17.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 286/320


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2012

dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta ENIAC għas-sena finanzjarja 2010

(2012/608/UE)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta ENIAC għas-sena finanzjarja 2010,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta ENIAC għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Frar 2012 (06086/2012 — C7-0050/2012),

wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 72/2008 tal- 20 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta ENIAC (3),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regola 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0112/2012),

1.

Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta ENIAC fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2010;

2.

Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t’hawn isfel;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-Deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta ENIAC, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

Il-President

Martin SCHULZ

Is-Segretarju Ġenerali

Klaus WELLE


(1)  ĠU C 368, 16.12.2011, p. 48.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 30, 4.2.2008, p. 21.

(4)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2012

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta ENIAC għas-sena finanzjarja 2010

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta ENIAC għas-sena finanzjarja 2010,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta ENIAC għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Frar 2012 (06086/2012 – C7-0050/2012),

wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 72/2008 tal- 20 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta ENIAC (3),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0112/2012),

A.

billi l-Impriża Konġunta ENIAC (“l-Impriża Konġunta”) twaqqfet fl-20 ta’ Diċembru 2007 għal perjodu ta’ 10 snin biex tiddefinixxi u timplimenta “aġenda ta’ riċerka” għall-iżvilupp ta’ kompetenzi ewlenin tan-nanoelettronika f’oqsma ta’ applikazzjoni differenti;

B.

billi l-Impriża Konġunta ngħatat l-awtonomija finanzjarja tagħha f’Lulju 2010;

C.

billi l-Impriża Konġunta tinsab fil-fażi inizjali u sa tmiem l-2010 kienet għadha ma stabbilietx għalkollox is-sistemi tagħha ta’ kontroll intern u rappurtar finanzjarju,

D.

billi l-Qorti tal-Awdituri fir-rapporti tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2010 kkwalifikat l-opinjoni tagħha fir-rigward tal-affidabbiltà tal-kontijiet, għar-raġuni li l-Impriża Konġunta ma inkludietx fil-kontijiet tagħha l-Kont tal-Eżitu tal-Baġit u r-rikonċiljazzjoni ta’ dan mal-Kont tal-Eżitu Ekonomiku,

E.

billi l-Qorti tal-Awdituri, fir-rapporti tagħha dwar il-kontijiet finali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2010, tiddikjara li kisbet assigurazzjoni raġonevoli li t-tranżazzjonijiet sottostanti huma legali u regolari,

F.

billi l-kontribuzzjoni massima mill-Unjoni għall-Impriża Konġunta għall-10 snin hija EUR 450 000 000, somma li għandha titħallas mill-baġit tas-Seba’ Programm ta’ Qafas għar-Riċerka,

G.

billi l-baġit tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2010 kien jammonta għal EUR 38 440 000,

L-affidabbiltà tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta

1.

Huwa mħasseb li l-Impriża Konġunta rċeviet opinjoni kkwalifikata mill-Qorti tal-Awdituri dwar l-affidbabiltà tal-kontijiet, minħabba li l-Impriża Konġunta ma inkludietx fil-kontijiet tagħha l-Kont tal-Eżitu tal-Baġit u r-rikonċiljazzjoni ta’ dan mal-Kont tal-Eżitu Ekonomiku kif tirrikjedi r-Regola tal-Kontabilità tal-KE Nru 16 “Preżentazzjoni tal-informazzjoni baġitarja fil-kontijiet annwali”;

2.

Jieħu nota mill-Impriża Konġunta li l-opinjoni kwalifikata hija minħabba l-fatt li l-Impriża Konġunta u l-Qorti tal-Awdituri rreferew għal dati differenti biex jistabbilixxu meta bdiet taħdem b’mod awtonomu l-Impriża Konġunta;

Il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja

3.

Jagħraf li d-DĠ INFSO kellha f’idejha l-ġestjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-4 ta’ Mejju 2010; jinnota li l-approprjazzjonijiet amministrattivi ġew trasferiti lill-Impriża Konġunta f’Mejju 2010, iżda li l-linji tal-baġit operazzjonali ma ġewx trasferiti u baqgħu inaċċessibbli fis-sistema ta’ kontabilità sal-waqt meta l-Impriża Konġunta uffiċjalment ingħatat l-awtonomija finanzjarja fis-26 ta’ Lulju 2010; jenfasizza li l-Impriża Konġunta kisbet il-kapaċità li timplimenta l-baġit proprju tagħha mit-22 ta’ Settembru 2010, mat-trasferiment tal-approprjazzjonijiet għall-attivitajiet operazzjonali;

4.

Jinnota mill-Impriża Konġunta li l-baġit finali kien fih approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ ħlas għall-ammont ta’ EUR 38 440 000, li minnhom is-somma ta’ EUR 36 168 000 hija ddedikata għas-Sejħa tal-2010;

5.

Jagħraf li r-rati ta’ utlizzazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ ħlas disponibbli kienu 99 % u 24 % rispettivament; huwa mħasseb dwar l-implimentazzjoni baxxa tal-baġit tal-ħas, u barra minn hekk tal-attivitajiet sottostanti tal-Impriża Konġunta; jissottolinja li l-bilanċ ta’ flus kien jammonta għal EUR 20 000 000 fi tmiem is-sena, somma li tirrappreżenta 53 % tal-approprjazzjonijiet ta’ ħlas disponibbli għall-2010;

6.

Jirrimarka li l-implimentazzjoni baxxa tal-approprjazzjonijiet ta’ ħlas hija r-riżultat tad-dewmien fit-trasferiment tal-attivitajiet operazzjonali u tal-finanzjament korrispondenti mill-Kummissjoni lill-Impriża Konġunta;

7.

Jinnota, minn kummenti ta-Impriża Konġunta, li tfassal Manwal ta’ Proċeduri li jiżgura s-segregazzjoni tal-funzjonijiet li ppermetta li jiġu identifikati l-ħames eċċezzjonijiet li ġejjin li seħħew fil-fażi inizjali tal-implimentazzjoni tal-baġit proprju:

tliet kuntratti ġew iffirmati waqt li t-tranżazzjonijiet tal-ABAC kienu għadhom għaddejjin, minħabba sottostima tat-tul ta’ żmien meħtieġ għall-proċedura tal-ABAC;

kuntratt marbut ma’ impenn eżistenti kien ffirmat qabel ma ġie konkluż li kien jirrikjedi impenn ġdid;

fit-trasferiment waqt il-ksib tal-awtonomija nstab li kien hemm kuntratt nieqes li ġie ffirmat wara li kienu ġew approvati l-ewwel pagamenti;

jieħu nota li l-azzjoniiet korrettivi ġew implimentati u li ma ġiet irreġistrata l-ebda eċċezzjoni oħra;

Is-sistemi ta’ kontroll intern

8.

Iħeġġeġ lill-Impriża Konġunta biex tikkompleta s-sistemi ta’ kontoll intern u ta’ informazzjoni finanzjarja; jistieden lill-Impriża Konġunta, b’mod partikolari, biex tistabbilixxi u tiddokumenta elementi importanti tas-sistema tagħha ta’ kontroll intern, bħalma huma proċeduri tal-kontabilità u kontrolli relatati mal-għeluq tal-kontijiet u mal-għarfien u l-kejl tal-infiq operazzjonali;

9.

Jieħu nota li l-Qorti tal-Awdituri sabet li nkixfu dgħufijiet ta’ kontroll fil-qasam tal-verifika ex-ante tal-pagamenti ta’ prefinanzjament, b’mod partikolari rigward il-kalkolu u l-validazzjoni tal-ammonti mħallsa; jenfasizza li kien hem serħan sħiħ fuq iċ-ċertifikati li waslu mill-Awtoritajiet Nazzjonali ta’ Finanzjament għall-pagamenti ta’ prefinanzjament u għall-aċċettazzjoni tal-kostijiet, u li ma sar l-ebda kontroll ieħor biex ikun żgurat li l-ispejjeż dikjarati kienu legali u regolari;

10.

Jinnota li l-awditu ex-post ta’ klejms ta’ kosts relatati mal-proġetti ġie ddelegat għalkollox lill-Istati Membri; iqisha importanti, madankollu, li l-Impriża Konġunta tiżgura li l-interessi finanzjarji tal-membri tagħha jitħarsu b’mod adegwat u li t-tranżazzjonijiet sottostanti jkunu legali u regolari; huwa tal-fehma, għaldaqstant, li l-Impriża Konġunta se ssibha diffiċli tiżgura li l-interessi finanzjarji tal-Membri tagħha jitħarsu b’mod adegwat u li t-tranżazzjonijiet sottostanti jkunu legali u regolari; jistieden lill-Impriża Konġunta biex terġa’ taħseb l-istrateġija tagħha rigward l-awditjar ex-post tal-klejms tal-ispejjeż u biex tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-mekkaniżmu implimentat ħalli jiżgura l-ottemperanza mal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 72/2008 li jistabbiliha;

11.

Jieħu nota li l-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-Impriża Konġunta vvalida s-sistemi finanzjarji u ta’ kontabilità (ABAC u SAP); jinnota, madankollu, li l-proċessi ta’ attività sottostanti ma ġewx ivvalidati, b’mod partikolari s-sistema li tipprovdu informazzjoni finanzjarja dwar il-validazzjoni u l-pagamenti tal-klejms għall-ispejjeż li waslu mill-awtoritajiet nazzjonali; jitlob lill-Impriża Konġunta tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-qagħda tal-validazzjoni tal-proċessi ta’ attività sottostanti;

12.

Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri sabet li l-Impriża Konġunta għandha livell adegwat ta’ governanza u ta’ prattika tal-IT skont id-daqs u l-missjoni tagħha; jenfasizza, madankollu, li għadhom lura ċ-ċiklu tal-ippjanar strateġiku tal-IT, il-klassifikazzjoni tad-data skont ir-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità u l-Pjan ta’ Rkupru mid-Diżastri; jistieden lill-Impriża Konġunta biex issewwi din il-qagħda u tipprovdi lill-awtorità ta’ kwittanza rapport aġġornat dwar dan;

L-Awditjar Intern

13.

Jirrimarka li r-regoli finanzjarji tal-impriża Konġunta għadhom ma ġewx emendati biex jinkludu dispożizzjoni li tirreferi għas-setgħat tal-awditur intern tal-Kummissjoni rigward il-baġit ġenerali fl-intier tiegħu;

14.

Jinnota madankollu li l-karta tal-mandat tas-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni ġiet adottata mill-Bord Governattiv tal-Impriża Konġunta;

Dewmien fl-ilħiq tal-awtonomija finanzjarja

15.

Itenni li Impriża Konġunta twaqqfet fi Frar 2008, iżda bdiet taħdem awtonomament f’Lulju 2010; jesprimi t-tħassib kbir tiegħu li l-Impriża Konġunta ħadet kwart tat-tul ta’ żmien maħsub għaliha, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 2017, biex tilħaq l-awtonomija finanzjarja; jinnota li kien ftit wara Settembru 2010, meta sar it-trasferiment ta’ flus mill-Kummissjoni lill-Impriża Konġunta biex ikopri l-approprjazzjonijiet operazzjonali, li l-Impriża Konġunta setgħet tagħmel pagamenti operazzjonali; jinsisti li dan id-dewmien, madankollu, m’għandux jikkawża prolungament tal-perjodu ta’ 10 snin tal-eżistenza tagħha, imma għandu jixpruna lit-tmexxija tal-Impriża Konġunta biex tindirizza n-nuqqasijiet kollha u tilħaq l-objettivi tagħha matul il-perjodu previst ta’ 10 snin;

Is-Sejħa għal Proposti u t-Tmexxija tal-Proġetti

Is-Sejħa tal-2010

16.

Jinnota, mill-Impriża Konġunta, li kien hemm risposta qawwija għat-tielet Sejħa għal Proposti; jieħu nota li għaxar proposti ntgħażlu għall-finanzjament, imma 11-il proġett ’il fuq mil-limitu ma setgħux jiġu ffinanzjati minħabba li l-baġit disponibbli kien eżawrit;

Is-Sejħiet tal-2008 u l-2009

17.

Huwa mħasseb ħafna bil-progress kajman tal-proġetti tal-ewwel Sejħa (2008) u tat-tieni Sejħa (2009);

18.

Jinnota, mir-Rapport Annwali dwar l-Attività (RAA) tal-Impriża Konġunta, li fi tmiem is-sena 2010, is-sitwazzjoni għall-ewwel Sejħa hija kif ġej:

mit-total ta’ 166 sieħeb, sitt sħab (3,6 %) ma kellhomx Ftehimiet ta’ Għoti Nazzjonali, l-aktar minħabba xogħol amministrattiv wara tibdiliet;

15,1 % tas-sħab (25, l-aktar sħab Taljani) ikkonkludew Ftehim ta’ Għoti Nazzzjonali, iżda ma ffirmawx il-Formola ta’ Adeżjoni;

19.

Jagħraf, minn kummenti tal-Impriża Konġunta, li mxew b’pass saħansitra aktar kajman il-kuntratti għall-proġetti mit-tieni Sejħa, li għalihom sa tmiem l-2010 setgħu jiġu ffirmati biss sitt Ftehimiet ta’ Għoti tal-Impriża Konġunta, filwaqt li l-ħames proġetti l-oħra ġarrbu dewmien għar-raġunijiet li ġejjin:

tliet proġetti għandhom koordinaturi tal-proġett Taljani, li għadhom qed jistennew id-digriet nazzjonali, u li ma qablux li jiġu sostitwiti minn sħab minn pajjiżi oħrajn;

il-proġett SMART kien definit mill-ġdid wara li Franza kkanċellat il-finanzjament minħabba qtugħ fil-baġit diversi xhur wara d-deċiżjoni tal-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi;

il-proġett MIRANDELA kien lest għall-iffirmar, imma fl-aħħar minuta nbidlet il-persuna responsabbli awtorizzata li tiffirma;

20.

Jistabbilixxi, mir-RAA, li mill-bidu tal-programm sa tmiem l-2010, l-Impriża Konġunta eżegwietaktar minn 300 pagament ta’ għoti għal ammont totali ta’ EUR 9 800 000; jinnota li l-Impriża Konġunta tqis li s-sitwazzjoni tal-kuntratti utal-pagamenti mhijiex aċċettabbli, u li ddeċidiet tieħu azzjonijiet biex:

tiżgura li l-entitajiet involuti fil-proċess ikollhom għarfien tajjeb dwar il-proċeduri;

tikkjarifika s-segwenza tal-passi u tal-iskambji li jeħtieġ li jsiru mal-Awtoritajiet Nazzjonali ta’ Finanzjament;

tiddefinixxi l-passi li għandhom jittieħdu u tħaffef il-proċeduri;

issegwi l-progress permezz ta’ żjajjar lill-awtoritajiet nazzjonali biex tagħmel rieżami tal-istatus jew tikkjarifika l-proċeduri;

21.

Jitlob lill-Impriża Konġunta biex tipprovdi lill-awtorità ta’ kwittanza:

rapport aġġornat dwar is-sitwazzjoni attwali rigward proġetti tal-ewwel u t-tieni Sejħa, f’termini tal-progress tal-kuntratti u ta’ pagamenti tal-għoti;

rapport ta’ evalwazzjoni dwar il-miżuri meħuda biex iħaffu l-proċess kuntrattwali u tal-pagamenti u dwar il-progress li jsir permezz tal-implimentazzjoni tagħhom;

rapport aġġornat dwar is-sitwazzjoni attwali rigward il-proġetti tat-tielet Sejħa, sew f’dak li jirrigwarda l-kuntratti kif ukoll il-pagamenti;

Il-Prestazzjoni

22.

Jinnota mir-RAA li, fis-16 ta’ Diċembru 2010, ġie adottat ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-ewwel evalwazzjoni interim tal-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti ARTEMIS u ENIAC;

23.

Jissottolinja li l-evalwazzjoni interim għamlet tliet rakkomandazzjonjiet lill-Impriża Konġunta:

biex issolvi l-problema ta’ “rikbiet b’xejn”, l-Impriża Konġunta għandha tistabbilixxi sistema fejn kull benefiċjarju li ma jkunx membru jħallas perċentwal tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni tiegħu bħala ħlas għall-ispejjeż tal-Impriża Konġunta;

il-proċessi ta’ evalwazzjoni u għażla għandhom jinbidlu biex il-portafoll ta’ proġetti appoġġati jaqbel aktar mal-għanijiet strateġiċi Ewropej tal-programm;

L-Istati Membri u l-Assoċjazzjonijiet Industrijali għandhom jaħdmu flimkien biex jistabbilixxu proċessi fejn il-proponenti potenzjali jistgħu jingħataw informazzjoni kostruttiva dwar il-prospett li jingħataw appoġġ;

jitlob lill-Impriża Konġunta tinforma lill-awtorita ta’ kwittanza dwar il-miżuri mdaħħla wara r-riżultati tal-ewwel evalwazzjoni interim;

24.

Jinnota li l-Impriża Konġunta tqis li l-infiq aktar baxx milli kien previst tal-baġit operazzjonali tagħha bħala l-aktar kwistjoni importanti li qed taffettwalha l-kapaċità li taqdi l-missjoni tagħha; jinnota li, bħala konsegwenza, l-Impriża Konġunta ħadet azzjoni fl-2010 biex tidentifika punti ta’ azzjoni li jistgħu jiżviluppaw is-sitwazzjoni f’sens pożittiv, fosthom:

l-istimolazzjoni tad-definizzjoni ta’ proġetti ta’ rilevanza strateġika;

l-identifikazzjoni ta’ programmi nazzjonali li jistgħu jibbenefikaw jekk jittellgħu fil-kuntest Ewropew;

l-ingaġġ ta’ entitajiet nazzjonali ta’ finanzjament addizzjonali;

l-ottimizzazzjoni tat-tqassim tal-finanzjament bejn ir-raggruppament CATRENE tal-EUREKA u l-Impriża Konġunta;

jitlob lill-Impriża Konġunta biex tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-istat ta’ implimentazzjoni ta’ dawn il-punti ta’ azzjoni u dwar ir-riżultati milħuqa;

25.

Jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 – Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) – li fiha l-Kummissjoni tqajjem possibbiltà li l-Impriżi Konġunti ARTEMIS u ENIAC jingħaqdu f’inizjattiva waħda, kif ukoll il-possibbiltà li jitwaqqfu Impriżi Konġunti ġodda fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-parti ta’ Orizzont 2020 dwar “Sfidi soċjetali”; jistieden lill-Kummissjoni biex iżżomm lill-awtorità ta’ kwittanza infurmata dwar dan;

In-nuqqas ta’ ftehim ta’ Stat Ospitanti

26.

Itenni li l-Impriża Konġunta għandha tikkonkludi malajr ftehim ospitanti mal-Belġju dwar l-uffiċċji, il-privileġġi, l-immunitajiet u appoġġ ieħor li l-Belġju għandu jipprovdi lill-Impriża Konġunta kif jistipula r-Regolament (KE) Nru 72/2008 li jistabbiliha;

Kummenti orizzontali dwar l-Impriżi Konġunti

27.

Jissottolinja li, sal-lum, il-Kummissjoni stabbiliet seba’ Impriżi Konġunti skont l-Artikolu 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; jinnota li sitt Impriżi konġunti (IMI, ARTEMIS, ENIAC, CLEAN SKY, FCH u ITER-F4E) huma fl-arja ta’ riċerka koperta mid-DĠ RTD u INFSO, filwaqt li waħda għandha l-inkariku li tiżviluppa sistema ġdida tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR) fil-qasam tat-trasport, u li l-attivitajiet tagħha huma sorveljati mid-DĠ MOVE;

28.

Jinnota li r-riżorsi totali indikattivi meqjusa neċessarji għall-Impriżi Konġunti kemm idumu jeżistu jammontaw għal EUR 21 793 000 000;

29.

Jinnota li l-kontribuzzjoni totali tal-Unjoni meqjusa neċessarja għall-Impriżi Konġunti kemm idumu jeżistu tammonta għal EUR 11 489 000 000;

30.

Jinnota li, għas-sena finanzjarja 2010, il-kontribuzzjoni kumplessiva tal-Unjoni għall-baġit tal-Impriżi Konġunti laħqet EUR 505 000 000;

31.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti lill-awtorità ta’ kwittanza kull sena informazzjoni konsolidata dwar l-ammont totali tal-finanzjament annwali għal kull Impriża Konġunta li jkun sar mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, biex tiżgura t-trasparenza u ċ-ċarezza dwar l-użu tal-fondi tal-Unjoni u biex terġa’ tikseb il-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej li jħallsu t-taxxi;

32.

Jilqa’ l-inizjattiva tal-ARTEMIS li fir-RAA tagħha tinkludi informazzjoni dwar il-monitoraġġ u r-rieżami tal-proġetti li jinsabu għaddejjin; jemmen li din hija prattika li għandhom jimxu fuqha l-Impriżi Konġunti l-oħra;

33.

Ifakkar li l-Impriżi konġunti huma sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat u li, b’konsegwenza ta’ dan, l-interessi tas-settur pubbliku u ta’ dak privat huma magħġuna flimkien; huwa ta-fehma li, fiċ-ċirkustanzi, il-possibbiltà ta’ kunflitti ta’ interess m’għandhiex tiġi skartata, imma għandha tiġi indirizzata sewwa; jistieden għalhekk lill-Impriżi Konġunti jinfurmaw lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-mekkaniżmi ta’ verifika li hemm fl-istrutturi rispettivi tagħhom, biex ikun jista’ jkun hemm ġestjoni tajba u prevenzjoni ta’ kunflitti ta’ interessi;

34.

Jinnota li, bl-eċċezzjoni notevoli tal-Impriża Konġunta għall-Proġett ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni, l-Impriżi Konġunti huma strutturi relattivament żgħar u ġeografikament ikkonċentrati; jemmen għalhekk li għandhom jiġmgħu r-riżorsi tagħhom kull fejn dan ikun possibbli;

35.

Jistieden lill-Qorti tal-Awdituri tipprovdi lill-awtorità ta’ kwittanza azzjonijiet ta’ segwitu għall-kummenti li għamlet għal kull waħda mill-Impriżi Konġunti fir-rapport rispettiv dwar il-kontijiet finali għas-sena finanzjarja 2011;

36.

Jistieden lill-Qorti tal-Awdituri biex, fi żmien raġonevoli, tipprovdirapport speċjali lill-Parlament dwar il-valur miżjud tal-istabbiliment tal-Impriżi Konġunti għat-twettiq effiċjenti tal-programmi ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni tal-Unjoni; jirrimarka wkoll li l-istess rapport għandu jinkludi valutazzjoni tal-effikaċja tal-istabbiliment tal-Impriżi Konġunti.


(1)  ĠU C 368, 16.12.2011, p. 48.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 30, 4.2.2008, p. 21.

(4)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.