25.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 252/97


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-5 ta' Mejju 2010

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2008, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni

(2010/503/UE)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2008 (1),

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Komunitajiet Ewropej għas-sena finanzjarja 2008 – Volum I (C7-0178/2009) (2),

wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-awtorità ta' kwittanza dwar il-verifiki interni mwettqa fis-sena 2008,

wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2008, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet li jkunu qed jiġu verifikati (3),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri skont l-Artikolu 248 tat-Trattat KE (4),

wara li kkunsidra l-Artikolu 272(10) u l-Artikoli 274, 275 u 276 tat-Trattat KE u l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), u b'mod partikolari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0082/2010),

1.

Jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kumitat għas-sena finanzjarja 2008;

2.

Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-Deċiżjoni u r-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

Il-President

Jerzy BUZEK

Is-Segretarju Ġenerali

Klaus WELLE


(1)  ĠU L 71, 14.3.2008.

(2)  ĠU C 273, 13.11.2009, p. 1.

(3)  ĠU C 269, 10.11.2009, p. 1.

(4)  ĠU C 273, 13.11.2009, p. 122.

(5)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-5 ta’ Mejju 2010

li tinkludi kummenti li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2008, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2008 (1),

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Komunitajiet Ewropej għas-sena finanzjarja 2008 – Volum I (C7-0178/2009) (2),

wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-awtorità ta’ kwittanza dwar il-verifiki interni mwettqa fis-sena 2008,

wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2008, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet li jkunu qed jiġu verifikati (3),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri skont l-Artikolu 248 tat-Trattat KE (4),

wara li kkunsidra l-Artikolu 272(10) u l-Artikoli 274, 275 u 276 tat-Trattat KE u l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), u b’mod partikolari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0082/2010),

A.

Billi “ċ-ċittadini għandhom dritt ikunu jafu kif qed jintefqu t-taxxi tagħhom u kif qed tintuża s-setgħa fdata lill-korpi politiċi” (6),

1.

Jinnota li fl-2008 l-Kumitat tar-Reġjuni (KtR) kellu disponibbli approprjazzjonijiet għall-impenji li jammontaw għal total ta’ EUR 93 miljun (EUR 68,6 miljun fl-2007; EUR 74,4 miljun fl-2006), b’rata ta’ utilizzazzjoni ta’ 86,87 % (7);

2.

Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri indikat fir-rapport annwali tagħha li l-verifika ma tatx lok għal xi kummenti sinifikanti fir-rigward tal-KtR;

3.

Jilqa’ l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Koperazzjoni Amministrattiva bejn il-KtR u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali (KESE) għall-perjodu 2008 sa 2014, u jistieden lill-KtR u lill-KESE biex jikkomunikaw il-progress li jkun sar fir-rigward tal-armonizzazzjoni tal-istandards interni tagħhom ta’ kontroll, kif ukoll il-proċeduri finanzjarji rilevanti relatati mas-Servizzi Konġunti; jieħu nota tas-soluzzjoni sodisfaċenti għaż-żewġ naħat li l-verifika fis-Servizzi Konġunti titqassam fuq il-bażi tal-“oriġini” tal-uffiċjal li jawtorizza li jkun inkarigat minn Kumitat jew ieħor;

4.

Ifakkar li s-separazzjoni li ġejja mill-Ftehim ta’ Koperazzjoni Amministrattiva għandha tkun newtrali f’dak li jirrigwardja l-baġit, u qed jistenna bil-ħerqa r-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Ftehim, mistennija fl-2001, u, bħala parti minnha, analiżi konġunta mill-KtR u l-KESE;

5.

Jilqa’ r-riżultati tal-valutazzjoni tal-ftehimiet ta’ minikoperazzjoni fl-oqsma affettwati mis-separazzjoni, kif imwettqa konġuntament mill-KtR u l-KESE, b’mod partikolari l-konklużjonijiet tagħhom li l-istruttura ta’ tmexxija ġdida tejbet il-koperazzjoni amministrattiva bejn il-Kumitati, li s-servizzi separati żammew il-kwalità u tejbu l-effiċjenza, u li l-ebda risorsi baġitarji supplimentari ma kienu meħtieġa; jinnota wkoll il-konklużjoni li xi aspetti prattiċi tal-koperazzjoni għandhom jittejbu fil-futur;

6.

Jilqa’ l-isforzi tal-Kunitat tar-Reġjuni fil-qasam tal-koperazzjoni interistituzzjonali fil-qasam tas-sistemi tal-IT, b’mod partikolari n-negozjati tal-KtR u l-KESE mal-Kummissjoni dwar l-użu tas-sistema tal-ġestjoni tal-persunal Sysper2;

7.

Jilqa’ t-titjib li għadu qed isir fl-ambjent ta’ kontroll intern tal-KtR, b’mod partikolari l-inventarju tal-proċeduri amministrattivi, operattivi u finanzjarji ewlenin tal-KtR, l-iżvilupp ta’ nota ta’ gwida għall-persunal dwar l-etika u l-integrità, inkluża lista ta’ awtovalutazzjoni rigward il-kunflitti ta’ interess, it-titjib tal-vade mecum tal-kompiti u r-responsabilitajiet tal-persunal tal-KtR, kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ eżerċizzju ta’ verifika ex-post għall-2008 fis-servizzi kollha tal-KtR;

8.

Jinnota li l-eżerċizzju tal-valutazzjoni tar-riskju mwettaq fl-2008 identifika żewġ oqsma ta’ tħassib: l-ewwel nett, kwistjonijiet li ġejjin mill-bidla tal-organigramma u l-konsegwenzi tal-ftehim il-ġdid ta’ koperazzjoni bejn il-KtR u l-KESE, b’perjodu ta’ adattament li kien għadu għaddej, u t-tieni nett, kwistjonijiet relatati mal-persunal ikkawżati minn rotazzjoni għolja wisq tal-impjiegi, proċeduri ta’ reklutaġġ diffiċli u li jieħdu wisq żmien u taħriġ insuffiċjenti; jistenna li dawn il-kwistjonijiet jingħataw segwitu fir-rapport annwali tal-attività li jmiss tal-KtR;

9.

Jinnota li s-Servizz ta’ Verifika Interna wettaq verifiki ta’ kif sar l-infiq fuq il-missjonijiet u kif twettqu l-istudji esterni, li ppermettew li jsir ittestjar validu tal-ambjent ta’ kontroll intern, kif ukoll verifiki ta’ segwitu dwar it-trasferimenti tas-salarji (it-tieni segwitu), dwar l-istandards ta’ kontroll interni (l-ewwel segwitu) u dwar l-adegwatezza tas-sistemi finanzjarji;

10.

Jilqa’ s-segwitu li ngħata lid-deċiżjonijiet preċedenti ta’ kwittanza tal-Parlament, b’mod partikolari rigward il-kummenti tal-Parlament dwar ir-rapport tal-OLAF u l-inkjesta amministrattiva dwar it-trasferimenti tas-salarji aġġustati, fejn tħallsu lura l-ammonti kollha li rċevew b’mod indebitu l-uffiċjali kkonċernati, inbdew proċeduri dixxiplinarji u ġew implimentati jew qegħdin fil-proċess li jkunu implimentati r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-awditur intern;

11.

Jilqa’ wkoll is-segwitu dwar is-sistema ta’ ġestjoni u kontroll fis-servizzi tiegħu stess, li jikkonferma li saru kontrolli ex-post annwali fuq bażi ta’ kampjun fuq firxa ta’ bosta snin li jinkludu l-2008, u s-segwitu dwar il-kwistjoni tas-servizzi ta’ ġestjoni u kontroll fis-servizzi konġunti KESE/KtR, li wera li permezz tas-separazzjoni ta’ bosta servizzi, is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll fiż-żewġ Kumitati ttejbu, filwaqt li ġie żgurat li jkun hemm dejjem Kumitat wieħed li jkun responsabbli b’mod sħiħ għal nefqa individwali, biex b’hekk ikun hemm responsabilità finanzjarja u operattiva sħiħa;

12.

Jitlob li l-membri tal-KtR jiddikjaraw l-interessi finanzjarji tagħhom, billi jiżvelaw informazzjoni rilevanti dwar attivitajiet professjonali dikjarabbli u postijiet jew attivitajiet imħallsa, speċjalment peress li l-membri tal-KtR għandhom mandat elettorali jew iwieġbu politikament lil assemblea eletta;

13.

Ifaħħar lill-KtR għall-kwalità tar-rapport tal-attività annwali tiegħu, u jilqa’ b’sodisfazzjon l-inklużjoni tas-segwitu ċar għad-deċiżjonijiet preċedenti ta’ kwittanza tal-Parlament.


(1)  ĠU L 71, 14.3.2008.

(2)  ĠU C 273, 13.11.2009, p. 1.

(3)  ĠU C 269, 10.11.2009, p. 1.

(4)  ĠU C 273, 13.11.2009, p. 122.

(5)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(6)  L-Inizjattiva Ewropea favur it-Trasparenza.

(7)  Aġġustata – 98,1 %: L-approprjazzjonijiet ta’ EUR 93 miljun tal-KtR jinkludu d-dħul allokat fil-forma ta’ pagament ta’ EUR 10,7 miljun mill-KESE fl-2008, li sar biex ikun żgurat li l-KtR jkun jista’ jħallas lill-KESE parti mill-kirjiet tal-bini mal-parti tal-KtR, f’pagament wieħed. Il-kirjiet tħallsu fl-2009. L-approprjazzjonijiet tal-2008 tal-KtR aġġustati għat-tranżazzjoni interistituzzjonali ta’ 10,7 miljuni huma ta’ EUR 82,4 miljun, u r-rata ta’ utilizzazzjoni aġġustat tal-KtR 2008 hija 98,1 %.