17.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 286/313


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2012

dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Clean Sky għas-sena finanzjarja 2010

(2012/606/UE)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Impriża Konġunta Clean Sky għas-sena finanzjarja 2010,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Clean Sky għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Frar 2012 (06086/2012 — C7-0050/2012),

wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/2008 tal-20 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Clean Sky (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(4) tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta Clean Sky, adottati b’Deċiżjoni tal-Bord Governattiv tagħha fis-7 ta’ Novembru 2008,

wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 2/2011 dwar ir-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta Clean Sky, maħruġa mill-Qorti tal-Awdituri fit-8 ta’ Frar 2011,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regola 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0115/2012),

1.

Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta Clean Sky fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2010;

2.

Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t’ hawn taħt;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-Deciżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta Clean Sky, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

Il-President

Martin SCHULZ

Is-Segretarju Ġenerali

Klaus WELLE


(1)  ĠU C 368, 16.12.2011, p. 8.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 30, 4.2.2008, p. 1.

(4)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2012

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Clean Sky għas-sena finanzjarja 2010

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Impriża Konġunta Clean Sky għas-sena finanzjarja 2010,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Clean Sky għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Frar 2012 (06086/2012 — C7-0050/2012),

wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/2008 tal-20 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Clean Sky (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(4) tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta Clean Sky, adottati bid-deċiżjoni tal-Bord Governattiv tagħha fis-7 ta’ Novembru 2008,

wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 2/2011 dwar ir-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta Clean Sky, maħruġa mill-Qorti tal-Awdituri fit-8 ta’ Frar 2011,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regola 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0115/2012),

A.

billi l-Impriża Konġunta Clean Sky (“l-Impriża Konġunta”) ġiet stabbilita f’Diċembru 2007 għal perjodu ta’ 10 snin biex taċċellera l-iżvilupp, il-validazzjoni u d-demonstrazzjoni ta’ teknoloġiji nodfa tat-trasport bl-ajru fl-Unjoni bil-għan li jibdew jintużaw mill-aktar fis possibbli,

B.

billi l-Impriża Konġunta bdiet taħdem awtonomament f’Novembru 2009,

C.

billi l-Qorti tal-Awdituri tiddikjara li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2010 huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet koperti bihom huma legali u regolari,

D.

billi l-kontribuzzjoni massima mill-Unjoni għall-Impriża Konġunta għall-10 snin hija EUR 800 000 000, somma li għandha titħallas mill-baġit tas-Seba’ Programm ta’ Qafas għar-Riċerka,

E.

billi għas-sena finanzjarja 2010 l-baġit tal-Impriża Konġunta kien jammonta għal EUR 168 553 053,

Il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota li l-istruttura u l-preżentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għall-2010 la kienu skont ir-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 71/2008 li jistabbilha u lanqas skont ir-Regoli Finanzjarji tagħha; ingħata x’jifhem mill-Impriża Konġunta li l-istruttura u l-preżentazzjoni tal-baġit ġew adattati fil-baġit tal-2011; jistieden lill-Qorti tal-Awdituri biex tiżgura lill-awtorità ta’ kwittanza li l-istruttura u l-preżentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta issa huma għalkollox konformi mar-Regolament (KE) Nru 71/2008 u r-Regoli Finanzjarji tagħha;

2.

Jagħraf li l-baġit finali tal-Impriża Konġunta kien jinkludi EUR 168 000 000 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u EUR 129 000 000 f’approprjazzjonijiet ta’ ħlas;

3.

Jenfasizza, mill-kontijiet finali, li filwaqt li r-rata ta’ utilizzazzjoni tal-Impriża Konġunta għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn kienet 96 %, ir-rata tal-approprjazzjonijiet ta’ ħlas kienet biss 58 %; jinnota bi tħassib li dan jirrifletti d-dewmien sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet meta mqabbel mal-pjan inizjali;

4.

Huwa mħasseb dwar ir-rata baxxa ta’ implimentazzjoni tal-baġit u jiddispjaċih li hemm bilanċ ta’ EUR 53 000 000 fi flus kontanti fi tmiem is-sena, somma li tirrappreżenta 41 % tal-approprjazzjonijiet ta’ ħlas disponibbli għall-2010;

Is-sistemi ta’ kontroll intern

5.

Jinnota mill-Qorti tal-Awdituri li l-Impriża Konġunta għadha ma implimentatx għalkollox is-sistemi tagħha ta’ kontroll intern u ta’ informazzjoni finanzjarja matul l-2010, u li għad jeħtieġ isir aktar xogħol fuq il-proċeduri ta’ kontroll ex ante mħaddma għall-validazzjoni tal-klejms tal-ispejjeż; iħeġġeġ lill-Impriża Konġunta biex timplimenta l-miżuri meħtieġa sabiex tiffinalizzza s-sistemi tagħha ta’ kontroll intern u ta’ informazzjoni finanzjarja;

6.

Jagħraf mir-Rapport Annwali 2010 dwar l-Attività (RAA) li l-Impriża Konġunta ħolqot lista ta’ verifika għad-Dimostraturi tat-Teknoloġija Integrata biex itejbu l-kwalità tal-klejms tal-ispejjeż imressqa u jiċċaraw il-ħtiġijiet ta’ rappurtar għal ċerti aspetti tal-klejms;

7.

Jagħraf li l-Impriża Konġunta rrifjutat klejms tal-ispejjeż f’każijiet fejn membru jew assoċjat ma ppreżentax iċ-ċertifikat ta’ awditu meħtieġ skont it-termini ta’ referenza tal-ftehimiet tal-għoti; jinnota, b’mod partikolari, mill-Kontijiet Finali li, fl-2010, l-Impriża Konġunta vvalidat klejms tal-ispejjeż imressqa mill-Membri għat-twettiq ta’ proġetti fl-2008 u l-2009, u li l-valutazzjoni tal-eliġibbiltà ta’ ċerti spejjeż kellha r-riżultat li madwar 11 % tal-ispejjeż ġew rifjutati; jinnota b’sodisfazzjon li l-Impriża Konġunta rkuprat il-prefinanzjament li kien tħallas żejjed;

8.

Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri ddikjarat li, hija u tivvalida l-klejms tal-ispejjeż, f’erba’ każijijet l-Impriża Konġunta ma qisitx eċċezzjonijiet inklużi fiċ-ċertifikati tal-awditu; jitlob għalhekk lill-Impriża Konġunta tqis dovutement l-eċċezzjonijiet inklużi fiċ-ċertifikati tal-awditu meta tkun qed tivvalida l-klejms tal-ispejjeż sottostanti;

9.

Jistabbilixxi mir-RAA li l-Impriża Konġunta żviluppat strateġija ta’ awditu ex post li ġiet adottata f’Diċembru 2010; jitlob lill-Impriża Konġunta biex tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-livell ta’ implimentazzjoni tal-istrateġija u dwar ir-riżultati milħuqa; jitlob lill-Qorti tal-Awdituri, barra minn hekk, biex tevalwa l-istrateġija u tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-konklużjonijiet tagħha;

10.

Jagħraf mir-RAA li l-Impriża Konġunta, flimkien mal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi u l-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu, varat il-proċedura ta’ akkwist għal servizzi ta’ awditu ex post minn ditti esterni; jinnota li l-ewwel awditi ex post se jsiru fit-tieni tliet xhur tal-2011 wara l-iffirmar tal-kuntratti mal-offerenti magħżula;

11.

Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri sabet li l-Impriża Konġunta għandha livell adegwat ta’ governanza u ta’ prattika tal-IT skont id-daqs u l-missjoni tagħha; jenfasizza, madankollu, li għadhom lura l-formalizzazzjoni tal-politiki u l-proċeduri fiċ-ċiklu tal-ippjanar strateġiku u l-monitoraġġ tal-IT, il-politiki u r-regoli tas-sigurtà, il-ġestjoni tar-riskji tal-IT u l-Pjan tal-Kontinwazzjoni tal-Attività u l-Pjan ta’ Rkupru; jistieden lill-Impriża Konġunta biex tagħmel tajjeb għas-sitwazzjoni u tipprovdi lill-awtorità ta’ kwittanza rapport aġġornat dwar dan;

12.

Jieħu nota li l-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-Impriża Konġunta vvalida s-sistemi finanzjarji u ta’ kontabilità (ABAC u SAP); jinnota, madankollu, li l-proċessi ta’ attività sottostanti ma ġewx ivvalidati, b’mod partikolari s-sistema li tipprovdu informazzjoni finanzjarja dwar il-validazzjoni tal-klejms tal-ispejjeż; jistieden lill-Impriża Konġunta biex tagħmel tajjeb għas-sitwazzjoni u tipprovdi lill-awtorità ta’ kwittanza rapport aġġornat dwar dan;

13.

Jilqa’ l-fatt li l-Impriża Konġunta adottat pjan strateġiku komprensiv dwar il-verifika interna għall-perjodu 2010-2012; jiddispjaċih, madankollu, li wħud mill-proċessi ewlenin, bħalma huma l-validazzjoni tal-klejms tal-ispejjeż u l-awditi ex post, mhumiex maħsubin li jinbdew qabel l-2011;

Is-Sejħa għal Proposti u n-Negozjati dwar il-Proġetti

14.

Jinnota mill-Impriża Konġunta li varat ħames Sejħiet fl-2010; jirrimarka li l-istatistika marbuta ma’ dawn is-Sejħiet, li kellha tkun inkluża fl-Anness 6, hija nieqsa mir-RAA; iħeġġeġ lill-Impriża Konġunta biex tippubblika din l-istatistika;

15.

Jagħraf mir-RAA li l-Impriża Konġunta fl-2010 stiednet lil tliet osservaturi differenti biex tiżgura t-trasparenza fil-proċess ta’ evalwazzjoni; jinnota mill-Impriża Konġunta li kull wieħed minnhom kellu aċċess sħiħ għall-istadji kollha tal-evalwazzjoni kif ukoll għal laqgħat ta’ kunsens;

16.

Jitlob lill-Impriża Konġunta tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-mekkaniżmi ta’ verifika li timplimenta biex tiżgura l-indipendenza sħiħa tal-esperti u l-osservaturi u b’hekk ittaffi r-riskji ta’ kunflitti ta’ interess tul l-evalwazzjoni tal-offerti mixħuta;

17.

Jenfasiżża li l-Impriża Konġunta fir-RAA tagħha semmiet li r-rapporti ta’ evalwazzjoni tal-osservaturi kienu disponibbli mis-sit tal-Internet tagħha; jiddispjaċih, madankollu, li dan mhuwiex il-każ, u għalhekk jitlob lill-Impriża Konġunta biex tippublika dawn ir-rapporti minnufih;

Il-Protezzjoni tal-Proprjetà Intellettwali

18.

Jirrimarka li, sa tmiem l-2010, l-Impriża Konġunta kienet għadha ma kkompletatx il-proċeduri interni biex tissorvelja l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet inklużi fil-ftehimiet dwar il-konsorzji u l-għoti rigward il-protezzjoni, l-użu u t-tixrid ta’ riżultati tar-riċerka;

Il-Prestazzjoni

19.

Jinnota li l-ewwel evalwazzjoni interim tal-Kummissjoni dwar l-Impriża Konġunta saret fi tmiem l-2010; jagħraf li l-evalwazzjoni interim identifikat id-dgħufijiet li ġejjin:

il-kumulu ta’ dewmien sinifikanti, meta mqabbel mal-pjanijiet inizjali, minħabba diffikultajiet fl-istabbiliment tal-proċeduri u r-regoli interni tal-Impriża Konġunta, kif ukoll fil-bini tal-ekwipaġġi;

dewmien ta’ natura teknika identifikat mill-pjan ta’ ħidma “minn isfel ‘il fuq” f’Ġunju 2010;

in-nuqqas ta’ tħejjija, sew fil-livell amministrattiv kif ukoll f’dak tekniku, meta nbdiet l-Impriża Konġunta;

20.

Josserva li l-ewwel evalwazzjoi interim fasslet lista ta’ 34 rakkomandazzjoni lill-Impriża Konġunta u lista’ ta’ 8 rakkomandazzjonijiet lill-Bord ta’ Tmexxija tagħha; jitlob lill-Impriża Konġunta tinforma lill-awtorita ta’ kwittanza dwar il-miżuri mdaħħla wara r-riżultati ta’ din l-ewwel evalwazzjoni interim;

L-Awditu Intern

21.

Jieħu nota li r-regoli finanzjarji tal-impriża Konġunta għadhom ma ġewx emendati biex jinkludu dispożizzjoni li tirreferi għas-setgħat tal-awditur intern tal-Kummissjoni rigward il-baġit ġenerali fl-intier tiegħu;

22.

Jinnota, madankollu, li l-Kummissjoni u l-Impriża Konġunta ħadu passi biex jiżguraw li jkunu definiti biċ-ċar ir-rwoli operazzjonali rispettivi tas-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni u tal-funzjoni tal-awditjar intern tal-Impriża Konġunta.

In-nuqqas ta’ ftehim ta’ Stat Ospitanti

23.

Itenni li l-Impriża Konġunta għandha tikkonkludi malajr ftehim ospitanti mal-Belġju dwar l-uffiċċji, il-privileġġi, l-immunitajiet u appoġġ ieħor li l-Belġju għandu jipprovdi lill-Impriża Konġunta kif jistipula r-Regolament (KE) Nru 71/2008 li jistabbiliha;. jieħu nota tat-tweġiba tal-Impriża Konġunta li abbozz tal-ftehim ta’ Stat Ospitanti tressaq għall-approvazzjoni tal-Gvern Belġjan.

Kummenti orizzontali dwar l-Impriżi Konġunti

24.

Jenfasiżża li, sal-lum, il-Kummisjsoni stabbiliet seba’ Impriżi Konġunti skont l-Artikolu 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; jinnota li sitt Impriżi konġunti (IMI, ARTEMIS, ENIAC, CLEAN SKY, FCH u ITER-F4E) huma fl-arja ta’ riċerka koperta mid-DĠ RTD u INFSO, filwaqt li waħda għandha l-inkariku li tiżviluppa sistema ġdida tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR) fil-qasam tat-trasport, u li l-attivitajiet tagħha huma sorveljati mid-DĠ MOVE;

25.

Jinnota li r-riżorsi totali indikattivi meqjusa neċessarji għall-Impriżi Konġunti kemm idumu jeżistu jammontaw għal EUR 21 793 000 000;

26.

Jinnota li l-kontribuzzjoni totali tal-Unjoni meqjusa neċessarja għall-Impriżi Konġunti kemm idumu jeżistu tammonta għal EUR 11 489 000 000;

27.

Jinnota li, għas-sena finanzjarja 2010, il-kontribuzzjoni kumplessiva tal-Unjoni għall-baġit tal-Impriżi Konġunti laħqet EUR 505 000 000;

28.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti lill-awtorità ta’ kwittanza kull sena informazzjoni konsolidata dwar l-ammont totali tal-finanzjament annwali għal kull Impriża Konġunta li jkun sar mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, biex tiżgura t-trasparenza u ċ-ċarezza dwar l-użu tal-fondi tal-Unjoni u biex terġa’ tikseb il-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej li jħallsu t-taxxi;

29.

Jilqa’ l-inizjattiva tal-ARTEMIS li fir-RAA tagħha tinkludi informazzjoni dwar il-monitoraġġ u r-rieżami tal-proġetti li jinsabu għaddejjin; jemmen li din hija prattika li għandhom jimxu fuqha l-Impriżi Konġunti l-oħra;

30.

Ifakkar li l-Impriżi konġunti huma sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat u li, b’konsegwenza ta’ dan, l-interessi tas-settur pubbliku u ta’ dak privat huma magħġuna flimkien; huwa ta-fehma li, fiċ-ċirkustanzi, il-possibbiltà ta’ kunflitti ta’ interess m’għandhiex tiġi skartata, imma għandha tiġi indirizzata sewwa; jistieden għalhekk lill-Impriżi Konġunti jinfurmaw lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-mekkaniżmi ta’ verifika li hemm fl-istrutturi rispettivi tagħhom, biex ikun jista’ jkun hemm ġestjoni tajba u prevenzjoni ta’ kunflitti ta’ interessi;

31.

Jinnota li, bl-eċċezzjoni notevoli tal-Impriża Konġunta għall-Proġett ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni, l-Impriżi Konġunti huma strutturi relattivament żgħar u ġeografikament ikkonċentrati; jemmen għalhekk li għandhom jiġmgħu r-riżorsi tagħhom kull fejn dan ikun possibbli;

32.

Jistieden lill-Qorti tal-Awdituri tipprovdi lill-awtorità ta’ kwittanza azzjonijiet ta’ segwitu għall-kummenti li għamlet għal kull waħda mill-Impriżi Konġunti fir-rapport rispettiv dwar il-kontijiet finali għas-sena finanzjarja 2011;

33.

Jistieden lill-Qorti tal-Awdituri biex, fi żmien raġonevoli, tipprovdirapport speċjali lill-Parlament dwar il-valur miżjud tal-istabbiliment tal-Impriżi Konġunti għat-twettiq effiċjenti tal-programmi ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni tal-Unjoni; jirrimarka wkoll li l-istess rapport għandu jinkludi valutazzjoni tal-effikaċja tal-istabbiliment tal-Impriżi Konġunti.


(1)  ĠU C 368, 16.12.2011, p. 8.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 30, 4.2.2008, p. 1.

(4)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.