17.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 286/288


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2012

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010

(2012/600/UE)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Frar 2012 (06083/2012 — C7–0051/2012),

wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikulari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 2007/2004 tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2004 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 30 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regola 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0133/2012),

1.

Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jagħti kwittanza rigward l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2010;

2.

Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni ta’ hawn taħt;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-Deciżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

Il-President

Martin SCHULZ

Is-Segretarju Ġenerali

Klaus WELLE


(1)  ĠU C 366, 15.12.2011, p. 39.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1.

(4)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2012

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex) għas-sena finanzjarja 2010

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Frar 2012 (06083/2012 — C7–0051/2012),

wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikulari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 2007/2004 tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2004 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati tal-Unjoni Ewropea (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 30 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0133/2012),

A.

billi l-Qorti Ewropea tal-Awdituri stqarret li kisbet assigurazzjoni raġonevoli li l-kontijiet annwali għas-sena finanzjarja 2010 huma affidabbli, u li l-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom huma legali u regolari,

B.

billi fl-10 ta’ Mejju 2011 il-Parlament ta lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni l-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2009 (5), u fir-riżoluzzjoni tiegħu li takkumpanja d-deċiżjoni dwar il-kwittanza, fost affarijiet oħra:

iħeġġeġ lill-Aġenzija ttejjeb il-livell tal-użu tal-approprjazzjonijiet billi tfassal struzzjonijiet adegwati u proċeduri għall-analiżi ta’ ammonti potenzjali ta’ trasferimenti ’l quddiem li għandhom jitnaqqsu għal ammont minimu ta’ approprjazzjonijiet ittrasferit ’il quddiem,

wera tħassib minħabba li l-Aġenzija kellha tikkanċella approprjazzjonijiet ta’ EUR 13 900 000 għall-2009 u ta’ EUR 13 000 000 għall-2008,

stieden lill-Aġenzija tippreżenta tqabbil tal-operazzjonijiet li saru matul is-sena li għaliha għandha tingħata l-kwittanza u dawk li saru matul is-sena finanzjarja ta’ qabel

C.

billi l-baġit ġenerali tal-Aġenzija għas-sena 2010 kien EUR 93 200 000 li huwa żieda ta’ 4,95 % meta mqabbel mas-sena finanzjarja 2009, billi l-kontribuzzjoni inizjali tal-Unjoni għall-baġit tal-Aġenzija għas-sena 2010 kienet EUR 83 000 000 meta mqabbla ma’ EUR 78 000 000 fl-2009 (6), li jirrapreżenta żieda ta’ 6,41 %,

Il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Ifakkar li l-kontribuzzjoni inizjali tal-Unjoni lill-Aġenzija għall-2010 ammontat għal EUR 83 000 000; josserva madankollu li EUR 2 550 000, li ġejjin mill-irkupru tal-bilanċ pożittiv, żdiedu ma’ dan l-ammont, u għaldaqstant il-kontribuzzjoni totali tal-Unjoni tilħaq l-ammont ta’ EUR 85 550 000 għall-2010;

2.

Jistabbilixxi mill-adozzjoni definittiva tal-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2010 li skont it-Titolu I (Infiq tal-persunal) u t-Titolu II (Amministrazzjoni), l-approprjazzjonijiet tal-Unjoni gaħs-sena 2010 ammontaw għal EUR 23 633 000 f’termini tal-impenji u EUR 19 000 000 f’termini ta’ ħlasijiet; jinnota wkoll li skont it-Titolu III (Infiq operattiv) l-approprjazzjonijiet kienu jammontaw għal EUR 59 367 000 f’termini ta’ impenji u EUR 38 000 000 f’termini ta’ ħlasijiet;

3.

Jirrikonoxxi mir-Rapport Ġenerali tiegħu li fl-2010 l-Aġenzija kkonsmat 95 % tal-baġit tal-approprjazzjonijiet għall-impenji għad-dispożizzjoni tagħha u li d-differenzi bejn it-titolu kienu limitati, 99 % għat-Titolu I, 80 % għat-Titolu II u 97 % għat-Titolu III;

4.

Jistabbilixxi mill-Kontijiet Finali li l-livell ta’ ħlasijiet tal-baġit għall-2010 tjieb minn 61 % fl-2009 għal 69 % fl-2010; jinnota, barra minn hekk, mill-Aġenżija li l-livelli tal-ħlasijiet għall-baġit operattiv għall-2010 laħqu 79 % meta mqabbla ma’ 65 % fl-2009;

Approprjazzjonijiet riportati

5.

Jinsab imħasseb li l-Qorti tal-Awdituri ilha tirrapporta trasfermenti ’il quddiem mill-2006; jinnota b’mod partikolari li għas-sena 2010 ammont ta’ EUR 26 500 000, li jirrappreżenta 28 % tal-baġit disponibbli, ġie trasferit ’il quddiem għall-2011 u li EUR 12 000 000 biss minn dan l-ammont kienu jikkorrispondu għal ammonti dovuti. jistieden lill-Aġenzija tressaq informazzjoni lill-awtorità ta’ kwittanza sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Diċembru 2012; jieħu nota tal-ġustifikazzjonijiet mogħtija mill-Aġenzija, jiġifieri l-ħtieġa li tkun żgurata l-kontinwità fl-attivitajiet operazzjonali tal-Aġenzija u l-allokazzjoni tal-fondi għall-użu fl-ewwel kwart tas-sena ta’ wara; itenni li l-prattika tar-riport tal-approprjazzjonijiet għandha tiġi limitata strettament u m’għandhiex ixxekkel il-prattiki ta’ ġestjoni finanzjarja tajba; jitlob li l-Aġenzija ssegwi l-prinċipju tal-annwalità fil-futur;

6.

Jenfassiza għal darba oħra, li livell għoli ta’ trasferimenti ’l quddiem u kanċellazzjonijiet huma indikattivi tan-nuqqas ta’ kapaċità tal-Aġenzija li tiġġestixxi żieda daqstant kbira fil-baġit tagħha. jistaqsi jekk l-awtorita’ baġitarja tkunx aktar responsabbli jekk fil-futur turi kawtela meta tkun qegħda tiddeċiedi dwar zidiet fil-baġit tal-Aġenzija, fid-dawl taż-żmien meħtieġ għat-twettiq ta’ attivitajiet ġodda. għalhekk jistieden lill-Aġenzija tipprovdih b’dettalji aktar kompluti dwar il-vijabbiltà ta’ impenji futuri;

7.

Huwa konxju li, minħabba n-natura permanenti jew fit-tul tal-operazzjonijiet konġunti tal-Aġenzija huwa inevitabbli li l-eżekuzzjoni tal-impenji korrispondenti testendi lil hinn minn tmiem is-sena; madankollu, iħeġġeġ lill-Aġenzija, biex tibqa’ tnaqqas kemm jista’ jkun il-volum tal-approprjazzjonijiet trasferiti ’l quddiem billi ssaħħaħ il-monitoraġġ tal-attivitajiet konġunti sabiex taġġusta l-għotjiet kmieni kemm jista’ jkun.

8.

Jinnota xi azzjoni fl-2010, dwar ir-reviżjoni tal-Aġenzija tal-hekk imsejħa skedi REM (spejjeż kontinwi tal-mezzi) sabiex jittejjeb l-ipprogrammar u l-monitoraġġ;

Sistema ta’ kontabilita’

9.

Jirrikonoxxi l-osservazzjonijiet min-naħa tal-Qorti tal-Awdituri, ta’ dgħufijiet fir-rigward tas-sistema kontabilistika tal-Aġenzija; jinnota fil-fatt li dawn għad iridu jiġu validati mill-Uffiċjal ta’ Kontabilità, kif rekwiżit mir-Regolament Finanzjarju; madanakollu jinnota t-tweġiba tal-Aġenzija, li tiddikjara li bdiet proġett dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Proċess tan-Negozju għal proċessi finanzjarji fil-bidu tas-sena 2011 u li l-validazzjoni kellha titlesta matul l-aħħar sitt xhur tal-2011; għalhekk jitlob li l-Qorti tal-Awdituri tkun assigurata dwar dan il-punt;

10.

Jinnota li l-osservazzjonijiet min-naħa tal-Qorti tal-Awdituri, ta’ dgħufijiet fis-sistema għar-rikonċiljazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-fornituri ma’ rekords korrispondenti fl-Aġenzija; jieħu nota tar-risposta tal-Aġenzija li l-biċċa l-kbira tal-entitajiet pubbliċi ma għandhomx sistemi ta’ kontabilità ċentralizzati u xi wħud minnhom ma jimplimentawx kontabilità bbazzata fuq l-arretrati, u dan jagħmel ir-rikonċiljazzjoni tal-bilanċji dovuti lill-fornituri, diffiċli; jinnota li l-impenn tal-Aġenzija biex tagħmel kuntatt mal-awtoritajiet nazzjonali biex tipprova timplimenta proċeduri alternattivi bil-ħsieb li tirrikonċilja l-bilanċji tagħha ma’ dawk tal-fornituri tagħha; jistieden lill-Aġenzija tinforma b’mod regolari lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-progress li sar mal-awtoritajiet nazzjonali biex din il-kwestjoni tissolva;

11.

Jitlob li l-Qorti tal-Awdituri, fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2011, tevalwa iktar bir-reqqa l-infiq tal-baġit operazzjonali b’rabta mal-objettivi li ssegwi l-Aġenzija u l-kisbiet tagħha;

Akkwisti u għotjiet pubbliċi

12.

Jirrikonoxxi mill-Kontijiet Definittivi li l-Aġenzija għandha żewġ kawżi ta’ litigazzjoni pendenti relatati mal-proċeduri għall-offerti pubbliċi u li l-Applikanti talbu kumpens ta’ EUR 10 794 806 għad-danni li ġarrbu; iħeġġeġ lill-Aġenzija tinforma b’mod regolari lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-iżviluppi f’dawn iż-żewġ kawżi;

13.

Jista’ jara fil-Kontijiet Finanzjarji li l-Aġenzija kkonkludiet 751 ftehimiet ta’ għotjiet jew Deċiżjonijiet Speċifiċi ta’ Finanzjament mal-imsieħba tagħha, fejn l-ammont totali tal-attivitajiet kofinanzjati kien EUR 53 000 000;

14.

Barra minn hekk, jinnota li fost il-751 għotja, 270 minnhom ma ġewx ipproċessati mill-Aġenzija għal ħlas finali u li fir-rigward ta’ 92 minnhom l-Aġenzija ħallset l-ammont ta’ prefinanzjament ta’ EUR 5 100 000;

Il-ġestjoni tal-għotjiet

15.

Jistieden lill-Aġenzija twettaq kontrolli ex-post fil-forma ta’ żjarat fuq il-post;

16.

Madankollu, jinnota li l-Aġenzija eżaminat mill-ġdid l-iskedi REM, li huma l-bażi għal stimi tal-baġit u talbiet għal rifużjoni;

Riżorsi Umani

17.

Jistabbilixxi mir-Rapport Ġenerali li 74 proċedura ta’ reklutaġġ twettqu fl-2010; jinnota li l-proċeduri ta’ reklutaġġ għal erba’ karigi ġodda mill-2010, kienu għaddejjin u kienu mistennija li se jitlestew fl-ewwel kwart tal-2011 u li l-għadd totali tal-persunal tal-Aġenzija fi tmiem l-2010 kien 294 membru miċ-ċifra totali approvata mill-Pjan ta’ Stabbiliment, ta’ 298 membru;

Il-prestazzjoni

18.

Jistieden lill-Aġenzija tiżviluppa aktar il-koerenza fl-ippjanar strateġiku u annwali tal-operazzjonijiet tagħha; jinnota, fil-fatt, li l-objettivi tal-Programme ta’ Ħidma Annwali (AWP) għall-2010 mhumiex marbuta biċ-ċar ma’ dawk għall-istess sena fil-Pjan Multi-Annwali 2010-2013; ifakkar lill-Aġenżija li n-nuqqas ta’ rabta ċara u u ta’ konsistenza bejn d-dokumenti ta’ ppjanar differenti jistgħu jkollhom impatt negattiv fuq l-implimentazzjoni tal-pjan strateġiku;

19.

Jista’ jara mir-Rapport Ġenerali li minkejja l-fatt li l-baġit tal-Aġenzija żdied fl-2010, l-attivitajiet ta’ tħaddim netti allokati naqqsu minn EUR 48 200 000 għal EUR 47 400 000 iżda n-numru ta’ sigħat tax-xogħol tal-persunal żdied b’27 % għal 6 411;

20.

Jilqa’ l-isforzi tal-Aġenzija li ttejjeb il-monitoraġġ tagħha tal-baġit operazzjonali; jirrikonoxxi li l-ewwel Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri ntbagħtu f’Novembru 2010 u li dan irriżulta f’bidliet sinifikanti fil-baġit tal-Aġenzija;

21.

Jinnota li l-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit għall-Aġenzija għandha tkompli tiġi bbażata aktar fuq il-prestazzjoni tagħha matul is-sena.

Verifika Interna

22.

Jirrikonoxxi li fl-2010 s-Servizz ta’ Verifika Interna (SVI) wettaq verifika dwar il-pjan operattiv, ibbażata fuq l-input tal-partijiet interessati interni u esterni; jinnota b’mod partikolari li l-iskop ta’ din il-verifika jkopri:

il-konsistenza tal-ippjanar strateġiku u l-ippjanar annwali tal-operazzjonijiet,

l-adegwatezza tal-proċess għat-tħejjija tal-ippjanar operattiv b’attenzjoni speċjali għall-involviment tal-partijiet interessati relevanti,

l-adegwatezza tal-proċess għall-ġbir ta’ opinjonijiet b’rispons mill-attivitajiet operattivi u l-użu tiegħu għat-tħejjija ta’ ppjanar futur,

l-adegwatezza tal-proċess għall-ġestjoni ta’ talbiet ad hoc min-naħa tal-partijiet interessati dwar l-ippjanar operattiv;

23.

Jistieden, f’dan il-kuntest, lill-Aġenzija tiżgura li l-objettivi kollha tal-Pjan Multiannwali huma tradotti b’mod ċar u xieraq fil-PĦA;

24.

Madanakollu, jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija tindirizza r-riskji għal kull operazzjoni speċifikafil-pjanijiet operattivi tagħha, jinnota wkoll, bi pjaċir, li l-Aġenzija tuża t-tagħlimiet miksuba waqt l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet tagħha sabiex ittejjeb it-tħejjija tal-pjan operattiv sussegwenti;

25.

Jirrikonoxxi li s-SVI xorta jeħtieġ li jirrivedi l-implimentazzjoni min-naħa tal-Aġenzija, ta’ seba rakkomandazzjonijiet “importanti ħafna” li ħarġu mill-verifiki preċedenti tas-SVI; jinnota b’mod partikolari li dawn ir-rakkomandazzjonijiet jikkonċernaw:

l-verifika tal-2009 dwar il-ġestjoni tal-għotjiet, u b’mod notevoli l-valutazzjoni tal-ħtieġa li jintalab ċertifikat biex tiġi pproċessata talba għall-ħlas, it-tħejjija ta’ politika dwar verifiki u kontrolli, il-ftehim legali dwar il-pjan operattiv mal- imsieħba, u d-deskrizzjoni tal-kriterji ta’ valutazzjoni,

l-verifika ta’ segwitu 2008 dwar Sistema ta’ Kontroll Intern, u b’mod partikolari persunal adegwat biex tikseb l-objettivi tagħha,

l-verifika 2007 dwar Sistema ta’ Kontroll Intern, u b’mod partikolari r-reviżjoni tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni u deskrizzjoni u komunikazzjoni tajba u kompluta tal-impjieg, lill-persunal;

26.

Jagħti attenzjoni lir-rakkomandazzjonijiet tiegħu mir-rapporti dwar il-kwittanza preċedenti, kif stabbilit fl-Anness ta’ din ir-riżoluzzjoni;

27.

Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkupanjaw id-Deċiżjoni tiegħu għal kwittanza, li huma ta’ natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2012 (7) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.


(1)  ĠU C 366, 15.12.2011, p. 39.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1.

(4)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(5)  ĠU L 250, 27.9.2011, p. 224.

(6)  ĠU L 64, 12.3.2010, p. 1016.

(7)  Testi adottati, P7_TA(2012)0164 (ara l-paġna 388 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


ANNESS

RAKKOMANDAZZJONIJIET TAL-PARLAMENT EWROPEW TA’ DAWN L-AĦĦAR SNIN

Frontex

2006

2007

2008

2009

Il-prestazzjoni

mhux applikabbli

mhux applikabbli

Jistieden lill-Aġenzija tistabbilixxi fil-pront rabta bejn il-programm ta’ ħidma tagħha u l-istituzzjoni finanzjarja tagħha → L-Aġenzija adottat pjan multiannwali għall-perjodu 2010-2013 minkejja n-nuqqas ta’ dispożizzjoni għal dan fir-regolament bażiku tagħha.

Jistieden lill-Aġenzija tistabbilixxi analiżi dijakronika tal-operazzjonijiet imwettqa f’din is-sena u f’dik preċedenti

Jistieden lill-Aġenzija tistabbilixxi rabta mill-aktar fis possibli bejn il-programm ta’ ħidma tagħha u l-previzjonijiet finanzjarji tagħha

Jistieden lill-Aġenzija tippreżenta tqabbil tal-operazzjonijiet li saru matul is-sena li għaliha għandha tingħata l-kwittanza u dawk li saru matul is-sena finanzjarja ta’ qabel

Madankollu jitlob lill-Aġenzija tipprovdi informazzjoni dwar l-impatt tal-operazzjonijiet tagħha u biex tinforma l-awtorità tal-kwittanza b’dan;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

L-impenji legali ttieħdu qabel l-impenji baġitarji korrispondenti

Il-prinċipji baġitarji tal-annwalità u l-ispeċifikazzjoni ma kinux osservati b’mod strett: ir-rata ta’ ammonti trasferiti għas-sena ta’ wara kienet ta’ aktar minn 70 % globalment u kważi 85 % għan-nefqa operazzjonali

Problemi rekorrenti fis-sistema tal-impenji tal-Aġenzija: impenji baġitarji saru wara impenji legali (25 każ) u ftehimiet ta’ għoti mal-pajjiżi sħab ġew iffirmati għal azzjonijiet li nbdew jew li saħansitra ngħalqu

Dgħufijiet fl-ipprogrammar u l-monitoraġġ tal-attivitajiet tal-Aġenzija (70 % tal-approprjazzjonijiet disponibbli ma ntefqux; l-impenji li ġew trasferiti li saru abbażi ta’ stimi eċċessivi tal-ispejjeż)

Jistieden lill-Aġenzija teżerċita l-funzjoni tagħha bis-sħiħ u biex tkompli ttejjeb il-ġestjoni finanzjarja tagħha

Jistieden lill-Aġenzija ttejjeb il-ġestjoni finanzjarja tagħha fir-rigward tar-rimborz tal-ispejjeż ikkuntrattati mill-Istati Membri bl-identifikazzjoni tal-għeruq tal-problema

L-Aġenzija għandha tintroduċi sistema effikaċi għall-iskedar u l-monitoraġġ tal-iskadenzi kuntrattwali stipulati; proċess għall-valutazzjoni tar-riskju għall-attivitajiet tagħha; sistema ta’ impenji differenzjati f’baġits futuri biex isiru l-għotjiet sabiex jiġi rremedjat il-livell għoli ta’ trasferimenti u kanċellazzjonijiet; il-fatt li l-impenji legali daħlu fis-seħħ qabel l-impenji baġitarji korrispondenti, il-fatt li l-proċeduri ta’ reklutaġġ ma jżommux mar-regoli (proċeduri ta’ trasparenza non-diskriminatorji)

Iħeġġeġ lill-Aġenzija ttejjeb il-livell tal-użu tal-approprjazzjonijiet billi tfassal struzzjonijiet adegwati u proċeduri implimentattivi għall-analiżi ta’ ammonti potenzjali ta’ trasferimenti ’l quddiem li għandhom jitnaqqsu għal ammont minimu ta’ approprjazzjonijiet ittrasferit ’il quddiem,

Jinsab imħasseb li l-Aġenzija kellha tikkanċalla approprjazzjonijiet (EUR 13 900 000 għall-2009, EUR 13 000 000 għall-2008)

Livell għoli ta’ trasferimenti u kanċellazzjonijiet huwa indikattiv tan-nuqqas ta’ kapaċità tal-Aġenzija li tiġġestixxi żieda daqstant kbir fil-baġit tagħha, għalhekk jistieden lill-Aġenzija tipprovdih b’dettalji aktar kompleti dwar il-vijabbiltà tal-impenji futuri

Jistieden lill-Aġenzija biex ittejjeb il-Ġestjoni tagħha tal-Għotjiet

Riżorsi Umani

mhux applikabbli

mhux applikabbli

Kwestjonijiet fil-proċeduri ta’ reklutaġġ

mhux applikabbli

Il-Verifika Interna

mhux applikabbli

mhux applikabbli

Jistieden lill-Aġenzija tissodisfa 4 mit-23 rakkomandazzjoni magħmula mill-IAS: jiġifieri t-tlestija tad-deskrizzjonijiet tal-impjiegi u l-istipular tal-objettivi għall-membri tal-persunal, it-tisħiħ tas-sigurtà, it-titjib tar-reġistrazzjoni tal-posta, it-tisħiħ tal-proċess tal-ġestjoni tal-għotjiet u li tiġi żgurata l-konformità mar-Regolament Finanzjarju

Jirrikonoxxi li minn 19-il rakkomandazzjoni maħruġa mill-IAS, 6 ġew implimentati b’mod inadegwat, 10 minnhom għadhom għaddejjin u 3 tlestew iżda għad iridu jiġu verifikati mill-IAS.