13.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 8/9


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/16/PESK/ĠAI

tat-30 ta’ Novembru 2009

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data ta’ Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 24 u 38 tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-27 ta’ Lulju 2009, il-Kunsill iddeċieda li jawtorizza lill-Presidenza, megħjuna mill-Kummissjoni, biex tibda n-negozjati għal Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu. Dawk in-negozjati wasslu għal suċċess u tfassal abbozz ta’ Ftehim (minn hawn ‘il quddiem “il-Ftehim”).

(2)

Il-Ftehim huwa importanti biex jiġi żgurat li l-fornituri magħżula ta’ servizzi ta’ messaġġi dwar pagamenti finanzjarji internazzjonali jipprovdu lid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti data dwar messaġġi finanzjarji maħżuna fit-territorju tal-Unjoni Ewropea meħtieġa għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu, soġġett għal osservanza stretta tas-salvagwardji dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali.

(3)

Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(4)

Il-Ftehim jipprovdi għall-applikazzjoni proviżorja tiegħu mill-1 ta’ Frar 2010. L-Istati Membri għandhom għalhekk jagħtu effett lid-dispożizzjonijiet tiegħu sa minn dik id-data f’konformità mal-liġi nazzjonali eżistenti. Dikjarazzjoni għal din il-fini ser issir fil-mument tal-firma tal-Ftehim,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu, huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni Ewropea, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat biex jaħtar il-persuna/i awtorizzati biex jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni Ewropea, soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 3

Skont l-Artikolu 15 tal-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim għandhom ikunu applikati fuq bażi proviżorja f’konformità mal-liġi nazzjonali eżistenti mill-1 ta’ Frar 2010, sakemm jidħol fis-seħħ. Id-Dikjarazzjoni annessa dwar l-applikazzjoni proviżorja għandha ssir fil-mument tal-firma.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

B. ASK


ANNESS

Dikjarazzjoni li għandha ssir f’isem l-Unjoni Ewropea fil-mument tal-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu

“Dan il-Ftehim, filwaqt li ma jidderogax minn jew ma jemendax il-leġislazzjoni tal-UE jew l-Istati Membri tagħha, ser, sakemm jidħol fis-seħħ, jiġi implimentat proviżorjament mill-Istati Membri b’rieda tajba, fil-qafas tal-liġijiet nazzjonali eżistenti tagħhom.”


TRADUZZJONI

FTEHIM

bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu

L-UNJONI EWROPEA,

minn naħa waħda, u

L-ISTATI UNITI TAL-AMERIKA,

min-naħa l-oħra,

Minn hawn ‘il quddiem magħrufin flimkien bħala “il-Partijiet”,

XEWQANA li jipprevjenu u jiġġieldu kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu, b’mod partikolari bil-kondiviżjoni reċiproka ta’ informazzjoni, bħala mezz ta’ protezzjoni għas-soċjetatjiet demokratiċi rispettivi tagħhom u l-valuri, id-drittijiet, u libertajiet komuni tagħhom;

FILWAQT LI JFITTXU li jtejbu u jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet fi spirtu ta’ sħubija transatlantika;

FILWAQT LI JFAKKRU fil-konvenzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu, u r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, b’mod partikolari r-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Siġurtà tan-Nazzjonijiet Uniti;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (“TFTP”) tad-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti (“id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti”) kien strumentali fl-identifikazzjoni u l-qbid ta’ terroristi u l-finanzjaturi tagħhom u ġġenera bosta indizji li tqassmu lill-awtoritajiet kompetenti madwar id-dinja għall-finijiet tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, b’valur partikolari għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (“Stati Membri”);

FILWAQT LI JINNUTAW l-importanza tat-TFTP fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu fl-Unjoni Ewropea u bnadi oħra, u r-rwol importanti tal-Unjoni Ewropea fl-iżgurar li l-fornituri maħtura għas-servizzi ta’ messaġġi dwar pagamenti finanzjarji internazzjonali jagħmlu disponibbli data ta’ messaġġi dwar pagamenti finanzjarji maħżuna fit-territorju tal-Unjoni Ewropea li hija meħtieġa għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu, soġġett għal konformità stretta ma’ salvagwardji dwar il-privatezza u l-protezzjoni ta’ data personali;

FILWAQT LI JŻOMMU F’MOĦĦHOM l-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, il-prinċipji tal-proporzjonalità u l-ħtieġa fir-rigward tad-dritt għar-rispett tal-privatezza u l-protezzjoni ta’ data personali skont l-Artikolu 8(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, il-Konvenzjoni Nru 108 tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali, u l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

FILWAQT LI JISĦQU dwar il-valuri komuni li jirregolaw il-privatezza u l-protezzjoni ta’ data personali fl-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika (“Stati Uniti”), inkluża l-importanza li ż-żewġ Partijiet jagħtu lill-proċess ġust u d-dritt għal tiftix ta’ rimedji effettivi għal azzjoni governattiva mhux adatta;

FILWAQT LI JINNUTAW il-kontrolli u s-salvagwardji rigorużi li jintużaw mid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għat-trattament, l-użu u d-disseminazzjoni ta’ data ta’ messaġġi dwar pagamenti finanzjarji f’konformità mat-TFTP, kif deskritt fir-rappreżentazzjonijiet tad-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-20 ta’ Lulju 2007 u r-Reġistru Federali tal-Istati Uniti fit-23 ta’ Ottubru 2007, li jirriflettu l-kooperazzjoni li għaddejja bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra t-terroriżmu globali;

FILWAQT LI JFAKKRU li, biex jiġi ggarantit l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tagħhom, kwalunkwe persuna irrispettivament min-nazzjonalità tista’ tressaq ilment quddiem awtorità indipendenti għall-protezzjoni tad-data, awtorità oħra simili, qorti jew tribunal indipendenti u imparzjali, biex tfittex rimedji effettivi;

FILWAQT LI JŻOMMU F’MOĦĦHOM li rikors amministrattiv jew ġudizzjarju adatt huwa disponibbli taħt il-liġi tal-Istati Uniti għall-użu ħażin ta’ data personali, inkluż taħt l-Administrative Procedure Act tal-1946 (5 U.S.C. 701 et seq.), l-Inspector General Act tal-1978 (5 U.S.C.App.), l-Implementing Recommendations of the 9/11 Commission Act tal-2007 (42 U.S.C. 2000ee et seq.), il-Komp Fraud and Abuse Act (18 U.S.C. 1030), u l-Freedom of Information Act (5 U.S.C. 552), fil-verżjoni emendata tagħhom;

FILWAQT LI JFAKKRU li bil-liġi fl-Unjoni Ewropea klijenti ta’ istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ messaġġi dwar pagamenti finanzjarji huma infurmati li data personali li tinsab fir-rekords ta’ transazzjonijiet finanzjarji tista’ tiġi trasferita lill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri jew pajjiżi terzi għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi;

FILWAQT LI JAFFERMAW li dan il-Ftehim ma jikkostitwixxix preċedent għal xi arranġament futur bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea, jew bejn kwalunkwe waħda mill-Partijiet u kwalunkwe Stat, fir-rigward tal-ipproċessar u t-trasferiment ta’ data ta’ messaġġi dwar pagamenti finanzjarji jew xi forma oħra ta’ data, jew fir-rigward tal-protezzjoni tad-data;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li dan il-Ftehim ma jidderogax mis-setgħat eżistenti tal-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data fl-Istati Membri għall-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom; u

FILWAQT LI JKOMPLU JAFFERMAW li dan il-Ftehim huwa mingħajr preġudizzju għall-infurzar ta’ liġijiet oħrajn jew ftehimiet għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni jew arranġamenti bejn il-Partijiet jew bejn l-Istati Uniti u l-Istati Membri;

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Fini tal-Ftehim

1.   Il-fini ta’ dan il-Ftehim huwa li jiġi żgurat, b’rispett sħiħ għall-privatezza, il-protezzjoni tad-data personali, u kondizzjonijiet oħra stabbiliti f’dan il-Ftehim, li:

(a)

messaġġi dwar pagamenti finanzjarji u data relatata maħżuna fit-territorju tal-Unjoni Ewropea minn fornituri ta’ servizzi ta’ messaġġi dwar pagamenti finanzjarji internazzjonali, maħtura konġuntement f’konformità ma’ dan il-Ftehim, jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fuq talba tad-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għall-fini tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, ir-rintraċċar, jew il-prosekuzzjoni tat-terroriżmu jew tal-finanzjament tiegħu; u

(b)

informazzjoni rilevanti miksuba permezz tat-TFTP titqiegħed disponibbli għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, tas-sigurtà pubblika jew ta’ kontra t-terroriżmu tal-Istati Membri, jew l-Europol jew il-Eurojust, għall-fini tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, ir-rintraċċar jew il-prosekuzzjoni tat-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu.

2.   L-Istati Uniti, l-Unjoni Ewropea, u l-Istati Membri tagħha għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa u adatti kollha fl-awtorità tagħhom biex iwettqu d-dispożizzjonijiet u jiksbu l-fini ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 2

Kamp ta’ Applikazzjoni

Kondotta marbuta mat-terroriżmu jew mal-Finanzjament tat-Terroriżmu

Dan il-Ftehim japplika biex jinkisbu u jiġu użati l-messaġġi dwar pagamenti finanzjarji u data relatata bil-ħsieb tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, ir-rintraċċar, jew il-prosekuzzjoni ta’:

(a)

Atti ta’ persuna jew entità li jinvolvu vjolenza, jew li huma b’xi mod perikolużi għal ħajja tal-bniedem jew joħolqu riskju ta’ ħsara għall-proprjetà jew l-infrastruttura, u li, minħabba n-natura u l-kuntest tagħhom, huwa raġonevolment maħsub li twettqu bil-għan li:

(i)

jintimidaw jew jikkostrinġu popolazzjoni;

(ii)

jintimidaw, jisfurzaw, jew jikkostrinġu gvern jew organizzazzjoni internazzjonali biex taġixxi jew tastjeni milli taġixxi; jew

(iii)

joħolqu nuqqas ta’ stabbiltà serja jew ikissru l-istrutturi fundamentali politiċi, kostituzzjonali, ekonomiċi jew soċjali ta’ pajjiż jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali;

(b)

Persuna jew entità li tassisti, tisponsorja, jew tipprovdi appoġġ finanzjarju, materjali jew teknoloġiku għal, jew servizzi finanzjarji jew servizzi oħrajn għal jew b’appoġġ għal, l-atti deskritti fis-subparagrafu (a); jew

(c)

Persuna jew entità li tgħin, tassisti jew twettaq attentati ta’ atti deskritti fis-subparagrafu (a) jew (b).

Artikolu 3

Żgurar tal-Forniment tad-Data mill-Fornituri Maħtura

L-Unjoni Ewropea għandha tiżgura, f’konformità ma’ dan il-Ftehim, li l-entitajiet konġuntement maħtura mill-Partijiet taħt dan il-Ftehim bħala fornituri ta’ messaġġi dwar pagamenti finanzjarji internazzjonali (“Fornituri Maħtura”) għandhom iqiegħdu disponibbli għad-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti messaġġi dwar pagamenti finanzjarji u data relatata għall-fini tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, ir-rintraċċar, jew il-prosekuzzjoni tal-finanzjament tat-terroriżmu jew il-finanzjament tat-terroristi (“Data Provduta”).

Artikolu 4

Talbiet mill-Istati Uniti għall-Ksib ta’ Data mill-Fornituri Maħtura

1.   Skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim dwar Assistenza Legali Reċiproka bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika, iffirmat f’Washington fil-25 ta’ Ġunju 2003, u l-istrument relatat dwar l-assistenza legali reċiproka bilaterali bejn l-Istati Uniti u l-Istat Membru li fih huwa bbażat il-Fornitur Maħtur jew li fih huwa jaħżen id-data mitluba, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu joħroġ talba bbażata fuq investigazzjoni li tkun għaddejja rigward imġieba speċifika msemmija fl-Artikolu 2 li tkun twettqet jew fejnhemm raġuni, abbażi ta’ informazzjoni jew evidenza li teżisti minn qabel, biex wieħed jemmen li tista’ titwettaq. Għal dan il-għan, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu jitqies bħala awtorità amministrattiva li għalih hija disponibbli l-assistenza.

2.   It-talba għandha tidentifika bl-aktar mod ċar possibbli d-data maħżuna minn Fornitur Maħtur fit-territorju tal-Unjoni Ewropea li hija neċessarja għal dan il-fini. Id-data tista’ tinkludi informazzjoni li tidentifika l-oriġinatur u/jew ir-riċevitur tat-transazzjoni, inkluż l-isem, in-numru tal-kont, l-indirizz, in-numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali, u data personali oħra relatata ma’ messaġġi finanzjarji.

It-talba għandha tissostanzja n-neċessità tad-data u għandha tkun imfassla bl-aktar mod dejjaq possibbli biex jiġi minimizzat l-ammont ta’ data mitluba, b’kont meħud tal-analiżi ġeografiċi, tat-theddida u tal-vulnerabbiltà.

3.   It-talba għandha tiġi trasmessa mid-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti lill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru li fih ikun ibbażat il-Fornitur Maħtur jew fejn huwa jaħżen id-data mitluba.

4.   L-Istati Uniti għandha fl-istess waqt titrasmetti kopja tat-talba lill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru l-ieħor. L-Istati Uniti għandha titrasmetti fl-istess waqt ukoll kopja tat-talba lill-membri nazzjonali tal-Eurojust ta’ dawk l-Istati Membri.

5.   Meta tirċievi t-talba sostanzjata f’konformità mal-paragrafu 2, l-awtorità ċentrali tal-Istat Membru rikjest għandha tivverifika li t-talba tikkonforma ma’ dan il-Ftehim u mar-rekwiżiti applikabbli tal-ftehim bilaterali dwar assistenza legali reċiproka. Fejn l-awtorità ċentrali tkun wettqet din il-verifika, it-talba għandha tiġi trasmessa lill-awtorità kompetenti biex tiġi esegwita taħt il-liġi tal-Istat Membru rikjest.

Jekk it-talba tkun ġiet trasmessa lill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru li fih huwa bbażat il-Fornitur Maħtur, l-Istat Membru fejn id-data hija maħżuna għandu jgħin fl-eżekuzzjoni tat-talba.

Il-miżura mitluba għandha tiġi esegwita b’mod urġenti.

6.   Jekk il-Fornitur Maħtur ma jkunx jista’ jidentifika u jipproduċi d-data speċifika li tikkorrispondi għat-talba minħabba raġunijiet tekniċi, id-data potenzjalent rilevanti kollha għandha tiġi trasmessa f’daqqa, soġġetta għall-Artikolu 5(2), lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rikjest.

7.   Id-data għandha tiġi trasferita bejn l-awtoritajiet maħtura tal-Istat Membru rikjest u tal-Istati Uniti.

8.   L-Unjoni Ewropea għandha tiżgura li l-Fornituri Maħtura jżommu reġistru dettaljat tad-data kollha trasmessa lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rikjest għall-fini ta’ dan il-Ftehim.

9.   Id-data li tkun ġiet trasmessa b’mod legali abbażi ta’ din id-dispożizzjoni tista’ tiġi mfittxija għall-fini ta’ investigazzjonijiet oħra li jirrigwardaw it-tipi ta’ mġieba msemmijin fl-Artikolu 2, b’rispett sħiħ għall-Artikolu 5 ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 5

Salvagwardji Applikabbli għall-Ipproċessar tad-Data Pprovduta

1.   Id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu jiżgura li d-Data Pprovduta tiġi pproċessata skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

2.   It-TFTP ma jinvolvix u m’għandux jinvolvi data mining jew kwalunkwe tip ieħor ta’ profil algoritmiku jew awtomat jew iffiltrar kompjuterizzat. Id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu jiżgura l-protezzjoni ta’ data personali permezz tas-salvagwardji li ġejjin, li għandhom japplikaw mingħajr diskriminazzjoni, b’mod partikolari abbażi ta’ nazzjonalità jew pajjiż ta’ residenza:

(a)

Id-Data Pprovduta għandha tiġi pproċessata esklużivament għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, ir-rintraċċar, jew il-prosekuzzjoni tat-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu;

(b)

It-tiftix kollu tad-Data Pprovduta għandu jkun ibbażat fuq informazzjoni jew evidenza li tkun teżisti minn qabel li turi raġuni biex wieħed jemmen li hemm rabta bejn is-suġġett tat-tiftixa u t-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu;

(c)

Kull tiftixa individwali tat-TFTP tad-Data Pprovduta għandha tiġi mfassla b’mod strett, għandha turi raġuni biex wieħed jemmen li hemm rabta bejn is-suġġett tat-tiftixa u t-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu, u għandha tiġi rreġistrata, inkluża tali raġuni ta’ rabta mat-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu meħtieġa biex tinbeda t-tiftixa;

(d)

Id-Data Pprovduta għandha tinżamm f’ambjent fiżiku sigur, maħżuna separatament minn kwalunkwe data oħra, b’sistemi ta’ livell għoli u kontrolli ta’ intrużjoni fiżika biex jiġi impedit l-aċċess mhux awtorizzat għad-data;

(e)

L-aċċess għad-Data Pprovduta għandu jkun limitat għall-analisti li jinvestigaw it-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu u għall-persuni involuti fl-appoġġ tekniku, fil-ġestjoni, u fis-sorveljanza tat-TFTP;

(f)

M’għandha ssir l-ebda kopja tad-Data Pprovduta, ħlief għall-finijiet ta’ back-up ta’ rkupru ta’ diżastru;

(g)

Id-Data Pprovduta m’għandha tkun soġġetta għall-ebda manipulazzjoni, alterazzjoni jew żieda u m’għandha tkun interkonnessa mal-ebda bażi tad-data oħra;

(h)

Huma biss l-indizji dwar terroriżmu miksuba permezz tat-TFTP taħt dan il-Ftehim li għandhom jiġu kondiviżi mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, tas-sigurtà pubblika jew ta’ kontra t-terroriżmu fl-Istati Uniti, l-Unjoni Ewropea jew Stati terzi biex jintużaw għall-fini tal-investigazzjoni, ir-rintraċċar, il-prevenzjoni, jew il-prosekuzzjoni tat-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu;

(i)

Matul it-terminu ta’ dan il-Ftehim, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu jwettaq reviżjoni biex jidentifika d-data kollha mhux estratta li m’għadhiex meħtieġa għall-ġlieda kontra t-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu. Meta tiġi identifikata tali data, għandhom jinbdew proċeduri fi żmien xahrejn mill-identifikazzjoni tad-data bħala mhux meħtieġa biex titħassar dik id-data u għandhom jitlestew malajr kemm jista’ jkun wara li jinbdew iżda fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn tmien (8) xhur wara l-identifikazzjoni, għajr f’ċirkostanzi teknoloġiċi straordinarji;

(j)

Jekk jinkixef li kienet trasmessa data ta’ messaġġi dwar pagamenti finanzjarji li ma kinitx mitluba, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu immedjatament iħassar b’mod permanenti tali data u għandu jinforma lill-Fornitur Maħtur u l-Istat Membru rilevanti;

(k)

Soġġett għas-subparagrafu (i), id-data kollha mhux estratta riċevuta qabel l-20 ta’ Lulju 2007 għandha titħassar mhux aktar tard minn ħames (5) snin wara dik id-data;

(l)

Soġġett għas-subparagrafu (i), id-data kollha mhux estratta riċevuta fl-20 ta’ Lulju 2007 jew wara għandha titħassar mhux aktar tard minn ħames (5) snin wara li tiġi riċevuta; u

(m)

L-informazzjoni estratta mid-Data Pprovduta, inkluża informazzjoni kondiviża skont is-subparagrafu (h), għandha tkun soġġetta għall-perijodu ta’ żamma applikabbli għall-awtorità tal-gvern partikolari skont ir-regolamenti partikolari u l-iskedi taż-żamma ta’ reġistri tagħha.

Artikolu 6

Adegwatezza

Soġġett għall-konformità kontinwa mal-impenji dwar il-privatezza u l-protezzjoni ta’ data personali stabbiliti f’dan il-Ftehim, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti hu meqjus li jiżgura livell adatt ta’ protezzjoni ta’ data għall-ipproċessar ta’ messaġġi dwar pagamenti finanzjarji u data relatata trasferita mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 7

Forniment Spontanju ta’ Informazzjoni

1.   Id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu jiżgura li mill-aktar fis possibbli jagħmel disponibbli għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, tas-sigurtà pubblika jew ta’ kontra t-terroriżmu tal-Istati Membri kkonċernati, u kif adatt għall-Europol fl-ambitu tal-mandat tiegħu kwalunkwe informazzjoni miksuba permezz tat-TFTP, li tista’ tikkontribwixxi għall-investigazzjoni, il-prevenzjoni, ir-rintraċċar, jew il-prosekuzzjoni tat-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu fl-Unjoni Ewropea. Kwalunkwe informazzjoni sussegwenti li tista’ tikkontribwixxi għall-investigazzjoni, il-prevenzjoni, ir-rintraċċar, jew il-prosekuzzjoni tat-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu fl-Istati Uniti għandha tingħadda lura lill-Istati Uniti fuq bażi reċiproka.

2.   Sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju effiċjenti ta’ informazzjoni, l-Europol jista’ jaħtar uffiċjal ta’ kollegament għad-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti. Il-modalitajiet tal-istatus u tal-kompiti tal-uffiċjal ta’ kollegament għandhom jiġu deċiżi konġuntement mill-Partijiet.

Artikolu 8

Talbiet mill-UE għal Tiftix tat-TFTP

Meta awtorità tal-infurzar tal-liġi, tas-sigurtà pubblika, jew ta’ kontra t-terroriżmu ta’ Stat Membru, jew tal-Europol jew tal-Eurojust tiddetermina li hemm raġuni biex wieħed jemmen li persuna jew entità għandha rabta mat-terroriżmu kif definit fl-Artikoli 1 sa 4 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/475/ĠAI kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/919/ĠAI, tali awtorità tista’ titlob tiftixa għal informazzjoni rilevanti miksuba permezz tat-TFTP. Id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu mill-ewwel iwettaq tiftixa f’konformità mal-Artikolu 5 u jipprovdi informazzjoni rilevanti b’reazzjoni għal dawn it-talbiet.

Artikolu 9

Kooperazzjoni ma’ Sistema Ekwivalenti tal-UE fil-Futur

Fil-każ li sistema tal-UE ekwivalenti għat-TFTP tal-Istati Uniti tiġi implimentata fl-Unjoni Ewropea jew f’wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha li teħtieġ li d-data ta’ messaġġi dwar pagamenti finanzjarji maħżuna fl-Istati Uniti ssir disponibbli fl-Unjoni Ewropea, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu jsegwi attivament, abbażi tar-reċiproċità u salvagwardji adatti, il-kooperazzjoni ta’ kwalunkwe fornitur rilevanti ta’ servizzi ta’ messaġġi dwar pagamenti finanzjarji internazzjonali li hu bbażat fit-territorju tal-Istati Uniti.

Artikolu 10

Reviżjoni Konġunta

1.   Il-Partijiet għandhom jirrevedu konġuntement, fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet u fi kwalunkwe każ wara perijodu ta’ sitt (6) xhur, l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim b’mod partikolari fir-rigward tal-verifika tal-privatezza, il-protezzjoni ta’ data personali, u d-dispożizzjonijiet ta’ reċiproċità stabbiliti f’dan il-Ftehim. Ir-reviżjoni għandha tinkludi valutazzjoni tal-proporżjonalità tad-Data Pprovduta, ibbażata fuq il-valur ta’ tali data għall-investigazzjoni, il-prevenzjoni, ir-rintraċċar, jew il-prosekuzzjoni tat-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu.

2.   Fir-reviżjoni, l-Unjoni Ewropea għandha tiġi rrappreżentata mill-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea, u żewġ rappreżentanti tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data mill-Istati Membri, li tal-inqas wieħed minnhom ikun minn Stat Membru fejn huwa bbażat Fornitur Maħtur. L-Istati Uniti għandha tkun irrappreżentata mid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti.

3.   Għall-finijiet tar-reviżjoni, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu jiżgura aċċess għad-dokumentazzjoni, is-sistemi, u l-persunal rilevanti, kif ukoll għal data preċiża relatata mal-għadd ta’ messaġġi dwar pagamenti finanzjarji aċċessati u l-għadd ta’ okkażjonijiet li fihom ġew kondiviżi l-indizji. Il-Partijiet għandhom jiddeterminaw konġuntement il-modalitajiet tar-reviżjoni.

Artikolu 11

Rimedju

1.   Kwalunkwe persuna għandha d-dritt li tikseb, wara talbiet li jsiru f’intervalli raġonevoli, mingħajr restrizzjoni u mingħajr dewmien jew spejjeż eċċessivi, konferma mill-awtorità għall-protezzjoni tad-data tagħha dwar jekk il-verifiki meħtieġa kollha seħħewx fl-Unjoni Ewropea biex jiġi żgurat li d-drittijiet għall-protezzjoni tad-data tagħha ġew irrispettati f’konformità ma’ dan il-Ftehim, u, b’mod partikolari, dwar jekk kwalunkwe pproċċessar tad-data personali tagħha twettaqx bi ksur għal dan il-Ftehim. Tali dritt jista’ jkun soġġett għal miżuri meħtieġa u proporzjonati applikabbli skont il-liġi nazzjonali, inkluż għall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali jew biex jiġi evitat preġudizzju għall-prevenzjoni, ir-rintraċċar, l-investigazzjoni, jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, b’kont dovut għall-interess leġittimu tal-persuna kkonċernata.

2.   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-passi raġonevoli kollha biex jiżguraw li d-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti u kwalunkwe Stat Membru rilevanti jinfurmaw mill-ewwel lil xulxin, u jikkonsultaw ma’ xulxin u mal-Partijiet, jekk meħtieġ, fejn iqisu li d-data personali ġiet ipproċessata bi ksur għal dan il-Ftehim.

3.   Kwalunkwe persuna li tqis li d-data personali tagħha ġiet ipproċessata bi ksur għal dan il-Ftehim hija intitolata li tfittex rimedju amministrattiv u ġudizzjarju effettiv f’konformità mal-liġijiet tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha, u l-Istati Uniti, rispettivament.

Artikolu 12

Konsultazzjoni

1.   Il-Partijiet għandhom, kif adatt, jikkonsultaw biex jippermettu li jsir l-użu l-aktar effettiv ta’ dan il-Ftehim, inkluż l-iffaċilitar tas-soluzzjoni għal kwalunkwe tilwim rigward l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

2.   Il-Partijiet għandhom jieħdu miżuri biex jevitaw l-impożizzjoni ta’ piżijiet straordinarji ta’ wieħed fuq l-ieħor permezz tal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Fejn, madankollu, jirriżultaw piżijiet straordinarji, il-Partijiet għandhom immedjatament jikkonsultaw bil-ħsieb tal-iffaċilitar tal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, inkluż it-teħid ta’ tali miżuri li jistgħu jkunu meħtieġa għat-tnaqqis ta’ piżijiet eżistenti u futuri.

3.   Il-Partijiet għandhom immedjatament jikkonsultaw lil xulxin fil-każ li kwalunkwe parti terza, inkluża awtorità ta’ pajjiż ieħor, jisfida jew jasserixxi pretensjoni legali fir-rigward ta’ kwalunkwe aspett tal-effett jew l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 13

Nuqqas ta’ derogi

Il-Ftehim mhux intenzjonat li jidderoga minn jew jemenda l-liġijiet tal-Istati Uniti jew tal-Unjoni Ewropea jew l-Istati Membri tagħha. Dan il-Ftehim ma joħloqx jew jagħti kwalunkwe dritt jew benefiċċju lil kwalunkwe persuna jew entità oħra, privata jew pubblika.

Artikolu 14

Terminazzjoni

1.   Kwalunkwe parti tista’ tissospendi jew tittermina dan il-Ftehim fi kwalunkwe mument b’notifika permezz tal-kanali diplomatiċi. Is-sospensjoni għandha tieħu effett għaxart (10) ijiem mid-data tal-wasla ta’ tali notifika. It-terminazzjoni għandha tieħu effett tletin (30) jum mid-data tal-wasla ta’ tali notifika.

2.   Minkejja s-sospensjoni jew it-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim, id-data kollha miżmuma mid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti f’konformità ma’ dan il-Ftehim għandha tkompli tiġi pproċessata skont dan il-Ftehim.

Artikolu 15

Dispożizzjonijiet Finali

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara d-data ta’ meta l-Partijiet ikunu skambjaw notifiki li jindikaw li huma lestew il-proċeduri interni tagħhom għal din il-fini.

2.   Dan il-Ftehim għandu japplika proviżorjament mill-1 ta’ Frar 2010, sad-dħul fis-seħħ tiegħu, soġġett għall-paragrafu 3.

3.   Sakemm ma jkunx terminat qabel f’konformità mal-Artikolu 14 jew bi qbil bejn il-Partijiet, dan il-Ftehim għandu jiskadi u jieqaf milli jkollu effett fil-31 ta’ Ottubru 2010.

4.   Malli jidħol fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona, il-Partijiet għandhom jistinkaw biex jikkonkludu ftehim fit-tul li jissuċċedi lil dan il-Ftehim.

5.   Magħmul fi Brussell dan it-tletin jum ta’ Novembru 2009, f’żewġ kopji oriġinali, bil-lingwa Ingliża. Dan il-Ftehim għandu jitfassal ukoll bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Svediża, Taljana, u Ungeriża. Ladarba jiġu approvati miż-żewġ Partijiet, dawn il-verżjonijiet lingwistiċi għandhom jiġu kkunsidrati ugwalment awtentiċi.