27.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 250/167


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2011

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga għas-sena finanzjarja 2009

(2011/582/UE)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga għas-sena finanzjarja 2009,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali definittivi taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga għas-sena finanzjarja 2009, flimkien mat-tweġibiet taċ-Ċentru (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2011 (05892/2011 — C7-0052/2011),

wara li kkunsidra l-Artikolu 276 tat-Trattat KE u l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1920/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4), u b'mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0120/2011),

1.

Jagħti l-kwittanza lid-Direttur taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Drogi u d-Dipendenza fuq id-Drogi għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru għas-sena finanzjarja 2009;

2.

Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lid-direttur taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

Il-President

Jerzy BUZEK

Is-Segretarju Ġenerali

Klaus WELLE


(1)  ĠU C 338, 14.12.2010, p. 162.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 1.

(4)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2011

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga għas-sena finanzjarja 2009

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga għas-sena finanzjarja 2009,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali definittivi taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga għas-sena finanzjarja 2009, flimkien mat-tweġibiet taċ-Ċentru (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2011 (05892/2011 — C7-0052/2011),

wara li kkunsidra l-Artikolu 276 tat-Trattat KE u l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1920/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4), u b'mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0120/2011),

A.

billi l-Qorti tal-Awdituri ddikjarat li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali għas-sena finanzjarja 2009 huma affidabbli u li t-transazzjonijiet sottostanti huma legali u regolari,

B.

billi fil-5 ta’ Mejju 2010 il-Parlament ta l-kwittanza lid-Direttur taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru għas-sena finanzjarja 2008 (5), u fir-riżoluzzjoni tiegħu li takkumpanja d-deċiżjoni ta’ kwittanza, inter alia:

saħaq fuq kemm hu importanti li ċ-Ċentru jistabbilixxi l-objettivi SMART u l-indikaturi RACER fl-ipprogrammar tiegħu, bil-ħsieb li jivvaluta jevalwa l-prestazzjoni tiegħu,

innota li l-kontijiet taċ-Ċentru għas-sena finanzjarja 2008 juru dħul mill-interessi ta’ EUR 107 591,31,

feraħ liċ-Ċentru għall-kooperazzjoni tiegħu mill-qrib mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, li wkoll għandha s-sede tagħha f'Lisbona, bil-għan li jaqsmu l-binjiet bejniethom u jagħmlu użu konġunt tal-infrastrutturi u s-servizzi, u nnota li ċ-ċaqliq għal ġol-bini tiegħu proprju kien skedat għat-tielet kwart tal-2009,

C.

billi l-baġit taċ-Ċentru għas-sena 2009 kien ta’ EUR 14 720 000, li huwa tnaqqis ta’ 2,25 % fuq is-sena finanzjarja 2008,

1.

Jinnota bi pjaċir li l-Qorti tal-Awdituri rnexxielha tikseb assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali taċ-Ċentru għas-sena finanzjarja 2009 huma affidabbli fl-aspetti konkreti kollha u li t-transazzjonijiet sottostanti, meta meqjusa globalment, huma legali u regolari;

Prestazzjoni

2.

Jilqa’ l-inizjattiva taċ-Ċentru li jmexxi netwerk kompjuterizzat għall-ġbir u l-iskambju tal-informazzjoni msejjaħ “Netwerk Ewropew ta’ Informazzjoni dwar id-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga”; jinnota li dan in-netwerk jgħaqqad in-netwerks nazzjonali ta’ informazzjoni dwar id-droga, ċentri speċjalisti fl-Istati Membri u s-sistemi ta’ informazzjoni ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali li jaħdmu maċ-Ċentru;

3.

Jinnota li ċ-Ċentru ħatar membru tal-persunal extra fuq bażi full-time biex itejjeb is-sistema ta’ ppjanar u monitoraġġ tiegħu u biex jiżviluppa indikaturi adattati;

4.

Jistieden liċ-Ċentru jqis jagħmilx diagramma ta’ Gantt parti mill-ipprogrammar għal kull waħda mill-attivitajiet operattivi tiegħu, bil-ħsieb li jiġi indikat f'sura konċiża l-ammont ta’ żmien li jkun ħa kull membru tal-persunal fuq proġett u jiġi mħeġġeġ approċċ favur il-kisba ta'riżultati;

5.

Jifraħ liċ-Ċentru talli spjega, f'tabella mehmuża mar-rapport tal-2009 tal-Qorti tal-Awdituri, paragun tal-operazzjonijiet li twettqu matul l-2009 u l-2008 bil-għan li l-awtorità ta’ kwittanza tkun tista' tivvaluta l-prestazzjoni tiegħu b'mod aktar effikaċi minn sena għall-oħra; jinnota li ċ-Ċentru żied il-għadd ta’ dokumenti tematiċi tiegħu u l-għadd ta’ dokumenti tiegħu ta’ informazzjoni dwar il-politika;

6.

Jinnota li l-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit għaċ-Ċentru għandha tiġi bbażata wkoll fuq il-prestazzjoni tiegħu matul is-sena;

Approprjazzjonijiet ittrasferiti

7.

Jistieden liċ-Ċentru jistabbilixxi istruzzjonijiet u proċeduri xierqa għall-analiżi ta’ trasferimenti potenzjali sabiex il-volum ta’ approprjazzjonijiet ittrasferiti jitnaqqas għall-ammont minimu neċessarju biex ikopru l-ammonti li għadhom dovutiskont l-impenji tas-sena; jikkunsidra li huwa importanti ukoll li ċ-Ċentru jtejjeb l-ipprogrammar u l-monitoraġġ tal-attivitajiet bil-għan li jitnaqqsu t-trasferimenti; jinnota, fil-fatt, li l-Qorti tal-Awdituri rrapportat EUR 339 000 fi trasferimenti fl-approprjazzjonijiet taċ-Ċentru għall-2009 għat-Titolu II - Nefqa amministrattiva (26 %), li EUR 250 000 minnhom kienu jikkorrispondu għal impenji bla ebda ħlasijiet, l-iktar għal attivitajiet relatati mal-2010;

L-immaniġġjar tal-flus kontanti

8.

Jilqa’ l-fatt li ċ-Ċentru kompla jtejjeb aktar il-previżjoni annwali tal-ħtiġijiet tiegħu ta’ flus kontanti; jinnota li din il-previżjoni kostantement qed tiġi aġġornata u ppreżentata bħala evidenza dokumentarja lis-servizzi relevanti tal-Kummissjoni biex tiġġustifika t-talba ta’ kull tliet xhur taċ-Ċentru għall-ħlas parzjali li jkun imiss tas-sussidju annwali tiegħu allokat mill-Unjoni;

9.

Jitlob għal kjarifika tar-regoli applikabbli fir-rigward ta’ dħul assenjat intern fid-dawl tal-mistoqsijiet li tqajmu wara r-rifużjoni ta’ parti mill-bilanċ pożittiv akkumulat taċ-Ċentru ta’ Traduzzjoni liċ-Ċentru; jinnota t-tweġiba taċ-Ċentru li tindika li għadd ta’ aġenziji qed iħabbtu wiċċhom mal-istess problema; jissuġġerixxi li fil-ġejjieni għandu jiġi adottat approċċ komuni ħalli permezz tiegħu jiġu ttrattati problemi orizzontali ta’ dan it-tip;

Riżorsi umani

10.

Jistieden liċ-Ċentru biex ikompli jiżgura implimentazzjoni konsistenti tal-proċedura approvata tal-evalwazzjoni tal-persunal permezz ta’ informazzjoni u gwida adegwati lill-uffiċjali responsabbli għar-rappurtar u lill-impjegati;

Verifika interna

11.

Jilqa’ l-inizjattiva taċ-Ċentru li jipprovdi lill-awtorità ta’ kwittanza r-Rapport Annwali tal-Awditjar Intern dwar iċ-Ċentru mħejji mis-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS); iqis li din hija indikazzjoni ta’ transparenza u eżempju tal-aħjar prattika li għandha tiġi segwita mill-Aġenziji l-oħra kollha;

12.

Jirrikonoxxi l-fatt li fl-2009 l-IAS wettaq verifika fuq il-ġestjoni tal-għotjiet biex jipprovdi lid-Direttur taċ-Ċentru assigurazzjoni raġonevoli fir-rigward tal-adegwatezza u l-effikaċja tas-sistema ta’ kontroll interna applikabbli għall-ġestjoni tal-għotjiet fiċ-Ċentru; jinnota f'dan ir-rigward li l-IAS sab nuqqasijiet fil-konformità taċ-Ċentru mal-linji gwida attwali tal-Kummissjoni għall-ftehimiet tal-għotjiet, fl-implimentazzjoni tal-ftehim tal-għotjiet taċ-Ċentru u fir-rappurtar tiegħu dwarl-għotiet; jilqa’, madankollu, ir-riżultati pożittivi taċ-Ċentru u l-isforzi tiegħu li għadhom għaddejjin biex jistabbilixxi u jżomm ġestjoni ta’ kwalità tal-proċeduri tal-għotjiet, bil-għan li tiġi żgurata kwalità għolja kemm tal-azzjonijiet li ngħataw fondi kif ukoll tal-eżekuzzjoni amministrattiva u finanzjarja tal-għotjiet;

13.

Jistieden liċ-Ċentru biex jinforma lill-awtorità ta’ kwittanza bil-progress li sar fir-rigward tal-ġestjoni tar-riskju u, b'mod partikolari, fir-rigward tal-analiżi annwali tar-riskju tiegħu;

14.

Jirrikonoxxi l-fatt li 9 mid-19-il rakkomandazzjoni tal-IAS miftuħa fil-31 ta’ Diċembru 2009 huma meqjusa “importanti ħafna” u jikkonċernaw prinċipalment: l-adattament tal-ftehim ta’ għotjiet taċ-Ċentru, il-kontroll tal-kwalità tal-post il-ġdid, il-prekawzjonijiet kontra d-dannu mill-għargħar, il-Pjan ta’ Kontinwità tan-Negozju u l-investiment fit-tagħmir; iħeġġeġ, għaldaqstant, liċ-Ċentru jimplimenta bla dewmien dawn id-9 rakkomandazzjonijiet “importanti ħafna” u jinforma lill-awtorità ta’ kwittanza bil-progress li sar;

15.

Jirreferi, fir-rigward tal-osservazzjonijiet oħra li jakkumpanjaw id-Deċiżjoni dwar il-kwittanza, li huma ta’ natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2011 (6) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.


(1)  ĠU C 338, 14.12.2010, p. 162.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 1.

(4)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(5)  ĠU L 252, 25.9.2010, p. 160.

(6)  Testi adottati, P7_TA(2011)0163 (Ara paġna 269 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).