29.10.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 283/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL U TAR-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI TAL-UNJONI EWROPEA, IMLAQQGĦIN FI ĦDAN IL-KUNSILL
tas-16 ta’ Ġunju 2011
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti; u dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim Anċillari bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala l-ewwel parti, l-Islanda, bħala t-tieni parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala t-tielet parti, dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti
(2011/708/UE)
IL-KUNSILL U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI TAL-UNJONI EWROPEA, IMLAQQGĦIN FI ĦDAN IL-KUNSILL,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Istati Uniti tal-Amerika, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru”), iffirmat mill-Istati Uniti tal-Amerika u l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u l-Komunità Ewropea fil-25 u t-30 ta’ April 2007, kif emendat mill-Protokoll sabiex jiġi emendat il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, iffirmat fil-25 u t-30 ta’ April 2007 (2) (“il-Protokoll”), iffirmat mill-Istati Uniti tal-Amerika u l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Ewropea fl-24 ta’ Ġunju 2010, jipprevedi b’mod espliċitu l-adeżjoni ta’ pajjiżi terzi għall-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru. |
(2) |
F’konformità mal-Artikolu 18(5) tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru, kif emendat mill-Protokoll, il-Kumitat Konġunt li ġie stabbilit taħtu, żviluppa proposta għall-adeżjoni tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja għall-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru, kif emendat mill-Protokoll. |
(3) |
Fis-16 ta’ Novembru 2010 l-Kumitat Konġunt ippropona Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti (“il-Ftehim ta’ Adeżjoni”). |
(4) |
Il-Kummissjoni nnegozjat Ftehim Anċillari bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala l-ewwel parti, l-Islanda, bħala t-tieni parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala t-tielet parti, dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti (“il-Ftehim Anċillari”). |
(5) |
Il-Ftehim ta’ Adeżjoni u l-Ftehim Anċillari għandhom jiġu ffirmati u applikati b’mod proviżorju, sa meta jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tagħhom. |
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti u tal-Ftehim Anċillari bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala l-ewwel parti, l-Islanda, bħala t-tieni parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala t-tielet parti, dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti, huwa b’dan awtorizzat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmija Ftehimi.
It-test tal-Ftehim ta’ Adeżjoni u tal-Ftehim Anċillari huma mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jaħtar il-persuna/i bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim ta’ Adeżjoni u l-Ftehim Anċillari f’isem l-Unjoni.
Artikolu 3
Il-Ftehim ta’ Adeżjoni u l-Ftehim Anċillari għandhom jiġu applikati b’mod proviżorju mid-data tal-iffirmar (*) mill-Unjoni Ewropea u, safejn permess skont il-liġi nazzjonali applikabbli, mill-Istati Membri tagħha u l-Partijiet rilevanti, sa meta jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tagħhom.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, is-16 ta’ Ġunju 2011.
Il-President
VÖLNER P.
(1) ĠU L 134, 25.5.2007, p. 4.
(2) ĠU L 223, 25.8.2010, p. 3.
(*) Id-data tal-iffirmar tal-Ftehim ta’ Adeżjoni u l-Ftehim Anċillari ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.
TRADUZZJONI
FTEHIM DWAR IT-TRASPORT BL-AJRU
L-ISTATI UNITI TAL-AMERIKA (minn hawn ’il quddiem, “l-Istati Uniti”),
bħala l-ewwel parti;
IR-RENJU TAL-BELĠJU,
IR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA,
IR-REPUBBLIKA ĊEKA,
IR-RENJU TAD-DANIMARKA,
IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,
IR-REPUBBLIKA TAL-ESTONJA,
L-IRLANDA,
IR-REPUBBLIKA ELLENIKA,
IR-RENJU TA’ SPANJA,
IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA,
IR-REPUBBLIKA TALJANA,
IR-REPUBBLIKA TA’ ĊIPRU,
IR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA,
IR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA,
IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU,
IR-REPUBBLIKA TAL-UNGERIJA,
MALTA,
IR-RENJU TAL-PAJJIŻI L-BAXXI,
IR-REPUBBLIKA TAL-AWSTRIJA,
IR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA,
IR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA,
IR-RUMANIJA,
IR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA,
IR-REPUBBLIKA SLOVAKKA,
IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA,
IR-RENJU TAL-ISVEZJA,
IR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ,
billi huma partijiet għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u billi huma Stati Membri tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem, “l-Istati Membri”),
u
L-UNJONI EWROPEA,
bħala t-tieni parti;
L-ISLANDA,
bħala t-tielet parti; u
IR-RENJU TAN-NORVEĠJA (minn hawn ’il quddiem, “in-Norveġja”),
bħala r-raba’ parti;
XEWQANA li jippromwovu sistema tal-avjazzjoni internazzjonali bbażata fuq il-kompetizzjoni bejn il-linji tal-ajru fis-suq b’interferenza u regolazzjoni minima mill-gvern;
XEWQANA li jiffaċilitaw l-espansjoni tal-opportunitajiet għat-trasport internazzjonali bl-ajru, inkluż permezz tal-iżvilupp ta’ netwerks ta’ trasport bl-ajru li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-passiġġieri u t-trasportaturi għal servizzi komdi ta’ trasport bl-ajru;
XEWQANA li jagħmluha possibbli għal-linji tal-ajru li joffru lill-pubbliku li jivvjaġġa u li jibgħat merkanzija prezzijiet u servizzi kompetittivi fis-swieq miftuħa;
XEWQANA li s-setturi kollha tal-industrija tat-trasport bl-ajru, inklużi l-ħaddiema tal-linji tal-ajru, jibbenefikaw fi ftehim liberalizzat;
XEWQANA li jiżguraw l-ogħla livell ta’ sikurezza u sigurtà fit-trasport internazzjonali bl-ajru u filwaqt li jaffermaw mill-ġdid it-tħassib gravi tagħhom dwar l-atti jew it-theddidiet kontra s-sigurtà tal-inġenji tal-ajru, li jipperikolaw is-sigurtà tal-persuni jew tal-proprjetà, jaffettwaw ħażin l-operat tat-trasport bl-ajru, u jimminaw il-fiduċja tal-pubbliku fis-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili;
FILWAQT LI JINNOTAW il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, li nfetħet għall-iffirmar f’Chicago fis-7 ta’ Diċembru 1944;
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li s-sussidji tal-gvern jistgħu jaffettwaw ħażin il-kompetizzjoni tal-linji tal-ajru u jistgħu jipperikolaw l-objettivi bażiċi ta’ dan il-Ftehim;
FILWAQT LI JAFFERMAW l-importanza tal-protezzjoni tal-ambjent fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politika dwar l-avjazzjoni internazzjonali;
FILWAQT LI JINNOTAW l-importanza li jiġu protetti l-konsumaturi, inklużi l-protezzjonijiet mogħtija mill-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, li saret f’Montreal fit-28 ta’ Mejju 1999;
BIL-ĦSIEB li jibnu fuq il-qafas tal-ftehimiet eżistenti bil-għan li jiftħu l-aċċess għas-swieq u jimmassimizzaw il-benefiċċji għall-konsumaturi, il-linji tal-ajru, il-ħaddiema, u l-komunitajiet fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku;
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza li jittejjeb l-aċċess tal-linji tal-ajru tagħhom għas-swieq kapitali globali sabiex tissaħħaħ il-kompetizzjoni u jiġu promossi l-objettivi ta’ dan il-Ftehim;
BIL-ĦSIEB li jistabbilixxu preċedent ta’ importanza globali biex jippromwovu l-benefiċċji tal-liberalizzazzjoni f’dan is-settur ekonomiku kruċjali;
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-Unjoni Ewropea ħadet post u ssuċċediet il-Komunità Ewropea bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009, tat-Trattat ta’ Lisbona li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u li minn dik id-data, id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-Komunità Ewropea u r-referenzi kollha għaliha fil-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru ffirmat mill-Istati Uniti tal-Amerika u mill-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fil-25 u t-30 ta’ April 2007, japplikaw għall-Unjoni Ewropea;
FTIEHMU KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Definizzjoni
“Parti” tfisser l-Istati Uniti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, l-Islanda, jew in-Norveġja.
Artikolu 2
Applikazzjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat mill-Protokoll u l-Anness għal dan il-Ftehim
Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru ffirmat mill-Istati Uniti tal-Amerika u mill-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fil-25 u t-30 ta’ April 2007 (minn hawn ’il quddiem, “il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru”), kif emendat mill-Protokoll li Jemenda l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru li ġie ffirmat mill-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha fl-24 ta’ Ġunju 2010 (minn hawn ’il quddiem, “il-Protokoll”), li qed jiġu inkorporati b’referenza, għandhom japplikaw għall-Partijiet kollha f’dan il-Ftehim, soġġetti għall-Anness għal dan il-Ftehim. Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru, kif emendat mill-Protokoll, għandhom japplikaw għall-Islanda u n-Norveġja daqs li kieku kienu Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, sabiex l-Islanda u n-Norveġja għandhom ikollhom id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-Istati Membri skont dak il-ftehim. Id-dispożizzjonijiet tal-Anness għal dan il-Ftehim jiffurmaw parti integrali minn dan il-Ftehim.
Artikolu 3
Terminazzjoni jew waqfien tal-applikazzjoni proviżorja
1. L-Istati Uniti jew l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, jistgħu, fi kwalunkwe ħin, jagħtu avviż bil-miktub permezz ta’ kanali diplomatiċi lit-tliet Partijiet l-oħra dwar id-deċiżjoni tagħhom li jtemmu dan il-Ftehim jew li jwaqqfu l-applikazzjoni proviżorja ta’ dan l-Ftehim skont l-Artikolu 5.
Kopja tal-avviż għandha tintbagħat fl-istess ħin lill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO). Dan il-Ftehim għandu jintemm, jew l-applikazzjoni proviżorja ta’ dan il-Ftehim għandha tieqaf, f’nofsillejl GMT fl-aħħar tal-istaġun tat-traffiku tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru (IATA) li jkun fis-seħħ sena wara d-data tan-notifika bil-miktub, sakemm l-avviż ma jiġix irtirat qabel it-tmiem ta’ dan il-perjodu bi qbil bejn il-Partijiet kollha.
2. L-Islanda jew in-Norveġja jistgħu, fi kwalunkwe ħin, jagħtu avviż bil-miktub lill-Partijiet l-oħra, permezz ta’ kanali diplomatiċi, dwar id-deċiżjoni tagħhom li jirtiraw minn dan il-Ftehim jew li jtemmu l-applikazzjoni proviżorja tiegħu skont l-Artikolu 5. Kopja tal-avviż għandha tintbagħat fl-istess ħin lill-ICAO. Tali rtirar jew waqfien tal-applikazzjoni proviżorja għandu jkun effettiv f’nofsillejl GMT fl-aħħar tal-istaġun tat-traffiku tal-IATA li jkun fis-seħħ sena wara d-data tan-notifika bil-miktub, sakemm l-avviż ma jiġix irtirat qabel it-tmiem ta’ dan il-perjodu bi qbil bejn il-Parti li tagħti l-avviż bil-miktub, l-Istati Uniti, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha.
3. L-Istati Uniti jew l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jistgħu, fi kwalunkwe ħin, jagħtu avviż bil-miktub permezz ta’ kanali diplomatiċi, lill-Islanda jew in-Norveġja, dwar id-deċiżjoni tagħhom li jtemmu dan il-Ftehim jew li jwaqqfu l-applikazzjoni proviżorja tiegħu, fir-rigward tal-Islanda jew in-Norveġja. Kopji tal-avviż għandhom jintbagħtu fl-istess ħin liż-żewġ Partijiet l-oħra għal dan il-Ftehim u lill-ICAO. It-tmiem jew il-waqfien tal-applikazzjoni proviżorja fir-rigward tal-Islanda jew in-Norveġja għandu jkun effettiv f’nofsillejl GMT fl-aħħar tal-istaġun tat-traffiku tal-IATA li jkun fis-seħħ sena wara d-data tan-notifika bil-miktub, sakemm l-avviż ma jiġix irtirat qabel it-tmiem ta’ dan il-perjodu bi qbil bejn l-Istati Uniti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u l-Parti li tirċievi l-avviż.
4. Għall-finijiet tan-noti diplomatiċi kkontemplati minn dan l-Artikolu, in-noti diplomatiċi lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jew mingħandhom għandhom jintbagħtu lill-Unjoni Ewropea jew minnha skont kif ikun il-każ.
5. Minkejja kull dispożizzjoni oħra ta’ dan l-Artikolu, jekk il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru, kif emendat mill-Protokoll, jiġi tterminat, dan il-Ftehim għandu jintemm fl-istess ħin.
Artikolu 4
Reġistrazzjoni mal-ICAO
Dan il-Ftehim u l-emendi kollha li jsiru fih għandhom jiġu rreġistrati mal-ICAO mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 5
Applikazzjoni Proviżorja
Sakemm jidħol fis-seħħ, il-Partijiet jaqblu li japplikaw dan il-Ftehim b’mod proviżorju, safejn permess skont il-liġi domestika applikabbli, mid-data tal-firma. Jekk il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru, kif emendat mill-Protokoll, jiġi tterminat skont l-Artikolu 23 tiegħu, jew l-applikazzjoni proviżorja tiegħu titwaqqaf skont l-Artikolu 25 ta’ dak il-Ftehim, jew l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll titwaqqaf skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll, l-applikazzjoni proviżorja ta’ dan il-Ftehim għandha tieqaf fl-istess ħin.
Artikolu 6
Dħul fis-seħħ
Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-aktar waħda tard minn dawn li ġejjin:
1. |
id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru, |
2. |
id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll, u |
3. |
xahar wara d-data tal-aħħar nota tal-iskambji ta’ noti diplomatiċi bejn il-Partijiet li jikkonfermaw li tlestew il-proċeduri neċessarji kollha għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim. |
Għall-finijiet ta’ dan l-iskambju ta’ noti diplomatiċi, in-noti diplomatiċi lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jew mingħandhom għandhom jintbagħtu lill-Unjoni Ewropea jew minnha, skont kif ikun il-każ. In-nota jew noti diplomatiċi mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom jinkludu komunikazzjonijiet minn kull Stat Membru li jikkonferma li jkunu tlestew il-proċeduri neċessarji tiegħu għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.
B’XHIEDA TA’ DAN il-firmatarji, debitament awtorizzati, iffirmaw dan il-Ftehim.
Magħmul fil-Lussemburgu u f’Oslo, f’erba’ kopji, fis-sittax u fil-wieħed u għoxrin ta’ Ġunju 2011 rispettivament.
For the United States of America
За Европейския съюз
Por la Unión Europea
Za Evropskou unii
For Den Europæiske Union
Für die Europäische Union
Euroopa Liidu nimel
Για την Ευρωπαϊκή Ένωση
For the European Union
Pour l’Union européenne
Per l’Unione europea
Eiropas Savienības vārdā –
Europos Sąjungos vardu
Az Európai Unió részéről
Għall-Unjoni Ewropea
Voor de Europese Unie
W imieniu Unii Europejskiej
Pela União Europeia
Pentru Uniunea Europeană
Za Európsku úniu
Za Evropsko unijo
Euroopan unionin puolesta
För Europeiska unionen
Fyrir Ísland
For Kongeriket Norge
Voor het Koninkrijk België
Pour le Royaume de Belgique
Für das Königreich Belgien
Deze handtekening verbindt eveneens het Vlaamse Gewest, het Waalse Gewest en het Brussels Hoofdstedelijk Gewest.
Cette signature engage également la Région wallonne, la Région flamande et la Région de Bruxelles-Capitale.
Diese Unterschrift bindet zugleich die Wallonische Region, die Flämische Region und die Region Brüssel-Hauptstadt.
За Репyблика Бългaрия
Za Českou republiku
For Kongeriget Danmark
Für die Bundesrepublik Deutschland
Eesti Vabariigi nimel
Thar cheann Na hÉireann
For Ireland
Για την Ελληνική Δημοκρατία
Por el Reino de España
Pour la République française
Per la Repubblica italiana
Για την Κυπριακή Δημοκρατία
Latvijas Republikas vārdā –
Lietuvos Respublikos vardu
Pour le Grand-Duché de Luxembourg
A Magyar Köztársaság részéről
Għal Malta
Voor het Koninkrijk der Nederlanden
Für die Republik Österreich
W imieniu Rzeczypospolitej Polskiej
Pela República Portuguesa
Pentru România
Za Republiko Slovenijo
Za Slovenskú republiku
Suomen tasavallan puolesta
För Republiken Finland
För Konungariket Sverige
For the United Kingdom of Great Britain and Northern Ireland
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA
Ir-rappreżentanti tal-Istati Uniti tal-Amerika, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, l-Islanda, u r-Renju tan-Norveġja kkonfermaw li t-test tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti (“il-Ftehim”), għandu jiġi awtentikat f’lingwi oħra, kif previst, jew qabel l-iffirmar tal-Ftehim, bi Skambji ta’ Ittri jew, wara l-iffirmar tal-Ftehim, b’deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt.
Din id-Dikjarazzjoni Konġunta hija parti integrali tal-Ftehim.
ANNESS
Dispożizzjonijiet speċifiċi fir-Rigward tal-Islanda u n-Norveġja
Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru, kif emendat mill-Protokoll, u mmodifikati kif ġej, għandhom japplikaw għall-Partijiet kollha f’dan il-Ftehim. Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru, kif emendat mill-Protokoll, għandhom japplikaw għall-Islanda u n-Norveġja daqs li kieku kienu Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, sabiex l-Islanda u n-Norveġja jkollhom id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-Istati Membri skont dak il-ftehim, soġġett għal dan li ġej:
1. |
Paragrafu 9 tal-Artikolu 1 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru, kif emendat mill-Protokoll, għandu jaqra kif ġej: “ ‘Territorju’ tfisser, għall-Istati Uniti, iż-żoni tal-art (art prinċipali u gżejjer), l-ilmijiet interni u l-baħar territorjali taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tiegħu, u, għall-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, iż-żoni tal-art (art prinċipali u gżejjer), l-ilmijiet interni u l-baħar territorjali li fihom jiġi applikat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u bil-kondizzjonijiet stabbiliti f’dak il-ftehim u kwalunkwe strument suċċessur, bl-eċċezzjoni taż-żoni tal-art u l-ilmijiet interni taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein; l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għall-ajruport ta’ Ġibiltà hija mifhuma li hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet legali rispettivi tar-Renju ta’ Spanja u r-Renju Unit fir-rigward tat-tilwima dwar is-sovranità fuq it-territorju li fih jinsab l-ajruport, u għat-tkomplija tas-sospensjoni tal-Ajruport ta’ Ġibiltà mill-miżuri tal-avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea li jeżistu mit-18 ta’ Settembru 2006 bejn l-Istati Membri, skont l-istqarrija Ministerjali dwar l-Ajruport ta’ Ġibiltà li ġiet miftiehma f’Córdoba fit-18 ta’ Settembru 2006; u”. |
2. |
L-Artikoli 23 sa 26 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru, kif emendat mill-Protokoll, ma għandhomx japplikaw għall-Islanda u n-Norveġja. |
3. |
L-Artikoli 9 u 10 tal-Protokoll ma għandhomx japplikaw għall-Islanda u n-Norveġja. |
4. |
Dan li ġej għandu jiġi miżjud mat-Taqsima 1 tal-Anness 1 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru, kif emendat mill-Protokoll:
|
5. |
It-test tat-Taqsima 2 tal-Anness 1 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru, kif emendat mill-Protokoll, għandu jaqra kif ġej: “Minkejja t-Taqsima 1 ta’ dan l-Anness, għaż-żoni li mhumiex inkorporati fid-definizzjoni ta’ ‘territorju’ fl-Artikolu 1 ta’ dan il-Ftehim, il-ftehimiet fil-paragrafi (e) (Danimarka-Stati Uniti), (g) (Franza-Stati Uniti), (v) (Renju Unit-Stati Uniti), u (x) (Norveġja-Stati Uniti) ta’ dik it-taqsima għandhom ikomplu japplikaw, skont it-termini tagħhom.”. |
6. |
It-test tat-Taqsima 3 tal-Anness 1 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru, kif emendat mill-Protokoll, għandu jaqra kif ġej: “Minkejja l-Artikolu 3 ta’ dan il-Ftehim, il-linji tal-ajru tal-Istati Uniti mhux ser ikollhom id-dritt li jipprovdu servizzi ta’ merkanzija biss, li ma jkunux parti minn servizz li jaqdi lill-Istati Uniti, lejn jew minn punti fl-Istati Membri, ħlief lejn jew minn punti fir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika Slovakka, l-Islanda, u r-Renju tan-Norveġja.”. |
7. |
Is-sentenza li ġejja għandha tiżdied fl-aħħar tal-Artikolu 3 tal-Anness 2 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru, kif emendat mill-Protokoll: “Għall-Islanda u n-Norveġja, dan jinkludi, iżda mhuwiex limitat għal, l-Artikoli 53, 54, u 55 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u r-Regolamenti tal-Unjoni Ewropea li jimplimentaw l-Artikoli 101, 102 u 105 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea kif inkorporati fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll kwalunkwe emenda li ssir fihom.”. |
8. |
Il-paragrafu 4 tal-Artikolu 21 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru, kif emendat mill-Protokoll, għandu japplika għall-Islanda u n-Norveġja sakemm il-liġijiet u r-regolamenti rilevanti tal-Unjoni Ewropea jkunu inkorporati fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, f’konformità ma’ kwalunkwe adattament stipulat b’dan. Id-drittijiet previsti fis-subparagrafi 4(a) u 4(b) tal-Artikolu 21 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat mill-Protokoll għandhom biss ikunu disponibbli għall-Islanda u n-Norveġja jekk, fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet operattivi abbażi tal-istorbju, l-Islanda jew in-Norveġja, rispettivament, tkun soġġetta, skont il-liġijiet u r-regolamenti rilevanti tal-Unjoni Ewropea kif inkorporati fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, għal superviżjoni li tkun komparabbli ma’ dik prevista fil-paragrafu 4 tal-Artikolu 21 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru, kif emendat mill-Protokoll. |
FTEHIM ANĊILLARI
bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala l-ewwel parti, l-Islanda, bħala t-tieni parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala t-tielet parti, dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti
IR-RENJU TAL-BELĠJU,
IR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA,
IR-REPUBBLIKA ĊEKA,
IR-RENJU TAD-DANIMARKA,
IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,
IR-REPUBBLIKA TAL-ESTONJA,
L-IRLANDA,
IR-REPUBBLIKA ELLENIKA,
IR-RENJU TA’ SPANJA,
IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA,
IR-REPUBBLIKA TALJANA,
IR-REPUBBLIKA TA’ ĊIPRU,
IR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA,
IR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA,
IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU,
IR-REPUBBLIKA TAL-UNGERIJA,
MALTA,
IR-RENJU TAL-PAJJIŻI L-BAXXI,
IR-REPUBBLIKA TAL-AWSTRIJA,
IR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA,
IR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA,
IR-RUMANIJA,
IR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA,
IR-REPUBBLIKA SLOVAKKA,
IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA,
IR-RENJU TAL-ISVEZJA,
IR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ,
billi huma partijiet għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u billi huma Stati Membri tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem, “l-Istati Membri”),
u
L-UNJONI EWROPEA,
bħala l-ewwel parti;
L-ISLANDA,
bħala t-tieni parti;
u
IR-RENJU TAN-NORVEĠJA (minn hawn ’il quddiem, “in-Norveġja”),
bħala t-tielet parti;
FILWAQT LI JINNOTAW li l-Kummissjoni Ewropea nnegozjat, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri, Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru mal-Istati Uniti tal-Amerika f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati,
FILWAQT LI JINNOTAW li l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha (minn hawn ’il quddiem, “il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru”) ġie inizjalat fit-2 ta’ Marzu 2007, iffirmat fi Brussell fil-25 ta’ April 2007 u f’Washington, D.C. fit-30 ta’ April 2007 u ġie applikat proviżorjament mit-30 ta’ Marzu 2008,
FILWAQT LI JINNOTAW li l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru ġie emendat mill-Protokoll sabiex jemenda l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha (minn hawn ’il quddiem, “il-Protokoll”), inizjalat fil-25 ta’ Marzu 2010, u ffirmat fil-Lussemburgu fl-24 ta’ Ġunju 2010,
FILWAQT LI JINNOTAW li l-Islanda u n-Norveġja, billi huma membri kompletament integrati tas-Suq uniku Ewropew tal-Avjazzjoni permezz tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, aderixxew mal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat mill-Protokoll permezz ta’ Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti, (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim”), tal-istess data, li jinkorpora l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat mill-Protokoll.
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti arranġamenti proċedurali sabiex jiġi deċiż, jekk adatt, kif għandhom jittieħdu miżuri skont l-Artikolu 21, paragrafu 5 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat mill-Protokoll.
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li huwa meħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti arranġamenti proċedurali għall-parteċipazzjoni tal-Islanda u n-Norveġja fil-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 18 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat mill-Protokoll u fil-proċeduri tal-arbitraġġ stipulati fl-Artikolu 19 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat mill-Protokoll. Dawn l-arranġamenti proċedurali għandhom jiżguraw l-kooperazzjoni, il-fluss ta’ informazzjoni u l-konsultazzjoni meħtieġa qabel il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt, kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat mill-Protokoll, inklużi dawk dwar is-sikurezza, is-sigurtà, l-għoti u r-revoka tad-drittijiet tat-traffiku u l-appoġġ mill-gvern,
FTIEHMU KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Notifika
F’każ li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jiddeċiedu li jtemmu l-Ftehim skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim jew li ma jkomplux japplikawh b’mod proviżorju, jew li jirtiraw avviżi b’dak l-għan, il-Kummissjoni għandha tinnotifika immedjatament lill-Islanda u n-Norveġja dwar dan qabel ma tinforma lill-Istati Uniti tal-Amerika permezz ta’ kanali diplomatiċi. Bl-istess mod, l-Islanda u/jew in-Norveġja għandhom jinformaw immedjatament lill-Kummissjoni bi kwalunkwe deċiżjoni ta’ dan it-tip.
Artikolu 2
Sospensjoni tad-Drittijiet tat-Traffiku
Deċiżjoni sabiex linji tal-ajru tal-Parti l-oħra ma jitħallewx joperaw frekwenzi addizzjonali jew jidħlu fi swieq ġodda taħt il-Ftehim u jiġu nnotifikati l-Istati Uniti tal-Amerika dwar dan, jew biex, bi qbil, titneħħa kwalunkwe deċiżjoni simili, meħuda skont l-Artikolu 21, paragrafu 5 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat mill-Protokoll, għandha tiġi adottata mill-Kunsill, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri, billi jaġixxi b’mod unanimu skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat, u mill-Islanda u n-Norveġja. Il-President tal-Kunsill, li jaġixxi f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri, l-Islanda u n-Norveġja għandu mbagħad jinforma lill-Istati Uniti tal-Amerika bi kwalunkwe deċiżjoni bħal din.
Artikolu 3
Kumitat Konġunt
1. L-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri, l-Islanda u n-Norveġja għandhom ikunu rappreżentati fil-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 18 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat mill-Protokoll minn rappreżentanti tal-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-Islanda u n-Norveġja.
2. Il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri, l-Islanda u n-Norveġja fi ħdan il-Kumitat Konġunt għandha tkun ippreżentata mill-Kummissjoni, għajr f’oqsma fi ħdan l-UE li jaqgħu esklussivament taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, f’liema każ hija għandha tiġi ppreżentata mill-Presidenza tal-Kunsill jew mill-Kummissjoni, l-Islanda u n-Norveġja kif ikun adatt.
3. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Islanda u n-Norveġja fi ħdan il-Kumitat Konġunt fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikoli 14 jew 20 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat mill-Protokoll, jew kwistjonijiet li ma jeħtiġux l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li jkollha effetti legali għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni bi qbil mal-Islanda u n-Norveġja.
4. Għal deċiżjonijiet oħra tal-Kumitat Konġunt dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt regolamenti u direttivi li huma inkorporati fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Islanda u n-Norveġja għandha tiġi adottata mill-Islanda u n-Norveġja fuq proposta mill-Kummissjoni.
5. Għal deċiżjonijiet oħra tal-Kumitat Konġunt dwar kwistjonijiet li ma jaqgħux taħt regolamenti u direttivi li huma inkorporati fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Islanda u n-Norveġja, għandha tiġi adottata mill-Islanda u n-Norveġja bi qbil mal-Kummissjoni.
6. Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri adegwati sabiex tiżgura l-parteċipazzjoni sħiħa tal-Islanda u n-Norveġja fi kwalunkwe laqgħat ta’ koordinazzjoni, konsultazzjoni jew teħid ta’ deċiżjonijiet mal-Istati Membri u aċċess għal informazzjoni rilevanti bi tħejjija għal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt li jkunu ser isiru.
Artikolu 4
Arbitraġġ
1. Il-Kummissjoni għandha tirrappreżenta lill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri, l-Islanda u n-Norveġja fi proċedimenti ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 19 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat mill-Protokoll.
2. Il-Kummissjoni għandha, kif ikun adatt, tieħu miżuri sabiex tiżgura l-involviment tal-Islanda u n-Norveġja fit-tħejjija u l-koordinazzjoni tal-proċedimenti ta’ arbitraġġ.
3. Jekk il-Kunsill jiddeċiedi li jissospendi benefiċċji skont l-Artikolu 19, paragrafu 7 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat mill-Protokoll, dik id-deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Islanda u n-Norveġja. Bl-istess mod, l-Islanda u/jew in-Norveġja għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe deċiżjoni simili li jkunu ħadu.
4. Kwalunkwe azzjoni adatta oħra li għandha tittieħed skont l-Artikolu 19 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat mill-Protokoll dwar kwistjonijiet li fi ħdan l-UE jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni, għandha tiġi deċiża mill-Kummissjoni, bil-għajnuna ta’ Kumitat Speċjali ta’ rappreżentanti tal-Istati Membri maħtura mill-Kunsill, tal-Islanda u tan-Norveġja.
Artikolu 5
Skambju ta’ Informazzjoni
1. L-Islanda u n-Norveġja għandhom jinformaw immedjatament lill-Kummissjoni bi kwalunkwe deċiżjoni li tirrifjuta, tirrevoka, tissospendi jew tillimita l-awtorizzazzjonijiet ta’ linja tal-ajru tal-Istati Uniti tal-Amerika li jkunu adottaw skont l-Artikolu 4 u 5 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat mill-Protokoll. Bl-istess mod, il-Kummissjoni għandha tinforma immedjatament lill-Islanda u n-Norveġja bi kwalunkwe deċiżjoni ta’ dan it-tip li jkunu ħadu l-Istati Membri.
2. L-Islanda u n-Norveġja għandhom jinformaw immedjatament lill-Kummissjoni bi kwalunkwe talba jew notifika li jkunu għamlu jew irċevew skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat mill-Protokoll. Bl-istess mod, il-Kummissjoni għandha tinforma immedjatament lill-Islanda u n-Norveġja bi kwalunkwe talba jew notifika li jkunu għamlu jew irċevew l-Istati Membri.
3. L-Islanda u n-Norveġja għandhom jinformaw immedjatament lill-Kummissjoni bi kwalunkwe talba jew notifika li jkunu għamlu jew irċevew skont l-Artikolu 9 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat mill-Protokoll. Bl-istess mod, il-Kummissjoni għandha tinforma immedjatament lill-Islanda u n-Norveġja bi kwalunkwe talba jew notifika li jkunu għamlu jew irċevew l-Istati Membri.
Artikolu 6
Sussidji u appoġġ mill-gvern
1. Jekk l-Islanda jew in-Norveġja jkunu tal-fehma li sussidju jew appoġġ li jkun qed jiġi kkunsidrat jew mogħti minn entità governattiva fit-territorju tal-Istati Uniti tal-Amerika jkun ser ikollu effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 14, paragrafu 2 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-ajru kif emendat mill-Protokoll, huma għandhom jiġbdu l-attenzjoni tal-Kummissjoni għal din il-kwistjoni. Jekk Stat Membru jkun ġibed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għal kwistjoni simili, il-Kummissjoni għandha, bl-istess mod, tiġbed l-attenzjoni tal-Islanda u n-Norveġja dwar din il-kwistjoni.
2. Il-Kummissjoni, l-Islanda u n-Norveġja jistgħu javviċinaw lil dik l-entità jew jitolbu laqgħa tal-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 18 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat mill-Protokoll.
3. Il-Kummissjoni, l-Islanda u n-Norveġja għandhom jinformaw immedjatament lil xulxin meta jiġu kkuntattjati mill-Istati Uniti tal-Amerika skont l-Artikolu 14 paragrafu 3 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat mill-Protokoll.
Artikolu 7
Terminazzjoni jew waqfien tal-applikazzjoni proviżorja
1. Parti tista’, fi kwalunkwe ħin, tagħti avviż bil-miktub lill-Partijiet l-oħra, permezz ta’ kanali diplomatiċi, bid-deċiżjoni tagħha li ttemm dan il-Ftehim Anċillari jew l-applikazzjoni proviżorja tiegħu. Dan il-Ftehim Anċillari għandu jintemm jew ma għandux jibqa’ japplika b’mod proviżorju f’nofsillejl GMT sitt xhur wara d-data tan-notifika bil-miktub tat-tmiem jew tal-waqfien tal-applikazzjoni proviżorja, sakemm l-avviż ma jiġix irtirat qabel it-tmiem ta’ dan il-perjodu bi qbil bejn il-Partijiet.
2. Minkejja kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ dan l-Artikolu, jekk il-Ftehim jiġi tterminat jew ma jibqax jiġi applikat b’mod proviżorju, dan il-Ftehim Anċillari għandu jintemm jew ma jibqax jiġi applikat b’mod proviżorju fl-istess ħin.
Artikolu 8
Applikazzjoni proviżorja
Sakemm jidħol fis-seħħ skont l-Artikolu 9, il-Partijiet ftiehmu li japplikaw b’mod proviżorju dan il-Ftehim Anċillari, safejn huwa permess skont il-liġi domestika applikabbli, mid-data li tkun l-aktar tard mid-data li fiha jiġi ffirmat dan il-Ftehim Anċillari jew id-data speċifikata fl-Artikolu 5 tal-Ftehim.
Artikolu 9
Dħul fis-seħħ
Dan il-Ftehim Anċillari għandu jidħol fis-seħħ jew (a) xahar wara d-data tal-aħħar nota fi skambju ta’ noti diplomatiċi bejn il-Partijiet li jikkonfermaw li jkunu tlestew il-proċeduri kollha meħtieġa għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim Anċillari, jew (b) id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, skont liema minnhom tiġi l-aħħar.
B’XHIEDA TA’ DAN, il-firmatarji ta’ hawn taħt, debitament awtorizzati għal dan il-għan, iffirmaw dan il-Ftehim Anċillari.
Magħmul fil-Lussemburgu u f’Oslo, fi tliet kopji, fis-16 u l-21 ta’ Ġunju 2011 rispettivament., bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Islandiża, Latvjana, Litwana, Maltija, Norveġiża, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Svediża, Taljana u Ungeriża, it-testi kollha jkunu awtentiċi.
За Европейския съюз
Por la Unión Europea
Za Evropskou unii
For Den Europæiske Union
Für die Europäische Union
Euroopa Liidu nimel
Για την Ευρωπαϊκή Ένωση
For the European Union
Pour l'Union européenne
Per l'Unione europea
Eiropas Savienības vārdā –
Europos Sąjungos vardu
Az Európai Unió részéről
Għall-Unjoni Ewropea
Voor de Europese Unie
W imieniu Unii Europejskiej
Pela União Europeia
Pentru Uniunea Europeană
Za Európsku úniu
Za Evropsko unijo
Euroopan unionin puolesta
För Europeiska unionen
Fyrir Ísland
For Kongeriket Norge
Voor het Koninkrijk België
Pour le Royaume de Belgique
Für das Königreich Belgien
Deze handtekening verbindt eveneens het Vlaamse Gewest, het Waalse Gewest en het Brussels Hoofdstedelijk Gewest.
Cette signature engage également la Région wallonne, la Région flamande et la Région de Bruxelles-Capitale.
Diese Unterschrift bindet zugleich die Wallonische Region, die Flämische Region und die Region Brüssel-Hauptstadt.
За Репyблика Бългaрия
Za Českou republiku
For Kongeriget Danmark
Für die Bundesrepublik Deutschland
Eesti Vabariigi nimel
Thar cheann Na hÉireann
For Ireland
Για την Ελληνική Δημοκρατία
Por el Reino de España
Pour la République française
Per la Repubblica italiana
Για την Κυπριακή Δημοκρατία
Latvijas Republikas vārdā –
Lietuvos Respublikos vardu
Pour le Grand-Duché de Luxembourg
A Magyar Köztársaság részéről
Għal Malta
Voor het Koninkrijk der Nederlanden
Für die Republik Österreich
W imieniu Rzeczypospolitej Polskiej
Pela República Portuguesa
Pentru România
Za Republiko Slovenijo
Za Slovenskú republiku
Suomen tasavallan puolesta
För Republiken Finland
För Konungariket Sverige
For the United Kingdom of Great Britain and Northern Ireland