25.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 252/223


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-5 ta' Mejju 2010

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2008

(2010/552/UE)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u tal-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2008,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2008, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2010 (5829/2010 – C7-0060/2010),

wara li kkunsidra l-Artikolu 276 tat-Trattat KE, u l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill 2007/198/Euratom tas-27 ta' Marzu 2007 dwar it-twaqqif tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni (3), b'mod partikolari l-Artikolu 5 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (4), u b'mod partikulari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A7-0094/2010),

1.

Jagħti l-kwittanza lid-Direttur tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2008;

2.

Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deciżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lid-Direttur tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

Il-President

Jerzy BUZEK

Is-Segretarju Ġenerali

Klaus WELLE


(1)  ĠU C 310, 18.12.2009, p. 1.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 90, 30.3.2007, p. 58.

(4)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-5 ta' Mejju 2010

li tinkludi l-osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2008

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2008,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2008, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2010 (5829/2010 – C7-0060/2010),

wara li kkunsidra l-Artikolu 276 tat-Trattat KE, u l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom tas-27 ta' Marzu 2007 dwar it-twaqqif tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni (3), b'mod partikolari l-Artikolu 5 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament Finanzjarju tal-Impriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp għall-Enerġija mill-Fużjoni, adottat mid-deċiżjoni tal-kunsill amministrattiv tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2007 (minn hawn 'il quddiem “ir-Regolament Finanzjarju ITER”),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (4), u b'mod partikulari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A7-0094/2010),

A.

billi l-Qorti tal-Awdituri indikat li kisbet assigurazzjoni raġonevoli li l-kontijiet annwali għas-sena finanzjarja 2008 huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati huma legali u regolari,

B.

billi l-Impriża Konġunta tinsab fil-fażi tagħha ta' tnedija u għadha m'applikatx bis-sħiħ il-kontrolli interni tagħha u s-sistema tagħha ta' rappurtar finanzjarju matul is-sena finanzjarja 2008,

C.

billi skont l-Artikolu 75 tar-Regolament Finanzjarju ITER, din għandu jkollha servizz ta' verifika interna li għandu josserva l-istandards internazzjonali f'dan il-qasam,

D.

billi r-Regolament Finanzjarju ITER huwa bbażat fuq ir-Regolament Finanzjarju qafas, li ġie modifikat dan l-aħħar biex jiġi konformi mal-bidliet li saru għar-Regolament Finanzjarju ġenerali,

E.

billi fit-28 ta' Frar 2008, id-Direttur tal-Impriża Konġunta ressaq talba għal opinjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-Regolament Finanzjarju ITER,

F.

billi l-Qorti tal-Awdituri esprimiet l-opinjoni tagħha Nru 4/2008 dwar dan ir-Regolament f'Ottubru 2008,

It-trasferiment ta' approprjazzjonijiet għas-sena ta' wara

1.

Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri identifikat fil-kont eċċess ta' 57 600 000 EUR, li jirrappreżentaw 38 % tal-149 700 000 EUR tal-ispejjeż dovuti; jenfasizza, b'mod partikolari, li parti minn dan l-eċċess (jiġifieri 32 200 000 EUR) ġiet trasferita għall-2009; jinnota, madankollu, it-tweġiba tal-Impriża Konġunta li, ġustament, tispjega li n-nuqqas ta' użu ta' dawn il-fondi kien inerenti għall-ewwel sena ta' awtonomija finanzjarja tal-Impriża Konġunta meta mqabbla mal-Kummissjoni, kif ukoll għad-dewmien fl-implimentazzjoni tal-organizzazzjoni internazzjonali ITER u tat-totalità tal-programm “fużjoni” ta' Euratom;

Irregolaritajiet fl-impenji

2.

Jiżvela li f'sitt każijiet eżaminati mill-Qorti tal-Awdituri, l-Impriża Konġunta wettqet l-impenji baġitarji wara l-impenji ġuridiċi korrispondenti; jitlob, bħala konsegwenza, lill-Impriża Konġunta biex tirrispetta r-Regolament Finanzjarju anki f'dan is-settur;

Ir-Regolament Finanzjarju ITER

3.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Qorti tal-Awdituri sabet li r-Regolament Finanzjarju ITER hu essenzjalment ibbażat fuq il-prinċipji tar-Regolament Finanzjarju qafas u tar-Regolament Finanzjarju ġenerali; jinnota, madankollu, li għadd ta' punti speċifiċi jeħtieġu xi modifiki, partikolarment fir-rigward tal-eċċezzjonijiet għall-prinċipji baġitarji, ir-rwol tas-servizz ta' verifika interna tal-Kummissjoni, il-ħlas tard tad-drittijiet ta' sħubija, il-kundizzjonijiet tal-għoti ta' sussidji u d-dispożizzjonijiet tranżizzjonali previsti fl-Artikolu 133 tar-Regolament Finanzjarju ITER;

Ir-rapport annwali dwar l-attività

4.

Jirrakkomanda b'mod espliċitu lill-Impriża Konġunta biex tosserva l-iskadenzi miftiehma mal-Qorti tal-Awdituri għall-preżentazzjoni tar-rapport annwali dwar l-attività tagħha;

Sistemi ta' kontroll intern

5.

Jirrakkomanda espressament lill-Impriża Konġunta biex tibda xogħlijiet supplimentari fir-rigward tad-dokumentazzjoni tal-proċessi u l-attivitajiet informatiċi, kif ukoll l-eżami tar-riskji marbuta mal-informatika;

6.

Jinnota li l-awditur intern tal-Impriża Konġunta beda l-kariga tiegħu fl-1 ta' Lulju 2009; jilqa' b'sodisfazzjon madankollu li l-ITER issa ħejjiet pjan ta' azzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-istandards ta' kontroll intern u li stabbilixxiet grupp ta' ħidma biex jikkoordina u jikkontrolla l-implimentazzjoni tiegħu; jenfasizza, barra minn hekk, li l-ITER ħatret persuna responsabbli għall-protezzjoni tad-data u li ġew adottati miżuri biex ikompli l-iżvilupp ta' programm ta' kontinwità tal-attivitajiet u tal-irkupru tad-data;

7.

Jinnota li l-Impriża Konġunta ddikjarat li qed isir eżami tal-proċessi operattivi sottostanti kollha;

8.

Jinnota li fl-2008 l-Impriża Konġunta rrappurtat dħul mill-interessi ta' EUR 216 304,89; jikkonkludi mir-rendikonti finanzjarji u mil-livell tal-pagamenti tal-imgħax li l-Impriża Konġunta għandha livell tar-riżervi ta' flus kontanti permanentement għoli; jinnota li sal-31 ta' Diċembru 2008 l-ammont tar-riżervi ta' flus kontanti tal-Impriża Konġunta kien ta' EUR 58 980 569,87; jitlob lill-Kummissjoni biex teżamina xi skop hemm li tiġi introdotta l-ġestjoni ta' kontanti abbażi tal-ħtiġijiet, u x'tibdil irid isir fl-istrateġija sabiex ir-riżervi ta' flus kontanti tal-Impriża Konġunta jinżammu permanentement baxxi kemm jista' jkun.


(1)  ĠU C 310, 18.12.2009, p. 1.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 90, 30.3.2007, p. 58.

(4)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.