16.11.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 308/25 |
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
tas-17 ta’ April 2013
dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, Taqsima III — Il-Kummissjoni u aġenziji eżekuttivi
(2013/537/UE, Euratom)
IL-PARLAMENT EWROPEW,
— |
wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011 (1), |
— |
wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011 (COM(2012) 436 — C7–0224/2012) (2), |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar is-segwitu għad-deċiżjoni ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja 2010 (COM(2012) 585), u d-dokumenti ta’ ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni li jakkumpanjaw dan ir-rapport (SWD(2012) 340 u SWD(2012) 330), |
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-6 ta’ Ġunju 2012 intitolata “Sinteżi tal-kisbiet tal-ġestjoni tal-Kummissjoni fl-2011” (COM(2012) 281), |
— |
wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Kummissjoni lill-Awtorità tal-Kwittanza dwar l-awditjar intern imwettaq fl-2011(COM(2012) 563), u d-dokument ta’ ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-rapport (SWD(2012) 283), |
— |
wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2011, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet (3), u r-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri, |
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni (4) dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2011 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, |
— |
wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2013 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2011 (05752/2013 — C7-0038/2013), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 106a tat-Trattat Euratom, |
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), u b’mod partikolari l-Artikoli 55, 145, 146 u 147 tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (6), u b’mod partikolari l-Artikoli 62, 164, 165 u 166 tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 76 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjonijiet tal-kumitati interessati l-oħra (A7-0116/2013), |
A. |
billi skont l-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha teżegwixxi l-baġit u timmaniġġja l-programmi, u għandha tagħmel dan, skont l-Artikolu 317 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri taħt ir-responsabilità tagħha stess, waqt li tikkunsidra l-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba, |
1. |
Jagħti l-kwittanza lill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011; |
2. |
Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni li hi parti integrali mid-Deċiżjonijiet tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, Taqsima III – Il-Kummissjoni u aġenziji eżekuttivi, kif ukoll fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ April 2013 dwar ir-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri fil-kuntest tal-proċedura ta’ kwittanza għall-Kummissjoni tal-2011 (7); |
3. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni u r-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, u lill-Bank Ewropew tal-Investiment, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L). |
Il-President
Martin SCHULZ
Is-Segretarju Ġenerali
Klaus WELLE
(2) ĠU C 348, 14.11.2012, p. 1.
(3) ĠU C 344, 12.11.2012, p. 1.
(4) ĠU C 348, 14.11.2012, p. 130.
(5) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(6) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(7) Testi adottati, P7_TA(2013) 123 (Ara paġna 68 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).
RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
tas-17 ta’ April 2013
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjonijiet tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, Taqsima III — Il-Kummissjoni u aġenziji eżekuttivi
IL-PARLAMENT EWROPEW,
— |
wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011 (1), |
— |
wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011 (COM(2012) 436 — C7–0224/2012) (2), |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar is-segwitu għad-deċiżjoni ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja 2010 (COM(2012) 585), u d-dokumenti ta’ ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni li jakkumpanjaw dan ir-rapport (SWD(2012) 340 u SWD(2012) 330), |
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-6 ta’ Ġunju 2012 intitolata “Sinteżi tal-kisbiet tal-ġestjoni tal-Kummissjoni fl-2011” (COM(2012) 281), |
— |
wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Kummissjoni lill-Awtorità tal-Kwittanza dwar l-awditjar intern imwettaq fl-2011(COM(2012) 563), u d-dokument ta’ ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-rapport (SWD(2012) 283), |
— |
wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2011, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet (3) (ir-Rapport Annwali), u r-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri, |
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni (4) dwar l-affidabilità tal-kontijiet kif ukoll il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2011 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, |
— |
wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2013 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2011(05752/2013 — C7-0038/2013), |
— |
wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2013 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-aġenziji eżekuttivi fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2011 (05754/2013 — C7-0039/2013), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 106a tat-Trattat Euratom, |
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), u b’mod partikulari l-Artikoli 55, 145, 146 u 147 tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (6), u b’mod partikolari l-Artikoli 62, 164, 165 u 166 tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta’ Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (7), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(2) u (3) tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 76 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjonijiet tal-kumitati l-oħra kkonċernati (A7-0116/2013), |
A. |
billi l-Ewropa qed tiffaċċja kriżi ekonomika u finanzjarja flimkien ma’ kriżi ta’ fiduċja fl-istituzzjonijiet, sitwazzjoni li tirrikjedi li l-Parlament ikun partikolarment rigoruż meta jiskrutinja l-kontijiet tal-Kummissjoni; |
B. |
billi l-Qorti tal-Awdituri, għat-18-il darba konsekuttiva, ma setgħatx tagħti dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni pożittiva rigward il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti; |
C. |
billi l-Istati Membri attwalment qed jinnegozjaw il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) il-ġdid għall-2014–2020; |
D. |
billi f’sitwazzjoni ta’ tnaqqis fir-riżorsi, kaġun mill-kriżi ekonomika u finanzjarja, iqis il-bżonn tal-hekk imsejħa “Solidarjetà Intelliġenti” – l-użu tal-fondi tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tar-riformi, josserva d-dixxiplina finanzjarja u jiżgura l-istabilità politiku u ekonomikament; |
E. |
billi, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Kummissjoni għandha r-responsabilità aħħarija għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, waqt li l-Istati Membri huma rikjesti jikkooperaw b’mod sinċier mal-Kummissjoni biex jiġi żgurat li l-approprjazzjonijiet jintużaw bi qbil mal-prinċipji tal-amministrazzjoni finanzjarja tajba; |
F. |
billi l-Artikolu 287(1) tat-TFUE jipprevedi li l-“Qorti tal-Awdituri tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dikjarazzjoni li biha tiċċertifika l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom …”; |
G. |
billi l-eżerċizzji ta’ awditjar tar-rendiment li jkejlu sa liema punt l-infiq kiseb l-objettivi segwiti saru dejjem aktar importanti; |
H. |
billi n-nuqqasijiet fis-sistema doganali jitolbu bilanċ aħjar bejn il-kontrolli mnaqqsa u żieda fil-kontrolli ex post; |
I. |
billi l-amministrazzjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi ppreżentata b’mod ġust bil-ħsieb li tissaħħaħ il-fiduċja pubblika fl-istituzzjonijiet; |
J. |
billi l-Istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir u l-impjiegi hi strateġija komprensiva li tkopri l-attivitajiet ta’ kważi s-servizzi kollha tal-Kummissjoni responsabbli għall-politiki interni, u billi l-2011 kienet l-ewwel sena sħiħa li matulha ġiet implimentata l-istrateġija; |
K. |
billi d-djalogu interistituzzjonali previst fl-Artikolu 318 TAT-TFUE għandu jkun l-opportunità biex titqanqal kultura ġdida bbażata fuq ir-rendiment fi ħdan il-Kummissjoni; |
L. |
billi l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit għandu jkun involut aktar mill-qrib fil-monitoraġġ tal-infiq tal-Kummissjoni fil-ġejjieni; jistenna kooperazzjoni aħjar mal-Qorti tal-Awdituri bil-għan li jitfasslu proposti aktar estensivi dwar titjib fl-effiċjenza fil-proċeduri ta’ awditjar; |
M. |
billi s-setgħat u r-riżorsi tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit fil-proċedura ta’ kwittanza għandhom jiġu eżaminati u stabbiliti fid-dettall f’rapport ta’ inizjattiva proprja; |
Azzjonijiet prijoritarji għall-Kummissjoni
1. |
Jistieden lill-Kummissjoni, bil-ħsieb tal-għoti tal-kwittanza, tippreżenta lill-Parlament pjan ta’ azzjoni għall-kisba tal-azzjonijiet prijoritarji li ġejjin: Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni
Rata ta’ żball fil-ġestjoni kondiviża Jistieden lill-Kummissjoni:
DĠ AGRI
DĠ REGIO
Rata ta’ żball fil-ġestjoni ċentralizzata DĠ Riċerka
Rapport ta’ valutazzjoni (l-Artikolu 318 tat-TFUE) u użu msaħħaħ tal-awditi tar-rendiment
Introjti u riżorsi proprji tradizzjonali Sabiex tiżgura protezzjoni xierqa tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u bil-ħsieb li tgħammar l-Unjoni b’biżżejjed riżorsi proprji għat-tkabbir, il-Kummissjoni għandha:
|
2. |
Huwa allarmat bin-numru kbir ħafna ta’ attivitajiet finanzjarji offshore, kif żvelat mill-inkjesta riċenti “Offshore Leaks”; jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri urġenti biex telimina dawn il-possibilitajiet ta’ devjazzjoni ta’ eluf ta’ biljuni ta’ euro barra miċ-ċirkwit finanzjarju normali sabiex primarjament tiġi evitata t-taxxa u biex jinħbew fondi illegali mill-awtoritajiet tat-taxxa fl-Istati Membri. |
3. |
Jissuġġerixxi bil-qawwa li l-Kummissjoni għandha tieħu miżuri biex tiżgura li l-attivitajiet bankarji kollha relatati mal-konsulenza dwar strutturi offshore u l-istabbiliment tagħhom, isiru illegali u li l-ebda bank fl-Unjoni Ewropea involut f’attivitajiet bħal dawn ma jirċevi jew ma jkun jista’ jirċievi finanzjament Ewropew taħt kwalunkwe skema jew jibbenefika minn miżuri ta’ appoġġ nazzjonali. |
4. |
Jistenna li jirċievi, fi żmien xahrejn, abbozz ta’ proposti leġiżlattivi mill-Kummissjoni biex twaqqaf il-prattika tal-użu ta’ rifuġji fiskali minn individwi, kumpaniji u saħansitra istituzzjonijiet pubbliċi. |
Segwitu għar-riżoluzzjoni ta’ kwittanza tal-2010 (12)
Monitoraġġ tal-istrumenti ta’ inġinerija finanzjarja
5. |
Jilqa’ s-segwitu li ngħata mill-Kummissjoni għat-talba tal-Parlament għal aktar trasparenza fir-rigward tal-Istrumenti ta’ Inġinerija Finanzjarja (SIF), b’mod partikulari billi r-rapportar mill-Istati Membri dwar il-kwistjonijiet finanzjarji u ta’ implimentazzjoni fil-leġiżlazzjoni relevanti jsir proċedura obbligatorja (13), u jinnota li r-Rapport sommarju dwar il-progress li sar fil-finanzjament u l-implimentazzjoni tal-SIF li tħabbar mill-Kummissjoni fir-rapport tagħha dwar is-segwitu għad-deċiżjoni ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja 2010 (COM(2012) 585) ġie trażmess fiż-żmien dovut lill-Parlament; jinnota wkoll li dan tal-aħħar jipprovdi data dwar id-deskrizzjoni tal-SIF u l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tagħhom, l-identifikazzjoni tal-entitajiet implimentattivi u l-ammonti ta’ assistenza mħallsa lill-Istrumenti ta’ Inġinerija Finanzjarja u minnhom; |
6. |
Jinnota li l-ammont ta’ fondi strutturali implimentati permezz tal-SIF kompla jiżdied matul il-perjodu 2007–2013, b’mod partikolari għall-istrumenti li jimmiraw lejn l-imrpiżi; jindika li aktar minn 90 % tal-ammonti effettivament imħallsa lid-destinatarji finali marru għand impriżi; jitlob lill-Kummissjoni tiċċara liema perċentwali tal-ammonti li fil-fatt ġew żburżati marru għand impriżi li verament kienu privati, meta mqabbla ma’ impriżi li l-maġġoranza tal-azzjonijiet tagħhom huma proprjetà tas-settur pubbliku; |
7. |
Jinnota bi tħassib li l-Istrumenti ta’ Inġinerija Finanzjarja għall-iżvilupp urban u l-effiċjenza enerġetika/l-enerġiji rinnovabbli jirrappreżentaw 17 % biss tal-ammont imħallas lill-Istrumenti ta’ Inġinerija Finanzjarja kollha fi tmiem l-2011 u, barra minn hekk, li l-fluss għal ġo proġetti urbani konkreti baqa’ bil-mod; |
8. |
Jappoġġja t-tagħlim li ħadet il-Kummissjoni skont ir-rapport sommarju msemmi hawn fuq fir-rigward tar-rapportaġġ mill-Istati Membri, kif ġej:
|
9. |
Jinnota li l-Kummissjoni qabbdet lil grupp ta’ esperti (14) jfasslu rapport dwar l-użu tal-FEŻR bħala appoġġ għall-SIF; iqis li dan hu l-ewwel pass u jinsab inkwetat li l-analiżi tan-netwerk ta’ valutazzjoni esperta tiżvela għadd ta’ problemi serji, pereżempju, in-nuqqas ta’ evidenza biex jiġi stabbilit jekk l-iskala ta’ appoġġ tikkorrispondix mad-daqs tan-nuqqasijiet fis-suq għas-self u l-finanzjament ekwitattiv; in-nuqqas ta’ evidenza li minnha jista’ jiġi vvalutat jekk il-fondi ta’ kapital ta’ riskju mwaqqfa bl-appoġġ tal-FEŻR humiex kbar biżżejjed biex ikunu vijabbli; l-iskarsezza tad-data rigward l-ispejjeż biex jitwaqqfu u jiġu operati l-SIF meta mqabbla ma’ għotjiet li ma jitħallsux lura; u l-kumplessità tar-regolamenti u l-inċertezza dwar l-interpretazzjoni tagħhom; |
10. |
Jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi konkreti biex ittejjeb b’mod sinifikanti l-użu tal-SIF bil-ħsieb li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti aħjar; |
11. |
Itenni li l-Parlament stieden lill-Kummissjoni tivvaluta b’mod oġġettiv u kritiku l-esperjenzi bl-SIF fil-Politika ta’ Koeżjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni tal-2007-2013, tipprovdi valutazzjoni tar-riskji li tikkunsidra l-Istrumenti ta’ Inġinerija Finanzjarja differenti b’mod separat, kif ukoll tqis l-istruttura tar-riskji tal-benefiċjarji tal-SIF, u tirrapporta annwalment lill-Parlament, fiż-żmien dovut qabel il-proċedura ta’ kwittanza rispettiva, dwar l-użu tal-SIF fl-Istati Membri, inklużi indikaturi paragunabbli dwar l-effettività, l-effiċjenza u l-ekonomija tal-SIF, u anke dwar kif il-Kummissjoni tikkoordina, tiżgura l-konsistenza u ttaffi r-riskju li jkun hemm elementi doppji bejn l-oqsma ta’ politika; |
Katina/kaskata ta’ responsabilità
12. |
Jiddispjaċih li l-Kummissjoni tinjora b’mod kostanti t-talba li ilha ssir mill-Parlament biex iżżid il-firma tal-Kummissarju responsabbli mar-rapporti ta’ attività annwali tad-Direttorat Ġenerali relatat tiegħu/tagħha; jinnota, madankollu, li r-Rapport ta’ Sinteżi jiġi adottat mill-Kulleġġ tal-Kummissarji u jinkludi dikjarazzjoni speċifika li tenfasizza r-responsabilità finali tal-Kummissjoni għall-ġestjoni tal-uffiċjali awtorizzanti tagħha abbażi tal-assigurazzjonijiet u r-riżervi li jkunu għamlu fir-rapport ta’ attività annwali tagħhom; hu għalhekk tal-opinjoni li l-Kulleġġ, meta adotta r-Rapport ta’ Sinteżi, ħa nota tal-problemi fid-direttorati ġenerali rispettivi u jista’ jinżamm responsabbli; |
13. |
Jistieden lill-Kummissjoni tkompli ttejjeb il-kwalità u l-paragunabilità tar-rapporti ta’ attività annwali; |
14. |
Jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tat aċċess lill-Parlament għas-sommarji annwali tal-Istati Membri; jiddeplora, madankollu, il-fatt li 17-il Stat Membru biss taw permess lill-Kummissjoni biex tagħmel dan; jitlob lill-Kummissjoni tikkomunika liema passi u miżuri se tieħu biex tiżgura li l-10 Stati Membri li għad fadal jagħtu wkoll il-permess tagħhom; |
L-użu ta’ prefinanzjament
15. |
Jilqa’ r-regoli ġodda introdotti fir-Regolament Finanzjarju (UE, Euratom) Nru 966/2012 dwar l-approvazzjoni regolari tal-prefinanzjamenti, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex issegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tad-data u l-metodi kontabilistiċi relevanti; |
L-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet effettiv fl-oqsma ta’ nfiq kbir
16. |
Jirrikonoxxi li l-proposti tal-Kummissjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni tal-2014–2020 fil-biċċa l-kbira tagħhom issodisfaw it-tħassib li l-Parlament esprima fir-riżoluzzjoni tiegħu li takkumpanja d-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit fl-2008 (15), bil-proposta għall-introduzzjoni ta’ korrezzjonijiet finanzjarji netti għall-Istati Membri, kif ukoll proċeduri u kundizzjonijiet simplifikati skont liema l-pagamenti jistgħu jiġu interrotti jew sospiżi; jinnota li dawn il-proposti jiċċaraw ukoll ċerti regoli dwar l-eliġibilità u jipprojbixxu b’mod ċar il-possibilità li l-awtoritajiet maniġerjali jagħżlu proġetti fiżikament lesti jew kompletament implimentati qabel l-applikazzjoni għal finanzjament (l-hekk imsejħa “proġetti retrospettivi”); |
17. |
Jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga l-possibbiltajiet għat-twaqqif ta’ sistema korrettiva għal oqsma ta’ nfiq li huma suxxettibbli għal żbalji, u li fiha l-valur materjali totali ta’ żbalji fis-sena ikun parzjalment jew għalkollox imnaqqas, mit-talbiet annwali ta’ rimborż li jsiru mill-organizzazzjonijiet li jakkreditaw, skont il-gravità tal-irregolaritajiet; |
Il-ħidma ta’ awditjar tal-Qorti tal-Awdituri
18. |
Ifakkar li l-Artikolu 287 tat-TFUE jipprevedi li: “Il-Qorti tal-Awdituri tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dikjarazzjoni li biha tiċċertifika l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom (…)”; |
19. |
Ifakkar li barra li tagħti opinjoni rigward l-affidabbiltà tal-kontijiet, il-Qorti tal-Awdituri tagħti tliet opinjonijiet dwar il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kontijiet; hu tal-fehma li d-diversi opinjonijiet ma jiffaċilitawx il-valutazzjoni li jridu jagħmlu l-Membri tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-baġit mill-Kummissjoni; |
20. |
Jindika li l-Qorti tal-Awdituri tistabbilixxi, fuq il-bażi tal-eżerċizzji ta’ awditjar tagħha, ir-rata ta’ żball l-aktar probabbli, li fl-2011 kienet ta’ 3,9 % għall-pagamenti; jindika li fuq il-bażi ta’ standards internazzjonali ta’ awditjar, il-Qorti tal-Awdituri tieħu 2 % bħala livell minimu ta’ materjalità bħala rata ġeneralment aċċettabbli għall-iżbalji u li, jekk ir-rata ta’ żball l-aktar probabli tkun akbar minn dan il-limitu minimu, il-Qorti se tagħti opinjoni negattiva; |
21. |
Jindika li bi qbil mal-internazzjonali ta’ awditjar, hija r-responsabbiltà tal-awditur estern li jistabbilixxi b’indipendenza sħiħa l-limitu minimu ta’ materjalità; |
22. |
Jenfasizza li għandha ssir distinzjoni bejn l-iżbalji u l-frodi u jikkunsidra li, fil-maġġoranza l-kbira tal-każi, l-iżbalji jirriżultaw minn żbalji akmministrattivi, b’mod partikolari marbuta mal-kumplessità tar-regoli tal-Unjoni u nazzjonali, li jistgħu jiġu korretti; ifakkar lill-Kummissjoni, madankollu, li r-rata attwali ta’ żbalji għadha għolja b’mod inaċċettabbli u li l-Parlament għandu approċċ ta’ tolleranza żero fir-rigward tal-iżbalji; |
23. |
Jissottolinja l-fatt li rata ta’ żball fiha nnifisha ma tagħtix perspettiva komprensiva tal-effettività tal-politiki tal-Unjoni; hu, għaldaqstant, tal-fehma li l-eżerċizzji ta’ awditjar tal-konformità għandhom jiġu ssuplimentati b’awditi tar-rendiment li jivvalutaw l-ekonomija, l-effiċjenza u l-effettività tal-istrumenti ta’ politika tal-Unjoni; jindika l-fatt li l-Accountability Office tal-Gvern tal-Istati Uniti jikkonċentra aktar fuq l-eżerċizzji ta’ awditjar tar-rendiment u mhux fuq dawk tal-konformità; |
24. |
Josserva li hemm xi differenzi ta’ fehmiet bejn il-Qorti tal-Awdituri u l-Kummissjoni fir-rigward tal-mod kif għandhom jiġu kkalkulati l-iżbalji, b’mod partikulari rigward jekk il-prefinanzjament għandux jiġi inkluż jew eskluż, rigward l-ittrattar tal-iżbalji kwantifikabbli u mhux, u rigward il-mod kif għandhom jiġu kkunsidrati l-irkupri u l-korrezzjonijiet finanzjarji fil-valutazzjoni globali tal-impatt finanzjarju tal-iżbalji u l-kapaċità korrettiva tas-sistemi; hu tal-fehma li l-approċċi differenti huma riflessjoni tar-rwoli differenti li jiżvolġu rispettivament l-istituzzjonijiet, speċifikament ir-rwol ta’ awditur minn naħa u dak ta’ amministratur min-naħa l-oħra; jitlob li l-Qorti tal-Awdituri tqis il-possibbiltà li tissepara dawn il-kategoriji differenti kontroversjali ta’ rati ta’ żbalji fir-rapport annwali li jmiss tagħha u tikklassifika skont il-qasam il-politika u r-riżultati tal-irkupru u l-korrezzjonijiet finanzjarji; |
25. |
Jifhem li, mal-mogħdija taż-żmien, il-kompetenza u l-metodoloġija jistgħu jinbidlu; jinsisti, madankollu, li hemm bżonn li r-riżultati tal-eżerċizzji ta’ awditjar jibgħu paragunabbli sabiex il-Parlament ikun jista’ jagħmel valutazzjoni politika fuq żmien itwal; |
26. |
Jappella, għaldaqstant, li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-entitajiet ta’ awditjar nazzjonali u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri fir-rigward tal-kontrolli ta’ ġestjoni kondiviża, skont l-Artikolu 287(3) tat-TFUE; |
27. |
Jipproponi li titqies il-possibilità li l-entitajiet ta’ awditjar nazzjonali joħorġu, fil-kapaċità tagħhom ta’ awdituri esterni indipendenti u skont l-istandards internazzjonali ta’ awditjar, ċertifikati nazzjonali ta’ awditjar għall-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni; dawn iċ-ċertifikati jiġu ppreżentati lill-gvernijiet tal-Istati Membri bil-ħsieb li jitressqu waqt il-proċess ta’ kwittanza skont proċedura interistituzzjonali adegwata li trid tiġi stabbilita; |
Id-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri
Il-kontijiet – opinjoni tajba
28. |
Jilqa’ l-fatt li l-kontijiet annwali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2011 jippreżentaw b’mod ġust, u f’kull aspett materjali, il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-31 ta’ Diċembru 2011, u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u tal-flussi ta’ flusha għas-sena li kienet għadha kif intemmet; |
Il-legalità u r-regolarità tal-introjtu – opinjoni tajba
29. |
Jinnota b’sodisfazzjon li l-introjtu sottostanti għall-kontijiet tas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011 hu legali u regolari f’kull aspett materjali; |
Il-legalità u r-regolarità tal-impenji – opinjoni tajba
30. |
Jinnota b’sodisfazzjon li l-impenji sottostanti għall-kontijiet tas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011 huma legali u regolari f’kull aspett materjali; |
Il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti – opinjoni negattiva
31. |
Jiddispjaċih profondament li l-pagamenti għadhom materjalment milqutin minn żbalji; |
32. |
Jifhem li l-bażi għal din l-opinjoni negattiva tal-Qorti tal-Awdituri hi l-osservazzjoni li s-sistemi superviżorji u ta’ kontroll huma biss parzjalment effettiv u li, b’riżultat ta’ dan, il-pagamenti huma milqutin minn rata ta’ żball tal-ogħla probabilità ta’ 3,9 %; |
33. |
Jinnota bi tħassib li l-gruppi ta’ politiki li jirrigwardaw l-agrikoltura; l-appoġġ għas-suq u l-appoġġ dirett; l-iżvilupp rurali, l-ambjent, is-sajd u s-saħħa; il-politika reġjonali, l-enerġija u t-trasport; l-impjiegi u l-affarijiet soċjali, kif ukoll riċerka u politiki interni oħra huma materjalment milquta minn żball; |
34. |
Ifakkar li l-istima tar-rata ta’ żball l-aktar probabbli għall-pagamenti fis-sena finanzjarja 2010 kienet ta’ 3,7 % u fis-sena finanzjarja 2009 kienet ta’ 3,3 %; jinsab diżappuntat ħafna dwar din iż-żieda peress li taqleb it-tendenza pożittiva osservata fis-snin 2007, 2008 u 2009; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tieħu l-passi meħtieġa biex tikseb tendenza li turi tnaqqis konsistenti fir-rata ta’ żball; jisħaq li l-Parlament hu tal-fehma li l-ilħiq ta’ dawn il-miri huwa parti essenzjali biex jinkiseb valur sħiħ għall-infiq tal-Unjoni fil-futur u biex isir progress lejn DAS pożittiv” (16); |
35. |
Jattribwixxi dan l-iżvilupp prinċipalment għaż-żieda tar-rata ta’ żball l-aktar probabbli fil-qasam tal-agrikoltura, u huwa mħasseb b’mod partikulari dwar il-livell għoli ta’ żbalji fl-iżvilupp rurali, fejn l-iktar rata ta’ żbalji probabbli rrappurtata kienet 7,7 %; |
36. |
Jistieden lill-Qorti tal-Awdituri tadatta r-rapporti speċjali dwar oqsma speċifiċi tal-politika aktar minn qabel biex tkun iggarantita l-komparabilità ma’ perjodi tal-passat; |
Rakomandazzjoni tal-Kunsill
37. |
Jiddispjaċih li l-Kunsill qed ikompli jirrifjuta li jikkoopera mal-Parlament fir-rigward tal-kwittanza tal-Kunsill; jemmen li dan iħalli lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit bi ftit strumenti u li eventwalment il-Kumitat se jkun kostrett iressaq il-mistoqsijiet u t-talbiet tiegħu għal informazzjoni dwar il-baġit tal-Kunsill lill-Kummissjoni; |
38. |
Jinnota li l-Kunsill jirrakkomanda li jagħti kwittanza lill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2011; jinnota li l-Pajjiżi l-Baxxi, l-Isvezja u r-Renju Unit ivvutaw kontra li tingħata l-kwittanza lill-Kummissjoni għall-eżekuzzjoni tal-baġit tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2011; jieħu nota tal-kummenti ta’ dawn il-pajjiżi:
|
39. |
Jinnota f’dan il-kuntest l-għadd għoli tar-riżervi tal-Kummissjoni rigward is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tal-FEŻR/il-FK għall-perjodu 2007–2013 fost oħrajn fil-Pajjiżi l-Baxxi u fir-Renju Unit; jinkoraġġixxi lill-Kunsill jasal għal konklużjonijiet mill-kummenti tal-Pajjiżi l-Baxxi, tal-Isvezja u tar-Renju Unit billi jwettaq analiżi inter pares tal-ġestjoni finanzjarja u tal-kwalità tar-rendiment ta’ kull wieħed mill-Istati Membri; |
Kwistjonijiet orizzonatali
Ir-responsabilitajiet tal-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-ġestjoni kondiviża
40. |
Jenfasizza li, bi qbil mal-Artikolu 317 tat-TFUE, il-Kummissjoni hi fl-aħħar mill-aħħar responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni; jindika li, meta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit taħt ġestjoni kondiviża, il-kompiti ta’ implimentazzjoni jiġu ddelegati lill-Istati Membri skont l-Artikolu 53b tar-Regolament Finanzjarju (KE, Euratom) Nru 1605/2002; |
41. |
Jisħaq fuq il-fatt li, f’dan ir-rigward, ir-responsabilità tad-Diretturi Ġenerali hi ġebla tax-xewka għas-sistema attwali tal-Kummissjoni għall-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni, u jenfasizza l-importanza li dawn jirrappreżentaw b’mod ġust ir-rendimenti maniġerjali fir-rapport ta’ attività annwali tagħhom; |
42. |
Ifakkar li fir-riżoluzzjoni tiegħu għall-kwittanza għall-2010 il-Parlament ippropona li jkun hemm Kummissarju full-time responsabbli mill-Kontroll tal-Baġit fl-ambitu tal-Kummissjoni tal-2014-2019 |
43. |
Jistenna li l-Istati Membri huma konxji għalkollox dwar l-obbligi tagħhom, skont l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera, biex jassistu b’mod attiv u effettiv lill-Unjoni fit-twettiq tal-kompiti tagħha li jirriżultaw mit-Trattati; |
44. |
Jinsisti f’dan il-kuntest fuq l-importanza tal-Artikolu 53b tar-Regolament Finanzjarju (KE, Euratom) Nru 1605/2002, li jipprevedi li, meta jkunu qed jimplimentaw il-baġit, l-Istati Membri għandhom jieħdu kull miżura meħtieġa, inklużi miżuri leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi, għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni; jisħaq f’dan ir-rigward fuq il-fatt li l-Artikolu 59(2) tar-Regolament Finanzjarju (UE, Euratom) Nru 966/2012 il-ġdid saħansitra jispeċifika li dawn il-miżuri għandhom jikludu dan li ġej: (a) l-iżgurar li l-azzjonijiet finanzjati mill-baġit jiġu implimentati b’mod korrett u effettiv u f’konformità mar-regoli speċifiċi għas-settur applikabbli għal dak il-għan, u (b) il-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni tal-irregolaritajiet u l-frodi; |
45. |
Josserva li s-sistema attwali ma tiżgurax it-trasparenza sħiħa tal-benefiċjarji tal-appoġġ tal-FEŻR u tal-FK; fl-ambitu tal-qafas eżistenti, il-Kummissjoni tipprovdi portal b’aċċess għal-listi ta’ benefiċjarji disponibbli fuq websajts nazzjonali, li jinsabu fil-lingwa nazzjonali rispettiva biss u ma jsegwux kriterji komuni; jistenna r-regolament futur li jkopri l-istrumenti strutturali sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jipprovdu d-data fuq il-benefiċjarji finali tal-fondi tal-FEŻR/FK li għandha tiġi ppubblikata fil-websajt uffiċjali tal-Kummissjoni f’waħda mit-tliet lingwi ta’ ħidma tal-Unjoni u bbażata fuq sett ta’ kriterji komuni sabiex ikun hemm lok għal paragun u l-konstatazzjoni ta’ żbalji; |
46. |
Jiġbed l-attenzjoni għall-preżenza ta’ differenzi sinifikanti fir-rendiment amministrattiv tal-Istati Membri fil-qasam tal-introjtu u n-nefqa fil-ġestjoni konġunta, speċjalment marbuta mas-sejba ta’ irregolaritajiet, frodi u żbalji u segwitu finanzjarju kemm fil-qasam doganali u l-infiq tal-fondi tal-Unjoni; jinnota li s’issal-Kummissjoni tissorvelja r-rendiment amministrattiv b’mod reattiv u każ b’każ u għaldaqstant ma twettaqx biżżejjed analiżi tat-tendenzi biex tidentifika l-oqsma ta’ riskju; jistieden lill-Kummissjoni tapplika l-metodu tal-analiżi tat-tendenzi biex tidentifika r-riskji finanzjarji u tieħu miżuri biex ittejjeb ir-rendiment amministrattiv tal-Istati Membri; |
47. |
Jilqa’ l-fatt li, f’konformità mal-Artikolu 59(3), (4) u (5) tar-Regolament Finanzjarju (UE, Euratom) Nru 966/2012 il-ġdid, l-awtoritajiet maniġerjali tal-Istati Membri fil-futur huma rikjesti li kull sena jipprovdu lill-Kummissjoni bil-kontijiet tagħhom flimkien ma’ dikjarazzjoni dwar il-ġestjoni, sommarju annwali tar-rapport finali tal-eżerċizzju ta’ awditjar tagħhom u tal-kontrolli, u opinjoni minn korp ta’ awditjar indipendenti; |
48. |
Jinsab konvint li d-dikjarazzjonijiet imsemmijin hawn fuq, meta kkombinati mal-introduzzjoni ta’ deliberazzjoni awtokritika fil-Kunsill, li għad trid tiddaħħal u li s’issa għadha nieqsa, u analiżi inter pares imparzjali, onesta u miftuħa bejn l-Istati Membri, jirriżultaw f’eżekuzzjoni baġitarja aħjar u aktar effettiv, iżidu r-rendiment tal-politiki, tal-programmi u tal-proġetti u jgħinu biex isaħħu s-solidarjetà fost l-Istati Membri u jieħdu post in-nuqqas reċiproku ta’ fiduċja, riżultat li hu preferibbli għat-tnaqqis baġitarju għad-detriment tal-irkupru ekonomiku u l-fiduċja taċ-ċittadini tal-Unjoni f’Ewropa komuni; |
49. |
Jilqa’ l-fatt li l-Istati Membri jistgħu, fil-livell xieraq, jippubblikaw l-informazzjoni ta’ hawn fuq u, barra minn hekk, jipprovdu dikjarazzjonijiet iffirmati fil-livell xieraq fuq il-bażi ta’ dik l-informazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tassisti lill-Istati Membri biex jipprovdu dawk id-dikjarazzjonijiet volontarji dwar il-ġestjoni kif imsemmijin fl-Artikolu 59(5) tar-Regolament Finanzjarju (UE, Euratom) Nru 966/2012 il-ġdid billi tippromwovi l-aħjar prattiki; jinsisti li l-Parlament għandu jirċievi kemm id-dikjarazzjonijiet dwar il-ġestjoni, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet volontarji; |
50. |
Jinnota li l-Kummissjoni għandha tiggwida lill-Istati Membri bl-abbozzar ta’ sommarji annwali li jagħmlu sens; jinnota li għal dan l-iskop, l-informazzjoni mogħtija dwar programmi operattivi taħt ġestjoni kondiviża għandha tkun standardizzata fir-rigward tal-forma u l-kontenut; jirrimarka li s-sommarji annwali għandhom jingħataw għad-dispożizzjoni tal-Parlament u m’għandhomx ikunu disponibbli biss bil-lingwa tal-Istat Membru, u b’hekk tiżdied it-trasparenza u r-responsabilizzazzjoni; |
51. |
JInnota, madankollu, li la l-Qorti tal-Awdituri u lanqas il-Kummissjoni ma jikkunsidraw is-sommarji annwali f’dan l-istadju bħala sors prezzjuż ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-konformità mill-benefiċjarji jew tar-rendiment tagħhom; itenni t-talba tiegħu li l-Kummissjoni għandha tanalizza l-aspetti b’saħħithom u dawk dgħajfin tas-sistemi ta’ kontroll nazzjonali abbażi tas-sommarji annwali li tirċievi; iqis li din is-sitwazzjoni hi inaċċettabbli u jeżiġi li l-Kummissjoni tieħu azzjoni immedjata biex tiżgura li s-sommarji annwali li jmiss ikunu utli għall-valutazzjoni tar-rendiment tal-benefiċjarji; |
52. |
Jindika li ntwera li s-sommarji annwali pprovduti mill-Istati Membri fil-forma attwali tagħhom ftit jipprovdu valur miżjud u li l-elementi ta’ konformità tas-sommarju annwali attwali sempliċiment jidduplikaw informazzjoni disponibbli faċilment minn sorsi oħrajn (17); iħeġġeġ, għalhekk, lill-Istati Membri kollha jżidu l-utilità tas-sommarji annwali tagħhom billi jinkludu analiżi ġenerali tar-riżultati u dikjarazzjoni dwar il-livell ġenerali ta’ assigurazzjoni biex juru l-impenn tagħhom favur il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-fondi tal-UE u favur it-trasparenza; Iħeġġeġ lill-Awstrija, il-Belġju, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja u Spanja b’mod partikolari jsegwu bla dewmien l-eżempju tal-15-il Stat Membru li inkludew “dikjarazzjoni dwar il-livell ġenerali tal-assigurazzjoni” fis-sommarji annwali tagħhom għall-azzjonijiet strutturali fil-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-FEŻR (18) sabiex il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit jibbenefika minn din l-informazzjoni matul il-proċedura ta’ kwittanza tal-2012; jistenna li dawk l-Istati Membri li ma jippreżentawx dikjarazzjoni ta’ dan it-tip fiż-żmien dovut se jippreżentaw dikjarazzjoni komprensiva li tispjega r-raġunijiet għal dan in-nuqqas; |
53. |
Jistieden lill-Istati Membri joħorġu dikjarazzjonijijiet dwar il-ġestjoni nazzjonali fil-livell politiku xieraq u jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi mudell għal dikjarazzjoni ta’ dan it-tip; |
54. |
Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi fi żmien qasir, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, mudell għad-dikjarazzjonijiet dwar il-ġestjoni nazzjonali li jtihom sinifikat u jagħmilhom paragunabbli; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi b’mod miftuħ l-opinjoni tagħha dwar dawn id-dikjarazzjonijiet; hu tal-fehma li t-tali dikjarazzjonijiet għandhom, inter alia, jiċċertifikaw il-kriterji (bħal kontijiet reali u ġusti, l-effettività tas-sistemi ġestjonali u ta’ kontroll u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti) u jispeċifikaw l-ambitu tar-riżervi għall-assigurazzjoni u ċ-ċaħdiet; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposti biex jitnaqqas il-piż tal-kontrolli għal dawk l-Istati Membri jew ir-reġjuni li konsistentement ikollhom rendiment tajjeb, skont ir-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri u skont id-dikjarazzjonijiet dwar il-ġestjoni nazzjonali tagħhom stess; hu tal-fehma li l-Qorti tal-Awdituri u l-Kummissjoni għandhom ikunu jistgħu jqisu s-sustanza tad-dikjarazzjonijiet dwar il-ġestjoni nazzjonali fil-ħidma ta’ awditjar tagħhom; |
55. |
Jinnota d-dettalji speċifikati f’din it-tabella ta’ valutazzjoni rigward iż-żewġ inizjattivi li għandhom x’jaqsmu mal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għat-titjib tal-effettività tal-ġestjoni kondiviża: Tabella ta’ valutazzjoni
|
L-affidabilità tad-dikjarazzjonijiet maniġerjali tal-Kummissjoni
56. |
Jinnota li l-għadd totali tar-riżervi inklużi mid-Diretturi Ġenerali tal-Kummissjoni fir-rapport ta’ attività annwali tagħhom żdiedu għal 27 fl-2011 minn 17 fl-2010, u li l-impatt finanzjarju totali stmat tar-riżervi żdied għal EUR 1 959 miljun jew 1,5 % tal-pagamenti li saru fl-2011 (2010: EUR 423 miljun li jikkorrispondu għal 0,3 %); |
57. |
Jinsab imħasseb dwar il-fatt li dawk l-iżviluppi jirriflettu riskju għoli ta’ żbalji f’xi oqsma, bħall-iżvilupp rurali, il-koeżjoni jew is-Seba’ Programm Qafas kif rikonoxxuti mid-Diretturi Ġenerali tal-Kummissjoni, u kkorroborati mir-riżultati tal-eżerċizzji ta’ awditjar tal-Qorti tal-Awdituri; |
58. |
Jieħu nota tal-gwida mogħtija mis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni u d-Direttur Ġenerali tad-DĠ Baġit lid-Diretturi Ġenerali u l-kapijiet tas-servizzi tal-Kummissjoni dwar kif tiġi kkalkulata r-rata ta’ żball residwu, li wasslet għal titjib f’xi rapporti ta’ attività annwali kif indikat mill-Qorti tal-Awdituri; |
59. |
Jiddispjaċih, madankollu, li l-Qorti tal-Awdituri sabet dgħufijiet f’dawk l-istruzzjonijiet u l-implimentazzjoni tagħhom, b’mod partikulari fir-rigward tar-rata ta’ żball residwu; jistieden lill-Kummissjoni, bħala riżultat ta’ dan, tadatta l-gwida tagħha bħala prijorità immedjata; |
60. |
Jirrikonoxxi l-progress li sar mill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-livell sa fejn it-tranżazzjonijiet għadhom milqutin minn żbalji, iżda jinnota b’diżappunt li l-Qorti tal-Awdituri kkonkludiet li r-rata ta’ żball residwu għadha mhijiex indikatur affidabbli; |
61. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq progress fl-iżvelar ta’ data aktar preċiża u affidabbli dwar l-irkupri u l-korrezzjonijiet finanzjarji u tippreżenta informazzjoni li tirrkonċilja sa kemm ikun possibbli s-sena meta jsir il-pagament, is-sena meta jinstab l-iżball relatat u s-sena meta l-irkurpi jew il-korrezzjonijiet finanzjarji jiġu żvelati fin-noti għall-kontijiet (19); |
62. |
Jilqa r-rapport mill-Kummissjoni dwar il-korrezzjonijiet finanzjarji, inkluż l-ammont realment irkuprat li ddaħħal lura fil-baġit, fl-għeluq tal-perjodu 2000–2006 fil-politika reġjonali li juri l-impatt tal-korrezzjonijiet finanzjarji li jkunu saru waqt il-perjodu ta’ programmazzjoni u fl-għeluq fuq ir-rata ta’ żball globali tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2000–2006; |
63. |
Jistieden lill-Kummissjoni testendi din il-prattika ta’ rapportar għall-politiki l-oħra amministrati minn programmi pluriennali; |
64. |
Jirrakkomanda, bi qbil mal-fehma li esprimiet il-Qorti tal-Awdituri, li tiġi stabbilita rabta ċara bejn l-ammonti inklużi fir-rapporti ta’ attività annwali, b’mod partikulari biex tiġi stabbilita r-rata ta’ żball residwu, u l-informazzjoni dwar l-irkupri/korrezzjonijiet finanzjarji ppreżentati fil-kontijiet; |
65. |
Jinnota li l-Kummissjoni tista’ tipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-korrezzjonijiet tal-iżbalji u l-irregolaritajiet li saru fl-2011, b’mod partikulari f’dik il-parti tal-baġit implimentata taħt il-modalità ta’ ġestjoni kondiviża (20); |
66. |
Jissuġġerixxi lill-Kummissjoni li għandha titlob lid-Diretturi Ġenerali tagħha jiġbru sistematikament dik id-data u jippubblikawha fir-rapporti ta’ attività annwali tagħhom; |
67. |
Jistieden lill-Kummissjoni toħroġ, fiż-żmien dovut għall-proċedura ta’ kwittanza rispettiva, komunikazzjonijiet annwali lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri li jelenkaw, għal kull pajjiż u għal kull programm, il-korrezzjonijiet finanzjarji u l-irkupri miġbura, sabiex jintwera r-rendiment tagħha fil-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tfassal ranking ta’ prestazzjoni fuq din il-bażi; |
68. |
Jinnota bi tħassib li n-Nota 6 mehmuża mal-kontijiet konsolidati u msemmija hawn fuq tkopri biss dawk il-korrezzjonijiet finanzjarji u rkupri mwettqa fil-livell tal-Unjoni, u li l-informazzjoni dwar l-irtirar, l-irkupri u l-irkupri pendenti tal-fondi strutturali li jsiru mill-Istati Membri mhijiex qed tiġi żvelata minħabba raġunijiet ta’ affidabilità “peress li għad hemm dubji dwar il-kwalità u l-kompletezza tad-data ppreżentata minn xi Stati Membri u/jew għal xi programmi”; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika f’komunikazzjoni ta’ kull sena l-ammonti kollha korretti s-sena preċedenti permezz ta’ korrezzjonijiet finanzjarji u rkupri għal kull modalità ġestjonali fil-livell tal-Unjoni u mill-Istati Membri |
69. |
Jinsab ippreokkupat li l-Kummissjoni nnifisha tikkonferma fin-Nota 6 msemmija l-valutazzjoni li saret mill-Qorti tal-Awdituri dwar in-nuqqas ta’ affidabilità tas-sistemi superviżorji u ta’ kontroll tal-Istati Membri, u jiddispjaċih profondament li dan jista’ jolqot l-affidabilità tad-dikjarazzjonijiet maniġerjali tal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li d-data kkomunikata mill-Istati Membri tkun sħiħa u kompletament affidabbli; |
70. |
Ifakkar f’dan il-kuntest li, meta adottat ir-Rapport ta’ Sinteżi abbażi tal-assigurazzjonijiet u r-riżervi magħmula mid-Diretturi Ġenerali u l-kapijiet tas-servizzi tagħha fir-rapporti ta’ attività annwali tagħhom, il-Kummissjoni ħadet ir-responsabilità politika globali għall-ġestjoni tal-baġit tal-Unjoni (21); |
71. |
Jilqa’ t-titjib li sar għall-opinjoni globali maħruġa mill-awditur intern tal-Kummissjoni, li jirfed ukoll ir-Rapport ta’ Sinteżi, imma jinnota li l-opinjoni pożittiva li ta l-Awditur Interna hi bbażata b’mod partikulari fuq l-assigurazzjoni mogħtija fir-rapporti ta’ attività annwali mid-diriġenza ta’ livell għoli tal-Kummissjoni; |
72. |
Itenni, konsegwentement, it-talba preċedenti tiegħu biex il-Kummissjoni tistabbilixxi rapporti ta’ attività annwali li jkunu affidabbli u oġġettivi; |
Ir-responsabilità tal-Istati Membri
73. |
Jinnota li ż-żewġ oqsma ta’ politika li tendenzjalment għandhom l-ogħla rati ta’ żball (l-iżvilupp rurali, l-ambjent, is-sajd u s-saħħa, kif ukoll il-politika reġjonali, l-enerġija u t-trasport) huma prinċipalment implimentati taħt il-ġestjoni kondiviża, u jiddispjaċih li l-istimi tar-rati ta’ żball l-aktar probabbli jammontaw għal 7,7 % u 6 % rispettivament; |
74. |
Jenfasizza li l-President tal-Qorti tal-Awdituri osserva li “l-awtoritajiet nazzjonali joperaw l-ewwel linja – u dik l-aktar importanti – ta’ difiża fil-ħarsien tal-interessi finanzjarji taċ-ċittadini tal-UE” u li “jeħtieġ li jkun hemm grad akbar ta’ impenn min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali lejn il-ġestjoni u l-kontroll tal-flus tal-UE (22)”; jenfasizza f’dan il-kuntest il-koresponsabilità tal-Istati Membri rigward l-infiq aħjar; jikkunsidra, barra minn hekk, li l-involviment attiv tal-parlamenti nazzjonali permezz tal-kumitati rispettivi għas-sorveljanza tal-użu ta’ flus il-kontribwenti tal-Unjoni fl-Istati Membri (skont l-eżempju tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament), mhux biss fil-livell tal-monitoraġġ politiku u espert, iżda anke fil-proċess ta’ programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni ġdida, ikun iwassal għal livell aktar baxx tar-rata ta’ żball, għal trasparenza aħjar u għal-leġittimità demokratika tal-proċess ta’ assorbiment tal-fondi tal-Unjoni; |
75. |
Jiddeplora l-fatt li fi 62 % tat-tranżazzjonijiet awditjati fil-qasam tal-politika reġjonali milqutin minn żball, u f’76 % tat-tranżazzjonijiet awditjati tal-FSE, kien hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli biex l-awtoritajiet tal-Istati Membri jsibu u jikkorreġu tal-anqas uħud minn dawn l-iżbalji qabel ma jitolbu rimborż mill-Kummissjoni, u li, fil-qasam tal-iżvilupp rurali, il-Qorti tal-Awdituri sabet li l-kontrolli fuq il-post mhux dejjem twettqu sew; jistieden għalhekk lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jsaħħu b’urġenza l-kontrolli fl-ewwel livell sabiex jindirizzaw dan il-livell inaċċettabilment għoli ta’ ġestjoni ħażina; |
76. |
Jistieden lill-Kunsill u l-Coreper jaraw x’jagħmlu biex,fuq bażi regolari s-sistemi ta’ kontrolli nazzjonali, b’mod partikulari, u l-koresponsabilità tal-Istati Membri għall-infiq aħjar b’mod ġenerali jitqiegħdu bħala punti speċifiċi fuq l-aġenda tal-laqgħat tal-Ministri tal-Kunsill kompetenti u jiġu diskussi fil-preżenza tal-Kummissjoni; |
77. |
Jistieden lill-Qorti tal-Awdituri, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 287(4) tat-TFUE, tagħti opinjoni dwar l-indipendenza tal-awtoritajiet nazzjonali tal-adwitjar fir-rigward tal-ġestjoni kondiviża; |
Il-proċeduri ta’ akkwist pubbliku, il-kriterji ta’ eliġibilità
78. |
Jinnota li diversi żbalji jirriżultaw mill-applikazzjoni inkorretta tar-regoli nazzjonali (b’mod partikulari, fir-rigward tal-iżbalji li jikkonċernaw il-FSE fl-2011, il-ksur tar-regoli nazzjonali kkontribwixxa 86 % tar-rata ta’ żball), u li l-iżbalji fl-eliġibilità (speċjalment għall-benefiċjarji minn għotjiet) u l-ksur tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku (b’mod partikulari għall-fondi kondiviżi u għal dawk ġestiti indirettament) huma ż-żewġ sorsi ewlenin ta’ żbalji; |
79. |
Jilqa’, għal din ir-raġuni, il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dwar l-akkwist pubbliku adottata mill-Kummissjoni fl-20 ta’ Diċembru 2011 (COM(2011) 896), peress li hi intenzjonata biex tissimplifika r-regoli u tagħmilhom aktar flessibbli sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-infiq pubbliku; jinnota madankollu li anke r-regoli nazzjonali dwar l-akkwist pubbliku għandhom jiġu ssimplifikati bi qbil mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni; |
80. |
Jiddeplora l-fatt li l-iżbalji jistgħu jirriżultaw ukoll miż-żieda mar-regoli tal-Unjoni ta’ regoli nazzjonali li huma kumplessi bla bżonn u għaldaqstant diffiċli li jiġu implimentati u vverifikati mill-Istati Membri nnifishom, waqt li joħolqu piż addizzjonali u artifiċjali għall-benefiċjarji (“gold plating”); |
81. |
Jindika li t-tali regoli mhux biss iżidu r-rati ta’ żball bla bżonn, peress li l-ksur kollu jitqies bħala żball fil-ġestjoni baġitarja tal-Unjoni allavolja huma l-Istati Membri li huma responsabbli għal dawn ir-regoli kumplessi għalxejn, iżda jistgħu jwasslu wkoll biex il-Kummissjoni toħroġ talbiet ta’ rkupru; |
82. |
Iħeġġeġ lill-Istati Membri jidentifikaw u jirrapportaw lill-Parlament, b’mod ikkoordinat mal-Kummissjoni u b’konsultazzjoni mal-Qorti tal-Awdituri, dawk ir-regoli nazzjonali kumplessi bla bżonn sabiex jissimplifikawhom; jinnota li, f’dan ir-rigward, għandu jkompli jiġi esplorat il-potenzjal għat-tfassil ta’ dokumentazzjoni standard għall-offerti fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku; |
83. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex fejn ikun magħruf li seħħew vjolazzjonijiet tal-liġi baġitarja u l-liġi tal-kompetizzjoni fl-Istati Membri (partikolarment fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi), tapplika monitoraġġ u kundizzjonijiet aktar riġidi, u f’każ ta’ dubju, tissospendi l-iffinanzjar mill-Fondi Strutturali immedjatament sakemm ikun hemm konformità mar-regoli u għaldaqstant jiġi ggarantit użu tal-fondi li jkun f’konformità mal-Unjoni; |
84. |
Jinkoraġġixxi lis-servizzi tal-Kummissjoni jniedu pjan ta’ azzjoni pilota, kif għamel id-DĠ Impjiegi fis-setturi politiċi b’riskju ta’ żball għoli, bl-intenzjoni li jidentifikaw dawk l-oqsma kruċjali fejn is-simplifikazzjoni tista’ tgħin biex tnaqqas ir-rata ta’ żball fil-livell tal-benefiċjarji; |
85. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa strumenti addizzjonali biex tiffaċilita l-proċess ta’ konsultazzjoni mal-benefiċjarji u ssaħħaħ l-mod kif jgħaddu direttament l-informazzjoni lura lill-awtoritajiet nazzjonali, b’mod konformi mal-isforzi għas-simplifikazzjoni tar-regoli nazzjonali u għat-tnaqqis tar-rata ta’ żball; |
86. |
Jirrikjedi għal darb’oħra li l-Kummissjoni ssemmi lil dawk l-Istati Membri li huma responsabbli għall-iżbalji kwantifikabbli kumulattivi li ġew identifikati; Ma jifhimx il-limitazzjonijiet imposti fuq il-Qorti tal-Awdituri mill-metodu tagħha biex tislet kampjuni statistiċi, li effettivament jimpedixxi lill-Qorti tal-Awdituri milli ssemmi lil dawk l-Istati Membri bl-ogħla rata ta’ żball; Għal darb’oħra jitlob lill-Qorti tal-Awdituri tqabbel ir-riżultati tal-eżerċizzji ta’ awditjar tagħha ma’ dawk tal-Kummissjoni sabiex jiġu identifikati dawk l-Istati Membri jew ir-reġjuni l-aktar milqutin mil-livell u/jew l-okkorrenza ta’ żbalji; |
Il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà
87. |
Jinnota d-dħul fis-seħħ tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà iżda jiddispjaċih li dan il-mekkaniżmu ġie stabbilit barra l-qafas istituzzjonali tal-Unjoni, peress li din il-ħaġa tipprekludi kwalunkwe kontroll demokratiku, politiku u baġitarju mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u b’mod partikolari mill-Parlament; jenfasizza l-fatt li l-ħoqien barra l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jirrappreżenta intopp fl-evoluzzjoni tal-Unjoni, essenzjalment għad-detriment tal-Parlament, il-Qorti tal-Awdituri u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea; iqis li hu essenzjali li l-MES jiġi diskuss tal-anqas darba fis-sena f’dibattitu plenarju fil-preżenza tal-Kunsill u tal-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ rapport annwali mill-Bord tal-Awdituri tal-MES; |
L-Istrateġija Kontra l-Frodi
88. |
Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar l-istrateġiji ta’ kontra l-frodi stabbiliti f’kull Direttorat Ġenerali u tevalwahom wara l-adozzjoni tal-Istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi (COM(2011) 376) u l-Pjan ta’ Azzjoni Intern (SEC(2011) 787) għall-implimentazzjoni tagħha f’Ġunju 2011; |
L-industrija tat-tabakk
89. |
Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar kif biħsiebha ttejjeb malajr kemm jista’ jkun id-dispożizzjonijiet tagħha biex iddaħħal ġestjoni proattiva ta’ kunflitti potenzjali ta’ interessi u “revolving doors”; |
90. |
Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar kif implimentat l-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni Qafas tal-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk u kif biħsiebha ttejjeb u tiċċara r-regoli eżistenti; |
91. |
Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament malajr kemm jista’ jkun b’ħarsa ġenerali dwar id-dokumenti kollha (pubbliċi u mhux pubbliċi) u l-persuni kollha involuti fin-negozjati tal-erba’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni mal-industrija tat-tabakk; |
92. |
Jinnota li l-Unjoni hi sottofirmatarja tal-Konvenzjoni Qafas dwar il-Kontroll tat-Tabakk tad-WHO; iqis l-implimentazzjoni tal-Artikolu 5(3) bħala obbligu legalment vinkolanti għall-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar kif ġew implimentati fl-Unjoni u fl-istituzzjonijiet tagħha d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(3), speċjalment fir-rigward tal-kwistjoni li ġejja: sa fejn l-implimentazzjoni ssegwi l-linji gwida stipulati mid-WHO għall-Artikolu 5(3); jistaqsi kif u għalfejn il-Kummissjoni ddevjat minn dawk il-linji gwida; |
Ġestjoni baġitarja
Ir-rati ta’ implimentazzjoni, l-eċċessi fil-bilanċ baġitarju, l-impenji baġitarji pendenti
93. |
Jilqa’ l-livell għoli ta’ implimentazzjoni baġitarja, speċifikament 99,3 % tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn (l-istess bħal fl-2010) u 98,6 % tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament (2010: 96,6 %) u t-tnaqqis fl-eċċessi fil-bilanċ baġitarju globali minn EUR 4,5 biljun fl-2010 għal EUR 1,5 biljun fl-2011; |
94. |
Jinsab imħasseb dwar l-aċċelerazzjoni fir-rata ta’ talbiet għal pagament mill-Istati Membri lejn tmiem is-sena fir-rigward tal-FSE, il-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni, peress li din timpedixxi lill-Kummissjoni milli titlob baġit emendatorju mill-awtorità baġitarja fiż-żmien dovut sabiex iżżid l-approprjazzjonijiet ta’ pagament bl-intenzjoni li tonora t-talbiet li tirċievi; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jittrażmettu l-biċċa l-kbira tat-talbiet malajr kemm jista’ jkun; |
95. |
Iwissi kontra l-konċentrazzjoni ta’ proporzjon sinifikanti ta’ pagamenti fix-xahar ta’ Diċembru, li tista’ tolqot l-effettività tas-sistemi superviżorji u ta’ kontroll u żżid ir-riskju ta’ żball; |
96. |
Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda sinifikanti fl-impenji baġitarji pendenti minn EUR 13-il biljun fl-2010 għal EUR 207 biljuni, il-biċċa l-kbira fil-politika ta’ koeżjoni, għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007–2013; |
97. |
Jinsisti li hemm bżonn li, fis-snin li ġejjin, jitqiegħdu għad-dispożizzjoni biżżejjed approprjazzjonijiet ta’ pagament mill-bidu nett; |
Introjtu
Ir-riżorsi proprji tradizzjonali u l-VAT
98. |
Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri, fir-rapport annwali tagħha, sabet li l-kalkolu tal-introjtu ma kien jinkludi l-ebda żball materjali; jinsab imħasseb, madankollu, li f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżorsi proprji tradizzjonali, l-eżerċizzju ta’ awditjar tal-Qorti tal-Awdituri ma jistax ikopri l-importazzjonijiet mhux iddikjarati jew dawk li rnexxilhom jaħarbu mis-sorveljanza doganali, u li r-rapport annwali, għaldaqstant, ma jipprovdix stima tat-telf għall-baġit tal-Unjoni f’dak ir-rigward; jissuġġerixxi li l-Qorti tal-Awdituri toħroġ rapport speċjali dwar l-importazzjonijiet mhux iddikjarati abbażi ta’ stħarriġ f’tal-anqas 10 Stati Membri u taġġusta l-programm ta’ ħidma tagħha għall-2013 skont dan; |
99. |
Hu tal-opinjoni li l-eżerċizzju ta’ awditjar tar-rendiment imwettaq mill-Qorti tal-Awditruifil-qasam tal-introjtu hu ta’ valur partikulari, u jinkoraġġixxi lill-Qorti tal-Awdituri tikkonċentra aktar mir-riżorsi tagħha f’dan il-qasam; jiddispjaċih li r-rapport annwali, li madwaru hi ffukata ħafna mill-ħidma tal-Qorti tal-Awdituri, madankollu jipprovdi ftit informazzjoni dwar is-sitwazzjoni reali f’dak li jirrigwarda l-ġbir effiċjenti tal-introjtu; jistieden lill-Qorti tal-Awdituri tqiegħed aktar enfasi fir-rapport annwali tagħha fuq l-awditjar tal-introjtu, sabiex tippreżenta xbiha komprensiva tal-effettività tas-sistema għall-ġbir tal-introjtu fl-Istati Membri, u tal-konsegwenzi meta ma tiffunzjonax kif jixraq; |
100. |
Ifakkar li l-Parlament jissorvelja s-sitwazzjoni fir-rigward tal-ġbir tar-riżorsi proprji fir-rapport ta’ inizjattiva proprja tiegħu dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li jitfassal annwalment abbażi tar-rapport tal-Kummissjoni; |
101. |
Jinsab profondament imħasseb dwar il-konklużjoni tal-Qorti li hemm dgħufijiet kontinwati fis-superviżjoni doganali nazzjonali u li għalhekk ma jistax jiġi żgurat li r-riżorsi proprji tradizzjonali li ġew irreġistrati huma kompluti u korretti; iqis li hu inaċċettabbli li l-kontroll tal-proċeduri doganali fl-Istati Membri mhuwiex qed jiffunzjona kif suppost; ifakkar li l-operazzjoni korretta tal-proċeduri doganali għandha konsegwenzi diretti f’dak li għandu x’jaqsam mal-kalkolu tat-taxxa fuq il-valur miżjud; jinsab preokkupat profondament minn dak li sabet il-Qorti tal-Awdituri fir-Rapport Speċjali Nru 13/2011 tagħha, li l-applikazzjoni tal-proċedura doganali 42 (23) waħedha kienet tirrappreżenta telf estrapolat ta’ madwar EUR 2 200 miljun (24) fl-2009 fir-rigward tas-seba’ Stati Membri li ġew awditjati, telf li jirrappreżenta 29 % tal-VAT teoretikament applikabbli fuq l-ammont taxxabbli tal-importazzjonijiet kollha li saru skont il-proċedura doganali 42 fl-2009 f’dawk is-seba’ Stati Membri; |
102. |
Jisħaq fuq il-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri fir-Rapport Speċjali Nru 13/2011 tagħha, li “l-evażjoni tal-VAT taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Istati Membri; jinnota li dan għandu impatt fuq il-baġit tal-Unjoni minħabba li twassal għal riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT; jinnota li dan it-telf huwa kkumpensat mir-riżorsi proprji bbażata fuq l-ING, li tgħawweġ il-kontribuzzjonijiet individwali tal-Istati Membri għall-baġit tal-Unjoni u l-frodi tat-taxxa ddgħajjef il-funzjonament tas-suq intern u tevita l-kompetizzjoni leali” (25);. |
103. |
Jenfasizza li dak li sabet il-Qorti tal-Awdituri fir-Rapport Speċjali Nru 13/2011 tagħha ġie kkorroborat mill-konklużjoni tal-missjoni għat-tisjib tal-fatti tal-Kumitat għall-Kontroll Baġitarju tal-Parlament fil-portijiet ta’ Rotterdam u Antwerp, li seħħet nhar id-19 u l-20 ta’ Settembru 2012, jinnota li l-Unjoni hi blokk ta’ kummerċ ewlieni u li l-portijiet Ewropej il-kbar jiġbdu ħafna vapuri; jinnota li bħala riżultat tal-pressjonijiet loġistiċi, dawk il-portijiet jiddependu fuq il-proċeduri previsti fir-regolament doganali u li l-operaturi ekonomiċi awtorizzati jiksbu iktar importanza; jinnota, madankollu, li Rotterdam, pereżempju, l-akbar port Ewropew, ikkonċeda livell għoli ta’ proċeduri doganali ssimplifikati lill-importaturi meta mqabbel mal-portijiet ewlenin l-oħra fl-Unjoni; jisħaq fuq il-fatt li s-simplifikazzjoni tal-proċeduri doganali għandha tinkludi riskju xieraq u effettiv ibbażat fuq approċċ politiku li jwassal għal sistemi ta’ kontroll effettivi li jevitaw id-distorzjoni tal-kompetizzjoni u li l-proċeduri simplifikati għandhom jiġu mmoniterjati regolarment b’mod effettiv mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri; jinnota li kontrolli mnaqqsa jistgħu jfissru vantaġġi ekonomiċi kbar għal port; jisħaq fuq il-fatt li kwalunkwe kontroll imnaqqas bla ġustifikazzjoni jista’ jagħmel ħsara serja lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni u dawk tal-Istati Membri tagħha; |
104. |
Jieħu nota tal-inizjattivi li ħadet il-Kummissjoni bħala segwitu għar-Rapport Speċjali Nru 13/2011 tal-Qorti tal-Awdituri; jiddispjaċih, madankollu, li, skont l-Ewwel Rapport ta’ Attività ta’ Eurofisc għall-2011 li ħareġ f’Mejju 2012, ir-riżultati u l-osservazzjonijiet prinċipali ta’ dak ir-Rapport Speċjali għadhom pendenti; jitlob informazzjoni qabel Settembru 2013 dwar il-progress li jkun sar; |
105. |
Jinsab imħasseb serjament, b’mod partikulari, mill-konklużjoni relatata mal-Qasam ta’ Ħidma 3 li, fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, l-amministrazzjonijiet fiskali m’għandhom l-ebda aċċess għad-data doganali u li, għaldaqstant, mhux possibbli li jsiru kontrolli trasversali awtomatizzati mad-data fiskali; |
106. |
Jiddispjaċih li r-Rakkomandazzjoni Nru 6 tar-Rapport Speċjali Nru 13/2011, li titlob li d-Direttiva dwar il-VAT tiġi emendata sabiex jiġu identifikati b’mod separat il-provvisti intra-Komunitarji wara li jkunu saru importazzjonijiet taħt il-proċedura kkonċernata fid-dikjarazzjonijiet rikapitulattivi tal-VAT tan-negozjanti, għadha ma ġietx implimentata u jinnota li dan jippermetti rikonċiljazzjoni effettiva bejn id-data doganali u dik fiskali fl-Istat Membru tal-importazzjoni jitlob informazzjoni dwar ir-raġunijiet għalfejn dan ma sarx; |
107. |
Jiddeplora l-fatt li l-Kunsill għadu ma ħax azzjoni rigward ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri biex id-Direttiva dwar il-VAT tiġi emendata sabiex l-importatur responsabbli (jew ir-rappreżentant tiegħu tat-taxxa) jinżammu responsabbli in solidum għat-telf tal-VAT fl-Istat Membru tad-destinazzjoni fil-każi fejn ma tkunx ngħatat dikjarazzjoni rikapitulattiva tal-VAT kompleta u f’waqtha min-naħa tiegħu; |
108. |
Jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi tagħha biex issewwi s-sitwazzjoni fir-rigward tal-qagħda ta’ implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri li jinsabu fir-Rapport Speċjali Nru 13/2011 tagħha; |
109. |
Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni u l-Istati Membri ma setgħux jiżguraw implimentazzjoni f’waqtha tal-Kodiċi Doganali Modernizzat (MCC), li suppost kellu jsir applikabbli sa mhux aktar tard mill-24 ta’ Ġunju 2013; jisħaq fuq il-fatt li kwalunkwe dewmien ulterjuri se jimpedixxi protezzjoni adegwata tal-interessi finanzjarji tal-Istati Membri, u konsegwentement ta’ dawk tal-Unjoni nnifisha; jenfasizza l-fatt li, skont il-Kummissjoni, din is-sitwazzjoni hi dovuta, fil-biċċa l-kbira tagħha, għall-fatt li l-Istati Membri ma jistgħux jaqblu dwar il-metodoloġija l-aktar xierqa għall-iżvilupp ta’ għodda informatika u li qed jaffaċċjaw limitazzjonijiet fir-riżorsi umani u finanzjarji; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-Kummissjoni u l-Istati Membri qed jaqgħu lura f’din ir-riforma importanti ħafna fis-sitwazzjoni fejn il-ġbir tar-riżorsi proprji hu anqas milli għandu jkun biex ikun sodisfaċenti; |
110. |
Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni ta’ kemm jiswa l-posponiment tal-applikazzjoni sħiħa tal-Kodiċi Doganali Modernizzat, filwaqt li tikkwantifika l-konsegwenzi baġitarji ta’ posponiment ta’ dan it-tip; |
111. |
Jindika studju li ġie kkummissjonat mill-Parlament dwar “L-Implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali Modernizzat” (26), li minnu jirriżulta li, jekk ma jmur xejn ħażin, id-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi Doganali Modernizzat (li se jissejjaħ il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jekk tiġi adottata l-proposta mfassla mill-ġdid tal-Kummissjoni) jista’ jseħħ f’Diċembru 2017; ifakkar lill-Kummissjoni li l-Unjoni għandha l-kompetenza esklużiva fil-qasam tal-unjoni doganali u li, għaldaqstant, għandha tiżgura l-konformità mill-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni, konsegwentement, tintensifika l-isforzi tagħha biex tiżgura li l-Kodiċi Doganali Modernizzat jiġi implimentat mill-iktar fis possibbli, u tevita fi kwalunkwe każ l-agħar prospettiva possibbli indikata fl-istudju bħala Marzu 2033; |
112. |
Jiddeplora l-fatt li żewġ inizjattivi importanti bil-għan li jiġġieldu l-frodi tal-VAT, b’mod partikolari l-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward ta’ mekkaniżmu ta’ reazzjoni rapida kontra l-frodi tal-VAT (COM(2012) 428) u l-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE rigward applikazzjoni fakultattiva u temporanja tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fil-konfront ta’ fornimenti ta’ ċerti oġġetti u servizzi li jistgħu ikunu suġġetti għal frodi (COM(2009) 511), huma bblukkati fil-Kunsill; |
113. |
Jilqa’ l-fatt li l-EUROFISC, struttura operattiva komuni li tippermetti li l-Istati Membri jirreaġixxu malajr għal frodi transkonfinali fil-qasam tal-VAT, saret operattiva kompletament; jinnota li, fi Frar 2011, inħoloq qasam ta’ ħidma speċifiku għall-iskambju ta’ informazzjoni mmirata dwar tranżazzjonijiet frodulenti bl-użu tal-proċedura doganali 42; |
114. |
Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-koordinament tagħha mal-Istati Membri sabiex tiġbor data affidabbli dwar id-distakk fil-qasam tad-dwana u tal-VAT fil-pajjiżi rispettivi u tirrapporta b’mod regolari lill-Parlament f’dan ir-rigward; |
L-introjtu fuq il-bażi tal-ING – il-volum tal-evażjoni u l-evitar tat-taxxa u l-impatt tiegħu fuq il-baġit tal-Unjoni u l-ekonomiji tal-Istati Membri
115. |
Jilqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni biex issaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa (COM(2012) 722); ifaħħar, b’mod partikolari,l-proposta tal-Kummissjoni biex jitwaqqaf Mekkaniżmu ta’ Reazzjoni Rapida u jinsisti li dan kieku jippermetti li l-Istati Membri jirreaġixxu aktar malajr u b’mod aktar effiċjenti għall-frodi fil-qasam tal-VAT; jisħaq fuq il-fatt li hu stmat li l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa potenzjalment jammontaw għal EUR 1 triljun fis-sena għall-Istati Membri waqt li, apparagun, il-baġit tal-Unjoni għall-2011 f’termini ta’ approprjazzjonijiet għal impenn ammonta biss għal EUR 142,5 biljun; |
Agrikoltura
116. |
Jiddeplora ż-żieda tar-rata ta’ żball għal 4,0 % fil-qasam ta’ politika “Agrikoltura u żvilupp rurali” li jkopri l-infiq tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u tal-gruppi ta’ politiki li jirrigwardaw l-ambjent, is-sajd u s-saħħa; |
117. |
Ifakkar li d-deterjorament tal-qagħda attwali fl-agrikoltura u, b’mod partikulari, fl-iżvilupp rurali, hu l-kawża ewlenija taż-żieda tar-rata ta’ żball l-aktar probabbli għall-pagamenti kollha fis-sena finanzjarja 2011; |
118. |
Jinnota li allavolja 0,2 % ta’ din ir-rata ta’ żball ġie ġġenerat minn bidla fil-metodoloġija tal-Qorti tal-Awdituri rigward il-ksur tal-kundizzjonalità, bejn l-2010 u l-2011, ir-rata ta’ żball għall-qasam ta’ politika agrikolu kollu kemm hu żdiedet f’termini reali b’1,5 %: minn 2,3 % fl-2010 għal 3,8 % fl-2011 (27); |
119. |
Jieħu nota tal-approċċ tal-Qorti tal-Awdituri li, għall-ewwel darba, kien jinkludi l-ksur tal-kundizzjonalità fil-kalkolu tar-rata ta’ żball peress li “[l-obbligi] tal-kundizzjonalità huma rekwiżiti legali sostantivi li jridu jiġu ssodisfati mir-riċevituri kollha tal-għajnuna diretta u huma l-kundizzjonijiet bażiċi u, f’ħafna każijiet, l-uniċi kundizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati sabiex jiġi ġġustifikat il-pagament tal-ammont sħiħ ta’ pagamenti diretti” (28); jitlob lill-Qorti tal-Awdituri f’dan il-kuntest tkompli tispjega u tiġġustifika l-bidliet ta’ metodoloġija tagħha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri jaqblu dwar metodoloġija konsistenti bil-għan li ċ-ċifri annwali dwar l-implimentazzjoni baġitarja jsiru ikun kumparabbli; |
120. |
Jieħu nota tal-fatt li l-Qorti tal-Awdituri llimitat l-eżerċizzju ta’ awditjar tagħha għal ċerti Rekwiżiti Statutarji tal-Ġestjoni u għar-rekwiżiti ta’ Kundizzjoni Agrikola u Ambjentali Tajba u li “r-rata ta’ żball trid tintuża b’attenzjoni kbira u m’għandhiex tiġi ttrattata bħala valutazzjoni globali tar-rispett tal-obbligi ta’ kundizzjonalità mill-bdiewa” (29); |
121. |
Jinnota li huma l-Istati Membri li huma responsabbli għad-definizzjoni ta’ “kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba” u għal liema żona kkultivata se tiġi applikata; jikkritika b’qawwa l-fatt li l-benefiċjarji li ħafna drabi ma jkunux bdiewa se jirċievu pagamenti diretti; iqis li din hi allokazzjoni inkorretta ta’ fondi li jistgħu jiġu ffrankati; |
122. |
Jieħu nota tal-fatt li l-Istati Membri rkupraw EUR 172,7 miljun mill-benefiċjarji matul is-sena finanzjarja 2011, u li l-ammont pendenti globali li għad irid jiġi rkuprat mill-benefiċjarji fi tmiem is-sena kien ta’ EUR 1 206,9 miljun, li minnhom EUR 458 miljun intalbu mill-Istati Membri għall-infiq taħt il-FEAG bi qbil mar-regola 50/50; jirrikonoxxi li madwar EUR 25,7 miljun se jiġġarrbu mill-baġit tal-Unjoni għal dawk il-każijiet li ġie rrapportat li ma jistgħux jiġu rkuprati matul is-sena finanzjarja 2011; jindika li d-DĠ AGRI kklerja l-każijiet pendenti kollha li ma ġewx irkuprati minn żmien l-2006 jew l-2002 permezz tad-Deċiżjoni 2011/272/UE (30) tad-29 ta’ April 2011, u li, b’segwitu għall-applikazzjoni tar-regola 50/50, EUR 27,8 miljun intalbu mill-Istati Membri waqt li EUR 29,2 miljun iġġarrbu mill-baġit tal-Unjoni minħabba li ma setgħux jiġu rkuprati; |
123. |
Jilqa’ l-fatt li, għall-ewwel darba, il-Qorti qed tipprovdi żewġ valutazzjonijiet speċifiċi: dwar l-appoġġ għas-suq u l-appoġġ dirett, minn naħa, u dwar l-iżvilupp rurali, min-naħa l-oħra, u jqis li din tipprovdi fehim aħjar ta’ kull qasam ta’ politika; jistieden lill-Qorti tal-Awdituri, madankollu, tippreżenta r-rata ta’ żball għall-iżvilupp rurali b’mod separat mill-ambjent, is-sajd u s-saħħa u mhux b’mod aggregat; |
124. |
Jilqa’ r-reġistru li jipprovdi informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-pagamenti mill-Politika Agrikola Komuni fl-Istati Membri; jikkunsidra li din l-għodda hi pass importanti biex ikun hemm aktar trasparenza fis-settur agrikolu; ifakkar, madankollu, li bi qbil mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea tad-9 ta’ Novembru 2010 li tinvalida l-leġiżlazzjoni fir-rigward tal-persuni fiżiċi (31), ir-Regolament tal-Kummisjoni (KE) Nru 259/2008 (32) ġie mmodifikat biex l-obbligu għall-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-pagamenti mill-PAK jiġi limitat għall-persuni ġuridiċi; jinnota l-proposta tal-Kummissjoni għal regoli ġodda rigward it-trasparenza, adottata fil-25 ta’ Settembru 2012, li permezz tagħhom isir obbligatorju li l-Istati Membri jiżvelaw id-data tal-benefiċjarji kollha, inklużi l-persuni fiżiċi, ħlief dawk il-benefiċjarji li l-għajnuna annwali tagħhom ma taqbiżx ċertu limitu minimu de minimis, li fiha jitqiesu l-oġġezzjonijiet li saru fis-sentenza tal-Qorti, b’mod partikulari fir-rigward ta’ kwistjonijijiet relatati mal-protezzjoni tad-data; |
125. |
Jieħu nota tal-prattika attwali fil-ġestjoni tal-fondi Sapard, speċifikament li l-fondi jiġu biss rkuprati kompletament fuq bażi eċċezzjonali jekk l-imġiba frodulenti għal parti mill-proġett tkun ħolqot artifiċjalment il-kundizzjonijiet li mingħajrhom il-benefiċjarji ma jkun lanqas kiseb appoġġ għall-proġett; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-prattika attwali, rakkomandata mill-Kummissjoni lill-aġenzija Sapard, li proġett li parti minnu tkun affetwata minn imġiba frodulenti jista’ jitqies li jkun eliġibbli għall-finanzjament jekk il-proġett ma jitqisx li jkun ta’ natura artifiċjali, i.e. il-perċentwal tal-ispejjeż tal-elementi kollha affetwati ma jaqbiżx il-50 % tal-ispejjeż totali tal-proġett kollu kemm hu; jinsab imħasseb b’mod speċjali dwar il-fatt li din il-prattika ma turi l-ebda deterrenza minn imġiba frodulenti; |
Appoġġ għas-suq u appoġġ dirett
126. |
Jiddispjaċih li l-pagamenti mill-FAEG ma kinux ħielsa minn żbalji materjali fl-2011, peress li l-Qorti tal-Awdituri stmat li r-rata ta’ żball l-aktar probabbli hi ta’ 2,9 %, u li s-sistemi ta’ kontroll awditjati mill-Qorti tal-Awdituri fl-Awstrija, il-Finlandja, l-Ungerija, l-Italja u Spanja nstabu li huma biss parzjalment effettiv fl-iżgurar tal-legalità u r-regolarità tal-pagamenti; |
127. |
Jinnota li l-iżball fil-preċiżjoni l-aktar frekwenti għandu x’jaqsam ma’ dikjarazzjonijiet eċċessivi ta’ erja, li l-biċċa l-kbira tagħhom individwalment jammontaw għal anqas minn 5 %, u jiddeplora l-fatt li r-rati ikbar ta’ żbalji ta’ daqs akbar għandhom x’jaqsmu mal-każi fejn l-eliġibilità tal-imriegħi permanenti ġiet valutata u reġistrata inkorrettament mill-awtoritajiet tal-Istati Membri fis-Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Ħbula tar-Raba’; |
128. |
Jappoġġja r-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li għandha tiġi żgurata l-valutazzjoni korretta tal-eliġibilità tal-imriegħi permanenti (33); |
129. |
Jinnota b’diżappunt li l-Qorti tal-Awdituri sabet li l-effettività tas-Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll (SIAK) tintlaqat negattivament minn data impreċiża fid-diversi bażijiet tad-data u anke minn trattament amministrattiv inkorrett mill-aġenziji tal-pagamenti f’ċerti Stati Membri; ifakkar lill-Kummissjoni li l-introduzzjoni tas-SIAK wasslet għal tnaqqis fl-iżbalji u jitlob lill-Kummissjoni tirranġa s-sitwazzjoni mingħajr ebda dewmien bl-użu ta’ sospensjonijiet u interruzzjonijiet tal-finanzjament fejn ikun meħtieġ; |
130. |
Jinsab imħasseb li l-Kummissjoni, fir-rapport annwali tal-attività tagħha, żammet ir-riżervi tagħha rigward is-sistemi SIAK fil-Bulgarija u l-Portugall minħabba nuqqasijiet serji; jenfasizza l-fatt li, minħabba l-importanza tas-SIAK għall-ġestjoni u l-kontroll tal-infiq agrikolu, nuqqasijiet serji fl-istruttura u l-attività tagħha jesponu lill-Kummissjoni għal riskju reputazzjonali anke jekk l-impatt finanzjarju ma jaqbiżx il-livell minimu ta’ materjalità; |
131. |
Jiddispjaċih li xi nuqqasijiet sistematiċi fis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll li diġà ġew osservati u rrapportati fis-snin preċedenti għadhom ma ġewx irranġati: klassifikazzjoni inkorretta tal-użu tal-art, dikjarazzjoni eċċessiva tal-art eliġibbli fis-Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Ħbula tar-Raba’ jew applikazzjoni inkorretta tal-kunċett ta’ żball ovvju; |
132. |
Jiddeplora l-fatt li l-Qorti tal-Awdituri sabet nuqqasijiet fil-kejl fuq il-post; jinsisti li l-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom ikunu tal-kwalità meħtieġa biex jidentifikaw iż-żona eliġibbli b’mod affidabbli (34); |
133. |
Jiddispjaċih li l-kwalità tax-xogħol imwettaq mill-korpi ta’ ċertifikazzjoni awditjati mill-Qorti skont il-proċedura volontarja l-ġdida għat-tisħiħ tal-assigurazzjoni mhix suffiċjenti; |
134. |
Jistieden lill-Kummissjoni tieħu kull azzjoni meħtieġa sabiex l-aġenziji tal-pagamenti jirranġaw id-dgħufijiet misjuba fis-sistema ta’ amministrazzjoni; jinsisti li d-disinn u l-kwalità tax-xogħol li għandu jitwettaq mill-korpi ta’ ċertifikazzjoni jridu jittejbu sabiex tingħata valutazzjoni affidabbli tal-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet fl-aġenziji tal-pagamenti; jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga jekk inhux possibbli tikkoopera ma’ individwi privati għall-verifikazzjoni tal-istandards tal-kundizzjonalità u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv; |
Żvilupp rurali
135. |
Jiddispjaċih li l-pagamenti fis-settur politiku “żvilupp rurali, ambjent, sajd u saħħa” ma kinux ħielsa minn żbalji materjali fl-2011, peress li l-Qorti tal-Awdituri stmat li r-rata ta’ żball l-aktar probabbli hi ta’ 7,7 %, u li s-sistemi superviżorji u ta’ kontroll eżaminati kienu parzjalment effettivi; |
136. |
Jinnota li l-parti ewlenija tar-rata ta’ żball l-aktar probabbli tirrigwarda l-eliġibilità ta’ miżuri mhux relatati mal-erja bħall-modernizzazzjoni ta’ azjendi agrikoli u t-twaqqif ta’ servizzi bażiċi għall-ekonomija u l-popolazzjoni rurali, parzjalment minħabba r-regoli u l-kundizzjonijiet ta’ eliġibilità li ta’ spiss ikunu kumplessi; |
137. |
Jesprimi tħassib dwar il-fatt li nstabu ħafna żbalji meta l-benefiċjarji kienu korpi pubbliċi, bħall-muniċipalitajiet jew l-aġenzija tal-pagamenti nnifisha (35) u li dawk l-iżbalji kellhom x’jaqsmu ma’ kwistjonijiet bħad-dikjarazzjoni ta’ VAT ineliġibbli jew nuqqas ta’ konformità mal-proċeduri ta’ akkwist pubbliku; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li r-regoli eżistenti jiġu infurzati aħjar; |
138. |
Itenni d-dispjaċir tiegħu dwar il-fatt li l-Kummissjoni ssegwi metodoloġiji differenti għall-kwantifikazzjoni tal-iżbalji fil-proċeduri ta’ akkwist pubbliku fiż-żewġ oqsma ta’ politika tal-agrikoltura u l-koeżjoni, li t-tnejn li huma, barra minn hekk, mhumiex konformi mal-metodoloġija tal-Qorti tal-Awdituri, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri jarmonizzaw b’urġenza t-trattament tal-iżbalji fil-proċeduri ta’ akkwist pubbliku f’dawn iż-żewġ oqsma ta’ politika (36); |
139. |
Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri identifikat problemi sinifikanti fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-kundizzjonalità għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali (37); jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kwalità ta’ kontrolli matul is-sena, mingħajr ma jimponu piżijiet amministrattivi żejda fuq il-benefiċjarji; |
140. |
Jiddispjaċih li l-Qorti identifikat dgħufijiet fis-sistemi superviżorji u ta’ kontroll tal-Istati Membri fir-rigward tal-iżvilupp rurali u li t-tliet elementi li ġew awditjati kienu milqutin minn nuqqasijiet: i.e. is-sistemi amministrattivi u ta’ kontroll għall-iżgurar tal-pagament korrett, is-sistemi ta’ kontroll ibbażati fuq kontrolli fiżiċi fuq il-post u s-sistemi għall-iżgurar tal-implimentazzjoni u l-kontroll tal-kundizzjonalità; |
141. |
Jistieden lill-Kummissjoni tqis ir-riżultati li identifikat il-Qorti tal-Awdituri meta tistabbilixxi l-istrateġija ta’ awditjar tal-approvazzjoni tal-kontijiet tad-DĠ AGRI; |
142. |
Jinsab partikolarment preokkupat dwar id-dikjarazzjoni maniġerjali tad-DĠ AGRI peress li r-rapport ta’ Attività Annwali ma jipprovdix spjegazzjoni għalfejn ir-rata ta’ żball residwu għall-iżvilupp rurali “żdiedet b’mod sinifikanti meta mqabbla mas-sena preċedenti” (38); |
143. |
Jinnota li skont il-Qorti tal-Awdituri r-rata ta’ żball residwu tad-DĠ AGRI hi ħafna iżgħar minn dik li sabet il-Qorti tal-Awdituri peress li hi “bbażata fuq ċifri rrapportati mill-Istati Membri għall-2010, u kif ġie identifikat fl-eżerċizzju ta’ awditjar tal-Qorti, l-Istati Membri la jsibu u lanqas jirrapportaw l-infiq ineliġibbli kollu minħabba dgħufijiet fil-kontrolli tagħha tal-aġenziji tal-pagamenti” (39); |
144. |
Jinsab partikolarment imħasseb mill-fatt li d-DĠ AGRI jikkunsidra li “ġeneralment, l-Istati Membri qed itejbu s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tagħhom għall-infiq rurali” (40) waqt li l-eżerċizzju ta’ awditjar tal-Qorti tal-Awdituri wera li s-sistemi superviżorji u ta’ kontroll fid-Danimarka, il-Finlandja, l-Ungerija, l-Italja u Spanja ma kinux effettiv jew kienu biss parzjalment effettiv (41); hu tal-opinjoni li varjazzjoni tant kbira bejn il-valutazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Awdituri tagħmilha diffiċli biex l-awtorità ta’ kwittanza tilħaq konklużjonijiet oġġettivi; jinsisti fuq l-iskambju tad-data bejn il-Qorti tal-Awdituri u l-Kummissjoni biex tkun iffaċilitata l-analiżi retrospettiva għall-perjodi tal-imgħoddi sabiex tkun tista’ tiġi żgurata database affidabbli għat-tqabbil fil-ġejjieni; jinsab konvint dwar l-utilità tal-laqgħat tripartitiċi bejn il-Qorti tal-Awdituri, il-Kummissjoni u r-rappreżentanti mill-Istati Membri kkonċernati biex tinstab analiżi komuni; |
145. |
Jistieden, għalhekk lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tnaqqas ir-rata ta’ żball fil-qasam tal-iżvilupp rurali, u jilqa’ l-fatt li d-DĠ AGRI waqqaf grupp ta’ ħidma għall-valutazzjoni tal-kawżi li huma l-għeruq tal-iżbalji fil-qasam tal-iżvilupp rurali u għall-iżvilupp ta’ azzjonijiet korrettivi għall-perjodu ta’ programmazzjoni attwali u dawk fil-ġejjieni; |
146. |
Jistieden lill-Kummissjoni, madankollu, tistabbilixxi pjan ta’ azzjoni biex tnaqqas ir-rata ta’ żball, mhux biss billi tingħata gwida u assistenza lill-Istati Membri permezz ta’ eżempji tal-aħjar prattika, iżda anke permezz taż-żieda fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-programmi u tal-użu ta’ sanzjonijiet bħal interruzzjonijiet jew sospensjonijiet tal-pagamenti b’mod partikulari fl-iżvilupp rurali b’mod aktar effettiv fejn ikunu meħtieġa; |
147. |
Jistieden lill-Kummissjoni tkompli ttejjeb il-kontroll tal-kwalità tal-kriterji ta’ akkreditament għall-aġenziji tal-pagamenti u l-korpi ta’ ċertifikazzjoni; |
148. |
Jappoġġja kompletament ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri li r-regoli u l-kundizzjonijiet għall-iżvilupp rurali għandhom ikomplu jiġu ssimplifikati u li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli eżistenti jiġu infurzati aħjar; |
L-ambjent, is-saħħa pubblika u s-sikurezza alimentari
149. |
Jinsab imħasseb f’dan il-kuntest dwar il-preżentazzjoni tal-oqsma ta’ politika ambjentali u tas-saħħa flimkien mal-iżvilupp rurali u s-sajd fir-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, minħabba li ġie dikjarat li l-pagamenti sa tmiem is-sena kienu milquta minn żbalji materjali; jagħti attenzjoni partikolari dwar il-fatt li din il-konklużjoni tikkonċerna biss il-qasam tal-iżvilupp rurali; jitlob li l-Qorti tal-Awdituri tesplora l-possibilità ta’ preżentazzjoni differenti fil-ġejjieni, li tikkunsidra r-rendiment tajjeb tal-oqsma ta’ politika taħt il-kompetenza tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel tal-Parlament; |
150. |
Iqis li r-rati ta’ implimentazzjoni ġenerali tal-intestaturi baġitarji għall-ambjent, l-azzjoni klimatika, is-saħħa pubblika u s-sikurezza tal-ikel bħala sodisfaċenti; jenfasizza l-fatt li l-2011 hija l-ewwel sena baġitarja taħt il-proċedura baġitarja sħiħa stipulata fit-TFUE; jerġa’ jfakkar għal darb’oħra li huwa biss 0,76 % tal-baġit tal-Unjoni dedikat għal dawk l-istrumenti ta’ politika li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, filwaqt li jfakkar il-valur miżjud ċar tal-Unjoni f’dawn l-oqsma u l-appoġġ miċ-ċittadini tal-Unjoni għall-politiki tal-ambjent u l-klima tal-Unjoni; |
151. |
Jenfasizza l-fatt li r-rata ġenerali ta’ eżekuzzjoni tammonta għal 99,92 % fil-qasam tal-ambjent u l-azzjoni klimatika; jieħu nota, barra minn hekk, li l-implimentazzjoni ta’ pagamenti kienet fil-livell ta’ 88,05 %; jieħu nota li għall-ewwel sena l-implimentazzjoni tal-linji baġitarji għall-ambjent u l-azzjoni klimatika saret mid-Direttorat Ġenerali ENV u d-Direttorat Ġenerali l-ġdid CLIMA sar awtoresponsabbli fil-livell baġitarju fl-2011; |
152. |
Jinsab sodisfatt bil-kisba ta’ 99,82 % tal-implimentazzjoni tal-baġit operazzjonali ta’ LIFE + li juri l-ħtieġa u l-aċċettazzjoni ta’ strument uniku li jippromwovi unikament il-protezzjoni ambjentali; jieħu nota li fl-2011 EUR 267 179 828 ġew allokati għal proġetti fl-Istati Membri, EUR 8 997 284 appoġġjaw attivitajiet operazzjonali tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi, EUR 46 817 919 intużaw għal miżuri maħsuba biex jappoġġjaw ir-rwol tal-Kummissjoni li tibda u tissorvelja l-iżvilupp tal-politika u l-leġiżlazzjoni u EUR 17 589 277 intużaw għal appoġġ aministrattiv; għandu l-intenzjoni li jissorvelja ulterjorment l-allokazzjoni tal-fondi tal-LIFE + fost it-tliet fergħat tal-użu effettiv tiegħu; |
153. |
Jinsab konxju li r-rata ta’ pagament tal-azzjonijiet ta’ LIFE + taħt ir-responsabbiltà tad-DĠ CLIMA fl-ewwel sena tiegħu laħqet biss il-58,23 %; jieħu nota li dan il-konsum baxx hu dovut għall-fatt li t-tħejjija tal-baġit 2011 kienet wisq ottimista u li l-ammonti mitluba kienu wisq għoljin; jinnota, barra minn hekk, li l-pagamenti finali intalbu biss matul l-2012; jenfasizza l-fatt li approprjazzjonijiet ta’ pagament mhux użati ġew trasferiti għal linji baġitarji oħra fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ trasferiment globali li jseħħ kull sena f’Novembru; huwa konxju li fl-2011 dawk l-approprjazzjonijiet ta’ pagament intużaw għan-nuqqas li kien hemm fil-linji baġitarji ta’ Koeżjoni; |
154. |
Iqis il-progress fl-implimentazzjoni ta’ ħames Proġetti Pilota (PPs) u ta’ żewġ Azzjonijiet Preparatorji (APs), li flimkien jammontaw għal EUR 11 765 508, bħala sodisfaċenti; huwa konxju li l-eżekuzzjoni ta’ dawk l-azzjonijiet tista’ tkun ta’ piż għall-Kummissjoni minħabba l-ammonti żgħar disponibbli fir-rigward tal-proċeduri meħtieġa għall-eżekuzzjoni (eżempju pjan ta’ azzjoni, sejħa għall-proposti); iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fil-futur tiffoka fuq PPs u APs b’valur miżjud reali għall-Unjoni; |
155. |
Jieħu nota tal-livell ta’ implimentazzjoni ta’ 95,1 % għall-Kapitolu baġitarju 17 04 - Is-sikurezza tal-ikel u l-għalf, is-saħħa tal-annimali, il-benesseri tal-annimali u s-saħħa tal-pjanti; huwa konxju li l-implimentazzjoni sħiħa ma kinitx meħtieġa minħabba spejjeż inqas milli previsti mill-Istati Membri għall-vaċċin kontra l-bluetongue, minħabba li xi Stati Membri qalbu għal programmi volontarji ffinanzjati mill-bdiewa u minħabba tnaqqis fil-każijiet ta’ enċefalopatija sponġiformi bovina (BSE); josserva ż-żieda fl-eżekuzzjoni tal-pagamenti għal 98,1 % meta mqabbla ma’ 90,5 % fl-2010; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Istati Membri sabiex tikseb l-aħjar u l-aktar data preċiża għall-previżjonijiet f’dan il-qasam ta’ politika; |
Sajd
156. |
Jieħu nota tal-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament, il-Kunsill u l-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011; jieħu nota tar-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar is-sena finanzjarja 2011; jemmen li l-oqsma tal-affarijiet marittimi u tas-sajd mhumiex imsemmija b’mod prominenti f’dawk id-dokumenti; |
157. |
Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu li l-implimentazzjoni tat-Titolu 11 tal-baġit kienet, b’mod ġenerali, sodisfaċenti, b’rata ta’ implimentazzjoni ta’ 97 % għal approprjazzjonijiet ta’ impenn u 95 % għal approprjazzjonijiet ta’ pagament; jinnota wkoll li l-Qorti tal-Awdituri ma għamlet l-ebda osservazzjoni prinċipali dwar ir-Rapport Annwali tal-Attività ta’ DĠ MARE; |
158. |
Jitlob lill-Qorti tal-Awdituri sabiex tippreżenta r-rata ta’ żball għas-sajd separatament mill-ambjent, l-iżvilupp rurali u s-saħħa u mhux fuq bażi aggregata; |
159. |
Ifakkar li fl-2010 kien hemm monitoraġġ insuffiċjenti ta’ qabdiet skont il-ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd li rriżultaw f’pagamenti addizzjonali li jkopru qabdiet li jkunu akbar mill-kwota nnegozjata; jilqa’, għalhekk, l-azzjoni li ħa DĠ MARE biex itejjeb il-monitoraġġ ta’ qabdiet skont il-ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd, li hu ttamat li se tevita rikorrenza ta’ din il-kwistjoni enfasizzata mill-Qorti tal-Awdituri; jinnota li l-ammont ta’ qabdiet eċċessivi fl-2010 kienu mnaqqsa mill-kwota għall-2011; |
160. |
Iħeġġeġ lill-Qorti tal-Awdituri għal darb’oħra tinkludi awditu tad-dimensjoni esterna tal-politika komuni dwar is-sajd fil-programm ta’ ħidma tagħha; |
161. |
Jinnota r-riservi fir-Rapport Annwali tal-Attività ta’ DĠ MARE fir-rigward tal-Fond Ewropew għas-Sajd (FES), b’segwitu għar-rapport speċjali tal-Qorti tal-Awdituri 12/2011, dwar investimenti abbord iffinanzjati skont l-Artikolu 25(2) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006 (42) li żiedu l-abbiltà tal-bastimenti li jaqbdu l-ħut; jifhem li DĠ MARE kien qed jaħdem mal-Istati Membri biex jindirizza l-problemi identifikati billi jirrevedi l-proġetti ffinanzjati skont din id-dispożizzjoni tal-FES bl-għan li jelimina nfiq ineliġibbli; |
162. |
Għandu dubji dwar il-metodi ta’ valutazzjoni teknika li wasslu sabiex ċerta nefqa taħt l-Artikolu 25(2) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006 ġiet iddikjarata ineliġibbli minħabba li żżid il-kapaċità, meta n-nefqa kkonċernata kienet fil-fatt imfassla sabiex timmodernizza l-attività tas-sajd; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipproponi definizzjoni ġdida ta’ kapaċità, b’mod partikolari sabiex ma jkunx hemm interpretazzjoni ġdida bħal din fil-futur; |
163. |
Jesprimi t-tħassib serju tiegħu minħabba li l-għajnuna pubblika intużat biex iżżid l-abbiltà tal-bastimenti biex jaqbdu l-ħut u b’hekk żiedet il-kapaċità eċċessiva fis-settur tas-sajd Ewropew; |
164. |
Jinnota li t-tieni riserva fir-Rapport Annwali tal-Attività ta’ DĠ MARE, li tirrigwarda l-ġestjoni u l-kontroll tal-implimentazzjoni tal-FES fir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Rumanija, l-Islovakkja, l-Ispanja u l-Isvezja; |
165. |
Iqis li fil-futur ir-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri għandu jkollu analiżi proprja għaċ-ċifri relatati ma’ DĠ MARE sabiex tiżdied it-trasparenza, u li l-għadd ta’ testijiet għandu jiżdied sabiex tiġi żgurata eżattezza ġenerali ogħla mill-kampjun; |
166. |
Iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa kollha biex jindirizzaw il-problemi identifikati u b’hekk ikun possibbli li jitneħħew ir-riservi eżistenti; |
Politika reġjonali, enerġija u trasport
Ir-rata ta’ żball f’paragun mal-effettività
167. |
Jiddeplora l-fatt li l-Qorti tal-Awdituri tistma li r-rata ta’ żball l-aktar probabbli f’dan il-qasam ta’ nfiq hi ta’ 6 %, li hija għolja b’mod inaċċettabbli; jinnota fl-istess ħin li din ir-rata ta’ żball għadha anqas minn dawk li ġew irrapportati mill-Qorti tal-Awdituri għall-perjodu 2006–2008 minħabba dispożizzjonijiet ta’ kontroll imsaħħa u politika stretta ta’ interruzzjonijiet u sospensjonijiet meta nstabu nuqqasijiet, bi qbil mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni għall-2008; |
168. |
Jinsab imħasseb dwar il-fatt li għal 62 % tat-tranżazzjonijiet fil-qasam tal-politika reġjonali milqutin minn żball, kien hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli biex l-awtoritajiet tal-Istati Membri setgħu jsibu u jikkorreġu tal-anqas uħud mill-iżbalji qabel ma ċċertifikaw in-nefqa għall-Kummissjoni; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jtejbu s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tagħhom sabiex isibu u jikkorreġu l-iżbalji fil-livell nazzjonali; jikkunsidra li dan hu kmand impost mill-prinċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba (“infiq aħjar”); jenfasizza li s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll nazzjonali li għandhom nuqqasijiet irid ikollhom korrezzjonijiet netti bħala konsegwenza; |
169. |
Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri vvalutat il-ħidma ta’ seba’ awtoritajiet ta’ awditjar nazzjonali u reġjonali, kull waħda minnhom minn Stat Membru differenti, u kkonkludiet li l-awtoritajiet ta’ awditjar fil-Greċja, l-Ungerija, il-Latvja u l-Portugall kienu effittivi, li l-awtoritajiet ta’ awditjar fl-Italja–Sqallija u r-Rumanija kienu parzjalment effettivi, u li l-awtorità ta’ awditjar fir-Repubblika Ċeka kienet ineffettiva; |
170. |
Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-istrumenti kollha disponibbli matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014–2020 li jmiss, kif spjegat fil-proposta tal-Kummissjoni (COM(2011) 615/2), b’mod partikulari permezz ta’ atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni, bil-ħsieb li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw l-awtoritajiet ta’ awditjar nazzjonali, u li jiġu adottati mudelli għall-istrateġija ta’ awditjar, l-opinjoni tal-awditjar u r-rapport ta’ kontroll annwali, kif ukoll il-metodoloġija għat-teħid ta’ kampjuni; |
171. |
Jiddispjaċih li skont ir-Rapport Annwali tal-Attivitajiet 2011 tad-DĠ REGIO, il-pajjiżi bl-ogħla riskju ta’ pagamenti inkorretti għall-perjodu ta’ pprogrammar 2007-2013 huma r-Repubblika Ċeka (11,4 %), ir-Rumanija (11,2 %) u l-Italja (8,6 %); |
172. |
Jieħu nota tal-fatt li, fl-2011, id-DĠ REGIO sab nuqqasijiet serji f’ħames Stati Membri: Franza, l-Awstrija, l-Italja, ir-Rumanija u r-Repubblika Ċeka; jinnota li, waqt li d-diffikultajiet fi Franza u fl-Awstrija ġew identifikati mill-awtoritajiet tal-awditjar nazzjonali nfushom, in-nuqqasijiet fl-Italja, ir-Rumanija u r-Repubblika Ċeka kienu primarjament marbutin mal-istruttura tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll; |
173. |
Jilqa’ l-inizjattiva li ħa l-kumitat responsabbli tiegħu li jistieden il-Ministri responsabbli mill-Istati Membri bl-iktar sistema ta’ kontroll dgħajfa jiġu l-Parlament bl-intenzjoni li jispjegawlu x’miżuri ħa l-pajjiż rispettiv biex jirranġa s-sitwazzjoni; jesprimi f’dan il-kuntest l-apprezzament tiegħu għall-kontribut li ta l-Viċi Ministru Ċek għall-Finanzi fid-diskussjonijiet mal-kumitat responsabbli; jikkunsidra li l-preżenza tiegħu fil-kumitat hi pass inizjali biex l-Istati Membri jassumu rwol aktar responsabbli fil-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni; jilqa’ f’dan il-kuntest l-ewwel kuntatti mal-awtoritajiet Rumeni u l-Parlament Taljan; |
174. |
Jieħu nota tal-għadd ta’ riżervi (121 programm) li għamlu d-direttorati ġenerali tal-Kummissjoni u l-ammonti fil-periklu li, skont il-Kummissarju, jirrappreżentaw EUR 1 600 miljun; jilqa’, fl-istess ħin, il-fatt li ż-żieda hi prinċipalment dovuta għal approċċ aktar strett segwit mill-Kummissjoni, inklużi regola ġenerali li riskju residwu akkumulat ta’ 2 % jwassal għal riżerva għall-programm ikkonċernat; |
175. |
Jinnota l-għadd għoli tar-riżervi tal-Kummissjoni rigward is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tal-FEŻR/il-FK għal programmi operattivi identifikati għall-perjodu 2007–2013 fl-Istati Membri li ġejjin: l-Awstrija, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, Spanja u r-Renju Unit, minħabba kwistjonijiet sinfikanti rigward il-funzjonament effettiv tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll; |
176. |
Jinnota r-riżervi tal-Kummissjoni, għall-perjodu 2000–2006 rigward is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tal-FK fl-Ungerija u Spanja, u rigward il-FEŻR konnessi ma’ kwistjonijiet pendenti fl-istadju tal-għeluq fi Spanja, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja u l-programmi transkonfinali, u kollha dovuti għal raġunijiet reputazzjonali; |
177. |
Jinnota bi tħassib li l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju li jirċievu l-fondi mhumiex rappreżentati biżżejjed meta mqabbel mal-kumpaniji l-kbar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li r-regoli dwar l-eliġibilità, l-obbligi ta’ kontabilità u l-implimentazzjoni prattika tagħhom ma jeskludux projbittivament il-parteċipazzjoni tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju; |
178. |
Hu tal-opinjoni li implimentazzjoni rapida ta’ liġijiet funzjonali dwar il-Libertà ta’ Informazzjoni madwar l-Unjoni hi imperattiva, bl-istess mod kif inhu l-iżvelar sistematiku, proattiv u ċentralizzat tad-data u d-dokumenti, speċjalment fir-rigward tal-politika reġjonali; |
Sorsi ta’ żbalji
179. |
Jenfasizza l-fatt li hemm tendenza partikulari li l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku u r-regoli dwar l-eliġibilità jiġu żbaljati; |
180. |
Jirrikonoxxi l-importanza li l-awtoritajiet maniġerjali jkollhom il-persunal xieraq; jistieden lill-Istati Membri jagħtu kas dan ir-rekwiżit, sabiex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 53b(2) tar-Regolament Finanzjarju (KE, Euratom) Nru 1605/2002 li jieħdu kull miżura meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni meta jkunu qed jimplimentaw il-baġit; |
181. |
Jindika l-fatt li l-kwantifikazzjoni ta’ żbalji tista’ twassal għal diverġenza ta’ trattamenti; jinnota li filwaqt li l-Qorti tal-Awdituri tħares lejn il-konformità, perspettiva li tqis biss jekk dak li jkun ikunx mexa mar-regoli jew le, il-Kummissjoni tikkunsidra l-impatt finanzjarju ta’ żball u l-korrezzjonijiet finanzjarji jistgħu jvarjaw konsegwentement; |
182. |
Jenfasizza l-fatt li spiss l-oriġini tal-iżbalji tkun ġabra ta’ regoli kumplessa; jikkondividi, għalhekk, l-approċċ tal-Kummissjoni li tistinka favur is-simplifikazzjoni; iwissi kontra r-riskju li jista’ jirrriżulta minn regolamenti nazzjonali addizzjonali li jżidu l-piż amministrattiv (i.e. “gold plating”, regoli dwar l-eliġibilità kkumplikati); |
Rapportar u korrezzjonijiet finanzjarji
183. |
Jilqa’ l-mekkaniżmi ta’ korrezzjoni tal-Kummissjoni li jindirizzaw b’mod xieraq l-iżbalji u n-nuqqasijiet li jinstabu fuq perjodu pluriennali u fil-mument tal-għeluq; jinnota li l-pagamenti ta’ terz mill-programmi tal-FEŻR ġew ibblukkati matul l-2012 u, b’segwitu għal 121 riżerva li ħabbar fl-2011, id-DĠ REGIO interrompa l-iskadenzi għall-pagamenti għal 63 programm, ħareġ 115-il ittra ta’ twissija u fetaħ proċeduri ta’ sospensjoni għal 60 minn dawn il-programmi; |
184. |
Ifakkar li l-korrezzjonijiet finanzjarji m’għandhomx iservu sempliċiment ta’ multa u li l-applikazzjoni tagħhom għandu jkollha impatt pożittiv fuq it-titjib fit-tul tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll, kif ukoll fuq ir-rikorrenza ta’ żbalji; |
185. |
Jinsab imħasseb dwar il-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri li m’hemm l-ebda assigurazzjoni li l-mekkaniżmi ta’ korrezzjoni finanzjarja jikkumpensaw għall-programmi operattivi kollha b’mod xieraq u li l-kwistjonijiet materjali kollha ġew solvuti; barra minn hekk, il-Qorti tal-Awdituri ma sabet l-ebda evidenza li l-mekkaniżmi ta’ korrezzjoni finanzjarja jittraduċu ruħhom f’titjib dejjiemi għas-sistemi li kieku jipprevjeni r-rikorrenza tal-iżbalji skoperti; jirreferi f’dan ir-rigward speċifikament għar-Rapport Speċjali Nru 3/2012 (43) (il-punti 83 u 84); jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tipprovdi valutazzjoni komprensiva tal-korrezzjonijiet finanzjarji li saru u tal-impatt tagħhom fuq is-sistemi fir-rigward tal-prevenzjoni tar-rikorrenza tal-istess żbalji (speċifikament ta’ natura sistemika) fil-ġejjieni; jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament dwar il-konklużjonijiet tagħha sa tmiem l-2013; jistieden lill-Kummissjoni tuża l-konklużjonijiet relevanti kollha matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014–2020 u tressaq proposti biex jiġu emendati r-regolamenti, skont kif ikun xieraq; |
186. |
Josserva b’sodisfazzjon l-isforzi kontinwi tal-Kummissjoni biex issaħħaħ u, fl-istess ħin, tissimplifika d-dispożizzjonijiet dwar il-kontroll għall-politika ta’ koeżjoni; huwa tal-opinjoni li l-miżuri proposti għall-perjodu ta’ programazzjoni 2014–2020, bħal kundizzjonalitajiet ex ante speċifiċi, dikjarazzjonijiet ta’ ġestjoni annwali, ċertifikazzjoni tal-kontijiet annwali, opinjonijiet ta’ awditjar jew regoli aktar stretti għas-sostituzzjoni ta’ nfiq mhux eliġibbli għandhom ikomplu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-livell ta’ żbalji; jappoġġja l-orjentazzjoni li qed tiżdied lejn ir-riżultati u l-konċentrazzjoni tematika tal-politika ta’ koeżjoni li għandha tassigura valur miżjud għoli tal-operazzjonijiet kofinanzjati; |
187. |
Jitlob biex il-pagamenti mill-Fondi Strutturali jkunu soġġetti għal aktar monitoraġġ tal-kundizzjonalità sabiex ikun żgurat li l-Istati Membri kollha jikkonformaw mar-regoli dwar l-użu xieraq tal-Fondi Strutturali; |
Rakkomandazzjonijiet
188. |
Jistieden lill-Kummissjoni tassisti lill-Istati Membri jfasslu rapporti ta’ kontroll b’awditjar li jkunu komprensivi, sinifikanti u paragunabbli, u li jkunu jinkludu kapitolu dwar il-kontributi li l-fondi tal-Unjoni għall-ksib tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, kemm fil-livell nazzjonali u kemm f’dak reġjonali, waqt li jitqies il-potenzjal individwali għall-iżvilupp u l-possibilità tiegħu li jittrasforma ruħu f’ċentru ta’ tkabbir ekonomiku; |
189. |
F’dan il-kuntest, jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni u l-Istati Membri għall-fatt li, skont l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, il-programmi operattivi għandhom jitfasslu aktar u aktar b’tali mod li l-objettivi sekondarji tagħhom ikunu speċifiċi, jistgħu jitkejlu u jistgħu jinkisbu, relevanti u f’waqthom, u konsegwentement il-programmi għandhom ikunu jistgħu jiġu soġġetti għal eżerċizzji ta’ awditjar tar-rendiment; jinnota li t-twaqqif ta’ sistema ta’ indikaturi tar-riżultati u tal-impatti jkun jikkontribwixxi għall-valutazzjoni tal-progress miksub taħt il-programmi differenti fil-kuntest tal-effettività u l-effiċjenza tagħhom u mhux biss f’termini tal-implimentazzjoni finanzjarja tagħhom; |
190. |
Ifakkar lill-Istati Membri li, minħabba l-iskadenzi stretti għall-eżekuzzjoni tal-proġetti, hi meħtieġa sistema li twassal il-proġetti maturi, speċjalment fir-rigward tal-proġetti infrastrutturali ewlenin, sabiex l-implimentazzjoni tagħhom tkun tista’ tibda minn kmieni fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 li jmiss; |
191. |
Jikkondividi l-fehma tal-Qorti tal-Awdituri li l-Kummissjoni għandha tkompli ssaħħaħ is-sistema ta’ sanzjonijiet attwali (interruzzjoni, sospensjoni, korrezzjonijiet finanzjarji) billi tnaqqas il-possibilità li nfiq ineliġibbli jiġi sostitwit bi nfiq ieħor matul il-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss biex b’hekk jinħoloq inċentiv addizzjonali għall-Istati Membri biex isibu u jikkorreġu l-iżbalji minn stadju bikri; |
192. |
Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi, b’konsultazzjoni mal-Qorti tal-Awdituri, sistema trasparenti li, minn naħa, tippermetti li jitqiesu l-korrezzjonijiet finanzjarji annwali, imma anke, min-naħa l-oħra, il-korrezzjonijiet finanzjarji mill-bidu sal-aħħar ta’ perjodu ta’ programmazzjoni; |
193. |
Jistieden lill-Kummissjoni tassisti lill-Istati Membri biex il-kontrolli tal-ewwel livell u l-awtoritajiet ta’ awditjar nazzjonali jsiru aktar effettiv permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki u kooperazzjoni eqreb bejn il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Awdituri u l-awtoritajiet nazzjonali (“laqgħat tripartitiċi”); iqis, barra minn hekk, li l-awtoritajiet ta’ awditjar nazzjonali jistgħu jqiegħdu enfasi żejda fuq is-segwitu tar-riżultati miksub u l-effettività tal-assorbiment tal-fondi tal-Unjoni, minflok ma japplikaw biss approċċ kwantitattiv, ikunu xi jkunu l-għanijiet tal-proġett finali; |
194. |
Jistieden lill-Kummissjoni tibda l-preparazzjoni ta’ manwal tal-“aħjar prattiki” mill-perjodu ta’ programmazzjoni attwali, li jinkorpora riżultati prattiċi, l-effet miksub u l-lezzjonijiet meħuda għall-ottimizzazzjoni tal-proċess ta’ assorbiment u biex jitnaqqas il-livell ta’ rati ta’ żball; jinnota li, f’dan ir-rigward, il-benefiċjarji potenzjali futuri għall-perjodu ta’ programmar li jmiss 2014-2020, inkluża l-Kroazja, kif ukoll pajjiżi kanditati potenzjali, jibbenefikaw; |
Trasport u turiżmu
195. |
Jinnota l-fatt li, waqt li kienet qed tiġi eżaminata l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2011, bħal fis-snin preċedenti, il-Qorti tal-Awdituri għażlet li tiffoka prinċipalment fuq il-politiki ta’ koeżjoni u tal-enerġija aktar milli fuq il-politika tat-trasport; jenfasizza li din il-politika hija maħsuba sabiex jiġi żviluppat is-suq intern, jiġu stimulati l-kompetizzjoni u l-innovazzjoni u jiġu integrati n-netwerks tat-trasport; |
196. |
Jinnota li t-tnaqqis ta’ EUR 51 miljun f’approrijazzjonijiet magħmul fl-2011 fil-kooperazzjoni fit-Trasport għall-Impriża Konġunta Clean Sky, seħħ minħabba r-rieżanu tal-approċċ għall-politika industrijali u t-tnaqqis fl-approprjazzjonijiet għall-pagament ta’ EUR 60 miljun għal proġetti ta’ interess komuni fin-netwerks trans-Ewropej tat-trasport magħmul minħabba raġunijiet ta’ żmien u biex jitħalla l-użu sħiħ tar-riport mill-2010; jirrikonoxxi li t-tnaqqis fil-likwidità għall-Impriża Konġunta Sesar kien konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri; |
197. |
Jiddispjaċih għar-rata baxxa ta’ użu tal-approprjazzjonijiet għal pagament għas-sikurezza tat-trasport fl-2010 u ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni għal dan l-infiq anqas biex tingħata informazzjoni dettaljata dwar il-livell ta’ approprjazzjonijiet u l-użu tagħhom mill-Kummissjoni; |
198. |
Jinnota li l-karatteristiċi ta’ proġetti relatati mat-trasport spiss iwasslu għal konċentrazzjoni ta’ proporzjon sinifikanti ta’ pagamenti f’perjodu limitat, speċjalment lejn tmiem is-sena u jinsab imħasseb mill-impatt negattiv li dan jista’ jkollu fuq l-eżerċiżżju ta’ kontabilità; |
Impjiegi u affarijiet soċjali
Ir-rata ta’ żball f’paragun mal-effettività
199. |
Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri stmat li r-rata ta’ żball l-aktar probabbli f’dan il-qasam ta’ nfiq kienet ta’ 2,2 %; u li l-eżerċizzju ta’ awditjar tal-Qorti tal-Awdituri jindika dgħufijiet b’mod partikulari fil-“kontrolli tal-ewwel livell” tal-infiq, li huma r-responsabilità tal-awtoritajiet maniġerjali u tal-korpi intermedji fl-Istati Membri; |
200. |
Jinnota li, fl-2011, id-Direttur Ġenerali ħareġ riżervi fir-rapport tal-attività annwali tiegħu fir-rigward tal-programmi operattivi fil-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja, il-Latvja, il-Litwanja, ir-Rumanija, l-Islovakkja u r-Renju Unit; |
201. |
Jinnota b’sodisfazzjon li r-rata ta’ żball l-aktar probabbli hi qrib il-limitu minimu ta’ materjalità, u dan juri li applikazzjoni konsistenti tal-interruzzjonijiet, is-sospensjonijiet u l-korrezzjonijiet finanzjarji kellha effett pożittiv fuq ir-rata ta’ żball globali; |
202. |
Jinsab imħasseb dwar il-fatt li għal 76 % tat-tranżazzjonijiet fil-qasam tal-politika reġjonali milqutin minn żball, kien hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli biex l-awtoritajiet tal-Istati Membri setgħu jsibu u jikkorreġu tal-anqas uħud mill-iżbalji qabel ma ċċertifikaw in-nefqa għall-Kummissjoni; |
203. |
Jenfasizza li hu l-kompitu tal-awtoritajiet ta’ awditjar nazzjonali li jiżviluppaw l-“awtokontroll intern” neċessarja tar-regoli u l-miżuri sabiex isibu u jikkorreġu l-iżbalji li jitwettqu fl-“ewwel livell”; |
204. |
Jieħu nota tal-għadd ta’ riżervi (24 programm) li saru mid-DĠ “Impjiegi” (EMPL) tal-Kummissjoni fl-2011, li jikkorrispondu għal EUR 57,7 miljun; jinnota, barra minn hekk, li l-pagamenti għal 21 programm ġew temporanjament interrotti, u dawn huma stmati li jiswew EUR 911 miljun; jilqa’ l-approċċ strett li segwiet il-Kummissjoni, li jinkludi regola ġenerali li riskju residwu akkumulat ta’ 2 % jwassal għal riżerva għall-programm ikkonċernat; |
205. |
Jilqa’ l-fatt li għall-ewwel darba fl-2011, il-qasam tal-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali ġie ppruvat u evalwat separatament mill-kapitolu dwar il-Politika ta’ Koeżjoni; jilqa’ t-tnaqqis fir-rata ta’ żbalji għal dan il-qasam ta’ politika, li issa hija ta’ 2,2 % meta mqabbla ma’ medja ta’ 3,9 % għall-oqsma politiċi kollha; jinnota, madankollu, li l-ispejjeż ineliġibbli ġew rimborżati; |
206. |
Ifakkar fil-ħtieġa li tiġi mmonitorjata u mkejla l-prestazzjoni tal-istrumenti finanzjarji fil-konfront tal-miri politiċi – l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 – sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati n-nuqqasijiet u jsir progress; jitlob li l-informazzjoni u d-data b’rabta mal-prestazzjoni jkunu disponibbli fuq bażi annwali; huwa tal-fehma li fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali, hija meħtieġa b’mod kruċjali data dwar il-prestazzjoni bi kriterji multipli b’rabta mal-interventi tal-FSE; |
207. |
Jiddispjaċih dwar il-fatt li minkejja t-tisħiħ tal-linji baġitarji tal-FSE permezz ta’ trasferimenti bejn il-linji baġitarji u permezz tal-Baġit Emendatorju, EUR 2,7 biljun f’pagamenti pendenti lill-benefiċjarji ma setgħux jitħallsu minħabba approprjazzjonijiet ta’ pagament insuffiċjenti; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipproponi u lill-Kunsill sabiex jaqbel dwar approprjazzjonijiet ta’ pagament preċiżi fil-proċedura baġitarja annwali sabiex tiġi evitata l-inċertezza u piż proċedurali bla bżonn fuq l-awtorità baġitarja u sabiex il-benefiċjarji jiġu pprovduti b’pagamenti f’waqthom; |
208. |
Jilqa’ l-fatt li għall-FSE żdied l-ammont ta’ EUR 3,25 miljun fil-linja dwar l-Assistenza Teknika Operattiva sabiex ikun jista’ jiġi mobilizzat għarfien espert speċifiku u tiġi appoġġjata direttament l-implimentazzjoni ta’ Programm Operattiv tal-FSE għall-Greċja; |
209. |
Jenfasizza li l-effettività u l-kwalità tax-xogħol tal-istituzzjonijiet tal-awditjar tal-FSE jridu jiġu mtejba; |
210. |
Jinnota li s-sehem tan-nefqa fuq il-linja tax-xogħol fi ħdan il-programm Progress hija ftit aktar baxxa mis-sehem li għandha fil-programm; b’segwitu għall-konklużjonijiet tar-rapport ta’ evalwazzjoni (44) iqis li għandha tiżdied in-nefqa fuq il-konsulenza politika, ir-riċerka u l-analiżi u d-dibattitu politiku dwar ix-xogħol; |
211. |
Itenni l-appell tiegħu sabiex tiġi żgurata, fid-dawl tal-implimentazzjoni, progressjoni flokha tat-total ta’ approprjazzjonijiet għal pagamenti fil-konfront tal-approprjazzjonijiet għal impenji, biex b’hekk tiġi evitata kull evoluzzjoni mhux normali ta’ impenji pendenti (RAL) (65 % tal-volum totali ta’ Fondi ta’ Koeżjoni fi tmiem l-2011). |
Sorsi ta’ żbalji
212. |
Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri sabet li, fi 13 % tal-180 tranżazzjoni li ġew awditjati fil-FSE, ġew rimborżati spejjeż ineliġibbli, u li żbalji ta’ dan it-tip jirrappreżentaw 77 % tal-iżbalji kwantifikabbli kollha u jirrappreżentaw madwar 73 % tar-rata ta’ żball stmata għal dan il-grupp ta’ politiki; |
213. |
Jinsab preokkupat ħafna li 86 % mir-rata ta’ żball li ġiet ikkalkulata mill-Qorti tal-Awdituri fil-livell tal-Unjoni għall-FSE tirriżulta mill-applikazzjoni inkorretta tar-regoli nazzjonali, li tvarja minn żbalji klerikali, regoli kumplessi eċċessivament bla bżonn (“gold plating”) sa kontrolli tal-ewwel livell insuffiċjenti; |
Rapportar u korrezzjonijiet finanzjarji
214. |
Hu tal-opinjoni li l-mekkaniżmi ta’ korrezzjoni tal-Kummissjoni jindirizzaw b’mod xieraq l-iżbalji u n-nuqqasijiet li jinstabu fuq perjodu pluriennali u fil-mument tal-għeluq; jinnota li sa Novembru 2012, il-Kummissjoni, apparti l-miżuri li ħadet fl-2011, adottat żewġ deċiżjonijiet għal sospensjoni u 34 interruzzjoni; dawn tal-aħħar jirrappreżentaw valur ta’ EUR 153 miljun; jinnota, barra minn hekk, li l-Kummissjoni imponiet EUR 153 miljun ta’ korrezzjonijiet finanzjarji sa Novembru 2012; |
Progress rigward l-għeluq tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2000–2006
215. |
Jirrikonoxxi l-fatt li l-Istati Membri għandhom jippreżentaw tliet dokumenti għall-għeluq: dikjarazzjoni ċċertifikata tan-nefqa finali, inkluża applikazzjoni għal pagament finali, rapport finali dwar l-implimentazzjoni u dikjarazzjoni dwar it-tmiem tal-assistenza; għall-perjodu ta’ programmazzjoni huma kkonċernati 239 programm operattiv; |
216. |
Jieħu nota tal-fatt li, sa tmiem Ottubru 2012, ingħalqu 149 programm (62 %); jinnota li għadhom miftuħin approprjazzjonijiet ta’ impenn li jammontaw għal EUR 1 889 miljun; |
Il-prevenzjoni tal-frodi
217. |
Jilqa’ l-iżvilupp mid-DĠ EMPL u REGIO ta’ għodda intelliġenti tal-IT għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta’ frodi bħalma hi l-Għodda ta’ Evalwazzjoni tar-Riskju ARACHNE; jirrimarka li twettaq eżerċizzju pilota fil-Belġju, il-Portugal u l-Ungerija li wassal għall-iżvilupp ulterjuri tal-għodda inizjali ta’ evalwazzjoni tar-riskju b’moduli li huma kapaċi jtejbu il-kwalità tad-data permezz ta’ informazzjoni esterna pubblikament disponibbli; jifhem li l-għodda ARACHNE se tkun lesta fir-Rebbiegħa 2013 filwaqt li sal-aħħar tal-2013, l-Istati Membri kollha se jkunu jistgħu jużaw l-għodda fuq bażi volontarja; |
Rakkomandazzjonijiet
218. |
Jistieden lill-Kummissjoni tassisti lill-Istati Membri jfasslu rapporti ta’ kontroll b’awditjar li jkunu komprensivi, sinifikanti u paragunabbli, u li jkunu jinkludu kapitolu dwar il-kontribut għall-ksib tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 li taw il-fondi tal-Unjoni fl-Istat Membru rispettiv; |
219. |
Jiġbed l-attenzjoni, f’dan il-kuntest, tal-Kummissjoni u l-Istati Membri għall-fatt li, skont l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, il-programmi operattivi għandhom jitfasslu aktar u aktar b’tali mod li l-objettivi sekondarji tagħhom ikunu speċifiċi, jistgħu jitkejlu u jistgħu jinkisbu, relevanti u f’waqthom, u konsegwentement il-programmi għandhom ikunu jistgħu jiġu soġġetti għal eżerċizzji ta’ awditjar tar-rendiment; |
220. |
Jikkondividi l-fehma tal-Qorti tal-Awdituri li l-Kummissjoni għandha tkompli ssaħħaħ is-sistema ta’ sanzjonijiet attwali (interruzzjoni, sospensjoni, korrezzjonijiet finanzjarji) billi tnaqqas il-possibilità li nfiq ineliġibbli jiġi sostitwit bi nfiq ieħor matul il-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss biex b’hekk jinħoloq inċentiv addizzjonali għall-Istati Membri biex isibu u jikkorreġu l-iżbalji minn stadju bikri; |
221. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri jistabbilixxu sistema trasparenti li, minn naħa, tippermetti li jitqiesu l-korrezzjonijiet finanzjarji annwali, imma anke, min-naħa l-oħra, il-korrezzjonijiet finanzjarji mill-bidu sal-aħħar ta’ perjodu ta’ programmazzjoni; |
222. |
Jistieden lill-Kummissjoni tassisti lill-Istati Membri biex il-kontrolli tal-ewwel livell u l-awtoritajiet ta’ awditjar nazzjonali jsiru aktar effettiv permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki u kooperazzjoni eqreb bejn il-Kummissjoni, il-Qorti u l-awtoritajiet nazzjonali (“laqgħat tripartitiċi”); jilqa’ l-laqgħat tripartitiċi bħala parti importanti fil-proċess kontradittorju mmirat lejn kooperazzjoni msaħħa fost il-partijiet li twassal biex l-iżbalji jinstabu u jiġu korretti b’mod aktar effettiv, b’mod partikulari fir-rigward tal-FSE; |
223. |
Jaqbel mal-Kummissjoni li għandha tingħata attenzjoni partikulari:
|
Il-Bulgarija u r-Rumanija
224. |
Jinnota bi tħassib ir-rapport interim tal-Kummissjoni dwar il-progress li sar mir-Rumanija skont il-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni u Verifika, speċjalment fid-dawl tal-kapaċità tar-Rumanija li tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni; jinsab imħasseb dwar il-valutazzjoni tar-rapport li nkiseb progress limitat biss fil-prevenzjoni u s-sanzjoni tal-korruzzjoni relatati mal-akkwist pubbliku; jisħaq l-importanza tas-suġġeriment tar-rapport li l-Gvern iwettaq il-ħatra ta’ tmexxija ġdida għall-prosekuzzjoni u l-Aġenzija Nazzjonali Kontra l-korruzzjoni (DNA); jistieden lill-Kummissjoni tinsisti b’kostanza u b’determinazzjoni, fir-rigward tal-Gvern Rumen, li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jiġu osservati u ċċarati; jistenna, finalment, sensiela ta’ miżuri mill-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-Gvern Rumen, bl-għan li tittejjeb l-integrità tas-sistema legali Rumena; |
225. |
Jinnota bi tħassib ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-progress li sar mill-Bulgarija taħt il-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni u Verifika fid-dawl tal-isforzi ulterjuri meħtieġa sabiex jintwerew riżultati tanġibbli fis-setturi mmoniterjati; jitlob li jiġi implimentat b’mod effettiv il-qafas leġiżlattiv u istituzzjonali stabbilit; jinnota bi tħassib id-dikjarazzjoni tar-Rapport li l-Kunsill Ġudizzjarju Suprem (KĠS) ma użax kif xieraq is-setgħat il-ġodda mogħtija lilu, bl-għan li jamministra u jmexxi b’mod effettiv il-ġudikatura permezz ta’ proċess ta’ riforma komprensiv; jilqa’ l-isforzi mill-Gvern Bulgaru biex iġedded il-KĠS permezz ta’ mandat li jista’ jimplimenta r-riforma fundamentali permezz tar-regoli l-ġdida li ġejja: smigħ pubbliku tal-kandidati għall-KĠS, kriterji ċari għall-kwalifiki professjonali u edukattivi tagħhom u viżjoni għall-effiċjenza, r-responsabilizzazzjoni u l-integrità tal-ġudikatura; jirrikonoxxi l-fatt li l-istrutturi speċjalizzati l-ġodda li huma fis-seħħ juru impenn għall-adozzjoni tal-istrutturi attwali biex il-kriminalità organizzata tiġi indirizzata b’mod aktar effettiv; jinnota, madankollu li r-Rapport jissuġerixxi li dawn l-istrumenti l-ġodda għadhom ma tawx ir-riżultati mistennija fir-rigward ta’ kawżi importanti; jinnota bi tħassib kbir li l-investigazzjonijiet dwar korruzzjoni u abbuż allegati tal-kariga minn maġistrati kellhom rispons partikolarment dgħajjef mill-ġudikatura; jibża, barra minn hekk li implimentazzjoni dgħajfa tal-leġiżlazzjoni ta’ Akkwist Pubbliku tista’ tirriżulta f’sors importanti ta’ korruzzjoni, vjolazzjonijiet serji tar-regoli ta’ akkwist tal-Unjooni, kif ukoll f’forniment dgħajjef ta’ beni pubbliċi b’valur miżjud Ewropew u ħela tal-flus pubbliċi tal-Unjoni; jilqa’ l-liġi emendata dwar l-akkwist pubbliku li tistabbilixxi l-kontroll ex ante fuq il-proċeduri ta’ sejħa għal offerti biex ikun garantit l-infiq xieraq tar-riżorsi pubbliċi; jistieden lill-Kummissjoni tinsisti b’kostanza u b’determinazzjoni, fir-rigward tal-Gvern Bulgaru, li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jiġu osservati; jistenna, finalment, sensiela ta’ miżuri mill-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-ġudikatura Bulgari, għat-titjib tal-integrità tas-sistema legali Bulgara; |
Kontroll tal-Fondi Strutturali fir-Repubblika Ċeka
226. |
Jieħu nota tal-pjan ta’ azzjoni li ġie implimentat mill-Gvern Ċek fl-2012; jinnota bi tħassib iċ-ċentralizzazzjoni tal-attivitajiet ta’ awditjar taħt l-awtorità ewlenija ta’ awditjar fil-Ministeru għall-Finanzi Ċek peress li l-Qorti tal-Awdituri rrapportat li din l-awtorità ta’ awditjar kienet ineffettiva; jistieden lill-Kummissjoni tirraporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-aġġustamenti li jikkonċernaw il-persunal tal-awtorità ta’ awditjar, fuq il-bażi tal-Gvern Ċek, kif ġie mitlub fil-Pjan ta’ Azzjoni; |
227. |
Jieħu nota tal-fatt li l-Kummissjoni ma applikat l-ebda korrezzjoni minħabba l-ineffettività tas-sistema ta’ awditjar fir-Repubblika Ċeka; jinnota, madnakollu, li l-Kummissjoni applikat korrezzjonijiet għal xi wħud mill-programmi operattivi, prinċipalment minħabba nuqqasijiet fil-funzjonament tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll (żbalji fl-akkwist pubbliku u fl-għażla tal-operazzjonijiet); jinnota li l-korrezzjonijiet applikati jistgħu jiġu allokati għal proġetti oħra; jinsab imħasseb dwar l-informazzjoni rrappurtata inizjalment mill-Qorti tal-Awdituri li ssuġġeriet li l-Ministeru għall-Finanzi Ċek uża r-rwol tiegħu ta’ awtorità tal-awditjar u ta’ awtorità ta’ ċertifikazzjoni biex jinfluwenza r-rata ta’ żball finali; jitlob li l-Kummissjoni tirrapporta lura lill-Parlament fid-dettall dwar il-kwistjoni; jistieden lill-Kummissjoni telabora b’kooperazzjoni mal-Gvern Ċek u tagħti segwitu lill-implimentazzjoni ta’ Pjan ta’ Azzjoni eżistenti li jindirizza l-qalba tan-nuqqasijiet fis-sistema ta’ awditjar; |
Kwistjonijiet relatati mal-ġeneri
228. |
Jenfasizza li, skont l-Artikolu 8 tat-TFUE, il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija prinċipju fundamentali tal-Unjoni; itenni t-tajba tiegħu għall-implimentazzjoni tal-ibbaġitjar għall-ġeneri mill-atturi kkonċernati kollha fil-proċedura baġitarja tal-Unjoni; jitlob, għalhekk, lill-Qorti tal-Awdituri tevalwa l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni mill-perspettiva tal-ġeneri, meta dan ikun applikabbli; |
229. |
Jiddispjaċih li r-rapport annwali ma fih ebda osservazzjoni mill-Qorti tal-Awdituri jew ebda risposta mill-Kummissjoni dwar l-infiq marbut mal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; |
230. |
Jinnota l-bosta osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri kif ukoll ir-risposti tal-Kummissjoni dwar il-kapitlu dwar ix-xogħol u l-affarijiet soċjali, li huwa l-qasam politiku li primarjament ikopri l-ugwaljanza bejn is-sessi; jitlob lill-Qorti tal-Awdituri jagħti dettalji speċifiċi jekk xi waħda mill-osservazzjonijiet tikkonċerna l-infiq marbut mal-ugwaljanza bejn is-sessi; |
231. |
Itenni t-tajba tiegħu għal aktar sforzi għall-iżvilupp ta’ data speċifika għall-ġeneri, li tippermetti monitoraġġ xieraq ta’ kif l-allokazzjonijiet baġitarji jolqtu l-opportunitajiet ekonomiċi u soċjali tan-nisa u l-irġiel, li jistgħu jkunu inklużi fir-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit; jisħaq li qafas finanzjarju pluriennali ġdid jagħti opportunità għall-iżvilupp ta’ tali data u l-introduzzjoni tagħha, u jimplementa l-baġitarjar favur is-sessi bħala għodda għall-governanza tajba. |
Relazzjonijiet esterni, għajnuna u tkabbir
232. |
Jisħaq li r-riżorsi tal-Unjoni għandhom jiġu ġestiti b’konformità mal-prinċipji ta’ trasparenza u governanza tajba; jinnota li l-Qorti tal-Awdituri sabet li l-pagamenti għas-sena finanzjarja 2011 huma ħielsa minn żbalji materjali taħt l-intestatura 4 tal-baġit, iżda li l-pagamenti interim u finali huma milquta minn żbalji materjali; jinnota wkoll li mhux l-iżbalji kollha huma kwantifikabbli; |
233. |
Jindika n-natura speċifika tal-finanzjament tal-għajnuna esterna tal-Unjoni li, għalkemm għandu jkun soġġett għall-istess regoli u rekwiżiti ta’ kontroll bħall-bqija tal-baġit tal-Unjoni, huwa implimentat parzjalment minn persuni u entitajiet esterni għall-Unjoni, kultant f’kundizzjonijiet diffiċli, filwaqt li jeħtieġlu jibqa’ reattiv u flessibbli għall-kriżijiet u l-ħtiġijiet; |
234. |
Jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tal-kapitolu dwar “Relazzjonijiet esterni, għajnuna u tkabbir”, b’mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet li jikkonċernaw id-Direttorat Ġenerali tas-Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Barranija (FPI) u t-titjib li meħtieġ jagħmel fil-ġestjoni tal-baġit għall-politika estera u ta’ sigurtà komuni; |
235. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa għal aktar trasparenza fil-ġestjoni ta’ fondi allokati għall-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali; jitlob lill-Kummissjoni biex għal kull sena finanzjarja tibgħat rapport lill-awtorità baġitarja li jkun jinkludi l-ispejjeż li ntefqu għal kull missjoni, filwaqt li jipprovdi dettalji dwar il-partiti baġitarji kollha, li l-ispejjeż tagħhom ikunu relatati ma’ fornituri esterni ta’ servizzi; |
236. |
Jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li jerġa’ jintuża l-materjal għall-osservazzjoni elettorali (għamara, kompjuters, eċċ.) f’missjonijiet elettorali oħra jew minn delegazzjonijiet tal-Unjoni sabiex dawn jintużaw kemm jista’ jkun; |
237. |
Jilqa’ l-iżvilupp ta’ qafas imtejjeb għall-ġestjoni tar-riskji tal-appoġġ baġitarju mill-Kummissjoni (li għandu japplika bis-sħiħ mill-1 ta’ Jannar 2013) bħala parti mil-linji gwida ta’ appoġġ baġitarju ġodda bi tweġiba għal rakkomandazzjoni ewlenija mill-Qorti tal-Awdituri; |
238. |
Jinnota, madankollu, li fir-rigward tal-appoġġ baġitarju, ir-riżervi u t-twissijiet tal-Qorti tal-Awdituri li jikkonċernaw ir-riskji inerenti ta’ irregolarità, frodi u korruzzjoni; itenni l-fehma soda ħafna tiegħu li l-appoġġ baġitarju, filwaqt li jibqa’ mezz importanti għall-għajnuna esterna, għandu jkun soġġett għal prekundizzjonijiet stretti politiċi, ġuridiċi u relatati mal-awditjar; |
239. |
Jilqa’ b’sodisfazzjon ir-riżultati tar-rapport ta’ valutazzjoni dwar l-effettività tal-għajnuna tal-Unjoni li tgħaddi mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jiġbed l-attenzjoni għal waħda mir-rakkomandazzjonijiet ewlenin tar-rapport li jitnaqqas l-impatt negattiv tal-proċeduri onerużi fuq l-effettività tal-programmi implimentati mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jilqa’ l-fatt li nħolqu għażliet ġodda biex jiġi ssimplifikat l-aċċess għall-fondi; |
240. |
Jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tqis il-viżibbiltà tal-proġetti tal-Unjoni bħala element ewlieni fl-implimentazzjoni tajba tal-proġetti u li t-tħejjija ta’ pjan ta’ komunikazzjoni għal kull proġett saret obbligatorja. |
241. |
Jinnota b’sodisfazzjon li r-rata ta’ żball stmata tal-Qorti tal-Awdituri għall-għajnuna esterna mill-baġit tal-Unjoni kienet taħt il-livell ta’ materjalità għal sentejn konsekuttivi; jinsab imħasseb, madankollu, li l-pagamenti interim u finali kienu affettwati minn żball materjali u li l-frekwenza globali ta’ żbalji fil-pagamenti nnutata mill-Qorti kienet ogħla mis-sentejn preċedenti (33 % fl-2011, telgħet minn 23 % fl-2010 u 22 % fl-2009); |
242. |
Jinsab imħasseb li s-sistemi superviżorji u ta’ kontroll tal-EuropeAid u tad-DĠ ECHO reġgħu nstabu li huma biss parzjalment effettivi; jindika b’mod partikolari l-ħtieġa li jitjiebu dawk is-sistemi fid-delegazzjonijiet; jitlob lill-Kummissjoni biex twarrab riżorsi suffiċjenti biex il-persunal tad-delegazzjonijiet iwettaq attivitajiet ta’ monitoraġġ u superviżjoni f’waqthom u b’mod sodisfaċenti; jilqa’ l-introduzzjoni tal-verżjoni l-ġdida tar-Rapport ta’ kull sitt xhur dwar il-Ġestjoni tal-Assistenza Esterna f’Lulju 2011, li għandu l-għan li jsaħħaħ ir-rabtiet tar-responsabbiltà bejn id-delegazzjonijiet u l-kwartieri ġenerali tal-EuropeAid; |
243. |
Itenni t-tħassib tiegħu dwar il-frekwenza għolja ta’ żbalji ta’ kodifikazzjoni fis-sistema ta’ informazzjoni tal-ġestjoni tal-għajnuna esterna (CRIS), li tista’ tikkomprometti l-affidabbiltà tad-data li tintuża għat-tħejjija tal-kontijiet annwali; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tinvesti fit-titjib tal-kwalità tad-data u fl-iżvilupp tal-funzjonalitajiet tas-CRIS, b’mod partikolari billi tistabbilixxi konnessjoni bejn ir-riżultati tal-awditjar u l-irkuprar tal-fondi (45); |
244. |
Jistenna bil-ħerqa li jara l-ewwel riżultati tal-metodoloġija l-ġdida tal-Kummissjoni għall-kalkolu tar-rata ta’ żball residwu, li kellha tiġi applikata għall-ewwel darba fid-direttorati kollha għar-relazzjonijiet esterni fis-sena finanzjarja 2012; |
245. |
Jikkondividi t-tħassib serju tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-inadegwatezza tar-riżorsi tal-persunal għall-ġestjoni tal-għajnuna, b’mod partikolari fl-Unità tal-Verifika Interna u d-delegazzjonijiet ta’ EuropeAid, u l-effetti ta’ ħsara li jista’ jkollha r-rata għolja ta’ bidla fil-persunal kuntrattwali fil-kwartieri ġenerali u r-riorganizzazzjoni li saret mill-Kummissjoni f’nofs l-2011 fil-qasam tal-ġestjoni tal-għajnuna; jappella lill-Kunsill, bħala l-fergħa l-oħra tal-awtorità baġitarja, biex jassumi r-responsabbiltà tiegħu sabiex jiżgura li l-għajnuna tkun tista’ tkompli tiġi ġestita skont l-ogħla standards fi snin futuri; |
246. |
Jinnota li fl-2011, l-ewwel sena sħiħa ta’ operazzjoni tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), il-persunal tas-SEAE u tal-Kummissjoni fid-delegazzjonijiet ġie sseparat f’termini tal-allokazzjoni u l-finanzjament tiegħu; jinsab imħasseb li fl-2011 mill-inqas 43 sena tal-persuni allokati għall-EuropeAid intużaw mis-SEAE, ħafna aktar mil-limiti ta’ flessibbiltà miftiehma stabbiliti fl-Arranġamenti tax-Xogħol li ġew negozjati bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet; iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kummissjoni jirrispettaw bis-sħiħ l-Arranġamenti tax-Xogħol, u jimpenjaw ruħhom b’mod partikolari biex il-persunal tal-EuropeAid jiffoka fuq l-iżgurar tal-ġestjoni adegwata tal-għajnuna, sabiex jiġi evitat li l-ġestjoni finanzjarja soda tal-għajnuna tal-Unjoni titqiegħed f’riskju; |
247. |
Jenfasizza l-fatt li t-tisħiħ previst tal-livelli tal-persunal tal-EuropeAid fir-reġjun tal-Viċinat m’għandux isir permezz ta’ tnaqqis u trasferiment lejn il-Viċinat tal-persunal li jiġġestixxi l-għajnuna tal-Unjoni lill-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati u Pajjiżi oħra b’Introjtu Baxx f’reġjuni oħra; hu tal-opinjoni li jekk jitfaċċaw ħtiġijiet addizzjonali, dawn għandhom jiġu ssodisfati b’persunal addizzjonali; |
248. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-SEAE jiffokaw aktar fuq ir-riżultati u l-kejl tal-impatt fit-tfassil ta’ programmi ta’ nefqa ġodda taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss għall-perjodu 2014-2020, fost l-oħrajn bl-użu ta’ indikaturi definiti minn qabel, speċifiċi għall-pajjiż, ċari, trasparenti u li jistgħu jitkejlu, adattati għall-ispeċifiċitajiet u l-objettivi ta’ kull strument; jappoġġja r-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi objettivi ta’ politika biex turi aħjar kif tiżgura l-valur miżjud tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss; itenni t-talba tiegħu biex il-partijiet interessati kollha relevanti, inklużi s-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi sħab, jiġu assoċjati fil-fażi ta’ evalwazzjoni tal-assistenza tal-Unjoni; |
249. |
Jinsab imħasseb dwar id-differenza fil-metodoloġiji li ġew applikati mill-Qorti tal-Awdituri għall-kalkolu tar-rata ta’ żball għat-tranżazzjonijiet għar-relazzjonijiet esterni, l-għajnuna u t-tkabbir fil-baġit ġenerali minn naħa, u għal-livell ta’ żbalji għall-pagamenti mill-FEŻ min-naħa l-oħra; jinnota li il-Qorti tal-Awdituri ddeċidiet li tallinja l-metodoloġija tagħha mill-2012 ‘il quddiem sabiex tipprovdi lill-Parlament bi stampa uniformi tal-attivitajiet fil-qasam tal-azzjoni esterna tal-Unjoni; |
250. |
Jitlob, wara l-ħolqien tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), allokazzjoni ċara u koordinament tar-rwoli u r-responsabilitajiet tal-Kummissjoni u s-SEAE fir-rigward tal-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-baġit f’pajjiżi terzi; |
251. |
Jitlob lill-Kummissjoni sabiex, qabel Lulju 2013, tirrapporta dwar in-numru ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi li jirċievu kontribuzzjonijiet mill-Unjoni, iżda li ma għandhom l-ebda qliegħ ieħor għajr il-finanzjament minn aġenziji governattivi; |
252. |
Jitlob sommarju dettaljat dwar l-allokazzjoni ta’ fondi fil-Libja; jitlob, barra minn hekk, kjarifika dwar jekk is-sottodelegazzjoni tal-Ambaxxatur tal-Unjoni fil-Libja ġietx revokata; |
253. |
Jistieden lill-Kummissjoni tuża sistema ta’ “traffic light” fir-rapport ta’ progress għal viżjoni aktar sempliċi dwar dak li minn sena għall-oħra ġie mtejjeb u dak li mar għall-agħar; |
Għanjuna għal Ħaiti
254. |
Huwa mħasseb dwar il-fatt li l-indikaturi tal-prestazzjoni għall-appoġġ tal-baġit lir-Repubblika ta’ Ħaiti ma ġewx magħmula pubbliċi; jitlob lill-Kummissjoni tippubblika dawk l-indikaturi u l-valutazzjonijiet tal-prestazzjoni korrispondenti li joħroġ il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ħaiti sabiex jikkwalifika għal għajnuna mill-baġit; |
255. |
Jinnota li kriterji ġodda għall-għajnuna mill-baġit huma stabbiliti fil-linji gwida tal-Kummissjoni ‘L-appoġġ futur għall-appoġġ baġitarju tal-Unjoni għal pajjiżi terzi’; jistieden lill-Kummissjoni tapplika dawn il-kriterji mill-2013 ‘il quddiem b’mod trasparenti għall-għajnuna mill-baġit għall-Gvern ta’ Ħaiti; |
256. |
Jiddispjaċih ħafna li, minkejja dak li twiegħed, il-Kummissjoni għadha ma ppubblikatx lista ta’ proġetti ffinanzjati mill-Unjoni fil-Ħaiti; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika din il-lista mingħajr dewmien u biex malajr kemm jista’ jkun tipprovdi valutazzjoni tas-sostenibilità ta’ dawn il-proġetti f’perspettiva ta’ ħames snin; |
257. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fl-2013 twettaq il-valutazzjoni ġenerali tal-impatt diġà posposta tal-programm ta’ għajnuna tal-Unjoni għal Ħaiti, li hija l-ewwel waħda li qatt se ssir, u tippreżenta rapport dwar dan lill-awtorità tal-kwittanza; |
258. |
Jinsab imħasseb dwar il-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri, li jinsabu fir-Rapporti Speċjali Nri 1/2012 u 13/2012 dwar l-effettività tal-għajnuna għall-iżvilupp mill-Unjoni Ewropea għas-sigurtà alimentari fl-Afrika Sub-Saħarjana u dwar l-għajnuna għall-iżvilupp mill-Unjoni Ewropea għall-provvista tal-ilma tax-xorb u s-sanità bażika fil-pajjiżi Sub-Saħarjani, li jqajmu tħassib dwar is-sostenibilità tal-għajnuna tal-Unjoni; jilqa’ r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri li jinstabu f’dawk ir-rapporti u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tqis dawk ir-rakkomandazzjonijiet sabiex timmassimizza l-benefiċċji min-nefqa għall-iżvilupp tal-Unjoni; |
259. |
Jilqa’ l-ħolqien, skont ir-Regolament Finanzjarju (UE, Euratom) Nru 966/2012 l-ġdid, ta’ Fondi Fiduċjarji tal-Unjoni, li se jżidu l-viżibilità tal-azzjoni tal-Unjoni u jippermettu kontroll aktar strett tul il-katina ta’ provvista tal-fondi tal-Unjoni; jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament dwar l-effettività ta’ dawk il-fondi; |
Riċerka u politiki interni oħra
260. |
Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-programmi qafas ta’ riċerka qed jiġu implimentati taħt ġestjoni diretta ċentralizzata u ġestjoni indiretta ċentralizzata li jinvolvu sitt direttorati ġenerali tal-Kummissjoni u żewġ aġenziji eżekuttivi; jinnota, barra minn hekk, li partijiet mill-baġit qed jiġu implimetati taħt ġestjoni ċentralizzata indiretta minn impriżi konġunti u l-Bank Ewropew tal-Investiment; |
261. |
Jiddispjaċih li l-għadd kbir ta’ servizzi tal-Kummissjoni involut f’dak il-qasam ta’ politika jtappan it-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-linji ta’ responsabilità; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi t-tqassim tal-portafolli tal-Kummissarji sabiex tkun riflessa aħjar id-distribuzzjoni ta’ kompetenzi tal-kumitati tal-Parlament u bħal ma hi prattika komuni fl-Istati Membri; |
262. |
Jinsab imħasseb dwar id-dewmien biex jiżżarma l-Impjant għall-Enerġija Nukleari ta’ Ignalina fil-Litwanja, minħabba kunflitti bejn l-awtoritajiet u l-kuntratturi; jilqa’ u jappoġġja l-fatt li l-Kummissjoni u l-komunità ta’ donaturi internazzjonali ddeċidew li jissospendu l-appoġġ finanzjarju għall-proġett, bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament, sakemm ikun issolva l-kunflitt; |
263. |
Huwa mħasseb ħafna dwar in-nuqqas attwali ta’ għarfien vijabbli dwar l-ammonti neċessarji biex jitlesta l-proċess ta’ diżattivazzjoni kollu kemm hu; jirrikonoxxi li għad hemm bżonn ta’ ammonti konsiderevoli f’dan il-proċess u jiddeplora l-fatt li l-Istati Membri naqsu milli jwaqqfu l-mekkaniżmi meħtieġa biex jiżguraw dan il-finanzjament addizzjonali; itenni u jenfasizza li r-responsabilità finali għall-għeluq sikur tal-impjanti tal-enerġija nukleari hija tal-Istat Membru fejn jinsab l-impjant tal-enerġija; jinnota li in-nuqqas li jkun hemm konformità ma’ dan l-obbligu iqiegħed f’riskju liċ-ċittadini tal-Unjoni; |
264. |
Jinnota li l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) kkummissjona rapporti minn esperti minn esperti Svediżi (SKB), fost oħrajn, li kkonfermaw li l-elementi tal-fjuwil GNS huma sikuri; jinnota bi tħassib li din id-dokumentazzjoni għall-kontenituri tal-elementi tal-fjuwil, li ilhom disponibbli, ma ġietx imgħoddija lill-awtorità tal-approvazzjoni Litwana; jinnota li, sakemm l-elementi tal-fjuwil ma jiġux maħżuna fil-kontenituri, l-impjant tal-enerġija Ignalina għandu jiġi amministrat bħallikieku kien qed jopera, li jfisser li l-madwar 2 000 impjegat għandhom jibqgħu jiġu ffinanzjati mill-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni ma taċċettax skużi mill-Gvern Litwan li jikkawżaw aktar dewmien fl-awtorizzazzjoni u għall-proġett innifsu; jitlob, barra minn hekk,lill-Kummissjoni tistabbilixxi skeda ta’ żmien riġida u thedded li timponi sanzjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità magħha; |
265. |
Jistieden lill-Bulgarija, lil-Litwanja u lis-Slovakkja jistabbilixxu pjanijiet ta’ diżattivazzjoni, inklużi pakketti finanzjarji dettaljati, li jispjegaw kif l-għeluq tal-impjanti tal-enerġija nukleari se jiġi ffinanzjat; |
Ir-rata ta’ żball f’paragun mal-effettività
266. |
Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri stmat li r-rata ta’ żball l-aktar probabbli f’qasam ta’ nfiq li hu fil-biċċa l-kbira taħt ġestjoni ċentralizzata kienet ta’ 3 % fl-2011, li hi aktar minn darbtejn akbar mir-rata fl-2010 li kienet ta’ 1,4 %; |
Sorsi ta’ żbalji
267. |
Jinnota li r-riskju ewlieni ta’ irregolarità hu li l-benefiċjarji jistgħu jagħmlu dikjarazzjoni eċċessiva tal-ispejjeż eliġibbli; riskju ta’ dan it-tip isir aktar serju minħabba l-kumplessità tar-regoli għall-kalkolu tal-ispejjeż eliġibbli; barra minn hekk, f’ċerti oqsma, il-korpi ta’ implimentazzjoni jistgħu japplikaw ir-regoli b’mod differenti; l-ispejjeż ineliġibbli li jirrigwardaw il-persunal u dawk marbutin ma’ attivitajiet kummerċjali jirrappreżentaw sorsi ta’ żbalji addizzjonali; jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma rreaġixxitx fil-ħin; |
268. |
Iqis li hu inaċċettabbli li l-Qorti tal-Awdituri sabet ukoll dgħufijiet fil-ħidma tal-awdituri indipendenti li ċċertifikaw il-pretiżi tal-ispejjeż tal-benefiċjarji: il-Qorti tal-Awdituri sabet żbalji: f’25 mill-31 każ fejn l-awdituri ħarġu opinjoni mingħajr riżervi; jinsab inkwetat min-nuqqas ta’ professjonalità tant evidenti; |
269. |
Jinsab sodisfatt, madankollu, li l-Qorti tal-Awdituri tqis li l-eżerċizzji ta’ awditjar ex post kienu effettiv; |
270. |
Jiddeplora l-fatt li l-Qorti tal-Awditrui sabet li s-sistemi superviżorji u ta’ kontroll taħt il-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni – Programm ta’ Appoġġ għall-Politika tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni kienu ineffettivi; jistieden lill-Kummissjoni tgħolli l-livell ta’ dawn is-sistemi superviżorji u ta’ kontroll bla dewmien; |
271. |
Jieħu nota tal-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri li l-pagamenti għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011 għar-riċerka u politiki interni oħra kienu affettwati minn żbalji materjali u li s-sistemi eżaminati ta’ superviżjoni u kontroll għar-riċerka u politiki interni oħra kienu parzjalment effettivi; jiddispjaċih li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri ma jagħti l-ebda informazzjoni dettaljati dwar l-infiq għall-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja; |
272. |
Jissottolinja l-importanza kbira tal-Kapitolu 18 02 – Solidarjetà – Fruntieri esterni, ritorn, politika dwar il-viża u l-moviment liberu tal-persuni għas-sigurtà u l-ekonomija tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-pjanifikazzjoni baġitarja tagħha; |
273. |
Jieħu nota tar-riservi espressi mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Affarijiet Interni fir-rapport annwali tiegħu dwar l-attività tal-2011 rigward ir-riskji għar-reputazzjoni kkawżati minn dewmien fl-implimentazzjoni tas-SIS II; jieħu nota wkoll tar-riskju finanzjarju li jirriżulta mir-rata residwa ta’ żbalji fil-popolazzjoni mhux aditjata ta’ għotjiet għall-programmi finanzjarji “Prevenzjoni, Stat ta’ Tħejjija u Maniġġar tal-Konsegwenzi tat-Terroriżmu u riskji oħra relatati mas-Sigurtà” u “Prevenzjoni u ġlieda kontra l-Kriminalità”; jitlob lill-Kummissjoni biex taħdem fuq il-miżuri korrettivi mħabbra. |
Rapportar u korrezzjonijiet finanzjarji
274. |
Jirrikonoxxi l-fatt li l-għadd ta’ parteċipanti fis-Seba’ Programm Qafas żdied b’mod sinifikanti biex kważi laħaq l-20 000 u li l-inesperjenza, flimkien ma’ sett kumpless ta’ regoli, tista’ twassal għal żbalji; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tkompli tipprovdi gwida u tagħrif kontestwali lill-parteċipanti; |
275. |
Iqis li hu inkomprensibbli li l-awdituri tal-benefiċjarji jippreżentaw ċertifikati żbaljati dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji; jemmen l-Kummissjoni hi obbligata tiffoka fuq l-għoti ta’ gwida dwar il-kwalifiki professjonali tal-awdituri privati u fuq il-forniment ta’ għarfien espert addizzjonali; |
276. |
Jinnota l-eżempji mogħtija mill-Qorti tal-Awdituri dwar l-iżbalji fid-dikjarazzjonijiet tal-persunal u l-ispejjeż indiretti; jinnota li l-proposta tal-programm Orizzont 2020 iddaħħal simplifikazzjonijiet sinifikanti tar-regoli għal dawn il-kategoriji ta’ nefqa; iqis li dawn is-simplifikazzjonijiet huma essenzjali jekk għandu jkun hemm tnaqqis sinifikanti fir-rata ta’ żbalji; |
277. |
Jirrikonoxxi l-fatt li l-Kummissjoni, meta tkun qed teżamina l-proċeduri għal kontroll ex ante, timpenja ruħha li ssib bilanċ bejn l-approvazzjoni bikrija u l-kontroll; |
278. |
Jinnota barra minn hekk li, skont l-istrateġija ta’ awditjar tas-Seba’ Programm Qafas, il-benefiċjarji li jirċievu 48 % tal-baġit tas-Seba’ Programm Qafas ġew awditjati; |
279. |
Jieħu nota wkoll tal-fatt li l-Kummissjoni tuża l-proċedura ta’ estrapolazzjoni simplifikata, ibbażata fuq rati fissi, għall-korrezzjonijiet, li tista’ tħaffef il-proċess ta’ rkupru jekk il-benefiċjarji jikkooperaw kompletament; |
Rakkomandazzjonijiet
280. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb il-kooperazzjoni fost id-direttorati ġenerali u l-korpi l-oħra involuti, u tagħmel it-tqassim tax-xogħol, il-proċeduri deċiżjonali u l-linji ta’ responsabilità bejnithom aktar trasparenti; |
281. |
Jappoġġja kompletament ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri:
|
Edukazzjoni u kultura
282. |
Jistieden lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA) tirrevedi l-proporzjonijiet finanzjarji unilaterali u inadegwati li ġew stabbiliti għall-valutazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-benefiċjarji u biex tittieħed deċiżjoni dwar il-livell tal-ħlasijiet parzjali tal-għotjiet, u li qed jipperikolaw saħansitra l-proġetti magħżula peress li ma jingħatax il-pagament tas-soltu tal-ewwel ħlasijiet parzjali fl-istennija li jitlesta l-proġett u jiġi rrapportat lura; ifakkar lill-EACEA li monitoraġġ u kontroll effiċjenti tal-proġetti jinkludu valutazzjoni realistika tal-ambjent tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u tal-organizzazzjonijiet żgħar ħafna; |
283. |
Huwa mħasseb rigward l-iżbalji sinifikanti fl-operazzjonijiet sottostanti mill-EACEA fil-kuntest tal-Programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja (2007-2013) li nstabu permezz ta’ kontrolli ex post; jinnota li dawn l-iżbalji huma prinċipalment dovuti għan-nuqqas ta’ dokumenti ġustifikattivi adegwati mill-benefiċjarji u n-nuqqas ta’ rispett tar-regoli ta’ eliġibbiltà; jinkoraġġixxi lill-EACEA ttejjeb aktar is-sistemi ta’ kontroll tagħha, tadattahom għat-tipi differenti ta’ benefiċjarji u tqajjem kuxjenza dwar l-obbligi finanzjarji tagħhom u dwar il-kontrolli; |
284. |
Jilqa’ t-titjib fis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tal-Aġenziji Nazzjonali u tal-Awtoritajiet Nazzjonali u l-fatt li r-rata ta’ żbalji għall-implimentazzjoni tal-programmi permezz tal-Aġenziji Nazzjonali fl-2011 naqset għal 1 %, rata li tindika tnaqqis sinifikanti mil-livell tas-snin preċedenti; |
285. |
Jiddispjaċih li għar-raba’ sena konsekuttiva, id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Komunikazzjoni għad għandu riżerva fir-Rapport Annwali tal-Attività rigward in-nonkonformità mal-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur minkejja l-pjan ta’ azzjoni li ġie adottat fl-2009; |
286. |
Jinnota l-azzjonijiet ta’ suċċess li l-Kummissjoni wettqet fil-qasam tal-isport; jistieden, madankollu, lill-Kummissjoni tkun aktar ambizzjuża bl-għodda u l-baġit li għandha, sabiex tħejji għall-programm tal-isport fl-2014; |
Infiq amministrattiv u ta’ tip ieħor
287. |
Jistieden lill-Kummissjoni ma tkomplix tirrimborża l-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-konsulenti tal-Kummissarji, li ħidmithom ma pproduċiet l-ebda riżultat tanġibbli, sakemm ikun jista’ jiġi ppruvat li ħidmithom għandha valur miżjud; |
288. |
Jinnota bi tħassib is-sejbiet tal-Qorti tal-Awdituri li fi 15-il każ mit-28 każ li saret verifika tagħhom, l-informazzjoni disponibbli fl-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali (PMO) dwar is-sitwazzjoni personali u familjari tal-membri tal-persunal ma kenitx aġġornata; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tkompli fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li titlob lill-persunal jagħti f’intervalli perjodiċi dokumenti li jikkonfermaw is-sitwazzjoni personali tagħhom u li timplimenta sistema għall-monitoraġġ f’waqtu ta’ dawn id-dokumenti; |
289. |
Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju dettaljat dwar id-differenzi fil-kwalifiki meħtieġa u l-privileġġi mogħtija, il-kundizzjonijiet ta’ ħidma, l-allowances, il-ġranet ta’ vakanza bi dritt kif ukoll il-livelli tal-pagi għal pożizzjonijiet tal-uffiċjali pubbliċi u s-servizzi barranin bejn l-Unjoni u l-Istati Membri li jinsabu fl-istess post ta’ ħidma u dwar il-kwistjoni ta’ jekk dawn id-differenzi jilleġittimiżawx id-differenzi fir-rimunerazzjoni tal-uffiċjali delegati nazzjonali f’paragun mal-uffiċjali pubbliċi tal-Unjoni, b’kunsiderazzjoni tas-sistema ta’ taxxa relevanti applikabbli billi jitqabblu l-każi ma’ sitwazzjonijiet standardizzati tal-familja; |
290. |
Jinnota bi tħassib li l-Kummissjoni mhijiex kapaċi tagħti stampa ġenerali sħiħa tal-ispejjeż li ġejjin mill-impjieg ta’ persunal estern u aġenti temporanji fuq bażi annwali; jitlob li dawk l-ispejjeż ikunu mmoniterjati sistematikament u jitlob li dawn ikunu disponibbli publikament; |
291. |
Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu akbar mit-teknoloġiji disponibbli bħat-telekonferenzi u t-telexogħol sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-bini u l-ivvjaġġar; jitlob lill-Kummissjoni tistima l-iffrankar finanzjarju possibbli li jista’ jinkiseb permezz tal-użu miżjud ta’ dawn it-teknoloġiji u tippreżenta r-riżultati lill-Parlament sa Settembru 2013; |
292. |
Jitlob li titwaqqaf bażi ta’ data interistituzzjonali għall-istudji, biex jiġi evitat il-finanzjament multiplu tal-istess kwistjonijiet u jintlaħaq skambju ta’ riżultati; |
OLAF
293. |
Ġie infurmat mill-Kumitat Superviżorju tal-OLAF dwar ksur ta’ drittijiet fundamentali matul l-investigazzjonijiet tal-OLAF; huwa mħasseb ħafna dwar l-informazzjoni li wasliltu f’dan ir-rigward u jitlob li jkun hemm trasparenza sħiħa rigward dawn l-inċidenti, irrispettivament mill-identità tal-persuna/i involuta/i |
294. |
Jinnota t-tentattivi numerużi li saru biex jiġu oskurati l-kjarifiki tal-allegazzjonijiet li saru dwar il-metodi investigattivi tal-OLAF; iqis li dan mhuwiex xieraq u jitlob kjarifika sħiħa ta’ dawn l-allegazzjonijiet; |
L-Ewrobarometru
295. |
Huwa mħasseb dwar il-kritiki, prinċipalment espressi f’pubblikazzjonijiet xjentifiċi, tal-metodi ta’ sondaġġi tal-Ewrobarometru u jistieden lill-Kummissjoni tagħti opinjoni dettaljata war dawk il-kritiki; |
L-ilħuq tar-riżultati mill-baġit tal-Unjoni
296. |
Jilqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Awdituri għat-tieni darba qed tippreżenta rapport dwar “l-ilħuq tar-riżultati mill-baġit tal-UE”; jitlob lill-Qorti tal-Awdituri testendi l-valutazzjoni tagħha għal servizzi oħra tal-Kummissjoni, b’mod partikulari d-DĠ EMPL, id-DĠ MARE u għas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni; |
Rapport ta’ evalwazzjoni tal-finanzi tal-Unjoni fuq il-bażi tar-riżultati miksuba
297. |
Jinnota li r-rapport dwar l-evalwazzjoni tal-finanzi tal-Unjoni fuq il-bażi tar-riżultati miksuba (COM(2012) 675) ġie adottat mill-Kummissjoni nhar il-21 ta’ Novembru 2012, biex b’hekk il-Parlament u l-Qorti tal-Awdituri ngħataw biss żmien limitat biex jirrevedu u jwieġbu; itenni t-talba preċedenti tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta r-rapport ta’ evalwazzjoni fil-kumitat kompetenti u fil-plenarja meta jiġi ppreżentat ir-Rapport Annwali tal-Qorti ta-Awdituri; |
298. |
Iqis li sar progress rigward ir-rapport ta’ evalwazzjoni relatat mas-sena finanzjarja 2011 peress li dak ir-rapport jipprovdi ċerta informazzjoni relatata mar-rendiment li saret disponibbli fl-2011 għall-finanzjament taħt l-intestaturi baġitarji ewlenin kollha u jissintesizza r-riżultati tal-evalwazzjoni dwar ċerti programmi finanzjarji għal kull intestatura baġitarja; |
299. |
Jiddispjaċih, madankollu, li dan ir-rapport jipprovdi biss sommarji ta’ diversi evalwazzjonijiet relatati mal-programmi differenti u li jkopru perjodi diverġenti, mingħajr ebda valutazzjoni komprensiva tar-riżultati li nkisbu fl-2011 mill-Kummissjoni fl-insegwiment tal-politiki tagħha; |
300. |
Jikkondividi l-fehma tal-Qorti tal-Awdituri (46) li r-rapport ta’ evalwazzjoni għadu ma jipprovdix biżżejjed evidenza u informazzjoni affidabbli dwar il-kisbiet li jirriżultaw mill-politiki tal-Unjoni, u għaldaqstant ma jistax jaqdi r-rwol li għandu jiżvolġi fil-kuntest tal-proċedura ta’ kwittanza; |
301. |
Jinnota b’sodisfazzjon li xi evalwazzjonijiet ikkontribwixxew għat-titjib tal-impatt finali tal-programmi; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tuża l-konklużjonijiet ewlenin ta’ dawk l-evalwazzjonijiet meta tkun qed issawwar il-politiki tagħha; |
302. |
Jistieden lill-Kummissjoni tinform lill-awtorità baġitarja fuq bażi annwali dwar l-iżvilupp ta’ kontijiet barra mill-baġit tal-Unjoni inkluż l-iżvilupp tal-fluss tal-kapital kif ukoll ir-raġuni għal kull kont; |
303. |
Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-preżentazzjoni ta’ dawk is-sommarji skont l-intestaturi baġitarji skont l-istruttura tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2007-2013 fiha nnifisha ma tikkostitwixxix evalwazzjoni tal-finanzi tal-Unjoni; |
304. |
Iqis li l-istruttura tar-rapport, li tikkonsisti fil-preżentazzjoni ta’ varjetà ta’ valutazzjonijiet sommarji, fosthom evalwazzjoni interim, ta’ nofs it-terminu, ex post u finali, tagħmilha diffiċli li jinsiltu konklużjonijiet konsistenti f’termini ta’ rendiment; |
305. |
Jinnota li, skont il-Kummissjoni nnifisha, il-valutazzjonijiet tal-impatti fuq il-programmi normalment jirreferu għal fondi impenjati tal-anqas bejn tliet snin u ħames snin qabel; jinsisti biex jirċievi valutazzjoni li tiffoka fuq ir-rendiment li jkun ġie osservat fis-sena finanzjarja preċedenti, i.e. il-miżuri li jittieħdu biex jinkisbu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 kull sena, b’mod kompletament konformi mal-Artikolu 318 tat-TFUE; |
306. |
Jistieden lill-Kummissjoni testendi l-kopertura tal-evalwazzjoni tagħha u tiżviluppa approċċ li jkun tassew kosteffettiv bl-intenzjoni li jitkejlu r-riżultati miksuba fl-insegwiment tal-objettivi politiċi tagħha fuq il-bażi tal-finanzi u l-persunal iddedikati għall-ksib ta’ dawn l-objettivi; |
307. |
Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-evalwazzjonijiet jitwettqu b’mod indipendenti; jinnota li r-rapporti li jirriżultaw għandhom jingħataw malajr kemm jista’ jkun lill-kumitat relevanti tal-Parlament; |
308. |
Jitlob lill-Kummissjoni tispjega fiż-żmien dovut għall-proċedura ta’ kwittanza tal-2012 sistema ġdida ta’ ġestjoni u informazzjoni dwar ir-rendiment li tkun tinkludi t-tfassil u r-rwol ta’ rapport ta’ evalwazzjoni, waqt li timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament kif ġew żviluppati fil-paragrafi 327 u 328 ta’ din ir-riżoluzzjoni u tippreżentaha lill-awtorità tal-kwittanza; |
309. |
Jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi għal dan il-għan sistema affidabbli għall-ġbir tad-data dwar ir-rendiment biex tidentifika l-eżiti u l-impatti meta jirriżultaw (47); |
Rapportar ġestjonali mill-Kummissjoni dwar xi nkiseb matul is-sena
310. |
Jilqa’ t-titjib li ġie nnutat mill-Qorti tal-Awdituri fl-awtoevalwazzjoni tar-rendiment tal-Kummissjoni fir-rapporti ta’ attività annwali tagħha, b’mod partikulari fir-rigward tar-rapportar dwar il-kisbiet politiċi fl-ewwel parti ta’ dawk ir-rapporti; |
311. |
Jiddispjaċih, madankollu, li l-għadd limitat ta’ objettivi ġenerali u indikaturi tal-impatt li d-Direttorati Ġenerali huma mitlubin jiddefinixxu baqa’ milqut minn dgħufijiet li rażżnu l-utilità tagħhom (48); |
312. |
Jiddispjaċih ukoll li l-biċċa l-kbira tal-indikaturi u l-objettivi relatati mal-perjodu 2007–2013 kollu ma jużawx indikaturi interim jew stadji prestabbiliti li juru li ntlaħaq ċertu progress; jinsisti f’dan il-kuntest li l-indikaturi tal-impatt għandu jkollhom assoċjati magħhom skadenzi u objettivi kwantifikati; |
313. |
Jinsab preokkupat li d-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni ma stabbilixxewx u lanqas ma irrapportaw dwar objettivi għall-attivitajiet operattivi relatati mal-ekonomija, inklużi l-kost tal-kontributi jew tal-effiċjenza u r-relazzjoni bejn il-kontributi, l-eżiti u r-riżultati; |
314. |
Ifakkar lill-Kummissjoni dwar ir-regoli li jikkonċernaw ir-rotazzjoni tal-persunal eżekuttiv fl-amministrazzjoni tal-Kummissjoni; jikkonferma l-ħtieġa ta’ dawk ir-rekwiżiti sabiex tinħoloq trasparenza u jiġi evitat li l-informazzjoni tinżamm f’ċirku ta’ esperti biss; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta dan il-prinċipju mingħajr eċċezzjoni u jissottolinja l-importanza ta’ tmexxija bl-eżempju u ta’ teħid ta’ responsabilità fl-ogħla livelli; |
315. |
Jiddispjaċih ukoll li d-deskrizzjoni tal-kisbiet politiċi fil-parti 1 tar-rapporti ta’ attività annwali mhix biżżejjed orjentata lejn ir-riżultati u li l-eżami tal-Qorti tal-Awdituri tal-pjan ta’ ġestjoni u tar-rapporti ta’ attività annwali ma żvela l-ebda progress sinifikanti f’dan il-qasam; |
316. |
Jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-konsistenza bejn l-għanijiet, l-indikaturi u l-objettivi previsti fil-pjan ta’ ġestjoni u li ġew ittrattati fir-rapporti ta’ attività annwali; |
317. |
Jinsisti wkoll fuq il-ħtieġa li jiġi spjegat għalfejn ir-rendiment miksub ma ssodisfax l-għan jew l-objettiv relevanti fir-rapport ta’ attività annwali; |
318. |
Jindika li, skont il-punti 10.17 u 10.18 tar-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri, il-preċiżjoni tal-valutazzjoni mwettqa mid-DĠ AGRI u d-DĠ REGIO tiddependi fil-biċċa l-kbira tagħha fuq il-kwalità tad-data li jipprovdu l-Istati Membri; jinkoraġġixxi lis-servizzi tal-Kummissjoni joħorġu linji gwida dwar kif għandha tiddaħħal id-data u jipprevedu li jkun hemm inċentivi għall-Istati Membri biex jipprovdu data ta’ kwalità għolja dwar ir-rendiment; |
319. |
Jinnota li, skont ir-rapporti ta’ attività annwali tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, id-diretturi ġenerali tal-Kummissjoni “allinjaw” l-objettivi ġenerali u speċifiċi fil-pjanijiet ta’ ġestjoni tagħhom mal-Istrateġija Ewropa 2020 għat-Tkabbir u l-Impjiegi; |
L-Istrateġija Ewropa 2020
320. |
Itenni l-fatt li l-Istrateġija Ewropa 2020 (49), tnediet mill-President Barroso fl-2010, hi l-proġett prinċipali tal-Kummissjoni, immirat biex jipprovdi tkabbir li jkun intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; jindika li din l-istrateġija hi ffukata fuq ħames għanijiet ambizzjużi, li jitkejlu permezz ta’ miri kwantifikati fl-oqsma tal-impjiegi, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, il-faqar u l-klima/l-enerġija; |
321. |
Jinnota li l-Eurostat hu responsabbli biex jiżgura l-appoġġ statistiku għall-istrateġija, b’mod partikulari billi jipproduċi u jipprovdi d-data statistika relevanti u jiżgura standards ta’ kwalità għolja għad-data; |
322. |
Jinnota li l-Eurostat għal darb’oħra naqas milli jittratta informazzjoni sensittiva b’mod adegwat, pereżempju fil-każ tad-data dwar il-Greċja; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel reviżjonijiet tal-kwalità b’aktar riġidità u biex il-Eurostat jiggarantixxi l-preżentazzjoni korretta ta’ dajta statistika; jitlob li jsir rapport dwar din il-kwistjoni sa Marzu 2014; |
323. |
Jinsisti dwar il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kredibilità tas-sistema statistika Ewropea; jilqa’ r-rakkomandazzjoni li l-Qorti tal-Awdituri għamlet f’dan ir-rigward fir-Rapport Speċjali Nru 12/2012 li jkun hemm bidla “lejn sistema ta’ statistika Ewropea li tiggarantixxi indipendenza professjonali, riżorsi suffiċjenti u sorveljanza b’saħħitha u li tinkludi sanzjonijiet għal każijiet fejn l-istandards tal-kwalità mhumiex rispettati” (50); |
324. |
Jenfasizza l-fatt li l-istrateġija tal-Unjoni għat-tkabbir u l-impjiegi mhijiex ibbażata fuq attivitajiet immexxija minn kull DĠ individwali imma tħaddan seba’ inizjattivi emblematiċi trasversali li kull darba jiġu implimentati minn diversi direttorati ġenerali u dan jirriżulta fi sfidi li jirrigwardaw il-koordinament u l-kooperazzjoni fi ħdan il-Kummissjoni; |
325. |
Jinnota li l-koordinament bejn is-servizzi tal-Kummissjoni fil-qafas tal-inizjattivi emblematiċi ħa diversi suriet ta’ konsultazzjonijiet bejn is-servizzi, u ġieli wħud minnhom kienu informali (51); jiddeplora, madankollu, il-fatt li d-disa’ gruppi ta’ Kummissarji li twaqqfu mill-President Barroso f’April 2010 ltaqgħu rarament biss (52) u dan wassal biex dan il-mod ta’ koordinament ġdid ma ntużax biżżejjed fl-2011; jiddeplora l-fatt li ma ġie installat l-ebda mekkaniżmu speċifiku għall-iżgurar ta’ koordinament sodisfaċenti tal-implimentazzjoni tal-inizjattivi emblematiċi kollha; |
326. |
Jiddispjaċih li t-tnedija tal-Istrateġija Ewropa 2020 fl-2010 ma kkoinċiditx maż-żmien tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2014–2020 il-ġdid, u jiddeplora l-fatt li dan se jikkawża xi dewmien fil-ksib tal-istrateġija, f’dawk il-każijiet fejn l-Istati Membri ma jkunx irnexxielhom jadattaw il-programmi nazzjonali u ffinanzjati mill-Unjoni għal tkabbir sostenibbli, intelliġenti u inklużiv; |
327. |
Jitlob lis-servizzi kollha tal-Kummissjoni involuti fl-Istrateġija Ewropa 2020 jiddefinixxu fil-pjan ta’ ġestjoni tagħhom għadd limitat ta’ objettivi sempliċi, li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Qorti tal-Awdituri f’termini ta’ rilevanza, paragunabilità u affidabilità sabiex kull sena, fir-rapporti ta’ attività annwali tagħhom, ikejlu r-rendiment tal-Kummissjoni fil-ksib tal-istrateġija; |
328. |
Jitlob lill-Kummissjoni timmodifika fundamentalment l-istruttura tar-rapport ta’ valutazzjoni tagħha previst mill-Artikolu 318 tat-TFUE, billi tiddistingwi l-politiki interni minn dawk esterni u, fil-parti “Politiki Interni” ta’ dan ir-rapport, tiffoka fuq l-Istrateġija Ewropa 2020 bħala l-politika dwar it-tkabbir u l-impjiegi, u l-politika ekonomika u soċjali tal-Unjoni; jinsisti li għandu jsir enfasi fuq il-progress li sar fil-ksib tal-inizjattivi emblematiċi; |
329. |
Japprova l-konklużjonijiet ewlenin li waslet għalihom il-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tar-riżultati tal-eżerċizzji ta’ awditjar tagħha tar-rendiment:
|
330. |
Jinnota b’sodisfazzjon li l-Kummissjoni għandha fis-seħħ sistema għas-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet kollha tar-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-awditjar tar-rendiment (ara r-Rapport Speċjali Nru 19/2012 (53)); jitlob lill-Kummissjoni ssaħħaħ is-segwitu sabiex tirreaġixxi b’mod li jkun f’waqtu, effiċjenti u effettiv għar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri u tal-awtorità ta’ kwittanza; |
Ir-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri
331. |
Jilqa’ l-fatt li l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu fassal dokumenti ta’ ħidma jew rapporti separati dwar ir-rapporti speċjali individwali tal-Qorti tal-Awdituri, li l-konklużjonijiet tagħhom jistgħu jiġu kkonsultati f’dokument separat (54); |
332. |
Hu tal-opinjoni li l-apprezzament politiku tal-konklużjonijiet fir-rapporti speċjali għandu jkun parti integrali mill-proċedura ta’ kwittanza; |
333. |
Jilqa’, għalhekk, il-konsultazzjonijiet li għaddejjin bħalissa bejn il-Kumitat għall-Kontroll Baġitarju, il-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati u l-Konferenza tal-Presidenti tiegħu bil-ħsieb li jiġi identifikat l-aktar mod xieraq biex jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapporti speċjali biex b’hekk jiġu sfruttati kompletament il-benefiċċji mill-ħidma ta’ awditjar tal-Qorti tal-Awdituri; |
334. |
Jistieden lill-korpi tiegħu jsibu soluzzjoni vijabbli u dejjiema fiż-żmien dovut għall-proċedura ta’ kwittanza tal-2012. |
(2) ĠU C 348, 14.11.2012, p. 1.
(3) ĠU C 344, 12.11.2012, p. 1.
(4) ĠU C 348, 14.11.2012, p. 130.
(5) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(6) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(8) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (COM(2011) 615/2), l-Artikolu 136 et seq.
(9) Ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2006 fih dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew tal-Iżvilupp, il-Fondi Soċjali Ewropej u l-Fondi ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25).
(10) COM(2011) 615/2, Artikolu 55(4).
(11) Rapport Speċjali Nru 13/2011 tal-Qorti tal-Awdituri bl-isem ‘Il-kontroll tal-proċedura doganali 42 jipprevjeni u jidentifika l-evażjoni tal-VAT?’
(12) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2012 b’osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, Taqsima III – Il-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi (ĠU L 286, 17.10.2012,p. 31).
(13) Reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1974/2006 fir-rigward tal-iżvilupp rurali; ara wkoll il-proposta tal-Kummissjoni (COM(2011) 615/2) dwar id-Dispożizzjonijiet komuni tal-istrumenti strutturali għall-2014-2020.
(14) Ara r-rapport ta’ sinteżi li għamlu Terry Ward u Applica sprl dwar l-użu tal-FEŻR għall-appoġġ tal-istrumenti ta’ inġinerija finanzjarja bil-kontribut tan-netwerk ta’ valutazzjoni esperta għall-forniment ta’ analiżi politika dwar ir-rendiment tal-Politika ta’ Koeżjoni 2007-2013.
(15) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Mejju 2010 b’osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjonijiet tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2008, Taqsima III – il-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi (ĠU L 252, 25.9.2010, p. 39).
(16) Il-Paragrafu 4 tar-Riżoluzzjoni msemmija hawn fuq tal-Parlament tal-5 ta’ Mejju 2010.
(17) Ara t-tweġiba li ta l-Kummissarju Andor għall-mistoqsija bil-mitkub Nru 18 bi tħejjija għas-seduta ta’ smigħ fil-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit nhar is-26 ta’ Novembru 2012 flimkien mar-Rapport Annwali tal-Attività - Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali, p. 84.
(18) Ara r-Rapport ta’ Sinteżi tal-Kummissjoni, il-punt 3.3 fin-nota 9 ta’ qiegħ il-paġna 11 ta’ COM(2012) 281.
(19) Ara r-Rapport Annwali tal-2011 tal-Qorti tal-Awdituri, l-Anness 1.2, il-punt 2.
(20) Ara n-Nota 6 fil-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għall-2011.
(21) COM(2012) 281, punt 1, p. 2.
(22) Rimarki ta’ introduzzjoni li għamel is-Sur Caldeira nhar is-6 ta’ Novembru 2012 meta kien qed jippreżenta r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri Ewropea rigward is-sena finanzjarja 2011 lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament Ewropew.
(23) Reġim li importatur juża sabiex jikseb eżenzjoni mill-VAT meta l-oġġetti importati jkunu se jiġu ttrasportati lejn Stat Membru ieħor u meta l-VAT hi dovuta fl-Istat Membru tad-destinazzjoni.
(24) Li minnhom EUR 1 800 miljun iġġarrbu fis-seba’ Stati Membri magħżula u EUR 400 miljun fil-21 Stat Membru ta’ destinazzjoni tal-oġġetti importati fil-kampjun.
(25) Rapport Speċjali Nru 13/2011, p. 11, paragrafu 5.
(26) PE 475.094.
(27) Data kkomunikata mis-Sur Kubyk f’isem il-Qorti tal-Awdituri nhar is-6 ta’ Diċembru 2012 matul is-seduta ta’ smigħ ma’ Dacian Cioloș fil-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament.
(28) Ir-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri għall-2011, punt 3.9, nota 11 ta’ qiegħ il-paġna
(29) Data kkomunikata mis-Sur Kubyk f’isem il-Qorti tal-Awdituri nhar is-6 ta’ Diċembru 2012 matul is-seduta ta’ smigħ ma’ Dacian Cioloș fil-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament.
(30) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/272/UE tal-Kummissjoni tad- 29 ta’ April 2011 dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-aġenziji tal-pagamenti tal-Istati Membri li jikkonċernaw l-infiq iffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) għas-sena finanzjarja 2010 (ĠU L 119, 7.5.2011, p. 70).
(31) Kawżi magħquda C-92/09 u C-93/09, Ġabra 2010, p. I-11063.
(32) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 259/2008 tat-18 ta’ Marzu 2008 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 rigward il-pubblikazzjoni ta’ tagħrif dwar il-benefiċjarji tal-fondi ġejjin mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 76, 19.3.2008, p. 28).
(33) Ir-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri għall-2011, punt 3.45.
(34) Ir-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri għall-2011, punt 3.23.
(35) Ir-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri għall-2011, punt 4.12.
(36) Ara l-paragrafu 86 tar-riżoluzzjoni msemmija hawn fuq tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2012.
(37) Ir-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri għall-2011, punt 4.18.
(38) Rapport ta’ attività annwali tad-DĠ AGRI, punt 3.1.1.1.6, p. 58.
(39) Intervent tas-Sa Budbergyte f’isem il-Qorti tal-Awdituri nhar is-6 ta’ Diċembru 2012 matul is-seduta ta’ smigħ tal-Kummissarju Dacian Cioloș fil-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament.
(40) DĠ AGRI, rapport annwali ta’ attività, p. 79.
(41) Ir-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri għall-2011, l-Anness 4.2.
(42) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 tas-27 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd (ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1).
(43) Ir-Rapport Speċjali Nru 3/2012 tal-Qorti tal-Awdituri – il-Fondi Strutturali: Il-Kummissjoni kellha suċċess biex tittratta n-nuqqasijiet identifikati fis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tal-Istati Membri?
(44) L-Evalwazzjoni tal-Progress ta’ Nofs il-Perjodu - Rapport Finali, Ecorys, 22 ta’ Diċembru 2011.
(45) Ara wkoll ir-Rapport Speċjali Nru 5/2012 tal-Qorti tal-Awdituri bl-isem “Is-Sistema Komuni ta’ Informazzjoni dwar ir-Relazzjonijiet Esterni (CRIS)”.
(46) Ittra mis-Sur Caldeira lill-President Barroso tal-20 ta’ Diċembru 2012 bit-tweġiba tal-Qorti tal-Awdituri Ewropea għat-tieni rapport ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea previst fl-Artikolu 318 tat-TFUE.
(47) Ittra mis-Sur Caldeira lill-President Barroso tal-20 ta’ Diċembru 2012 bit-tweġiba tal-Qorti tal-Awdituri Ewropea għat-tieni rapport ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea previst fl-Artikolu 318 tat-TFUE.
(48) Ir-rapport annwali tal-Qorti tal-2011 - eżempji fil-punti 10.18 et seq.
(49) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 bl-isem “Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv” (COM(2010) 2020).
(50) Ir-Rapport Speċjali Nru 12/2012 tal-Qorti tal-Awdituri intitolat “Il-Kummissjoni u l-Eurostat tejbu l-proċess tal-produzzjoni ta’ statistika Ewropea affidabbli u kredibbli?”, p. 6.
(51) Ara pereżempju t-tweġbiet li ta l-Kummissarju Andor għall-mistoqsijiet bil-miktub 46 u 47 bi tħejjija għas-smigħ fil-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit nhar is-26 ta’ Novembru 2012.
(52) Fl-2011, kien hemm b’kollox 24 laqgħa tad-9 gruppi ta’ Kummissarji dedikati, b’7 laqgħat tal-grupp għall-QFP (ara t-tweġbiet li ta l-Kummissarju Oettinger).
(53) Rapport Speċjali Nru 19/2012 tal-Qorti tal-Awdituri bl-isem “Rapport tal-2011 dwar is-segwitu għar-rapporti speċjali tal-Qorti Ewropoea tal-Awdituri”.
(54) Testi adottati, P7_TA(2013) 123 (Ara paġna 68 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
tas-17 ta’ April 2013
dwar ir-Rapporti Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri fil-kuntest tal-kwittanza 2011 tal-Kummissjoni
IL-PARLAMENT EWROPEW,
— |
wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011 (1), |
— |
wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011 (COM(2012) 436 – C7-0224/2012) (2), |
— |
wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2011, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet (3), u r-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri, |
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni (4) dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll dwar il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2011 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, |
— |
wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tiegħu tas-17 ta’ April 2013 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, Taqsima III – Il-Kummissjoni (5) u r-riżoluzzjoni tiegħu li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali minn dik id-Deċiżjoni, |
— |
wara li kkunsidra r-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri mfassla skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 287(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, |
— |
wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2013 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011 (05752/2013 — C7-0038/2013), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 106a tat-Trattat Euratom, |
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (6), u b’mod partikolari l-Artikoli 55, 145, 146 u 147 tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (7), u b’mod partikolari l-Artikoli 62, 164, 165 u 166 tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 76 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0096/2013), |
A. |
billi, skont l-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha teżegwixxi l-baġit u timmaniġġja l-programmi, u għandha tagħmel dan, skont l-Artikolu 317 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, taħt ir-responsabilità tagħha stess, waqt li tikkunsidra l-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba, |
B. |
billi r-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri jipprovdu tagħrif dwar kwistjonijiet ta’ tħassib marbuta mal-implimentazzjoni tal-fondi, u għalhekk huma utli għall-Parlament fl-eżerċizzju tar-rwol tiegħu ta’ awtorità tal-kwittanza, |
C. |
billi l-kummenti tagħha dwar ir-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni tal-Parlament imsemmija hawn fuq tas-17 ta’ April 2013 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, Taqsima III – Il-Kummissjoni; |
Parti I Rapport Speċjali Nru 12/2011 tal-Qorti tal-Awdituri intitolat “Il-miżuri tal-UE kkontribwixxew għall-addattament tal-kapaċità tal-flotot tas-sajd għal opportunitajiet ta’ sajd disponibbli?”
1. |
Jilqa’ r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri u jinnota l-valutazzjoni negattiva ħafna tagħha tal-miżuri li ttieħdu kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-Istati Membri; |
2. |
Jenfasizza l-fatt li l-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) tisħaq li tippromowovi sajd sostenibbli, li timplika l-vijabilità fit-tul tas-settur tas-sajd u bilanċ bejn ir-riżorsi tas-sajd u l-kapaċità tal-flotta tas-sajd sabiex jiġi evitat sfruttar żejjed tal-istokkijiet tal-ħut; |
3. |
Jieħu nota li minkejja li t-tnaqqis fil-kapaċità żejda tas-sajd kien tema rikorrenti fir-riformi preċedenti tal-PKS u ġie indirizzat fir-Rapporti Speċjali Nru 3/1993 u 7/2007 tal-Qorti tal-Awdituri, il-miżuri għaljin li ttieħdu sal-lum il-ġurnata biex titnaqqas il-kapaċità żejda tas-sajd permezz tal-adattament tal-flotta tas-sajd għar-riżorsi tas-sajd ma rnexxewx; |
4. |
Jirrikonoxxi li, mill-1995, kien hemm tendenza ta’ tnaqqis fil-qabdiet ta’ ħut fl-UE u li skont il-Green Paper tal-Kummissjoni tat-22 ta’ April 2009 dwar ir-riforma tal-PKS (COM(2009) 163), dan it-tnaqqis huwa primarjament dovut għal sajd żejjed u jifforma parti minn ċirku vizzjuż li jinvolvi kapaċità żejda ta’ sajd u rendiment ekonomiku baxx tal-flotot tas-sajd; |
5. |
Jinsab imħasseb li, mill-aħħar riforma tal-PKS fl-2002, il-qabdiet tal-ħut naqsu b’1 000 000 tunnellata u l-impjiegi fis-settur tas-sajd naqsu minn 421 000 għal 351 000; |
6. |
Jinnota li, minkejja li m’hemm l-ebda definizzjoni uffiċjali ta’ kapaċità żejda, qabdiet li qed jiċkienu u impjiegi mitlufa kkawżati minn stokkijiet ta’ ħut sfruttati żżejjed juru kapaċità żejda de facto; jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi għalhekk il-kapaċità żejda u tikkunsidra aktar miżuri relevanti u b’saħħithom biex jiġu ffaċilitati azzjonijiet biex jibbilanċjaw il-kapaċità tas-sajd mal-opportunitajiet ta’ sajd; |
7. |
Jemmen li huwa essenzjali li l-Kummissjoni tfassal urġentement abbozz ta’ rapport li jinkludi data dwar il-kapaċità żejda eżistenti fl-Unjoni, imqassma skont l-attività tas-sajd u l-pajjiż; |
8. |
Jinsab imħasseb, barra minn hekk, li l-limiti massimi tal-kapaċità tal-flotta, bħala miżura li tillimita d-daqs tal-flotta tas-sajd, saru irrilevanti, peress li d-daqs reali tal-flotta huwa ferm iżgħar minn dak permess skont il-limiti u jista’ anke jkun ta’ 200 000 tunnellata aktar, filwaqt li xorta jibqa’ jkun konformi mar-regoli; jenfasizza li, fl-istess ħin, minħabba avvanzi teknoloġiċi, il-kapaċità tas-sajd tal-flotot żdiedet b’medja ta’ 3 % fis-sena matul l-aħħar deċennju; |
9. |
Jinnota li l-PKS tkejjel il-kapaċità tal-bastimenti f’termini ta’ saħħa (kilowatts) u ta’ daqs (tunnellaġġ gross) u li, madanakollu, dawn il-miżuri ma jqisux il-progress teknoloġiku fil-metodi tas-sajd, u dan jikkomplika l-iffissar ta’ miri xierqa għat-tnaqqis tagħha; jinnota li l-Kummissjoni tixtieq iżżomm dawn il-parametri statiċi sa tmiem l-2015; |
10. |
Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-obbligu tal-Istati Membri biex jaġġornaw b’mod korrett ir-reġistru tal-flotot tagħhom, u tistabbilixxi l-obbligu ta’ rappurtaġġ tal-isforzi tagħhom biex jibbilanċjaw il-kapaċità tas-sajd mal-opportunitajiet ta’ sajd; |
11. |
Jinnota li f’termini ta’ tnaqqis tal-kapaċità tas-sajd, il-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni għall-PKS hija msejsa fuq approċċ ġdid ibbażat fuq is-suq (skemi ta’ għoti ta’ drittijiet tas-sajd trasferibbli), peress li l-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li dawn l-iskemi għandhom rwol pożittiv fit-tnaqqis tal-kapaċità żejda tas-sajd; |
12. |
Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-insuffiċjenzi li jeżistu fir-regolamentazzjoni tat-trattament tad-drittijiet tas-sajd meta bastimenti tas-sajd jiġu skrappjati permezz ta’ għajnuna pubblika, kif ukoll dwar in-nuqqas ta’ definizzjoni ta’ kriterji ta’ selezzjoni ċari u effettivi għall-bastimenti; iqis li l-iskemi ta’ skrappjar ġew parzjalment implimentati b’mod li ma kienx tajjeb ħafna, b’eżempji ta’ flus li ġejjin mill-kontribwenti li ntużaw għall-iskrappjar ta’ bastimenti diġa’ mhux attivi jew saħansitra ntużaw b’mod indirett għall-bini ta’ bastimenti ġodda; jinnota madanakollu li xi Stati Membri kellhom skemi ta’ skrappjar li laħqu l-għanijiet tagħhom; jenfasizza għalhekk, il-bżonn ta’ salvagwardji stretti meta jintużaw skemi ta’ skrappjar, bħala mezz biex titnaqqas il-kapaċità żejda sabiex jiġi evitat l-abbuż; |
13. |
Jiddispjaċih li l-investiment abbord il-bastimenti tas-sajd iffinanzjat mill-Fond Ewropew għas-Sajd (FES) jista’ jżid il-kapaċità ta’ bastimenti individwali biex jaqbdu l-ħut; iqis li n-nota ta’ interpretazzjoni li l-Kummissjoni ppreparat u bagħtet lill-Istati Membri wara r-Rapport Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kapaċità tal-bastimenti biex jaqbdu l-ħut li fih il-Qorti tal-Awdituri talbet lill-awtoritajiet nazzjonali jinfurzaw kontrolli aktar stretti qabel ma jiddeċiedu dwar il-finanzjament ta’ proġetti ta’ investiment abbord, hija insuffiċjenti; |
14. |
Jinnota li, billi l-punt 36 tar-Rapport Speċjali Nru 12/2011 jgħid li sa tmiem 2010, l-implimentazzjoni tal-FES, f’termini ta’ nefqa ċċertifikata mill-Istati Membri ammontat għal EUR 645 miljun, jew 15 % tal-ammont disponibbli mill-2007 sal-2013, il-biċċa l-kbira ta’ dan l-ammont kien iddikjarat fl-2010 u EUR 292 miljun kienu għadhom ma tħallsux mill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2010, minħabba l-adozzjoni tardiva min-naħa tal-Kunsill tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 tas-27 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd (8) u l-kumplessità involuta fl-istabbiliment inizjali tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll min-naħa tal-Istati Membri; jinnota li l-pagamenti interim iċċertifikati li ntbagħtu mill-Istati Membri sal-aħħar ta’ Diċembru 2011 ammontaw għal 28 % (EUR 1 188 miljun) tal-allokazzjoni globali tal-FES u jilqa’ l-fatt li r-ritmu ta’ assorbiment tal-FES issa qiegħed jiżdied; |
15. |
Jirrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu miżuri biex
|
16. |
Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi limiti effettivi tal-kapaċità ta’ flotta tas-sajd; |
17. |
Iqis li riforma tal-PKS hija meħtieġa għar-reġjonalizzazzjoni tal-implimentazzjoni tagħha u tal-ġestjoni tal-programmi u l-miżuri tagħha; |
18. |
Japprova r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri li:
|
19. |
Iqis, barra minn hekk, li fid-dawl tal-kritika tal-Qorti tal-Awdituri, huwa evidenti li l-FES u l-PKS attwalment jirrappreżentaw użu ineffettiv tar-riżorsi komuni tagħna, u għalhekk jilqa’ l-fatt li l-iskema se tiġi rieżaminata kollha kemm hi fil-ġejjieni qrib; jenfasizza l-importanza, waqt ir-ristrutturar ta’ dawn l-iskemi, li jiġu enfasizzati dawk l-oqsma tal-politika tas-sajd li jistgħu jiġu indirizzati bl-aħjar mod fil-livell tal-UE, bħalma huma l-aspetti ambjentali, aktar milli diversi tipi ta’ skemi ta’ sussidju mhux effettivi; |
Parti II Rapport Speċjali Nru 13/2011 tal-Qorti tal-Awdituri intitolat “Il-kontroll tal-proċedura doganali 42 jimpedixxi u jsib l-evażjoni tal-VAT?”
20. |
Jilqa’ r-Rapport Speċjali Nru 13/2011 tal-Qorti tal-Awdituri; |
21. |
Ifakkar li l-ġbir xieraq tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) jolqot b’mod dirett kemm l-ekonomiji tal-Istati Membri kif ukoll il-baġit tal-UE, minħabba li l-frodi fiskali, b’mod partikolari l-frodi tal-VAT, iwasslu għal telf eżorbitanti għall-baġit tal-Unjoni u għall-ekonomiji tal-Istati Membri, bil-konsegwenza li jaggravaw il-kriżi tad-dejn; jinnota li l-istimi tal-frodi tal-VAT jammontaw għal figuri annwali ta’ madwar EUR 1 400 biljun; |
22. |
Jemmen li, partikolarment fil-klima ekonomika attwali, l-enfasi għandha titqiegħed fuq sistemi ta’ ġbir tad-dħul aktar effiċjenti u ġusti; jenfasizza li t-titjib ta’ tali sistemi għandu jkun il-prijorità assoluta għall-Unjoni u għall-Istati Membri kollha, b’mod partikolari għal dawk li qed jiffaċċjaw l-akbar diffikultajiet ekonomiċi; |
23. |
Ifakkar li skont studju mwettaq f’isem il-Kummissjoni, il-medja stmata tad-distakk tal-VAT fl-Unjoni hija ta’ 12 %; jiġbed attenzjoni speċjali lejn il-fatt li dan id-distakk tal-VAT kien fil-livell allarmanti ta’ 30 % u 22 % fil-Greċja u l-Italja rispettivament, l-Istati Membri li qed jesperjenzaw l-aktar kriżi tad-dejn diffiċli; |
24. |
Jenfasizza li, minbarra l-evitar tat-taxxa u t-telf minħabba insolvenzi, id-distakk tal-VAT huwa attribwibbli wkoll għall-frodi, regoli mhux trasparenti, sistemi ta’ kontroll inkoerenti u n-nuqqas ta’ implimentazzjoni jew l-implimentazzjoni parzjali tal-liġi tal-Unjoni fl-Istati Membri, u li t-telf tal-VAT, li jammonta għal biljuni ta’ euro, huwa fil-biċċa l-kbira kkumpensat permezz ta’ miżuri ta’ awsterità li jolqtu liċ-ċittadini tal-Unjoni, u jitħallas minn dawk iċ-ċittadini li d-dħul tagħhom huwa ddokumentat tajjeb u huwa traċċabbli; |
25. |
Jinsab ferm imħasseb dwar is-sejbiet tal-Qorti tal-Awdituri, b’mod partikolari għall-fatt li l-applikazzjoni tal-proċedura doganali 42 (9) weħidha rrappreżentat telf estrapolat ta’ madwar EUR 2 200 miljun fis-seba’ Stati Membri awditjati mill-Qorti tal-Awdituri fl-2009, li jirrappreżenta 29 % tal-VAT teoretikament applikabbli fuq l-ammont taxxabbli tal-importazzjonijiet kollha li saru skont il-proċedura doganali 42 fl-2009 f’dawk l-Istati Membri; |
26. |
Jinnota bi tħassib li l-Qorti tal-Awdituri sabet li l-qafas regolatorju tal-Unjoni ma jiżgurax il-ġestjoni uniformi u soda ta’ din l-eżenzjoni tal-VAT mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, u li l-qafas regolatorju ma jiżgurax li l-informazzjoni li tikkonċerna dawn l-operazzjonijiet issir dejjem disponibbli għall-awtoritajiet tat-taxxa fl-Istat Membru tad-destinazzjoni, b’tali mod li s-sistema tibqa’ vulnerabbli għal abbuż mill-kriminalità organizzata u minn persuni individwali li jwettqu l-frodi, b’mod li jinħolqu żvantaġġi enormi ta’ kompetizzjoni għall-kummerċjanti bona fide; |
27. |
Jiġbed l-attenzjoni lejn is-sejba tal-Qorti tal-Awdituri li l-awtoritajiet doganali fl-Istati Membri li sarilhom awditu ma jiżgurawx il-validità u l-kompletezza tad-data u l-issodisfar ta’ kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni oħrajn; |
28. |
Huwa mħasseb dwar il-fatt li l-Qorti tal-Awdituri sabet nuqqasijiet serji fil-kontroll tal-proċeduri doganali semplifikati, li jammontaw għal 70 % tal-proċeduri doganali kollha, b’mod partikolari, awditjar ta’ kwalità ħażina jew awditjar ddokumentat b’mod ħażin u tekniki awtomatizzati tal-ipproċessar tad-data għat-twettiq ta’ kontrolli matul l-ipproċessar ta’ proċeduri simplifikati, li huma ta’ ftit użu; jinnota li dawk in-nuqqasijiet wasslu għal telf mhux ġustifikat fil-baġit tal-Unjoni u li t-tħaddim korrett tad-dwana għandu impatt dirett fuq il-kalkolu tal-VAT; jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx miżuri xierqa biex tirrimedja dan matul l-aħħar 10 snin iżda kienet qed tistaħba wara r-regoli li kienu jidhru li huma pjuttost xierqa fuq il-karta; |
29. |
Jinnota b’dispjaċir il-fatt li sa mill-introduzzjoni tiegħu, il-mudell tal-ġbir tal-VAT baqa’ ma nbidilx; jemmen li dan għadda żmienu, minħabba l-ħafna tibdiliet li seħħew fl-ambjent teknoloġiku u ekonomiku; |
30. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimmonitorjaw u jwieġbu b’mod effettiv għal xejriet kemm eżistenti kif ukoll ġodda fil-frodi, u jitlob li l-Kummissjoni tinforma lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit sa Settembru 2013 dwar liema miżuri temporanji u permanenti ttieħdu abbażi tal-proċedura doganali 42, mhux biss mill-Unjoni, iżda wkoll fil-livell nazzjonali u x’kien l-effett tagħhom fuq in-numru ta’ każijiet ta’ frodi; jieħu nota tal-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-futur tal-VAT – Lejn sistema tal-VAT aktar sempliċi, aktar soda u aktar effiċjenti (COM(2010) 695), u jitlob biex isiru proposti konkreti rigward ir-riforma tal-VAT; |
31. |
Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jissimplifikaw il-liġi tagħhom dwar il-VAT, tintroduċi forma standard għan-notifika tal-implimentazzjoni tal-VAT lill-awtoritajiet fiskali u tistabbilixxi ġestjoni uniformi u xierqa ta’ każijiet ta’ eżenzjoni mill-VAT mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, u tiżgura disponibilità akbar ta’ dawk it-testi leġiżlattivi tradotti għall-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż bħala rekwiżit minimu; |
32. |
Jiddeplora l-posponiment tad-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi Doganali Modernizzat (MMC) kif ipprovdut fil-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (COM(2012) 64), u jqis id-data l-ġdida proposta tal-31 ta’ Diċembru 2020 bħala waħda inaċċettabbli; ifakkar li r-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) (10) ipprovda li l-KDM jidħol fis-seħħ sal-24 ta’ Ġunju 2013, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-passi meħtieġa sabiex iħaffu l-proċess ta’ preparazzjoni; |
33. |
Jissuġġerixxi b’mod qawwi lill-Istati Membri kollha biex jieħdu sehem fil-Qasam ta’ Ħidma 3 tal-Eurofisc dwar operazzjonijiet frodulenti bl-użu tal-proċedura tad-dwana 4200; |
34. |
Jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-evażjoni tat-taxxa marbuta mal-importazzjoni u ma’ operazzjonijiet oħra transkonfinali (COM(2008) 805), li għandha l-għan li tintroduċi r-responsabilità konġunta ta’ operazzjonijiet fi ħdan l-Unjoni, fejn l-importaturi jinżammu responsabbli in solidum f’każijiet meta t-telf tal-VAT ikun irriżulta minn rappurtaġġ falz, rappurtaġġ li jkun sar tard jew rappurtaġġ mhux komplut tal-operazzjoni lill-awtorità tal-VAT, u jkunu soġġetti għal penali xierqa; |
35. |
Jenfasizza l-importanza ta’ kooperazzjoni aktar intensiva u rapida bejn l-Istati Membri, monitoraġġ aħjar tal-iskambji ta’ informazzjoni u kuntatti aktar diretti bejn l-uffiċċji tat-taxxa u tad-dwana lokali, inkluż permezz ta’ Sistema ta’ Skambju ta’ Informazzjoni dwar il-VAT (VIES), sabiex ikun żgurat li l-Istati Membri jipprovdu biżżejjed għajnuna lil xulxin; |
36. |
Jirrakkomanda lill-Istati Membri jagħtu lill-awtoritajiet doganali tagħhom aċċess onlajn għan-numri ta’ identifikazzjoni tal-VAT li jinsabu fil-VIES mingħajr aktar dewmien, biex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom li jivverifikaw in-numri tal-VAT miġbura fid-dikjarazzjonijiet doganali; jitlob li l-Kummissjoni żżomm lill-kumitati kompetenti tal-Parlament u lill-Qorti tal-Awdituri infurmati fuq bażi ta’ kull xahar dwar l-iżviluppi fl-Istati Membri kollha fir-rigward tal-prevenzjoni tal-frodi fil-kuntest tal-proċedura doganali 42; |
37. |
Jistieden lill-Kummissjoni toħloq sistema li tgħaqqad l-għajnuna fil-qasam doganali u l-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tal-VAT biex ikunu żgurati flussi effettivi ta’ informazzjoni, sabiex l-awtoritajiet relevanti f’qasam wieħed ikunu regolarment infurmati dwar kwalunkwe azzjoni fil-qasam l-ieħor; iqis li dan iwassal biex il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-impożizzjoni tal-VAT fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni jkunu aktar effettivi u rapidi; |
38. |
Jenfasizza r-rwol tal-gvern elettroniku li jżid it-trasparenza u li jiġġieled kontra l-frodi u l-korruzzjoni, biex b’hekk ikunu ssalvagwardjati l-fondi pubbliċi; jenfasizza li l-Unjoni għadha lura meta mqabbla mal-imsieħba industrijali tagħha, fost l-oħrajn minħabba nuqqas ta’ interoperabilità tas-sistemi (11); jenfasizza li l-Unjoni għandha żżid l-isforzi tagħha biex tilħaq ġenerazzjoni ġdida ta’ gvern elettroniku; |
39. |
Jinnota li operazzjonijiet dokumentati, elettroniċi u mhux fi flus kontanti jagħmlu l-parteċipazzjoni fl-ekonomija sewda aktar diffiċli, u li jidher li hemm korrelazzjoni qawwija bejn il-proporzjon ta’ pagamenti elettroniċi f’pajjiż u l-ekonomija sewda tiegħu (12); jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex ibaxxu l-limiti stabbiliti tagħhom għal pagamenti obbligatorji mhux fi flus kontanti; |
40. |
Japprova r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri, b’mod partikolari:
jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta fuq bażi ta’ 6 xhur dwar kif u meta se timplimenta dawn ir-rakkomandazzjonijiet; |
Parti III Rapport Speċjali Nru 14/2011 tal-Qorti tal-Awdituri intitolat “L-Assistenza tal-UE tejbet il-kapaċità tal-Kroazja fir-rigward tal-ġestjoni tal-finanzjament wara l-adeżjoni?”
41. |
Jilqa’ r-Rapport Speċjali Nru 14/2011 tal-Qorti tal-Awdituri, u jħaddan il-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri, b’mod partikolari s-sejbiet tagħha li “b’mod ġenerali, l-assistenza tal-UE għal qabel l-adeżjoni, mogħtija lill-Kroazja, qiegħda tkun ta’ kontribut sinifikanti biex il-Kroazja timxi ‘l quddiem fil-bini tal-kapaċità amministrattiva tagħha għall-ġestjoni ta’ iktar finanzjament mill-UE għal wara l-adeżjoni”; jilqa’ r-rwol sinifikanti u pożittiv tal-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni sabiex tħejji lill-awtoritajiet Kroati għall-ġestjoni tal-politiki ta’ koeżjoni u dawk rurali fil-perjodu ta’ wara l-adeżjoni; |
42. |
Jiddispjaċih li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri ma jinkludix biżżejjed informazzjoni dwar il-livelli ta’ żball jew ta’ frodi kif ukoll dwar is-segwitu, inkluż dak ġudizzjarju jekk ikun meħtieġ, kif ukoll dwar il-valutazzjoni tal-prestazzjoni; |
43. |
Jenfasizza, madankollu, li l-Qorti tal-Awdituri tikkonkludi li “l-assistenza kisbet biss suċċess parzjali s’issa fil-kisba tal-objettivi tagħha, u żieda ulterjuri fil-progress fil-bini tal-kapaċità għandha tiġi appoġġjata f’numru ta’ oqsma ewlenin kemm qabel kif ukoll wara l-adeżjoni”; jieħu nota tas-sejbiet tal-Qorti li “fil-maġġoranza tal-oqsma li jirrigwardaw l-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni, il-Kummissjoni għadha ma sabitx lill-Kroazja kapaċi biżżejjed biex tkun tista’ tawtorizzaha timplimenta l-assistenza mingħajr kontrolli ex ante min-naħa tal-Kummissjoni” u li “minkejja l-progress riċenti li nkiseb, il-kapaċità tal-akkwist u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni huma żewġ oqsma fejn hemm bżonn partikolari li jissaħħaħ l-appoġġ għall-awtoritajiet Kroati”; |
44. |
Jesprimi t-tħassib tiegħu, fid-dawl ta’ ċerti każijiet ta’ nuqqas ta’ preparazzjoni tal-amministrazzjonijiet u tal-istituzzjonijiet, u tat-tranżizzjoni mill-finanzjamenti tal-adeżjoni għal dawk permezz tal-fondi strutturali fl-adeżjonijiet preċedenti mal-UE, dwar kif jistgħu jkunu evitati riskji simili għall-Kroazja; |
45. |
Huma mħasseb dwar il-fatt li, barra mill-attenzjoni partikolari li l-Qorti tal-Awdituri ddedikat lill-allinjament tal-leġiżlazzjoni, se jkun meħtieġ monitoraġġ kontinwu u jeħtieġ li jibdew jitħaddmu miżuri bil-għan li jittrattaw:
|
46. |
Iħaddan ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri, u b’mod partikolari jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet Kroati jaħdmu flimkien mill-qrib sabiex iżidu l-prijorità mogħtija lill-bini tal-kapaċità ta’ akkwist bl-implimentazzjoni ta’ pjanijiet għal taħriġ fuq il-post tax-xogħol u lil hinn minnu, jieħdu passi ikbar biex jintlaħqu l-bżonnijiet tal-bini tal-kapaċità fil-livell reġjonali u lokali, u jiżviluppaw aktar l-evalwazzjoni tal-effikaċja tal-proġetti, kif ukoll jibnu portafoll ta’ proġetti maturi li jkunu jistgħu jassorbu bis-sħiħ iż-żieda tal-fondi ta’ wara l-adeżjoni disponibbli, u anki jieħdu azzjoni fir-rigward ta’ programmi ta’ żvilupp rurali, u jsaħħu l-miżuri kontra l-korruzzjoni; |
47. |
Iħaddan ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri lill-Kummissjoni biex tqis it-tagħlimiet li nsiltu mill-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni lill-Kroazja fl-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni tagħha għal pajjiżi oħra fejn applikabbli; |
48. |
Jilqa’ l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ April 2012 fir-rapport ta’ Monitoraġġ tagħha dwar it-tħejjijiet għall-adeżjoni tal-Kroazja li jistqarr li “B’mod ġenerali, it-tħejjijiet tal-Kroazja għall-adeżjoni mal-UE jinsabu fi stadju tajjeb. Il-Kroazja laħqet livell konsiderevoli ta’ konverġenza mal-acquis. Minn meta nħareġ ir-rapport ta’ progress tal-2011 u l-aħħar aġġornament tat-tabelli ta’ monitoraġġ tal-ħarifa tal-2011 inkiseb progress ulterjuri. Madanakollu, il-Kummissjoni identifikat għadd limitat ta’ kwistjonijiet li jeħtieġu aktar sforzi” (13); |
49. |
Jieħu nota li għadd ta’ kwistjonijiet pendenti għadhom iridu jiġu indirizzati f’bosta mill-kapitoli tal-acquis; b’mod partikolari, għandha tingħata attenzjoni lill-allinjament leġiżlattiv fil-leġiżlazzjoni sekondarja rigward l-akkwist pubbliku, speċjalment fil-qasam tal-akkwist tad-difiża, u anki lill-implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni l-ġdida adottata, speċjalment fil-livell lokali, anki minħabba l-immaniġġjar futur tal-Fondi Strutturali; |
50. |
Jieħu nota wkoll li huma meħtieġa sforzi kontinwi fil-qasam tal-kontroll finanzjarju sabiex titjieb il-funzjonalità ġenerali tal-kontroll intern tal-finanzi pubbliċi u tal-awditjar estern fil-livell ċentrali u lokali, kif ukoll fil-qasam tad-dispożizzjonijiet finanzjarji u baġitarji, fejn huwa meħtieġ li jitkompla l-bini tal-kapaċità li tikkoordina s-sistema ġenerali tar-riżorsi proprji b’mod effiċjenti wara l-adeżjoni, u tkun intensifikata l-modernizzazzjoni tal-istrateġija ta’ kontroll doganali li tiffoka aktar fuq kontrolli wara r-rilaxx; |
51. |
Jisħaq li f’xi oqsma hi meħtieġa żieda fl-isforzi, b’mod partikolari fl-agrikoltura u fl-iżvilupp rurali, fejn għandha tingħata attenzjoni biex jiżdied l-allinjament leġiżlattiv u tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva fl-oqsma tal-pagamenti diretti u l-iżvilupp rurali; |
52. |
Jesprimi t-tħassib tiegħu minħabba l-assorbiment skars tal-finanzjamenti Sapard u IPARD - partikolarment xi setturi ma kinux rappreżentati biżżejjed fl-implimentazzjoni tal-Miżura 1 (Investiment fl-azjendi agrikoli), speċjalment fis-settur tal-ħalib, is-settur tas-serer u s-settur tal-frott u l-ħaxix; iqis li dan jindika dgħufijiet serji fil-kapaċità u fl-istat ta’ preparazzjoni ta’ tali setturi biex jassorbu l-fondi futuri tal-UE; |
53. |
Jinnota d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni; jilqa’ l-progress li sar fl-indirizzar tal-kwistjoni u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet Kroati biex ikomplu jtejbu l-ħeffa tal-implimentazzjoni tal-assistenza, speċjalment billi jsaħħu l-bini tal-kapaċità; jenfasizza li l-bini tal-kapaċità fil-qafas tal-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni għandu jkun immirat lejn l-istituzzjonijiet ċentrali kif ukoll lejn l-istrutturi reġjonali u lokali; jinsab imħasseb li fil-każ tal-Kroazja, attenzjoni insuffiċjenti għal dan l-aspett aħħari tista’ twassal sabiex ma jkollhomx kapaċità u esperjenza amministrattiva adegwati għall-implimentazzjoni tal-assistenza tal-Unjoni; |
54. |
Itenni li l-għan tal-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni huwa, fost l-oħrajn, li jirrinforza l-kapaċità tal-istati kandidati li jassorbu l-fondi tal-UE futuri b’mod effiċjenti u trasparenti; jilqa’ għaldaqstant, l-aproċċi l-ġodda li ntużaw mill-Kummissjoni fl-ippjanar ta’ assistenza ta’ qabel l-adeżjoni għall-Kroazja, bħall-irbit ta’ proġetti speċifiċi għall-bini tal-kapaċità ma’ negozjati dwar l-adeżjoni, li jippermettu programmi operattivi pluriennali; |
55. |
Jistieden lill-Kummissjoni żżid kemm jista’ jkun il-potenzjal għat-tagħlim istituzzjonali u l-bini tal-kapaċità fl-istati kandidati u dawk li potenzjalment jistgħu jkunu pajjiżi kandidati, b’mod partikolari permezz tal-allinjament ulterjuri tal-proċeduri ta’ assistenza ta’ qabel l-adeżjoni ma’ dawk użati taħt il-Fond Strutturali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali; |
56. |
Jieħu nota wkoll li, fir-rigward tal-politika reġjonali u l-koordinament tal-istrumenti strutturali, jeħtieġ li jiġu ffukati sforzi kostanti u addizzjonali fuq l-implimentazzjoni effettiva tal-pjanijiet biex tiżdied il-kapaċità amministrattiva għall-fini tal-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni futura u l-ħolqien ta’ riżerva ta’ proġetti maturi; |
57. |
Jistieden lill-awtoritajiet Kroati jieħdu miżuri biex jindirizzaw il-preokkupazzjonijiet imsemmija hawn fuq, u jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar il-progress tal-Kroazja fl-indirizzar ta’ dawn il-kwistjonijiet u kwistjonijiet pendenti oħra; |
58. |
Ifaħħar il-progress li sar min-naħa tal-Kroazja fir-rigward tat-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali u amministrattiva tagħha u l-konsolidament tal-ġestjoni tal-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni; |
59. |
Jilqa’ t-twaqqif tal-Ministeru Kroat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fondi tal-UE f’Diċembru 2011 u l-fatt li l-Ministru għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fondi tal-UE ġie maħtur ukoll biex iservi bħala Deputat Prim Ministru, li juri l-impenn tal-gvern il-ġdid fi kwistjonijiet ta’ żvilupp reġjonali u użu tal-fondi tal-Unjoni; |
60. |
Jieħu nota li l-Kroazja għamlet sforz konsiderevoli fl-istabbiliment ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba u sistema ta’ kontroll, li għandha tirriżulta fir-rinunzja mistennija tal-kontrolli ex ante fit-tieni nofs tal-2012; jenfasizza mandankollu, li tinħtieġ aktar azzjoni msaħħa fid-dawl tal-fatt li fil-maġġorparti tal-oqsma, il-Kummissjoni għadha ma awtorizzatx lill-Kroazja sabiex timplimenta l-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni mingħajr kontrolli ex ante; |
61. |
Jilqa’ l-fatt li minn Jannar 2012, l-Att il-ġdid dwar l-Akkwist Pubbliku daħal fis-seħħ, li jiżgura żieda fit-trasparenza, u li s-sena 2011 rat it-twettiq tal-proġett IPA ta’ ġemellaġġ qasir (Twinning light) tal-2008 bl-isem “Tisħiħ tal-Kapaċitajiet biex ikunu Rimedjati Irregolaritajiet fil-Proċeduri tal-Akkwist Pubbliku”, li inkluda inter alia sforzi fir-rigward taż-żieda tal-għarfien; |
62. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet Kroati biex l-akkumulazzjoni ta’ kapaċitajiet qawwija fil-qasam tal-akkwist pubbliku tingħata prijorità; jenfasizza f’dan il-kuntest li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni għandha rwol ċentrali fil-proċess ta’ adeżjoni kollu kemm hu, u n-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ prevenzjoni kontra l-korruzzjoni se jimpedixxi l-assorbiment futur tal-assistenza tal-Unjoni; |
Parti IV Rapport Speċjali Nru 16/2011 tal-Qorti tal-Awdituri intitolat “Għajnuna finanzjarja tal-UE għad-diżattivazzjoni ta’ impjanti nukleari fil-Bulgarija, il-Litwanja u s-Slovakkja: Kisbiet u Sfidi Futuri”
63. |
Jenfasizza li d-diżattivazzjoni se tkun kwistjoni dejjem aktar importanti fis-snin li ġejjin peress li terz tal-133 reattur nukleari li joperaw f’14-il Stat Membru għandhom jingħalqu sal-2025 (14); |
64. |
Jistieden lill-Kumitat għall-Baġits tiegħu u lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jqisu l-konklużjonijiet tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit fin-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid (2014-2020); |
Il-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri
65. |
Jenfasizza li l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri jistgħu jingħataw fil-qosor kif ġej:
|
66. |
Jinnota barra minn hekk, li l-iskema ta’ finanzjament imressqa mill-Kummissjoni ma kinitx suġġetta għal valutazzjoni ex ante komprensiva; |
Konklużjonijiet tal-Parlament
67. |
Jirrikonoxxi li s-sitwazzjoni deskritta fir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri tirreferi għall-perjodu sal-aħħar tal-2010 u li sussegwentament, il-Kummissjoni ħadet numru ta’ inizjattivi; |
68. |
Jinnota li l-objettiv globali tal-Unjoni fil-qasam nukleari huwa li timmassimizza s-sikurezza nukleari; |
69. |
Jinnota l-fehma tal-Kummissjoni li daħħlet qafas proċedurali li jistabbilixxi objettivi speċifiċi, jiddefinixxi r-rwoli u r-responsabbiltajiet u jiddefinixxi b’mod ċar ir-rekwiżiti ta’ rappurtar u ta’ superviżjoni (16); |
70. |
Jinnota r-risposta tal-Kummissjoni li tispjega li l-valutazzjoni tal-ħtiġijiet kienet parti mill-valutazzjoni tal-impatt (SEC(2011)1387) imwettqa fl-2011; il-valutazzjoni tal-impatt kopriet il-progress li sar s’issa, l-isfidi li fadal u ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni tal-finanzjament; |
71. |
Ifakkar li t-Trattati ta’ Adeżjoni tal-Bulgarija u s-Slovakkja jistabbilixxu l-limiti għall-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni għall-2009 u l-2006 rispettivament; |
72. |
Jilqa’ l-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-appoġġ, min-naħa tal-Unjoni Ewropea, għall-programmi ta’ għajnuna għad-dekummissjonar ta’ impjanti nukleari fil-Bulgarija, il-Litwanja u s-Slovakkja (COM(2011) 783) li tibbaża ruħha fuq konsultazzjoni estensiva mal-partijiet interessati, mal-Istati Membri kkonċernati - il-Bulgarija, il-Litwanja u s-Slovakkja - u gruppi ta’ esperti fid-diżattivazzjoni; jilqa’ l-fatt li l-konklużjonijiet tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-5 ta’ April 2011 (17) u l-konklużjoni u r-rakkomandazzjonijiet tal-awditu tal-prestazzjoni tad-diżattivazzjoni tal-2011 tal-Qorti tal-Awdituri ntużaw bħala kontribuzzjoni; |
73. |
Josserva li l-esperti talbu pjan ta’ diżattivazzjoni sod u komplet bħala l-bażi għall-implimentazzjoni ta’ aktar appoġġ mill-Unjoni, inklużi estimi sħaħ tal-ispejjeż sad-data tat-tlestija tad-diżattivazzjoni; iqis li għandha tingħata indikazzjoni ċara tal-kofinanzjament nazzjonali u l-mod kif se jinkiseb dan il-finanzjament nazzjonali fit-tul taż-żmien; |
74. |
Jinnota b’sodisfazzjon li l-objettivi intermedjarji prinċipali, kif definiti fil-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq (18), kienu appoġġati b’mod ċar mill-partijiet interessati, kif kien l-iffukar tal-appoġġ tal-Unjoni fuq l-ilħuq ta’ objettivi intermedjarji konkreti bl-ogħla valur miżjud tal-Unjoni; jinnota li l-proċeduri ta’ konformità u l-monitoraġġ mill-qrib tal-ispejjeż għandhom jiġu kkunsidrati mil-bidu nett; |
75. |
Itenni u jenfasizza l-impenji reċiproċi meħuda mill-Unjoni u l-Bulgarija, is-Slovakkja u l-Litwanja fir-rigward tad-diżattivazzjoni, rispettivament, ta’erba’ unitajiet tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari Kozloduy, l-Unità 1 u l-Unità 2 tal-Impjant Nukleari Bohunice V1 u l-Unitajiet 1 u 2 tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari Ignalina; |
76. |
Jiddeplora l-fatt li, fil-każ tal-impjant nukleari ta’ Ignalina, proġetti rilevanti ħafna bħal B1 u B234 iffaċċjaw dewmien serju minħabba tilwim tekniku u kummerċjali, li ħoloq dannu ekonomiku estensiv kif ukoll nuqqas ta’ kontinwità fil-proċess ta’ diżattivazzjoni; |
77. |
Jemmen li l-pjan direzzjonali, b’soluzzjonijiet tekniċi li kien hemm qbil dwarhom, deċiż f’Lulju 2012 mill-impjant nukleari ta’ Ignalina u minn NUKEM/GNS, jikkostitwixxi pass importanti ‘l quddiem sabiex tingħeleb is-sitwazzjoni ta’ imblokk relatata mal-faċilità ta’ ħażna provviżorja ta’ fjuwil użat B1; |
78. |
Jiddeplora l-fatt li r-rapport dettaljat tal-progress dwar l-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali, mistenni fil-5 ta’ Ottubru 2012, ma ssodisfax l-iskadenza; |
79. |
Jilqa’ l-progress miksub dwar xi wħud mill-kwistjonijiet koperti mill-pjan direzzjonali, bħall-validazzjoni tal-kontenituri u l-miżuri ta’ titjib relatati mal-krejns; |
80. |
Għadu mħasseb, madankollu, li kwistjonijiet pendenti bħall-problema tal-ammortizzaturi u t-trattament tat-tnixxija u tal-fjuwil li m’għadux tajjeb għadu ma kienx hemm qbil dwarhom, u għalhekk jostakolaw l-implimentazzjoni rapida tal-pjan direzzjonali msemmi hawn fuq; |
81. |
Iħeġġeġ liż-żewġ partijiet involuti jikkonkludu ftehim rapidu u f’ħin utli dwar il-kwistjonijiet kollha li għadhom pendenti; |
82. |
Jappoġġa l-konklużjonijiet tal-missjoni għall-ġbir tal-fatti tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit fil-Litwanja bejn l-10 u t-12 ta’ Lulju 2012 u f’dan ir-rigward jemmen li l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi sospiża sakemm jintlaħaq ftehim fil-każ tal-proġetti B1 u B234; |
83. |
Jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni dwar l-allokazzjoni ta’ EUR 230 miljun oħra għall-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Ignalina għall-perjodu 2014 sa 2017; itenni li l-flus għandhom ikunu allokati biss jekk il-kundizzjonalitajiet ex ante stipulati fil-proposta msemmija hawn fuq għal regolament tal-Kunsill ikunu ġew issodisfati; jemmen li l-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni għandha tiġi konkluża wara dik id-data; |
84. |
Jinsisti li l-attività tad-diżattivazzjoni għandha tkun ippjanata b’mod sikur u effiċjenti li jippermetti rilaxx rapidu tal-liċenzja tad-diżattivazzjoni, skont l-iskedi ta’ żmien stabbiliti fil-pjanijiet rispettivi ta’ diżattivazzjoni; |
85. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi lill-Parlament stima tal-finanzjament meħtieġ għad-diżattivazzjoni irriversibbli u totali tat-tliet impjanti tal-enerġija nukleari; |
86. |
Ifakkar li l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji nukleari biss jistgħu joħorġu liċenzji għad-diżattivazzjoni lil persuni legali f’konformità stretta mal-leġiżlazzjoni nazzjonali korrispondenti; |
87. |
Jistieden lill-Gvern tal-Litwanja jistabbilixxi tim indipendenti ta’ ġestjoni tal-proġett għall-proġetti B1 u B234; josserva li ġestjoni indipendenti ta’ proġetti implimentati mill-impjant nukleari ta’ Ignalina għandha wkoll tiġi stabbilita, kif propost mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar Litwan; |
88. |
Jitlob li tiġi stabbilita skadenza ċara u inekwivoka għall-ksib tal-liċenzji tad-diżattivazzjoni, jekk dan għadu ma sarx; |
89. |
Jinnota bi tħassib li hemm dewmien fil-kostruzzjoni u fl-ikkompletar tal-faċilitajiet provviżorji biex jinħażen il-fjuwil użat, u sakemm ikunu disponibbli dawn il-faċilitajiet, ma jistgħux jitneħħew il-vireg tal-fjuwil nukleari; josserva li fir-rigward tal-impjant nukleari ta’ Ignalina, it-tneħħija u l-ħażna provviżorja f’kundizzjoni ta’ sikurezza ta’ vireg nukleari mill-Unità 2 għandhom ikunu prijorità; |
90. |
Jitlob li n-nuqqas ta’ qbil dwar l-interpretazzjoni tat-trattati, l-aġġudikazzjoni tal-kuntratti u t-tilwim tekniku u kummerċjali kontinwu bejn l-impjant nukleari ta’ Ignalina u l-kuntrattur ewlieni għaż-żewġ proġetti jiġi sottomess għal proċedura ta’ arbitraġġ; jinnota li kwalunkwe għajnuna finanzjarja addizzjonali mill-Unjoni għandha tkun sospiża sakemm tkun solvuta t-tilwima; jistieden lill-Kummissjoni tirraporta lill-Parlament fuq bażi annwali dwar is-sitwazzjoni; |
91. |
Huwa mħasseb serjament li l-Qorti tal-Awdituri stmat in-nuqqas finanzjarju għat-tlestija tal-proġetti ta’ diżattivazzjoni fil-livell ta’ EUR 2 500 miljun; b’hekk jinħoloq nuqqas konsiderevoli fil-finanzjament; |
92. |
Jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mal-gvernijiet tal-Bulgarija, il-Litwanja u s-Slovakkja u timmassimizza l-progress fid-diżattivazzjoni tal-impjanti tal-enerġija nukleari billi tqiegħed għad-dispożizzjoni biżżejjed finanzjament sal-2017 jew, fejn xieraq, sal-2020; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tistabbilixxi miri ta’ implimentazzjoni ambizzjużi u timmonitorja l-progress fil-ksib ta’ dawk il-miri; huwa tal-fehma li għandhom jiġu applikati pieni fil-każ ta’ nuqqas li jintlaħqu dawk il-miri; jitlob li jiġi ppreżentat rapport annwali dwar il-progress lill-Parlament; |
93. |
Jinnota li minn meta bdiet id-diżattivazzjoni tal-impjanti tal-enerġija nukleari fil-Litwanja, fis-Slovakkja u fil-Bulgarija, ir-responsabbiltà u l-obbligi tal-Istati Membri parteċipanti fil-proċess ta’ diżattivazzjoni ma ġiex definit b’mod ċar; jinnota li l-piż li ġej mir-responsabbiltà għall-proċess kollu kemm hu tad-diżattivazzjoni li jagħlqu l-impjanti tal-enerġija nukleari tagħhom kien sproporzjonat għall-Istati Membri; |
94. |
Jilqa’ l-fatt li l-proposta msemmija hawn fuq għal regolament tal-Kunsill (COM(2011) 783) mhux biss tistabbilixxi objettivi ġenerali iżda tistabbilixxi wkoll objettivi speċifiċi, li jistgħu jitkejlu u jintlaħqu, rilevanti u bi skeda ta’ żmien għat-tliet Stati Membri; jinnota li se jiġu definiti objettivi u indikaturi oħra tal-prestazzjoni fil-livell tal-proġetti, fil-miżuri ta’ implimentazzjoni u fil-programmi annwali ta’ ħidma; |
95. |
Huwa tal-fehma li fil-proposta għal regolament tal-Kunsill, il-bażi legali għall-għoti ta’ finanzjament addizzjonali għall-programm Ignalina għandu jkun il-Protokoll Nru 4 tal-Att ta’ Adeżjoni u mhux l-Artikolu 203 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika; |
96. |
Jilqa’ l-fatt li, mhux iktar tard mill-aħħar tal-2015, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rapport ta’ valutazzjoni dwar l-ilħuq tal-objettivi tal-miżuri kollha, fil-livell ta’ riżultati u impatti, l-effiċjenza tal-użu tar-riżorsi u l-valur miżjud tal-Unjoni tagħhom, bil-ħsieb ta’ deċiżjoni li temenda jew tissospendi l-miżuri; jitlob lill-Kummissjoni tagħtih kopja tar-rapport ta’ valutazzjoni; |
97. |
Jistieden lill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) iqiegħed ir-rapporti tiegħu dwar l-implimentazzjoni tal-proġetti fil-Bulgarija, fil-Litwanja u fis-Slovakkja għad-dispożizzjoni tal-Parlament; |
98. |
Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri jivvalutaw il-valur miżjud tal-kooperazzjoni mal-BERŻ, u l-kapaċità tiegħu li jagħmilha ta’ amministratur tal-fondi, meta jitqies li l-Unjoni tipprovdi 96 % tal-finanzjament; |
99. |
Jistieden lill-Kummissjoni tfassal rapport dwar il-proċessi ta’ diżattivazzjoni f’dawk it-tliet pajjiżi; jistieden lill-Kummissjoni tfassal ukoll rapport dwar id-diżattivazzjoni tal-impjant tal-enerġija nukleari fi Greifswald, bil-ħsieb li tiġi stabbilita l-aħjar prattika teknika u organizzattiva, u b’hekk tinħoloq bażi ta’ referenza għal proġetti futuri ta’ diżattivazzjoni; |
Parti V Rapport Speċjali Nru 1/2012 tal-Qorti tal-Awdituri intitolat “L-effettività tal-għajnuna għall-iżvilupp mill-Unjoni Ewropea għas-sigurtà alimentari fl-Afrika sub-Saħarjana”
100. |
Jilqa’ r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri u l-konklużjoni ġenerali tagħha li l-għajnuna għall-iżvilupp mogħtija mill-Unjoni għas-sigurtà alimentari fl-Afrika sub-Saħarjana hija fil-biċċa l-kbira effikaċi u tagħti kontribut importanti għall-ksib tas-sigurtà alimentari fil-pajjiżi sħab li għad ma għandhomx settur agrikolu sostenibbli u sikur; josserva madankollu, li skont il-Qorti tal-Awdituri, għad hemm lok għal titjib sinifikanti f’għadd ta’ oqsma; |
101. |
Jieħu nota, b’sodisfazzjoni, tal-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li, fejn is-sigurtà alimentari hija parti mill-istrateġija tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), l-għajnuna għall-iżvilupp mogħtija mill-Unjoni hija rilevanti immens għall-bżonnijiet u l-prijoritajiet tal-Afrika sub-Saħarjana, u li l-Kummissjoni ffokat l-għajnuna għall-iżvilupp mogħtija mill-Unjoni fuq il-pajjiżi bl-aktar numru għoli ta’ persuni li jsofru mill-malnutrizzjoni; |
102. |
Jaqbel mal-Qorti tal-Awdituri li hemm bżonn tingħata attenzjoni akbar lis-sigurtà alimentari fl-assistenza għall-iżvilupp tal-Unjoni; |
103. |
Jiddeplora l-fatt li għall-10 FEŻ, is-sigurtà alimentari, l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali ntgħażlu bħala settur ewlieni għal numru anqas ta’ pajjiżi sħab meta mqabbel mad-9 FEŻ u li diversi pajjiżi bi problema ta’ sigurtà alimentari rċevew ftit għajnuna għall-iżvilupp mill-Unjoni f’dan il-qasam jew ma rċevew xejn; jaqbel mal-Qorti tal-Awdituri li dan huwa inkonsistenti mas-sitwazzjoni kritika fir-rigward tal-Għan ta’ Żvilupp tal-Millenju 1: Eqred il-faqar estrem u l-ġuħ u l-prijorità akbar li l-FEŻ kien mistenni jagħti lis-sigurtà alimentari; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jagħtu aktar attenzjoni lil dan il-qasam meta jkunu qed ifasslu d-dokumenti ta’ strateġija għall-pajjiż tal-FEŻ u jallokaw aktar finanzjament għal dan l-iskop; |
104. |
Jappoġġa r-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri għal valutazzjoni strutturata tal-qagħda tas-sigurtà alimentari f’kull pajjiż u għal kunsiderazzjoni sistematika tal-ambitu potenzjali għal appoġġ rilevanti tal-Unjoni mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-programmazzjoni tal-Kummissjoni tal-għajnuna għall-iżvilupp mill-Unjoni, jistieden lid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni – EuropeAid jiżgura l-inkorporazzjoni tad-data u tal-analiżi mill-uffiċċji fil-post tad-Direttorat Ġenerali għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili u minn sorsi oħra u jgħin biex jiżgura li jkunu hemm fis-seħħ sistemi effikaċi ta’ twissija bikrija għan-nuqqas ta’ sigurtà alimentari; jistieden barra minn hekk lis-SEAE jgħin jiżgura li tinbena kapaċità governattiva korrispondenti biex tħaddem dawk is-sistemi b’mod sostenibbli, u li jiġu implimentati strateġiji ta’ prevenzjoni, sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza ta’ dawk l-aktar vulnerabbli; |
105. |
Josserva li wara l-kriżi tal-ikel tal-2008, li laqtet b’mod gravi lil ħafna pajjiżi tal-Afrika sub-Saħarjana, il-prezzijiet tal-ikel reġgħu gradwalment lura għal-livelli preċedenti u huwa probabbli li l-volatilità u l-ispekulazzjoni jkomplu jippersistu; jistieden lill-Kummissjoni telabora strateġiji ta’ reazzjoni għall-kontinġenzi differenti u tagħmel proposti rilevanti; jistieden lill-Kummissjoni tieħu nota wkoll tal-fatt li prezzijiet tal-ikel li kull ma jmur qed jiżdiedu huma parti minn tendenza notevoli u fuq perjodu twil ta’ żmien li qed tiżdied, aktar milli kwistjoni ta’ żmien qasir, u għaldaqstant dan jirrikjedi strateġija olistika fuq perjodu twil marbuta b’mod dirett ma’ għanijiet ta’ żvilupp aktar wesgħin; jappella għall-inklużjoni ta’ Faċilità ġdida għall-Ikel jew mekkaniżmu simili fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali għas-snin 2014 sal-2020 ħalli tiġi żgurata l-kapaċità tal-Unjoni li tirrispondi malajr għal kriżijiet ġodda tal-ikel bl-użu ta’ fondi simili, fid-dawl tan-nuqqas ta’ prevedibbiltà ta’ kriżijiet ġodda tal-ikel u l-volatilità akbar tal-prezzijiet tal-ikel; iqis li l-ispekulazzjoni finanzjarja taggrava l-volatilità tal-prezzijiet tal-ikel u li, għaldaqstant, huwa neċessarju wkoll li jsiru interventi effikaċi kontra tali spekulazzjoni, inkluż permezz tar-regolamentazzjoni u tal-kontroll tas-suq tad-derivati; |
106. |
Jiddeplora l-fatt li, minkejja tkabbir ekonomiku qawwi, kwart tal-popolazzjoni fl-Afrika sub-Saħarjana għadu jsofri mill-malnutrizzjoni; jirrimarka li r-reġjun għandu t-teknoloġija, l-għarfien u r-riżorsi naturali biex ibiddel dan; jenfasizza li l-paċi, id-demokrazija u l-istabbilità politika huma essenzjali peress li l-aċċess għall-art u s-swieq, id-drittijiet tal-proprjetà u l-edukazzjoni se jippermettu li tiżdied l-influwenza u r-responsabilizzazzjoni tal-gvernijiet u tal-awtoritajiet pubbliċi; |
107. |
Josserva n-nuqqasijiet enfasizzati mill-Qorti tal-Awdituri fil-koordinazzjoni tal-użu tar-riżorsi allokati taħt il-FEŻ u l-linja baġitarja “sigurtà alimentari” għall-perjodu 1996-2006; jistieden lill-Kummissjoni tarmonizza l-objettivi taż-żewġ strumenti, bil-ħsieb li jiġi żgurat li dawn jikkomplementaw lil xulxin u li l-fondi inkwistjoni jintużaw b’mod kemm jista’ jkun effikaċi; |
108. |
Iqis li l-Kummissjoni għandha tieħu kont sistematiku tal-qagħda tas-sigurtà alimentari u n-nuqqas kroniku ta’ sigurtà alimentari, b’mod partikolari waqt l-implimentazzjoni tal-politika tal-iżvilupp tal-Unjoni; |
109. |
Jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tar-rabta bejn l-assistenza, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-għajnuna; itenni l-importanza li jiġi allokat sehem xieraq tal-għajnuna tal-Unjoni għall-iżvilupp barrani (ODA) għas-settur agrikolu; jiddispjaċih li kien hemm tnaqqis kbir ħafna fil-livell ta’ għajnuna għall-iżvilupp allokat għall-agrikoltura mis-snin tmenin ‘l hawn u jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-agrikoltura fl-għajnuna għall-iżvilupp tagħha, inkluża l-għajnuna lill-bdiewa biex ikollhom aċċess għas-swieq; jirrimarka li l-għajnuna għall-iżvilupp hija parti minn skema akbar fejn il-kummerċ, ir-rimessi u sorsi oħra ta’ introjtu huma llum il-ġurnata aktar importanti mill-pagamenti totali tal-ODA għall-biċċa l-kbira tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u li l-politika agrikola komuni tostakola kummerċ ħieles u ġust mas-swieq emerġenti; |
110. |
Jenfasizza li l-katina tal-ikel kollha, mir-razzett sal-mejda tal-konsumatur, għandha tiġi indirizzata sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-settur agrikolu; jemmen li impenji politiċi fit-tul mill-gvernijiet tal-Afrika sub-Saħarjana huma neċessarji ħalli jitnaqqas il-livell tal-vulnerabilità tas-settur argrikolu; jirrimarka li sussidji temporanji fil-forma ta’ żerriegħa li tiflaħ għal kundizzjonijiet estremi ta’ temp jistgħu jservu ta’ xibka ta’ sikurezza importanti għall-bdiewa li joperaw fuq skala żgħira u l-familji li, mingħajr dawn, ikunu affettwati ħażin ħafna; jenfasizza l-importanza ta’ twissijiet bikrija u xogħol preventiv fil-qasam tas-sanità, iż-żerriegħa u l-għalf għall-annimali; jiddeplora l-fatt li l-vjolenza u n-nuqqas ta’ sigurtà jikkostitwixxu ostakolu għas-sigurtà alimentari fil-futur; |
111. |
Jenfasizza l-bżonn li jkun hemm iffukar mill-ġdid fuq il-politika alimentari li tmur lil hinn mill-għajnuna alimentari, fuq il-kooperazzjoni bejn id-donaturi u bejn id-donaturi u l-benefiċjarji, bi sħubija msaħħa fuq il-livell Ewropew u globali, kif ukoll fuq ir-rwol kruċjali tal-pajjiżi sħab fil-provvediment tar-rekwiżiti bażiċi għal kwalunkwe progress sinifikanti f’dan is-settur, bħall-paċi interna u l-investiment fl-infrastruttura rurali; jenfasizza wkoll li l-iżvilupp soċjali u ekonomiku fit-tul jirrikjedi sorsi ta’ introjtu sostenibbli apparti l-għajnuna; iqis li relazzjonijiet kummerċjali ħielsa u ġusti bejn l-Ewropa u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw f’konformità mal-prinċipji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ huma essenzjali sabiex tissaħħaħ is-sigurtà alimentari u jitħaffef l-iżvilupp uman fl-Afrika sub-Saħarjana; |
112. |
Jaqbel mal-Qorti tal-Awdituri li perjodu ta’ implimentazzjoni itwal għall-Faċilità għall-Ikel (2008 sal-2010) kien ikun aktar adatt fid-dawl tal-objettivi tagħha u d-differenza eżistenti ta’ finanzjament bejn l-aħħar tal-perjodu ta’ programmazzjoni tagħha u l-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss tal-FEŻ (mill-2014); jenfasizza l-importanza li tiġi żġurata l-kontinwità tal-għajnuna fid-dawl tal-volatilità kontinwa u l-livell għoli tal-prezzijiet tal-prodotti bażiċi; jenfasizza l-bżonn li jinstabu, f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Programm Dinji tal-Ikel, l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Fond Internazzjonali għall-Iżvilupp Agrikolu, il-komplimentarjetà u s-sinerġija bejn il-programmi ta’ sigurtà alimentari tal-Unjoni u l-programmi ta’ dawk u donaturi internazzjonali oħra; |
113. |
Jinsab imħasseb sew dwar il-konstatazzjoni tal-Qorti li n-nutrizzjoni ġiet traskurata u huwa tal-fehma li dan huwa nkwetanti peress li l-malnutrizzjoni għandha konsegwenzi dannużi ħafna, b’mod partikolari jekk tirriżulta matul it-tqala u matul l-ewwel sentejn ta’ ħajja, u tista’ twassal għal dannu irriversibbli; jirrimarka li l-malnutrizzjoni tikkostitwixxi ostakolu għall-iżvilupp uman, peress li tikkawża dannu irriversibbli fuq individwi u tikkawża telf soċjali u ekonomiku kbir għall-pajjiżi; jilqa’ r-rieda tal-Kummissjoni, espressa fil-Komunikazzjoni tagħha dwar qafas ta’ politika tal-UE biex jgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jindirizzaw l-isfidi fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel (COM(2010) 127), li tintegra l-aspett ta’ nutrizzjoni fil-programmi tal-Unjoni; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tfassal Komunikazzjoni speċifika fuq dan l-aspett u tintegra strateġiji sodi u multisettorjali dwar in-nutrizzjoni fil-politika tagħha għall-iżvilupp; jirrimarka li wieħed mill-interventi l-aktar importanti u kosteffiċjenti huwa l-emanċipazzjoni tan-nisa, li tikkostitwixxi mod b’konsegwenzi vasti li bih il-familji jiġu megħjuna jagħtu prijorità lill-kura tas-saħħa u lin-nutrizzjoni tat-tfal; |
114. |
Jieħu nota tal-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li l-interventi tal-Unjoni b’mod ġenerali, kienu ġew ippjanati sew u jilħqu l-biċċa l-kbira tar-riżultati intiżi tagħhom, iżda jiddispjaċih li l-kwalità tal-objettivi kienet varjabbli u diffiċli titkejjel minħabba n-nuqqas ta’ indikaturi ta’ prestazzjoni u li s-sostenibbiltà tar-riżultati kienet dubbjuża għal dak li jikkonċerna nofs l-interventi suġġetti għall-awditu; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi objettivi aktar realistiċi u li jistgħu jitkejlu għall-interventi u ttejjeb id-definizzjoni tagħhom fil-programmi tal-appoġġ baġitarju ġenerali, fejn għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-inkoraġġiment tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ li dejjem qed jiżdiedu u l-interventi li jindirizzaw id-diskriminazzjoni tan-nisa fis-settur agrikolu; |
115. |
Jibqa’ konvint mill-importanza tat-tisħiħ tal-aspett tan-nutrizzjoni fl-għajnuna għall-iżvilupp għas-sigurtà alimentari u jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta rapport bil-miktub dwar il-progress tagħha f’dan ir-rigward sar-rebbiegħa tal-2013; |
116. |
Josserva li l-impatt globali tal-azzjoni tal-Unjoni fuq is-sigurtà alimentari huwa wkoll iddeterminat mill-politiki tal-Unjoni fl-oqsma tal-agrikoltura, is-sajd, l-enerġija u l-kummerċ; jisħaq fuq il-bżonn ta’ garanzija tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, skont l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u li dawk il-politiki għandhom iħaddnu u jirrispettaw il-prinċipju “tagħmilx ħsara”; |
117. |
Jaqbel mal-Qorti tal-Awdituri li l-Kummissjoni għandha timpenja ruħha sabiex tappoġġa aktar is-sostenibbiltà finanzjarja tal-programmi agrikoli u tat-trasferimenti soċjali; |
Parti VI Rapport Speċjali Nru 2/2012 tal-Qorti tal-Awdituri intitolat “L-istrumenti finanzjarji għall-SMEs kofinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali”
118. |
Jilqa’ favorevolment ir-Rapport Speċjali Nru 2/2012 li jikkonċentra fuq il-miżuri ta’ inġinerija finanzjarja kofinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) matul il-perjodi ta’ programmazzjoni 2000-2006 u 2007-2013; jirrikonoxxi li r-Rapport Speċjali Nru 2/2012 iforni tagħrif dwar l-effiċjenza u l-effikaċja tal-miżuri ta’ inġinerija finanzjarja kofinanzjati mill-FEŻR u huwa bbażat fuq kampjun ta’ awditjar ta’ proġetti fir-Renju Unit, fil-Ġermanja, fis-Slovakkja, fl-Ungerija u fil-Portugall; |
119. |
Huwa tal-fehma li tali rapport ta’ awditjar ikun ta’ valur kbir ukoll fi tmiem il-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, billi jippermetti li jsiru konklużjonijiet ulterjuri rigward il-prestazzjoni tal-istrumenti finanzjarji għall-impriżi żgħar u medji (SMEs) kofinanzjati mill-FEŻR; iqis ukoll li l-abbozzar ta’ tali rapport fi tmiem dak il-perjodu se jagħmilha possibbli li jiġi evitat li l-iżbalji jerġgħu jsiru, filwaqt li fl-istess ħin tiżdied l-effikaċja u l-effiċjenza tal-miżuri futuri ta’ inġinerija finanzjarja kofinanzjati mill-FEŻR; |
120. |
Jenfasizza li l-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija tal-Unjoni, għaliex jiġġeneraw l-impjiegi, l-innovazzjoni u l-ġid; josserva, iżda, li l-SMEs jistgħu jsofru minn diskrepanzi fil-finanzjament, minħabba li ma jkunux jistgħu jiksbu aċċess għat-tip u l-ammont ta’ finanzjament li jkollhom bżonn f’mumenti partikolari; |
121. |
Jirrikonoxxi l-fatt li fi żmien ta’ trażżin fiskali u kapaċità mnaqqsa ta’ self tas-settur privat, l-SMEs u b’mod partikolari l-mikroimpriżi kienu dawk li l-aktar intlaqtu u għalhekk għandhom jiġu indirizzati b’mod speċifiku biex jirċievu appoġġ tal-Unjoni msaħħaħ biex ikomplu jiġġeneraw l-impjiegi, l-innovazzjoni u t-tkabbir; jinnota li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-SMEs li jiġġeneraw żvilupp sostenibbli fil-livell lokali u li l-politika ta’ koeżjoni, bħala strument ta’ investiment ewlieni għall-konverġenza u l-iżvilupp sostenibbli tal-Unjoni kollha, hija wieħed mill-kanali prinċipali ta’ appoġġ tal-UE għall-SMEs; jenfasizza, għalhekk, li l-użu tal-istrumenti finanzjarji fil-politika ta’ koeżjoni fir-rigward tal-SMEs għandu jissaħħaħ fil-ġejjieni peress li jista’ jiggarantixxi fondi li jistgħu jerġgħu jintużaw, irawwem sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat u jikkawża effett multiplikatur bil-baġit tal-Unjoni; |
122. |
Ifakkar li biex tiġi sostnuta l-imprenditorija, l-Unjoni timplimenta l-politika imprenditorjali tagħha u l-politika ta’ koeżjoni tagħha l-aktar permezz ta’ għotjiet, iżda dejjem aktar permezz ta’ strumenti finanzjarji fil-qafas tal-FEŻR; josserva li l-istrumenti finanzjarji huma rimborsabbli u jistgħu jerġgħu jintużaw u b’hekk jassiguraw li gruppi suċċessivi ta’ SMEs jistgħu jibbenefikaw; |
123. |
Jirrikonoxxi li l-implimentazzjoni tal-aċċess għall-programmi ta’ finanzjament teħtieġ l-involviment attiv ta’ intermedjarji finanzjarji, li jittrasformaw fondi pubbliċi fi strumenti finanzjarji għall-SMEs; josserva li fondi addizzjonali mogħtija mis-settur privat jistgħu jiġu miżjuda mal-finanzjament pubbliku u b’hekk jiżdied l-ammont totali disponibbli għall-investimenti fl-SMEs; josserva li din l-azzjoni hija komunement definita bħala effett ta’ ingranaġġ jew effett multiplikatur; |
124. |
Jenfasizza li n-nuqqas ta’ aċċess għall-finanzi wassal għal tnaqqis fl-għadd ta’ negozji ġodda li għadhom jibdew (start-ups), li jfisser li r-rwol tal-istrumenti finanzjarji kofinanzjati mill-FEŻR fl-istimolazzjoni tal-imprenditorija qiegħed jassumi importanza li kulma jmur qiegħda tikber; |
125. |
Ifakkar li l-awditjar tal-Qorti tal-Awdituri kkonċentra fuq il-miżuri ta’ inġinerija finanzjarja kofinanzjati mill-FEŻR matul il-perjodi ta’ programmazzjoni 2000-2006 u 2007-2013 u li r-riżultati tal-awditjar huma bbażati fuq rieżami dirett ta’ kampjun ta’ proġetti u fuq eżami tas-sistemi ta’ ġestjoni, monitoraġġ u informazzjoni tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri; |
126. |
Josserva li l-Qorti tal-Awdituri kkonċentrat l-awditjar tagħha fuq tliet tipi ewlenin ta’ strumenti finanzjarji: strumenti ta’ ekwità, ta’ self u ta’ garanzija; jikkonstata li dawn kollha huma strumenti eliġibbli għall-kofinanzjament tal-FEŻR, iżda jridu jirrispettaw ir-regoli ta’ eliġibilità tal-Unjoni u dawk nazzjonali; itenni li l-objettiv prinċipali tal-awditjar kien li jivvaluta jekk in-nefqa tal-FEŻR fuq il-miżuri tal-inġinerija finanzjarja għall-SMEs kinitx effikaċi u effiċjenti; |
127. |
Jilqa’ b’sodisfazzjon il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti fir-rigward tal-valutazzjoni tad-diskrepanzi tal-finanzjamenti; jinnota li fil-proposta leġiżlattiva (19) għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss tali valutazzjoni ssir obbligatorja fil-forma ta’ valutazzjoni ex ante; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi rekwiżiti rilevanti, inklużi punti ta’ riferiment kwantifikati, rigward ir-rwol u l-applikazzjoni tal-valutazzjoni ex ante fir-regolament rilevanti bħala parti mill-att bażiku; iqis li l-kwestjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-fondi li jistgħu jerġgħu jintużaw ukoll għandha tiġi ttrattata fil-proposta leġiżlattiva għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss; |
128. |
Jikkonstata li r-regolamenti tal-Fondi Strutturali jippermettu li tiġi stabbilita preferenza għas-settur privat meta mqabbel ma’ dak pubbliku; jistieden lill-Kummissjoni ssib ġustifikazzjoni adegwata għal din il-pożizzjoni privileġġata, billi dan it-trattament jaf jillimita l-kapaċità li dak li jkun jerġa’ jidħol fil-pussess tal-fondi f’eċċess u l-possibilità li tali fondi jiġu allokati lil SMEs oħrajn; |
129. |
Jesprimi t-tħassib tiegħu għall-fatt li l-Qorti tal-Awdituri sabet li l-effikaċja u l-effiċjenza tal-miżuri kienu ostakolati minn dawn in-nuqqasijiet li ġejjin:
|
130. |
Ifakkar ukoll li, fl-opinjoni tiegħu dwar strumenti finanzjarji innovattivi fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss (20), il-Kumitat Parlamentari għall-Iżvilupp Reġjonali talab li tingħata garanzija ta’ ċarezza, sempliċità u trasparenza immedjati tal-qafas ġuridiku tal-istrumenti finanzjarji u riferiment ġuridiku koerenti lid-definizzjonijiet tal-istrumenti finanzjarji; |
131. |
Josserva bi tħassib li r-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni preċedenti, il-kumitati ta’ monitoraġġ u l-indikaturi tal-programmi operattivi tqiesu bħala inadegwati jew mhux xierqa għall-objettivi u l-finijiet tal-istrumenti finanzjarji; jilqa’ favorevolment l-iżviluppi fl-attivitajiet ta’ rappurtar u ta’ monitoraġġ reġistrati b’JEREMIE (Riżorsi Ewropej Konġunti għall-Impriżi Mikro sa Medji); |
132. |
Jiddispjaċih dwar il-fatt li, fil-livell tal-fondi ta’ parteċipazzjoni (holding funds), il-Qorti tal-Awdituri ma ltaqgħatx ma’ ingranaġġ sinifikanti tas-settur privat għall-perjodi ta’ programmazzjoni 2000-2006 u 2007-2013; huwa sorpriż bil-fatt li, is-soltu, fil-ftehimiet tal-finanzjament bejn l-Awtoritajiet Ġestjonarji u l-intermedjarji finanzjari ma jkun hemm l-ebda rekwiżit espliċitu ta’ ingranaġġ, ħlief għal ċerti fondi ta’ ekwità, li kellhom rekwiżiti ta’ ingranaġġ vinkolanti għal koinvestituri privati; |
133. |
Jappoġġa l-appell tal-Qorti tal-Awdituri għal definizzjoni aktar ċara tal-kunċett ta’ ingranaġġ fl-istrumenti finanzjarji; jenfasizza, madankollu, li fid-dawl tal-pressjoni biex jiġi realizzat ingranaġġ ogħla, huwa importanti li niftakru li l-istrumenti finanzjarji fil-politika ta’ koeżjoni ġeneralment qed jiffinanzjaw proġetti f’reġjuni li huma anqas żviluppati u f’reġjuni li għaddejjin minn diffikultajiet ekonomiċi, bil-għan li jittejbu s-sitwazzjonijiet ta’ falliment tas-swieq u investiment mhux ottimali, u b’hekk l-istrumenti finanzjarji fil-politika ta’ koeżjoni ma jikkonċentrawx biss fuq il-profitabilità fuq perjodu qasir imma wkoll fuq benefiċċji soċjoekonomiċi għolja, speċjalment fil-livell reġjonali u f’dak lokali; jiġbed l-attenzjoni lejn il-governanza fuq ħafna livelli u l-ġestjoni kondiviża fit-tfassil u t-twettiq tal-programmi bħala l-kunċetti fundamentali li jrieġu l-politika ta’ koeżjoni u jippermettu lill-awtoritajiet reġjonali u nazzjonali jkollhom sehem fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-programmi; jenfasizza, għalhekk, li l-qafas leġiżlattiv jeħtieġ li jżomm ċertu livell ta’ flessibilità anke f’dak li huma d-definizzjonijiet u r-rekwiżiti tal-effett tal-ingranaġġ; |
134. |
Jirrikonoxxi l-potenzjal tal-istrumenti ta’ inġinerija finanzjarji innovattivi biex jinbena l-kapital u jissaħħu l-investimenti, meta mqabbel mal-għotjiet li b’mod konsistenti jitqiesu eċessivament ikkumplikati u burokratiċi mill-benefiċjarji tagħhom; jenfasizza li l-istrumenti ta’ inġinerija finanzjarji jistgħu jiżvolġu rwol importanti fl-ilħuq tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 billi jattiraw fondi minn investituri oħra f’oqsma ta’ interess qawwi tal-Unjoni; |
135. |
Jikkonstata, barra minn hekk, li għall-istrumenti ta’ ekwità u ta’ self, il-Qorti tal-Awdituri sabet li l-effett ta’ ingranaġġ miksub ma kienx sinifikanti u kien inqas mill-parametri ta’ paragun; josserva b’sodisfazzjon il-fatt li, b’kuntrast, l-effett ta’ inċentiv għall-istrumenti ta’ garanzija kien ogħla; |
136. |
Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni, mingħajr dewmien, għal dak li għandu x’jaqsam mal-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri; iqis ta’ importanza partikolari ż-żieda, fil-futur, tal-kapaċità tal-FEŻR li jinċentiva l-investimenti privati li jikkorrispondu mal-kontribuzzjonijiet pubbliċi; |
137. |
Jinsab imħasseb bid-dewmien mifrux biex l-SMEs jiksbu aċċess għal finanzjamenti fl-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Awtoritajiet Ġestjonarji jevitaw dewmien fl-għoti ta’ aċċess għall-SMEs għall-finanzjamenti, prinċipalment minħabba raġunijiet amministrattivi, ġuridiċi, organizzattivi jew strateġiċi; jiddispjaċih dwar il-fatt li, mil-lat tal-Awtoritajiet Ġestjonarji, l-użu tal-alternattiva tal-għotjiet għall-SMEs isir aktar konvenjenti; |
138. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq kemm jista’ jkun malajr, proposta integrata u ta’ kjarifika dwar il-problemi kkawżati mill-firxa attwali ta’ definizzjonijiet ta’ SMEs, li jvarjaw fl-Unjoni skont finijiet jew objettivi differenti, u tipproponi modi possibbli ta’ rimedju għas-sitwazzjoni; |
139. |
Jiddeplora l-fatt li, f’ċerti każijiet, l-informazzjoni dwar il-kostijiet ta’ ġestjoni mġarrba mill-SMEs ma kinux disponibbli jew ma kinux affidabbli; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jtejbu l-qagħda attwali u jagħtu, fil-futur, l-informazzjoni kollha rilevanti; jirrikonoxxi li għandha ssir distinzjoni fir-rigward tal-kostijiet tal-istrumenti ta’ inġinerija finanzjarji (il-kost tal-ġestjoni tal-fond ta’ parteċipazzjoni JEREMIE u l-kost tal-ġestjoni tal-intermedjarji finanzjarji) u l-kost għall-SMEs; |
140. |
Jiddeplora l-fatt li f’għadd ta’ każijiet l-intermedjarji finanzjarji maħtura mill-Awtoritajiet Ġestjonarji rispettivi ċċarġjaw lill-SMEs individwali l-ispejjeż ta’ rifinanzjament u ta’ pproċessar; jenfasizza li l-ispejjeż ta’ rifinanzjament u ta’ pproċessar għandhom ikunu partiti ta’ nefqa operattiva ordinarja għall-intermedjarji finanzjarji; |
141. |
Jenfasizza l-importanza li jkunu ssemplifikati l-proċeduri amministrattivi fir-rigward tal-aċċess għall-finanzjamenti u li jitnaqqsu r-rekwiżiti għall-kofinanzjament; |
142. |
Jesprimi tħassib bil-fatt li l-gwida tal-Kummissjoni ma tiddefinixxix it-termini u l-kundizzjonijiet li jistgħu jimpedixxu li l-SMEs jiġu ċċarġjati kostijiet mhux korrispondenti għar-riskju reali li dawn jassumu jew għal servizzi mogħtija mill-intermedjarji finanzjarji; |
143. |
Jirrakkomanda li fid-dawl tal-kumplessità kombinata tal-istrumenti finanzjarji, tal-ġestjoni kondiviża u tar-regoli dwar l-għajnuniet mill-Istat u l-Fondi Strutturali, il-Kummissjoni għandha ttejjeb is-sistemi ta’ komunikazzjoni u ta’ monitoraġġ bejn il-Kummissjoni, l-Awtoritajiet Ġestjonarji u l-benefiċjarji (l-intermedjarji finanzjarji) u tagħti, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-qafas regolatorju 2007-2013, gwida u konsulenza aħjar; |
144. |
Japprova r-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li l-Kummissjoni għandha toffri sistema ta’ monitoraġġ u ta’ valutazzjoni affidabbli u teknikament robusta speċifika għall-istrumenti finanzjarji; jistieden lill-Kummissjoni ssegwi wkoll ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri rigward qbil mal-Istati Membri dwar għadd żgħir ta’ indikaturi tar-riżultati li jistgħu jitkejlu, rilevanti, speċifiċi u uniformi għall-istrumenti finanzjarji, li jkunu jsaħħu kemm il-proċess tal-monitoraġġ u kemm dak tal-awditjar; |
145. |
Josserva li l-frammentazzjoni territorjali u l-massa kritika insuffiċjenti jħallu impatt fuq il-kapaċità ta’ attrazzjoni tal-istrumenti finanzjarji u jimponu ċerti kundizzjonijiet finanzjarji u kostijiet possibbli ta’ ġestjoni relattivament għoljin; josserva li tali karatteristiċi tal-FEŻR ostakolaw il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-istrumenti finanzjarji fid-diversi perjodi ta’ programmazzjoni kollha li jirfdu l-appoġġ tal-FEŻR għall-SMEs; |
146. |
Jiddispjaċih li, matul il-proċess tal-allokazzjoni tal-fondi tal-programm operattiv, l-awtoritajiet pubbliċi, li s-soltu mhumiex familjari mal-finanzjament tal-SMEs, allokaw kontribuzzjonijiet pubbliċi għal fondi b’mod li d-daqs tagħhom ħafna drabi waqa’ taħt il-massa kritika; jinsisti fuq il-fatt li d-diversi programmi operattivi tematiċi b’objettivi ekonomiċi, ambjentali, soċjali u territorjali multipli kienu fl-oriġini ta’ din is-sitwazzjoni; |
147. |
Huwa tal-fehma li, huma u jipproponu miżuri ta’ inġinerija finanzjarja, l-Awtoritajiet Ġestjonarji għandhom jaċċertaw li l-proposta tagħhom tkun debitament motivata minn valutazzjoni ta’ kwalità għolja tad-diskrepanza fil-finanzjament tal-SMEs, abbażi ta’ metodoloġija standardizzata u komunement aċċettata; jappoġġa l-fatt li qabel l-approvazzjoni tal-programmi operattivi, inklużi l-miżuri ta’ inġinerija finanzjarja, il-Kummissjoni għandha tivverifika l-konsistenza tagħhom mal-valutazzjoni tad-diskrepanza tal-SMEs u tiggarantixxi l-kwalità ta’ din tal-aħħar; |
148. |
Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ informazzjoni fl-Istati Membri fir-rigward tal-aċċess għall-SMEs fejn jidħlu sorsi ta’ finanzjament; jappoġġa r-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li, sabiex ikun ottimizzat id-daqs tal-provvista tal-finanzjamenti għall-SMEs, huwa meħtieġ li l-għarfien tal-partijiet interessati fir-rigward tal-bżonnijiet speċifiċi marbuta mal-finanzjamenti tal-SMEs jiżdied kemm jista’ jkun; |
149. |
Huwa tal-fehma li l-effett multiplikatur għandu juri kemm il-kontribuzzjonijiet finanzjarji inizjali tal-Unjoni kif ukoll tal-Istati Membri attiraw finanzjament privat; iqis li l-kofinanzjament ta’ strumenti finanzjarji min-naħa tal-Istati Membri għandu jiġi kkunsidrat, flimkien mal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, bħala parti mill-finanzjamenti pubbliċi; |
150. |
Iqis li kwistjonijiet li għandhom ikunu koperti b’atti delegati, li huma maħsuba li jkopru elementi mhux essenzjali tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, ma għandhomx jittrattaw, fir-realtà, elementi ewlenin tal-iskema futura ta’ Koeżjoni (21); |
151. |
Jirrakkomanda b’mod qawwi li l-Kunsill u l-Kummissjoni, huma u jfasslu proposti għal regolamenti tal-Fondi Strutturali, għandhom jipprevedu qafas regolatorju aktar xieraq ħalli t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ inġinerija finanzjarja ma jintlaqtux min-nuqqasijiet tal-qafas regolatorju, tar-restrizzjonijiet ġeografiċi u tal-effetti ta’ tixrid tal-Fondi Strutturali; jitlob li t-tagħlimiet li nsiltu mill-perjodu ta’ programmazzjoni attwali jkunu riflessi meta jitfasslu l-proposti għar-regolament dwar il-Fondi Strutturali; iqis, b’mod partikolari, li l-proposti għandhom ikunu orjentati lejn il-prestazzjoni u r-riżultati aktar milli lejn il-konformità biss; |
152. |
Huwa favorevoli għall-fatt li l-Kummissjoni tipprevedi sistema ta’ monitoraġġ u ta’ valutazzjoni affidabbli u teknikament solida, speċifika għall-istrumenti finanzjarji, anki billi tissepara l-istrumenti finanzjarji mill-għotijiet proprji fil-proċessi ta’ monitoraġġ, ta’ rappurtar u ta’ awditjar tal-Kummissjoni, u li l-ammont ta’ flus effettivament imħallsa lill-SMEs ikun trasparenti; jinkoraġġixxi, b’mod partikolari, lill-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex jaqblu dwar għadd żgħir ta’ indikaturi li jistgħu jitkejlu, rilevanti, speċifiċi u li jipproduċu riżultati uniformi għall-istrumenti finanzjarji; |
153. |
Jaqbel mal-opinjoni li l-Kummissjoni għandha tivvaluta l-possibilità li toffri lill-Istati Membri strutturi u strumenti ta’ inġinerija finanzjarja għal SMEs diġà konsolidati (eż. għotjiet marbuta mal-pagament ta’ royalties, mezzi ta’ investiment dedikati), biss jekk dawn ikunu jistgħu jkollhom il-konsegwenza li jħaffu l-implimentazzjoni u jnaqqsu l-ispejjeż ta’ ġestjoni, għalkemm b’tali mod li din il-prekundizzjoni ma tfixkilx b’mod eċċessiv l-opportunitajiet tal-SMEs biex jagħmlu użu minn dawk l-iskemi ta’ finanzjament; jenfasizza l-importanza li jiġi garantit li l-inġinerija finanzjarja tkompli tkun flessibbli biex tadatta ruħha kemm għad-disparitajiet reġjonali kif ukoll għall-bidliet fis-suq; |
154. |
Josserva li l-Istati Membri, bis-sostenn tal-Kummissjoni, għandhom jimmiraw lejn l-inklużjoni tal-istrumenti finanzjarji kollha għall-SMEs kofinanzjati mill-FEŻR fi programm operattiv uniku għal kull Stat Membru jew f’assi prijoritarju uniku fil-programm operattiv nazzjonali ta’ Stat Membru, bil-għan li jiġi razzjonalizzat il-proċess ta’ ppjanar u titneħħa waħda mill-kawżi ewlenin ta’ dewmien misjuba; |
155. |
Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tipproponi definizzjoni komuni ta’ effett multiplikatur, kunċetti standard ta’ riċiklaġġ fir-regolamenti tal-Fondi Strutturali, skont it-tip ta’ fond ta’ parteċipazzjoni, kif ukoll teżiġi koeffiċjenti ta’ ingranaġġ minimi, perjodi ta’ rotazzjoni minimi u data għall-kalkolu tal-indikaturi tal-effett ta’ ingranaġġ kuntrattwalment vinkolanti; iqis li l-kunċett ta’ valur miżjud għandu jiġi kkunsidrat bħala komponent importanti fil-kalkolu tal-koeffiċjenti ta’ ingranaġġ, bil-għan li jintlaħqu l-objettivi politiċi rilevanti u jitqiesu l-kundizzjonijiet tas-suq; iqis li għal dan il-għan huwa rakkomandabbli li l-kunċett ta’ valur miżjud Ewropew ikun espress fil-qafas ġuridiku għall-perjodu 2014-2020; |
156. |
Jitlob lil-Kunsill u lill-Kummissjoni jikkunsidraw metodi alternattivi fir-rigward tas-sostenn lill-SMEs permezz ta’ strumenti ta’ inġinerija finanzjarja jekk il-qafas tal-politika ta’ koeżjoni ma tirriżultax idonea; josserva li dawn l-istrumenti għandhom ikunu sostnuti minn programmi ġestiti ċentralment mill-Kummissjoni, minn mezzi ta’ investiment dedikati f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni u l-Istati Membri jew permezz ta’ programmi ġestiti direttament mill-Istati Membri; |
157. |
Ifakkar li l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali msemmija hawn fuq dwar l-istrumenti finanzjarji innovattivi fil-kuntest tal-QFP li jmiss tilqa’ pożittivament il-fatt li l-applikazzjoni tal-istrumenti finanzjarji tiġi estiża fl-ambitu tal-politika ta’ koeżjoni għall-objettivi tematiċi kollha u għall-fondi kollha tal-qafas strateġiku komuni fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss; |
Parti VII Rapport Speċjali Nru 3/2012 tal-Qorti tal-Awdituri intitolat “Il-fondi strutturali: Il-Kummissjoni kellha suċċess biex tittratta n-nuqqasijiet identifikati fis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tal-Istati Membri?”
158. |
Jilqa’ r-Rapport Speċjali Nru 3/2012 tal-Qorti tal-Awdituri; japprova r-rakkomandazzjonijiet kollha li saru mill-Qorti u jistieden lill-Kummissjoni timplimentahom b’mod effettiv u kemm jista’ jkun malajr; |
159. |
Jinsab sodisfatt li l-Kummissjoni b’mod sistematiku bdiet azzjonijiet korrettivi u li l-azzjonijiet mitluba, f’90 % tal-każijiet, kienu reazzjoni adegwata għan-nuqqasijiet (punt 27); |
160. |
Jinnota li madwar 75 % tar-rikjesti bbażati fuq ir-rapporti annwali kif imsemmi fl-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 438/2001 (22) ma ġewx segwiti minn korrezzjonijiet finanzjarji; jistieden lill-Kummissjoni għaldaqstant, tipprovdi informazzjoni dwar ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ korrezzjonijiet finanzjarji f’dan il-kuntest; |
161. |
Jinsab imħasseb dwar ir-rekwiżiti differenti tal-Kummissjoni fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2000-2006 fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ kontrolli tal-ewwel livell, billi din is-sitwazzjoni tista’ potenzjalment twassal sabiex spejjeż irregolari ma jiġux identifikati; jitlob lill-Kummissjoni tapplika approċċ koerenti fir-rigward ta’ rikjesti għal kontrolli tal-ewwel livell u tipprovdi informazzjoni għall-perjodi ta’ programmazzjoni wara dak tal-2000-2006; jinnota li l-bażi legali għall-perjodu 2007-2013 tirrikjedi li l-awtoritajiet tal-ġestjoni jivverifikaw b’mod amministrattiv l-applikazzjonijiet kollha għar-rimborż minn benefiċjarji skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1828/2006 (23); |
162. |
Jistieden lill-Kummissjoni xxerred b’mod saħansitra aktar estensiv listi ta’ kontroll elaborati u manwali tal-aħjar prattiki (b’konċentrazzjoni speċjali fuq ir-regoli ta’ eliġibilità) li għandhom jiġu segwiti mill-Istati Membri u ssaħħaħ is-superviżjoni tagħha ta’ kif dawn l-elementi jiġu meqjusa; |
163. |
Jemmen li l-kontrolli tal-ewwel livell huma tal-akbar importanza biex tiġi żgurata rata ta’ żbalji robusta sa mill-bidu tal-proċess ta’ implimentazzjoni; jemmen għalhekk, li l-awtorità tal-ġestjoni għandha jew tiġi akkreditata mill-Kummissjoni jew li l-Kummissjoni jmissha tgħin u tissorvelja lill-awtorità tal-ġestjoni fl-eżerċitar tal-kontrolli tal-ewwel livell imsemmija hawn fuq; |
164. |
Jinsab partikolarment imħasseb madankollu, dwar l-osservazzjonijiet li ġejjin:
|
165. |
Jinsab ulterjorment imħasseb dwar is-sejba tal-Qorti tal-Awdituri li l-awditjar ta’ segwitu tal-Kummissjoni li għandu l-għan li jeżamina bir-reqqa l-affidabilità tad-dikjarazzjonijiet tal-Istati Membri, kien jeħtieġ azzjonijiet korrettivi ulterjuri min-naħa tal-Istati Membri fi 78 % tal-każijiet (punt 45); jinsab imħasseb għaldaqstant li l-Kummissjoni xi drabi bbażat fuq informazzjoni potenzjalment mhux affidabbli billi l-informazzjoni mressqa mill-Istati Membri ma ġietx iddubitata biżżejjed (pereżempju punt 57, kaxxi 9 u 12) u li l-Kummissjoni ma analizzatx adegwatament l-affidabilità tal-informazzjoni; jindika li n-nuqqas ta’ affidabilità tad-dikjarazzjonijiet tal-Istati Membri teħtieġ riżorsi ta’ awditjar ulterjuri min-naħa tal-Kummissjoni; jirrikonoxxi wkoll il-ħtieġa li jinsab bilanċ adegwat bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ tali awditjar ta’ segwitu (punt 46); |
166. |
Jemmen li bit-tisħiħ tar-rwol tal-Kummissjoni fil-kontrolli ex-ante, aktar milli fil-kontrolli ex-post jista’ jintlaħaq grad ta’ effiċjenza sostanzjalment ogħla; |
167. |
Ifakkar lill-Kummissjoni li skont ir-rapport Annwali tal-2010 tal-Qorti tal-Awdituri, ir-rata ta’ żbalji fil-qasam politiku tal-Koeżjoni żdiedet, sitwazzjoni li treġġa’ lura t-tendenza pożittiva osservata fis-snin li għaddew u li tmur kontra tnaqqis aċċelerat tar-rati ta’ żbalji, kif talab il-Parlament fil-kuntest tal-kwittanza tal-2008 (24); |
168. |
Itenni l-importanza tar-rwol superviżorju li teżerċita l-Kummissjoni sabiex tkun tista’ ġġorr ir-responsabilità finali għall-implimentazzjoni tal-baġit, inklużi l-oqsma tal-ġestjoni kondiviża; ifakkar fil-pjan ta’ azzjoni biex jissaħħaħ ir-rwol ta’ superviżjoni tal-Kummissjoni taħt ġestjoni komuni ta’ azzjonijiet strutturali (COM(2008) 097) u l-qafas ġuridiku mtejjeb għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, bil-għan li jitnaqqas il-livell ta’ żbalji fl-azzjonijiet strutturali u b’hekk jitħares il-baġit tal-Unjoni; jinnota madankollu, li l-pjan ta’ azzjoni tal-2008 daħal fis-seħħ biss fi tmiem il-perjodu ta’ programmazzjoni 2000-2006 u seta’ għalhekk ikopri l-proċess ta’ għeluq ta’ dak il-perjodu biss; jistieden lill-Kummissjoni għaldaqstant tinforza bis-sħiħ il-miżuri stipulati fil-pjan ta’ azzjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 u lil hinn minnu; jistenna min-naħa tal-Kummissjoni tnaqqis kunsiderevoli u konsistenti fir-rati tal-iżbalji f’dan il-kuntest, b’mod partikolari fir-rigward ta’ programmi li mistennija jkollhom l-ogħla rati ta’ żbalji; jipproponi li l-Qorti tal-Awdituri twettaq b’mod regolari valutazzjoni tal-kwalità teknika u etika tal-awtoritajiet ta’ awditjar nazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-indipendenza tagħhom, u tagħmel rapport lill-Parlament u lill-Kunsill dwar is-sejbiet u l-konklużjonijiet tagħha; |
169. |
Jenfasizza li l-ħeffa hija essenzjali fil-proċess tal-kontrolli biex jiġi żgurat li l-interessi finanzjarji tal-kontribwenti tal-Unjoni jiġu mħarsa; jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-iskrutinju, il-valutazzjoni u l-azzjoni ta’ segwitu l-aktar bikrija possibbli fis-superviżjoni futura tagħha tal-ġestjoni ta’ dawn il-fondi; |
170. |
Jemmen li t-titjib tar-rwol superviżorju tal-Kummissjoni huwa proċess kontinwu; jenfasizza f’dan il-kuntest il-kumment tal-Qorti tal-Awdituri li għalkemm is-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll kienu effettivi f’ċertu żmien, dan ma jfissirx neċessarjament li dawn se jkomplu jkunu effettivi, billi s-sistemi, il-persunal u l-entitajiet responsabbli għall-ġestjoni tal-azzjonijiet strutturali jistgħu jinbidlu; jistieden lill-Kummissjoni tapprova bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri; jikkunsidra li t-titjib tal-pjan ta’ azzjoni huwa neċessarju f’każ li l-aspettattivi fir-rigward tat-titjib fil-ġestjoni finanzjarja tal-Kummissjoni ma jintlaħqux; |
171. |
Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel sforz biex tiżgura li l-Istati Membri ma jaffettwawx il-kontinwità tal-programmi billi jbiddlu l-entitajiet, is-sistemi u l-persunal responsabbli għall-kontroll tal-Fondi Strutturali, li jkunu diġà ġew iċċertifikati bħala effettivi mill-Kummissjoni; |
172. |
Jinnota b’sodisfazzjon in-numru għoli ta’ azzjonijiet preventivi, inklużi korrezzjonijiet finanzjarji infurzati mill-Kummissjoni wara l-adozzjoni tal-pjan ta’ azzjoni fl-2008; jitlob għaldaqstant lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dwar l-impatt ta’ dawk il-korrezzjonijiet fuq ir-rata ġenerali ta’ żbalji għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2000-2006. |
173. |
Itenni l-idea ta’ awditjar uniku li ġiet iddikjarata mill-Qorti tal-Awdituri fl-Opinjoni Nru 2/2004 tagħha; jemmen li f’sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti, il-prinċipji u l-istandards komuni għandhom ikunu l-bażi għall-amministrazzjoni fil-livelli kollha (25); |
174. |
Jinsab konvint li l-Kummissjoni għandha tkompli timmira lejn l-implimentazzjoni tal-prinċipju tal-awditjar uniku; jenfasizza li huwa tal-akbar importanza li tiġi żgurata l-kwalità tax-xogħol tal-awtoritajiet ta’ awditjar fil-perjodi attwali u li ġejjin u li l-indipendenza tagħhom tkun garantita, u li sabiex jintlaħaq dan l-għan huwa essenzjali li jiġu stabbiliti standards komuni ċari u trasparenti għal dan l-awditjar; jinnota li, sakemm l-awtoritajiet ta’ awditjar jipproduċu riżultati affidabbli, il-baġit tal-Unjoni jista’ jitħares b’mod adegwat anki jekk ikun hemm rati għoljin ta’ żbalji peress li l-Kummissjoni tista’ tapplika korrezzjonijiet finanzjarji b’reazzjoni għal dawn ir-rati ta’ żbalji; itenni madankollu l-fatt li f’każijiet bħal dawn, il-kontribwenti nazzjonali jkollhom iħallsu darbtejn u huwa għalhekk li l-prevenzjoni tal-iżbalji hija dejjem aktar effiċjenti minn korrezzjoni aktar tard, kemm għall-Kummissjoni u kemm għall-Istati Membri kkonċernati; jenfasizza speċifikament f’dan il-kuntest l-inċiż 2 tar-rakkomandazzjoni numru 1 tal-Qorti tal-Awdituri u jħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta din ir-rakkomandazzjoni; |
175. |
Jistieden lill-Kummissjoni tiffinalizza l-għeluq tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2000-2006, b’kunsiderazzjoni għall-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri u tirrapporta lill-Parlament dwar kif il-Kummissjoni se tiżgura l-legalità u r-regolarità fil-proċess; |
176. |
Jistieden lill-Kummissjoni barra minn hekk, tqis it-tagħlimiet li nsiltu mir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri u tissorvelja l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet strutturali għall-perjodu 2007-2013 u żżomm f’moħħha l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri fid-diskussjonijiet dwar l-azzjonijiet strutturali tal-futur għall-perjodu 2014-2020; |
177. |
Jemmen bis-sħiħ li l-Kummissjoni għandha tapprofondixxi l-involviment tagħha fil-proċess ta’ skrutinju tal-Fondi Strutturali billi tkompli tgħin u tissorvelja aktar l-awtoritajiet ta’ ġestjoni u ta’ ċertifikazzjoni tal-Istati Membri kif ukoll il-korpi ta’ stralċ, matul il-fażijiet kollha tal-implimentazzjoni u tal-verifika, sabiex jiġi żgurat proċess saħansitra aktar effiċjenti u li jieħu anqas ħin u riżorsi; |
Parti VIII Rapport Speċjali Nru 4/2012 tal-Qorti tal-Awdituri intitolat “L-użu ta’ Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni għall-kofinanzjament ta’ infrastrutturi tat-trasport fil-portijiet: investiment effettiv?”
Introduzzjoni
178. |
Jilqa’ r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri u jinnota l-evalwazzjoni kritika tal-prestazzjoni kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-Istati Membri fir-rigward tal-effikaċja u l-kosteffiċjenza tan-nefqa tal-fondi fil-qasam tal-proġetti kofinanzjati tal-portijiet; |
179. |
Jilqa’ l-approvazzjoni tal-Kummissjoni tal-maġġoranza tar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri; |
180. |
Jikkunsidra l-maġġoranza ta’ azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni sabiex jiġu evitati nuqqasijiet fil-futur tat-tip żvelat mir-rapport sabiex ikun jista’ jintlaħaq l-għan ta’ nfiq aktar effikaċi u aktar kosteffiċjenti; |
181. |
Jikkunsidra, madankollu, li hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Kummissjoni; |
Riżultati
182. |
Huwa mħasseb dwar il-fatt li
|
183. |
Jinnota li:
|
184. |
Jaqbel mal-Kummissjoni li r-riżultati u l-impatt tal-investiment fl-infrastruttura tat-trasport mhumiex dejjem tanġibbli immedjatament wara li jkun tlesta x-xogħol tal-konstruzzjoni, peress li jieħdu xi żmien biex jimmaterjalizzaw; |
185. |
Jikkonkludi li
|
Rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri
186. |
Japprova r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri li l-Kummissjoni għandha:
|
187. |
Jirrikonoxxi b’mod favorevoli li l-Kummissjoni:
|
Aktar rakkomandazzjonijiet
188. |
Jistieden lill-Kummissjoni
|
Parti IX Rapport Speċjali Nru 5/2012 tal-Qorti tal-Awdituri intitolat “Is-Sistema Komuni ta’ Informazzjoni dwar ir-Relazzjonijiet Esterni (CRIS)”
189. |
Jilqa’ pożittivament ir-Rapport Speċjali Nru 5/2012 tal-Qorti tal-Awdituri billi jipprovdi lill-Parlament, bħala l-awtorità ta’ superviżjoni u tal-kwittanza, b’informazzjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-baġit; |
190. |
Jinsab sodisfatt bl-opinjoni ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri li “CRIS hija fil-biċċa l-kbira effettiva biex twieġeb għall-ħtiġijiet ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-azzjonijiet esterni” (punt 75); jinsab imħasseb, madankollu, dwar ċerti nuqqasijiet kritiċi identifikati fir-rapport; |
191. |
Jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi r-rwol u l-objettivi tas-sistema CRIS, peress li dawn ma ġewx aġġornati minn mindu saret operattiva s-sistema fl-2002, minkejja l-bosta tibdiliet tal-kontenut tagħha; |
192. |
Japprova r-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Qorti tal-Awdituri; jistieden lill-Kummissjoni timplimentahom kemm jista’ jkun malajr sabiex jiġu solvuti d-dgħufijiet persistenti; |
193. |
Jisħaq fuq il-fatt li kwalunkwe bidla tar-rwol u modifika tas-sistema CRIS għandha tirrifletti l-isfidi l-ġodda tal-politika esterna tal-Unjoni introdotti mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jirriżultaw fi kwalità aħjar u koerenza aħjar tad-data; |
194. |
Jenfasizza l-bżonn ta’ adattament tal-funzjonijiet ta’ rapportar tas-sistema CRIS mal-kompetenzi tal-Parlament fl-oqsma tal-politika esterna u tal-kontroll baġitarju; |
195. |
Jikkunsidra li r-Rakkomandazzjoni Nru 1, jiġifieri li r-rwol tal-CRIS bħala sistema ta’ informazzjoni għandu jiġi definit, partikolarment fir-rigward tas-sistema ta’ kontabilità bbażata fuq id-dovuti tal-Kummissjoni (ABAC), hija tal-akbar importanza; |
196. |
Iqis li titjib fl-integrità tad-data bejn is-sistema CRIS u s-sistema ABAC huwa urġenti bil-għan li r-rappurtaġġ dwar l-attivitajiet esterni tal-Unjoni jsir b’mod koerenti, trasparenti, aġġornat u affidabbli; jisħaq fuq il-fatt li fis-sistema CRIS għandha tkun evitata duplikazzjoni tal-funzjonijiet ABAC; |
197. |
Jinsab imħasseb dwar l-osservazzjonijiet li ġejjin min-naħa tal-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tal-effiċjenza u l-effikaċja ta’ CRIS:
|
198. |
Jinsab imħasseb dwar ir-riskju li, minħabba dawk id-dgħufijiet, l-informazzjoni fornuta lill-Parlament, bħala awtorità ta’ kwittanza, tista’ tkun inaffidabbli (pereżempju l-punt 39 jirrigwarda n-nefqa mqassma skont il-pajjiż); jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni li saru sa issa (b’mod partikolari t-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-punti 35, 52 u 54); jistieden, madankollu, lill-Kummissjoni tirrimedja dawk id-dgħufijiet kemm jista’ jkun malajr biex tiżgura ġestjoni finanzjarja tajba tas-sistema CRIS; jissuġġerixxi li, partikolarment, jiġu evitati duplikazzjoni tal-funzjonijiet, billi dawn mhumiex effiċjenti u hemm ir-riskju li tiddaħħal data ħażina; |
199. |
Josserva, barra minn hekk, li jkun opportun li l-funzjonalità tas-sistema CRIS tkun aġġornata bil-għan li tforni informazzjoni aggregata dwar il-pajjiżi benefiċjarji, l-oqsma politiċi u l-istrumenti finanzjarji, li attwalment hija diffiċli jew saħansitra impossibbli; jenfasizza l-bżonn ta’ titjib tal-effiċjenza u tal-effikaċja tas-sistema għall-operaturi permezz tar-razzjonalizzazzjoni u l-konsolidament tal-kodifika tad-data; |
200. |
Jinnota l-ispjegazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tan-nuqqas ta’ analiżi tal-ispejjeż ta’ CRIS, li rriżulta minn awditjar li qed jitwettaq sabiex tiġi analizzata l-abilità ta’ CRIS li tforni lill-Kummissjoni l-informazzjoni meħtieġa u mhux biex tiġi studjata n-nefqa amministrattiva tas-sistema; jiddispjaċih, madankollu, għan-nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-kosteffikaċja ta’ CRIS; |
201. |
Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ strateġija ċara fuq perjodu twil sa mit-twaqqif ta’ CRIS, li tistabbilixxi l-objettivi u l-funzjonament tas-sistema, u li dan fl-aħħar mill-aħħar wassal għal proliferazzjoni ta’ kompiti mingħajr l-ebda viżjoni koerenti; |
202. |
Jenfasizza li s-sistema CRIS għandu jkollha mekkaniżmu standard għall-istratifikazzjoni tal-kunfidenzjalità tad-data u tad-drittijiet ta’ aċċess tal-utenti; jemmen li tali mekkaniżmu għandu jiġi stabbilit sabiex tiġi żgurata riservatezza u integrità tad-data adegwati; |
203. |
Jesprimi t-tħassib tiegħu għas-sigurtà insuffiċjenti tas-sistema; josserva, barra minn hekk, li d-definizzjoni tar-responsabilitajiet fl-isfera tas-sigurtà għadha indefinita u mhux ċara, u dan jirriżulta f’riskju gravi għas-sigurtà tad-data; jenfasizza li d-data trid tirrispetta totalment il-kriterji tal-Kumitat għall-Għajnuna fl-Iżvilupp (DAC); |
204. |
Ifakkar lill-Kummissjoni fl-importanza li jkun hemm konformità mar-regoli dwar il-ħarsien tad-data; jikkritika l-fatt li n-notifiki tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data ma kinux ikopru espliċitament is-CVs mehmuża mar-rekords fis-sisetma CRIS (punt 74); |
205. |
Jistieden lill-Kummissjoni tittratta n-nuqqasijiet u r-rakkomandazzjonijiet kollha ppreżentati mill-Parlament u mill-Qorti tal-Awdituri mingħajr aktar dewmien; |
Parti X Rapport Speċjali Nru 6/2012 tal-Qorti tal-Awdituri intitolat “L-Għajnuna tal-Unjoni Ewropea lill-Komunità Turko-Ċiprijotta”
206. |
Ifakkar li l-awditu indirizza l-mistoqsija globali “Il-Kummissjoni qiegħda ġġesti l-istrument tal-UE ta’ għajnuna finanzjarja lill-komunità Turko-Ċiprijotta b’mod effettiv?”; |
207. |
Jistieden lill-Kumitat għall-Baġits u lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu biex jikkunsidraw is-sejbiet ta’ din ir-riżoluzzjoni meta jkunu qed jinnegozjaw il-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid (2014-2020) u mingħajr preġudizzju għall-eżitu finali tiegħu bil-għan li titqies ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awduri biex jiġu żgurati ppjanar, implimentazzjoni u sostenibilità aħjar f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 (28), b’ tali mod li ma jiġix implikat territorju estern; |
208. |
Jesprimi l-qbil tiegħu mal-konklużjonijiet tar-Rapport Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri li “il-programm diġà kiseb xi riżultati pożittivi imma s-sostenibilità tagħhom ħafna drabi hija dubjuża, partikolarment meta wieħed jikkunsidra l-inċertezza fuq il-finanzjament tal-UE fil-futur”, u li l-Kummissjoni “kienet kapaċi tiżviluppa programm li jindirizza u li b’mod adegwat jagħti prijorità lis-setturi kollha msemmija fl-objettivi tar-regolament” u li “għalkemm iffaċċjat limiti sinifikanti hija rnexxielha wkoll tistabbilixxi malajr uffiċċju tal-ġestjoni tal-programm fil-parti tat-tramuntana ta’ Ċipru u tuża metodi ta’ implimentazzjoni u miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju li fil-biċċa l-kbira kienu xierqa. Id-dgħufijiet prinċipali fil-ġestjoni tal-programm irriżultaw mill-uffiċċju tas-sostenn lokali li ma kienx qed jopera skont proċeduri aktar devoluti bħad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u minħabba li l-kuntratti tal-persunal kienu qosra wisq biex huma jkunu jistgħu jġestu l-proġetti ffinanzjati mill-bidu sat-tmiem. Barra minn hekk, il-monitoraġġ fil-qafas tal-ġestjoni konġunta man-Nazzjonijiet Uniti ma kienx suffiċjenti”; |
209. |
Jinnota li l-programm għen lil diversi benefiċjarji differenti fil-komunità Turko-Ċiprijotta; jiddispjaċih madankollu, li l-implimentazzjoni tal-akbar proġett, il-bini ta’ impjant ta’ desalinizzazzjoni tal-ilma baħar (EUR 27,5 miljun), ma kinitx possibbli minħabba restrizzjonijiet imposti mill-armata Torka; jinnota li dan jirrappreżenta ostakolu sinifikanti għall-programm; |
210. |
Jenfasizza l-importanza li tibqa’ tingħata għajnuna lill-komunità Turko-Ċiprijotta, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 389/2006, kif osservat ukoll il-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha għar-Rapport Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri; jenfasizza l-importanza li l-komunità Turko-Ċiprijotta titressaq eqreb tal-Unjoni sabiex ikun iffaċilitat il-proċess ta’ riunifikazzjoni; huwa tal-fehma, għalhekk, li fil-futur, ir-riżorsi allokati (i) għall-promozzjoni tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku (ii) għall-iżvilupp u r-ristrutturar tal-infrastruttura, (iii) għar-rikonċiljazzjoni, għall-miżuri ta’ bini tal-fiduċja u s-sostenn lis-soċjetà ċivili, (iv) għat-tressiq tal-komunità Turko-Ċiprijotta eqreb tal-Unjoni, (v) għat-tħejjija ta’ testi legali allinjati mal-acquis communautaire, (vi) għat-tħejjija għall-implimentazzjoni tal-acquis communautaire, kif ukoll għat-trawwim tal-integrazzjoni ekonomika bħala kwistjoni prijoritarja, għandhom jiżdiedu u l-programmi bikomunali relatati għandhom jiġu intensifikati; |
211. |
Jindika partikolarment, ir-rwol fundamentali ta’ proġetti bikomunali bħall-Kumitat għal Persuni Nieqsa sabiex jiġi determinat id-destin tal-persuni nieqsa u b’hekk jingħata kontribut għar-rikonċiljazzjoni interkomunali; jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati l-fondi meħtieġa għall-operat tal-Kumitat għal Persuni Nieqsa u jitlob lill-Kummissjoni, fl-isfond tal-appoġġ tagħha għall-Kumitat għal Persuni Nieqsa, tappella lill-forzi militari Torok sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għaż-żoni militari; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ffinanzjati proġetti infrastrutturali bikomunali u li jkun hemm kooperazzjoni b’mod aktar effiċjenti mal-Aġenziji u l-Programmi tan-Nazzjonijiet Uniti; |
212. |
Jindika wkoll l-importanza li tibqa’ tiġi appoġġata l-ħidma tal-Kumitat Tekniku għall-Patrimonju Kulturali biex jiġu żgurati r-restawr u l-preservazzjoni tas-siti storiċi u reliġjużi li jikkostitwixxu parti integrali mill-patrimonju kulturali ta’ Ċipru u parti inseparabbli mill-patrimonju kulturali dinji kollu kemm hu; |
213. |
Jinnota li, b’mod aktar ġenerali, is-sostenibilità tal-proġetti ħafna drabi hija dubjuża minħabba l-kapaċità amministrattiva limitata, id-dewmien fl-adozzjoni tat-testi rilevanti u l-inċertezzi dwar il-finanzjament futur min-naħa tal-benefiċjarji; |
214. |
Jikkunsidra utli wkoll li jiġi mfakkar li, fiż-żmien tal-awditu, kien għadu mhux ċar jekk kienx se jkun disponibbli finanzjament ulterjuri sinifikanti għall-programm ta’ assistenza tal-Unjoni; jinnota li l-ġestjoni tal-programm issir aktar diffiċli minħabba din l-inċertezza u dan għandu impatt negattiv fuq l-effikaċja u s-sostenibilità tiegħu; |
215. |
Jieħu nota tar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri li jkopru xenarji differenti bbażati kemm fuq l-iżviluppi fil-proċess ta’ riunifikazzjoni kif ukoll fuq il-livell ta’ assistenza futura mill-Unjoni; |
216. |
Jaqbel mal-Kummissjoni li sakemm tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni Ċiprijotta, l-appoġġ għall-Komunità Turko-Ċiprijotta għandu jkompli jkun ibbażat fuq ir-Regolament (KE) Nru 389/2006; |
217. |
Jinnota b’sodisfazzjon li l-interventi jirriflettu l-għanijiet tal-programm minkejja l-firxa wiesgħa ta’ setturi li jridu jiġu koperti, l-adozzjoni mdewma tar-Regolament (KE) Nru 389/2006 u l-assenza ta’ approċċ pluriennali; |
218. |
Jinnota bi tħassib, madankollu, li l-Kummissjoni tiffaċċja restrizzjonijiet sinifikanti fit-twaqqif u l-implimentazzjoni tal-programm, li l-effikaċja tal-uffiċċju tal-appoġġ lokali tal-Kummissjoni iddgħajfet minn diversi fatturi, li l-proċeduri ta’ implimentazzjoni tal-programm mhumiex dejjem effikaċi u li s-sostenibilità tal-proġetti tibqa’ riskjuża, minkejja li kien hemm ċertu riżultati; |
219. |
Jirrikonoxxi s-sitwazzjoni deskritta fir-Rapport Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri; jinnota li l-Kummissjoni ħadet numru ta’ inizjattivi u li mindu sar l-awditu nkiseb aktar titjib fl-effiċjenza; |
220. |
Jilqa’ wkoll il-konklużjoni b’suċċess tal-operazzjonijiet permezz tal-ġestjoni konġunta mal-Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP); |
221. |
Jiddispjaċih għat-telfien tal-proġett tal-impjant ta’ desalinizzazzjoni tal-ilma baħar, fattur li sfortunatament kien ta’ żvantaġġ; ifakkar li dan il-proġett mhux biss kien il-proġett prinċipali fil-qasam tal-ilma iżda kien ukoll l-ikbar proġett (li kien jammonta għal madwar 10 % tal-finanzjamenti totali kkuntrattati) iffinanzjat bis-saħħa ta’ dan l-istrument u li l-impjant kien maħsub biex jipprovdi 23 000 m3 ta’ ilma nadif u tajjeb għax-xorb kuljum, biex b’hekk jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ ammont stmat ta’ 100 000 persuna; ifakkar ukoll li l-provvista tal-ilma kulma jmur qed issir kwistjoni kritika għall-gżira wara li l-medja annwali tal-ilma tax-xita naqset b’40 % tul dawn l-aħħar tletin sena; jinsab tassew imħasseb dwar il-fatt li l-proġett ġie kkanċellat minħabba restrizzjonijiet imposti fuq il-kuntrattur Ċiprijott Grieg mill-armata Torka, u li wara li dawn ir-restrizzjonijiet tneħħew f’Marzu 2010, il-kuntrattur ma riedx ikompli billi saħaq li l-kundizzjonijiet ma kinux favorevoli; dan ifisser li din il-kwistjoni ambjentali serja mhijiex qed tiġi indirizzata; jistieden lill-Kummissjoni tqis il-possibbiltà li ġġedded il-proġett; |
222. |
Jinsisti, madankollu, li l-interessi finanzjarji tal-Kummissjoni ġew protetti bil-kanċellazzjoni tal-proġett tal-impjant ta’ desalinizzazzjoni; jinnota li ma sar l-ebda pagament fil-qafas tal-kuntratt ta’ bini; |
223. |
Jiddispjaċih ħafna li l-biċċa l-kbira tal-azzjonijiet dwar infrastrutturi lokali u urbani sofrew dewmien, għad li fil-biċċa l-kbira, id-dewmien kien ikkawżat minn diffikultajiet politiċi u mill-verifika tas-sjieda tal-art, fatturi li mhumiex fil-kontroll tal-Kummissjoni u tal-UNDP; |
224. |
Japprova l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri li l-programm diġà kiseb riżultati pożittivi u għen lil ħafna benefiċjarji mill-komunità Turko-Ċiprijotta, inklużi bdiewa, studenti u dawk li qed jużaw il-punti ta’ qsim il-ġodda; jinnota li s-sostenibbiltà tiegħu spiss hija dubjuża, partikolarment minħabba n-nuqqas ta’ ċertezza fir-rigward tal-finanzjament futur mill-Unjoni; |
225. |
Jilqa’ l-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri li minkejja l-kuntest politiku diffiċli u skeda mqassra, il-Kummissjoni rnexxielha tistabbilixxi programm li rrifletta l-objettivi tar-Regolament (KE) Nru 389/2006 u toħloq malajr uffiċċju ta’ ġestjoni tal-programm u tintroduċi mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni adegwati; |
226. |
Jenfasizza l-karattru tranżizzjonali u eċċezzjonali tal-għajnuna tal-Unjoni lill-Komunità Turko-Ċiprijotta, fl-istennija għar-riunifikazzjoni ta’ Ċipru; jinnota li l-Kummissjoni tappoġġa t-tkomplija tal-għajnuna lill-komunità Turko-Ċiprijotta sakemm tinstab soluzzjoni komprensiva għall-kwistjoni Ċiprijotta fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 389/2006; |
227. |
Jieħu nota tal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport Speċjali Nru 6/2012; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkunsidra l-esperjenza akkumulata fl-implimentazzjoni tal-programm u, jekk neċessarju, tipproponi miżuri sabiex jittejjeb ulterjorment u tinforma kif xieraq lill-Parlament; jipproponi li l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għall-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta ma tqisx biss il-proġetti l-ġodda, iżda anke l-ħtieġa li tiġi żgurata s-sostenibilità tal-proġetti eżistenti meta tittieħed deċiżjoni dwar l-allokazzjoni ta’ kwalunkwe finanzjament futur, abbażi tal-qafas legali eżistenti u f’konformità mal-objettivi tar-Regolament (KE) Nru 389/2006; |
228. |
Jikkunsidra li l-għajnuna tal-Unjoni għandha tkompli tappoġġa l-proċess ta’ riunifikazzjoni f’Ċipru; jirrakkomanda lill-Kummissjoni f’dan ir-rigward tkompli bl-impenn tagħha b’rabta mal-ħames objettivi tar-Regolament (KE) Nru 389/2006, filwaqt li tappoġġa fost l-oħrajn, miżuri bikomunali, proġetti għall-bini tal-fiduċja, attivitajiet b’rabta ma’ persuni nieqsa, is-soċjetà ċivili (inklużi l-minoranzi Armeni u Maroniti), il-preservazzjoni u r-restawr tas-siti storiċi, il-ħarsien ambjentali kif ukoll l-iżvilupp ekonomiku u soċjali u l-implimentazzjoni tal-acquis communautaire; |
229. |
Jitlob lill-Kummissjoni timmassimizza ċ-ċirkolazzjoni tal-informazzjoni dwar is-sejħiet għal offerti għal programmi għar-rikonċiljazzjoni u t-tisħiħ tas-soċjetà ċivili; jindika, b’mod partikolari, l-ħtieġa li jiġu appoġġati l-programmi għall-integrazzjoni soċjoekonomika u l-għoti tas-setgħa lin-nisa fil-komunità Turko-Ċiprijotta; |
Parti XI Rapport Speċjali Nru 7/2012 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu “Ir-riforma tal-organizzazzjoni komuni tas-suq fl-inbid: Il-progress li sar s’issa”
230. |
Jilqa’ r-Rapport Speċjali Nru 7/2012 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu “Ir-riforma tal-organizzazzjoni komuni tas-suq fl-inbid: Il-progress li sar s’issa” li jiffoka fuq il-progress miksub mir-riforma tal-organizzazzjoni komuni tas-suq fl-inbid introdotta mill-Kunsill fl-2008; jirrikonoxxi li l-objettiv ewlieni tal-awditjar kien li jiġi vvalutat il-progress rigward wieħed mill-objettivi ewlenin tar-riforma, jiġifieri t-titjib fil-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda; |
231. |
Ifakkar li r-riforma tal-organizzazzjoni komuni tas-suq fl-inbid kellha l-għan li tibbilanċja l-provvista u d-domanda u li l-istrumenti finanzjarji ewlenin ta’ din ir-riforma kienu jinkludu skema temporanja tal-qlugħ tad-dwieli u t-twaqqif ta’ programmi nazzjonali ta’ appoġġ li jippermettu lil kull Stat Membru jagħżel dawk il-miżuri (fost il-11 disponibbli) li huma l-aktar adattati għas-sitwazzjoni partikolari tiegħu; |
232. |
Jenfasizza li l-awditjar kien jiffoka fuq iż-żewġ miżuri li jirrappreżentaw l-akbar oqsma tal-infiq: il-“qlugħ tal-vinji” u r-“ristrutturar u t-trasformazzjoni tal-vinji” fejn EUR 1 074 miljun ġew allokati għall-miżura tal-qlugħ tal-vinji fil-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ tliet snin mill-2008-2009 sal-2010-2011 u EUR 4 200 miljun ġew allokati għall-miżura ta’ ristrutturar u trasformazzjoni fuq perjodu ta’ għaxar snin mill-2001 sal-2010; |
233. |
Jieħu nota li l-Unjoni hija l-akbar produttur tal-inbid fid-dinja bi 3,5 miljun ettaru ta’ dwieli; ifakkar li l-Unjoni pproduċiet madwar 160 miljun ettolitru ta’ nbid matul is-sena tal-inbid 2007-08, li jirrappreżentaw madwar 60 % tal-produzzjoni dinjija tal-inbid; jinnota, barra minn hekk, li kien hemm pressjoni ‘l isfel fuq il-prezzijiet tal-inbid fil-livell tal-produtturi, li kompliet tiżdied bit-tnaqqis ġenerali fil-konsum tal-inbid fl-Unjoni fl-għoxrin sena qabel l-2009; |
234. |
Jinnota li r-Rapport Speċjali Nru 7/2012 jindika li għalkemm id-domanda għall-qlugħ tal-vinji qabżet it-350 000 ettaru, l-impatt tagħha kien limitat mill-mira fissa ta’ 175 000 ettaru u fl-aħħar mill-aħħar 160 550 ettaru biss ġew maqlugħa permezz tal-għajnuna mill-Unjoni; il-Qorti tal-Awdituri tqis li l-iskema tal-qlugħ tal-vinji sa fl-aħħar naqqset iż-żona tal-inventarju tal-vinji b’madwar 5 %, li jikkorrispondu għal madwar 10,2 miljun ettolitru ta’ nbid irtirat jew 6 % tal-produzzjoni tal-inbid li jintuża; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, li ħafna aktar art – 300 000 ettaru b’kollox – ġiet maqlugħa mir-riforma ‘l hawn, u li ma ngħatat ebda għajnuna ta’ din ix-xorta fir-rigward ta’ madwar 140 000 ettaru ta’ dik l-art, ċifra li ma tidhirx fir-Rapport Speċjali Nru 7/2012; |
235. |
Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri tikkonkludi li, fir-rigward tal-miżura tal-qlugħ tal-vinji, l-iskema setgħet kienet aktar effiċjenti u tiswa anqas peress li r-rati ta’ għajnuna żdiedu għal livelli għoljin wisq fl-ewwel u t-tieni sena, filwaqt li d-domanda għall-miżura qabżet il-mira, anki meta r-rati tnaqqsu għal-livell oriġinali tagħhom fit-tielet u fl-aħħar sena tal-iskema; |
236. |
Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri tqis li l-qlugħ tal-vinji mhux dejjem kien immirat lejn il-vinji anqas kompetittivi jew anqas vijabbli u li l-iskema ffinanzjat il-qlugħ ta’ ċerti vinji li diġà kienu ġew ristrutturati u li fil-prinċipju kienu kompetittivi; jinnota b’dispjaċir li tali każijiet mhumiex konformi mal-objettivi tal-politika tar-riforma; |
237. |
Jinnota li r-Rapport Speċjali Nru 7/2012 jenfasizza li t-tnaqqis mistenni fil-produzzjoni ma mmaterjalizzax minħabba l-użu insuffiċjenti ta’ xi strumenti tal-organizzazzjoni komuni tas-suq bħall-ħsad ekoloġiku u l-promozzjoni, u minħabba li l-Kunsill ċaħad il-proposta tal-Kummissjoni li tipprojbixxi l-arrikkament bis-sukrożju; |
238. |
Jinnota li r-Rapport Speċjali Nru 7/2012 jagħraf li l-miżuri ta’ ristrutturar ikkontribwixxew għat-titjib fil-kompetittività tas-settur iżda ġġeneraw ukoll żieda fil-produzzjoni f’ċerti Stati Membri u dan ħadem kontra l-isforzi biex titnaqqas il-provvista tas-suq; |
239. |
Jieħu nota tal-fatt li l-Qorti tal-Awdituri tinnota li l-Kummissjoni m’għamlitx valutazzjoni fil-fond dwar l-impatt potenzjali tal-liberalizzazzjoni tad-drittijiet tat-taħwil li kienet skedata għal mhux aktar tard mill-2018, u tqis li tali valutazzjoni hija meħtieġa biex tiġi stabbilita stima tal-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda fis-settur tal-inbid; |
240. |
Jieħu nota tat-tħassib tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-fatt li l-UE ffinanzjat il-miżura tal-qlugħ tal-vinji sabiex tnaqqas iż-żieda fil-produzzjoni tal-inbid, filwaqt li f’ċerti każijiet il-miżura ta’ ristrutturar u ta’ trasformazzjoni wasslet għal xi żidiet fir-rendimenti tal-vinji; hu tal-fehma, madankollu, li aktar rendimenti jistgħu jagħmlu l-inbid aktar kompetittiv, iżda jħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni biex tiżgura li tiġi applikata strateġija adegwata sabiex jiġu evitati l-iżbilanċi; |
241. |
Japprova bis-sħiħ li l-qlugħ ta’ xi vinji modernizzati missu ġie evitat billi jiġu ċċarati d-dispożizzjonijiet eżistenti sabiex jiġu evitati l-possibilitajiet vasti ta’ interpretazzjoni u billi jiġu stabbiliti kriterji addizzjonali eliġibbli marbuta mal-vinja nnifisha u mhux biss mal-bidwi; |
242. |
Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tirrevedi l-miżuri ta’ ristrutturar bil-għan li ssaħħaħ l-effikaċja tagħhom u żżomm il-miżuri mill-programm preċedenti li wrew li kellhom suċċess u b’hekk tagħti spinta lill-kompetittività tas-settur; jistenna li l-Kummissjoni tiżgura li l-programmi nazzjonali tal-Istati Membri u l-miżuri ta’ ristrutturar u trasformazzjoni jkunu konformi mal-objettiv tar-riforma speċjalment dwar l-Iskema ta’ Pagament Uniku; jitlob lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex ittejjeb id-dispożizzjonijiet attwali sabiex tagħmilha possibbli li l-bdiewa jadattaw aħjar għas-sinjali fis-suq u jqabblu aħjar il-provvista mal-prodotti mitluba; |
243. |
Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi miżuri li jissalvagwardaw l-aħjar tradizzjonijiet tal-produzzjoni tal-inbid fl-Unjoni li essenzjalment ifisser li tiġi żgurata l-koeżjoni soċjoekonomika u jiġu protetti l-ambjent u l-pajsaġġ f’ħafna miż-żoni rurali li joperaw fihom; |
244. |
Iqis li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi stima aġġornata regolarment tal-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda fis-settur tal-inbid li tkun imsejsa fuq analiżi statistika tal-kwantitajiet varjabbli tas-settur li tqis l-effetti pożittivi tar-rendiment tal-miżuri ta’ ristrutturar u trasformazzjoni; jemmen li abbażi ta’ dik l-istima, hija jmissha ddeterminat iż-żona mmirata għall-miżura tal-qlugħ u huwa tal-fehma li fil-futur, hija jmissha tevalwa jekk hemmx ħtieġa għat-titjib ta’ kwalunkwe miżura oħra biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi possibbli abbażi ta’ dik l-istima; |
245. |
Jinsisti dwar il-ħtieġa li titwettaq valutazzjoni fil-fond tal-impatt tal-liberalizzazzjoni tad-drittijiet tat-taħwil, skont ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri; jitlob lill-Kummisjoni tevalwa l-konsegwenzi potenzjali tal-eliminazzjoni ta’ dan ir-reġim bil-għan li tadotta l-aktar deċiżjonijiet konvenjenti biex tiggarantixxi l-bilanċ fis-suq tal-inbid; jinnota l-opinjoni tal-maġġoranza tal-Istati Membri kontra d-deċiżjoni li din is-sistema tintemm, opinjoni li jikkondividi wkoll il-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ġunju 2011 bit-titolu “Il-PAK fid-dawl tas-sena 2020: Nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali” (29); |
246. |
Jenfasizza li għalkemm id-domanda għall-inbid fl-Unjoni ilha tonqos tul dawn l-aħħar deċennji, tul dawn l-aħħar snin kien hemm żieda sinifikanti fl-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi li ma ġietx indirizzata fir-Rapport Speċjali Nru 7/2012; jemmen li l-implimentazzjoni ta’ miżuri li jippromwovu l-esportazzjoni ta’ nbejjed ta’ kwalità tista’ tgħin biex tnaqqas il-produzzjoni żejda; |
247. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu miżuri biex tiżgura li l-Istati Membri li jużaw rati fissi għal kull ettaru biex jikkalkulaw il-pagamenti jinstallaw mekkaniżmi xierqa ta’ kontroll għall-agenziji ta’ pagament biex jiggarantixxu li l-bdiewa ma jiġux kumpensati żżejjed u jistandardizzaw l-istima tal-ispejjeż sabiex il-varjazzjonijiet fl-ispejjeż stmati għal miżuri kumparabbli jitnaqqsu kemm jista’ jkun; |
248. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni adegwata sabiex tistabbilixxi l-kumparabilità u livell aċċettabbli ta’ standardizzazzjoni għall-miżuri bbażati fuq l-Artikolu 103q tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (30); |
249. |
Jemmen li, barra mill-esportazzjoni ta’ nbejjed ta’ kwalità lejn pajjiżi terzi, appoġġ akbar għall-konsum tal-inbejjed Ewropej fl-Unjoni jgħin ukoll biex titnaqqas il-produzzjoni żejda; |
250. |
Jitlob lill-Kummissjoni tniedi mill-ġdid politika li tippromwovi s-settur tal-inbid u ttejjeb il-kompetittività tiegħu fis-suq intern, inklużi kampanji ta’ informazzjoni għall-adulti dwar il-konsum responsabbli tal-inbid u dwar il-kwalitajiet u l-karatteristiċi speċifiċi tiegħu, filwaqt li jiġu enfasizzati l-għeruq kulturali tal-inbejjed Ewropej; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni teżamina strateġija Ewropea biex iżżid l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi; |
Parti XII Ir-Rapport Speċjali Nru 9/2012 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu “Verifika tas-sistema ta’ kontroll li tirregola l-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-importazzjoni ta’ prodotti organiċi”
251. |
Jilqa’ r-Rapport Speċjali Nru 9/2012 tal-Qorti tal-Awdituri, u japprova l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri; iqis li huwa diżappuntanti, madankollu, li saru żjarat ta’ verifika f’sitt Stati Membri biss, anke meta jitqies li dawn kienu l-pajjiżi li kienu kkonċernati bl-aktar mod dirett; |
252. |
Japprova r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri, b’mod partikolari rigward it-traċċabilità u l-kummerċ transkonfinali fi prodotti organiċi; |
253. |
Jinnota li l-konsum ta’ prodotti organiċi jirrappreżenta inqas minn 2 % tas-suq kollu tal-ikel, għalkemm ix-xejra x’aktarx hi li dan qed jiżdied; |
254. |
Jenfasizza l-fatt li l-importanza tal-produzzjoni organika tmur lil hinn minn nutrizzjoni li hi tajba għas-saħħa; il-biedja organika hija approċċ innovattiv u bbażat fuq l-għarfien fir-rigward tal-produzzjoni agrikola, b’użu effiċjenti tar-riżorsi, li tista’ tistimola l-iżvilupp rurali u l-impjiegi; żieda fl-użu tal-bijoteknoloġiji u tal-produzzjoni organika tista’ tipprovdi “valur miżjud Ewropew” għall-agrikoltura, ħaġa li tista’ twassal għal rwol akbar għall-Ewropa fil-kompetizzjoni globali; jinnota, barra minn hekk, li tikkontribwixxi għal sostenibilità ambjentali, ekonomika u soċjali fit-tul, bħall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, it-tnaqqis tar-ritmu tat-telf tal-bijodiversità u t-titjib tal-istandards tal-benessri tal-annimali; |
255. |
Ifakkar li l-Parlament dejjem appoġġa l-biedja organika u se jkompli jagħmel hekk u pparteċipa b’mod attiv fil-ħolqien ta’ leġiżlazzjoni għall-produzzjoni u r-regoli ta’ tikkettar tal-ikel organiku; |
256. |
Jemmen li fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, għandhom jingħataw aktar attenzjoni u appoġġ lill-produzzjoni tal-prodotti organiċi; |
257. |
Jesprimi t-tħassib tiegħu li ħafna prodotti organiċi jiswew aktar minn prodotti li mhumiex organiċi; konsegwenza ta’ dan, konsumaturi li huma sensittivi għall-prezzijiet u persuni li għandhom introjti aktar baxxi ma jistgħux jaffordjaw jew jistgħu jaffordjaw inqas dawn il-prodotti li huma aħjar għas-saħħa; |
258. |
Jirrikonoxxi li sistema effikaċi ta’ kontrolli għall-produzzjoni organika toħloq numru ta’ ostakoli li l-operaturi (inklużi l-produtturi, l-importaturi u dawk li jipproċessaw) ikollhom jegħlbu, iżda fl-istess ħin tagħti validazzjoni tal-kwalità tagħhom, filwaqt li tagħti kredibilità lill-operaturi u fl-istess ħin tagħmilha possibbli għall-konsumatur li jkollu fiduċja fi prodotti ttikkettati bħala organiċi; |
259. |
Jiġbed l-attenzjoni għat-tkabbir tas-suq tal-ikel organiku minn ikel organiku mkabbar fl-Unjoni kif ukoll impurtat, ħaġa li tista’ toħloq ukoll il-potenzjal għal prattiki kummerċjali żleali, u jirrimarka li dan jirrikjedi sistemi ta’ kontroll aktar b’saħħithom fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f’dak tal-Istati Membri; jenfasizza li l-kontrolli għandhom jipprovdu garanzija li l-prodotti ittikkettati bħala organiċi verament ikunu organiċi; |
260. |
Ifakkar li l-Kummissjoni hija responsabbli għas-sorveljanza tas-sistemi ta’ kontroll u jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni konġunta tal-konklużjonijiet ewlenin tal-Qorti tal-Awdituri mal-Istati Membri, li għandhom ir-responsabilità sinifikanti għat-tħaddim tas-sistema ta’ kontroll; |
261. |
Jenfasizza l-importanza li tingħata assigurazzjoni suffiċjenti li s-sistema qed topera b’mod effikaċi u li tiżgura li l-fiduċja tal-konsumaturi ma tiddgħajjifx; |
262. |
Jitlob lill-Kummissjoni, għalhekk, tiddefinixxi inizjattivi u proposti regolatorji li jkollhom l-għan li jiżguraw li d-dgħufijiet kollha indikati fir-Rapport Speċjali Nru 9/2012 jiġu rrimedjati sal-aħħar tal-2013; |
263. |
Jilqa’ r-rieżami tal-leġiżlazzjoni ta’ kontroll li se jsir dalwaqt mill-Kummissjoni u l-preparazzjoni attwali tal-linji gwida għall-akkreditazzjoni mill-Kooperazzjoni Ewropea għall-Akkreditazzjoni bħala kontribut siewi għat-titjib tal-implimentazzjoni fil-ġejjieni; |
264. |
Jenfasizza li huwa fundamentali li jkun hemm kundizzjonijiet ugwali fl-applikazzjoni tal-proċeduri għall-approvazzjoni u s-sorveljanza tal-korpi ta’ kontroll; jinnota li n-nuqqasijiet iwasslu għal differenzi fil-kontroll tat-tikkettar tal-prodotti organiċi, ħaġa li żżid ir-riskju ta’ frodi jew tal-għażla tal-aktar regoli vantaġġjużi fir-rigward tat-tikkettar tal-prodotti organiċi, u għalhekk għandhom impatt negattiv fuq il-fiduċja tal-konsumaturi fir-rigward tat-tikketta organika; |
265. |
Jesprimi s-sorpriża u t-tħassib tiegħu rigward il-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ma ddokumentawx jew ma ddokumentawx biżżejjed il-proċeduri tal-approvazzjoni u tas-sorveljanza tal-korpi ta’ kontroll biex jiggarantixxu r-rispett tar-rekwiżiti regolatorji; jitlob li l-parlamenti nazzjonali, li l-kompitu tagħhom huwa li jeżerċitaw kontroll fuq il-gvernijiet tal-Istati Membri, jiġu infurmati b’din il-konklużjoni; |
266. |
Jenfasizza li l-indipendenza tal-korpi ta’ kontroll, inkluż jekk dawn ikunu awtoritajiet pubbliċi, hija kruċjali biex tinżamm ir-reputazzjoni tat-tikketta organika; |
267. |
Jilqa’ l-punti ta’ titjib fis-sistemi tal-IT li diġà huma disponibbli u jqishom bħala komponenti essenzjali ta’ kontrolli effikaċi fil-ġejjieni; |
268. |
Jenfasizza r-responsabilitajiet tal-Istati Membri f’dan il-qasam, bħal f’oqsma oħrajn, u jqis il-laqgħat regolari tal-Kumitat Permanenti għall-Biedja Organika (SCOF) bħala siewja ħafna f’termini ta’ skambju tal-aħjar prattika u tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni u persunal minn pajjiżi terzi involut fis-sistemi ta’ kontroll; jinnota, minkejja dan, l-osservazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri (punt 75) li dan il-korp jeħtieġlu jtejjeb il-kapaċità tiegħu li jiskambja informazzjoni dwar il-funzjonament tar-reġim tal-awtorizzazzjonijiet ta’ importazzjonijiet; |
269. |
Jenfasizza l-importanza tal-iskambju ta’ informazzjoni fl-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni ddaħħal miżuri xierqa biex tiżgura li l-fluss ta’ informazzjoni jkun rilevanti, affidabbli u f’waqtu; b’mod partikolari, jitlob lill-Kummissjoni tieħu miżuri xierqa biex tħaffef u żżid l-affidabilità tal-komunikazzjonijiet fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati maċ-ċertifikazzjoni ta’ prodotti organiċi bħal dawk komunikati permezz tas-“Sistema ta’ Informazzjoni tal-Biedja Organika”; |
270. |
Jistieden lill-Istati Membri jieqfu, qabel id-data ta’ waqfien, jagħtu l-awtorizzazzjonijiet tranżitorji ta’ importazzjoni stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2083/92 (31), arranġament li ġie estiż diversi drabi iżda li se jieqaf skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni attwali tal-Kummissjoni (UE) Nru 1267/2011 (32) tas-6 ta’ Diċembru 2011, li jistipula li l-Istati Membri ma jistgħux jagħtu awtorizzazzjonijiet ta’ dan it-tip wara l-1 ta’ Lulju 2014; |
271. |
Jinnota l-osservazzjoni fir-Rapport Annwali tal-Attività tal-2011 tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, li tindika li l-prodotti organiċi ssemmew b’mod żbaljat bħala sors potenzjali ta’ kontaminazzjoni fit-tifqigħa tal-E. Coli, b’mod li tqajmu xi dubji dwar is-sorveljanza tal-biedja organika, u li s-sena kienet ikkaratterizzata minn rappurtar estensiv fil-midja tad-dgħufijiet fis-sorveljanza u fil-kontroll fis-settur organiku (33), b’mod partikolari b’segwitu għal każ ta’ frodi skopert fl-aħħar tas-sena, li kien jinvolvi data ffalsifikata u prodotti ttikkettati b’mod falz bħala organiċi; |
272. |
Jinnota r-riżerva f’dak ir-Rapport Annwali tal-Attività tal-2011 rigward ir-riskju potenzjali għar-reputazzjoni tas-sistema ta’ kontroll tas-settur organiku jekk din ma tkunx implimentata kif suppost fl-Unjoni kollha u fil-fruntieri esterni tagħha; |
273. |
Qed jistenna s-segwitu li se jingħata mill-Qorti tal-Awdituri fi tliet snin biex ikollu stampa tal-miżuri ta’ rimedju li bdew jitħaddmu u r-riżultati tagħhom; |
Parti XIII Ir-Rapport Speċjali Nru 12/2012 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu “Il-Kummissjoni u l-Eurostat tejbu l-proċess tal-produzzjoni ta’ statistika Ewropea affidabbli u kredibbli?”
274. |
Jindika li:
|
275. |
Jinnota li:
|
276. |
Japprova b’mod ġenerali t-tliet rakkomandazzjonijiet ewlenin mill-Qorti tal-Awdituri:
|
277. |
Jilqa’ t-tweġibiet ġeneralment kostruttivi li saru mill-Kummissjoni u jinnota, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni taqbel mal-Qorti tal-Awdituri li l-Unjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet tal-istatistika tagħhom għandhom responsabilità komuni għaż-żamma tal-fiduċja fil-proċess demokratiku tal-Ewropa; |
278. |
Jirrimarka li, kif mitlub mill-Qorti tal-Awdituri, il-Kummissjoni:
|
279. |
Jirrimarka li r-rwol ta’ koordinazzjoni tal-istituti statistiċi nazzjonali u l-Eurostat fil-produzzjoni tal-istatistika Ewropea jeħtieġ jiġi infurzat u appoġġat minn bidliet leġiżlattivi addizzjonali, fejn ikun meħtieġ; jitlob li l-ESGAB jinbidel f’korp superviżorju indipendenti li għandu jkollu l-kompitu li jissorvelja r-rieżamijiet, il-verifiki u l-ispezzjonijiet fis-Sistema Statistika Ewropea; għal dak l-għan, jistieden lill-Kummissjoni tfassal proposta għal regolament li għandu jissostitwixxi d-Deċiżjoni Nru 235/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 li tistabbilixxi Bord Konsultattiv Ewropew għall-Governanza tal-Istatistika (34) li bħalissa qiegħda fis-seħħ; |
280. |
Jenfasizza li s-sistema statistika Ewropea fiha nnifisha teħtieġ tkun strument ta’ titjib sistematiku sabiex tadatta l-istrutturi u r-riżorsi għall-isfidi l-ġodda; jinnota li, peress li hemm domanda li dejjem qed tikber għall-istatistika minkejja li r-riżorsi qegħdin jonqsu, hemm bżonn li ssir bidla sistemika fil-mod kif tiġi prodotta l-istatistika sabiex titjieb aktar l-effiċjenza; jissottolinja li l-implimentazzjoni tal-viżjoni għad-deċennju li jmiss u tal-istrateġija tas-sistema statistika Ewropea konġunta assoċjata ma tistax tiġi posposta aktar; |
281. |
Jisħaq dwar il-bżonn li tissaħħaħ aktar il-governanza tas-sistema statistika Ewropea u jenfasizza li r-reviżjoni kontinwa tal-istruttura tal-governanza tas-sistema statistika Ewropea teħtieġ titlesta malajr sabiex jiġu ssimplifikati l-kanali tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u jiġu trasferiti l-kompetenzi ta’ komitoloġija lill-Kumitat tas-Sistema Statistika Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni tikkjarifika l-pożizzjoni tal-ESGAB fl-istruttura tal-governanza tas-sistema statistika Ewropea; |
282. |
Jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni li timplimenta bis-sħiħ il-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea; jinnota madankollu li l-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea għadu jirrappreżenta sfida għas-sistema statistika Ewropea kollha kemm hi u hemm bżonn li l-Eurostat u l-istituti statistiċi nazzjonali jiġu appoġġati fl-isforzi tagħhom biex jimplimentaw bis-sħiħ il-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea; |
283. |
Jiddispjaċih li minn 677 azzjoni ta’ titjib oriġinarjament identifikati għas-sistema statistika Ewropea matul reviżjonijiet bejn il-pari esterni mwettqa fl-2006-2008, 71 % biss tlestew sal-2012; jinnota li parti mill-azzjonijiet ta’ titjib li għad fadal diġà jeħtiġilhom aġġornament u li l-progress tal-implimentazzjoni tagħhom qed jieqaf; għalhekk jilqa’ l-pjanijiet għal sett ġdid ta’ reviżjonijiet bejn il-pari li se jibdew fl-2013, inkluża l-pubblikazzjoni tal-lista l-ġdida għall-azzjonijiet li għad fadal u l-iskeda għall-implimentazzjoni tagħhom; jenfasizza l-importanza tal-inklużjoni ta’ proċessi ta’ verifika esterni filwaqt li tiġi implimentata sensiela ġdida ta’ reviżjonijiet bejn il-pari; |
284. |
Jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni taċċetta fil-prinċipju r-rakkomandazzjonijiet dwar ir-reviżjonijiet bejn il-pari, l-introduzzjoni ta’ għanijiet u miri preċiżi fil-programmi annwali tal-istatistika, prijoritizzazzjoni mill-ġdid u r-reviżjoni tal-programm 2013-2017, inkoraġġiment għall-innovazzjoni, involviment aħjar tal-Kumitat Konsultattiv Ewropew tal-Istatistika, simplifikazzjoni u titjib fl-effiċjenza tal-ġestjoni finanzjarja tal-għotjiet; jinnota li l-Kummissjoni taqbel ukoll li tevita d-dgħufija tal-kompetizzjoni fil-prezzijiet fil-proċeduri tal-akkwist u li tadatta l-limitu eżistenti u l-proporzjon għall-għażla tal-offerta l-aktar ekonomikament vantaġġuża u huwa sodisfatt li d-dispożizzjonijiet tal-proposta għal regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 223/2009 kif ippreżentat mill-Kummissjoni jispeċifikaw l-użu ta’ somom sħaħ u l-ftehim għall-użu ta’ skali standard ta’ spejjeż għal kull unità; |
285. |
Jinnota li dispożizzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni għal regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 223/2009 ssaħħaħ il-prinċipju ta’ indipendenza tal-Kap responsabbli mill-Istatistika tal-Unjoni Ewropea iżda ma tipprevedix l-istess mekkaniżmi għall-ħatra tiegħu kif rrakkomandat mill-Qorti tal-Awdituri; jirrimarka li r-Regolament emendat jeħtieġ jiddefinixxi r-rwol tal-ESGAB fil-proċedura tal-għażla tal-Kap responsabbli mill-Istatistika applikata mill-Kummissjoni u li regoli ta’ ħatra u sensja ċari u pubblikament aċċessibbli għall-Kap responsabbli mill-Istatistika għandhom jiġu żgurati permezz ta’ kompetizzjonijiet miftuħa u termini fissi konformi mal-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea; |
286. |
Jieħu nota tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tneħħija gradwali tas-sottodelegazzjoni tal-krediti għall-produzzjoni tal-istatistika. |
287. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L). |
(2) ĠU C 348, 14.11.2012, p. 1.
(3) ĠU C 344, 12.11.2012, p. 1.
(4) ĠU C 348, 14.11.2012, p. 130.
(5) Testi adottati, P7_TA(2013) 122 (Ara paġna 25 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(6) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(7) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(8) ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1.
(9) Reġim li importatur juża sabiex jikseb eżenzjoni mill-VAT meta l-oġġetti importati jkunu se jiġu ttrasportati lejn Stat Membru ieħor u meta l-VAT hi dovuta fl-Istat Membru tad-destinazzjoni.
(10) ĠU L 145, 4.6.2008, p. 1.
(11) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġuni tad-19 ta’ Mejju 2010: Aġenda Diġitali għall-Ewropa (COM(2010) 245).
(12) The Shadow Economy in Europe, 2010: Using Electronic Payment Systems to Combat the Shadow Economy/Friedrich Schneider, A.T. Kearney, 2010.
(13) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-24 ta’ April 2012: Rapport ta’ monitoraġġ dwar it-tħejjijiet għall-adeżjoni tal-Kroazja, p. 12.
(14) Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2007: It-tieni rapport dwar l-użu ta’ riżorsi finanzjarji allokati għad-dekommissjonar ta’ stallazzjonijiet nukleari, fjuwil użat u skart radjoattiv (COM(2007) 794 finali), p. 10.
(15) Rapport Speċjali Nru 16/2011, p. 7.
(16) Ara r-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-13 ta’ Lulju 2011: Dwar l-użu tar-riżorsi finanzjarji matul 2004-2009 mgħotija lil-Litwanja, is-Slovakkja u l-Bulgarija biex isostnu d-dekummissjonar tal-għeluq tal-impjanti tal-enerġija nukleari skont l-Atti ta’ Adeżjoni (COM(2011) 432).
(17) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ April 2011 dwar l-effiċjenza u l-effikaċja tal-finanzjament tal-UE fil-qasam tad-dekummissjonar tal-impjanti nukleari fl-Istati Membri l-ġodda (ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 19).
(18) SEC(2011) 1387, p. 34, ara l-anness 1.
(19) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (COM(2011) 615/2).
(20) Opinjoni mehmuża mar-rapport A7-0270/2012.
(21) Bħall-adozzjoni ta’ Qafas Strateġiku Komuni; l-adozzjoni ta’ regoli dettaljati dwar l-istrumenti finanzjarji; ir-responsabilitajiet tal-Istati Membri dwar il-proċedura għar-rappurtar ta’ irregolaritajiet u l-irkupru tas-somom imħallsa indebitament; il-kundizzjonijiet tal-awditjar nazzjonali; il-kriterji ta’ akkreditament għall-awtoritajiet ġestjonarji u l-awtoritajiet ta’ ċertifikazzjoni.
(22) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 438/2001 tat-2 ta’ Marzu 2001 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 fir-rigward tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għal għajnuna mogħtija taħt il-Fondi Strutturali (ĠU L 63, 3.3.2001, p. 21).
(23) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1828/2006 tat-8 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ĠU L 371, 27.12.2006, p. 1).
(24) Ara l-paragrafu 4 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Mejju 2010 b’osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjonijiet tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2008, Taqsima III – il-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi (ĠU L 252, 25.9.2010, p. 39).
(25) Ara l-paragrafu 61 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2011 b’osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjonijiet tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, Taqsima III – il-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi (ĠU L 250, 27.9.2011, p. 33).
(26) ĠU L 228, 9.9.1996, p. 1.
(27) ĠU L 185, 6.7.2001, p. 1.
(28) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 tas-27 ta’ Frar 2006 dwar l-istabbiliment ta’ strument ta’ sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment tal-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2667/2000 dwar l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni (ĠU L 65, 7.3.2006, p. 5).
(29) ĠU C 390 E, 18.12.2012, p. 49.
(30) ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.
(31) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2083/92 tal-14 ta’ Lulju 1992 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2092/91 dwar il-produzzjoni organika ta’ prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet li jirreferu għalihom fil-prodotti agrikoli u fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 208, 24.7.1992, p. 15).
(32) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1267/2011 tal-6 ta’ Diċembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1235/2008 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar l-arranġamenti għall-importazzjonijiet ta’ prodotti organiċi minn pajjiżi terzi (ĠU L 324, 7.12.2011, p. 9).
(33) Ara r-Rapport Annwali tal-Attività tal-2011 tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, p. 25.