25.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 252/37


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-5 ta' Mejju 2010

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Eżekuttiva tan-Netwerk tat-Trasport Trans-Ewropew għas-sena finanzjarja 2008

(2010/498/UE, Euratom)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2008 (1),

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Komunitajiet Ewropej għas-sena finanzjarja 2008 – Volum I (SEC(2009) 1089 – C7-0172/2009) (2),

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Eżekuttiva tan-Netwerk tat-Trasport Trans-Ewropew għas-sena finanzjarja 2008,

wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-segwitu għad-deċiżjonijiet ta' kwittanza 2007 (COM(2009) 526) u d-dokument ta' ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni li jakkumpanja lil dan ir-rapport (SEC(2009) 1427),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu “Sinteżi tal-kisbiet ta' tmexxija tal-Kummissjoni fl-2008” (COM(2009) 256),

wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kummissjoni għall-awtorità ta' kwittanza dwar il-verifiki interni mwettqa fis-sena 2008 (COM(2009) 419), u d-dokument ta' ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni li jakkumpanja lil dan ir-rapport (SEC(2009) 1102),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Eżekuttiva tan-Netwerk tat-Trasport Trans-Ewropew għas-sena finanzjarja 2008, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija (3)

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet kif ukoll il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri skont l-Artikolu 248 tat-Trattat KE (4),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar għarfien komuni tal-kunċett ta' riskju tollerabbli ta' żball (COM(2008) 866), u d-dokument ta' ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni li jakkumpanja lil din il-komunikazzjoni (SEC(2008) 3054),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2010 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-aġenziji eżekuttivi fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2008 (5828/2010 – C7-0055/2010),

wara li kkunsidra l-Artikoli 274, 275 u 276 tat-Trattat KE, l-Artikoli 317, 318 and 319 tat-Trattat FUE, kif ukoll l-Artikoli 179a u 180b tat-Trattat Euratom,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 145, 146 u 147 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta' Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b'ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (6), u b'mod speċjali l-Artikolu 14(3) tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1653/2004 tal-21 ta' Settembru 2004 dwar regolament finanzjarju standard tal-aġenziji eżekuttivi skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b'ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (7), u b'mod speċjali l-Artikolu 66, l-ewwel u t-tieni inċiżi, tiegħu,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/60/KE tas-26 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi l-Aġenzija Eżekuttiva tan-Netwerk tat-Trasport Trans-Ewropew skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 (8),

wara li kkunsidra l-Artikolu 76 u l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjonijiet tal-kumitati interessati l-oħra (A7-0099/2010),

A.

billi skont l-Artikolu 317 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea l-Kummissjoni timplimenta l-baġit f'kooperazzjoni mal-Istati Membri taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, b'kunsiderazzjoni għall-prinċipji ta' tmexija finanzjarja tajba,

1.

Jagħti l-kwittanza lid-Direttur tal-Aġenzija Eżekuttiva tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2008;

2.

Jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fir-riżoluzzjoni li hi parti integrali mid-deċiżjonijiet dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2008, Taqsima III – Il-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deciżjoni, flimkien mad-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2008, Taqsima III – Il-Kummissjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minn dawn id-deċiżjonijiet, lid-Direttur tal-Aġenzija Eżekuttiva tan-Netwerk tat-Trasport Trans-Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja u lill-Qorti tal-Awdituri u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

Il-President

Jerzy BUZEK

Is-Segretarju Ġenerali

Klaus WELLE


(1)  ĠU L 71, 14.3.2008.

(2)  ĠU C 273 13.11.2009, p. 1.

(3)  ĠU C 304, 15.12.2009, p. 71.

(4)  ĠU C 273, 13.11.2009, p. 122.

(5)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(6)  ĠU L 11, 16.1.2003, p. 1.

(7)  ĠU L 297, 22.9.2004, p. 6.

(8)  ĠU L 32, 6.2.2007, p. 88.


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-5 ta' Mejju 2010

b'osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjonijiet dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2008, Taqsima III – Kummissjoni u aġenziji eżekuttivi

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2008 (1),

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Komunitajiet Ewropej għas-sena finanzjarja 2008 – Volum I (SEC(2009) 1089 – C7-0172/2009) (2),

wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-segwitu għad-deċiżjonijiet ta' kwittanza 2007 (COM(2009) 526)) u d-dokument ta' ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni li jakkumpanja lil dan ir-rapport (SEC(2009) 1427),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu “Sinteżi tal-kisbiet ta' tmexxija tal-Kummissjoni fl-2008” (COM(2009) 256),

wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kummissjoni għall-awtorità ta' kwittanza dwar il-verifiki interni mwettqa fis-sena 2008 (COM(2009)0419), u d-dokument ta' ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni li jakkumpanja lil dan ir-rapport (SEC(2009) 1102),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar it-tweġibiet tal-Istati Membri dwar ir-rapport annwali għall-2008 tal-Qorti tal-Awdituri (SEC(2010)0178 u SEC(2010) 196),

wara li kkunsidra l-Green Paper dwar l-Inizjattiva Ewropea Favur It-Trasparenza, adottata mill-Kummissjoni fit-3 ta' Mejju 2006 (COM(2006) 194),

wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 2/2004 tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-mudell ta' “verifika unika” (u l-proposta relatata ma’ qafas ta' kontroll intern Komunitarju) (3),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq ir-roadmap għal qafas ta' kontroll intern integrat (COM(2005) 252),

wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni lejn Qafas ta' Kontroll Intern Integrat (COM(2006) 9), ir-Rapport dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni lejn Qafas Integrat tal- Kontroll Intern (COM(2008) 110), u d-Dokument ta' ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-rapport (SEC(2008) 259),

wara li kkunsidra r-Rapport tal-Impatt dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni lejn Qafas ta' Kontroll Intern Integrat (COM(2009) 43),

wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 6/2007 tal-Qorti tal-Awdituri dwar it-taqsiriet annwali tal-Istati Membri; id-“dikjarazzjonijiet nazzjonali” tal-Istati Membri; u x-xogħol tal-verifika fuq il-fondi tal-UE mill-korpi nazzjonali tal-verifika (4),

wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni biex jissaħħaħ ir-rwol ta' superviżjoni tal-Kummissjoni taħt ġestjoni komuni ta' azzjonijiet strutturali (COM(2008) 97) u r-rapport interim dwar is-segwitu għal dan il-pjan ta' azzjoni (SEC(2009) 1463),

wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni dwar il-Progress fil-Bulgarija taħt il-Mekkaniżmu ta' Kooperazzjoni u Verifika (COM(2009) 402) u d-dokument ta' appoġġ li jakkumpanja lil dan ir-rapport (SEC(2009) 1074),

wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni dwar il-Progress fir-Rumanija taħt il-Mekkaniżmu ta' Kooperazzjoni u Verifika (COM(2009) 401) u d-dokument ta' appoġġ li jakkumpanja lil dan ir-rapport (SEC(2009) 1073),

wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2008 flimkien mat-tweġibiet rispettivi tal-istituzzjonijiet (5) kif ukoll ir-rapporti speċjali tagħha,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet kif ukoll il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri skont l-Artikolu 248 tat-Trattat KE (6),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar għarfien komuni tal-kunċett ta' riskju tollerabbli ta' żball (COM(2008) 866), u d-dokument ta' ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni li jakkumpanja lil din il-komunikazzjoni (SEC(2008) 3054),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2010 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2008(5826/2010 – C7-0054/2010),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2010 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-aġenziji eżekuttivi fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2008 (5828/2010 – C7-0055/2010),

wara li kkunsidra l-Artikoli 274, 275 u 276 tat-Trattat KE, l-Artikoli 317, 318 and 319 tat-Trattat FUE, kif ukoll l-Artikoli 179a u 180b tat-Trattat Euratom,

wara li kkunsidra l-istandards internazzjonali tal-verifika u l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà, b'mod partikolari dawk applikabbli għas-settur pubbliku,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (7), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 145, 146 u 147 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta' Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b'ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (8), u b'mod speċjali l-Artikolu 14(2) u (3) tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 76 u l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjonijiet tal-kumitati interessati l-oħra (A7-0099/2010),

A.

billi l-Artikolu 317 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li r-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni hija tal-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, li għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni sabiex jiżguraw li l-approprjazzjonijiet jintużaw skont il-prinċipji ta' tmexxija finanzjarja tajba,

B.

billi l-Artikolu 287(1), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jeħtieġ li l-Qorti tal-Awdituri tipprovdi lill-Parlament u l-Kunsill dikjarazzjoni tal-assigurazzjoni fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, u jżid li d-dikjarazzjoni tista' tiġi supplimentata minn evalwazzjonijiet speċifiċi għal kull qasam ewlieni tal-attività tal-Unjoni;

C.

billi l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE hija kkaratterizzata mill-“ġestjoni konġunta” tal-baġit Komunitarju mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri, skont liema 80 % tan-nefqa Komunitarja hija amministrata mill-Istati Membri,

D.

billi t-titjib tat-tmexxija finanzjarja fl-UE jrid ikun appoġġat minn monitoraġġ mill-qrib tal-progress fil-Kummissjoni u fl-Istati Membri, u billi l-Istati Membri għandhom jerfgħu r-responsabbiltà għall-immaniġġjar tal-fondi tal-UE, b'mod li jiżguraw it-tlestija ta' qafas integrat ta' kontroll intern tal-UE bil-għan li tinkiseb Dikjarazzjoni ta' Assigurazzjoni pożittiva (DAS),

E.

billi fl-aħħar ħames riżoluzzjonijiet ta' kwittanza annwali tiegħu, il-Parlament ġibed l-attenzjoni għall-bżonn urġenti li jiġu introdotti dikjarazzjonijiet nazzjonali fil-livell politiku xieraq, li jkopru l-fondi kollha tal-UE li jaqgħu taħt ġestjoni konġunta, sabiex kull Stat Membru jieħu r-responsabbiltà għall-ġestjoni tal-fondi tal-UE li jkun irċieva,

F.

billi l-implimentazzjoni tal-punt 44 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u t-tmexxija finanzjarja tajba (9) (IIA), u tal-Artikolu 53b(3) tar-Regolament Finanzjarju, dwar it-taqsiriet annwali tal-verifiki u d-dikjarazzjonijiet disponibbli, għandhom jagħtu kontribut sostanzjali biex jitjieb l-immaniġġjar tal-baġit tal-UE,

G.

billi l-Qorti tal-Awdituri, fl-Opinjoni Nru 6/2007 tagħha msemmija hawn fuq, tenfasizza wkoll li d-dikjarazzjonijiet nazzjonali jistgħu jitqiesu bħala element ġdid tal-kontroll intern tal-fondi tal-UE, u li dawn jistgħu jistimulaw kontroll aħjar tal-fondi tal-UE fl-oqsma ta' ġestjoni konġunta,

H.

billi l-ħidma tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament fuq livell ġenerali u l-proċedura ta' kwittanza fuq livell partikolari jifformaw parti minn proċess li jfittex li jistabbilixxi responsabbiltà sħiħa min-naħa tal-Kummissjoni bħala entità waħda u tal-membri individwali tal-Kummissjoni, kif ukoll min-naħa tal-protagonisti rilevanti kollha l-oħra, li fosthom l-Istati Membri huma l-aktar importanti, għal tmexxija finanzjarja fl-UE, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; u b'hekk tinħoloq bażi aktar soda għat-teħid tad-deċiżjonijiet,

I.

billi l-Kumitat għall-Baġits tal-Parlament għandu jqis sew ir-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet tal-kwittanza tal-2008 matul il-proċedura baġitarja li jmiss,

J.

billi r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kwittanza għandha, sabiex ikollha skop kostruttiv, timmira li ssaħħaħ l-isforzi għar-riformi u r-responsabbiltà tal-Istati Membri biex jinstab rimedju għall-problemi identifikati mill-Qorti tal-Awdituri u tkun żgurata tmexxija finanzjarju aqwa fl-Unjoni Ewropea,

K.

billi l-iskeda tal-kwittanza attwali hija twila wisq fir-rigward tal-ħtieġa biex tintroduċi malajr kemm jista' jkun il-miżuri korrettivi u r-riformi stabbiliti mill-Parlament fil-kompitu tiegħu ta' kontroll; billi l-kontijiet annwali għandhom jiġu mfassla qabel it-tmiem tal-ewwel kwart tas-sena wara s-sena finanzjarja li tkun qed tiġi riveduta, b'tali mod li l-Qorti tal-Awdituri tista' tibgħat r-rapport tagħha qabel it-tmiem tat-tieni kwart tas-sena wara s-sena li tkun qed tiġi riveduta;

L.

billi l-Artikolu 83 tar-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet ta' Impjieg ta' Impjegati Oħra tal-Komunitajiet Ewropej (10) jistipula li l-pensjonijiet jitħallsu mill-baġit u li l-Istati Membri jridu jiggarantixxu b'mod konġunt il-ħlas ta' benefiċċji bħal dawn skont l-iskala mħejjija għall-finanzjament ta' dan it-tip ta' nfiq; billi l-persunal iħallsu lura parti mis-salarji tagħhom bħala kontribut lejn il-finanzjament tal-iskema tal-pensjonijiet;

M.

billi l-Artikolu 83 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta' Frar 1968 jistabbilixxi garanzija konġunta mill-Istati Membri, li jfisser li l-garanzija hija applikabbli fil-każ tan-nuqqas ta' Stat Membru jew aktar, jagħmlu possibbli biex jikkunsidra li l-Unjoni għandha drittijiet fuq l-Istati Membri li ggarantixxu dak l-impenn,

KWISTJONIJIET ORIZZONTALI

L-Affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom

1.

Jibqa' mħasseb, fil-bidu tal-mandat il-ġdid tal-Kummissjoni, dwar il-problemi akkumulati li ġejjin mill-Kummissjoni preċedenti, notevolment:

l-issuktar ta' rati għolja ta' żbalji fil-ħlasijiet,

il-pass kajman fl-irkupri ta' ħlasijiet mhux dovuti, u

il-livelli għolja ta' trasferimenti, bħal qatt qabel;

2.

Jilqa' s-sinjali tal-bidu ta' approċċ tal-kulleġġi mill-Kummissjoni l-ġdida, kif muri fl-impenn tal-Kummissarji László Andor, Johannes Hahn u Algirdas Šemeta fid-diskussjonijiet mal-Kumitat tal-Parlament għall-Kontroll tal-Baġit, u jistenna dikjarazzjoni qawwija mill-Kummissarji Janusz Lewandowski u Algirdas Semeta biex iwiegħdu azzjoni fl-oqsma ta': dikjarazzjonijiet ta' assigurazzjoni tal-Istati Membri, proposti għal riskju tollerabbli ta' żball, is-simplifikazzjoni u t-trasparenza, u fondi fiduċjarji li jkopru azzjonijiet esterni, u jemmen ukoll li dan għandu jkopri azzjoni ulterjuri fil-qasam ta' korrezzjonijiet u rkupri, u s-sistemi ta' kontroll interni;

3.

Jemmen li l-iżbalji fl-infiq ifixklu l-effikaċja fl-ilħiq tal-miri tal-politika tal-UE, u jerġa' jtenni li l-gruppi tal-politika b'rata ta' żball inqas minn 2 % xorta jgħoddu għal 47 % biss tal-baġit tal-UE, u dan jirrappreżenta żieda ta' biss 9 % mill-2005 għall-2008; jikkunsidra li dan xorta għadu livell mhux adegwat ta' titjib minn sena għal sena u jindika li, minkejja xi oqsma ta' titjib, rata ta' żball 'il fuq minn 5 % tibqa' fil-gruppi ta' politika li jirappreżentaw 31 % tal-baġit, u rata ta' bejn 2 % u 5 % għal 22 % oħra;

4.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tħejji u tressaq lill-Parlament Aġenda ġdida mill-2010'l quddiem, bi provvediment għal tnaqqis tar-rati ta' żball biex ikun żgurat li 20 % oħra tal-baġit ikun jista' jingħata klassifikazzjoni “ħadra” mill-Qorti tal-Awdituri sal-2014, b'tibdiliet interim li sejħet għalihom il-Qorti tal-Awdituri għal metodoloġija ġdida biex rati ta' żball jintwerew fil-Kapitolu tal-baġit dwar il-Koeżjoni u li tiddefferenzja ejn pagamenti li saru taħt il-leġiżlazzjoni tal-2000-2006 u dik tal-2007-2013; jikkunsidra li l-ilħiq ta' dawn il-miri hija parti essenzjali biex jinkiseb valur sħiħ għall-infiq tal-UE fil-futur u biex isir progress lejn DAS pożittiv;

5.

Jitlob lill-President tal-Kummissjoni biex jinforma lill-Parlament dwar kif il-Kummissjoni se taħdem b'mod aktar koordinat, sabiex tindirizza d-dgħufijiet li għad hemm fis-sistema finanzjarja u tnaqqas b'mod sinifikanti r-rati tal-iżbalji kif indikat hawn fuq;

L-Affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom

6.

Jinnota b'sodisfazzjon l-opinjoni pożittiva tal-Qorti dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali finali u d-dikjarazzjoni tal-Qorti li l-kontijiet jippreżentaw korrettament, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-Komunitajiet kif ukoll ir-riżultati tal-operazzjonijiet u l-flussi tal-kontanti tagħhom fil-31 ta' Diċembru 2008;

7.

Ma jikkunsidrax normali l-fatt li l-kontijiet annwali għandhom jiġu ppreżentati b'kapital proprju negattiv ta' EUR 51 400 000 000 u jiddubita jekk l-ammonti mill-Istati Membri għandhomx jintwerew bħala assi, peress li dan jinvolvi ċertu impenn dwar il-pensjonijiet li għandhom jitħallsu lill-persunal stmat għal EUR 37 000 000 000; jinnota l-ispjegazzjonijiet tal-kontabilist tal-Kummissjoni li l-istandards tal-kontabbiltà internazzjonali applikabbli għas-settur pubbliku ġew applikati fil-ħin; jipproponi li tingħata kunsiderazzjoni lill-ħolqien ta' fondi tal-pensjoni tal-Komunità biex jesternalizza l-impenji finanzjarji ta' dan it-tip dwar il-persunal;

8.

Jesprimi, madankollu, it-tħassib tiegħu dwar l-osservazzjonijiet tal-Qorti rigward dgħufijiet identifikati f'ċerti korpi u Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni fis-sistema tal-kontabbiltà għall-fatturazzjonijiet/rendikonti tal-ispejjeż u l-prefinanzjamenti li jipperikolaw il-kwalità tal-informazzjoni finanzjarja;

9.

Jilqa' l-opinjoni mhux kwalifikata mogħtija mill-Qorti dwar id-dħul, l-impenji għall-gruppi ta' politika kollha u l-ħlasijiet li l-kontijiet huma bbażati fuqhom għall-gruppi ta' politika “L-Edukazzjoni u ċ-Ċittadinanza” u “L-Amministrazzjoni u nfiq ieħor”, li fl-aspetti materjali kollha huma legali u regolari;

10.

Jitlob lill-Qorti tal-Awdituri biex tipprovdi fil-kwittanza li jmiss id-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi kif meħtieġa fl-Artikolu 287(1), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, hekk kif tagħmel għall-affidabbiltà tal-kontijiet;

11.

Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni li tippromwovi u tapplika proċeduri ta' kontroll u ta' tmexxija aħjar li jwasslu għal titjib meta mqabbel mas-snin ta' qabel bi tnaqqis fil-livell ta' żbalji misjuba mill-Qorti fit-tranżazzjonijiet sottostanti f'ċerti oqsma ta' nfiq (l-oqsma ta' politika “L-Agrikoltura u r-riżorsi naturali”, “Ir-Riċerka, l-enerġija u t-trasport” u “L-Edukazzjoni u ċ-Ċittadinanza”);

12.

Jiddispjaċih li d-Dikjarazzjoni ta' Assigurazzjoni (DAS) għadha kwalifikata (negattiva) f'oqsma ta' nfiq importanti ħafna tal-baġit tal-Komunità għas-sena finanzjarja 2008 (l-Iżvilupp rurali, il-Miżuri strutturali, ir-Riċerka, l-enerġija u t-trasport, l-azzjonijiet esterni fil-livell tal-organizzazzjonijiet ta' implimentazzjoni u t-Tkabbir), fejn il-ħlasijiet għadhom milquta minn żbalji materjali fuq skala kbira;

13.

Jirrikonoxxi li l-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-impatt tal-pjan ta' azzjoni biex jissaħħaħ ir-rwol superviżorju tal-Kummissjoni taħt tmexxija konġunta ta' azzjonijiet strutturali, tindika li l-passi deskritti fiha tlestew; jinnota li r-riżultati preliminari juru rata ta' żball fl-infiq ta' madwar 5 % għall-perjodu 2007-2013; madankollu, jistenna l-benefiċċji usa' għall-politika ta' koeżjoni, fejn għad hemm problemi kbar ħafna minkejja l-progress li sar mill-Kummissjoni fir-rigward tal-użu aktar effiċjenti tal-fondi tal-UE u tal-ambjent ta' kontroll ġenerali;

14.

Iqis bl-istess mod, fir-rigward tar-Riċerka, l-enerġija u t-trasport kif ukoll tal-Għajnuna Esterna, l-iżvilupp u t-tkabbir, li l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni lejn Qafas ta' Kontroll Intern Integrat għandu jwassal għall-benefiċċji u li l-Kummissjoni għandha tkun tista' tipprovdi sensiela ta' indikaturi u deskritturi biex jitkejjel l-impatt ta' dan il-Pjan ta' Azzjoni;

15.

Jinnota, madankollu, l-osservazzjoni tal-Qorti li għadu mhux possibbli li jiġi stabbilit jekk il-Pjan ta' Azzjoni kellux impatt li jista' jitkejjel fuq is-sistemi superviżorji u ta' kontroll u fl-aħħar mill-aħħar fuq ir-regolarità tal-operazzjonijiet (punt 2.28 tar-Rapport Annwali 2008), u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni xierqa li tiżgura li, għall-kwittanza tal-2009, l-indikaturi jkunu implimentati biex ikejlu l-impatt tal-Pjan ta' Azzjoni;

16.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposti biex jonqsu l-perjodi involuti fil-proċess ta' kwittanza, sabiex il-votazzjoni fil-plenarja ssir fis-sena wara s-sena finanzjarja li tkun qed tiġi riveduta;

Informazzjoni u qafas tad-DAS

17.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma mwettqa mill-Qorti biex titjieb aktar iċ-ċarezza tal-approċċ tad-DAS fir-rigward ta' fatturi li jikkontribwixxu minn sena għal sena għal sistemi ta' kontroll iktar effiċjenti u effikaċi f'kull settur kif ukoll il-kwalità ta' partijiet speċifiċi tar-rapport tal-Qorti, bħal dik li tittratta miżuri strutturali, u jistieden lill-Qorti biex tkompli żżomm lill-Parlament regolarment informat;

18.

Iqis li l-evalwazzjoni tal-Qorti, magħmula kull sena mit-Trattat ta' Maastricht dwar kif il-Kummissjoni tamministra l-fondi tal-UE, uriet li kienet għodda utli għat-titjib tal-ġestjoni ta' dawn il-fondi, u jirrikonoxxi li l-Kummissjoni għamlet sforzi kbar biex titjieb il-ġestjoni; madankollu, jitlob lill-Istati Membri biex juru impenn akbar fit-titjib tal-infiq tal-fondi;

19.

Jinnota t-titjib miksub mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Nizza, billi d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni tal-Qorti dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet kif ukoll tal-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom tista' tiġi supplimentata b'evalwazzjonijiet speċifiċi għal kull qasam prinċipali tal-attività tal-Unjoni (issal-Artikolu 287(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea);

20.

Madankollu, iqis ukoll li evalwazzjoni globali u annwali waħda ma tirriflettix l-istruttura kumplessa tal-finanzi tal-Komunitajiet Ewropej, u jqis ukoll li l-issuktar ta' evalwazzjoni annwali negattiva wara 15-il sena konsekuttiva jista' jkollu riperkussjonijiet negattivi fost iċ-ċittadini li ma jifhmux għalfejn il-Qorti dejjem tagħti opinjoni negattiva;

Reviżjoni tat-Trattati: riforma tad-DAS

21.

Jinnota li, skont l-Artikolu 48(2) tat-Trattat tal-UE, kif modifikat mit-Trattat ta' Lisbona, il-Parlament għandu rwol imsaħħaħ fil-proċedura ta' reviżjoni tat-Trattati, wara li assigura d-dritt tal-inizjattiva biex iressaq proposti lill-Kunsill għall-emendi tat-Trattati, jiġifieri tad-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni;

22.

Jitlob għal riflessjoni dwar il-fattibbiltà ta' dikjarazzjonijiet ta' assigurazzjoni separati fil-futur, li għandhom jiġu pprovduti kemm skont is-settur/qasam ta' politika u skont il-programm pluriennali, sabiex ikun hemm aktar qbil bejn il-metodoloġija tal-Qorti u n-natura pluriennali u settorjali tal-finanzi tal-Komunitajiet Ewropej;

23.

Jinnota li l-Kummissjoni argumentat b'mod persistenti li n-“natura multiannwali” tal-infiq ikkonċernat ifisser li bosta żbalji jistgħu jinstabu u jiġu korretti qabel l-għeluq tal-programmi rilevanti; jinnota wkoll li l-Qorti tikkunsidra li attwalment m'hemmx biżżejjed informazzjoni disponibbli biex tappoġġja din it-talba;

Ġestjoni baġitarja

24.

Huwa mħasseb li l-impenji baġitarji pendenti (impenji mhux użati trasferiti biex jintużaw fi snin futuri), primarjament tal-programmi pluriennali, żdiedu fl-2008 b'EUR 16,4 biljun (11,8 %) għal EUR 155,0 biljun (punt 3.9 tar-Rapport Annwali 2008), filwaqt li jirrikonoxxi li dan huwa minħabba dewmien f'ċerti każijiet fil-fażi inizjali tal-programmi l-ġodda filwaqt li f'oħrajn jirrifletti proċess dgħajjef tal-ippjanar baġitarju; huwa mħasseb li l-fondi mhux utilizzati kull sena jirrappreżentaw opportunitajiet mitlufa għal-implimentazzjoni ta' politiki u programmi tal-UE;

25.

Jinnota madankollu li, anki jekk l-impenji baġitarji pendenti dwar in-nefqa differenzjata jibqgħu f'livell għoli ħafna li jaqbeż l-approprjazzjonijiet għall-impenji totali tal-baġit għall-2008, il-Qorti tinnota wkoll li l-maġġoranza tal-impenji baġitarji pendenti issa huma mill-2007 u l-2008 u għalhekk marbuta mal-qafas finanzjarju preżenti (punt 3.15 tar-Rapport Annwali 2008);

26.

Jilqa' l-fatt li diżimpenn awtomatiku għandu jevita problemi fil-perjodu ta' finanzjament preżenti iżda jibqa' mħasseb li l-ogħla proporzjon ta' impenji baġitarji pendenti (“RAL”) huwa relatat mal-qasam tal-koeżjoni assoċjat man-nuqqas ta' kwalunkwe proċedura ta' diżimpenn għall-perjodu 2000-2006;

27.

Jitlob lill-Istati Membri biex jittrasmettu d-dokumenti ta' evalwazzjoni tal-konformità li jifdal tas-Sistemi ta' Kontroll u Tmexxija kemm jista' jkun malajr u fi kwantità biżżejjed sabiex ikun evitat dewmien ulterjuri fir-rigward tal-ħlasijiet interim u żieda ulterjuri ta' impenji baġitarji pendenti;

28.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi lill-Parlament ħarsa ġenerali tal-appoġġ baġitarju mogħti, skont il-pajjiż u l-fondi, għas-snin 2005 għall-2009;

Irkupri

29.

Jinnota xi titjib fl-irkupri, iżda madankollu jibqa' mħasseb dwar il-problemi li jeżistu rigward fondi tal-Komunità maħruġa b'mod irregolari u l-kwalità fqira ta' tagħrif ipprovdut dwar il-mekkaniżmu ta' korrezzjoni applikat fil-livell tal-Istati Membri; jiġbed l-attenzjoni fuq il-ħtieġa urġenti għal rata ta' rkupru ta' 100 % fir-rigward tal-fondi li nħarġu ħażin;

30.

Jilqa' l-informazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni dwar korrezzjonijiet finanzjarji, skont l-Istat Membru, sa Settembru 2009, iżda huwa mħasseb li n-natura annwali tar-rapport tal-Qorti tfisser nuqqas ta' qbil mad-data kumulattiva ppreżentata mill-Kummissjoni, u b'hekk huwa impossibbli li ssir evalwazzjoni sħiħa tal-prestazzjoni għal sena waħda partikolari, l-2008;

31.

Jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ l-effiċjenza u l-effikaċja tas-sistemi ta' rkupru pluriennali, inkluż fil-livell tal-Istati Membri, u biex tikkonsolida d-data dwar l-irkupri u l-korrezzjonijiet finanzjarji sabiex tipprovdi figuri affidabbli li jistgħu jitqabblu bejn l-oqsma varji ta' politika u l-proċeduri ta' ġestjoni tal-fondi; jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta lill-Parlament fin-noti mehmuża mal-kontijiet annwali, sabiex tinkiseb perspettiva ġenerali;

32.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta ċifri kompleti u affidabbli għall-korrezzjonijiet finanzjarji u, b'mod partikulari, irkupri li jispeċifikaw l-Istat Membru kkonċernat, il-linja baġitarja eżatta u s-sena li għaliha jirreferu l-irkupri individwali, (kif diġà speċifikat fir-Rapport ta' Kwittanza tal-2006 (11)), peress li kwalunkwe preżentazzjoni oħra twassal biex ma jkunx jista' jsir kontroll serju;

33.

Ifakkar fit-talba tiegħu li l-Kummissjoni tipproduċi klassifikazzjoni annwali fond b'fond għal kull Stat Membru, li tispeċifika r-rata ta' żbalji stabbilita – kemm bl-impatt ta' mekkaniżmi korrettivi u kemm mingħajru - u li tgħaddiha lill-Parlament b'mod attiv, trasparenti u faċilment aċċessibbli;

34.

Jistieden lill-Qorti tal-Awdituri biex tressaq il-kummenti tagħha fuq din il-lista, ibbażati fuq is-sejbiet tagħha stess;

Is-sospensjoni tal-pagamenti

35.

Jindika l-importanza tad-deċiżjonijiet finali u l-miżuri ta' korrezzjoni meħuda bil-għan li l-finanzjament tal-UE jiġi eskluż min-nefqa li ma saritx b'mod konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE, u jġedded it-talba tiegħu li jiġu speċifikati l-intestatura baġitarja eżatta u s-sena li l-irkupri individwali huma relatati magħhom;

36.

Jappoġġa bis-sħiħ lill-Kummissjoni fl-applikazzjoni rigoruża tal-leġiżlazzjoni fir-rigward ta' sospensjoni ta' ħlasijiet u Jilqa' b'sodisfazzjon il-miżuri meħuda biex ma jiġux trasferiti fondi sakemm il-Kummissjoni ma jkollhiex garanzija assoluta dwar l-affidabbiltà tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll tal-Istat Membru benefiċjarju tal-fondi kkonċernati;

37.

Jiġbed l-attenzjoni għall-eżempju tal-Greċja, fejn korrezzjonijiet finanzjarji sinifikanti miġjuba mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni jidher li rriżultaw fi prestazzjoni aħjar f'xi oqsma; jistieden lill-Kummissjoni biex tidentifika dawn l-oqsma u jitlob mill-ġdid li, fir-rigward tas-Sistema Integrata ta' Amministrazzjoni u Kontroll (IACS), ma nstabet ebda evidenza li l-pjan ta' azzjoni stabbilit u implimentat mill-awtoritajiet Griegi kien effettiv (Ir-Rapport Annwali tal-2008, punt 2.5);

38.

Jemmen li, f'dak li għandu x'jaqsam mar-riżervi rikorrenti għall-programmi ta' nfiq fi Stat Membru partikolari, is-sospensjoni tal-ħlasijiet, bħala mezz ta' pressjoni, se tikkontribwixxi għaż-żieda tal-involviment tal-Istati Membri fl-użu korrett tal-fondi Komunitarji miksuba;

39.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tissimplifika r-regoli u tapplika l-leġiżlazzjoni eżistenti fil-qasam tas-sospensjoni tal-ħlasijiet meta dan ikun meħtieġ, u biex tinforma lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri fi żmien utli dwar dawn is-sospensjonijiet ta' ħlasijiet u r-riżultati tagħhom;

Sommarji annwali

40.

Iqis li s-sommarji annwali tal-verifiki u d-dikjarazzjonijiet disponibbli, li l-Istati Membri għandhom jipprovdu skont l-IIA u l-Artikolu 53b(3) tar-Regolament Finanzjarju, għandhom ikunu l-ewwel pass lejn l-introduzzjoni ta' dikjarazzjonijiet nazzjonali ta' mmaniġġjar fl-Istati Membri kollha;

41.

Jilqa' d-dikjarazzjoni mill-Konferenza Interparlamentari dwar “It-Titjib tar-Responsabbiltà Nazzjonali tal-fondi tal-UE” li seħħu fl-Aja fit-28 u d-29 ta' Jannar 2010, li jirrakkomanda li l-istrumenti tal-politika nazzjonali jiġu implimentati jew imsaħħa biex jikkontribwixxu fit-titjib tal-kontroll u l-ġestjoni tal-infiq tal-UE fl-Istati Membri, u li l-istrumenti użati għall-ġestjoni u r-responabbiltà tal-finanzjament tal-UE għandu jkun fihom elementi ta' qafas komuni tal-UE sabiex isiru l-paraguni u jiġu identifikati “l-aqwa prattiki”, kif ukoll isir pass 'il quddiem lejn id-dikjarazzjonijiet nazzjonali tal-immaniġġjar;

42.

Jenfasizza l-bżonn li jissaħħaħ ir-rwol tas-sommarji annwali fir-reviżjoni li jmiss tar-Regolament Finanzjarju kif ukoll li titjieb il-kwalità, l-omoġeneità u l-komparabbiltà tad-data pprovduta mill-Istati Membri sabiex ikun żgurat il-valur miżjud tagħhom fil-qasam tal-kontroll tal-fondi tal-UE;

43.

Jilqa' l-informazzjoni pprovduta lill-Parlament mill-Kummissjoni dwar is-sommarji annwali rċevuti fl-2009 u jistieden lill-Kummissjoni biex is-sommarji annwali tal-Istati Membri kollha jsiru pubbliċi sabiex titjib ir-responsabbiltà trasparenti u pubblika; jistieden lill-Kummissjoni, fuq il-bażi tas-sommarji rċevuti, biex tanalizza l-punti qawwija u dgħajfa fis-sistema nazzjonali ta' kull Stat Membru fir-rigward tal-amministrazzjoni u l-kontroll tal-fondi tal-UE;

44.

Iqis li hija ta' importanza kbira għall-Kummissjoni li tirraporta dwar il-kwalità ta' dawn is-sommarji annwali u li l-Kummissjoni żżid valur għall-proċess billi tidentifika l-problemi komuni, is-soluzzjonijiet possibbli jew l-aħjar prattiki, bl-użu ta' din l-informazzjoni fir-rwol ta' sorveljanza tagħha;

45.

Iqis li analiżi komparattiva għandha titressaq lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-Qorti sal-aħħar tal-2010 u għandha ssir pubblika kemm jista' jkun malajr wara;

46.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li n-nota ta' gwida ġenerali dwar is-sommarji annwali teħtieġ metodoloġija u ambitu analitiku uniformi mill-Istati Membri kollha; jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrevedi n-nota ta' gwida tagħha b'tali mod li tissimplifika r-rekwiżiti ta' rapportar u tipprovdi aktar direzzjoni fir-rigward ta' prattiki tajba; jirrikjedi li l-Kummissjoni tieħu din l-opportunità li tinkludi fin-nota ta' gwida qafas ta' dikjarazzjonijiet nazzjonali ta' mmaniġġjar għal dawk l-Istati Membri li jiddeċiedu li jintroduċuhom u li tiżviluppa l-approċċ tagħha bbażat fuq l-inċentiv;

Dikjarazzjonijiet nazzjonali ta' mmaniġġjar

47.

Jilqa' l-inizjattiva meħuda mid-Danimarka, l-Olanda, l-Isvezja u r-Renju Unit biex jitfasslu dikjarazzjonijiet nazzjonali tal-immaniġġjar; madankollu, jinnota d-differenzi kbar bejn l-erba' inizjattivi nazzjonali; Jilqa' bil-ħerqa l-ittra mill-Gvernijiet tal-Olanda u tal-Isvezja li tistieden lill-Kummissjoni biex toħroġ gwida dwar id-definizzjoni ta' xi aspetti ewlenin ta' dikjarazzjonijiet nazzjonali, li tista' sservi wkoll bħala għajn siewja ta' informazzjoni għal Stati Membri oħra; jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu għall-fatt li, minkejja dawn l-inizjattivi, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri l-oħra jonqoshom jintroduċuhom;

48.

Ifakkar fit-talba tiegħu għall-introduzzjoni ta' dikjarazzjonijiet nazzjonali (paragrafu 32 tar-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' April 2009 (12) li takkumpanja d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-2007);

49.

Jiġbed l-attenzjoni għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 317 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ex Artikolu 274 tat-Trattat tal-KE), li issa jipprovdi li l-Kummissjoni “għandha timplimenta l-baġit b'kooperazzjoni mal-Istati Membri”, u għadu konvint li se jsir progress bil-ksib ta' dikjarazzjonijiet nazzjonali ta' mmaniġġjar li jkopru l-fondi kollha tal-UE li jaqgħu taħt ġestjoni konġunta, kif mitlub mill-Parlament fl-aħħar ħames riżoluzzjonijiet ta' kwittanza annwali tiegħu;

50.

Jinnota t-tieni paragrafu tal-Artikolu 317 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jimponi ċerti obbligi ta' kontroll u verifika, s'issa mhux definiti, tal-Istati Membri u r-responsabilitajiet li jirriżultaw minnhom; jistieden lill-Kummissjoni biex tuża l-kliem l-ġdid tal-Artikolu 317 biex tintroduċi dikjarazzjonijiet nazzjonali tal-immaniġġjar mandatorji mill-aktar fis possibbli; jirreferi wkoll għall-Artikolu 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jipprovdi lill-Kummissjoni bi strumenti ġodda biex tikseb implimentazzjoni simili u uniformi ta' atti Komunitarji li jorbtu legalment;

51.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi, fi ħdan il-qafas tar-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju, l-obbligu tal-Istati Membri li joħorġu dikjarazzjonijiet nazzjonali ta' mmaniġġjar iffirmati f'livell politiku xieraq u ċertifikati mill-korp ta' verifika suprem nazzjonali tagħhom bħala mezz ta' serħan amministrattiv kif ukoll ġestjoni aħjar tal-fondi li jaqgħtu taħt ġestjoni konġunta;

52.

Jitlob, skont l-Artikolu 287(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, f'dak li għandu x'jaqsam mal-kontrolli tal-ġestjoni konġunta, biex tiżdied il-kooperazzjoni bejn l-entitajiet nazzjonali tal-verifika u l-Qorti;

53.

Jipproponi li entitajiet nazzjonali tal-verifika, fil-kapaċità tagħhom bħala awdituri indipendenti esterni, u b'kunsiderazzjoni għall-istandards internazzjonali tal-verifika, joħorġu ċertifikati nazzjonali tal-verifika għall-immaniġġjar ta' fondi tal-UE; jitlob lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-possibbiltà li timmodifika u taddatta l-iskadenza tal-kwittanza sabiex tippermetti verifiki fil-ħin ta' dawn id-dikjarazzjonijiet nazzjonali tal-immaniġġjar mill-awdituri esterni (nazzjonali);

54.

Huwa mħasseb tassew dwar il-manipulazzjoni bil-prova tal-istatistika finanzjarja u l-evażjoni fiskali fil-Greċja; jinnota l-korruzzjoni tas-settur pubbliku ġeneralizzata fl-amministrazzjoni, inkluża s-sejħa għal offerta, kif irrikonoxxuta mill-Prim Ministru tal-Greċja; jiġbed l-attenzjoni fuq l-effett sinifikanti fir-rigward tal-ispejjeż li dan għandu fuq il-baġit tal-Greċja; jitlob lill-Kummissjoni biex tinvestiga bħala prijorità ċ-ċirkustanzi li fihom il-Kummissjoni ġiet ipprovduta, u effettivament aċċettat, data makroekonomika ħażina għal perjodu ta' żmien twil ħafna;

Is-sistema ta' kontroll intern tal-Kummissjoni

Il-pjan ta' azzjoni għal Qafas ta' Kontroll Intern Integrat

55.

Jesprimi t-tħassib tiegħu għall-kritika ripetuta tal-Qorti dwar il-kwalità inadegwata tal-kontrolli fl-Istati Membri u jqisha negattiva għall-immaġini tal-UE jekk Stati Membri individwali jkunu kapaċi japplikaw standards ta' kontroll differenti;

56.

Minkejja t-titjib progressiv fid-DAS sa mill-2003 (56 % tan-nefqa li ngħataw opinjonijiet ta' verifika pożittivi mill-Qorti fl-2008 meta mqabbla mas-6 % tal-2003), jibqa' mħasseb mill-evalwazzjoni tal-Qorti li għadu mhux possibbli li jiġi ddeterminat jekk il-Pjan ta' Azzjoni kellux impatt li jista' jitkejjel fir-rigward tas-sistemi ta' sorveljanza u ta' kontroll, u li l-Kummissjoni ma setgħetx turi li l-passi meħuda minnha biex jitjiebu s-sistemi ta' sorveljanza u ta' kontroll kienux effikaċi biex jitnaqqas ir-riskju ta' żbalji f'ċerti oqsma tal-baġit (punti 2.28 u 2.33 tar-Rapport Annwali 2008);

57.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tippreżenta evalwazzjonijiet regolari tas-sistema ta' kontroll intern integrat, u jitlob għal kopertura saħansitra aħjar u aktar espliċita - fir-rapporti annwali dwar l-attività u r-rapport ta' sinteżi – tal-funzjonament tad-dipartimenti tal-Kummissjoni u s-sistemi ta' ġestjoni konġunta tal-Istati Membri, kif diġà jsir mid-DG tal-Kummissjoni għall-Politika Reġjonali fir-rapport tal-attività annwali tiegħu;

Analiżi tal-bilanċ eżistenti bejn in-nefqa operattiva u l-ispiża għas-sistema ta' kontroll tal-fondi tal-UE

58.

Jiġbed l-attenzjoni, f'dan il-kuntest, dwar l-importanza tal-Azzjoni 10 tal-Pjan ta' Azzjoni msemmi hawn fuq, li timmira biex titwettaq “analiżi tal-ispiża tal-kontrolli”, billi “jeħtieġ li jintlaħaq bilanċ xieraq bejn l-ispejjeż u l-vantaġġi tal-kontrolli”;

59.

Jistieden lill-Kummissjoni biex fl-2010 twettaq evalwazzjoni iktar kompluta u eżawrjenti tar-riżorsi mogħtija lis-sistemi ta' kontroll fl-oqsma tar-riċerka, l-enerġija, it-trasport, l-iżvilupp rurali, l-għajnuna esterna u n-nefqa amministrattiva, kif mitlub mill-Parlament fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li jakkumpanjaw id-deċiżjonijiet tal- kwittanza;

60.

Jemmen li din se tkun għodda kruċjali biex jiġi evalwat x'titjib jista' jinkiseb fil-futur u b'liema spiża, kif rakkomandat mill-Qorti fir-Rapport Annwali tal-2008 (punt 2.35(a)), u biex jinkiseb progress dwar il-kwistjoni ta' riskju tollerabbli ta' żbalji;

Riskju tollerabbli ta' żbalji

61.

Jieħu nota tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2008 msemmija hawn fuq, dwar għarfien komuni tal-kunċett ta' riskju tollerabbli ta' żbalji bħala bażi metodoloġika soda għall-analiżi ekonomika ta' livelli aċċettabbli ta' riskju; ifakkar id-dubji tiegħu dwar il-figuri pprovduti mill-Istati Membri dwar l-ispejjeż tal-kontroll u jitlob lill-Kummissjoni biex taġġorna u tlesti l-figuri użati fil-komunikazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex tindirizza d-dgħufijiet u n-nuqqasijiet kollha identifikati mill-Qorti tal-Awdituri, u jenfasizza li ġej:

id-definizzjoni ta' riskju tollerabbli ta' żball possibbli huwa wieħed biss mill-bosta elementi li għandhom jiġu esplorati bl-għan li tittejjeb il-ġestjoni finanzjarja fl-Unjoni Ewropea; elementi oħra huma (1) l-użu aħjar ta' sistemi ta' kontroll eżistenti, (2) żieda f'dawk li s-soltu jkunu spejjeż ta' kontroll baxxi ħafna, (3) is-simplifikazzjoni u (4) l-konċentrazzjoni;

il-kwalità tal-informazzjoni disponibbli mill-Istati Membri attwalment mhijiex suffiċjenti bħala bażi biex tistabbilixxi u tapprova riskju tolerabbli ta' żball;

il-pożizzjoni tal-Kunsill fuq il-kwistjoni mhijiex magħrufa;

62.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi analiżi dettaljata tan-nuqqasijiet u d-dgħufijiet identifikati mill-Qorti tal-Awdituri (13), speċjalment fir-rigward tal-kwalità tad-data disponibbli mill-Istati Membri;

63.

Ifakkar fl-Azzjoni 4 tal-Pjan ta' Azzjoni msemmi hawn fuq, li, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament, tipproponi l-ftuħ ta' “djalogu interistituzzjonali dwar riskji li jistgħu jiġu ttollerati fit-tranżazzjonijiet bażiċi”; iżda jinnota li l-implimentazzjoni ta' din l-azzjoni għadha bilkemm bdiet;

64.

Iqis, għalhekk, li l-Kummissjoni, f'konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità u tal-effikaċja f'sens ta' nefqa (valur għall-flus) tas-sistemi ta' kontroll, għandha tevalwa r-relazzjoni bejn, minn naħa, ir-riżorsi disponibbli għal kull politika partikolari, u min-naħa l-oħra, il-parti ta' dawk ir-riżorsi ddedikati għas-sistemi ta' kontroll skont il-qasam tal-infiq;

65.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tidentifika oqsma ta' sensittività politika kbira (ta' “riskju għar-reputazzjoni” kbir) fejn approċċ ta' kwalità għar-rati ta' żbalji (aktar milli wieħed ekonomiku) għandu jiġi adottat;

66.

Jikkunsidra li l-ammonti ta' fondi tal-Unjoni f'riskju minħabba żbalji għandhom jiġu kkunsidrati wkoll meta tiġi ddeterminata rata ta' żball tollerabbli;

67.

Jemmen ukoll li l-proporzjon spiża/benefiċċju eżistenti, bejn ir-riżorsi użati għall-attivitajiet ta' kontroll u r-riżultati miksuba mill-kontrolli, għandu jkun element fundamentali li għandu jitqies meta l-Qorti tagħti d-DAS tagħha;

68.

Jiddispjaċih li l-Kummissjoni tagħmel aktar sforz biex tikkonvinċi lill-Parlament dwar il-ħtieġa li jiġi introdott “riskju tollerabbli tal-iżbalji” milli biex tipperswadi l-Istati Membri dwar il-ħtieġa għad-dikjarazzjonijiet nazzjonali tal-immaniġġjar mandatorji;

Simplifikazzjoni

69.

Jenfasizza li s-sistemi ta' kontroll huma riflessjoni tal-kumplessità tar-regolamenti u r-regoli tal-livelli varji, li kultant jidħlu f'xulxin; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tħaffef l-eżerċizzju ta' simplifikazzjoni waqt li tinvolvi bis-sħiħ lill-Parlament, u jitlob lill-Istati Membri u r-reġjuni biex jagħmlu sforz simili għal dan il-għan;

Dibattitu interistituzzjonali dwar is-sistema attwali tal-proċedura ta' kwittanza

70.

Jistieden lill-Kummissjoni biex torganizza diskussjoni interistituzzjonali li tinvolvi, fl-istadju inizjali, fl-ogħla livell, rappreżentanti tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Awdituri u tal-Parlament, u fit-tieni fażi r-rappreżentanti mill-Istati Membri, ta' parlamenti nazzjonali u istituzzjonijiet ta' verifika supremi, bil-għan li jinbeda dibattitu komprensiv dwar is-sistema attwali tal-proċedura tal-kwittanza;

71.

Jipproponi li jagħti lill-Kummissjoni, matul il-proċedura baġitarja li ġejja, ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa biex torganizza dibattitu bħal dan;

Responsabbiltà politika u responsabbiltà amministrattiva fil-Kummissjoni

Rapporti ta' attività annwali

72.

Jiddispjaċih li, fir-Rapport Annwali tal-2008, il-Qorti għal darb'oħra enfasizzat li wħud mir-rapporti ta' attività annwali għadhom ma jipprovdux evidenza biżżejjed għad-DAS; jistieden lill-Qorti tal-Awdituri biex tinkludi fil-kapitoli differenti tar-Rapport Annwali analiżi dettaljata tar-rapporti annwali tal-attività korrispondenti;

73.

Jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu dwar il-fatt li l-Qorti għadha ssib dgħufijiet fl-operat tas-sistemi ta' sorveljanza u ta' kontroll u fir-riżervi rilevanti dwar l-assigurazzjoni mogħtija fid-dikjarazzjonijiet mid-Diretturi Ġenerali tal-Kummissjoni, l-aktar fir-rigward tal-impatt tagħhom fuq l-assigurazzjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet sottostanti, u jfakkar lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni dwar ir-responsabilitajiet rispettivi tagħhom f'dan il-qasam;

Trasparenza u etika

74.

Jinsisti li l-pubbliku għandu jkollu aċċess għall-informazzjoni fuq il-membri kollha tal-gruppi ta' esperti u ta' ħidma li jaħdmu mal-Kummissjoni kif ukoll li jkunu magħrufa l-benefiċarji tal-fondi tal-UE;

75.

Jinsisti li l-Kummissjoni għandha tkun responsabbli biex tiżgura li d-data dwar il-benefiċarji tal-fondi tal-UE, inklużi d-dettalji tar-riċeventi u l-proġetti tagħhom, tkun provduta b'mod komplut, tkun tista' tinsab u tkun komparabbli;

76.

Jilqa' l-fatt li l-informazzjoni dwar benefiċjarji ta' fondi tal-UE għandha tiġi ppubblikata b'mod aktar wiesa' u fuq websajt li hi faċilment aċċessibbli kif ukoll li tkun faċli biex tintuża, u jitlob għall-istandardizzazzjoni tal-istruttura u l-preżentazzjoni ta' siti nazzjonali, reġjonali u internazzjonali aċċessibbli mill-portal ċentrali;

77.

Jenfasizza għal darb'oħra l-bżonn li jkun rivedut il-Kodiċi ta' Kondotta tal-Membri tal-Kummissjoni sabiex ikunu rrimedjati nuqqasijiet bħal: (a) in-nuqqas ta' kwalunkwe definizzjoni tat-terminu “kunflitt ta' interess”, (b) in-nuqqas li jkun hemm pjan ta' azzjoni jekk jinqala' l-każ ta' kunflitt ta' interess, (c) nuqqas ta' ċarezza fejn tidħol l-aċċettazzjoni ta' rigali u ospitalità, u (d) in-nuqqas ta' kwalunkwe korp maħtur biex janalizza l-ilmenti, kif ukoll li jitneħħa mill-President id-dover (possibbli) li jagħmel awtoevalwazzjoni;

78.

Jistenna li l-Kummissjoni tibda proċess ta' konsultazzjoni mal-Parlament dwar ir-reviżjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta preżenti tal-Membri tal-Kummissjoni skont il-fehim komuni miksub fis-27 ta' Jannar 2010 bejn il-President José Manuel Barroso u l-Grupp ta' Ħidma tal-Parlament dwar ir-reviżjoni tal-Ftehim ta' Qafas bejn il-Parlament u l-Kummissjoni, u biex tadotta verżjoni riveduta tal-Kodiċi ta' Kondotta tagħha tal-Membri tal-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn Awwissu 2010, filwaqt li josserva li din ir-reviżjoni suppost saret qabel il-ħatra tal-Kummissjoni l-ġdida;

79.

Ifakkar fl-importanza ta' trasparenza sħiħa u ta' pubbliċità fir-rigward ta' persunal li jaħdem fil-kabinetti tal-Membri tal-Kummissjoni li ma kinux impjegati skont ir-Regolamenti tal-Persunal;

80.

Ifakkar ukoll li l-Kodiċi ta' Kondotta li jorbot tal-Membri tal-Kummissjoni għandu jinkopora r-regoli etiċi meħtieġa u l-linji gwida prinċipali li għandhom jiġu osservati mill-Kummissarji fil-qadi ta' dmirijiethom, b'mod partikolari meta jaħtru kollegi, speċjalment għall-kabinetti tagħhom;

81.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-persunal kollu jkun imħarreġ u infurmat kif xieraq dwar l-obbligi u d-drittijiet tiegħu skont l-Artikoli 22a u 22b tar-Regolamenti tal-Persunal;

Governanza u riforma amministrattiva

82.

Jinnota t-tnaqqis żgħir (minn 31,8 % fl-2007 għal 30,9 % fl-2009) fil-persunal allokat għal “appoġġ amministrattiv u funzjonijiet ta' koordinazzjoni”, li jifforma biss parti min-nefqa ġenerali; ifakkar fit-talbiet tiegħu preċedenti għal miżuri mmirati għall-kisba ta' proporzjon ta' 20 % f'dan il-qasam (paragrafu 217 tar-riżoluzzjoni tat-23 ta' April 2009 msemmija hawn fuq);

83.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq, flimkien ma’ dokumenti ta' tħejjija għall-baġit tal-2011 (li qabel kienu d-dokumenti ta' ħidma relatati mal-abbozz preliminari tal-baġit), organigramma li jimplimenta tnaqqis ta' 3 % f'dan il-qasam bħala l-ewwel pass lejn il-kisba ta' livell ta' 20 % sa tmiem il-kariga tal-Kummissjoni Barroso II;

84.

Jitlob lill-Kummissjoni, fit-tħejjija biex tirrevedi r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg, biex torganizza u tippreżenta metodi alternattivi għall-aġġustament tal-ħlas tal-uffiċjali u impjegati oħra fuq bażi legali u attwarja adegwata; jikkunsidra li dan għandu jwassal għal bażi aktar wiesa' ta' kalkolu għall-aġġustament annwali u aġġustament tal-ħlas aktar malajr u għalhekk jirrifletti aħjar l-iżviluppi ekonomiċi ġenerali fl-Istati Membri;

85.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tevalwa l-valur tat-tqegħid tal-kandidati fil-gradi tal-ħlas tad-dħul fir-rigward tal-addattabbiltà tagħhom biss u t-tressiq ta' proposti għat-tqegħid ta' persunal ikkwalifikat fi gradi ta' ħlas ogħla; jistenna wkoll, bħala parti mill-evalwazzjoni, rapport dwar l-użu prattiku ta' membri tal-kabinett wara li jitilqu mill-uffiċċju u b'rabta mal-kundizzjonijiet tad-dħul li kienu mistennija li jissodisfaw;

86.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tiddikjara l-pożizzjoni tagħha dwar il-grad sa fejn it-tfaddil immirat fir-riforma tar-Regolament tal-Persunal tal-2004 attwalment intlaħaq, speċjalment fir-rigward taż-żieda fil-kontribuzzjonijiet mill-uffiċjali u impjegati oħra fl-oqsma tal-kura tas-saħħa u l-pensjonijiet;

87.

Jipproponi li l-Kummissjoni taqsam is-setgħa ġerarkika bejn in-nies li huma responsabbli għall-kontabbiltà u dawk responsabbli għat-trasferiment tal-fondi fl-applikazzjoni tar-regoli ta' sigurtà normali għall-kontroll intern tat-tmexxija tat-teżor;

Immaniġġjar tal-aġenziji

88.

Ifakkar fit-talbiet tiegħu (il-paragrafi 254 u 255 tar-riżoluzzjoni tat-23 ta' April 2009 msemmija hawn fuq) għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' sistema ta' mmaniġġjar ġenerali għall-“aġenziji regolatorji”, kif ukoll għall-introduzzjoni ta' sistema effikaċi ta' monitoraġġ għall-aġenziji tal-Unjoni;

89.

Jenfasizza f'dak ir-rigward li, minkejja l-istatus legalment indipendenti ta' ċerti aġenziji, il-Kummissjoni tibqa' responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit (skont l-Artikolu 317(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 54, 55 u 185 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 u l-Artikolu 37 kif ukoll l-Artikolu 41(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002;

L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)

90.

Huwa mħasseb bl-għadd ta' investigazzjonijiet li qed jieħdu aktar minn disa' xhur u l-livell baxx ta' segwitu fil-ġudikaturi nazzjonali ta' każijiet investigati minn OLAF, u jemmen li għandha ssir evalwazzjoni tar-riżorsi tal-persunal fl-OLAF sabiex jinstab jekk żieda fil-persunal twassalx għal titjib f'dawn iż-żewġ oqsma;

91.

Jilqa' l-impenji tal-15 ta' Jannar 2010 mill-Kummissjoni l-ġdida biex tiżblokka d-diskussjonijiet fil-Kunsill dwar ir-riforma tal-OLAF u biex tressaq, l-aktar tard sa nofs l-2010, l-imwiegħed u tant mistenni “dokument ta' riflessjoni” tal-Kummissjoni bħala bażi għan-negozjati fil-Kunsill;

92.

Itenni l-importanza li titqies il-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari tal-20 ta' Novembru 2008 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 rigward investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (14), u jixtieq jenfasizza mill-ġdid li, għas-saħħa futura tal-OLAF, l-uffiċċju għandu jibqa' fi ħdan il-Kummissjoni filwaqt li jżomm l-indipendenza tiegħu; ifakkar li l-Artikolu 317 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jpoġġi responsabbiltà mtejba fuq l-Istati Membri u għalhekk jappoġġja s-sejħa kontinwa tal-Parlament għal kooperazzjoni mtejba mill-Istati Membri bl-OLAF;

93.

Jixtieq jagħti ħarsa minn qabel lejn il-proposta għall-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (EPPO) kif previst fl-Artikolu 86 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; jixtieq ikun involut fid-diskussjonjiet dwar l-istabbiliment ta' EPPO;;

94.

Jeħtieġ li l-Kummissjoni tressaq, bħala kwistjoni ta' urġenza, l-imwiegħed u tant mistenni “dokument ta' riflessjoni”, u jerġa' jtenni l-importanza tal-pożizzjoni tal-ewwel qari msemmi hawn fuq tal-Parlament tal-20 ta' Novembru 2008 dwar is-suġġett; jixtieq jerġa' jenfasizza li, għall-qawwa futura tal-OLAF, għandu jibqa' fi ħdan il-Kummissjoni filwaqt li jżomm l-indipendenza tiegħu; jisħaq fuq il-proposti tiegħu dwar kariga ta' Direttur Ġenerali tal-OLAF, kif jidhru fil-pożizzjoni tal-Parlament, u jitlob biex il-kandidat magħżul jinħatar mill-aktar fis; huwa tal-fehma li s-selezzjoni sħiħa teħtieġ titmexxa f'qafas interistituzzjonali li jirrispetta bis-sħiħ il-prerogattivi tal-Parlament;

95.

jerġa' jafferma l-opinjoni tiegħu li l-proċedura għall-ħatra tad-Direttur Ġenerali interim tal-OLAF għandu jsegwi, mutatis mutandis, ir-regoli li jinsabu fl-att li jipprovdi l-bażi legali tal-OLAF, jiġifieri l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar l-investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (15); jiddeplora l-applikazzjoni ġenerali tar-Regolamenti tal-Persunal mill-Kummissjoni u jinsab imħasseb li l-pożizzjoni tal-Kummissoni tista' taffettwa l-effikaċja tal-OLAF;

KWISTJONIJIET SETTORJALI

Dħul

96.

Jilqa' l-fatt li l-Qorti qieset li, ġeneralment, l-istqarrijiet tal-Istati Membri rigward ir-riżorsi proprji tradizzjonali mibgħuta lill-Kummissjoni kienu affidabbli u ħielsa minn żbalji materjali u anki li r-riżorsi proprji ibbażati fuq il-VAT u d-DGN ġew ikkalkulati b'mod korrett u korettament miġbura u mdaħħla fil-kontijiet tal-Komunità mill-Kummissjoni;

97.

Jinnota, bi tħassib kbir, ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-iżbilanċ u l-istatistika tad-dejn tal-gvern Grieg (COM(2010) 1), li jqajjem dubji serji rigward l-affidabbiltà tad-data pprovduta mill-awtoritajiet Griegi; jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-investigazzjonijiet tagħha stess dwar il-validità tad-data li saret disponibbli fl-2008 u biex tikkonferma r-regolarità u legalità tal-kalkolu u l-kontribuzzjoni tar-riżorsi proprji li saru disponibbli;

98.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-pjanijiet tagħha għat-trattament futur tal-operazzjonijiet mal-amministrazzjoni Griega; jenfasizza li l-persunal involut fil-ġestjoni tal-fondi Ewropej għandu jkun mistenni minn miżuri għat-tnaqqis fl-ispejjeż sabiex jiżgura ż-żamma u l-integrità tal-istrutturi maniġerjali;

99.

Jinnota madankollu, rigward ir-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT, li r-riżervi li jmorru lura għall-1989 jkomplu jeżistu u jistieden lill-Kummissjoni biex, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tkompli fl-isforzi tagħha biex tiżgura li r-riżervi jitneħħew f'perjodu ta' żmien raġonevoli;

100.

Jistieden lill-Kummissjoni, rigward ir-riżorsi proprji bbażati fuq il-DGN, biex issegwi r-rakkomandazzjoni tal-Qorti fil-punt 4.36 tal-Rapport Annwali tal-2008 tagħha u biex tikkomunika lill-Parlament id-dettalji tal-progress li sar fl-applikazzjoni tal-verifika diretta u l-evalwazzjoni tas-sistemi superviżorji u tal-kontroll fl-istituti nazzjonali tal-istatistika tal-Istati Membri;

Il-politika agrikola komuni

101.

Jilqa' l-evalwazzjoni pożittiva mill-Qorti, ibbażata fuq ix-xogħol ta' verifika tagħha, li, ħlief fir-rigward tal-Iżvilupp Rurali, il-ħlasijiet għas-sena li ntemmet fil-31 Diċembru 2008 għall-grupp ta' politika dwar l-Agrikoltura u Riżorsi Naturali kienu ħielsa minn żbalji materjali; sodisfatt li jinnota li r-rata ta' żbalji medja għall-UE 27 hija taħt il-limitu tat-2 % tollerat mill-Qorti;

102.

Jinnota bi tħassib il-firxa estrema fir-rati ta' żbalji fuq il-post skont l-Istat Membru fl-implimentazzjoni ta' skemi ta' għajnuniet tal-meded (Franza 0,20 %, ir-Renju Unit 0,24 %, il-Ġermanja 0,3 %, il-Greċja 3,70 %, ir-Rumanija 12,57 %, il-Bulgarija bejn wieħed u ieħor 6 %) u jinsisti li l-kredibbiltà ġenerali tas-sistema ma għandhiex tiġi pperikolata; jitlob għal miżuri indirizzati sew u immedjati li jirriżultaw kemm f'serħan amministrattiv għal Stati Membri li jaqbżu l-aspettattivi kif ukoll f'kontromiżuri effikaċi;

103.

Jiddispjaċih mis-sejbiet tal-Qorti rigward in-nefqa tal-Iżvilupp Rurali, li għadu milqut minn livell għoli ta' żbalji, għalkemm il-livell ta' żbalji stmat kien anqas minn dak tas-snin ta' qabel;

104.

Jilqa' l-evalwazzjoni li saret mill-Kummissjoni dwar il-kwalità tad-dikjarazzjonijiet u s-sommarji annwali ppreżentati mill-Istati Membri għan-nefqa Agrikola, li kkonkludiet li, fl-2008, il-maġġoranza tagħhom ikkonformaw mal-obbligi legali tagħhom u ġeneralment segwew il-linji gwida tal-Kummissjoni;

105.

Itenni, bħal fis-snin ta' qabel, li s-Sistema Integrata ta' Amministrazzjoni u Kontroll (IACS) hija ġeneralment sistema ta' kontroll effikaċi li tillimita r-riskju ta' żball jew infiq irregolari, iżda madankollu jiddispjaċih li l-Qorti sabet dgħufijiet sinifikanti f'aġenziji ta' pagament magħżula fi tliet Stati Membri: il-Bulgarija, ir-Rumanija u r-Renju Unit (l-Iskozja) (punt 5.32 tar-Rapport Annwali tal-2008; madankollu, jagħraf li l-passi meħtieġa ttieħdu biex jiġu indirizzati dawn in-nuqqasijiet;

106.

Jitlob is-simplifikazzjoni tar-regoli kumplessi kif ukoll definizzjonijiet aktar preċiżi tal-kriterji ta' eliġibbiltà, partikolarment għall-iskemi agroambjentali, l-ewwel nett fil-livell tal-Kummissjoni iżda wkoll fil-livell nazzjonali, fil-kuntest tal-pjanijiet dwar l-iżvilupp rurali, u jitlob ukoll li l-partijiet interessati kollha jingħataw istruzzjonijiet u linji gwida aktar ċari u komprensivi, kif ukoll li jiġu organizzati attivitajiet ta' taħriġ;

107.

Jiddispjaċih għall-fatt li s-Sistema ta' Identifikazzjoni tal-Ħbula tar-Raba' (LPIS) applikata mill-awtoritajiet nazzjonali għadha mhijiex korretta f'xi Stati Membri fejn il-Qorti rrappurtat nuqqasijiet sostanzjali (fil-Bulgarija, fi Spanja, fil-Polonja u fir-Renju Unit); jinnota li miżuri differenti ttieħdu fuq livell nazzjonali biex jindirizzaw in-nuqqasijiet;

108.

Jesprimi wkoll it-tħassib tiegħu dwar l-iżbalji fir-rigward tan-nefqa fil-Programm SAPARD fil-Bulgarija u r-Rumanija, li wasslu biex id-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura daħħal riżerva fir-Rapport tiegħu dwar l-Attivitajiet Annwali; jenfasizza l-importanza tal-pjanijiet ta' azzjoni diġà fis-seħħ bħala rispons għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni;

109.

Jenfasizza l-importanza ta' verifiki ex-post immedjati u dettaljati biex tinkixef nefqa mhux eliġibbli u/jew dokumentazzjoni ta' appoġġ inadegwata, sabiex ikunu jistgħu jsiru l-korrezzjonijiet meħtieġa;

110.

Huwa mħasseb dwar in-nuqqasijiet misjuba mill-Kummissjoni rigward id-definizzjoni tal-Istati Membri ta' x'inhu meħtieġ sabiex l-art tinżamm f'kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba (“GAEC”), li huma tali li ċerti benefiċjarji jingħataw l-għajnuna skont l-SPS jew l-SAPS bla ma jagħmlu xejn bl-art konċernata (punt 5.49 tar-Rapport Annwali 2008);

111.

Iqis li dawn id-dgħufijiet, fosthom il-kwistjoni tal-benefiċjarji li ma jissodisfawx id-definizzjoni ta' “bdiewa”, kif denunzjati mill-Qorti fir-Rapport Annwali 2008, għandhom jitranġaw mill-Kummissjoni sabiex jingħata livell akbar ta' assigurazzjoni li jista' jinkiseb mill-ħidma tal-korpi ta' ċertifikazzjoni;

112.

Jieħu nota tal-konklużjonijiet tal-Qorti u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb il-kontrolli f'dawk l-Istati Membri li ma jkunux konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja meta talloka d-drittijiet lil hinn mid-dispożizzjonijiet tar-regolamenti;

113.

Jinnota li l-Kummissjoni qajmet nuqqasijiet fir-rigward tal-kontijiet tad-debituri għal kwart tal-aġenziji ta' pagament u pproponiet korrezzjonijiet finanzjarji li jammontaw għal madwar EUR 25,3 miljun; jinnota wkoll li dawn il-korrezzjonijiet jirrappreżentaw madwar 1,95 % tal-EUR 1 295 miljun li għandhom jiġu rkuprati fl-aħħar tas-sena finanzjarja 2008; jenfasizza li, filwaqt li huma eżatt taħt il-livell ta' materjalità ta' 2 %, huma jindikaw li jeżisti riskju ta' żball materjali fuq il-livell globali tal-kontijiet tad-debituri;

114.

Jitlob lill-Kummissjoni biex twettaq segwitu dettaljat biex tiżgura li d-djun ikunu korretti u jintefgħu sewwa fuq il-baġit tal-Komunità;

Il-koeżjoni

115.

Jinnota li l-pagamenti interim għall-perjodu bejn l-2007 u l-2013 li saru fl-2008 jammontaw biss għal 32 % tan-nefqa u li l-impenji tal-Qorti jirreferu b'mod partikulari għan-nefqa waqt il-perjodu ta' programmar bejn l-2000 u l-2006, li kienet tirrapreżenta 68 % tal-pagamenti ta' koeżjoni fl-2008; jinnota, għalhekk, li l-effetti tat-tisħiħ tal-qafas legali għall-perjodu bejn l-2007 u l-2013 u l-miżuri ta' simplifikazzjoni adottati fl-2008 u l-2009 għalissa għadhom ma jistgħux ikunu jidhru;

116.

Jisħaq fuq il-prijorita assoluta li jkomplu jitnaqqsu r-rati globali tal-iżbalji, li baqgħu għoljin f'dan il-qasam ta' nfiq matul l-2008, kif ukoll li jittejbu s-superviżjoni tal-Kummissjoni u s-sistema ta' rkupru;

117.

Huwa mħasseb li l-iżbalji fil-qasam tal-finanzjament tal-Koeżjoni jindikaw li tal-anqas 11 % tal-ammont totali rimborżat ma kellux jitħallas, bl-ebda titjib meta mqabbel mal-2007; jiddispjaċih li l-korrezzjonijiet u l-irkupri finanzjarji huma biss parzjalment funzjonali; jinnota li l-korrezzjonijiet finanzjarji li ġejjin saru għall-perjodu tal-ipprogrammar tal-2000-2006: Spanja EUR 1 535,07 miljun; il-Greċja EUR 881,24 miljun; l-Italja EUR 693,90 miljun; Franza EUR 248,48 miljun; ir-Renju Unit EUR 155,94 miljun; il-Portugall EUR 128,24 miljun; il-Polonja EUR 88,99 miljun; l-Ungerija EUR 40,62 miljun; ir-Repubblika Slovakka EUR 39,16 miljun; l-Irlanda EUR 25,55 miljun; il-Ġermanja EUR 19,33 miljun; l-Isvezja EUR 11,30 miljun;

118.

Jinnota bi tħassib id-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom l-awtoritajiet tal-Istati Membri fir-rigward kemm tat-traspożizzjoni tar-rekwiżiti regolatorji tal-2007-2013 (bħal pereżempju l-kwistjonijiet ta' inkompatibbiltà bejn il-livelli tal-UE u nazzjonali, dewmien fl-istabbiliment tar-regoli, regoli mhux ċari) u kemm tal-istabbiliment tal-ġestjoni l-ġdida u s-sistemi ta' kontroll (allokazzjoni ta' attivitajiet għall-istituzzjonijiet il-ġodda, jiġifieri l-awtoritajiet li jimmaniġġjaw, jiċċertifikaw u jivverifikaw);

119.

Jiddeplora l-fatt li s-sistema ta' sanzjonijiet għall-Istati Membri li għandhom rati għolja ta' żbalji u li jirċievu ishma kbar tal-fondi hija ineffiċjenti minħaba li jħallsu lura fi rkupru biss bejn 3 % u 5 % tal-approprjazzjonijiet globali; huwa mħasseb li l-ispiża taż-żamma xierqa tas-sistemi tal-kontroll taqbeż manifestament dan l-ammont, għalhekk dan huwa inċentiv negattiv;

120.

jerġa' jtenni s-sejħa tiegħu għal aktar simplifikazzjoni tar-regoli proposti mill-Kummissjoni, u, fl-istess waqt, għall-introduzzjoni ta' kontrolli aktar effiċjenti fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali, bil-għan ta' implimentazzjoni aktar effikaċi tal-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni; huwa tal-fehma li huwa essenzjali li ssir valutazzjoni oġġettiva tal-effetti tal-miżuri ta' simplifikazzjoni introdotti fl-2008-2009, u jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq din il-valutazzjoni sa tmiem l-2010;

121.

Jieħu nota tat-tħassib li esprimiet il-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tad-diffikultajiet iffaċċjati biex jiġi ppreżentat, permezz ta' sempliċi rapport annwali, ritratt definittiv u li ma jistax jinbidel tar-realtà progressiva u li tinbidel li hi determinata mill-baġit tal-politika ta' koeżjoni, soġġetta għal kalendarju pluriennali dinamiku li fih il-persentaġġi finali ta' żbalji u ta' irregolaritajiet li għandhom konsegwenzi, kif ukoll l-ammonti reali soġġetti għall-irkupru, ma jistgħux jiġu vverifikati ħlief fi stadju wisq aktar tard (il-Kummissjoni għadha kif għalqet il-kontijiet għall-perjodu finanzjarju 1994-1999); jitlob għalhekk lill-Kummissjoni biex, minbarra l-Pjan ta' Azzjoni li hemm fis-seħħ u f'kooperazzjoni mal-Qorti tal-Awdituri, tippreżenta proposta għal soluzzjoni għal dawk id-diffikultajiet li jirriżultaw mid-diskrepanza li teżisti bejn il-qafas baġitarju pluriennali u s-sistema ta' verifika annwali; proposta bħal din tkun tiswa wkoll biex tiġi ggarantita verifika aktar effikaċi ta' proġetti Ewropej kbar, bħal m'hu l-Galileo;

122.

Jinnota li l-Pjan ta' Azzjoni biex jissaħħaħ ir-rwol ta' sorveljanza tal-Kummissjoni fil-ġestjoni konġunta tal-azzjonijiet strutturali, ippreżentat fl-2008, ma ġiex implimentat bis-sħiħ fl-2008 u ma kienx se jsolvi l-problema ewlenija, jiġifieri dik tar-regoli kumplessi żżejjed flimkien ma’ rekwiżiti ta' implimentazzjoni li jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor u xi kultant anke bejn reġjuni differenti; jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi fi żmien xieraq it-traduzzjoni tal-linji gwida għall-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri; jenfasizza barra minn hekk li l-impatt tiegħu ma jistax jiġi vvalutat peress li l-iżbalji mwettqa fis-snin preċedenti għadhom qed jaffettwaw l-infiq imħallas lura mill-Kummissjoni, bħal ma rrimarkat tajjeb il-Qorti fir-Rapport Annwali tagħha (punt 6.34);

123.

Iqis li, minkejja t-titjib sinifikanti fis-sistemi ta' ġestjoni u kontroll introdotti mill-Pjan ta' Azzjoni 2008 li saħħaħ ir-rwol superviżorju tal-Kummissjoni fl-azzjonijiet strutturali, il-fatt li, kif osservat il-Kummissjoni, 31 % biss mis-sistemi jaħdmu tajjeb u li aktar minn 60 % jeħtieġu titjib mhuwiex sodisfaċenti; għaldaqstant, jistieden lill-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u l-awtoritajiet ta' ġestjoni responsabbli biex jikkollaboraw mill-qrib mal-Kummissjoni fi sforz biex itejbu dawn l-istatistiċi;

124.

Jinnota b'sodisfazzjon ir-riżultat tal-verifika li juri rata ta' żball preliminari ta' 5 % li jirrifletti r-riżultat pożittiv tas-simplifikazzjoni introdotta għall-perjodu ta' programmar bejn 2007-2013;

125.

Josserva li l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni ppermettielha tieħu azzjoni fuq il-linji kollha rrakkomandati mill-Qorti; Jilqa' b'sodisfazzjon l-azzjonijiet tal-Kummissjoni biex tipprovdi taħriġ u gwida għall-awtoritajiet tal-programmi bil-għan li jitjieb il-funzjonament tas-sistema ta' ġestjoni konġunta applikata fir-rigward tal-infiq tal-politika ta' koeżjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli żżid l-isforzi tagħha billi tipprovdi gwida lill-Istati Membri u tħeġġiġhom biex isaħħu l-proċeduri ta' rkupru u r-rappurtar.

126.

Jinnota l-osservazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li l-proporzjon ta' proġetti fil-kampjun statistiku rappreżentattiv affettwat bi żbalji kien ta' 43 % u li għadd kbir minn dawn il-proġetti kienu rrimburżati żżejjed; iqis, madankollu, li din l-osservazzjoni għandha tittaffa bid-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni li kienet konxja mill-eżistenza ta' nuqqasijiet f'ħames mis-sitt programmi kkonċernati, u li kienet ħadet azzjoni ta' rimedju; jinnota li t-tieni dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, appoġġata bl-osservazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri fil-punt 6.20 tar-Rapport Annwali tagħha, li 58 % tal-iżbalji jikkonċernaw żbalji ta' konformità u ma kien ikollhom l-ebda effett fuq ir-rimborż tal-infiq;

127.

Jinnota li l-ksur tar-regoli tal-akkwist pubbliku huwa waħda mir-raġunijiet l-iktar frekwenti tal-irregolaritajiet; jistieden lill-Kummissjoni biex tivverifika l-oriġini ta' dan in-nuqqas ta' konformità ma’ dawk ir-regoli; Jilqa' f'dan il-kuntest il-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri u l-inizjattivi meħuda mill-Kummissjoni biex tissimplifika l-ġestjoni tal-Fondi Strutturali, u huwa tal-opinjoni li dawn l-inizjattivi se jagħmlu kontribut kruċjali biex inaqqsu l-inċidenza ta' żbalji;

128.

Jinkoraġġixxi l-Kummissjoni biex tippreżenta sal-2011 l-aktar tard proposta dwar ir-riskju tollerabbli ta' żbalji fil-qasam tal-politika tal-Koeżjoni, li kien il-qasam l-aktar suxxettibbli għall-iżbalji;

129.

Jistieden lill-Kummissjoni biex, b'urġenza, twettaq analiżi inizjali tal-proporzjon tal-kosts u l-benefiċċji bejn ir-riżorsi dedikati għal attivitajiet ta' kontroll fid-DĠ REGIO u d-DĠ EMPL u r-riżultati miksuba minn dawn il-kontrolli;

130.

Jinnota li l-ewwel effetti pożittivi tal-qafas legali u ta' kontroll imsaħħaħ, kif ukoll tal-pjan ta' azzjon tal-Kummissjoni, fuq ir-rata tal-iżbalji għall-perjodu tal-ipprogrammar 2007-2013 x'aktarx li se jkunu viżibbli biss minn tmiem l-2010;

131.

Huwa mħasseb li, hekk kif il-perjodu ta' pprogrammar 2000-2006 resaq lejn tmiemu, l-awtoritajiet nazzjonali, taħt pressjoni biex jassorbu l-fondi kollha impenjati, setgħu ppreżentaw numru dejjem akbar ta' proġetti mhux previsti; jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun żgurat li din is-sitwazzjoni ma tirrepetix ruħha fil-perjodu ta' pprogrammar attwali u jistieden lill-Kummissjoni biex tapplika strettament miżuri korrettivi u dissważivi (sospensjonijiet tal-pagamenti u korrezzjonijiet finanzjarji) kontra l-Istati Membri, fejn dan ikun f'loku;

132.

Jiddeplora, f'dan il-kuntest, il-bidu kajman tal-programmi relatati mal-perjodu tal-ipprogrammar 2007-2013 minħabba s-sottomissjoni tard min-naħa tal-Istati Membri tar-rapporti dwar il-valutazzjoni tal-konformità u l-istrateġiji ta' verifika; jaqsam il-fehmiet tal-Qorti u huwa inkwetat li dan id-dewmien jista' jkabbar il-probabbiltà li s-sistemi ta' kontroll jonqsu illi jipprevjenu u jindividwaw l-iżbalji fil-fażi inizjali; jistieden lill-Kummissjoni mill-ġdid biex twettaq ir-rwol superviżorju tagħha bl-akbar rigorożità;

133.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tidentifika u xxerred l-aqwa prattiki fost l-Istati Membri sabiex tippermetti assorbiment akbar tal-fondi u ħruġ tal-flus benefiċjarju mtejjeb billi jiġu emendati u ssimplifikati l-Fondi Strutturali billi jiġu implimentati r-regolamenti fil-livell nazzjonali;

134.

Jinnota l-osservazzjoni tal-Qorti li, għall-perjodu ta' programmar 2007-2013, id-dispożizzjonijiet ta' kontroll huma msaħħa u r-responsabilitajiet rispettivi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri huma ċċarati; f'dan il-kuntest, japprezza l-valur miżjud tal-awtorità ta' verifika mwaqqfa għal kull programm u jaqbel mal-aspettattiva tal-Kummissjoni li r-rapport annwali tal-kontroll u l-opinjoni ppreżentati mill-awtorità ta' verifika għandhom isaħħu l-assigurazzjoni pprovduta mis-sistemi ta' kontroll nazzjonali;

135.

Jitlob lill-Kummissjoni biex, fir-rapport ta' sinteżi li ġej tagħha u r-rapporti annwali dwar l-attività tad-DĠ tagħha, tagħtih informazzjoni ċara li tidentifika dawk l-Istati Membri li s-sistemi ta' kontroll tagħhom l-anqas li huma effikaċi, u biex tipproduċi klassifikazzjoni annwali tal-Istati Membri għal kull fond; barra minn hekk, jistieden lill-Qorti biex tfassal l-istess lista abbażi tal-verifiki tagħha;

136.

Jiġbed l-attenzjoni fuq l-osservazzjoni tal-Qorti, li tixbah dik li saret fl-2007, li l-ambitu u l-iskala tar-riservi fir-rapporti annwali dwar l-attività ma jistqarrux b'biżżejjed qawwa l-gravità tal-problemi tal-irregolarità u ta' sistemi mhux effikaċi ta' kontroll; huwa tal-fehma, għaldaqstant, li l-approċċ tad-Direttorati Ġenerali għandu jkun aktar prudenti u l-ambitu tar-riservi għandu jkun konsegwentement akbar;

137.

Jiġbed l-attenzjoni għan-natura speċifika tal-infiq tal-politika ta' koeżjoni li tirriżulta mis-sistema ta' ġestjoni pluriennali u jenfasizza li l-korrezzjonijiet finanzjarji jsiru fis-snin sussegwenti kif ukoll fl-għeluq tal-perjodu ta' programmar, u dan, b'mod ġenerali, jippermetti li l-Kummissjoni ssib u tikkoreġi għadd kbir ta' irregolaritajiet;

138.

Jilqa' r-rapporti ta' kull kwart li l-Kummissjoni qed tipprovdi dwar korrezzjonijiet finanzjarji u l-intensifikazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji mill-Kummissjoni fl-2008 u l-2009; jiddispjaċih, madankollu, li s-sistema ta' korrezzjonijiet finanzjarji ftit għandha effett dissważiv fu ql-Istati Membri, minħabba li kwalunkwe nfiq ineliġibbli identifikat mill-Kummissjoni jew mill_Qorti jista' jiġi sostitwit bi nfiq eliġibbli min-naħa ta' Stat Membru; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tiżgura li, fil-ġejjieni, biss l-irregolaritajiet identifikati mill-Istati Membri nfushom ikunu jistgħu jiġu sostitwiti għal infiq ieħor bla ma jintilef il-finanzjament għall-Istat Membru kkonċernat;

139.

Jiddeplora l-kwalità ħażina tar-rappurtar minn xi Stati Membri lill-Kummissjoni dwar l-irkupru u l-korrezzjonijiet finanzjarji, li tillimita s-siwi u s-sħuħija tar-rapporti ta' kull kwart mill-Kummissjoni lill-Parlament; jistieden lilll-Kummissjoni biex tieħu passi ulterjuri ħalli tiżgura li l-Istati Membri jaqdu l-obbligi tagħhom billi rigorożament tivverifika u tivvaluta l-affidabbiltà u s-sħuħija tad-data rrappurtata, u jistenna bil-ħerqa li jirċievi n-nota ġdida ta' gwida lill-awtoritajiet ta' ċertifikazzjoni, inklużi r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għat-titjib tal-proċeduri ta' rappurtar; jitlob lill-Kummissjoni biex, fir-rapport ta' sinteżi li ġej tagħha, tidentifika l-Istati Membri li mhumiex qed jottemperaw irweiħhom għal kollox mar-rekwiżiti ta' rappurtar;

140.

Jinnota li l-għadd ta' irregolaritajiet irrappurtati mill-Istati Membri lill-OLAF għas-sena 2008 jvarja ħafna: l-Italja 802, Spanja 488, ir-Renju Unit 483, il-Portugall 403, il-Ġermanja 372, il-Polonnja 329, l-Olanda 262, l-Isvezja 146, Franza 98, il-Greċja 96, ir-Repubblika Ċeka 80, Ir-Repubblika Slovakka 62, l-Ungerija 39, l-Awstrija 37, il-Belġju 35, l-Estonja 28, il-Finlandja 28, il-Litwanja 26, il-Latvja 22, is-Slovenja 13, Ċipru 4, il-Bulgarija 4, l-Irlanda 2, Malta 1, ir-Rumanija 0; huwa mħasseb li dan jista' jwassal għal sistema ta' rappurtar inqas koerenti;

141.

Jinnota li ma ġie kkomunikat l-ebda każ ta' frodi lill-Kummissjoni fir-rigward ta' proġetti vverifikati u jenfasizza li l-livell ta' żbalji deskritti fir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri ma jirreferix neċessarjament għal frodi;

142.

Jitlob lill-Kummissjoni biex jikkontrolla b'mod kostanti l-plawżibbiltà tan-numri rrappurtati u biex tivverifika fuq il-bażi tal-investigazzjonijiet li tagħmel hi stess l-effiċjenza tas-sistemi tar-rappurtar fejn in-numru rappurtat ta' irregolaritajiet jidher li hu baxx iżżejjed;

143.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi informazzjoni dettaljata dwar iċ-ċifri tal-implimentazzjoni u l-iskemi ta' distribuzzjoni għall-ħlasijiet li saru mill-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea mill-awtoritajiet Griegi wara n-nirien devastanti fil-foresti; jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi informazzjoni dwar il-kontroll ex post imwettqa u r-riżultati tiegħu;

144.

Jilqa' d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Awdituri biex tinkludi fil-Programm ta' Ħidma Annwali 2010 il-verifika tal-ESF u l-ERDF fil-qasam tat-turiżmu, it-taħriġ vokazzjonali għan-nisa u l-provvisti tal-ilma tax-xorb għall-pubbliku, li huma ta' importanza kbira għall-iżvilupp tal-komunitajiet lokali.

145.

Jistieden lill-Qorti tal-Awdituri biex tivvaluta kif l-awtoritajiet amministrattivi iwettqu l-evalwazzjonijiet esterni fir-rigward tal-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni u biex toqgħod attenta b'mod partikulari għall-indipendenza tal-evalwazzjoni meta din titħallas mill-benifiċjarju tal-evalwazzjoni;

146.

Jistieden lill-Qorti tal-Awdituri biex tivvaluta, f'termini ta' riżorsi umani, il-kapaċità tal-awtoritajiet tal-verifika ta' Stat Membru biex iwettqu verifiki u l-indipendenza tagħhom meta jagħmlu valutazzjoni ta' konformità tas-sistema ta' kontroll tal-ġestjoni.

Impjiegi u affarijiet soċjali

147.

Jilqa' ż-żieda tar-riżorsi allokati għall-Fond Soċjali Ewropew (ESF) b'EUR 10,6 biljun f'impenji għal 100 % u EUR 8,8 biljun fi ħlasijiet għal 97,1 %; jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni għal titjib tal-ġestjoni finanzjarja;

148.

Għandu evidenza li l-livell ta' żbalji huwa aktar baxx fl-ESF mill-11 % rrapportat għall-Fondi Strutturali b'mod ġenerali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkomunika r-rata ta' żball proprja tagħha u biex teżamina l-possibbiltà li l-ESF ikollha aktar awtonomija għall-perjodu finanzjarju li ġej;

149.

ifakkar li huwa l-kompitu tad-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi li jamministra r-riżorsi li jieħu miżuri biex jipprevjeni l-frodi u l-korruzzjoni; Jilqa' l-kollaborazzjoni mill-qrib mal-OLAF; jixtieq jiżgura li l-każijiet ta' frodi fl-ESF jiġu segwiti u investigati anki mill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali;

150.

Jinnota li l-livell ta' żbalji mhux bilfors jirreferi għal frodi u għaldaqstant jitlob li ssir distinzjoni ċara bejn il-frodi u r-rati ta' żbalji fil-futur;

151.

Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex titlob rendikont komprensiv mill-Istati Membri kollha permezz ta' rapporti annwali ta' kontroll mill-uffiċċji ta' verifika u sommarji ta' rapporti annwali; jitlob li jsir eżami tal-obbligu tal-għoti ta' rendikont, biex ma jiġrix li l-informazzjoni tintalab darbtejn; iqis li rapporti nieqsa, jew bil-lakuni, ta' rendikont mill-awtoritajiet nazzjonali ta' amministrazzjoni jew verifika, kif ukoll in-nuqqas tar-rispett tar-rekwiżiti baġitarji minimi, mhumiex aċċettabbli u ħaqqhom sanzjoni; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tfassal proposti ħalli ttejjeb u twessa' l-obbligu ta' rappurtar eżistenti, bl-inklużjoni ta' mekkaniżmu ta' sanzjonijiet;

152.

Jinnota li jistgħu jinqalgħu kunflitti ta' interess bejn il-ġestjoni tal-fondi u u l-benefiċjarji tagħhom fil-proċess tal-allokazzjoni tal-fondi; jitlob lill-Kummissjoni biex timplimenta regoli għall-prevenzjoni ta' kunflitti ta' interess fil-proċess tal-allokazzjoni tal-fondi, bil-mezzi relattivi, fil-livell tal-amministrazzjonijiet nazzjonali;

153.

Jenfasizza l-ħtiġijiet speċifiċi tal-gruppi tal-mira u tal-promoturi tal-proġetti fl-ESF; jipproponi li l-attivitajiet volontarji f'organizzazzjonijiet bla skop ta' qligħ u investimenti in natura jiddaħħlu fil-kofinanzjament tal-proġetti; jitlob li jsir stħarriġ dwar l-ispejjeż amministrattivi fl-ESF fost il-promoturi tal-proġetti skont kull Stat Membru u kull proġett;

154.

Ifakkar fl-emendi l-aktar reċenti li saru fir-Regolamenti dwar il-Fond Strutturali (ir-Regolament (KE) Nru 1341/2008 (16), ir-Regolament (KE) Nru 284/2009 (17), ir-Regolament (KE) Nru 396/2009 (18), ir-Regolament (KE) Nru 397/2009 (19) u r-Regolament (KE) Nru 846/2009 (20)) bil-għan li jkunu ssimplifikati l-proċeduri amministrattivi; jitlob rapport dwar l-effetti ta' dawn l-emendi;

155.

Jinnota li l-proċeduri ta' simplifikazzjoni ta' dan it-tip huma fundamentali biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-proċeduri ta' dan it-tip ma jwasslux għal rata ta' żbalji ogħla fil-futur;

Politiki interni

Ir-Riċerka, l-Enerġija u t-Trasport

156.

Jilqa' t-tnaqqis żgħir tal-iżbalji meta mqabbla ma’ snin preċedenti għal dan il-grupp ta' politiki kif ukoll it-titjib rigward il-pagamenti tard, fejn il-Qorti sabet li l-Kummissjoni tejbet il-prestazzjon tagħha konsiderevolment fl-2008, billi għamlet pagamenti f'waqthom lill-benefiċjarji;

157.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel ħilitha ħalli żżomm ix-xejra pożittiva tal-2008 f'dan il-qasam li jaqa' taħt il-ġestjoni finanzjarja diretta tal-Kummissjoni;

158.

Madankollu, jinnota bi tħassib li, b'mod ġenerali, f'dak li jirrigwarda r-riċerka, l-enerġija u t-trasport il-verifika tal-Qorti għal darb' oħra tikxef livell materjali ta' żbalji fil-pagamenti lill-benefiċjarji u fis-sistemi tal-Kummissjoni għas-superviżjoni u l-kontroll, li ma jtaffux biżżejjed ir-riskji inerenti tar-rimborż ta' spejjeż sovrastimati;

159.

Huwa speċjalment imħasseb mir-riserva pendenti magħmula mill-erba' servizzi tal-familja tar-Riċerka minħabba r-rata ta' żbalji residwi li jaffettwaw il-klejms tal-ispejjeż fis-Sitt Programm Kwadru (FP6);

160.

Jinnota wkoll id-diverġenza sistemika fit-trattament tar-riċevituri tal-fondi tal-UE f'setturi, programmi u modi ta; ġestjoni differenti;

161.

Huwa mħasseb li l-immaġni pubblika tal-UE tista' tmur minn taħt jekk il-partijiet interessati jindunaw li qed jiġu applikati sistemi ta' kontroll aktar stretti fil-qasam agrikolu milli fl-implimentazzjoni tar-riċerka;

162.

Jinnota li xi dispożizzjonijiet legali rigward il-finanzjament tar-riċerka (pereżempju s-sanzjonijiet involuti) ma kinux jiġu applikati qabel, u jistieden lill-Kummissjoni biex ittemm din is-sitwazzjoni u biex tiżgura applikazzjoni sħiħa u konsistenti tad-dispożizzjonijiet legali eżistenti;

163.

Ifakkar fl-istess ħin fit-talbiet tiegħu li saru fir-riżoluzzjoni msemmija aktar 'il fuq tat-23 ta' April 2009 (paragrafu 117 et al), b'mod partikolari t-talba tiegħu għal astensjoni minn kull tibdiliet retroattivi, u biex jiġu onorati l-aspettativi leġittimi tal-benefiċjarji, kif ukoll titħaffef l-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati dwar il-metodoloġija applikata b'rabta mal-medja tal-ispejjeż tal-persunal, fejn ma nkisibx progress viżibbli; jistieden lill-Kummissjoni, bl-iskop li l-leġiżlar isir b'mod aħjar, biex tressaq proposti realistiċi kemm fir-rigward tal-miri kif ukoll tal-proċeduri fil-futur;

164.

F'dak ir-rigward, jinnota bi tħassib kbir li ċertifikat wieħed biss dwar il-metodoloġija applikata b'rabta mal-medja tal-ispejjeż tal-persunal ġie approvat;

165.

Jiddispjaċih ukoll dwar in-nuqqas ta' informazzjoni ċara dwar l-assi ta' Galileo; jitlob lill-Kummissjoni biex tikseb l-informazzjoni meħtieġa ħalli tfassal inventarju, tivverifika l-kriterji ta' rikonoxximent u tevalwa l-valutazzjoni tal-assi ta' Galileo miżmuma mill-Aġenzija Spazjali Ewropea; jitlob lill-Kummissjoni biex tibgħat din l-informazzjoni lill-Parlament qabel tmiem l-2010;

166.

Huwa mħasseb li r-regolazzjoni kurrenti tal-Programm Kwadru ma tikkorrispondix għall-ħtiġijiet ta' ambjent modern tar-riċerka u jemmen li aktar modernizzazzjoni u simplifikazzjoni huma essenzjali għal Programm Kwadru ġdid;

167.

Iqis li simplifikazzjoni tar-regoli għal-kalkolu għall-ispejjeż ikklejmjati hija meħtieġa biex tittejjeb is-sitwazzjoni, u jistieden lill-Kummissjoni biex tissokta bl-isforzi tagħha biex tifformula regoli aktar faċilment applikabbli għall-benefiċjarji tal-programmi; jitlob definizzjoni ċara tal-kriterji meħtieġa għall-valutazzjoni ta' kemm il-metodoloġiji tal-“costing” tal-benefiċjarji jikkonformaw mar-rekwiżiti regolatorji;

168.

Jenfasizza li l-Kummissjoni jeħtiġilha tiżgura l-applikazzjoni rigoruża tal-kontrolli, b'mod partikolari billi ttejjeb l-affidabbiltà taċ-ċertifikati ta' verifika u permezz ta' implimentazzjoni effikaċi tal-istrateġija ta' verifika ex-post tagħha, bl-impożizzjoni ta' penalitajiet fejn dan ikun f'loku u bi rkupri jew aġġustamenti f'waqthom f'każijiet ta' rimborż mhux dovut għall-ispejjeż ikklejmjati, kif irrakkomandat il-Qorti;

169.

Jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex tirrifletti dwar id-distribuzzjoni tal-attivitajiet bejn id-Direttorati Ġenerali ta' riċerka, li, flimkien mal-assenza ta' sistema integrata tal-ġestjoni tal-informazzjoni, skont il-Qorti tagħmel il-koordinament aktar diffiċli, b'mod partikolari għas-segwitu tar-riżultati tal-verifiki;

L-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

170.

Jikkunsidra r-rati tal-implimentazzjoni ġenerali tal-intestaturi bagitarji għall-ambjent, is-saħħa pubblika u s-sikurezza tal-ikel bħala sodisfaċenti;

171.

Jenfasizza r-rata ġenerali ta' 95,15 % tal-eżekuzzjoni baġitarja fil-qasam tal-ambjent, l-implimentazzjoni ta' 99,75 % tal-krediti għall-impenji fil-qasam tas-saħħa pubblika u l-eżekuzzjoni ta' 98 % fil-kapitolu dwar is-sikurezza tal-ikel u s-saħħa tal-annimali, bħala xi ħaġa li tirrappreżenta riżultat sodisfaċenti;

172.

Jinnota li fil-baġit 2008 ġew implimentati sitt proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji;

173.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-ilħuq ta' rata ta' 99,26 % ta' implimentazzjoni tal-baġit operazzjonali ta' LIFE+; jinnota li ntgħażlu 196 proġett; jinnota li 52 % tal-finanzjament mogħti ngħata lil proġetti “natura u bijodiversità”; iqis, madankollu, li għad baqa' lok għal titjib fil-ġestjoni tal-Kummissjoni biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-proġetti kofinanzjati;

174.

Jinnota f'dan ir-rigward li jista' jinkiseb titjib billi jiġi żgurat li diġà jkun hemm miżuri ta' appoġġ meta jitniedu sejħiet għal proġetti, billi jittejjeb aktar it-tixrid tal-għerf iġġenerat minn proġetti LIFE u billi jissaħħaħ is-segwitu sistematiku tal-proġetti wara li jintemmu;

175.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa aktar għajnuna u taħriġ speċifiku għall-applikanti u linji gwida li jkunu faċli li jintużaw; jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni immedjata lill-partijiet tal-programm li sar għandhom livell baxx ta' implimentazzjoni u tittieħed azzjoni xierqa;

176.

Jenfasizza l-importanza li tingħata aktar għajnuna ffukata lill-applikanti li jkunu qed jimplimentaw proġetti taħt il-programm tas-saħħa pubblika biex jiġu evitati dikjarazzjonijiet mhux raġonevoli ta' spejjeż u rapporti finanzjarji mhux kompluti li jirriżultaw fi proċeduri li jieħdu ż-żmien; barra minn hekk, iqis li s-sejħiet għal offerti għandhom ikunu ċari u faċli li wieħed iwieġeb għalihom, biex jiġu evitati applikazzjonijiet għal proġetti li b'mod ċar ma jkunux eliġibbli għal finanzjament minħabba d-daqs tagħhom u l-ispejjeż għoljin marbuta magħhom jew li jkunu ta' kwalità baxxa;

177.

Jinnota b'sodisfazzjon l-implimentazzjoni li rnexxiet tal-Fond Komunitarju tat-Tabakk u għandu fiduċja fl-importanza ta' dan l-istrument;

178.

Ifakkar lill-Kummissjoni dwar ir-responsabbiltà tagħha lejn l-Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Konsumaturi (EAHC); jinnota li l-EAHC kienet qed timmaniġġja 256 proġett fejn l-ispejjeż kienu maqsuma, li jirrappreżentaw total ta' EUR 119 miljun mill-baġit tal-Unjoni Ewropea, u li organizzat laqgħat ta' esperti kif ukoll ġranet ta' informazzjoni; iqis il-prestazzjoni tal-EAHC fl-2008 bħala sodisfaċenti;

Is-Suq intern u l-Ħarsien tal-Konsumaturi

179.

Jiddispjaċih li r-rapporti annwali tal-attivita' tad-Direttorati-Ġenerali u s-Servizzi tal-Kummissjoni huma disponibbli online biss f'lingwa waħda; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ittejjeb is-sitwazzjoni fir-rigward tar-rapporti tas-sena d-dieħla;

180.

Jinnota li, f'ħafna sitwazzjonijiet, l-iżbalji li jsiru fl-implimentazzjoni tal-baġit huma riżultat tal-kumplessità żejda tar-regoli u l-proċeduri dwar l-infiq; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni biex tagħmel sforzi ulterjuri sabiex tissimplifika l-qafas legali, speċjalment biex issolvi l-problemi li għad baqa' f'ċerti sistemi ta' kontroll;

181.

Jiddeplora l-fatt li l-frekwenza ta' kontrolli fiżiċi mwettqa mill-Istati Membri fuq l-importazzjonijiet għadha baxxa ħafna, minkejja r-rakkomandazzjonijiet frekwenti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-fatt li d-dazji jirrappreżentaw ammont konsiderevoli tad-dħul totali għall-baġit 2008; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex lill-Istati Membri titlobhom isibu bilanċ xieraq bejn il-kontrolli fiżiċi waqt l-importazzjoni u l-verifiki ta' wara l-iżdoganar tal-operaturi;

182.

Jilqa' b'sodisfazzjon it-titjib li sar sabiex tinkiseb rata ta' eżekuzzjoni ta' 92 % għall-krediti ta' ħlas għall-implimentazzjoni u l-iżvilupp tas-suq intern (linja baġitarja 12 02 01); jinnota r-rata ta' eżekuzzjoni ta' 48 % għall-Programm SOLVIT (linja baġitarja 12 02 02) li hija dovuta għall-użu ta' krediti ta' ħlas fl-ewwel sena biss mill-ħolqien ta' din il-linja baġitarja; jagħraf, għaldaqstant, il-fatt li r-rata ta' eżekuzzjoni fir-rigward tal-krediti ta' impenn laħqet 97 %;

183.

Jirrikonoxxi l-fatt li rata ta' eżekuzzjoni ta' 97 % għal krediti ta' ħlas fil-qasam tal-politika doganali (linji baġitarji 14 04 01 u 14 04 02) tikkostitwixxi titjib konsiderevoli meta mqabbla mas-sena preċedenti minħabba metodu ta' kalkulazzjoni aħjar, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli fuq din il-linja;

184.

Japprezza l-isforzi mwettqa biex tinkiseb rata ta' eżekuzzjoni ta' 97 % għall-krediti ta' ħlas għall-programm tal-konsumatur (linji baġitarji 17 02 01 u 17 02 02).

It-Trasport u t-Turiżmu

185.

Jinnota li fil-baġit tal-2008, kif kien finalment adottat u mbagħad emendat matul is-sena, speċifikament għall-politiki li jaqgħu fil-kamp ta' attività tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, kien inkluż total ta' EUR 2 516 000 000 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u EUR 1 703 000 000 f'approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet; jinnota wkoll li minn dawn l-ammonti:

EUR 969 425 000 kienu disponibbli f'approprjazzjonijiet għall-impenji u EUR 892 308 000 f'approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport (TEN-T),

EUR 13 600 000 kienu disponibbli f'approprjazzjonijiet għall-impenji u EUR 10 000 000 f'approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għas-sikurezza tat-trasport,

EUR 39 080 000 kienu disponibbli f'approprjazzjonijiet għall-impenji u EUR 37 958 000 f'approprjazzjoniet għall-ħlasijiet għall-programm Marco Polo,

EUR 96 160 000 kienu disponibbli f'approprjazzjoniet għall-impenji u EUR 98 000 000 f'approprjazzjoniet għall-ħlasijiet għall-aġenziji tat-trasport u għall-Awtorità ta' Viġilanza Ewropea Galileo,

EUR 468 472 000 kienu disponibbli f'approprjazzjoniet għall-impenji u EUR 345 402 000 f'approprjazzjoniet għall-ħlasijiet għat-trasport, inkluż qasam ta' prijorità ddedikat għall-mobbiltà urbana sostenibbli, fis-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp,

EUR 5 350 000 kienu disponibbli f'approprjazzjoniet għall-impenji u għall-ħlasijiet għas-sigurtà tat-trasport, inkluża l-azzjoni preparatorja li għandha l-għan li tinkoraġġixxi t-traffiku transkonfinali fil-punti ta' qsim tal-fruntieri fil-Grigal tal-Unjoni Ewropea,

EUR 2 500 000 kienu disponibbli f'approprjazzjoniet għall-impenji u EUR 1 500 000 f'approprjazzjoniet għall-ħlasijiet għat-turiżmu;

186.

Jieħu nota tal-fatt li, waqt li kienet qed tiġi eżaminata l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2008, il-Qorti tal-Awdituri għażlet li tiffoka fuq il-politiki tar-riċerka u tal-enerġija aktar milli fuq il-politika tat-trasport;

187.

Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rati kontinwament għoljin tal-użu tal-approprjazzjonijiet kemm għall-impenji kif ukoll għall-ħlasijiet li jikkaratterizzaw il-proġetti tat-TEN-T, li jilħqu kważi l-100 %, u jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżguraw finanzjament xieraq, mill-baġits nazzjonali, biex jikkomplementaw dan l-impenn Komunitarju; ifakkar li l-Parlament appoġġja livell ta' finanzjament Komunitarju ogħla; jinnota li r-reviżjoni tal-proġetti prijoritarji tat-TEN-T fl-2010 se tkun l-okkazzjoni biex issir evalwazzjoni dwar jekk dan l-infiq kienx suffiċjenti u effettiv;

188.

Jinsab imħasseb minħabba l-fatt li, għat-tieni sena konsekuttiva, ir-rata tal-użu tal-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet allokati għas-sikurezza tat-trasport kienet waħda baxxa (79 %); jnnota li r-rata tal-użu tal-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet allokati għall-programm Marco Polo II kienet partikolarment baxxa (40 %) u li r-rata tal-użu tal-ħlasijiet għall-ottimizzazzjoni tas-sistemi tat-trasport kienet ta' 67 % biss; ifakkar li, f'kull każ, l-ammont li hemm fil-baġit għas-sena 2008 kien dak li ġie propost fl-abbozz preliminari tal-baġit tal-Kummissjoni (PDB);

189.

Jiddeplora r-rata ta' użu eċċezzjonalment baxxa tal-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għad-drittijiet tal-passiġġieri (27 %); jieħu nota tal-fatt li l-ħlasijiet li saru jirrappreżentaw biss 55 % tal-ammont propost mill-Kummissjoni fl-abbozz preliminari tal-baġit tagħha; jenfasizza li l-investiment fl-informazzjoni, inter alia, lill-passiġġieri dwar id-drittijiet tagħhom huwa importanti ħafna għall-applikazzjoni effettiva tar-regoli;

190.

Jenfasizza l-insuffiċjenza tar-rata ta' użu tal-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għall-programm GALILEO (50 %), minħabba l-importanza ta' dan il-programm għas-setturi tal-loġistika u tat-trasport sostenibbli;

191.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi spjegazzjoni dettaljata dwar in-nuqqas ta' użu ta' dawn l-approprjazzjonijiet kif ukoll dwar il-miżuri li se tipprevedi biex jiġi żgurat li l-problema ma terġax tirrepeti ruħha;

192.

Jieħu nota tal-fatt li l-kontroll ta' kampjun tat-tranżazzjonijiet juri rata ta' żball li wisq probabbli hija ta' bejn 2 % u 5 %; jistieden lill-Kummissjoni biex tirdoppja l-isforzi sabiex din ir-rata tkun ta' inqas minn 2 %;

193.

Jinnota b'sodisfazzjon li l-Qorti tal-Awdituri qieset li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija Eżekuttiva tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha; jinsab imħasseb dwar id-dewmien fir-rigward tar-reklutaġġ u Jilqa' b'sodisfazzjon l-objettiv tal-Aġenzija li timla l-karigi battala attwali;

194.

Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' data dwar l-azzjonijiet fil-qasam tat-turiżmu u Jilqa' l-qafas legali u ekonomiku ġdid previst mit-Trattat ta' Lisbona li jippermetti l-iżvilupp ta' azzjonijiet fil-livell tal-Unjoni Ewropea (turiżmu soċjali u kulturali, destinazzjonijiet ta' eċċellenza, eċċ.) f'dan is-settur appoġġjat f'qafas baġitarju multiannwali;

195.

Jirrepeti t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tibgħat lill-Parlament u lill-Kunsill, kull sena, deskrizzjoni aktar dettaljata tan-nefqa għal kull linja baġitarja mqabbla mal-kummenti/rimarki magħmula fir-rigward tal-linja;

Il-Kultura u l-Edukazzjoni

196.

Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni ħalli tikseb aktar trasparenza u atteġġjament favur il-konsumatur u jappoġġja kull pass ieħor f'dik id-direzzjoni; jitlob, fir-rigward tar-reviżjonijiet li ġejjin ta' nofs it-terminu tal-programmi pluriennali, li ssir valutazzjoni fil-fond tal-istrutturi ta' implimentazzjoni u ġestjoni; jirrakkomanda l-inklużjoni ta' elementi li jkejlu kemm il-klijenti huma sodisfatti bl-aġenziji nazzjonali; ifakkar, f'dan il-kuntest, li kważi 70 % tal-fondi tal-programmi pluriennali huma implimentati permezz tal-aġenziji nazzjonali;

197.

Jappoġġja l-gwida provduta mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet nazzjonali f'dak li għandu x'jaqsam mas-superviżjoni tax-xogħol tal-aġenziji nazzjonali bil-għan li jkun iffaċilitat aktar il-ġestjoni tal-programmi fl-Istati Membri; jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni biex tkompli l-monitoraġġ attiv tal-ġestjoni tal-programmi mill-aġenziji nazzjonali, bil-għan li fl-implimentazzjoni ta' partijiet mill-programmi pluriennali jiġu evitati l-interruzzjonijiet; jappoġġja l-linja stretta meħuda mill-Kummissjoni meta ssospendiet il-pagamenti lill-aġenziji nazzjonali f'każijiet fejn instabu d-dgħufijiet fil-ġestjoni; jistieden lill-partijiet involuti kollha biex jevitaw il-konsegwenzi negattivi għall-benefiċjarji kkawżati minn dawn in-nuqqasijiet; jistieden lill-Kummissjoni, fl-interess tat-trasparenza u l-kontroll tal-kostijiet, tifred il-kostijiet tal-organizzazzjoni u tal-persunal tal-aġenziji nazzjonali mill-fondi li jitħallsu f'għotjiet;

198.

Jiġbed l-attenzjoni għall-perikli li l-miżuri ta' kontroll ma jkunux proporzjonati għall-baġit amministrat; iqis li r-rekwiżiti ta' kontroll relevanti f'ebda ċirkustanza ma għandhom iwasslu għal pressjoni biex jogħlew l-iskali u b'hekk jogħlew il-limiti għall-parteċipanti;

199.

Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tar-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju, taħdem favur arranġament ġdid li permezz tiegħu l-benefiċjarji jitħallew jiksbu aktar beni bla biża' li dan jista' jwassal għal tnaqqis fl-assistenza mogħtija lilhom fuq il-bażi tal-kofinanzjament tal-UE;

200.

Jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-aġenziji nazzjonali, biex issib soluzzjoni raġonevoli u flessibbli għall-problema tal-imgħax fuq il-baġits deċentralizzati mhux minfuqin li fuqhom titħallas it-taxxa withholding fl-Istati Membri imma li l-aġenziji nazzjonali jkunu obbligati jħallsu lura kompletament;

201.

Jinnota t-tnaqqis sinifikattiv ta' żbalji marbutin mal-pagamenti; iqis, iżda, li huwa meħtieġ aktar titjib għall-pagamenti interim u finali; jistieden lill-Kummissjoni tissuperviżjona aktar mill-qrib il-proċess tad-dikjarazzjonijiet ex-post ta' kull sena f'dak li għandu x'jaqsam mal-Programm għat-Tagħlim Tul il-Ħajja, permezz ta' żjarat ta' monitoraġġ u verifiki diretti;

202.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-ostakli burokratiċi li qed ixekklu l-Programm “Żgħażagħ Ħawtiela”; jitlob b'mod speċjali li l-miżuri skont l-Azzjonijiet 1.1 u 1.3 tal-Programm isiru disponibbli bħala servizzi li mhux diffiċli tinqeda minnhom; jisħaq li l-kriterji tal-għażla għandhom ikunu trasparenti u jinftiehmu mir-rikjedenti; Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li ddaħħal modalità ġdida ta' allokazzjoni ta' fondi skont il-Programm “Żgħażagħ Ħawtiela” ħalli l-fondi jkunu jistgħu jingħataw lil proġetti fuq skala żgħira u taż-żgħażagħ li fis-sitwazzjoni ta' bħalissa ma jistgħux isibu l-finanzjament li jeħtieġu huma stess;

Il-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

203.

Jinnota tnaqqis relattiv fil-livell ta' implimentazzjoni tal-impenji tal-baġit għall-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja fl-2008 meta mqabbel mal-2007 (87,51 % fl-2008 meta mqabbel ma’ 90,29 % fl-2007); jinnota li EUR 75 000 000 ġew trasferiti għall-2009, iżda josserva li, skont l-informazzjoni mgħoddija mis-servizzi tal-Kummissjoni, dan l-ammont kien impenjat qabel il-31 ta' Marzu 2009; jinnota li l-livell ta' implimentazzjoni tal-ħlasijiet żdied meta mqabbel mal-2007 (80,88 % fl-2008 meta mqabbel ma’ 60,41 % fl-2007); jistieden lid-Direttorat Ġenerali għal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja biex ikompli jkabbar kemm jistal-livell ta' implimentazzjoni tal-impenji u l-ħlasijiet fl-2009;

204.

Jiddispjaċih li, fi ħdan il-qafas tal-Fond għall-Fruntieri Esterni, l-ewwel ħlasijiet ta' prefinanzjament lill-Istati Membri ma setgħux isiru mill-Kummissjoni sal-aħħar xhur tal-2008, minħabba li n-normi ta' implimentazzjoni ġew adottati biss fil-5 ta' Marzu 2008 u minħabba li xi Stati Membri kienu ressqu l-verżjonijiet inizjali tad-deskrizzjoni tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll (MCS) kif ukoll id-dokumenti ta' programmar, b'dewmien sostanzjali jew bi kwalità insuffiċjenti;

205.

Jinnota li fis-snin li ġejjin il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji għandha tiġi bbażata aktar fuq il-valutazzjoni tal-kumitat rilevanti dwar il-prestazzjoni tal-Aġenzija matul is-sena;

Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni

206.

Huwa mħasseb ħafna dwar id-dewmien fl-istabbiliment tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni u l-implikazzjonijiet ta' dan id-dewmien għall-baġit tal-UE u l-baġit tal-Istati Membri; jinnota li l-hekk imsejħa “test tal-ewwel mira” dwar l-istabbiltà, l-affidabbiltà u l-prestazzjoni tal-proġett tas-SIS II, imwettaq fit-tmiem ta' Jannar 2010, ma kienx suċċess;

207.

Ifakkar l-obbligu tal-Kummissjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1104/2008 tal-24 ta' Ottubru 2008 dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (21) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/839/JHA tal-24 ta' Ottubru 2008 dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (22) biex tippreżenta rapport tal-progress dwar l-iżvilupp tas-SIS II u l-migrazzjoni mis-SIS I + għas-SIS II għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill kull sitt xhur u għall-ewwel darba wara l-ewwel sitt xhur tal-2009; jinnota li l-ewwel rapport tal-progress, li jkopri l-perjodu minn Jannar 2009 sa Ġunju 2009 (COM(2009) 555) u ppubblikat fit-22 ta' Ottubru 2009, huwa skadut u t-tieni rapport tal-progress għadu mhux disponibbli;

208.

jerġa' jtenni t-talba tal-Kunsill u l-Parlament lill-Kummissjoni – li saret mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu dwar id-direzzjoni ulterjuri tas-SIS II tal-4/5 ta' Ġunju 2009 u mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2009 dwar il-progress tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen II u s-Sistema ta' Informazzjoni tal-Visa (23) – li jiżgura trasparenza sħiħa fir-rigward tal-aspetti finanzjarji tal-iżvilupp tas-SIS tat-tieni ġenerazzjoni;

209.

Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tkun konformi mal-obbligi ta' rappurtar tagħha b'mod aktar trasparenti u fil-ħin;

210.

Jistieden il-Qorti tal-Awdituri biex twettaq verifika fil-fond u biex tippreżenta rapport speċjali li jevalwa l-ġestjoni tal-proġett tas-SIS II mill-Kummissjoni, mill-bidu tal-proġett u jibda bis-sejħa inizjali għall-offerti;

211.

Jirriserva d-dritt li jżomm bħala riżerva l-fondi li għandhom jiġu allokati għall-iżvilupp tas-SIS II fil-baġit annwali tal-2011, sabiex jiżgura l-iskrutinju parlamentari sħiħ u s-sorveljanza tal-proċess;

Id-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

212.

Ifakkar lill-Kummissjoni li skont l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa tikkostitwixxi prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea u għandha tiġi rispettata fl-attivitajiet kollha tal-Unjoni Ewropea, u għaldaqstant għandha tidher ukoll fil-kwittanza baġitarja tal-Unjoni Ewropea;

213.

Jiddispjaċih li l-ibbaġitjar ibbażat fuq il-ġeneru għadu ma ġiex implimentat; itenni għalhekk it-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex din tieħu iktar passi biex jiġi żgurat li l-integrazzjoni sistematika tal-ġeneri ssir realtà fl-ippjanar baġitarju;

214.

Jilqa' l-istudju dwar il-fattibbiltà (24) tal-ibbaġitjar ibbażat fuq il-ġeneru, imħejji mill-Kummissjoni, u jistieden lill-partijiet kollha kkonċernati fil-proċess baġitarju tal-Unjoni Ewropea biex iqisu dan l-istudju meta jkunu qed iħejju, jimplimentaw jew jivverifikaw il-baġit;

215.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel iktar sforzi għall-iżvilupp ta' data speċifika dwar il-ġeneri li tista' tiġi inkluża fir-rapporti dwar il-kwittanza baġitarja peress li l-ammont limitat ferm ta' data li kien hemm s'issa ma pprovdiex stampa ġenerali adegwata tas-sitwazzjoni;

216.

Jistieden lill-Qorti tal-Awdituri biex tiddedika parti separata fir-rapporti ta' kwittanza tagħha lill-aspetti relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi;

217.

Jilqa' l-fatt li l-mekkaniżmu ta' finanzjament għall-perjodu 2007-2013 ġew semplifikati iżda jiddispjaċih li, minkejja dan it-titjib, fl-2008 għadd kbir ta' rimborżi lill-proġetti ta' Koeżjoni (li jagħmlu parti minnhom il-Fond Soċjali Ewropew u l-ugwaljanza bejn is-sessi) għal darb' oħra kienu milquta bi żbalji; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-mekkaniżmi ta' finanzjament ikunu iktar effettivi;

Azzjonijiet esterni

218.

Jinnota mill-esperjenza fl-2007 u l-2008 li huwa essenzjali li jkun żgurat li t-trasparenza f'dan il-qasam ta' politika tkompli tittejjeb f'termini ta' nfiq, partikolarment bil-ħsieb li jitwaqqaf is-Servizz Ewropew għal-Azzjoni Esterna (EEAS);

219.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq, qabel tmiem il-proċedura ta' kwittanza tal-2008, pjanijiet konkreti, dettaljati u għal kollox komprensivi għall-persunal u l-istrutturi organizzattivi u ta' kontroll tal-EEAS, li b'mod partikolari juru ż-żieda u l-allokazzjoni tal-persunal, l-implikazzjonijiet baġetarji previsti u t-tibdiliet fl-Istatut u r-Regolament Finanzjarju, u biex immedjatament tidħol f'negozjati mal-awtorità baġitarja abbażi tal-proposti mressqa; jirrifjuta negozjati bbażat fuq ftehimiet ta' qafas vagi;

220.

Jidhirlu bil-qawwa li d-dritt ta' skrutinju tal-Parlament bħala l-awtorità ta' kwittanza bl-ebda mod ma għandu jitnaqqas bit-twaqqif tal-EEAS; jistenna li l-Kummissjoni żżomm dan quddiem għajnejha (25) hija u tipproponi r-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju attwali; jisħaq li din ir-reviżjoni għandha tkun parti mir-reviżjoni triennali normali; jirrifjuta l-idea ta' proċedura rapida kif prevista mill-Kummissjoni;

221.

Jinnota bi tħassib kbir li l-valutazzjoni globali tal-Qorti li s-sistemi superviżorji u ta' kontroll tad-Direttorati Ġenerali kollha kkonċernati (AIDCO, RELEX, ELARG u ECHO) għadhom biss parzjalment effikaċi, kif ukoll il-konklużjoni tal-Qorti li l-pagamenti f'dan il-grupp ta' politiki kienu affettwati minn żbalji materjali; jinnota li, bħal qabel, l-iżbalji jinsabu l-aktar fil-livell tad-delegazzjonijiet u tal-benefiċjarji;

222.

Jilqa' t-titjib li d-DĠ AIDCO wettqet fis-sistemi tagħha a' superviżjoni u kontroll; madankollu, jinkoraġġixxi lill-EuropeAid biex tagħmel it-titjibiet meħtieġa fil-kontrolli ex-ante tagħha, biex tirrikorri għall-verifiki interni u biex tirranġa l-inkonsistenzi u n-nuqqasijiet fil-Pjann Annwali ta' Verifika tagħha, fil-modulu ta' verifika CRIS u fil-monitoraġġ globali tar-riżultati tal-verifiki;

223.

Iħeġġeġ lid-DĠ RELEX biex isaħħaħ il-kontrolli ex-post tiegħu u biex isewwi d-dgħufijiet mikxufa mill-Qorti fir-rigward tal-ġestjoni u s-superviżjoni finanzjarja tal-proġetti; Jilqa' r-rikonoxximent mid-DĠ RELEX tal-ħtieġa li din il-problema tingħata aktar attenzjoni;

224.

Jiġbed l-attenzjoni għall-għadd sostanzjali ta' każijiet ta' frodi possibbli (102 każijiet) li qed jiġu investigati mill-OLAF f'dan il-grupp ta' politiki - it-tieni l-ogħla għadd, biss ftit wara l-investigazzjonijiet interni; Jilqa' l-attenzjoni tal-OLAF fuq l-Għajnuniet Esterni, ix-xogħol investigattiv u preventiv u attivitajiet ta' kooperazzjoni intensifikata;

225.

Jiddeplora d-dewmien biex tintlaħaq aktar trasparenza fuq il-fondi tal-UE amministrati minn organizzazzjonijiet internazzjonali u speċjalment min-NU (fil-“ġestjoni konġunta”); jiddeplora d-diffikultajiet li kellha tiffaċċa l-Qorti, minkejja s-sejħiet ripetuti tal-Kummissjoni għar-rispett tal-Ftehim Finanzjarju u Amministrattiv ta' Qafas (FAFA), biex tikseb min-NU rapporti tal-verifiki u dokumenti anċillari; jirrikonoxxi u Jilqa' l-progress li sar, b'mod partikolari l-konklużjoni ta' ftehim dwar it-termini ta' referenza għal missjonijiet ta' verifika f'April 2009 u l-iffirmar ta' linji gwida konġunti dwar ir-rappurtar;

226.

Jirrikonoxxi li l-organizzazzjonijiet tan-NU ta' spiss ikollhom esperjenza u għerf espert speċifiċi li ma jinstabux faċilment f'postijiet oħra; minkejja dan jesprimi tħassib li l-Kummissjoni ma turix b'mod konvinċenti minn qabel jekk l-għażla ta' organizzazzjoni tan-NU tkunx fil-fatt aktar effiċjenti u effikaċi minn metodi oħrajn ta' kif titwassal l-għajnuna (26); jistieden lill-Kummissjoni timplimenta proċess aktar trasparenti u oġġettiv biex jintgħażlu l-mezzi li bihom tiġi implimentata l-għajnuna;

227.

Jinnota t-tendenza li għaddejja bħalissa li jiżdiedu l-kontribuzzjonijiet għall-fondi b'ħafna donaturi u b'mod partikulari lin-NU, f'konformità mal-prinċipji tal-kooperazzjoni tajba tad-donaturi; madankollu, jesprimi n-nuqqas ta' sodisfazzjon tiegħu rigward il-problemi persistenti li qed tiffaċċja l-Qorti tal-Awdituri biex ikollha aċċess għad-dokumenti finanzjarji li joħorġu mill-aġenziji tan-NU; Jilqa' b'sodisfazzjon il-passi meħuda mill-Kummissjoni biex tiffaċilita l-proċessi tal-verifika tal-Qorti u jitlob li jittieħdu aktar miżuri bil-għan li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea jkunu salvagwardjati għalkollox u biex tiżdied it-trasparenza tal-proċess, inklużi, jekk ikun meħtieġ, modifikazzjonijiet għall-FAFA;

228.

Jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq il-frustrament profond u l-insodisfazzjoni tiegħu li l-Kummissjoni sal-lum naqste milli taġixxi biex toħloq strument tassew Ewropew għall-implimentazzjoni tal-ġestjoni ta' kriżijiet, kif kienet intalbet tagħmel f'riżoluzzjonijiet ta' kwittanza preċedenti; jinsisti għal darb'oħra li dan għandu jsir b'urġenza, u jistieden lill-Kummissjoni l-ġdida biex fir-reviżjoni li ġejja tar-Regolament Finanzjarju tagħti lilha nnifisha l-possibbiltà li timmaniġġja hija stess trust funds b'diversi donaturi;

229.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-iżviluppi pożittivi li saru f'dak li jirrigwarda t-trasparenza, l-għanijiet u l-koordinazzjoni tad-donaturi internazzjonali li seħħew bis-saħħa tal-ħolqien tal-mekkaniżmu PEGASE (27), li nbena fuq it-TIM (28) imma li huwa usa' fl-ambitu tiegħu peress li jkopri kemm in-nefqa tat-TIM kif ukoll l-ispejjeż li għandhom x'jaqsmu mat-tnedija mill-ġdid ta' attivitajiet ekonomiċi – appoġġ baġitarju, il-finanzjament tal-infrastrutturi u kwistjonijiet soċjali – skont il-Pjan Palestinjan ta' Riforma u Żvilupp;

230.

Jinnota r-rakkomandazzjoni tal-Qorti li fid-dokumenti ta' pprogrammar ta' strateġija għall-Istrument Ewropew tal-Viċinat u s-Sħubija jiġu stabbiliti objettivi strateġiċi ċari u indikaturi ta' prestazzjoni li jistgħu jitkejlu; iqis li għandhom jittieħdu wkoll passi simili fir-rigward ta' strumenti esterni oħrajn, li għadhom ġenerali ħafna fl-ambitu tagħhom;

231.

Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tfassal studju li jivvaluta l-possibilitajiet li l-baġits fil-qasam tal-politika barranija jsiru aktar flessibbli; iqis li minħabba l-bilanċi pożittivi baġitarji li kien hemm s'issa u l-ħtiġijiet li għadhom qed jikbru f'dan il-qasam politiku, għandu jkun hemm possibbiltà għal flessibbiltà ikbar minn qabel, għalkemm mhux għad-detriment ta' bbaġitjar u kontroll baġitarju kif suppost;

L-Iżvilupp u l-Għajnuna Umanitarja

232.

Jiddeplora s-sejba tal-verifika tal-Qorti li impenji baġitarji ta' appoġġ kienu affettwati minn livell għaoli ta' żbalji mhux kwantifikabbli; jinsisti li l-Kummissjoni għandha tivvaluta dawn il-pagamenti b'saħansitra aktar rigorożità; jinnota b'sodisfazzjon, f'dan il-kuntest, ir-reviżjoni ta' Frar 2009 taċ0ċirkwiti finanzjarji għal dan it-tip ta' pagamenti;

233.

Jinnota b'sodisfazzjon it-titjib fiċ-ċarezza u l-istruttura tal-valutazzjonijiet li tagħmel il-Kummissjoni tal-konformità mar-rekwiżiti tal-Ftehim ta' DCI (Strument tal-finanzjament għall-kooperazzjoni tal-iżvilupp); madankollu jiddeplora l-fatt li l-Qorti sabet każijiet frekwenti fejn il-Kummissjoni ma wrietx b'mod strutturat u formalizzat li l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi ma kinitx biżżejjed trasparenti, responsabbli u effikaċi, jew, għall-inqas, li kien qed jitħaddem programm ta' riforma kredibbli u rilevanti;

234.

Jaqbel mal-Qorti li l-Kummissjoni għandha tissokta bl-isforzi tagħha biex tappoġġa d-deċiżjonijiet tagħha dwar l-eliġibbiltà għal-appoġġ baġitarju u biex tiżgura li l-ftehimiet kolha futuri ta' finanzjament jipprovdu bażi komprensiva u ċara għall-valutazzjoni tal-ilħiq tal-kundizzjonjiet ta' pagament;

235.

Jistieden lill-Kummissjoni, fir-rigward tal-appoġġ baġitarju, biex issaħħaħ is-sistemi superviżorji u ta' kontroll biex tiġi żgurata r-regolarità tal-ħlasijiet, biex tissorvelja aktar mill-qrib l-organizzazzjonijiet li jimplimentaw proġetti ffinanzjati mill-UE, biex twettaq verifiki aktar effikaċi, b'segwitu rigoruż, u biex tiżviluppa linji gwida dwar l-appoġġ baġitarju li jkunu aktar orjentati lejn ir-riżultati;

236.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tgħin lill-pajjiżi sħab jiżviluppaw kapaċitajiet ta' kontroll u ta' verifika parlamentari, b'mod partikolari meta l-għajnuna tingħata permezz tal-appoġġ baġitarju, u jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta regolarment dwar il-progress li jkun sar;

237.

Huwa tal-fehma li r-rwol tiegħu fir-rigward tal-appoġġ baġitarju huwa li jżomm lill-Kummissjoni responsabbli għar-riżultati tal-infiq, u li l-appoġġ baġitarju huwa strument tal-għajnuna li jirrikjedi bidla tal-paradigma fil-mod ta' kif issir is-sorveljanza minn kontroll fuq l-inputs għall-iċċekkjar tar-riżultati skont l-indikaturi;

238.

jerġa' jtenni t-talba tiegħu li l-għajnunata għall-iżvilupp b'mod ġenerali u l-appoġġ baġitarju b'mod partikoalri għandhom ikunu marbutin gradwalment mad-dikjarazzjoni ta' żvelar ex-ante tal-pajjiż, maħruġa mill-gvern tal-pajjiż riċevitur u ffirmat mill-Ministru tal-finanzi tiegħu, dwar kwistjonijiet magħżula li jaffettwaw il-governanza u l-istruttura ta' responsabbiltà ta' pajjiż benefiċjarju;

239.

Jistieden lill-Kummissjoni l-ġdida biex tieħu l-inizjattiva u tippreżenta din il-proposta lil donaturi internazzjonali oħra - b'mod partikolari l-Bank Dinji - bil-għan li tiżviluppa u timplimenta ftehim ta' dan it-tip bi qbil ma’ donaturi oħra; jistenna li jirċievi konferma mill-Kummissjoni dwar żmien possibbli għal negozjazzjonijiet tali;

240.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi objettivi strateġiċi u indikaturi ta' prestazzjoni adegwati li jippermettu valutazzjoni tal-impatt effiċjenti għal-azzjonijiet tal-UE;

241.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel aktar enfasi fuq is-saħħa tan-nisa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw b'mod ġenerali, u fuq it-titjib tas-saħħa tal-ommijiet b'mod partikolari, peress li dan huwa l-qasam fejn il-miri tal-MDGs huma l-aktar 'il bogħod milli jintlaħqu;

242.

Jilqa' l-progress fir-rigward tad-diviżjoni tal-ħidma bejn id-donaturi, kif ukoll prinċipji oħra tal-effikaċja tal-għajnuna; iħoss madankollu li l-Kummissjoni għandha tintensifika l-isforzi tagħha biex tikkoordina l-attivitajiet tal-Istati Membri f'dan ir-rigward;

243.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-effikaċja tal-għajnuna tissaħħaħ u li titnaqqas il-frammentazzjoni tal-għajnuna; iqis li l-għadd kbir ta' proġetti ġestiti mill-Kummissjoni u l-Istati Membri (madwar 40 000 proġett) għandu jitnaqqas billi il-prijorità tingħata lil programmi aktar effikaċi u lil kooordinament aħjar mad-donaturi tal-UE permezz ta' fokus ċar fuq għadd aktar limitat ta' oqsma prijoritarji ta' intervent għal kull pajjiż benefiċjarju, filwaqt li ma jiġux esklużi NGOs żgħar imma effikaċi li jaħdmu fil-post;

244.

Jinnota li 63 % tal-fondi impenjati s'issa mill-“Faċilità tal-Ikel” twasslu permezz tal-organizzazzjonijiet internazzjonali u jfakkar li r-Regolament (KE) Nru 1337/2008 (29) jistipula li, fir-rigward tal-implimentazzjoni, il-Kummissjoni hija obbligata li żżomm “bilanċ adatt” (30) bejn l-organizzazzjonijiet internazzjonali u “entitajiet eliġibbli oħrajn”;

245.

Jitlob għal darba oħra li jkun hemm involviment akbar tal-parlamenti u konsultazzjoni akbar tas-soċjetà ċivili (31) fil-pajjiżi sħab meta jitfasslu u jiġu riveduti d-Dokumenti Strateġiċi Nazzjonali tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp;

246.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura viżibbiltà akbar għall-attivitajiet iffinanzjati mill-UE lil hinn minn xtutha;

L-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi (NGOs)

247.

Jinnota l-kummenti bil-miktub mill-Kummissarji Maroš Šefčovič u Algiridas Šemeta bid-data tat-8 ta' Marzu 2010 li inkludew informazzjoni dettaljata dwar il-finanzjament ta' organizzazzjonijiet tat-tip NGO min-naħa tal-Kummissjoni u l-Aġenziji Eżekuttivi;

248.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi reġistru pubbliku ta' korpi tat-tip NGO iffinanzjati minn dipartimenti tal-Kummissjoni, biex tarmonizza d-diversi bażijiet tad-data tagħha dwar il-benefiċjarji li jirċievu fondi mill-baġit tal-UE jew mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, biex fis-sistema kontabbli tagħha tindika n-natura “mhux bi skop ta' qligħ” tal-entitajiet benefiċjarji u biex teżamina l-possibbiltà li tespandi r-reġistru tar-rappreżentanti ta' interessi billi tinkludi informazzjoni dwar il-finanzjament li jkunu ħadu mill-UE;

Ir-Rumanija u l-Bulgarija

249.

Jinsab imħasseb dwar id-dgħufijiet fil-ġestjoni tal-fondi ta' qabel l-adeżjoni mill-awtoritajiet nazzjonali fil-Bulgarija u r-Rumanija u Jilqa' l-miżuri implimentati mill-Kummissjoni, inklużi l-interruzzjoni tal-ħlasijiet, il-monitoraġġ mill-qrib u l-kooperazzjoni maż-żewġ Stati Membri, li kollha kemm huma wasslu għal titjib sinifikanti fis-sitwazzjoni; madankollu, għadu mħasseb dwar id-dgħufijiet fundamentali rigward l-irregolaritajiet potenzjali fil-ġestjoni tal-fondi Phare miż-żewġ aġenziji ta' implimentazzjoni fil-Bulgarija, minkejja li l-kuntrattar għall-fondi Phare ġie tterminat; jinnota l-impenn min-naħa tal-awtoritajiet attwali biex jinvestigaw l-irregolaritajiet u jirriformaw il-ġestjoni tal-finanzjament tal-UE;

250.

Jinnota li l-ħidma ta' dekummissjonar fl-impjant nukleari ta' Kozloduy għandu jitlesta sad-19 ta' Ottubru 2035; jinnota nuqqas ta' trasparenza fl-oriġini tal-fondi minn diversi Direttorati-Ġenerali fil-Kummissjoni; jitlob lill-Qorti tal-Awdituri biex tiskrutinizza l-fondi li ntużaw hemm;

251.

Jikkundanna n-nuqqas ta' progress sostanzjali biex jiġu indirizzati d-dgħufijiet identifikati (b'mod partikolari fir-rigward tal-Fond Nazzjonali għall-Infrastruttura tat-Toroq); konsegwentement, jappoġġa l-approċċ prudenti tal-Kummissjoni u l-impenn tagħha li tissorvelja s-sitwazzjoni mill-qrib, tagħti segwitu għall-konklużjonijiet u tagħti pariri u għajnuna lill-awtoritajiet Bulgari bil-ħsieb li jiġu indirizzati d-dgħufijiet identifikati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tapplika l-akbar viġilanza u severità meta tkun qed tapprova r-rapporti tal-valutazzjoni tal-konformità ppreżentati għall-programmi operattivi proposti mill-awtoritajiet Bulgari u qabel ma tibda toħroġ il-ħlasijiet intermedjarji fir-rigward tal-perjodu ta' pprogrammar 2007-2013; jinnota l-passi meħuda mill-Bulgarija; Jilqa' l-eżitu pożittiv tal-proċeduri ta' evalwazzjoni tal-konformità tal-Kummissjoni għall-programmi operattivi kollha, filwaqt li jenfasizza li l-kontroll effettiv u l-gwida mill-Kummissjoni għandha tkompli tiġi applikata;

252.

Jinnota s-sospensjoni mill-Kummissjoni, f'Lulju 2008, tal-pagamenti fir-Rumanija skont il-programm SAPARD, minħabba dgħufijiet u irregolaritajiet identifikati mis-servizzi tagħha, u tilqa' l-pjan ta' azzjoni ppreżentat mir-Rumanija li jindirizzza dawn in-nuqqasijiet, li ppermettew lill-Kummissjoni li f'Lulju 2009 tirtira s-sospensjoni tal-pagamenti;

253.

Jappoġġa s-sospensjoni mill-Kummissjoni tal-ħlasijiet fil-Bulgarija taħt il-programmi ta' qabel l-adeżjoni, il-Faċilità Phare/Tranżizzjoni, l-ISPA u s-SAPARD, li saret fl-2008 biex jiġu mħarsal-interessi finanzjarji tal-UE minħabba d-dgħufijiet u l-irregolaritajiet identifikati mis-servizzi tagħha fil-ġestjoni ta' dawn il-fondi; Jilqa' r-reazzjoni pożittiva mill-Bulgarija għar-rakkomandazzjonijiet kollha, li ppermettiet lill-Kummissjoni li tirtira s-sospensjonijiet tagħha tal-pagamenti fl-2009;

254.

Madankollu, jiddispjaċih dwar id-dgħufijiet, b'mod partikolari n-nuqqas li l-applikazzjonijiet irregolari għall-appoġġ jiġu identifikati u li l-irregolaritajiet jiġu segwiti b'mod adegwat, u jħeġġeġ lill-Bulgarija biex tadotta pjan ta' azzjoni dettaljat f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u b'sorveljanza stretta minn awditur indipendenti;

255.

Jenfasizza li dan il-pjan ta' azzjoni għandu jikseb miri speċifiċi, rilevanti, li jitkejlu u li jinkisbu, u fil-ħin, bħal pereżempju l-ħolqien ta' regoli trasparenti tax-xiri li jissodisfaw l-istandards internazzjonali u ma jillimitawx il-kompetizzjoni mill-offerenti internazzjonali billi jitpoġġa piż kbir tal-amministrazzjoni interna fuqhom; jikkunsidra wkoll li dawn il-miri għandhom jiffokaw fuq l-istabbiliment u ż-żamma ta' strutturi operattivi, ġudizzjarji u amministrattivi bis-sħiħ;

256.

Jilqa' l-informazzjoni aġġornata mill-Kummissjoni dwar l-istatus tal-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE fil-Bulgarija u r-Rumanija; madankollu, jinnota l-eżistenza kontinwa ta' inkonsistenzi u irregolaritajiet fir-rapporti tal-progress ippreżentati; isib l-isforzi tagħha biex tevalva l-progress fis-sistema ġudizzjarja u amministrattiva frustrati mit-tfassil eżistenti tar-rapporti tal-progress; jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli tissorvelja mill-qrib is-sistemi ta' dawk l-Istati Membri u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' azzjoni miftiehma u jissuġġerixxi li l-OLAF ukoll għandu jkompli jipprovdi appoġġ lil dawk l-Istati Membri biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom rigward il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

257.

Jitlob li r-rapporti jagħtu indikazzjonijiet ċari fl-oqsma ewlenin tal-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni; ifakkar li t-talba tiegħu għal sistema tad-dawl tat-traffiku (aħmar, ambra u aħdar), ibbażat fuq indikaturi speċifiċi (il-kwantità u l-kwalità ta' miżuri legali u amministrattivi meħuda biex jimpedixxu u jikkastigaw il-frodi u l-korruzzjoni), sabiex tagħti stampa ċara tal-evoluzzjoni ta' sistemi eżistenti f'dawk il-pajjiżi; is astonished that OLAF was not always consulted in the compilation of the reports; jitlob lill-Kummissjoni biex tinkludi l-kummenti tal-OLAF fir-rapporti tal-progress li ġejjin;

It-Tkabbir

258.

Jinnota li l-passi meħuda mill-Kummissjoni biex ittejjeb it-twettiq ġenerali tal-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni fil-Kroazja f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali u biex tissorvelja mill-qrib il-kundizzjonijiet għad-deċentralizzazzjoni sħiħa tal-fondi tal-IPA; jenfasizza li dak li wieħed tgħallem mill-problemi rigward l-implimentazzjoni tal-fondi ta' qabel l-adeżjoni fil-Bulgarija u r-Rumanija għandu jgħin lill-awtoritajiet Kroati, bl-għajnuna tal-Kummissjoni, biex jevitaw diffikultajiet simili meta jkunu qed jimplimentaw il-fondi ta' qabel l-adeżjoni fir-rigward ta' pajjiżhom; jikkudanna l-fatt li l-Kummissjoni falliet milli taġixxi fuq it-talba tal-Parlament għal sistema tad-dawl tat-traffiku (aħdar, ambra u aħmar) biex jiġi introdott fir-rapporti tal-progress, li juru l-iżviluppi f'oqsma ta' importanza kbira għall-ġlieda kontra l-frodi bħal pereżempju l-istabbiliment u ż-żamma ta' strutturi stabbli u effiċjenti għall-ġudikatura u l-amministrazzjoni;

259.

Hu ddiżappuntat mill-fatt li d-dgħufijiet ewlenin (nuqqas ta' prontezza għall-ipprogrammar u prestazzjoni inkonsistenti fis-setturi), li rriżultaw fi prestazzjoni ġenerali “moderatament mhux sodisfaċenti” fir-rigward tal-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni fit-Turkija, ikomplu jipprevalu;

260.

Jinnota l-passi meħuda mill-Kummissjoni fil-pajjiżi kandidati u pajjiżi oħra fil-Balkani tal-Punenti biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni, u jinkoraġġixxi l-implimentazzjoni ta' proġetti li jsaħħu l-indipendenza tal-ġudikatura, l-iżvilupp tal-infurzar tal-liġi professjonali u l-appoġġ għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, fil-qafas tal-għajnuna reġjonali u nazzjonali; ifakkar li skont l-Aġenda Thessaloniki għall-Balkani tal-Punent l-UE impenjat ruħha biex taħdem mill-qrib mal-pajjiżi Balkani tal-Punent biex tkompli tikkonsolida l-paċi u tippromwovi l-istabbiltà, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u tal-minoritajiet; jenfasizza li dan japplika wkoll għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni kif ukoll għat-titjib tal-kooperazzjoni reġjonali;

261.

Ifakkar li l-Qorti tal-Awdituri ma sabitx metodoloġija tal-Kummissjoni ċara li permezz tagħha l-Kummissjoni tkejjel il-progress f'dawk l-oqsma; b'mod partikolari, jitlob lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni biex jipprovdi lill-Parlament rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda ta' Thessaloniki li tista' tkun il-bażi għal valutazzjoni esterna tal-progress tagħha; jitlob lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi rabta ċara bejn il-ħlas tal-fondi ta' qabel l-adeżjoni u kisbiet evidenti u viżibbli fl-oqsma tal-Aġenda Thessaloniki;

262.

Ifakkar li r-rapport tal-progress tal-2009 għall-Kroazja juri n-nuqqasijiet fl-oqsma tal-ġudikatura minħabba n-nuqqasijiet fit-trasparenza u l-applikazzjoni tal-kriterji uniformi tal-għan fl-għażla tal-imħallfin u l-prosekuturi; jiddubita, għalhekk, li l-fondi li ntefqu fuq il-Kapitolu 23 intefqu b'mod effiċjenti u effikaċi;

263.

Jinnota li l-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali ilu attiv għal aktar minn sena; jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi informazzjoni bl-għan li tissaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali skont is-sistem tal-implimentazzjoni deċentralizzata u biex tippreżenta lill-awtoritajiet baġitarji l-kunsiderazzjonijiet strateġiċi tagħha f'dak il-qasam;

264.

Ifakkar il-ħtieġa għall-pajjiżi kandidati biex jiżguraw implimentazzjoni effettiva ta' dispożizzjonijiet legali ġodda u riformati permezz ta' servizz pubbliku ambizzjuż, trasparenti, responsabbli, effettiv u effiċjenti; jinnota bi tħassib li - minkejja żviluppi differenti fiż-żewġ pajjiżi - sew fil-Kroazja kif ukoll fl-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (FYROM) il-korruzzjoni għadha mifruxa u tikkostitwixxi problema gravi ħafna; jikkundanna l-fatt li f'każijiet ta' korruzzjoni ta' livell għoli, twettqet investigazzjoni limitata biss u li b'kollox, għadd żgħir biss ta' investigazzjonijiet wassal għall-akkużi kriminali; jenfasizza li dan jindika nuqqasijiet serji fis-sistema ġudizzjarja;

265.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tissorvelja kontinwament u tirrapporta lill-awtorità baġitarja dwar l-għadd ta' akkużi kriminali ġodda u pendenti u s-sentenzi u l-għadd ta' kawżi tal-qorti ġodda u pendenti li nfetħu fuq akkużi ta' ksur tal-liġijiet tal-akkwist pubbliku fil-Kroazja u fil-FYROM;

266.

Jikkonkludi li l-ħtieġa għal progress kostanti, oġġettiv u trasparenti li jissorvelja tibqa'; f'dak ir-rigward, jitlob lill-Kummissjoni fil-każ tal-proċeduri ta' adeżjoni biex tistabbilixxi punt tat-tluq fl-oqsma ewlenin rilevanti għall-adeżjoni u biex jintuża dak il-punt tat-tluq bħala referenza u indikazzjoni tul il-proċess tal-adeżjoni; jikkunsidra li s-sostenibbiltà tal-progress fil-proċess tal-adeżjoni u affermazzjoni tal-miri miksuba tul tali proċess huma tal-akbar importanza għall-kontinwazzjoni ta' suċċess tal-Unjoni; konsegwentement, jitlob għal segwitu ta' wara l-adeżjoni regolari;

Infiq amministrattiv

267.

Jinnota b'sodisfazzjoni li l-verifiki tal-Qorti ma kixfu l-ebda żball materjali li jaffettwa l-legalità u r-regolarità tal-infiq amministrattiv.

KONKLUŻJONIJIET DWAR IR-RAPPORTI SPEĊJALI TAL-QORTI TAL-AWDITURI

Parti I:   Rapport speċjali Nru 10/2008 dwar l-Għajnuna għall-Iżvilupp tal-KE lis-Servizzi tas-Saħħa fl-Afrika tas-sub-Saħara

268.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li żżid l-għajnuna tagħha lis-settur tas-saħħa matul ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-għaxar FEŻ biex tappoġġa l-impenn tagħha rigward l-MDGs tas-saħħa, u biex tiżgura li l-għajnuna tagħha lis-settur tas-saħħa titqassam b'mod li jirrispetta l-prijorità politika tagħha ta' appoġġ lis-sistemi tas-saħħa;

269.

Ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-impenn li sar fil-kuntest tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp li 20 % tal-fondi jiġu ddedikati għas-saħħa u għall-edukazzjoni bażika sal-2009 fl-infiq kollu Ewropew għall-politika tal-iżvilupp, u jitlobha biex tinforma regolarment lill-Parlament dwar liema persentaġġ, skont il-pajjiż, tal-għajnuna totali għall-iżvilupp allokata għall-Afrika sub-Saħarjana hija impenjata għall-edukazzjoni bażika u sekondarja kif ukoll għas-saħħa bażika;

270.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li jkollha biżżejjed għarfien espert fis-saħħa sabiex ikollha rwol effettiv fid-djalogu tas-settur tas-saħħa billi tiżgura li d-delegazzjonijiet kollha fejn is-saħħa tkun settur iffukat ikollhom speċjalisti tas-saħħa, billi taħdem aktar mill-qrib ma’ konsulenti tas-saħħa tal-ECHO f'pajjiżi fejn kien hemm gwerra, billi tifforma sħubiji aktar mill-viċin mal-uffiċċji nazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa sabiex tipprofitta mill-għarfien espert tagħhom, u billi tidħol fi ftehimiet formali mal-Istati Membri tal-UE biex tuża l-għarfien espert tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni biex tikkomunika lill-Parlament in-numru tal-esperti tas-saħħa u tal-edukazzjoni rispettivament disponibbli fir-reġjun, fil-livell tad-delegazzjonijiet kif ukoll fil-kwartieri ġenerali tagħha, u ħarsa ġenerali li tindika jekk irnexxilhiex iżżid dan in-numru;

271.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli żżid l-użu tal-Appoġġ Settorjali tal-Baġit fis-settur tas-saħħa, biex tiffoka l-Appoġġ Settorjali tal-Baġit tagħha fuq it-titjib tas-servizzi tas-saħħa u biex tkompli tuża l-proġetti għall-appoġġ tal-iżvilupp tal-politika u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet;

272.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tibda tħaddem mekkaniżmi u għodod ta' monitoraġġ biex tiżgura li proporzjon adegwat ta' għajnuna ta' Appoġġ Baġitarju Ġenerali jkun qed jappoġġa l-ħtiġijiet bażiċi, b'mod partikolari fis-settur tas-saħħa, biex tuża miri li jkejlu b'mod dirett ir-riżultat tal-politiki, biex tipprovdi appoġġ għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet u biex tinforma lill-Parlament dwar il-passi li tkun ħadet għal dan il-għan;

273.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi gwida aktar ċara dwar l-użu ta' kull strument u l-modi differenti kif jintużaw flimkien, kif ukoll li taħdem aktar mill-qrib u b'mod effiċjenti mal-Fond Globali fil-pajjiżi benefiċjarji;

274.

Jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Qorti tal-Awdituri, biex tidentifika kif id-dgħufijiet innotati fir-rapport tal-Qorti jistgħu jiġu indirizzati, u biex tirrapporta lill-Parlament dwar ir-riżultat ta' dawn id-diskussjonijiet;

Parti II:   Rapport speċjali Nru 12/2008 dwar l-Istrument għall-Politika Strutturali ta' Qabel l-Adeżjoni (ISPA), 2000-2006

275.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex issegwi mill-qrib l-implimentazzjoni tal-proġetti tal-ex-ISPA, biex teżamina kif id-dewmien fl-implimentazzjoni tal-proġetti jista' jiġi evitat jew imnaqqas fil-futur meta jkunu qed jiġu implimentati strumenti simili (pereżempju l-IPA), u biex tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tipprevjeni d-dewmien fil-preparazzjoni ta' dokumenti ta' gwida futuri;

276.

Jitlob li jkun hemm ippjanar aktar rigoruż u realistiku mill-applikanti tal-proġetti u modi kif jitħaffu l-proċeduri meta jkunu qed jiġu implimentati strumenti simili fil-futur, kemm fil-livell tal-Kummissjoni kif ukoll fl-amministrazzjonijiet nazzjonali tal-pajjiżi benefiċjarji;

277.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli l-verifiki tas-sistemi tagħha biex jiġi żgurat li jinħolqu sistemi affidabbli għall-ġestjoni tal-Fondi Strutturali u dawk ta' Koeżjoni, u biex jiġi evitat li jkun hemm sitwazzjonijiet ta' riskju għoli fil-futur;

Parti III:   Rapport speċjali Nru 1/2009 dwar il-miżuri bankarji fiż-żona tal-Mediterran fil-kuntest tal-programm MEDA u l-protokolli preċedenti

278.

Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li titjieb il-koordinazzjoni effettiva tal-għajnuna mill-Unjoni, mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u mis-sħab l-oħra internazzjonali u lokali, u l-iskambju regolari ta' informazzjoni, b'mod partikolari fil-livell lokali, sabiex tiżdied il-konsistenza u l-kumplimentarjetà tal-attivitajiet;

279.

Jinnota li għalkemm il-livell ta' monitoraġġ sussegwentament tjieb, ma kienx adegwat fl-ewwel snin tal-programm MEDA, b'mod partikolari f'każijiet fejn il-Kummissjoni qagħdet għal kollox fuq is-sorveljanza mwettqa mill-BEI qabel l-2005;

280.

Jenfasizza l-importanza ta' ftehim ta' ġestjoni għall-miżuri bankarji li l-BEI ġie inkarigat biex iwettaq f'isem il-Kummissjoni, biex tkun żgurata sorveljanza kif jixraq, ikunu koperti l-aspetti ambjentali, jiġu mħarsal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u biex jiġi żgurat li l-intermedjarji u l-promoturi jwettqu l-obbligi tagħhom, kemm dawk finanzjari kif ukoll dawk relatati mar-rappurtar;

281.

Jenfasizza l-importanza ta' programm ta' evalwazzjoni u sorveljanza mħejji apposta għall-miżuri bankarji biex jiġi implimentat fil-qafas tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija;

Parti IV:   Rapport speċjali Nru 2/2009 dwar il-Programm tas-Saħħa Pubblika tal-Unjoni Ewropea (2003-2007): mod effettiv biex itejjeb is-saħħa?

282.

Jikkunsidra li l-Programm tas-Saħħa Pubblika (PHP) (2003-2007) ġie stabbilit b'mod ambizzjuż, iżda li l-objettivi tiegħu la kienu ċari biżżejjed u lanqas ġew aġġustati għall-mezzi baġitarji limitati; jirrimarka li dan wassal sabiex il-programm ikollu wisq oqsma ta' azzjoni, li f'xi każijiet lanqas biss kienu koperti mill-proġetti; jinnota li din il-frammentazzjoni dgħajfet il-kwalità tal-programm, filwaqt li fl-istess ħin wasslet sabiex il-firxa ta' proġetti tant tkun wiesgħa li l-Kummissjoni mhijiex konxja bis-sħiħ tal-proġetti kollha eżistenti; għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta lill-Parlament dwar ir-riżultat tal-istħarriġ għall-PHP attwali u jenfasizza li r-riskju ta' frammentazzjoni għandu jiġi indirizzat f'nofs it-terminu u f'evalwazzjonijiet ex post tal-programm;

283.

Jinnota li l-Qorti kkontestat l-utilità ta' partijiet tal-PHP u jiddispjaċih li l-programm, f'xi każijiet, iffinanzja proġetti (b'mod partikolari taħt il-fergħa “determinanti tas-saħħa”) fejn il-valur miżjud Ewropew kien limitat;

284.

Iqis, għaldaqstant, li kwalunkwe PHP suċċessur għandu jiffoka fuq netwerks u skambju tal-aħjar prattiki u li għandu jsir aktar użu tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni biex jiġi mħeġġeġ l-iskambju ta' “prattiki tajba”;

285.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi loġika ta' intervenzjoni espliċita għal kwalunkwe programmi eventwali suċċessivi għall-PHP attwali; jenfasizza li dan għandu jsir fl-evalwazzjoni tal-impatt ex ante tiegħu li għandha takkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni għal dan it-tip ta' programm;

286.

Jitlob lill-Qorti tal-Awdituri biex tibgħat opinjoni formali dwar il-valutazzjoni tal-impatt ex ante tal-Kummissjoni fil-ħin sabiex issir deliberazzjoni mill-Parlament u mill-Kunsill dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni rigward il-programm; jikkunsidra li, meta tipprepara l-opinjoni tagħha, il-Qorti għandha tikkunsidra l-opinjonijiet tal-Parlament hekk kif stabbiliti hawn fuq;

Parti V:   Rapport speċjali Nru 3/2009 dwar l-effettività tal-infiq tal-Miżuri Strutturali fuq it-trattament tal-ilma mormi għall-perjodi ta' programm 1994-1999 u 2000-2006

287.

Jieħu nota tar-rata baxxa ta' użu ta' xi impjanti għat-trattament u jħeġġeġ lill-impjanti għat-trattament iffinanzjati mill-UE biex iżommu sistema ta' funzjonament li tkun effiċjenti meta mqabbla mal-ispejjeż; għaldaqstant iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isibu modi kif jiżguraw li l-impjanti għat-trattament iffinanzjati mill-UE jkunu konnessi adegwatament man-netwerks tad-drenaġġ; jenfasizza r-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-operat tal-impjanti għat-trattament u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu sforzi biex jiżguraw kwalità adegwata tal-iskart liwidu u l-użu sħiħ tal-kapaċitajiet;

288.

Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni biex tikseb reviżjoni tad-Direttiva rilevanti (Direttiva tal-Kunsill 86/278/KE (32) – id-Direttiva dwar il-Ħama tad-Drenaġġ), iħeġġeġ biex il-proċedura attwali ta' reviżjoni titħaffef sabiex l-iżviluppi reċenti jiġu inkorporati u biex jiġu aġġustati l-prattiki differenti tal-Istati Membri f'dan il-qasam, kif ukoll iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiggarantixxu kwalità tal-ħama tad-drenaġġ li tkun konformi mal-limiti tal-UE;

289.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' eżami aktar rigoruż tal-proġetti fl-istadju tal-applikazzjoni biex jiġu evitati nuqqasijiet fl-effett antiċipat; għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tiżviluppa l-linji gwida u l-listi ta' kontroll interni li jintużaw fil-proċess ta' valutazzjoni, biex tittejjeb il-konsistenza tal-applikazzjonijiet għal għotjiet u biex tiżgura azzjoni ta' segwitu xierqa f'każijiet fejn ma tingħatax informazzjoni jew ma ssirx azzjoni meħtieġa;

Parti VI:   Rapport speċjali Nru 4/2009 dwar il-ġestjoni tal-Kummissjoni tal-involviment ta' Atturi Mhux tal-Istat fil-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp tal-KE

290.

Jiddispjaċih u ma jistax jaċċetta d-differenza li teżisti bejn l-impenji politiċi tal-UE fir-rigward tal-involviment ta' atturi mhux statali fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp u fil-prattiki ta' implimentazzjoni veri u proprji, u għaldaqstant jistenna li l-Membru kompetenti tal-Kummissjoni jippreżenta provi li juru appoġġ politiku sħiħ u azzjoni ta' tmexxija għal implimentazzjoni effikaċi tal-impenji politiċi vis-à-vis l-atturi mhux statali, kemm min-naħa tal-kwartieri ġenerali tagħha kif ukoll min-naħa tad-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni; jiddispjaċih ukoll li l-kriterju ta' suċċess għall-iżvilupp jiġi ridott għal “żvilupp ekonomiku”, peress li dan l-approċċ jinjora l-fatt li d-differenza bejn dawk li għandhom u dawk li m'għandhomx żdiedet ħafna; jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li, sa tmiem l-2010, kull delegazzjoni jkollha mill-inqas espert wieħed full time responsabbli għall-politiki, il-kuntatti u l-kuntratti tal-atturi mhux statali;

291.

Jinnota li dawk il-pajjiżi li qed jiżviluppaw li ħadu f'idejhom il-proċess ta' żvilupp tagħhom kisbu livelli tajbin ta' tnaqqis tal-faqar; jenfasizza r-rwol ewlieni tal-Istat fl-iżvilupp u jistieden lill-Kummissjoni u lid-delegazzjonijiet tagħha biex ikomplu jtejbu r-relazzjonijiet mal-gvernijiet tal-pajjiżi sħab biex ikun possibbli li jkun hemm involviment u konsultazzjoni aktar effikaċi mal-atturi mhux statali;

292.

Iqis li hu ta' dispjaċir kbir li hemm nuqqas ta' data kompleta u affidabbli u jistenna li l-Kummissjoni tieħu azzjoni ta' rimedju immedjatament għal dak li jirrigwarda d-data affidabbli bħala kundizzjoni biex jibdew jitkejlu r-riżultati; għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta lill-Parlament ħarsa ġenerali sħiħa tal-fondi tal-UE mgħoddija mill-atturi mhux statali mil-linji baġitarji differenti mqassma skont il-pajjiżi kkonċernati qabel il-bidu tal-proċedura baġitarja tal-2010;

293.

Hu tal-fehma li l-kwalità tal-għajnuna hija iktar importanti mill-kwantità tal-għajnuna u jistieden lill-Kummissjoni biex ikollha rwol aktar importanti biex jiġi indirizzat it-taħwid evidenti fl-għajnuna għall-iżvilupp billi tippromwovi koordinament b'saħħtu u effiċjenti tad-donaturi u billi ttejjeb l-istruttura attwali tal-għajnuna; jitlob lill-Kummissjoni biex tikkunsidra jekk hux il-mument it-tajjeb, meta jitqiesu b'mod sħiħ il-kummenti tal-Qorti, biex issir reviżjoni sħiħa tas-sistema kollha kemm hi tal-(ko)finanzjament tal-atturi mhux statali biex jiġi żgurat li l-atturi mhux statali jkunu jistgħu joqogħdu fuq regoli trasparenti u effiċjenti għall-iskopijiet tal-parteċipazzjoni fi programmi u proġetti;

294.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis kif suppost il-fatt li d-donaturi huma atturi politiċi u li f'xi każijiet jista' jkun hemm kunflitti ta' interessi bejn id-donaturi u l-pajjiżi li jirċievu l-għajnuna; jenfasizza li istituzzjonijiet nazzjonali demokratiċi b'saħħithom u politika ddefinita sew għat-tqassim tal-ġid huma prekundizzjonijiet għas-sostenibbiltà; huwa tal-opinjoni li, biex tintlaħaq politika aktar koerenti fl-ipprogrammar u fil-programmi u l-proġetti sussegwenti u valutazzjoni adegwata, għandu jkun hemm bidla sostanzjali mill-kofinanzjament tal-proġetti għall-atturi mhux statali għal finanzjament ta' 100 % tal-proġetti mill-UE;

295.

Jemmen li hemm ċertu duplikazzjoni bejn il-valutazzjoni mwettqa għall-Kummissjoni tat-twassil tal-għajnuna tal-UE permezz tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (33) u r-Rapport Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri, u jistieden lill-Qorti u lill-unitajiet ta' valutazzjoni fil-Kummissjoni biex jiskambjaw l-informazzjoni dwar l-attivitajiet ippjanati u biex jirrapportaw lill-Parlament dwar ir-riżultati ta' dan l-eżerċizzju;

296.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposti għal modifiki tar-Regolament Finanzjarju li jippermettu lill-UE taġixxi bħala parteċipant aktar b'saħħtu fost id-donaturi internazzjonali l-oħrajn;

Parti VII:   Rapport Speċjali Nru 5/2009 dwar il-Ġestjoni tat-Teżor tal-Kummissjoni

297.

Iqis li l-Kummissjoni għandha ttejjeb is-sorveljanza tagħha tal-attivitajiet differenti tal-ġestjoni tat-teżor imwettqa u, kif rakkomandat mill-Qorti tal-Awdituri, għandhom isiru laqgħat b'mod aktar regolari bejn iż-żewġ Direttorati Ġenerali kkonċernati (DĠ Baġit (DĠ BUDG) u d-DĠ għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (DG ECFIN)) bil-ħsieb li tinqasam l-informazzjoni dwar ir-riskji u jiġu skambjati l-esperjenzi u l-aħjar prattiki rigward l-attivitajiet ta' ġestjoni tat-teżor u tal-assi fil-livell tal-Kummissjoni kollha kemm hi;

298.

Iqis li l-Kummissjoni għandha tkompli tieħu kull azzjoni meħtieġa sabiex tiżgura li r-riskji finanzjarji sinifikanti jkunu ssorveljati b'mod effikaċi u mill-qrib matul is-sena kollha; Jilqa' l-fatt li, biex tkompli ttejjeb is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni diġà pproponiet lill-Qorti tal-Awdituri, u qablet magħha, li minn tmiem l-2008, għandha tintbagħat ittra ċirkulari uffiċjali lill-organizzazzjonijiet finanzjarji kkonċernati sabiex tinkiseb informazzjoni preċiża, kompleta u standardizzata min-naħa tagħhom rigward il-kontijiet fiduċjarji;

299.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal pjan ta' kontroll fid-DĠ BUDG għal kull perjodu ta' 12-il xahar fuq il-bażi ta' analiżi tar-riskju, biex twettaq kontrolli matul u wara s-sena, u tirrapporta lill-Parlament il-problemi li tiltaqa' magħhom sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara t-tmiem tas-sena kkonċernata;

300.

Jistieden lill-Kummissjoni biex timxi'l quddiem bil-ħarsa ġenerali tar-riskji relatati mal-operazzjonijiet tat-teżor tagħha (DĠ BUDG), li hija parti mill-kontijiet annwali tagħha u li tipprovdi sommarju ċar u komprensiv tar-riskji li hi esposta għalihom, tal-modi kif dawn ir-riskji jiġu ġestiti, u tal-miżuri li ġew stabbiliti biex jiġu kkontrollati, minimizzati jew newtralizzati;

301.

Iqis li, għall-finijiet tat-trasparenza, il-Kummissjoni għandha tiddokumenta b'mod aktar ċar il-proċeduri tagħha għat-trasferiment tal-fondi bejn il-kontijiet tar-riżorsi proprji tal-Istati Membri u għandha tiddokumenta aħjar ukoll il-proċedura ta' selezzjoni speċfika segwita f'kull każ;

302.

Jitlob lill-Kummissjoni biex ittejjeb il-mod kif iżżomm ir-rekords fil-bażijiet tad-data, biex tottimizza l-verifiki u biex issegwi fuq l-osservazzjoni tal-Qorti dwar it-titjib tal-koordinazzjoni li hu meħtieġ biex titqies l-espożizzjoni għar-riskju globali tal-Kummissjoni ma’ kull bank kummerċjali meta l-limiti tad-depożiti li jistgħu jinżammu fil-banek kummerċjali jkunu stabbiliti mid-Direttorati Ġenerali kkonċernati;

303.

Jilqa' u jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tipproponi s-sistema attwali għall-ġestjoni ta' multi proviżorjament imħallsa, li kienet suġġetta għal reviżjoni fl-2008, u jistenna li l-proposta għal deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni maħruġa kmieni fl-2009 mid-DĠ BUDG ittejjeb is-sigurtà ta' din is-sistema;

Parti VIII:   Rapport speċjali Nru 6/2009 dwar l-għajnuna alimentari tal-Unjoni Ewropea għal persuni fil-bżonn: evalwazzjoni tal-objettivi, il-mezzi u l-metodi użati

304.

Jilqa' l-verifika tal-Qorti ta' dan il-programm kif ukoll il-proposta għal riforma tal-Kummissjoni (COM(2008)0563); jirreferi pożizzjoni tiegħu adottata fis-26 ta' Marzu 2009 (34) li fiha appoġġa l-proposta għal riforma; jenfasizza li l-azzjoni ta' għajnuna alimentari tal-UE tikkumplimenta azzjonijiet li diġà jeżistu fl-Istati Membri;

305.

Ifakkar li l-appoġġ soċjali mogħti mill-awtoritajiet tal-Istati Membri rari jiffoka fuq l-aċċess għall-ikel u li l-inizjattivi tal-ikel li jkollhom fil-mira popolazzjonijiet esklużi soċjalment u marġinali għandhom it-tendenza li jitmexxew minn organizzazzjonijiet filantropiċi u jsiru bl-għajnuna ta' voluntiera;

306.

Jemmen li huma meħtieġa kriterji aħjar biex l-għajnuna tiġi mmirata lejn dawk il-pajjiżi u riċevituri li huma l-aktar fil-bżonn;

307.

Jemmen li l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-programm għandhom jiżviluppaw miżuri effiċjenti biex jiġġieldu l-ħela tal-ikel;

308.

Ifakkar lill-Kummissjoni li l-prinċipju tas-sussidjarjetà bl-ebda mod ma jnaqqas l-obbligi tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 317 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema Artikolu l-Kummissjoni timplimenta l-baġit “fuq ir-responsabbiltà tagħha stess” u “b'konsiderazzjoni tal-prinċipji ta' tmexxija finanzjarja tajba”;

309.

Jistenna li l-Kummissjoni timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti bl-għan li l-awtoritajiet baġitarji jkun jista' jkollhom informazzjoni kompluta u oġġettiva dwar ir-riżultati tal-programm;

Parti IX:   Rapport speċjali Nru 7/2009 dwar il-ġestjoni tal-fażi ta' żvilupp u validazzjoni tal-programm Galileo

310.

Jiddispjaċih li, skont is-sejbiet tal-Qorti, il-ġestjoni tal-fażi ta' żvilupp u validazzjoni tal-programm Galileo ma kinitx adegwata; jinnota li l-iżvilupp teknoloġiku twaqqa' lura ħames snin meta mqabbel mal-pjan oriġinali u li l-istima tal-ispejjeż tal-fażi ta' żvilupp u validazzjoni kważi rduppjat minn EUR 1 100 000 000 għal EUR 2 100 000 000;

311.

Jitlob lill-Kummissjoni biex issegwi r-rakkomandazzjoni tal-Qorti fil-Komunikazzjoni li jmiss dwar il-ġejjieni tal-progamm Galileo biex tiċċara l-objettivi politiċi tal-programm u biex issarrafhom f'objettivi strateġiċi u operattivi ħalli tistabbilixxi pjan direzzjonali sod għall-Galileo sakemm ikun hemm mobilitazzjoni sħiħa;

312.

Jinsab imħasseb dwar il-konklużjoni tal-Qorti li l-Impriża Konġunta Galileo naqset milli tikseb il-biċċa l-kbira tal-objettivi tagħha u minħabba li l-attivitajiet tagħha kienu mfixkla bil-kbir minn kwistjonijiet ta' tmexxija; jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura, b'mod konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Qorti, li fil-każ ta' impriżi konġunti fil-futur, l-istruttura tat-tmexxija ma tfixkilx l-attivitajiet tal-impriża konġunta;

313.

Iqis li l-kontributuri tat-taxxa fl-Ewropa għandhom ikunu mgħarrfa dwar kwalunkwe parteċipazzjoni minn pajjiżi terzi fil-programmi Galileo u EGNOS; għalhekk jitlob li l-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dettaljata lill-Parlament dwar kwalunkwe tip ta' kooperazzjoni bejn l-UE u pajjiżi terzi fir-rigward tal-programmi Galileo u EGNOS;

314.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Awtorità ta' Viġilanza tal-GNSS Ewropea, biex fil-kontijiet tagħha, u fil-każ tal-Qorti, fir-rapporti tagħha, jagħtu lill-awtorità ta' kwittanza informazzjoni ċara u komprensiva dwar l-assi tanġibbli u mhux tanġibbli li jkunu nħalqu mill-programmi Galileo u EGNOS, li jkunu proprjetà tal-Unjoni Ewropea;

315.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tħejji ċifri aġġornati u analiżi tal-benefiċċji meta mqabbla mal-ispejjeż tal-proġett Galileo u biex tgħarraf lill-Parlament kif meħtieġ;

Parti X:   Rapport speċjali Nru 8/2009 dwar “Netwerks ta' eċċellenza” u “Proġetti integrati” fil-Politika tar-Riċerka tal-Komunità: dawn laħqu l-objettivi tagħhom?

Fażi inizjali tal-proċedura

316.

Jinnota l-eżistenza ta' “differenzi meta mqabbla mal-aspettattivi” għolja, jiġifieri l-fatt li inqas minn 55 % tal-proġetti kollha riveduti ex post żammew il-valutazzjoni “eċċellenti” tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni terġa' tikkunsidra l-proċeduri ta' valutazzjoni tagħhom;

317.

Ifakkar li l-maġġoranza l-kbira tal-applikazzjonijiet ma jaqbżux il-limitu minimu tal-“eċċellenza” (bejn 15 % u 20 % biss), filwaqt li l-ispejjeż tal-applikazzjonijiet (li jammontaw f'xi każijiet għal EUR 300 000) jitħallsu mill-applikanti; f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tapplika b'mod koerenti u effiċjenti diskrezzjoni raġonevoli (pereżempju proċeduri b'ħafna fażijiet) biex tagħmel l-aktar użu effiċjenti possibbli tal-flus allokati għar-riċerka minflok l-“amministrazzjoni tar-riċerka”;

318.

Iqis li hi ħasra li, skont is-suċċess eventwali tagħhom fil-proċedura ta' applikazzjoni, bejn 53 % u 86 % biss tal-partijiet kollha kkonċernati fehmu b'mod sħiħ in-natura tal-istrumenti applikati fis-Sitt Programm ta' Qafas (FP6); jiddispjaċih dwar il-fatt li f'xi każijiet l-għażla tal-istrument mid-dehra kienet ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet fiskali aktar milli materjali; jinnota li l-eżistenza ta' numru kbir ta' sħab fin-Netwerks ta' Eċċellenza (NoEs), kif ukoll l-attenzjoni qawwija li l-Kummissjoni tat lill-integrazzjoni legali, huma ta' sfida partikolari, u li l-grupp ta' esperti dwar il-futur tal-NoEs irrakkomanda li għandhom biss jiġu ffurmati sħubijiet akbar f'każijiet eċċezzjonali u ġġustifikati kif suppost (35);

Il-formazzjoni ta' Netwerks ta' Eċċellenza

319.

Jiddispjaċih li, minkejja t-talbiet tal-Parlament għal implimentazzjoni aktar orjentata lejn is-servizz u lejn il-klijent tal-programmi tar-riċerka, sar biss progress limitat fil-formazzjoni ta' “one stop shops” li jkopru l-firxa sħiħa ta' Direttorati Ġenerali fil-familja tar-riċerka, fl-istandardizzazzjoni tal-proċeduri ta' applikazzjoni, fid-dokumentazzjoni rikjesta minn qabel u fil-komunikazzjoni konsistenti; jenfasizza l-fatt li l-pubbliku jqis lill-Kummissjoni bħala entità waħda;

320.

jitlob f'dan ir-rigward li l-Kummissjoni fl-aħħar tieħu l-passi xierqa biex ikun hemm approċċ proattiv fis-sens ta' appoġġ għall-konsumaturi, kontrol intern tal-kwalità, inkluża standardizzazzjoni tat-tieni livell, u ġestjoni koerenti; jitlob lill-Kummissjoni biex tqiegħed fuq l-Internet it-testi legali kollha li fuqhom ikunu bbażati l-għotjiet inklużi, fejn ikun xieraq, ir-referenzi għal-liġi Belġjana;

321.

Ifakkar fit-talbiet kostanti tal-Parlament għal tnaqqis fil-piż amministrattiv, b'mod partikolari fil-proċeduri tal-għotjiet (36); jiddeplora l-fatt li ż-żmien biex isir il-kuntratt huwa ta' medja ta' 13-il xahar, li jirrappreżenta żieda ta' erba' xhur meta mqabbel mal-FP5; minħabba l-FP7, jitlob li l-Kummissjoni tagħmel użu mill-għodda amministrattiva eżistenti (pereżempju Kodiċi ta' Identifikazzjoni Personali (PICs), Rappreżentanti Maħtura tal-Entitajiet Legali (LEARs));

322.

Mhux sodisfatt li l-FP6 ma laħqitx l-objettiv ta' parteċipazzjoni aktar b'saħħitha ta' parteċipanti privati, b'mod partikolari l-SMEs; jaqbel mal-fehma tal-Qorti li xi dispożizzjonijiet skoraġġew b'mod attiv il-parteċipazzjoni tagħhom; kollox ma’ kollox, hu tal-fehma li d-dispożizzjonijiet u r-regoli legali (inklużi l-mudelli tal-kuntratti u l-linji gwida) huma wisq kumplessi u minnhom infushom jimblukkaw l-implimentazzjoni effikaċi u effiċjenti tal-politiki ta' riċerka;

323.

Josserva li l-attenzjoni tal-valutazzjonijiet titqiegħed fuq kontrolli tal-“inputs” aktar milli valutazzjonijiet tal-“outputs”; jaqbel mal-fehma tal-Qorti li d-definizzjoni proprja ta' objettivi speċifiċi, li jistgħu jitkejlu, li jistgħu jintlaħqu, rilevanti u f'waqthom (SMART) mill-bidu tal-proġett huma element ewlieni għall-iskop li jiġi ddeterminat il-progress u s-suċċess eventwali tiegħu; jenfasizza li r-rekwiżiti tar-rappurtar għandhom ikunu mfassla bħala għodda bi skop biex jiġi mmoniterjat u vvalutat il-progress fl-integrazzjoni u l-progress materjali (37) u m'għandhomx jintużaw bħala mezz biex jiġu ssanzjonati l-attivitajiet maniġerjali l-oħrajn tal-koordinatur jew biex ikun hemm indħil fihom sakemm dawn ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet legali;

Is-sostenibbiltà u l-iżvilupp futur

324.

Jiddispjaċih isir jaf li fil-parti l-kbira tal-każijiet ma setgħetx tintlaħaq integrazzjoni sostenibbli li tmur lil hinn mill-perjodu ta' finanzjament inizjali u li, skont il-valutazzjoni tal-Qorti, il-perjodu ta' finanzjament inizjali ta' ħames snin irriżulta li ma kienx realistiku; jappoġġa l-proposta li jiġu applikati kriterji kompetittivi u selettivi ħafna għall-finanzjament imġebbed fiż-żmien tal-NoEs li jiddikjaraw li huma kapaċi jilħqu l-awtosostenibbiltà (38);

325.

Jinnota b'interess il-proposta tal-grupp ta' esperti li tiġi esplorata l-possibbiltà ta' sejħiet ikkoordinati bejn l-ERA-NETs u l-FP7 li jgħaqqdu flimkien il-fondi nazzjonali u dawk Komunitarji (39) kif ukoll il-miżuri kollha biex jissaħħu t-trasparenza u l-aċċessibbiltà tal-bażi ta' data CORDIS biex jiġi żgurat skambju tar-riżultati tar-riċerka fl-ERA (skambju ta' eżempji tal-aħjar prattika);

326.

Jinsab imħasseb ħafna dwar il-fatt li l-applikazzjoni tal-istrateġija ta' verifika tal-Kummissjoni għall-FP6 diġà wasslet għal żewġ każijiet fil-qrati mibdija minn ex parteċipanti; jenfasizza li l-affidabbiltà hija l-bażi għal kwalunkwe kooperazzjoni fuq perjodu twil ta' żmien u jistieden għal darba oħra lill-Kummissjoni, bil-ħsieb li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, biex toqgħod lura milli terġa' tikkalkula d-dikjarazzjonijiet finanzjarji ta' proġetti fl-FP6 li diġà approvat u ffinalizzat, billi tapplika interpretazzjonijiet ġodda tal-kriterji ta' eliġibbiltà għall-ispejjeż stabbiliti fil-Kundizzjonijiet Ġenerali (Anness II) tal-mudell tal-kuntratt tal-FP6 (40); iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex issaħħaħ l-isforzi tagħha biex issib soluzzjoni, b'mod partikolari billi tissimplifika l-proċeduri ta' rkupru permezz tal-użu ta' proċeduri xierqa “rata fissa” u filwaqt li tikkunsidra l-bona fidi u l-aspettativi leġittimi tal-benefiċjarji, u jesprimi x-xewqa tiegħu għal djalogu bbażat fuq is-soluzzjonijiet;

327.

Jitlob lill-Kummissjoni biex issib soluzzjonijiet li jiżguraw l-affidabbiltà u l-kontinwità f'nofs il-perjodu fl-implimentazzjoni u l-ippjanar ta' programmi ta' qafas, l-aktar f'dak li jirrigwarda l-FP8 u, b'mod partikolari, biex tapplika skadenzi omoġenji u regoli stretti ta' proċedura;

Parti XI:   Rapport speċjali Nru 9/2009 dwar l-effiċjenza u l-effikaċja tal-attivitajiet tas-selezzjoni tal-persunal imwettqa mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal

328.

Iħeġġeġ lill-Uffiċċju Ewropew għall-Għażla tal-Persunal (EPSO) biex iqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti fil-Programm ta' Żvilupp tiegħu (EDP);

329.

Hu tal-fehma li l-EPSO u l-istituzzjonijiet kollha tal-UE għandhom itejbu l-komunikazzjoni tagħhom maċ-ċittadini dwar il-kunċett ta' servizz pubbliku Ewropew imparzjali u jtejbu l-immaġni tal-UE bħala entità li tħaddem;

330.

jirrimarka f'dan il-kuntest li l-EPSO għandu jipprova wkoll itejjeb il-komunikazzjoni tiegħu mal-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-Istati Membri biex jiskambja l-aħjar prattiki fl-oqsma tal-għoti tal-informazzjoni/ir-reklamar lill-pubbliku u l-promozzjoni ta' opportunitajiet ta' xogħol b'mod immirat biex jaslu għall-attenzjoni tal-professjonisti; iqis li komunikazzjoni simili għandha ssir ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti;

331.

Huwa konvint li t-titjib tal-kooperazzjoni mal-universitajiet jista' jkun ta' benefiċċju fuq perjodu twil ta' żmien billi, minn naħa, jipprovdi l-istituzzjonijiet tal-UE b'impjegati ta' min jixtieqhom u, min-naħa l-oħra, billi jgħin lill-gradwati fit-titjib tal-għażliet tal-karriera tagħhom;

332.

Iħeġġeġ lill-EPSO jkompli l-isforzi tiegħu biex jidentifika l-kawża tal-iżbilanċi ġeografiċi fost il-kandidati u sussegwentament fost il-lawreati u biex jipprevenihom;

333.

Jiddispjaċih li la r-rapport tal-Qorti u lanqas l-EPSO ma janalizzaw biżżejjed il-proċess tar-reklutaġġ ta' persunal maniġerjali tal-livell tan-nofs u dak għoli, u b'mod partikolari l-iżbilanċi ġeografiċi f'dan il-qasam; jissuġġerixxi li fir-rapport speċjali tagħha li jmiss (jew rapport ta' segwitu), il-Qorti għandha tanalizza din il-kwistjoni;

334.

Huwa tal-fehma li l-EPSO għandu jtejjeb l-amministrazzjoni tal-listi tal-lawreati billi jipprovdihom b'informazzjoni dwar postijiet attwalment battala biex jiffaċilita r-reklutaġġ finali tagħhom; fl-istess ħin, iqis li għandhom isiru sforzi biex jitnaqqas iż-żmien li l-kandidati li jkunu rnexxew iqattgħu jistennew impjieg;

335.

Mhuwiex konvint li s-sekondar ta' uffiċjali mill-istituzzjonijiet tal-UE għall-EPSO biex iservu bħala membri “full-time” ta' bordijiet ta' għażla hija għażla realistika u effiċjenti meta mqabbla mal-ispejjeż;

336.

Jistieden lill-EPSO biex jevita kwalunkwe ambigwità fl-avviżi tal-kompetizzjonijiet u jħeġġeġ lill-EPSO biex jirrevedi l-proċeduri tiegħu biex jivverifika l-konformità mar-rekwiżiti tal-eliġibbiltà;

337.

Jistieden ukoll lill-EPSO biex itejjeb il-proċeduri ta' appell tiegħu, pereżempju billi jassenja bordijiet differenti fl-ewwel u fit-tieni istanza;

338.

Jinnota li hemm diversi każijiet pendenti kontra l-EPSO quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku b'rabta ma’ nuqqasijiet fil-proċedura tal-għażla (b'mod partikolari rigward il-kwistjoni tal-lingwi); hu tal-fehma li, ladarba dawn il-każijiet ikunu konklużi, għandhom jipprovdu tagħlimiet li ta' min jitgħallimhom u għandhom jiġu inkorporati fl-EDP mill-EPSO;

Parti XII:   Rapport speċjali Nru 10/2009 dwar azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli

339.

Jiddispjaċih li s-sistema li qed titħaddem ma tagħmilhiex possibbli li titkejjel l-effikaċja tal-miżuri u li, anke jekk l-impatt tal-politika jirriżulta li jkun pożittiv, huwa diffiċli ħafna li jitkejjel minħabba n-nuqqas ta' objettivi speċifiċi, strateġija ċara u indikaturi xierqa;

340.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tispeċifika l-objettivi tal-politika, filwaqt li żżomm quddiem għajnejha l-bżonn ta' konsistenza bejn l-ambizzjonijiet iddikjarati u l-baġit impenjat, u biex tesprimi dawn l-objettivi b'mod SMART, kif ukoll biex tiddefinixxi u timmoniterja indikaturi xierqa ta' prestazzjoni;

341.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli t-titjib għall-proċedura ta' għażla, b'mod partikolari billi żżomm ir-rekwiżit li fil-proposti tiġi inkluża informazzjoni dwar l-impatt mistenni tal-miżuri kkonċernati u l-mod li bih se jitkejjel l-impatt;

342.

Jistieden lill-Istati Membri biex jikkontribwixxu għat-titjib tal-proċedura tal-għażla billi jivverifikaw ir-rilevanza tal-proposti u billi jżidu s-selettività; iħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri biex jikkomunikaw lill-Kummissjoni informazzjoni dwar l-għajnuniet u l-miżuri ta' promozzjoni nazzjonali tagħhom;

343.

Jistieden lill-Istati Membri biex itejbu l-proċeduri tal-akkwist pubbliku użati minnhom meta jagħżlu l-korpi implimentattivi u, b'mod partikolari, biex jevitaw skadenzi qosra wisq, japplikaw proeduri formali b'mod sistematiku u jiżguraw li l-organizzazzjonijiet li jipproponu jikkonformaw mal-kundizzjonijiet tal-għażla;

Parti XIII:   Rapport speċjali Nru 11/2009 dwar is-sostenibbiltà u l-ġestjoni tal-Kummissjoni tal-proġetti tal-LIFE-Natura

344.

Jinnota li s-sorveljanza u l-ġestjoni ta' LIFE-Natura hija proċess kumpless u jinvolvi diversi partijiet interessati mill-Istati Membri; madankollu, jinnota li l-ammont ta' riżorsi finanzjarji allokati jirrikjedi assigurazzjoni li l-investimenti li jsiru jkunu effiċjenti meta mqabbla mal-ispejjeż u sostenibbli;

345.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-mudell ta' selezzjoni tagħha biex tipprijoritizza proposti għal proġetti LIFE-Natura li jistgħu jipprovdu assigurazzjoni fir-rigward tal-kontinwità tar-riżultati; jissuġġerixxi wkoll lill-Kummissjoni li tikkunsidra li tissepara l-ġestjoni tal-fergħat “Natura” u “Ambjent”;

346.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkoopera mill-qrib mal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u ċ-Ċentru Ewropew Tematiku dwar id-Diversità Bijoloġika meta tiddefinixxi l-kriterji u l-indikaturi xierqa għall-għażla tal-proposti fir-rigward tas-sostenibbiltà tagħhom kif ukoll biex tieħu l-inizjattivi neċessarji biex ittejjeb il-monitoraġġ tal-proġetti fir-rigward tar-riżultati miksuba, u biex tiżviluppa indikaturi u kriterji xierqa għall-monitoraġġ tar-riżultati tal-proġetti;

347.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-istrateġija ta' komunikazzjoni tagħha, filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari lit-tixrid ta' informazzjoni rilevanti u t-tagħlimiet meħuda, u biex tiżgura li l-benefiċjarji jkunu rikjesti li jipprovdu dettalji aktar tekniċi rigward il-metodi użati, it-tagħlimiet meħuda u l-aħjar prattiki identifikati;

348.

Jistieden lill-Istati Membri, peress li huma stess huma responsabbli għall-konservazzjoni sostenibbli tan-natura, biex jikkooperaw mill-qrib mal-Kummissjoni u ma’ Stati Membri oħrajn bil-ħsieb li jiġu skambjati l-aħjar prattiki għall-ġestjoni tal-proġetti LIFE-Natura;

349.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tintroduċi skema ta' segwitu għall-finanzjament ta' wara l-LIFE biex tivvaluta l-effikaċja tal-proġetti ffinanzjati u biex tiżgura s-sostenibbiltà tal-impatt tal-finanzjament tal-UE wara l-għeluq tal-proġetti;

350.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa miżuri xierqa biex issolvi l-kwistjonijiet legali eżistenti u l-limiti tal-implimentazzjoni rigward is-segwitu fuq perjodu twil ta' żmien tal-proġetti;

Parti XIV:   Rapport speċjali Nru 12/2009 dwar l-effettività tal-proġetti tal-Kummissjoni fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni għall-Balkani tal-Punent

351.

Jinnota b'sodisfazzjon li, għall-kuntrarju ta' programmi ta' adeżjoni preċedenti, il-Kummissjoni ppruvat tittratta riformi strutturali importanti fil-qasam tal-ġustizzja u l-intern aktar qabel fil-proċess tat-tkabbir, u jikkunsidra din il-prijoritizzazzjoni bħala xi ħaġa pożittiva ħafna; jinsisti f'dan il-kuntest li l-Kummissjoni trid tkompli tiffoka l-għajnuna tagħha għall-Balkani tal-Punent fuq is-settur tal-ġustizzja u l-intern biex tkompli b'dawk l-isforzi;

352.

Ifakkar li l-Kummissjoni tiżgura l-ġestjoni tal-proġetti fil-qasam tal-ġustizzja u l-intern f'ambjent politiku u istituzzjonali diffiċli; filwaqt li jikkunsidra l-konklużjonijiet tal-Qorti li juru li l-proġetti ta' investiment kellhom aktar suċċess mill-proġetti tal-bini ta' istituzzjonijiet, jistenna mill-Kummissjoni tisħiħ sinifikanti tar-rabta bejn il-proġetti li għandhom l-għan tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali u l-proġetti ta' investiment fir-reġjun ikkonċernat;

353.

Jaqbel mal-Qorti li l-approprjazzjoni tal-azzjonijiet u l-proġetti lokali tirrappreżenta fattur determinanti għas-suċċess fit-tisħiħ tal-istat tad-dritt, u jikkunsidra wkoll li n-nuqqas ta' impenn u sjieda fil-livell lokali jdgħajjef is-sostenibbiltà tal-proġetti; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-għajnuna mogħtija tkun akkumpanjata b'rieda qawwija min-naħa tal-benefiċjarji li jħeġġu b'mod attiv ir-riformi istituzzjonali u li żżid l-involviment tal-benefiċjarji fil-proġetti;

354.

Iqis bħall-Qorti li l-għajnuna tal-UE fil-Balkani tal-Punent hija ġeneralment effikaċi, iżda li jeżistu riskji reali fir-rigward tas-sostenibbiltà tal-proġetti; jinnota b'sodisfazzjon li s-sostenibbiltà u s-sjieda tal-proġetti għandha titjieb fil-programm IPA minħabba kundizzjonalitajiet tal-proġetti u kofinanzjament mill-benefiċjarji; huwa tal-opinjoni li pjanijiet ta' manutenzjoni jżidu aktar id-durabbiltà tal-proġetti u jitlob lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li ddaħħalhom bħala prerekwiżit biex jinkiseb appoġġ finanzjarju mill-UE;

355.

Jistenna li l-Kummissjoni tiżgura b'mod skrupoluż li l-interventi relatati mal-infrastruttura fil-qasam tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri issa jkunu mfassla u implimentati b'tali mod li jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni reġjonali;

356.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel l-almu tagħha biex tiżgura kooperazzjoni aħjar bejn id-diversi donaturi fil-post u koordinament aktar effiċjenti tal-azzjonijiet tagħhom;

357.

Iqis li l-viżibbiltà tal-UE bħala l-akbar donatur fir-reġjun teħtieġ li tittejjeb b'mod sinifikanti biex tkun taqbel mas-sehem tagħha tal-kontribuzzjonijiet; jistenna proposta mill-Kummissjoni f'dan ir-rigward;

Parti XV:   Rapport speċjali Nru 13/2009 dwar id-delega tal-kompiti ta' implimentazzjoni lill-aġenziji eżekuttivi: alternattiva ta' suċċess?

358.

Jenfasizza li, f'konformità mal-prinċipji tad-delegazzjoni, ir-responsabbiltà għall-politika u s-superviżjoni tal-attivitajiet tibqa' tal-Kummissjoni;

359.

Jiddispjaċih, madankollu, li skont il-verifika l-kontroll tal-Kummissjoni fuq l-attivitajiet tal-aġenziji mhux effikaċi għal kollox, u jenfasizza l-bżonn li jiġu żviluppati indikaturi ġodda li jippermettu li jissaħħaħ il-kejl tal-prestazzjoni tal-Aġenziji mid-Direttorati Ġenerali ta' sorveljanza kkonċernati;

360.

Iqis li t-twaqqif tal-aġenziji eżekuttivi għandu jkun immotivat mhux biss minn limitazzjonijiet ta' persunal iżda primarjament mill-għan li jittejjeb is-servizz fi programmi fejn separazzjoni ċara bejn il-kompiti politiċi u dawk tal-implimentazzjoni jippermettu lill-Kummissjoni li tikkonċentra l-isforzi tagħha fuq kwistjonijiet strateġiċi;

361.

Jappoġġa l-ħsieb tal-Kummissjoni li ma twaqqafx aġenziji eżekuttivi oħrajn sakemm ma jkunx hemm kompetenzi ġodda tal-Kummissjoni sal-2013, u li minflok tagħmel użu mill-possibbiltà li jiġi estiż il-mandat ta' aġenziji eżistenti;

362.

Huwa mħasseb li, skont ir-rapport tal-Qorti, il-prattika tar-reklutaġġ fl-aġenziji eżekuttivi hija li jiġu rreklutati gradi aktar baxxi għal postijiet temporanji, u li l-persunal kuntrattwali jiġi rikjest li jkollu aktar snin ta' esperjenza milli hu l-każ fir-rigward ta' persunal kuntrattwali b'kompiti simili fil-Kummissjoni; iħoss li dan inaqqas l-attrazzjoni tal-impjiegi, minkejja l-offerta ta' kuntratti li jiġġeddu, b'kuntrast mal-perjodu massimu ta' tliet snin ta' kuntratt applikabbli għall-persunal kuntrattwali tal-Kummissjoni, u jwissi li dan jista' jaffettwa l-kwalità tal-operazzjoni ta' aġenzija partikolari;

363.

Iqis li l-eżami futur ta' din il-kwistjoni jista' jinkludi valutazzjoni ta' kull impatt negattiv possibbli ta' kuntratti b'perjodu iqsar ta' żmien u ta' bidla akbar ta' persunal fuq il-ħidma tal-aġenziji;

364.

Iqis li wieħed mill-benefiċċji potenzjali kbar ta' aġenzija eżekuttiva huwa r-reklutaġġ ta' persunal speċjalizzat, u jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-kriterji ta' reklutaġġ u l-kundizzjonijiet tal-persunal tal-aġenziji eżekuttivi;

365.

Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta analiżi komparattiva dettaljata tal-fatturi li jirregolaw id-differenzi fil-pagi, filwaqt li tqis ir-rekwiżiti differenti fir-rigward tal-ħiliet u l-kwalifiki edukattivi, fir-rigward kemm tal-persunal tal-Kummissjoni kif ukoll tal-persunal tal-aġenziji eżekuttivi;

366.

Jistieden lill-Kummissjoni biex issegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti u:

(a)

tiġbor u tuża data affidabbli dwar l-ammont ta' xogħol u l-produttività relatati mad-delegazzjoni tal-kompiti bil-ħsieb li titwettaq valutazzjoni tal-impatt, kemm qabel kif ukoll wara l-esternalizzazzjoni;

(b)

tidentifika l-fatturi ta' suċċess u l-konklużjonijiet li wasslu għal riżultati aħjar fl-aġenziji u biex tapplika t-tagħlimiet meħuda għall-programmi kollha li jkomplu jiġu ġestiti mis-servizzi tal-Kummissjoni;

(ċ)

ittejjeb is-superviżjoni tal-aġenziji billi tistabbilixxi objettivi orjentati lejn ir-riżultati u mmirati, waqt li tuża numru ta' indikaturi tal-prestazzjoni rilevanti, li għandhom ikunu l-bażi għall-objettivi tas-snin li jmiss;

Parti XVI:   Rapport speċjali Nru 14/2009 bl-isem “L-għodda tal-ġestjoni tas-suq tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib laħqu l-objettivi prinċipali tagħhom?”

367.

Jistenna mill-Kummissjoni, fid-dawl tat-taqlib u d-diverġenzi qawwija fis-suq dinji, li tieħu miżuri prekawzjonarji u kompensatorji effettivi biex issaħħaħ negozji żgħar u tippromwovi s-sigurtà tal-provvista tal-ikel permezz ta' firxa wiesgħa ta' negozji fi ħdan l-Unjoni Ewropea;

368.

Jinnota li l-Qorti hija partikolarment imħassba dwar il-konsegwenzi f'żoni muntanjużi u żoni inqas vantaġġjati; jenfasizza li dan it-tħassib huwa kondiviż mill-Parlament, peress li l-farms effiċjenti huma parti integrali tal-iżvilupp f'bosta żoni rurali; jikkunsidra li l-farms għandhom impatt konsiderevoli fuq l-iżvilupp, l-istabbiltà u l-konservazzjoni tal-kampanja f'żoni rurali;

369.

Ma jaqbilx li s-suq tal-ħalib tal-UE għandu jiffoka primarjament fuq is-suq intern u m'għandhomx jipprova jkun kompetittiv fis-suq dinji; jenfasizza li l-kompetizzjoni globali hija realtà li l-UE trid taffaċċja, u huwa tal-fehma li meta s-suq dinji jiġi liberalizzat aktar, il-bdiewa tal-ħalib fl-UE għandhom ikunu jistgħu jlaħħqu; barra minn hekk, huwa tal-opinjoni li, fuq perjodu twil ta' żmien, il-kompetittività fir-rigward tas-suq dinji se tkun mod kif tiżdied il-prosperità fost il-bdiewa, u jenfasizza li jekk wieħed ma jippruvax ikun parti minn dan kollu, dan se jwassal għal użu ta' min jikkundannah tal-fondi komuni u, fuq perjodu twil ta' żmien, se jfisser tnaqqis fil-qligħ tal-bdiewa tal-ħalib Ewropej;

370.

Jaqbel mal-Qorti li hemm bżonn ta' superviżjoni kontinwa tal-iżvilupp tas-suq tal-ħalib, u għaldaqstant jirrakkomanda lill-Kummissjoni li għandha tkompli l-ħidma tajba li diġà saret;

371.

Ifakkar, barra minn hekk, li d-diversi objettivi tal-PAK huma kontradittorji, u jqis li issa aktar minn qatt qabel huwa neċessarju li jsir dibattitu dettaljat u eżawrjenti dwar l-iskop tal-PAK.

Part XVII:   Rapport speċjali Nru 16/2009 dwar il-ġestjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-assistenza ta' qabel l-adeżjoni lit-Turkija

372.

Jilqa' l-evalwazzjoni tajba tal-Qorti dwar l-amministrazzjoni mill-Kummissjoni tal-assistenza ta' qabel l-adeżjoni lit-Turkija;

373.

Jinnota li l-Qorti tikkritika n-nuqqas ta' metodu ta' selezzjoni ċar li jiżgura li l-proġetti magħżula jikkorrispondu mal-prijoritajiet tas-Sħubija għall-Adeżjoni, u Jilqa' b'sodisfazzjon il-konklużjoni tal-Qorti li, filwaqt li tassew kien hemm xi dgħufijiet fil-ġestjoni li saret mill-Kummissjoni tal-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni lit-Turkija fil-perjodu ta' Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni lit-Turkija (jiġifieri 2002-2006), il-Kummissjoni minn dak iż-żmien'l hawn ħadet azzjoni biex ittejjeb il-proċeduri tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni, għalkemm l-effikaċja tal-bidliet tista' tiġi vvalutata biss fil-futur;

374.

Huwa xxukjat bil-konklużjonijiet tar-rapport speċjali, li fih il-Qorti tal-Awdituri tikkritika l-fatt li l-Kummissjoni ma żguratx li jkun hemm sistema effikaċi għall-valutazzjoni tal-proġetti individwali fil-perjodu 2002-2008 u li għaldaqstant mhuwiex faċli li wieħed jivvaluta kif ġew ġestiti l-fondi, inkluż jekk intlaħaqx valur tajjeb għall-infiq;

375.

Iqis li huwa inkwetanti li l-ippjanar strateġiku għall-2002-2004 kif ukoll il-236 “prijoritajiet” tal-isħubija tal-adeżjoni tal-2006 ma inkludewx kull klassifikazzjoni fir-rigward tal-importanza jew kull konsiderazzjoni tal-livell/miżuri meħtieġa dwar il-progress lejn l-adeżjoni; jikkritika n-nuqqas ovvju tal-użu effiċjenti tal-assistenza finanzjarja Ewropea; huwa ddiżappuntat li bejn l-2006 u l-2008, il-ħafna prijoritajiet li kienu mmarkati bħala “żmien qasir” ma kisbu l-ebda progress sinifikanti;

376.

Jenfasizza s-sejħa tal-Qorti għal metodoloġija robusta li biha tiddetermina l-għanijiet strateġiċi li għalihom l-għajnuna finanzjarja tal-UE hija l-aktar meħtieġa; jikkunsidra li l-miżuri mfassla biex jinkiseb kull għan strateġiku jeħtieġ li jkunu definiti b'mod ċar; jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li d-diversi proposti tal-proġett jinkludu għanijiet speċifiċi, kwantifikabbli, realistiċi u rilevanti b'tali mod li l-kontribut tagħhom jikseb b'mod ċar l-għanijiet strateġiċi;

377.

Jikkritika l-fatt li l-fondi tal-assistenza ta' qabel l-adeżjoni ġew allokati lit-Turkija minkejja l-fatt li kien hemm indikaturi nieqsa u li l-progress lejn il-kisba tal-kriterji tal-adeżjoni ma setgħux jitkejlu; għalhekk, jitlob biex il-fondi jiġu kkonċentrati fuq proġetti li huma rilevanti għall-adeżjoni, li jistgħu jitkejlu u kapaċi li jiġu implimentati;

378.

Jindika li, minkejja l-Kummissjoni introduċiet miżuri mmirati biex jindirizzaw bosta mid-dgħufijiet fis-Sistema tal-Implimentazzjoni Deċentralizzata, b'mod partikolari mill-introduzzjoni tal-Istrument tal-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni l-ġdid (IPA 2007-2013), il-Kummissjoni għadha trid tindirizza l-bqija tad-dgħufijiet fil-ġestjoni tal-ipprogrammar u l-prestazzjoni ġenerali, kif irrakkomandata mill-Qorti; jistenna wkoll li l-Kummissjoni tagħmel konxji l-awtoritajiet tat-Turkija minn dan il-fatt sabiex jitfasslu l-proposti tal-proġett li jippermettu l-għanijiet strateġiċi marbuta mal-finanzjament tal-Unjoni Ewropea biex jinkisbu fi ħdan perjodu ta' żmien realistiku; jikkunsidra li l-Kummissjoni għandha tieħu inizjattivi ġodda sabiex ittejjeb it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġetti mill-istituzzjonijiet tas-Sistema tal-Implimentazzjoni Deċentralizzata (miżuri bħall-evalwazzjonijiet tal-ħtiġijiet obbligatorji u l-programmazzjoni aħjar tal-arranġamenti kuntrattanti);

379.

Minħabba n-nuqqas ta' ħila fil-kejl tal-progress lejn l-għanijiet tal-adeżjoni, jitlob lill-Kummissjoni twettaq analiżi aktar preċiża tal-għanijiet u tal-effikaċja tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni, ibbażata fuq ir-rimarki tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, u biex tippreżentaha sal-15 ta' Settembru 2010;

380.

Ifakkar fl-importanza ta' evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-intier tal-programm għall-assistenza ta' qabel l-adeżjoni lit-Turkija.


(1)  ĠU L 71, 14.3.2008.

(2)  ĠU C 273, 13.11.2009, p. 1.

(3)  ĠU C 107, 30.4.2004, p. 1.

(4)  ĠU C 216, 14.9.2007, p. 3.

(5)  ĠU C 269, 10.11.2009, p. 1.

(6)  ĠU C 273, 13.11.2009, p. 122.

(7)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(8)  ĠU L 11, 16.1.2003, p. 1.

(9)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(10)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

(11)  ĠU L 88, 31.3.2009, p. 25.

(12)  ĠU L 255, 26.9.2009, p. 36.

(13)  http://eca.europa.eu/portal/pls/portal/docs/1/2410290.PDF

(14)  ĠU C 16 E, 22.1.2010, p. 201.

(15)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

(16)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1341/2008 tat-18 ta' Diċembru 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1083/2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni, rigward ċerti proġetti li jiġġeneraw dħul (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 19).

(17)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 284/2009 tas-7 ta' April 2009 li jemenda ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni, rigward ċerti dispożizzjonijiet relatati mal-ġestjoni finanzjarja (ĠU L 94, 8.4.2009, p. 10).

(18)  Ir-Regolament (KE) Nru 396/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1081/2006 dwar il-Fond Soċjali Ewropew biex jestendi t-tipi ta' spejjeż eliġibbli għal kontribut mill-FSE (ĠU L 126, 21.5.2009, p. 1).

(19)  Ir-Regolament (KE) Nru 397/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fir-rigward tal-eliġibbiltà ta' investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija u fl-enerġija rinovabbli (ĠU L 126, 21.5.2009, p. 3).

(20)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 846/2009 tal-1 ta' Settembru 2009 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1828/2006 li jistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ĠU L 250, 23.9.2009, p. 1).

(21)  ĠU L 299, 8.11.2008, p. 1.

(22)  ĠU L 299, 8.11.2008, p. 43.

(23)  Testi adottati, P7_TA(2009)0055.

(24)  Studju biex jiġu evalwati l-fattibilita' u l-għażliet għall-introduzzjoni ta' elementi ta' baġitjar ibbażat fuq is-sessi fil-proċess baġitarju tal-UE Kummissjoni Ewropea (kuntratt speċifiku DĠ Budget ABAC 132007, taħt il-kuntratt ta' qafas BUDG 06/PO/01/Lot 002/ABAC-101922 Rapport Finali Mejju 2008 A).

(25)  Ara r-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-22 ta' Ottubru 2009 dwar l-aspetti istituzzjonali tat-twaqqif tas-Servizz Ewropew għal-Azzjoni Esterna (Test adottati, P7_TA(2009)0057).

(26)  Rapport Speċjali Nru. 15/2009 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar “Assistenza tal-UE implimentata permezz ta' organizzazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti: it-teħid tad-deċiżjonijiet u l-monitoraġġ”.

(27)  Mekkaniżmu “Palestinjan-Ewropew ta' Ġestjoni u ta' Għajnuna Soċjo-ekonomika”.

(28)  Mekkaniżmu Internazzjonali Temporanju.

(29)  Ir-Regolament (KE) Nru 1337/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi faċilità għal rispons rapidu għall-prezzijiet tal-ikel li dejjem qed jogħlew fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 62).

(30)  EUR 530 miljun minn EUR 837 miljun kienu jikkonċernaw proġetti ta' ġestjoni konġunta ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali.

(31)  Rapport speċjali Nru 4/2009 tal-Qorti tal-Awdituri dwar “Il-ġestjoni tal-Kummissjoni tal-involviment ta' atturi non-statali fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-KE”. Artikolu 19(8) u Artikolu 20(2) tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 (ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41) (DCI) jeħtieġu li l-Kummissjoni tikkunsulta rappreżentanti tas-soċjeta' ċivili “fi stadju kmieni” tal-proċess ta' programmar.

(32)  Id-Direttiva tal-Kunsill 86/278/KEE tat-12 ta' Ġunju 1986 dwar il-protezzjoni tal-Ambjent, u b'mod partikolari tal-ħamrija, meta l-ħama tad-drenaġġ jintuża fl-agrikoltura (ĠU L 181, 4.7.1986, p. 6).

(33)  http://ec.europa.eu/europeaid/how/evaluation/evaluation_reports/2008/1259_docs_en.htm

(34)  Testi adottati, P6_TA(2009)0188.

(35)  Rapport Finali tal-grupp ta' esperti dwar il-futur tan-netwerks ta' eċċellenza (Settembru 2008 –“ER”), p. 21.

(36)  SEC(2006) 866 – C6-0231/2006 – 2006/0900(CNS)

(37)  ER, p. 26.

(38)  ER, p. 28.

(39)  ER, p. 27.

(40)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' April 2009 li tinkludi kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007, Taqsima III - Kummissjoni u Aġenziji Eżekuttivi (ĠU L 255, 26.9.2009, p. 36).