17.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 286/148


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2012

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali għas-sena finanzjarja 2010

(2012/564/UE)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali għas-sena finanzjarja 2010,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet taċ-Ċentru (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Frar 2012 (06083/2012 — C7–0051/2012),

wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (KEE) Nru 337/75 tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 1975 li jwaqqaf Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 12a tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regola 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0129/2012),

1.

Jagħti l-kwittanza lid-Direttur taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru għas-sena finanzjarja 2010;

2.

Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t’hawn taħt;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-Deciżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lid-Direttur taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

Il-President

Martin SCHULZ

Is-Segretarju Ġenerali

Klaus WELLE


(1)  ĠU C 366, 15.12.2011, p. 127.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 39, 13.2.1975, p. 1.

(4)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2012

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali għas-sena finanzjarja 2010

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali għas-sena finanzjarja 2010,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet taċ-Ċentru (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Frar 2012 (06083/2012 — C7-0051/2012),

wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (KEE) Nru 337/75 tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 1975 li jwaqqaf Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 12a tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regola 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0129/2012),

A.

billi l-Qorti tal-Awdituri stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (“iċ-Ċentru”) għas-sena finanzjarja 2010 huma affidabbli, u li t-tranżazzjonijiet sottostanti huma legali u regolari,

B.

billi fl-10 ta’ Mejju 2011 il-Parlament ta l-kwittanza lid-Direttur taċ-Ċentru għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali għas-sena finanzjarja 2009 (5), u fir-riżoluzzjoni tiegħu li takkumpanja d-deċiżjoni dwar il-kwittanza, fost affarijiet oħra:

talab liċ-Ċentru japplika l-prinċipji baġitarji tal-ispeċifikazzjoni u t-trasparenza b’mod aktar effikaċi,

ħa nota li ċ-Ċentru reġa’ ttrasferixxa approprjazzjonijiet (31 % tal-infiq amministrattiv — Titolu II) u ħassar approprjazzjonijiet tal-ħlasijiet (24 % tat-total tal-approprjazzjonijiet għal attivitajiet operattivi),

talab lid-Direttur taċ-Ċentru jipprovdi informazzjoni aktar speċifika dwar il-kontenut tal-15-il rakkomandazzjoni, li nfetħu fil-31 ta’ Diċembru 2008 u l-14-il rakkomandazzjoni ġdida li nfetħu fil-31 ta’ Diċembru 2009, fiż-żewġ każijiet mis-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS),

talab liċ-Ċentru jinforma l-awtorità tal-kwittanza rigward il-passi li ttieħdu dwar il-proċedura għat-tneħħija tal-impenji sabiex titjieb it-trasparenza tal-assi tal-inventorju,

C.

billi l-baġit globali taċ-Ċentru għas-sena finanzjarja 2010 kien ta’ EUR 18 300 000, li huwa 1,6 % anqas meta mqabbel ma’ dak tas-sena preċedenti,

D.

billi l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-baġit taċ-Ċentru għall-2010 kienet ta’ EUR 16 920 000, li tfisser żieda ta’ 2 % meta mqabbla mal-2009,

Il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota mill-kontijiet annwali taċ-Ċentru għas-sena finanzjarja 2010 (CAA), li f’nofs Diċembru 2010 iċ-Ċentru kien ingħata baġit supplimentari u ta’ emenda b’valur ta’ EUR 810 000 biex jiffinanzja l-istudji mitluba mid-DĠ Impjiegi fil-qasam tat-tbassir tal-ħiliet meħtieġa;

2.

Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Bord Governattiv fl-opinjoni tiegħu dwar il-Kont Annwali definittiv taċ-Ċentru tal-2010 li l-baġit tal-2010 ffinanzjat mill-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea ġie implimentat b’99 %;

3.

Jinnota wkoll mill-Kontijiet Annwali taċ-Ċentru li l-ispejjeż ta’ rappreżentanza u l-ispejjeż għal-laqgħat żdiedu rispettivament b’233 % u 37 % meta mqabbla mal-2009; jirrikonoxxi li rċieva l-ġustifikazzjoni ta’ dawn iż-żidiet f’tali infiq permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Frar 2012; jinnota li ż-żieda fl-ispejjeż ta’ rappreżentanza ġiet iġġenerata mill-organizzazzjoni ta’ riċeviment fl-okkażjoni tat-tluq tad-Direttur preċedenti; jistieden liċ-Ċentru jillimita l-ispejjeż ta’ rappreżentanza u għal-laqgħat għal bżonnijiet reali;

4.

Jinnota li ċ-Ċentru jirċievi kontribuzzjonijiet annwali minn żewġ Stati li mhumiex parti mill-UE li jibbenefikaw mix-xogħol taċ-Ċentru; jinnota li l-kontribuzzjoni tan-Norveġja u l-Islanda għall-baġit taċ-Ċentru għas-sena finanzjarja 2010 kienet tammonta għal EUR 421 308; ifakkar li dawn il-fondi huma ġestiti bħala dħul assenjat, u għaldaqstant jeħtieġu li jiġu impenjati fi proġetti speċifiċi; jinnota li fl-2010 iċ-Ċentru ma laħaqx l-objettiv għall-użu ta’ dawn il-fondi; jenfasizza li, għas-sena finanzjarja 2009, il-Qorti tal-Awdituri diġà kkommentat dwar in-nuqqasijiet taċ-Ċentru fl-użu ta’ dawn il-fondi; jirrikonoxxi li rċieva l-ispjegazzjoni ta’ din is-sitwazzjoni permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Frar 2012; jilqa’, f’dan ir-rigward, il-fatt li, fl-2011, il-mira intlaħqet u 100 % tal-baġit previst ġie eżegwit; jieħu nota tad-dikjarazzjoni taċ-Ċentru li l-mira prevista tal-2010 ma ntlaħqitx minħabba l-posponiment ta’ xogħlijiet fil-bini taċ-Ċentru; jieħu nota wkoll tal-impenn taċ-Ċentru li juża kompletament il-kontribuzzjonijiet tas-snin preċedenti tan-Norveġja u l-Islanda fl-2012; jitlob liċ-Ċentru jżomm l-awtorità tal-kwittanza informata dwar l-użu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet;

Approprjazzjonijiet riportati

5.

Jinnota mill-Kontijiet Annwali taċ-Ċentru li ċ-Ċentru ttrasferixxa approprjazzjonijiet ta’ EUR 794 700 tat-Titolu I (Persunal) u t-Titolu II (Infiq amministrattiv) mill-2010 għall-2011; ifakkar li r-riporti awtomatiċi tal-appoprjazzjonijiet jikkonċernaw biss l-ispiżi relatati mat-Titoli I u II;

6.

Jinnota wkoll mill-Kontijiet Annwali taċ-Ċentru li li sar riport mhux awtomatiku b’valur ta’ EUR 55 910 relatat man-nefqa taħt it-Titolu II;

7.

Jinnota xi titjib peress li l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet li ġew ikkanċellati naqsu minn 24 % fl-2009 għal 14 % fl-2010; jilqa’ wkoll l-impenn taċ-Ċentru biex ikompli jnaqqas ir-riporti tiegħu billi jissorvelja permezz ta’ mudelli standardizzati tal-eżekuzzjoni tal-baġit (impennji, ħlasijiet) u l-progress tal-akkwist;

8.

Jitlob, minkejja dan, liċ-Ċentru biex jagħmel iktar sforzi biex inaqqas l-approprjazzjonijiet riportati sabiex jirrispetta l-prinċipju tal-annwalità b’mod aktar sħiħ; ifakkar liċ-Ċentru li dan jista’ jsir permezz ta’ titjib fl-irfinar tas-sistema ta’ programmar u ta’ sorveljanza tiegħu u billi jibda l-għoti tal-kuntratti aktar kmieni fis-sena kalendarja;

Trasferimenti

9.

Jilqa’ l-fatt li ċ-Ċentru kien kapaċi jiżgura l-awtorità tal-kwittanza li huwa applika effikaċament il-prinċipju tat-trasparenza billi rrapporta regolarment lill-Bord Governattiv tiegħu dwar it-trasferimenti kollha bejn il-linji tal-baġit matul is-sena; jinnota, partikolarment, li sal-20 ta’ Settembru 2011, kienu saru ħames trasferimenti ta’ approprjazzjonijiet għall-impenji (b’massimu ta’ EUR 35 000) miċ-Ċentru bejn il-linji tal-baġit, u li l-Bord Governattiv ġie infurmat b’mod regolari dwar dawn it-trasferimenti; jitlob, madankollu, liċ-Ċentru biex kemm jista’ jkun inaqqas dawn it-trasferimenti sabiex jiġi applikat ukoll il-prinċipju tal-ispeċifikazzjoni;

Ir-Riżorsi Umani

10.

Jirrikonoxxi li d-Direttur telaq liċ-Ċentru fil-15 ta’ Ottubru 2010 fi tmiem il-mandat tiegħu biex jassumi pożizzjoni oħra fl-aġenzija Italjana għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-impjiegi, u l-politika soċjali;

11.

Jinnota fir-Rapport Annwali tal-Attività (AAR) għall-2010 li fil-31 ta’ Diċembru 2010, iċ-Ċentru kien jimpjega 96 persunal, 5 anqas milli previst fil-pjan ta’ stabbiliment tiegħu; jinnota li 24 persunal kuntrattwali u 5 esperti nazzjonali sekondati ġew miżjuda wkoll mal-ammont ta’ persunal u l-proporzjon bejn id-distribuzzjoni tal-persunal operattiv u dak amministrattiv kien ta’ 90/35;

12.

Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Bord Governattiv fl-opinjoni tiegħu dwar il-Kont Annwali definittiv taċ-Ċentru għall-2010 li l-proċeduri ta’ reklutaġġ għall-ħames pożizzjonijiet miftuħa kollha kienu għaddejjin jew ġew kompluti b’suċċess sal-31 ta’ Diċembru 2010;

13.

Jilqa’ l-fatt li ċ-Ċentru fl-2010 ffinalizza għodda online għar-reklutaġġ (RECON - Ir-Reklutaġġ Online), li se jgħin liċ-Ċentru jżid il-veloċità u l-effikaċja tar-reklutaġġ tiegħu;

Il-prestazzjoni

14.

Jinnota b’sodisfazzjon li ċ-Ċentru pprovda, kif mitlub mill-awtorità tal-kwittanza, iċ-ċarts Gantt għall-attivitajiet operattivi prinċipali tal-2011; ifakkar iċ-Ċentru li dawn iċ-ċarts jiddeskrivu, b’mod konċiż, l-ammont ta’ żmien li kull membru tal-persunal iqatta’ fuq proġett u jinkoraġġixxu approċċ immirat lejn il-kisba ta’ riżultati;

15.

Jinnota mir-Rapport Annwali tal-Attività taċ-Ċentru li s-sistema ta’ kejl ta’ prestazzjoni (PMS) ġiet implimentata b’mod sħiħ u jinkoraġġixxi liċ-Ċentru jkompli jiżviluppa valutazzjonijiet kwalitattivi biex jissuplimenta l-indikaturi aktar kwantitattivi tal-PMS;

L-awditjar intern

16.

Jieħu nota miċ-Ċentru li dan għad irid jimplimenta ċerti rakkomandazzjonijiet tal-IAS li saru fil-kuntest tal-awditjar tal-Ġestjoni tar-Riżorsi Umani 2008 u tal-Etika 2009; jirrikonoxxi li rċieva l-ispjegazzjoni permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Frar 2012; jilqa’ l-fatt li fil-kuntest tal-awditjar tal-Ġestjoni tar-Riżorsi Umani tal-2008, 13 mill-14-il rakkomandazzjoni ġew implimentati; jilqa’ l-fatt, barra minn hekk, li fil-kuntest tal-awditjar tal-Etika tal-2009, 16 mis-17-il rakkomandazzjoni ġew implimentati; jitlob liċ-Ċentru jinforma l-awtorità tal-kwittanza dwar il-progress tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li baqa’;

17.

Jinnota mir-Rapport Annwali taċ-Ċentru li fl-2010 l-IAS ħa sehem f’valutazzjoni tar-riskju tal-ICT; jilqa’ l-implimetazzjoni tal-azzjonijiet ippjanati miċ-Ċentru, fil-31 ta’ Diċembru 2011, wara l-konstatazzjonijiet ta’ din il-valutazzjoni tar-riskju tal-IT;

18.

Jieħu nota wkoll li f’April 2010, l-IAS għamel awditjar ieħor dwar ir-Rapport tal-Attività Annwali taċ-Ċentru u t-twaqqif ta’ element ta’ assigurazzjoni fi ħdan iċ-Ċentru; jirrikonoxxi miċ-Ċentru li r-rapport finali tal-IAS ġie provdut liċ-Ċentru fil-5 ta’ Lulju 2010 u li dan ir-rapport pprovda assigurazzjoni raġonevoli fir-rigward tal-twettiq tar-rapportar annwali, inkluża d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tad-Direttur; jilqa’ l-informazzjoni provduta miċ-Ċentru permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Frar 2012, fejn skont din is-seba’ rakkomandazzjonijet kollha tal-IAS ġew implimentati sal-aħħar ta’ Diċembru 2011;

19.

Jinnota fir-Rapport ta’ Attività Annwali taċ-Ċentru li ċ-Ċentru beda jimplimenta l-Istandards tal-Kontroll Intern (ICS) ġodda fl-2009 u li r-rekwiżiti bażiċi ġew sodisfati sa tmiem l-2010 bl-eċċezzjonijiet tal-ICS 8 u l-ICS 10; jilqa’ l-informazzjoni riċevuta permezz ta’ ittra fit-23 ta’ Frar 2012, fejn skont din ir-rekwiżiti bażiċi tal-ICS 8 ġew sodisfati kollha sa tmiem l-2011; jieħu nota tal-impenn taċ-Ċentru li jissodisfa r-rekwiżiti bażiċi tal-ICS 10 fl-ewwel simestru tal-2012;

Il-Kapaċità tal-Awditjar Intern (IAC)

20.

Jinnota mir-Rapport tal-Attività Annwali taċ-Ċentru li l-pjan tal-awditjar tal-IAC għall-2010 kien ippjana diversi verifiki “ex post” u“in process”, notabbilment għall-istudju tal-proċeduri tal-kuntratti u tal-għoti; jinnota wkoll li wara l-awditu IAC ta’ proċeduri tal-għoti, iċ-Ċentru pproċeda billi jirkupra l-ammonti mħallsa lill-benefiċjarji tal-għotjiet nazzjonali, li jammontaw għal EUR 23 647,67;

21.

Huwa mħasseb dwar il-fatt li l-IAC ħalla ċ-Ċentru fil-31 ta’ Awwissu 2010; huwa tal-opinjoni li r-rapporti tal-IAC jistgħu iwasslu għal aktar titjib fil-miżuri tal-kontroll intern dwar il-proċeduri tal-akkwist u tal-għoti;

22.

Minkejja dan, jagħraf il-kummenti taċ-Ċentru dwar il-fatt li l-funzjonijiet tal-IAC llum huma koperti minn kuntratturi esterni (pereżempju l-awditu tas-softwer finanzjarju taċ-Ċentru (FIBUS) ġie kkuntrattat u konkluż fl-2011) jew minn gruppi interni ta’ proġetti;

23.

Jiġbed l-attenzjoni għar-rakkomandazzjonijiet tiegħu f’rapporti preċedenti dwar il-kwittanza, kif stabbilit fl-Anness ta’ din ir-riżoluzzjoni;

24.

Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħra li jakkumpanjaw id-Deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza li huma ta’ natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2012 (*) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.


(1)  ĠU C 366, 15.12.2011, p. 127.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 39, 13.2.1975, p. 1.

(4)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(5)  ĠU L 250, 27.9.2011, p. 130.

(*)  Testi adottati, P7_TA(2012)0164 (ara l-paġna 388 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


ANNESS

RAKKOMANDAZZJONIJIET TAL-PARLAMENT EWROPEW TA’ DAWN L-AĦĦAR SNIN

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali

2006

2007

2008

2009

Il-prestazzjoni

mhux applikabbli

L-objettivi u l-indikaturi tal-prestazzjoni spiss ma jistgħux jiġu mkejla→ iċ-Ċentru għandu jtejjeb il-Programm tiegħu. Għandu jistabbilixxi rabta ċara u konsistenti bejn l-objettivi stabbiliti u l-implimentazzjoni tar-riżorsi baġitarji meħtieġa biex dawn jintlaħqu

Jistieden liċ-Ċentru jistabbilixxi objettivi SMART u indikaturi RACER, kif ukoll jagħmel ċart ta’ Gannt→biex jippromwovi approċċ orjentat lejn il-ksib tar-riżultati

Jistieden liċ-Ċentru jistabbilixxi analiżi dijakronika tal-operazzjonijiet imwettqa f’din is-sena u fis-snin preċedenti

Jitlob liċ-Ċentru u l-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ jippubblikaw rapport ta’ segwitu dwar il-ftehim ta’ kooperazzjoni fir-rapport tal-attività tagħhom għall-2009.

Jistieden liċ-Ċentru jippreżenta tqabbil ċar tal-operazzjonijiet li saru matul is-sena li għaliha għandha tingħata l-kwittanza u dawk li saru matul is-sena finanzjarja ta’ qabel

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

Il-prinċipju tal-ispeċifikazzjoni ma kienx osservat b’mod strett: 43 % tal-impenji kienu riportati għas-sena finanzjarja ta’ wara Għal attivitajiet operattivi aktar minn 20 % tal-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet ġew kanċellati. Numru għoli ta’ trasferimenti baġitarji

Kwistjonijiet ta’ trasparenza fil-proċeduri ta’ prokura:

mhux applikabbli

Ċertu nuqqasijiet fil-programmi u s-sorveljanza ta’ approprjazzjonijiet differenzjati għall-attivitajiet operattivi: 25 % tal-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet kienu riportati

Talab liċ-Ċentru japplika l-prinċipji baġitarji tal-ispeċifikazzjoni u t-trasparenza b’mod aktar effikaċi

Ir-Riżorsi Umani

Kwistjonijiet ta’ trasparenza: f’żewġ każijiet, iċ-Ċentru ma ċċekkjax korrettament l-esperjenza professjonali meħtieġa mitluba mill-kariga battala waqt il-fażi preselettiva

mhux applikabbli

mhux applikabbli

Innota li ċ-Ċentru introduċa tibdiliet fil-proċeduri ta’ reklutaġġ tiegħu wara rimarki mill-Qorti tal-Awdituri fir-rapport tagħha tal-2009 li jitlob liċ-Ċentru jkompli jtejjeb it-trasparenza; jilqa’ l-inizjattiva taċ-Ċentru, sa minn Ġunju 2010, fir-rigward ta’ domandi f’testijiet bil-miktub u intervisti qabel il-preselezzjoni

Awditjar intern

Il-proċeduri ta’ kontroll intern ma kinux kompluti

mhux applikabbli

Jitlob liċ-Ċentru jissodisfa 15 mit-30 rakkomandazzjoni magħmula mill-IAS: jiġifieri l-ġestjoni tar-riżorsi umani (il-prestazzjoni tal-persunal, l-istipular tal-objettivi personali u tar-rwoli u r-responsabbilitajiet tal-Kumitat għall-Persunal)

Talab lid-Direttur taċ-Ċentru jipprovdi informazzjoni aktar speċifika dwar il-kontenut tal-15-il rakkomandazzjoni li nfetħu fil-31 ta’ Diċembru 2008 u l-14-il rakkomandazzjoni ġdida li nfetħu fil-31 ta’ Diċembru 2009, fiż-żewġ każijiet mis-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS),

Jitlab liċ-Ċentru jinforma l-awtorità tal-kwittanza rigward il-passi li ttieħdu dwar il-proċedura għat-tneħħija tal-impenji sabiex itejbu t-trasparenza tal-inventorju tal-assi, Minbarra dan, iċ-Ċentru beda jiddokumenta l-proċessi ta’ kontroll prinċipali