25.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 252/202


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-5 ta’ Mejju 2010

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2008

(2010/544/UE)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2008,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2008, flimkien mat-tweġibiet tal-Eurojust (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2010 (5827/2010 – C7-0061/2010),

wara li kkunsidra l-Artikolu 276 tat-Trattat KE u l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI ta-28 ta’ Frar 2002 li waqqfet il-Eurojust bil-għan li tiġi infurzata l-ġlieda kontra l-kriminalità serja (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 36 tagħha,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0093/2010),

1.

Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Amministrattiv tal-Eurojust għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2008;

2.

Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni ta’ hawn taħt;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-Deciżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lid-Direttur Amministrattiv tal-Eurojust, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

Il-President

Jerzy BUZEK

Is-Segretarju Ġenerali

Klaus WELLE


(1)  ĠU C 304, 15.12.2009, p. 131.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 63, 6.3.2002, p. 1.

(4)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-5 ta’ Mejju 2010

li tinkludi l-osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2008

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2008,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2008, flimkien mat-tweġibiet tal-Eurojust (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2010 (5827/2010 – C7-0061/2010),

wara li kkunsidra l-Artikolu 276 tat-Trattat KE u l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI ta-28 ta’ Frar 2002 li waqqfet il-Eurojust bil-għan li tiġi infurzata l-ġlieda kontra l-kriminalità serja (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 36 tagħha,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0093/2010),

A.

billi l-Qorti Ewropea tal-Awdituri stqarret li kisbet assigurazzjoni raġonevoli li l-kontijiet annwali għas-sena finanzjarja 2008 huma affidabbli, u li l-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom huma legali u regolari,

B.

billi fit-23 ta’ April 2009, il-Parlament ta l-kwittanza lid-Direttur Amministrattiv tal-Eurojust rigward l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2007 (5), u billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu flimkien mad-deċiżjoni ta’ kwittanza, inter alia:

innota l-fatt li l-Qorti tal-Awdituri sabet li, mit-EUR 18 000 000 li ġew approprjati fl-2007, EUR 5 200 000 ġew trasferiti għas-sena ta’ wara;

iddispjaċieh, madankollu, li l-Qorti tal-Awdituri reġgħet sabet defiċjenzi fil-proċeduri tal-akkwist, bħal fis-sentejn ta’ qabel;

esprima tħassib li l-Qorti tal-Awdituri kienet indikat li l-Eurojust ma rnexxilhiex tirrekluta s-60 membru tal-persunal li kienu meħtieġa biex jimtlew il-karigi previsti fl-organigramma tal-2007 u li sa tmiem l-2007 kienu mtlew 95 kariga biss;

1.

Jinnota bi pjaċir li l-Qorti tal-Awdituri rnexxielha tikseb assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Eurojust għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2008 kienu affidabbli fl-aspetti konkreti kollha u li t-tranżazzjonijiet sottostanti, meta meqjusa globalment, kienu legali u regolari;

Rendiment

2.

Jenfasizza li n-nuqqas ta’ indikaturi, l-iżbilanċi fil-kejl ta’ sodisfazzjon min-naħa tal-utenti u n-nuqqas ta’ koordinament bejn il-baġit u l-programm ta’ ħidma jagħmluha diffiċli li jiġi evalwat ir-rendiment tal-Eurojust;

3.

Jilqa’ l-konklużjoni tal-24 ta’ Settembru 2008 tal-Ftehim Prattiku dwar l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni bejn l-Eurojust u l-OLAF (6);

4.

Jinnota li fis-snin li ġejjin il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Eurojust għandha tiġi bbażata aktar fuq ir-rendiment tal-Eurojust matul is-sena;

Trasferiment ta’ approprjazzjonijiet

5.

Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri sabet li fl-2008 l-Eurojust kienet għadha problema fir-rigward tat-trasferiment tal-approprjazzjonijiet, anki jekk jidher li l-ammont kien inqas minn tas-sena ta’ qabel (13 % tal-approprjazzjonijiet tal-baġit finali, minflok 25 % tal-approprjazzjonijiet trasferiti fl-2007); jinnota bi tħassib, madankollu, li l-livell ta’ approprjazzjonijiet trasferiti mis-sena ta’ qabel u li mbagħad ġew ikkanċellati (EUR 1 000 000, jew 25 % tal-approprjazzjonijiet trasferiti) kien għoli u li din is-sitwazzjoni tmur kontra l-prinċipju tal-annwalità; għalhekk jistieden lill-Eurojust biex tieħu azzjoni biex tevita din is-sitwazzjoni milli terġa’ sseħħ fil-futur u mbagħad tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza;

6.

Jinnota li fis-sena 2008 l-Eurojust irrappurtat dħul mill-imgħax ta’ EUR 191 390,56; jikkonkludi li mir-rendikonti finanzjarji u mil-livell tal-pagamenti tal-imgħax, l-Eurojust għandha livell ta’ riżervi ta’ flus kontanti permanentement għoli; jinnota li sal-31 ta’ Diċembru 2008 l-ammont tar-riżervi ta’ flus kontanti tal-Eurojust kien ta’ EUR 4 612 878,47; jitlob lill-Kummissjoni biex teżamina x’possibilitajiet hemm li jgħinu biex jiġi żgurat li r-riżervi ta’ flus kontanti jkunu ġestiti b’mod sħiħ fuq bażi orjentata lejn il-ħtiġijiet, skont l-Artikolu 15(5) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002, u x’tibdil irid isir fl-istrateġija sabiex ir-riżervi ta’ flus kontanti tal-Eurojust jinżammu permanentement baxxi kemm jista’ jkun;

Nuqqasijiet fil-proċeduri tal-akkwist

7.

Jiddispjaċih li l-Qorti tal-Awdituri sabet defiċjenzi fil-proċeduri tal-akkwist, bħal fit-tliet snin ta’ qabel; jesprimi tħassib, b’mod partikolari, dwar il-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri li fl-2008, l-ewwel, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet ta’ proċedura tal-akkwist ma saritx stima minn qabel tal-valur tas-suq qabel bdiet il-proċedura u, it-tieni, kien hemm nuqqasijiet rikorrenti u serji fil-livell tal-monitoraġġ tal-kuntratti u l-programmazzjoni tal-akkwisti; jirrimarka li din is-sitwazzjoni tikxef nuqqasijiet serji fil-kapaċità ta’ kollaborazzjoni bejn id-dipartimenti differenti involuti fil-Eurojust u tindika nuqqas ta’ gwida u kontroll min-naħa tal-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni;

8.

Jinnota t-tweġiba tal-Eurojust, li impenjat ruħha li tfassal pjan ta’ azzjoni biex tindirizza n-nuqqasijiet identifikati mill-Qorti tal-Awdituri; jistieden, għalhekk, lill-Eurojust biex tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza bir-riżultati ta’ dawn il-pjanijiet ta’ azzjoni;

Riżorsi umani

9.

Jesprimi tħassib għall-fatt li l-Qorti tal-Awdituri reġgħet innutat li kien hemm nuqqasijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-proċeduri ta’ reklutaġġ; jinnota, b’mod partikolari, li l-livell ta’ postijiet vakanti (26 %) għadha għolja wisq, għalkemm inqas sinifikanti milli kienet fl-2007 (33 %);

10.

Jaqbel mal-Qorti tal-Awdituri li l-Eurojust ma osservatx il-prinċipju ta’ speċifikazzjoni, billi ammont ta’ EUR 1 800 000 ġie ttrasferit mill-approprjazzjonijiet għas-salarji tal-persunal temporanju u kuntrattwali, l-aktar biex jiżdiedu (bi 238 %) l-approprjazzjonijiet għall-persunal temporanju;

11.

Jinnota t-tweġiba tal-Eurojust rigward il-kritika tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-proċeduri tal-għażla tal-persunal; jitlob b’mod partikolari li l-Eurojust għandha tinforma l-awtorità ta’ kwittanza bil-proċedura ta’ reklutaġġ il-ġdida tagħha, imnedija fl-2009, li minn issa ‘l quddiem għandha tiżgura aktar trasparenza u l-ebda diskriminazzjoni fit-trattament tal-applikanti esterni u interni;

Verifika interna

12.

Jinsab imħasseb li l-ebda rakkomandazzjoni mis-26 magħmula mis-Servizz ta’ Verifika Interna (IAS) ma ġiet implimentata bis-sħiħ; josserva li erbgħa minnhom huma meqjusa bħala “kritiċi” u 12 bħala “importanti ħafna”; iħeġġeġ lill-Eurojust, għalhekk, biex timplimenta bla dewmien dawn ir-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riżorsi umani: it-tħejjija ta’ pjan għal żmien qasir biex jimtlew il-postijiet battala attwali; id-definizzjoni mill-ġdid tal-istruttura tal-Unità tar-Riżorsi Umani; it-tnaqqis tan-numru tal-persunal temporanju; it-tisħiħ tal-proċedura ta’ reklutaġġ; l-adozzjoni tar-regoli implimentattivi għall-iżvilupp tal-karriera; il-garanzija tal-indipendenza tal-membri tal-Bord tal-Għażla; u l-garanzija li l-proċeduri tal-akkwist pubbliku jiġu implimentati tajjeb;

13.

Jirreferi għal osservazzjonijiet oħra ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-Deċiżjoni ta’ kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Mejju 2010 (7) dwar ir-rendiment, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.


(1)  ĠU C 304, 15.12.2009, p. 131.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 63, 6.3.2002, p. 1.

(4)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(5)  ĠU L 255, 26.9.2009, p. 112.

(6)  ĠU C 314, 9.12.2008, p. 4.

(7)  Testi adottati, P7_TA(2010)0139 (Ara paġna 241 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).