistematiċi li ġew użati meta l-prodott kien qed jiġi ddisinjat;

(ċ)

il-fabbrikant jistabbilixxi u jżomm aġġornata informazzjoni li tiddeskrivi l-elementi ambjentali ċentrali tas-sistema ta' ġestjoni u l-proċeduri għall-kontroll tad-dokumenti kollha meħtieġa.

3.3.2.

Id-dokumentazzjoni li tikkonċerna l-EUP ser tispeċifika, b'mod partikolari:

(a)

id-deskrizzjoni ġenerali ta' l-EUP u ta' l-użu maħsub tiegħu;

(b)

ir-riżultati ta' studji ta' stima ambjentali rilevanti li jkunu saru mill-fabbrikant, u/jew ir-referenzi għal-letteratura ta' stima ambjentali jew studji tal-każijiet li ntużaw mill-fabbrikant għall-valutazzjoni, id-dokumentazzjoni u d-deċiżjoni dwar is-soluzzjonijiet tad-disinn tal-prodott;

(ċ)

il-profil ekoloġiku, jekk hu meħtieġ mill-miżura ta' implimentazzjoni;;

(d)

dokumenti li jiddeskrivu r-riżultati tal-kejl li sar tar-rekwiżiti ta' l-eko-disinn inklużi dettalji tal-konformità tal-qisien kif huma mqabbla mar-rekwiżiti għall-eko-disinn stabbiliti mill-miżura ta' implimentazzjoni applikabbli.;

(e)

il-fabbrikant jistabbilixxi speċifikazzjonijiet li jindikaw, b'mod partikulari, liema standards ikunu ġew applikati; fejn l-istandards imsemmija fl-Artikolu 10 mhumiex applikati jew fejn ma jkoprux b'mod totali r-rekwiżiti tal-miżura ta' implimentazzjoni relevanti, il-metodi li ġew użati biex il-konformità tkun żgurata;

(f)

kopja ta' l-informazzjoni li tikkonċerna l-aspetti ambjentali tal-prodott li hija provduta skond ir-rekwiżiti speċifikati fit-tieni parti ta' l-Anness I.

3.4.

Kontroll u Azzjoni korrettiva

(a)

il-fabbrikant irid jieħu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżgura li l-EUP jkun manifatturat b'konformità ma' l-ispeċifikazzjonijiet tad-disinn u mar-rekwiżiti tal-miżura ta' implimentazzjoni li japplikaw għalih;

(b)

il-fabbrikant jistabbilixxi u jżomm aġġornati l-proċeduri biex in-nuqqas ta' konformità tkun investigata u tingħata risposta, u jimplimenta tibdil fil-proċeduri dokumentati li jirriżultaw minn azzjoni korrettiva;

(ċ)

mill-inqas kull tliet snin il-fabbrikant jagħmel verifika interna sħiħa tas-sistema ta' ġestjoni f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-elementi ambjentali tagħha.


ANNESS VI

Dikjarazzjoni ta' Konformità

(Imsemmija fl-Artikolu 5(3))

Id-dikjarazzjoni ta' konformità KE għandu jkun fiha dawn l-elementi li ġejjin:

1.

l-isem u l-indirizz tal-fabbrikant jew tar-rappreżentant awtorizzat tiegħu;

2.

deskrizzjoni tal-mudell għall-identifikazzjoni mingħajr ambigwità;

3.

fejn hu xieraq, ir-referenzi ta' l-istandards armonizzati applikati;

4.

fejn hu xieraq, l-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi l-oħra li ġew użati;

5.

fejn hu xieraq, referenza għal-leġiżlazzjoni oħra tal-Kommunità li tipprovdi għat-twaħħil tal-marka CE applikata;

6.

identifikazzjoni u firma tal-persuna awtorizzata li torbot lill-fabbrikant jew lir-rappreżentant awtorizzat tiegħu.


ANNESS VII

Kontenut tal-miżuri implimentattivi

(Imsemmija fl-Artikolu 15(8))

Il-miżura ta' implimentazzjoni tispeċifika, b'mod partikolari:

1.

it-tifsira eżatta tat-tip(i) ta' l-EUP(s) koperti;

2.

ir-rekwiżiti għall-eko-disinn għall-EUP(s) kopert(i), id-data(i) ta' implimentazzjoni, il-miżuri jew perjodi f'diversi stadji jew transitorji;

fil-każ ta' rekwiżiti ġeneriċi għall-eko-disinn, il-fażijiet u l-aspetti relevanti magħżula fost dawk imsemmija fit-taqsima 1.1 u 1.2 ta' l-Anness I, akkompanjati minn eżempji ta' parametri magħżula minn dawk imsemmija fit-taqsima 1.3 ta' l-Anness I, bħala gwida waqt il-valutazzjoni tat-titjib f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-aspetti ambjentali identifikati;

fil-każ ta' rekwiżiti speċifiċi għall-eko-disinn, il-livell(i) tiegħu (tagħhom);

3.

il-parametri għall-eko-disinn msemmija fl-ewwel parti ta' l-Anness I li fir-rigward tagħhom ebda rekwiżit għall-eko-disinn ma hu meħtieġa

4.

ir-rekwiżiti dwar l-istallazzjoni ta' l-EUP fejn għandu relevanza diretta mal-prestazzjoni ambjentali kkunsidrata ta' l-EUP;

5.

l-istandards ta' kejl u/jew metodi ta' kejl li għandhom jintużaw; meta jkunu disponibbli, jintużaw l-istandards armonizzati li n-numri ta' referenza tagħhom kienu ppublikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea;

6.

id-dettalji ta' l-istima ta' konformità skond id-Deċiżjoni 93/465/KEE

fejn il-modulu(i) li għandu (għandhom) jiġu applikati huwa (huma) differenti mill- Modulu A; il-fatturi li jwasslu għall-għażla ta' dik il-proċedura speċifika;

fejn hu relevanti il-kriterji għall-approvazzjoni u/jew iċ-ċertifikazzjoni ta' partijiet terzi.

fejn moduli differenti jkunu stabbiliti f'rekwiżiti oħra CE għall-istess EUP, il-modulu definit fil-miżura ta' implimentazzjoni jirbaħ fuq ir-rekwiżit in kwistjoni;

7.

rekwiżiti dwar informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-fabbrikanti l-iżjed dwar l-elementi tad-dokumentazzjoni teknika li huma meħtieġa biex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni tal-konformità ta' l-EUP mal-miżura ta' implimentazzjoni;

8.

it-tul tal-perjodu transitorju li matulu l-Istati Membri għandhom iħallu li jitqiegħdu fis-suq u/jew li jitħaddmu l-EUPs li jikkonformaw mar-regolamenti fis-seħħ fit-teritorju tagħhom fid-data ta' l-adozzjoni tal-miżura ta' implimentazzjoni;

9.

id-data għall-valutazzjoni u r-reviżjoni possibbli tal-miżura ta' implimentazzjoni, filwaqt li titqies il-ħeffa tal-progress teknoloġiku.


ANNESS VIII

Flimkien mar-rekwiżit legali bażiku li inizjattivi awto-regolatorji għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat (b'mod partikulari s-suq intern u r-regoli ta' kompetizzjoni), kif ukoll ma' impenji internazzjonali tal-Komunità, inklużi regoli multilaterali ta' kummerċ, il-lista li ġejja li mhix eżawrenti ta' kriterji indikattivi tista' tintuża biex tiġi valutata l-ammissibilità ta' inizjattivi awto-regolatorji bħala alternattiva għall-miżura ta' implimentazzjoni fil-kuntest ta' din id-Direttiva.

1.   Parteċipazzjoni miftuħa

Inizjattivi awto-regolatorji għandhom ikunu miftuħin għall-parteċipazzjoni ta' operaturi ta' pajjiżi terzi, kemm fil-fażi preparatorja kif ukoll fil-fażi ta' l-implimentazzjoni.

2.   Valur miżjud

Inizjattivi awto-regolatorji għandhom jagħtu valur miżjud (iżjed minn “negozju bħas-soltu”) fis-sens tal-prestazzjoni ambjentali totali mtejba ta' l-EUP kopert.

3.   Rappreżentattività

L-industrija u l-assoċjazzjonijiet tagħhom li jkunu qed jieħdu sehem f'azzjoni awto-regolatorja għandhom jirrappreżentaw il-maġġoranza l-kbira tas-settur ekonomiku relevanti, bl-inqas eċċezzjonijiet possibbli. Għandha ssir attenzjoni sabiex tkun żgurata l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni.

4.   Għanijiet kwantifikati u mqassmin fi stadji

L-għanijiet definiti mill-partijiet ikkonċernati għandhom jinkitbu b'termini ċari u mhux ambigwi, u jibdew minn linja bażi definita tajjeb. Jekk l-inizjattiva awto-regolatorja tkopri firxa twila ta' żmien, għandhom jiġu inklużi miri temporanji. Irid ikun possibbli li jsir monitoraġġ tal-konformità ma' l-għanijiet u mal-miri (temporanji) b'mod li jkun jiflaħ l-ispiża u kredibbli bl-użu ta' indikaturi ċari u ta' min joqgħod fuqhom. Informazzjoni ta' riċerka u data xjentifika u teknoloġika għandhom iħaffu l-iżvilupp ta' dawn l-indikaturi.

5.   L-involviment tas-soċjetà ċivili

Bil-għan li tiġi żgurata t-trasparenza, inizjattivi awto-regolatorji għandhom jiġu ppubblikati, anke bl-użu ta' l-internet u mezzi elettroniċi oħra sabiex tinxtered l-informazzjoni.

L-istess għandu japplika għar-rapporti temporanji u finali ta' monitoraġġ. Il-partijiet ikkonċernati, inklużi l-Istati Membri, l-industrija, għaqdiet ambjentali mhux governattivi u assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi għandhom jiġu mistiedna biex jikkummentaw dwar xi inizjattiva awto-regolatorja.

6.   Il-monitoraġġ u r-rappurtar

Inizjattivi awto-regolatorji għandu jkollhom sistema tajba ta' monitoraġġ b'responsabilitajiet identifikati b'mod ċar għall-industrija u għall-ispetturi indipendenti. Is-servizzi tal-Kummissjoni, fi sħubija mal-partijiet ikkonċernati fl-inizjattiva awto-regolatorja, għandhom jiġu mistiedna biex jimmonitorjaw is-suċċess ta' l-objettivi.

Il-pjan ta' monitoraġġ u r-rappurtar għandu jkun dettaljat, trasparenti u oġġettiv. Għandu jibqa' f'id is-servizzi tal-Kummissjoni, megħjuna mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 19(1), li għandhom iqisu jekk intlaħqux l-objettivi tal-ftehim volontarju jew ta' miżuri awto-regolatorji oħra.

7.   L-effettività fl-infiq fl-amministrazzjoni ta' inizjattiva awto-regolatorja

L-ispiża li tamministra inizjattiva awto-regolatorja, b'mod partikulari rigward il- monitoraġġ, m'għandhiex twassal għal piż amministrattiv disproporzjonat, meta mqabbel ma' l-objettivi tagħhom u ma' strumenti ta' politika disponibbli oħrajn.

8.   Sostenibbiltà

Inizjattivi awto-regolatorji għandhom iwieġbu għall-objettivi tal-politika ta' din id-Direttiva, inkluż l-approċċ integrat u għandhom ikunu konsistenti mad-dimensjonijiet ekonomiċi u soċjali ta' l-iżvilupp sostenibbli. Il-protezzjoni ta' l-interessi tal-konsumaturi (saħħa, kwalità tal-ħajja u interessi ekonomiċi) għandha tiġi integrata.

9.   Kompatibilità fl-inċentiva

Inizjattivi awto-regolatorji x'aktarx ma jagħtux ir-riżultati mistennija jekk fatturi u inċentivi oħra - pressjoni tas-suq, taxxi u leġiżlazzjoni fuq livell nazzjonali - jibagħtu sinjali kontradittorji lill-parteċipanti li ħadu dan l-impenn. Il-konsistenza fil-politika hija essenzjali f'dan ir-rigward u għandha titqies.


22.7.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

59


ID-DIRETTIVA 2005/33/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-6 ta' Lulju 2005

li temenda d-Direttiva 1999/32/KE dwar il-kontenut ta' kubrit f'karburanti għal użu marittimu

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni (1),

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Il-politika ambjentali tal-Komunità, kif stabbilita fil-programmi ta' azzjoni dwar l-ambjent u, b'mod partikolari, fis-Sitt Programm Komunitarju ta' Azzjoni Ambjentali adottata bid-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), fuq il-bażi ta' l-Artikolu 174 tat-Trattat, hija intiża biex tikseb livelli ta' kwalità ta' l-arja li ma jagħtux lok għal impatti inaċċettabbli fuq is-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, u riskji għalihom.

(2)

Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE tas-26 ta' April 1999 dwar it-tnaqqis tal-kontenut ta' kubrit f'ċerti karburanti likwidi (5) tistabbilixxi l-kontenut massimu ta' kubrit permess fiż-żejt karburant tqil, fil-gas oil, u fil-gas oil għal użu marittimu wżati fil-Komunità.

(3)

Id-Direttiva 1999/32/KE tobbliga lill-Kummissjoni tikkunsidra x'miżuri jistgħu jittieħdu sabiex titnaqqas il-kontribuzzjoni għall-aċidifikazzjoni mill-ħruq ta' karburanti għal użu marittimu minbarra l-gas oils u, jekk ikun xieraq, tagħmel proposta.

(4)

L-emissjonijiet mit-trasport marittimu minħabba l-ħruq ta' karburanti għal użu marittimu li jkun fihom kontenut għoli ta' kubrit jikkontribwixxu għat-tniġġis ta' l-arja fil-forma ta' diossidju tal-kubrit u partikulati, li jagħmlu ħsara għas-saħħa tal-bniedem, huma ta' dannu għall-ambjent, il-proprjetà pubblika u privata u l-wirt kulturali u jikkontribwixxu għall-aċidifikazzjoni.

(5)

In-nies u l-ambjent naturali f'żoni tal-kosta u qrib il-portijiet huma partikularment milquta mit-tniġġis minn bastimenti li jużaw karburanti li fihom livelli għolja ta' kubrit. Għalhekk jinħtieġu miżuri speċifiċi f'dan ir-rigward.

(6)

Il-miżuri f'din id-Direttiva jikkomplementaw il-miżuri nazzjonali ta' l-Istati Membri biex jikkonformaw mal-limiti massimi ta' emissjonijiet ta' sostanzi li jniġġsu l-atmosfera stabbiliti fid-Direttiva 2001/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(7)

It-tnaqqis tal-kontenut ta' kubrit fil-karburanti għandu ċerti vantaġġi għall-bastimenti, f'termini ta' effiċjenza operazzjonali u spejjeż ta' manutenzjoni, u jiffaċilita l-użu effikaċi ta' ċerti teknoloġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet bħat-tnaqqis katalitiku selettiv.

(8)

It-Trattat jeħtieġ li tingħata konsiderazzjoni lill-karatteristiċi speċjali tar-reġjuni l-aktar estremi tal-Komunità, ċioé d-dipartimenti Franċiżi barranin, il-gżejjer ta' l-Ażores, Madeira u Gżejjer Kanari.

(9)

Fl-1997, ġie adottat Protokoll minn konferenza diplomatika biex jemenda l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti, 1973, kif modifikata bil-Protokoll ta' l-1978 marbut ma' l-istess Konvenzjoni (minn hawn 'il quddiem imsejħa “MARPOL”). Dan il-Protokoll iżid l-Anness VI ġdid mal-MARPOL, li fih regolamenti għall-prevenzjoni tat-tniġġis ta' l-arja mill-bastimenti. Il-Protokoll ta' l-1997, u konsegwentement l-Anness VI mal-MARPOL, daħlu fis-seħħ fid-19 ta' Mejju 2005.

(10)

L-Anness VI mal-MARPOL jagħmel provvediment sabiex ċerti żoni jkunu maħtura bħala Żoni ta' Kontroll ta' l-Emissjonijiet ta' l-Ossidju tal-Kubrit (minn hawn 'il quddiem imsejħa “Żoni ta' Kontroll ta' l-Emissjonijiet SOx”). Huwa diġà jaħtar il-Baħar Baltiku bħala żona ta' dan it-tip. Xi diskussjonijiet fi ħdan l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) wasslu għal ftehim dwar il-prinċipju li l-Baħar tat-Tramuntana, inkluż il-Kanal Ingliż jiġi maħtur bħala Żona ta' Kontroll ta' l-Emissjonijiet SOx wara d-dħul fis-seħħ ta' l-Anness VI.

(11)

Minħabba n-natura globali tat-tbaħħir marittimu, għandu jsir kull sforz sabiex jinstabu soluzzjonijiet internazzjonali. Kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex fi ħdan l-IMO jiżguraw tnaqqis globali fil-kontenut massimu awtorizzat ta' kubrit f'karburanti għal użu marittimu, anki billi jeżaminaw il-vantaġġi li jiġu magħżula żoni ta' baħar ġodda bħala Żoni ta' Kontroll ta' l-Emissjonijiet SOx skond l-Anness VI għall-MARPOL.

(12)

L-infurzar ta' l-obbligi fir-rigward tal-kontenut ta' kubrit fil-karburanti għal użu marittimu huwa meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet ta' din id-Direttiva. It-teħid effettiv ta' kampjuni u penali dissważivi tul il-Komunità huma meħtieġa biex tiġi assigurata l-implimentazzjoni kredibbli ta' din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni ta' infurzar fir-rigward ta' bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom u ta' bastimenti li jtajru kwalunkwe bandiera waqt li jkunu fil-portijiet tagħhom. Huwa l-każ ukoll li l-Istati Membri jikkoperaw mill-qrib sabiex tittieħed azzjoni ulterjuri ta' infurzar fir-rigward ta' bastimenti oħra skond il-liġi marittima internazzjonali.

(13)

Bil-għan li l-industrija marittima jkollha biżżejjed żmien biex tagħmel l-addattazzjoni teknika għal limitu massimu ta' 0.1 % kubrit bil-piż għall-karburanti għal użu marittimu wżati minn bastimenti ta' passaġġi ta' l-ilma interni u bastimenti irmiġġati f'portijiet tal-Komunità, id-data li fiha jibda japplika dan ir-rekwiżit għandha tkun l-1 ta' Jannar 2010. Peress li din id-data tista' tkun teknikament problematika għall-Greċja, huwa l-każ li tingħata deroga temporanja lil ċerti bastimenti speċifiċi li joperaw fit-territorju tar-Repubblika Ellenika.

(14)

Din id-Direttiva għandha tiġi meqjusa bħala l-ewwel pass fi proċess kontinwu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet marittimi, li joffri prospettivi għal aktar tnaqqis ta' emissjonijiet permezz ta' limiti aktar baxxi ta' kubrit fil-karburanti u ta' teknoloġiji għat-tnaqqis, u għal strumenti ekonomiċi li għandhom jiġu żviluppati bħala inċentiv biex jinkiseb tnaqqis sinifikanti.

(15)

Huwa essenzjali li l-posizzjonijiet ta' l-Istati Membri fin-negozjati ta' l-IMO jkunu rinforzati, speċjalment biex, fil-fażi tar-reviżjoni ta' l-Anness VI mal-MARPOL, jiġu promossi miżuri aktar ambizzjużi dwar limiti aktar stretti fuq il-kubrit fiż-żejt karburant tqil li jintuża mill-bastimenti u l-użu ta' miżuri ekwivalenti alternattivi għat-tnaqqis.

(16)

Fir-riżoluzzjoni tagħha A.926(22), l-Assemblea ta' l-IMO stiednet lill-Gvernijiet, b'mod partikolari lil dawk f'reġjuni fejn ġew maħtura xi Żoni ta' Kontroll ta' l-Emissjonijiet SOx, sabiex jiżguraw id-disponibbiltà ta' żejt karburant b'kontenut ta' kubrit baxx tal-bunkers f'żoni taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom u biex isejħu lill-industriji taż-żejt u tat-tbaħħir biex jiffaċilitaw id-disponibbiltà u l-użu ta' żejt għal karburant tal-bunkers b'kontenut baxx ta' kubrit. L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni skond il-każ biex jiżguraw li l-fornituri lokali ta' karburant għal użu marittimu jagħmlu disponibbli karburant konformi, fi kwantitajiet li jkunu biżżejjed biex tintlaħaq it-talba.

(17)

L-IMO adottat linji gwida għat-teħid ta' kampjuni taż-żejt karburant sabiex tiġi stabbilita l-osservanza ta' l-Anness VI mal-MARPOL, u sejra tiżviluppa linji gwida dwar is-sistemi tat-tnaddif tal-gassijiet ta' l-exhaust u metodi teknoloġiċi oħra intiżi biex jillimitaw l-emissjonijiet SOx f'Żoni ta' Kontroll ta' l-Emissjonijiet SOx.

(18)

Id-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2001 dwar il-limitazzjoni ta' l-emissjonijiet fl-arja ta' ċerti sostanzi li jniġġsu li joħorġu minn impjanti kbar tal-kombustjoni (7) tfassal mill-ġdid id-Direttiva 88/609/KEE tal-Kunsill (8). Id-Direttiva 1999/32/KE għandha għaldaqstant tiġi riveduta, skond kif previst fl-Artikolu 3(4) tagħha.

(19)

Huwa xieraq li l-Kumitat attwali għall-Ibħra Sikuri u l-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) jassisti lill-Kummissjoni fil-kuntest ta' l-approvazzjoni ta' teknoloġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet.

(20)

It-teknoloġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet, dejjem jekk dawn ma jkollhom ebda effett negattiv fuq l-ekosistemi u dejjem jekk huma jkunu żviluppati taħt sorveljanza ta' mekkaniżmi adegwati ta' approvazzjoni u kontroll, jistgħu jwasslu għal, ta' l-inqas, l-istess jew iktar riduzzjonijiet fl-emissjonijiet milli kieku jintuża karburant b'kontenut ta' kubrit baxx. Jeħtieġ li jkunu jeżistu l-kundizzjonijiet korretti sabiex jippromwovu l-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda għat-tnaqqis.

(21)

L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għandha tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, skond il-każ, fis-sorveljanza ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.

(22)

Il-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat implimentattivi mogħtija lill-Kummissjoni (10).

(23)

Id-Direttiva 1999/32/KE għandha għaldaqstant tiġi emendata f'dan is-sens,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-Direttiva 1999/32/KE hija b'dan emendata kif ġej:

1)

L-Artikolu 1(2) jinbidel bis-segwenti:

“2.

It-tnaqqis fl-emissjonijiet ta' diossidju tal-kubrit li jirriżulta mill-kombustjoni ta' ċerti karburanti likwidi derivanti miż-żejt għandu jinkiseb billi jkunu imposti limiti fuq il-kontenut ta' kubrit f'tali karburanti bħala kondizzjoni għall-użu tagħhom ġewwa t-territorju, l-ibħra territorjali u ż-żoni ekonomiċi esklussivi jew żoni ta' kontroll tat-tniġġis ta' l-Istati Membri.

Il-limitazzjonijiet fuq il-kontenut ta' kubrit f'ċerti karburanti likwidi derivanti miż-żejt kif stabbiliti f'din id-Direttiva ma għandhomx, madankollu, japplikaw għal:

(a)

karburanti maħsuba għal skopijiet ta' riċerka u ittestjar;

(b)

karburanti maħsuba għall-ipproċessar qabel il-kombustjoni finali;

(ċ)

karburanti li għandhom jiġu proċessati fl-industrija tar-raffinazzjoni;

(d)

karburanti wżati u mqiegħda fis-suq fir-reġjuni l-iktar estremi tal-Komunità biss jekk l-Istati Membri relevanti jiżguraw li f'dawk ir-reġjuni:

l-istandards tal-kwalità ta' l-arja huma osservati;

żjut karburanti tqal ma jkunux użati f'każ li l-kontenut tagħhom ta' kubrit jeċċedi t-3 % fil-massa;

(e)

karburanti wżati minn bastimenti tal-gwerra u bastimenti oħra f'servizz militari. Madankollu, kull Stat Membru għandu jagħmel ħiltu sabiex jiżgura, billi jadotta l-miżuri adegwati li ma jxekklux l-operazzjonijiet jew il-kapaċità operazzjonali ta' tali bastimenti, li dawn il-bastimenti joperaw b'mod konsistenti, safejn dan ikun raġonevoli u prattiku, ma' din id-Direttiva;

(f)

kwalunkwe użu ta' karburant f'bastiment meħtieġ għall-iskop speċifiku tal-protezzjoni tas-sigurtà ta' bastiment jew biex tiġi salvata l-ħajja fuq il-baħar;

(g)

kwalunkwe użu ta' karburant f'bastiment li jsir meħtieġ minħabba xi danni li jkun sofra l-bastiment jew it-tagħmir tiegħu, biss jekk il-miżuri raġonevoli kollha jittieħdu wara l-okkorrenza tad-dannu sabiex jipprevjenu jew jimminimizzaw emissjonijiet eċċessivi u jekk jittieħdu miżuri kemm jista' jkun malajr għat-tiswija tad-dannu. Dan ma għandux japplika jekk is-sid jew il-kaptan ikun aġixxa bil-ħsieb li jikkawża d-dannu, jew bi traskuraġni;

(h)

karburant użat abbord bastimenti li jimpjegaw teknoloġiji approvati li jnaqqsu l-emissjonijiet skond l-Artikolu 4ċ.”;

2)

L-Artikolu 2 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel inċiż fil-punt 1 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“—

kull karburant likwidu derivanti miż-żejt, eskluż il-karburant għal użu marittimu, li jaqa' taħt il-Kodiċi NM 2710 19 51 sa 2710 19 69, jew”;

(b)

l-ewwel subparagrafu fil-punt 2 jinbidel b'dan li ġej:

gas oil tfisser:

kull karburant likwidu derivanti miż-żejt, eskluż il-karburant għal użu marittimu, li jaqa' taħt il-kodiċi NM 2710 19 25, 2710 19 29, 2710 19 45 jew 2710 19 49; jew

kull karburant likwidu derivanti miż-żejt, eskluż il-karburant għal użu marittimu, li minnu anqas minn 65 % fil-volum (inkluż it-telf) jiddistilla mal-250 oC u li minnu ta' l-anqas 85 % fil-volum (inkluż it-telf) jiddistilla mat-350 oC bil-metodu ASTM D86.”;

(ċ)

il-punt 3 jinbidel b'dan li ġej:

“3.

karburant għal użu marittimu tfisser kull karburant likwidu derivanti miż-żejt maħsub għal użu jew użat abbord xi bastiment, inklużi dawk il-karburanti definiti fl-ISO 8217;”;

(d)

għandhom jiddaħħlu l-punti li gejjin:

“3a.

żejt diesel għal użu marittimu tfisser kull karburant għal użu marittimu li għandu viskożità jew densità li taqa' fil-parametri tal-viskożità jew densità definiti għall-gradi DMB u DMC fit-Tabella I ta' l-ISO 8217;

3b.

gas oil għal użu marittimu tfisser kull karburant għal użu marittimu li għandu viskożità jew densità li taqa' fil-parametri tal-viskożità jew densità definiti għall-gradi DMX u DMA fit-Tabella I ta' l-ISO 8217;

3ċ.

MARPOL tfisser il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti, 1973, kif modifikata bil-Protokoll ta' l-1978 marbut magħha;

3d.

L-Anness VI għall-MARPOL tfisser l-Anness, intitolat ‘Regolamenti għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis ta' l-Arja mill-Bastimenti’, li l-Protokoll ta' l-1997 iżid mal-MARPOL;

3e.

Żoni ta' Kontroll ta' l-Emissjonijiet SOx tfisser żoni ta' baħar definiti bħala tali mill-IMO fl-Anness VI għall-MARPOL;

3f.

Bastimenti tal-passiġġieri tfisser bastimenti li jġorru aktar minn tnax-il passiġġier, fejn passiġġier huwa kull persuna li mhijiex:

(i)

il-kaptan u l-membri ta' l-ekwipaġġ jew xi persuna oħra impjegata jew ingaġġata fi kwalunkwe kapaċità abbord bastiment fix-xogħol ta' dak il-bastiment, u

(ii)

tarbija taħt l-età ta' sena;

3g.

servizzi regolari tfisser serje ta' vjaġġi ta' bastiment tal-passiġġieri magħmula sabiex jaqdu l-bżonnijiet tat-traffiku bejn l-istess zewġ portijiet jew aktar, jew serje ta' vjaġġi minn u sa l-istess port mingħajr waqfien intermedji:

(i)

skond itinerarju ppubblikat, jew

(ii)

bi traversati tant regolari jew frekwenti li jikkostitwixxu skeda rikonoxxibbli;

3h.

bastiment tal-gwerra tfisser bastiment li huwa parti mill-forzi armati ta' xi Stat li jkollu marki esterni li jiddistingwu lil bastimenti bin-nazzjonalità tiegħu, taħt il-kmand ta' uffiċjal li jkun debitament imqabbad mill-Gvern ta' l-Istat u li ismu jkun jidher fil-lista adatta tas-servizz jew fl-ekwivalenti tagħha, u li jkun ekwipaġġat b'persunal taħt id-dixxiplina tal-forzi armati regolari;

3i.

bastimenti irmiġġati tfisser bastimenti li jkunu sorġuti jew ankrati sewwa f'port fil-Komunità filwaqt li jgħabbu, jħottu jew jkunu stazzjonarji (hotelling), inkluż il-ħin li fih ma jkunux involuti fl-operazzjonijiet ta' tagħbija;

3j.

bastiment tal-passaġġi ta' l-ilma interni tfisser bastiment maħsub b'mod partikolari għall-użu f'passaġġi ta' l-ilma interni kif definit fid-Direttiva 82/714/KEE tal-Kunsill ta' l-4 ta' Ottubru 1982 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi ta' l-ilma interni (*), inkluż kull bastiment li jġorr:

(i)

ċertifikat Komunitarju għan-navigazzjoni interna, kif stabbilit fid-Direttiva 82/714/KEE,

(ii)

ċertifikat maħruġ skond l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Rhine;

3k.

tqegħid fis-suq tfisser il-forniment jew il-prokura ta' karburanti għal użu marittimu għall-kombustjoni abbord, lil terzi persuni, bi ħlas jew b'xejn, fi kwalunkwe parti fil-ġurisdizzjonijiet ta' l-Istati Membri. Din teskludi il-forniment jew il-prokura ta' karburanti għal użu marittimu għall-esportazzjoni f'tankijiet tat-tagħbija tal-bastimenti;

3l.

reġjuni l-aktar estremi tfisser id-dipartimenti Franċiżi barranin, l-Ażores, Madeira u l-Gżejjer Kanari, kif stabbiliti fl-Artikolu 299 tat-Trattat;

3m.

teknoloġija li tnaqqas l-emissjonijiet tfisser xi sistema li tnaddaf il-gass ta' l-exhaust, jew kull metodu teknoloġiku ieħor li huwa verifikabbli u inforzabbli.”

(*)  ĠU L 301, tat-28.10.1982, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003."

(e)

Il-punt 6 għandu jitħassar;

3)

L-Artikolu 3 għandu jinbidel b'li ġej:

“L-Artikolu 3

Kontenut massimu ta' kubrit fiż-żejt karburant tqil

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li, mill-1 ta' Jannar 2003, żjut karburanti tqal ma jintużawx ġewwa t-territorju tagħhom jekk il-kontenut ta' kubrit tagħhom jeċċedi l-1 % fil-massa.

2.

(i)

Soġġett għas-sorveljanza adegwata ta' l-emissjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti, dan ir-rekwiżit ma għandux japplika għal żjut karburanti tqal użati:

(a)

f'impjanti ta' kombustjoni li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2001 dwar il-limitazzjoni ta' l-emissjonijiet ta' ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni (**), li huma kkunsidrati impjanti ġodda skond id-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 2(9) ta' l-istess Direttiva u li jikkonformaw mal-limiti ta' emissjoni ta' diossidju tal-kubrit stabbiliti għal tali impjanti stipulati fl-Anness IV ta' dik id-Direttiva u applikati skond l-Artikolu 4 tagħha;

(b)

f'impjanti ta' kombustjoni li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva 2001/80/KE, li huma kkunsidrati impjanti eżistenti skond id-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 2(10) tagħha, fejn l-emissjonijiet tad-diossidju tal-kubrit minn dawn l-impjanti huma ugwali għal, jew anqas minn, 1 700 mg/Nm3 f'kontenut ta' ossiġenu fil-flue gas ta' 3 % bil-volum fuq bażi xotta, u fejn, mill-1 ta' Jannar 2008, l-emissjonijiet ta' diossidju tal-kubrit mill-impjanti ta' kombustjoni li huma soġġetti għall-Artikolu 4(3)(a) tad-Direttiva 2001/80/KE huma ugwali, jew anqas, minn dawk li jirriżultaw mill-osservanza tal-valuri ta' limiti ta' l-emissjonijiet imposti għal impjanti ġodda msemmija fil-Parti A ta' l-Anness IV ma' dik id-Direttiva, u fejn ikun il-każ, bl-applikazzjoni ta' l-Artikoli 5, 7 u 8 ta' l-istess;

(ċ)

f'impjanti ta' kombustjoni oħra, li ma jaqgħux fl-ambitu ta' (a) jew (b), fejn l-emissjonijiet ta' diossidu tal-kubrit minn dawk l-impjanti ma jeċċedux l-1 700 mg/Nm3 f'kontenut ta' ossiġenu fil-flue gas ta' 3 % bil-volum fuq bażi xotta;

(d)

għall-kombustjoni f'raffineriji, fejn il-medji ta' emissjonijiet kull xahar ta' diossidu tal-kubrit meta mkejla mal-medja ta' l-impjanti kollha fir-raffinerija, irrispettivament mit-tip ta' karburant jew kombinazzjoni ta' karburanti wżati, taqa' f'limitu li għandu jiġi stabbilit minn kull Stat Membru, li ma għandux jeċċedi l-1 700 mg/Nm3. Dan ma għandux japplika għall-impjanti ta' kombustjoni li jaqgħu taħt (a) jew, mill-1 ta' Jannar 2008, għal dawk li jaqgħu taħt (b).

(ii)

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kull impjant ta' kombustjoni li juża żejt karburant tqil b'konċentrazzjoni ta' kubrit ogħla minn dik imsemmija fil-paragrafu 1 mhuwiex operat mingħajr permess mogħti minn awtorità kompetenti, jispeċifika l-limiti ta' l-emissjonijiet.

3.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 għandhom jiġu riveduti u, jekk xieraq, emendati fid-dawl ta' kwalunkwe reviżjoni futura tad-Direttiva 2001/80/KE.

(**)  ĠU L 309, tas-27.11.2001, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.”"

4)

L-Artikolu 4 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

B'effett mill-1 ta' Jannar 2010:

(i)

fil-paragrafu 1, il-kliem “inkluż il-gas oil għal użu marittimu” għandhom jitħassru;

(ii)

il-paragrafu 2 għandu jitħassar;

(b)

B'effett minn 11 ta' Awwissu 2005, il-paragrafi 3 u 4 għandhom jitħassru;

(5)

Għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“L-Artikolu 4a

Kontenut massimu ta' kubrit fil-karburanti għal użu marittimu wżati f'żoni ta' Kontroll ta' l-Emissjonijiet SOx u minn bastimenti tal-passiġġieri li joperaw b'servizzi regolari sa u minn portijiet fil-Komunità Ewropea

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-karburanti għal użu marittimu ma jintużawx fiż-żoni ta' l-ibħra territorjali, fiż-żoni ekonomiċi esklussivi u f'żoni ta' kontroll tat-tniġġis tagħhom li jaqgħu f'żoni ta' Kontroll ta' l-Emissjonijiet SOx jekk il-kontenut ta' kubrit ta' dawk il-karburanti jeċċedi l-1.5 % fil-massa. Dan għandu japplika għall-bastimenti kollha li jtajru kwalunkwe bandiera, inklużi l-bastimenti li jibdew il-vjaġġ tagħhom minn barra l-Komunità.

2.   Id-dati tal-bidu ta' l-applikazzjoni għall-paragrafu 1 għandhom ikunu kif ġej:

(a)

għaż-żona tal-Baħar Baltiku msemmija fir-regolament 14(3)(a) ta' l-Anness VI mal-MARPOL, 11 ta' Awwissu 2006;

(b)

għall-Baħar tat-Tramuntana:

12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' l-indikazzjoni ta' l-IMO, skond proċeduri stabbiliti, jew

11 ta' Awwissu 2007,

liema minnhom tiġi l-ewwel;

(ċ)

għal kwalunkwe żona oħra tal-baħar, inklużi l-portijiet, li l-IMO sussegwentement tindika bħala Żona ta' Kontroll ta' l-Emissjonijiet SOx skond ir-regolament 14(3)(b) ta' l-Anness VI mal-MARPOL, 12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dik l-għażla.

3.   L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli mill-infurzar tal-paragrafu 1 ta' l-inqas fir-rigward ta':

bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom; u

fil-każ ta' Stati Membri li jikkonfinaw ma' xi żoni ta' Kontroll ta' l-Emissjonijiet SOx, il-bastimenti li jtajru kwalunkwe bandiera waqt li jkunu fil-portijiet tagħhom.

L-Istati Membri jistgħu jieħdu wkoll azzjoni addizzjonali ta' infurzar fir-rigward ta' bastimenti oħra skond il-liġi marittima internazzjonali.

4.   Mid-data msemmija fil-paragrafu 2(a), l-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-karburanti għal użu marittimu ma jintużawx fl-ibħra territorjali, fiż-żoni ekonomiċi esklussivi u fiż-żoni ta' kontroll tat-tniġġis tagħhom minn bastimenti tal-passiġġieri li joperaw b'servizzi regolari sa u minn kwalunkwe port Komunitarju jekk il-kontenut ta' kubrit f'dawk il-karburanti jeċċedi l-1.5 % fil-massa. L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli mill-infurzar ta' dan ir-rekwiżit ta' l-inqas fir-rigward ta' bastimenti li jtajru l-bandieri tagħhom u ta' bastimenti li jtajru kwalunkwe bandiera waqt li jkunu fil-portijiet tagħhom.

5.   Mid-data msemmija fil-paragrafu 2(a), l-Istati Membri għandhom jirrikjedu l-ikkompletar korrett tal-ġurnal uffiċjali ta' abbord, inklużi d-dettalji ta' l-operazzjonijiet tal-bdil tal-karburant, bħala kundizzjoni għad-dħul tal-bastiment fil-portijiet tal-Komunità.

6.   Mid-data msemmija fil-paragrafu 2(a), u bi qbil mar-regolament 18 ta' l-Anness VI mal-MARPOL, l-Istati Membri għandhom:

iżommu reġistru ta' fornituri lokali ta' karburant għal użu marittimu,

jiżguraw li l-kontenut ta' kubrit fil-karburanti għal użu marittimu kollha mibjugħin fit-territorju tagħhom jiġi dokumentat mill-fornitur fuq nota ta' kunsinna tal-bunker, akkumpanjata minn kampjun issiġillat iffirmat mir-rappreżentant tal-vapur li rċieva l-kunsinna,

jieħdu azzjoni skond il-każ kontra fornituri ta' karburant għal użu marittimu li jinstabu li jkunu fornew karburant li ma jikkonformax ma' l-ispeċifikazzjoni ddikjarata fin-nota ta' kunsinna tal-bunker,

jiżguraw li tittieħed azzjoni ta' rimedju xierqa sabiex kwalunkwe karburant għal użu marittimu mhux konformi li jiġi skopert isir konformi.

7.   Mid-data msemmija fil-paragrafu 2(a), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ż-żjut diesel għal użu marittimu ma jiġux imqiegħda fis-suq fit-territorju tagħhom jekk il-kontenut ta' kubrit ta' dawk iż-żjut diesel għal użu marittimu jeċċedi l-1.5 % fil-massa.

8.   Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri bid-dati ta' applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 2(a) u għandha tippubblikahom fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4b

Kontenut massimu ta' kubrit fil-karburanti għal użu marittimu wżati minn bastimenti tal-passaġġi ta' l-ilma interni u bastimenti irmiġġati f'portijiet tal-Komunità

1.   B'effett mill-1 ta' Jannar 2010, l-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-bastimenti li ġejjin ma jagħmlux użu minn karburanti għal użu marittimu b'kontenut ta' kubrit li jeċċedi l-0.1 % fil-massa:

(a)

bastimenti ta' passaġġi ta' l-ilma interni; u

(b)

bastimenti irmiġġati f'portijiet Komunitarji, wara li jingħata żmien suffiċjenti sabiex l-ekwipaġġ iwettaq kwalunkwe operazzjoni tal-bdil ta' karburant li tkun neċessarja kemm jista' jkun malajr wara l-wasla fl-irmiġġ u l-aktar tard possibbli qabel it-tluq.

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-ħin ta' l-operazzjoni tal-bdil tal-karburant jitniżżel fil-ġurnal uffiċjali ta' abbord.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika:

(a)

meta, skond l-itinerarji ppubblikati, il-bastimenti jkunu se jdumu irmiġġati għal inqas minn sagħtejn;

(b)

għall-bastimenti ta' passaġġi ta' l-ilma interni li jkollhom ċertifikat li juri l-konformità mal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar, 1974, kif emendata, waqt li dawk il-bastimenti jkunu fuq il-baħar;

(ċ)

sa l-1 ta' Jannar 2012 għall-bastimenti elenkati fl-Anness u li joperaw esklussivament fit-territorju tar-Repubblika Ellenika;

(d)

għal vapuri li, waqt li jkunu fl-irmiġġ fil-portijiet, jitfu l-magni kollha u jużaw elettriku mix-xatt.

3.   B'effett mill-1 ta' Jannar 2010, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-gas oils għal użu marittimu ma jitqegħdux fis-suq fit-territorju tagħhom jekk il-kontenut ta' kubrit f'dawk l-istess gas oils għal użu marittimu jeċċedi l-0.1 % fil-massa.

Artikolu 4ċ

Provi u użu ta' teknoloġiji ġodda li jnaqqsu l-emissjonijiet

1.   L-Istati Membri jistgħu, b'koperazzjoni ma' Stati Membri oħra, skond kif xieraq, japprovaw l-użu bi prova ta' teknoloġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet ta' bastimenti fuq bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom, jew f'żoni ta' baħar taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom. Matul dawn il-provi l-użu ta' karburanti għal użu marittimu li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' l-Artikoli 4a u 4b ma għandux ikun obbligatorju, bil-kundizzjoni li:

il-Kummissjoni u kwalunkwe Stat portwali konċernat jiġu notifikati bil-miktub ta' l-inqas 6 xhur qabel ma jibdew il-provi;

il-permessi għall-provi ma jeċċedux 18-il xahar fit-tul;

il-bastimenti kollha involuti jiġu mgħammra b'tagħmir protett mit-tbagħbis għas-sorveljanza kontinwa ta' emissjonijiet ta' gass miċ-ċumnija u jużawh matul il-perjodu ta' prova kollu;

il-bastimenti kollha involuti jiksbu tnaqqis fl-emissjonijiet li jkun ta' l-inqas ekwivalenti għal dak li jkun jintlaħaq bl-imposizzjoni tal-limiti fuq il-kubrit fil-karburant speċifikati f'din id-Direttiva;

matul il-perjodu tal-prova kollu jkun hemm sistemi tajbin għall-immaniġġjar ta' l-iskart għal kwalunkwe skart ġenerat mit-teknoloġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet;

matul il-perjodu tal-prova kollu issir stima ta' l-impatti fuq l-ambjent għal użu marittimu, b'mod partikolari fuq l-ekosistemi f'portijiet u estwarji magħluqa; u

fis-sitt xhur wara t-tmiem tal-provi, ir-riżultati kompleti jingħataw lill-Kummissjoni u jingħata aċċess għalihom lill-pubbliku.

2.   It-teknoloġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet għall-bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru għandhom jiġu approvati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Novembru ta' l-2002 li jistabbilixxi Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta' Tniġġis minn Bastimenti (COSS) (***), b'kont meħud:

ta' linji gwida li għandhom jiġu żviluppati mill-IMO;

ta' riżultati ta' kwalunkwe provi magħmulin skond il-paragrafu 1;

ta' l-effetti fuq l-ambjent, inkluż it-tnaqqis ta' l-emissjonijiet li jista' jintlaħaq, u l-impatti fuq l-ekosistemi f'portijiet u estwarji magħluqa;

tal-vijabbiltà tas-sorveljanza u tal-verifiki.

3.   Għandhom jiġu stabbiliti kriterji għall-użu tat-teknoloġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet minn bastimenti li jtajru kwalunkwe bandiera f'portijiet u estwarji magħluqa fil-Komunità skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9(2). Il-Kummissjoni għandha tikkomunika dawn il-kriterji lill-IMO.

4.   Bħala alternattiva għall-użu ta' karburanti għal użu marittimu b'kontenut ta' kubrit baxx li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' l-Artikoli 4a u 4b, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li bastimenti jużaw xi teknoloġija approvata għat-tnaqqis ta' emissjonijiet, kemm-il darba dawn il-bastimenti:

kontinwament jiksbu tnaqqis fl-emissjonijiet li jkun mill-inqas ekwivalenti għal dak li jkun inkiseb permezz tal-limiti fuq il-kubrit fil-karburant speċifikati f'din id-Direttiva;

ikollhom apparat installat li jikkontrolla kontinwament l-emissjonijiet; u

jiddokumentaw b'mod rigoruż li kwalunkwe flussi ta' skart rilaxxjati f'portijiet u estwarji magħluqa ma jkollhom l-ebda impatt fuq l-ekosistemi, u dan fuq il-bażi ta' kriterji komunikati mill-awtoritajiet ta' l-Istati portwali lill-IMO.

(***)  ĠU L 324, tad-29.11.2002, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 415/2004 (ĠU L 68, tas-6.3.2004, p. 10).”"

6)

L-Artikolu 6 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li l-kontenut ta' kubrit fil-karburanti għal użu marittimu jikkonforma mad-dispożizzjonijiet relevanti ta' l-Artikoli 4a u 4b.

Kull wieħed minn dawn il-mezzi ta' teħid ta' kampjuni, ta' analiżi u ta' ispezzjoni għandu jintuża skond kif xieraq:

teħid ta' kampjuni tal-karburant għal użu marittimu għall-kombustjoni abbord meta jiġi kunsinnat lill-bastimenti, skond il-linji gwida ta' l-IMO, u l-analiżi tal-kontenut tiegħu ta' kubrit;

it-teħid ta' kampjuni u l-analiżi tal-kontenut ta' kubrit fil-karburant għal użu marittimu għall-kombustjoni abbord li jkun qiegħed f'tankijiet, fejn ikun possibbli, u f'kampjuni siġillati tal-bunker abbord;

l-ispezzjoni tal-ġurnali uffiċjali ta' abbord u tan-noti ta' kunsinna tal-bunker.

It-teħid ta' kampjuni għandu jibda mad-data li fiha jidħol fis-seħħ il-limitu relevanti għall-kontenut massimu ta' kubrit fil-karburant. Dan għandu jsir bi frekwenza suffiċjenti, fi kwantitajiet suffiċjenti, u b'tali mod li l-kampjuni ikunu rappreżentattivi tal-karburant eżaminat, u tal-karburant li jkun qiegħed jintuża mill-bastimenti meta dawn ikunu fiż-żoni ta' ibħra, fil-portijiet u fil-passaġġi ta' l-ilma interni relevanti.

L-Istati Membri għandhom jieħdu wkoll il-miżuri raġonevoli, skond ir-rekwiżiti tal-każ, sabiex jissorveljaw il-kontenut ta' kubrit fil-karburanti għal użu marittimu barra minn dawk li għalihom japplikaw l-Artikoli 4a u 4b.”;

(b)

Fil-paragrafu 2, il-punt (a) għandu jinbidel b'li ġej:

“(a)

Il-metodu ISO 8754 (1992) u PrEN ISO 14596 għaż-żejt karburant tqil u karburanti għal użu marittimu;”;

7)

L-Artikolu 7 għandu jinbidel b'li ġej:

“L-Artikolu 7

Rapportar u reviżjoni

1.   Fuq il-bażi tar-riżultati tal-kampjuni, ta' l-analiżi u ta' l-ispezzjonijiet magħmula skond l-Artikolu 6, l-Istati Membri għandhom sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena jipprovdu lill-Kummissjoni b'rapport qasir dwar il-kontenut ta' kubrit fil-karburanti likwidi li jaqgħu fl-ambitu ta' din id-Direttiva u wżati fit-territorju tagħhom matul is-sena kalendarja preċedenti. Dak ir-rapport għandu jinkludi reġistrazzjoni tan-numru totali ta' kampjuni eżaminati skond it-tip ta' karburant u għandu jindika l-kwantità korrispondenti ta' karburant użat, u l-kontenut medju ta' kubrit kalkulat. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw ukoll dwar in-numru ta' ispezzjonijiet magħmula abbord, u għandhom jirreġistraw il-kontenut medju ta' kubrit fil-karburanti għal użu marittimu wżati fit-territorju tagħhom li ma jaqgħux fl-ambitu ta' din id-Direttiva fi 11 ta' Awwissu 2005.

2.   Fuq il-bażi, inter alia:

(a)

ta' rapporti annwali sottomessi skond il-paragrafu 1;

(b)

tat-tendenzi osservati fil-kwalità ta' l-arja, fl-aċidifikazzjoni, fl-ispejjeż tal-karburant u fil-bdil modali;

(ċ)

tal-progress fit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet ta' l-ossidju tal-kubrit minn bastimenti permezz ta' mekkaniżmi ta' l-IMO fuq inizjattivi Komunitarji f'dan ir-rigward;

(d)

ta' analiżi ġdida ta' l-effettività fl-infiq, inklużi benefiċċji ambjentali diretti u indiretti, tal-miżuri elenkati fl-Artikolu 4a(4), u ta' miżuri oħrajn possibbli għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet; u

(e)

ta' l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 4ċ,

il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-2008.

Flimkien mar-rapport tagħha, il-Kummissjoni tista' tippreżenta proposti għall-emendar ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari fir-rigward ta':

stadju ieħor ta' valuri ta' limiti fuq il-kubrit stabbiliti għal kull kategorija ta' karburant u,

b'kont meħud tax-xogħol fl-IMO, taż-żoni tal-baħar fejn għandhom jiġu wżati karburanti għal użu marittimu b'kontenut baxx ta' kubrit.

Il-Kummissjoni għandha tqis b'mod partikolari proposti:

(a)

biex jiġu indikati aktar żoni ta' kontroll ta' l-emissjonijiet SOx;

(b)

biex jiġu mnaqqsa l-limiti tal-kubrit fil-karburant għal użu marittimu wżat fiż-żoni ta' kontroll ta' l-emissjonijiet SOx, possibilment sa 0.5 %;

(ċ)

għal miżuri alternattivi jew kumplimentari.

3.   Sa l-31 ta' Diċembru 2005, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-użu possibbli ta' strumenti ekonomiċi, inklużi mekkaniżmi bħal taxxi differenzjati u imposti fuq il-kilometri, permessi negozzjabli ta' l-emissjoni u tpaċija.

Il-Kummissjoni tista' tikkunsidra li tippreżenta proposti dwar strumenti ekonomiċi bħala miżuri alternattivi jew kumplimentari fil-kuntest tar-reviżjoni ta' l-2008, kemm-il darba l-benefiċċji għall-ambjent u għas-saħħa jistgħu jintwerew b'mod ċar.

4.   Kwalunkwe emendi li jkunu meħtieġa biex isiru adattamenti tekniċi fl-Artikolu 2, il-punti 1, 2, 3 a), 3 b), 3 ċ) u (4), jew fl-Artikolu 6(2) fid-dawl tal-progress xjentifiku u tekniku, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9(2). Tali adattamenti ma għandhomx jirriżultaw f'bidliet diretti ta' l-ambitu ta' din id-Direttiva jew fil-limiti fuq il-kubrit fil-karburant speċifikati f'din id-Direttiva.”;

8)

L-Artikolu 9 għandu jinbidel b'li ġej:

“L-Artikolu 9

Il-Proċedura ta' Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat.

2.   Fejn isir riferiment għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE (****), b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

3.   Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.”

(****)  ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23."

9)

It-test li jinsab fl-Anness għandu jiżdied ma' din id-Direttiva.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa 11 ta' Awwissu 2006. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandhom jinkludu riferiment għal din id-Direttiva, jew jiġu akkumpanjati minn tali riferiment fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-modalitajiet ta' dan ir-riferiment.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, nhar is-6 ta' Lulju 2005.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

J. STRAW


(1)  ĠU C 45 E, tal-25.2.2003, p. 277.

(2)  ĠU C 208, tat-3.9.2003, p. 27.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-4 ta' Ġunju 2003 (ĠU C 68 E, tat-18.3.2004, p. 311), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2004 (ĠU C 63 E tal-15.3.2005, p. 26) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' April 2005 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2005.

(4)  ĠU L 242, ta' l-10.9.2002, p. 1.

(5)  ĠU L 121, tal-11.5.1999, p. 13. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).

(6)  ĠU L 309, tas-27.11.2001, p. 22. Direttiva kif emendata bl-Att ta' Adezjoni ta' l-2003.

(7)  ĠU L 309, tas-27.11.2001, p. 1. Direttiva kif ġiet emendata fl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.

(8)  ĠU L 336, tas-7.12.1988, p. 1.

(9)  ĠU L 324, tad-29.11.2002, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 415/2004 (ĠU L 68, tas-6.3.2004, p. 10).

(10)  ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.


L-ANNESS

“L-ANNESS

BASTIMENTI GRIEGI

ISEM TAL-BASTIMENT

SENA TAL-KUNSINNA

NUMRU TA' L-IMO

ARIADNE PALACE

2002

9221310

IKARUS PALACE

1997

9144811

KNOSSOS PALACE

2001

9204063

OLYMPIA PALACE

2001

9220330

PASIPHAE PALACE

1997

9161948

FESTOS PALACE

2001

9204568

EUROPA PALACE

2002

9220342

BLUE STAR I

2000

9197105

BLUE STAR II

2000

9207584

BLUE STAR ITHAKI

1999

9203916

BLUE STAR NAXOS

2002

9241786

BLUE STAR PAROS

2002

9241774

HELLENIC SPIRIT

2001

9216030

OLYMPIC CHAMPION

2000

9216028

LEFKA ORI

1991

9035876

SOPHOKLIS VENIZELOS

1990

8916607”


II Atti li l-pubblikazzjoni tagħhom mhijiex obbligatorja

Kummissjoni

22.7.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

70


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-22 ta’ April 2005

li tistabbilixxi l-Bord Konsultattiv Ewropew għar-Riċerka dwar is-Sigurtà

(2005/516/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Billi:

(1)

Fl-2003, il-Kummissjoni waqqfet Grupp ta' Personalitajiet fil-qasam tar-riċerka dwar is-sigurtà bil-missjoni ewlenija li jipproponi l-prinċipji u l-prioritajiet ta' Programm Ewropew għar-Riċerka dwar is-Sigurtà (European Security Research Programme - ESRP).

(2)

B'segwitu tar-rapport “Ir-Riċerka għal Ewropa bla Periklu” ippreżentat mill-Grupp ta' Personalitajiet fl-2004, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Settembru 2004 intitolata “Riċerka dwar is-Sigurtà: il-Passi li Jmiss” (1) ipproponiet it-twaqqif ta' Bord Konsultattiv Ewropew għar-Riċerka dwar is-Sigurtà (European Security Research Advisory Board - ESRAB).

(3)

Jeħtieġ li jitwaqqaf l-ESRAB u li jiġu definiti l-kompiti u l-istruttura tiegħu.

(4)

L-ESRAB għandu jagħti sehemu fil-kontenut u l-implimentazzjoni ta' l-ESRP.

(5)

L-ESRAB għandu jinkludi esperti minn gruppi varji ta' partijiet interessati, jiġifieri: utenti, industrija u organizzazzjonijiet ta' riċerka. L-ESRAB għandu jkun magħmul minn żewġ gruppi li jkollhom rwoli distinti iżda kumplimentari, skond l-oqsma li joperaw fihom.

(6)

Għandhom jiġu stipulati regoli dwar il-kxif ta' informazzjoni minn membri ta' l‐ESRAB, mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà kif stipulati fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, ECSC u Euratom (2).

(7)

Huwa xieraq li jiġi ffissat perjodu għall-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Malli jasal il-waqt, il-Kummissjoni tikkunsidra r-rakkomandabilità ta' estensjoni,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Bord Konsultattiv

Permezz ta' dan u b'seħħ minn 1 ta' Lulju 2005, jitwaqqaf bord konsultattiv assoċjat mal-Kummissjoni, imsejjaħ “il-Bord Konsultattiv Ewropew għar-Riċerka dwar is-Sigurtà” (ESRAB).

Artikolu 2

Kompiti

Il-Kummissjoni tista' tikkonsulta ma' l-ESRAB dwar kwalunkwe kwistjoni marbuta mal‐kontenut u l-implimentazzjoni tal-Programm Ewropew għar-Riċerka dwar is-Sigurtà (ESRP) li jseħħupermezz tal-Programm Kwadru tal-KE għar-riċerka.

L-ESRAB għandu jwettaq ħidmietu b'għarfien sħiħ tal-kuntest politiku Ewropew, b'mod partikolari ta' l-attivitajiet ta' riċerka mwettqa fil-livell nazzjonali u b'appoġġ għall-inizjattivi Ewropej ta' politika dwar ir-riċerka.

B'mod aktar speċifiku, iżda mhux esklussivament, l-ESRAB għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni f'dawn l-oqsma li ġejjin:

(a)

il-missjonijiet strateġiċi, l-oqsma li l-aktar jistħoqqilhom attenzjoni u d‐determinazzjoni tal-prijoritajiet għall-ESRP, abbażi tar-rapport tal-Grupp ta' Personalitajiet “ir-Riċerka għal Ewropa bla Periklu” filwaqt li jqis it-twaqqif ta' l‐Aġenzija għad-Difiża Ewropea flimkien ma' attivitajiet nazzjonali u inter‐governmentali;

(b)

il-kapaċitajiet teknoloġiċi li għandhom jiġu implimentati fost il-partijiet interessati Ewropej; hu għandu jirrakkomanda strateġija li ttejjeb il-bażi teknoloġika ta' l‐industrija Ewropea, sabiex tittejjeb il-kompetittività tagħha;

(c)

l-aspetti strateġiċi u operattivi ta' l-ESRP b'kunsiderazzjoni ta' l-esperjenza u r‐riżultati miksuba mill-Azzjoni Preparatorja dwar it-titjib tal-potenzjal industrijali Ewropew fil-qasam tar-riċerka dwar is-sigurtà (3), mis-servizzi tal-Kummissjoni li għandhom interess attiv fil-qasam tas-Sigurtà inkluża r-riċerka koperta bil-Programm Kwadru tal-KE għar-riċerka u minn gruppi konsultattivi u ta' l-esperti oħra;

(d)

il-kwistjonijiet ta' implimentazzjoni bħall-iskambju ta' informazzjoni klassifikata u d-drittijiet fuq il-proprjetà intellettwali;

(e)

l-ottimizzazzjoni ta' l-użu ta' riċerka li hija proprjetà pubblika u l-evalwazzjoni ta' l‐infrastrutturi fl-ESRP;

(f)

strateġija ta' komunikazzjoni li tħeġġeġ l-għarfien dwar l-ESRP kif ukoll biex tipprovdi informazzjoni dwar il-programmi ta' riċerka tal-partijiet interessati.

Kull wieħed mill-Presidenti tal-gruppi ESRAB kif imfisser fl-Artikolu 4(1), jista' jindika lill‐Kummissjoni x-xewqa li jiġi kkonsultat l-ESRAB dwar kwistjonijiet oħra.

Artikolu 3

Is-sħubija fl-ESRAB - In-nomina

1.   Il-membri ta' l-ESRAB għandhom jiġu nnominati mill-Kummissjoni minn fost speċjalisti u strateġisti ta' livell għoli li jkollhom kapaċitajiet fl-oqsma tas-suġġetti indikati fl-Artikolu 2.

2.   Il-Membri għandhom jiġu nnominati “ad personam” u m'għanhom jinħatru l-ebda sostituti. Il-Membri għandhom iservu fil-kapaċità personali tagħhom u għandhom jagħtu pariri lill-Kummissjoni indipendentement minn kwalunkwe istruzzjonijiet esterni. Huma m'għandhomx ixerdu informazzjoni miksuba minn ESRAB jew mis‐sottobordijiet matul l-attivitaijet tiegħu, jekk il-Kummissjoni tkun tal-fehma li t‐tali informazzjoni hija kunfidenzjali.

3.   Il-membri għandhom jiġu nnominati għal perjodu li ma jaqbiżx id-data ta' l‐iskadenza ta' din id-Deċiżjoni. Huma għandhom iżommu l-funzjoni sakemm jinbidlu jew sa tmiem it-terminu tal-kariga tagħhom.

4.   Dawk il-membri li ma jibgħux kapaċi jagħtu sehemhom b'mod siewi lill-ħidma ta' ESRAB, li jirriżenjaw, jew li ma jirrispettawx il-kundizzjonijiet li jinsabu fil‐paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jew fl-Artikolu 287 tat-Trattat, jistgħu jitbiddlu mill‐Kummissjoni għall-bqija tat-terminu tal-kariga tagħhom.

5.   Il-lista ta' membri ta' l-ESRAB u ħatriet sussegwenti miegħu għandha tiġi ppubblikata mill-Kummissjoni fis-sensiela “C” tal-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea bħala informazzjoni.

Artikolu 4

Kif jaħdem

1.   L-ESRAB għandu jkun kompost minn żewġ gruppi:

(a)

grupp li jindirizza r-Rekwiżiti tad-Domanda għar-Riċerka dwar is-Sigurtà;

(b)

grupp li jindirizza r-Rekwiżiti tal-Katina ta' Forniment tat-Teknoloġija.

2.   Il-membri ta' l-ESRAB għandhom jaħtru president għal kull grupp.

3.   Fi qbil mal-Kummissjoni, jistgħu jitwaqqfu sottogruppi ad-hoc biex jeżaminaw kwistjonijiet speċifiċi, abbażi ta' kariga deċiża minn wieħed mill-gruppi ESRAB jew mit-tnejn li huma. Dawn għandhom jiġu xolti malli l-għan tal-karigi tagħhom jintlaħqu.

4.   Għat-trattament ta' punti speċifiċi fl-aġenda, il-Kummissjoni tista' tistieden esperti jew osservaturi, inklużi persuni mis-servizzi tal-Kummissjoni li jkollhom kompetenza speċifika, sabiex jiggwidaw ħidmet l-ESRAB jew biex jieħdu sehem f'sottogruppi ad-hoc jekk dan jitqies bħala siewi jew meħtieġ.

5.   Il-gruppi ta' l-ESRAB normalment għandhom jiltaqgħu fl-uffiċċji tal-Kummissjoni skond il-modalitajiet u l-kalendarju ffissati mill-Kummissjoni. Iż-żewġ gruppi ta' l‐ESRAB jistgħu jutilizzaw is-servizzi segretarjali tal-Kummissjoni. Huma jistgħu jtellgħu laqgħat konġunti sabiex jiżguraw il-konsistenza metodika u koordinazzjoni akbar. It-tali laqgħat konġunti għandhom ikunu kopreseduti mill-Presidenti tal-gruppi ta' l-ESRAB.

6.   Il-gruppi ta' l-ESRAB għandhom jadottaw termini ta' referenza maqbula, inklużi regoli ta' proċedura, abbażi ta' proposta tal-Kummissjoni.

7.   Għandha titwaqqaf intranet ristretta biex jiġu ċċirkolati d-dokumenti ta' ħidma, il‐konklużjonijiet, il-minuti, jew kwalunkwe dokumenti rilevanti oħrajn.

Artikolu 5

L-ispejjeż

L-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar magħmula mill-membri jew esperti magħżula b'konnessjoni ma' l‐attivitajiet ta' l-ESRAB, għandhom jitħallsu lura mill-Kummissjoni skond ir-regoli tal‐Kummissjoni. Il-membri jew l-esperti magħżula m'għandhomx jitħallsu għas‐servizzi‐mogħtija minnhom.

Artikolu 6

Kxif ta' informazzjoni

Għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar il-kxif ta' informazzjoni minn membri ta' l-ESRAB fir‐regoli proċedurali ta' l-ESRAB.

Kwalunkwe persuni li jipparteċipaw fl-attivitajiet ta' l-ESRAB għandhom iżommu lura milli jikxfu tagħrif li ħadu aċċess għalih permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom.

Artikolu 7

Applikabilità

Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2006.

Magħmula fi Brussell, nhar it-22 ta' April 2005.

Għall-Kummissjoni

Gunter VERHEUGEN

Viċi-President


(1)  KUMM(2004) 590 finali.

(2)  Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2005/94/KE, Euratom (ĠU L 31, ta’ l-4.2.2005, p. 66).

(3)  KUMM(2004) 72 finali.