26.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 255/126


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tat-23 ta’ April 2009

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007

(2009/649/KE)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri għas-sena finanzjarja 2007 (1),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali definittivi tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri għas-sena finanzjarja 2007, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija (2),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (5588/2009 – C6-0060/2009),

wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-KE, u b’mod partikolari l-Artikolu 276 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar l-evalwazzjoni u l-iżvilupp ġejjieni tal-Aġenzija Frontex u tas-Sistema Ewropea għas-Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR) (4),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 tas-26 ta’ Ottubru 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (5), u b’mod partikolari l-Artikolu 30 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (6), u b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0166/2009),

1.

Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2007;

2.

Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t’hawn taħt;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

Il-President

Hans-Gert PÖTTERING

Is-Segretarju Ġenerali

Klaus WELLE


(1)  ĠU C 278, 31.10.2008, p. 7.

(2)  ĠU C 311, 5.12.2008, p. 34.

(3)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(4)  Testi adottati, (P6_TA(2008)0633).

(5)  ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1.

(6)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.


RIŻOLUZZJONJI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tat-23 ta’ April 2009

li tinkludi l-osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri għas-sena finanzjarja 2007 (1),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali definittivi tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri għas-sena finanzjarja 2007, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija (2),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (5588/2009 – C6-0060/2009),

wara li kkunsidra t-Trattat KE, u b’mod partikulari l-Artikolu 276 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar l-evalwazzjoni u l-iżvilupp ġejjieni tal-Aġenzija Frontex u tas-Sistema Ewropea għas-Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR) (4),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 tas-26 ta’ Ottubru 2004 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (5), u b’mod partikolari l-Artikolu 30 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (6), u b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0166/2009),

A.

billi l-Qorti tal-Awdituri (QEA) stqarret li kisbet assigurazzjoni raġonevoli li l-kontijiet annwali għas-sena finanzjarja 2007 huma affidabbli, u li t-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom huma legali u regolari,

B.

billi fit-22 ta’ April 2008 l-Parlament ikkonċeda lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea l-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2006 (7) u, inter alia,

innota l-osservazzjoni tal-QEA fir-rapport tagħha tal-2006 li għas-sena finanzjarja 2006 r-rata ta’ allokazzjoni ta’ impenji kienet ta’ 85 %; ir-rata ta’ ammonti trasferiti għas-sena ta’ wara kienet ta’ aktar minn 70 % globalment u kważi 85 % għan-nefqa operazzjonali; it-trasferimenti tal-approprjazzjonijiet bejn kapitoli jew titoli matul is-sena qabżu l-limitu ta’ 10 % previst fir-Regolament Finanzjarju; għalhekk, il-prinċipju baġitarju tal-ispeċifikazzjoni ma kienx ġie osservat strettament;

appella lill-Aġenzija biex ittejjeb l-immaniġġjar finanzjarju tagħha, speċjalment rigward iż-żieda fil-baġit tagħha għas-snin finanzjarji 2007 u 2008;

C.

Billi l-2007 kienet it-tieni sena sħiħa tal-funzjonament tal-Aġenzija,

1.

Jinnota li l-baġit tal-Aġenzija għall-2007 (EUR 42 100 000) aktar minn irdoppja mqabbel mal-baġit għall-2006 (EUR 19 200 000);

2.

Jinnota li l-kritika tal-QEA li l-impenji li kienu ttrasferiti għall-2008 relatati mal-ftehimiet ta’ għotjiet marbuta ma’ attivitajiet operazzjonali ammontaw għal EUR 18 400 000, u li parti sostanzjali minn dawn l-impenji kienet ibbażata fuq stimi eċċessivi tal-ispejjeż;

3.

Jagħraf il-fatt, enfasizzat fit-tweġibiet tal-Aġenzija lill-QEA, li fil-każ tal-Aġenzija l-istimi tal-ispejjeż huma partikolarment kumplessi billi l-Aġenzija jkollha tiddependi fuq it-tagħmir li jipprovdulha l-Istati Membri għall-operazzjonijiet tagħha;

4.

Jinnota li l-Aġenzija waqqfet reġistru ċentralizzat ta’ tagħmir tekniku (CRATE) dwar materjal mill-Istati Membri li jista’ jintuża waqt l-operazzjonijiet; jinnota li l-CRATE huwa marbut ma’ metodu komuni tal-kalkolu tal-ispejjeż, li għandu jwassal għal allokazzjoni aktar effiċjenti tal-mezzi baġitarji;

5.

Huwa mħasseb dwar dak li rriżultalha l-QEA, li peress li m’hemmx politika tat-teżor, l-ammont kbir ta’ flus li żżomm għandha l-Aġenzija jibqa’ mingħajr ma jintuża f’kontijiet bankarji b’imgħax eċċessivament baxx; jinnota li, skont il-kontijiet (il-karta tal-bilanc) l-Aġenzija kellha EUR 32 600 000 fi flus u l-ekwivalenti tagħhom fil-31 ta’ Diċembru 2007;

6.

Jinnota t-tweġiba tal-Aġenzija li se tipprova tinnegozja xi kundizzjonijiet mal-bank tagħha u se tara jekk banek oħra joffrux kundizzjonijiet aħjar;

7.

Iħeġġeġ lill-Aġenzija biex taddotta politika tat-teżor u biex tirrapporta dwar x’azzjoni tkun ittieħdet u r-riżultati miksuba fir-rapport ġenerali tagħha għall-2008;

Segwitù tal-eżerċizzju ta’ kwittanza tal-2006

8.

Ifakkar li s-sena finanzjarja 2006 kienet l-ewwel sena li fiha l-Aġenzija kienet finanzjarjament awtonoma u suġġetta għall-proċedura ta’ kwittanza;

9.

Jiddispjaċih li l-QEA, fir-rapport annwali tagħha għall-2007, sabet li kien hemm diversi nuqqasijiet li diġà kienet saħqet fuqhom fir-rapport annwali tagħha tal-2006, b’mod partikolari:

livell għoli ta’ carry-overs u kanċellazzjonijiet: kważi 70 % tal-approprjazzjonijiet disponibbli fl-2007 ma ntefqux,

l-obbligi legali li kienet daħlet għalihom qabel saru l-impenji tal-baġit,

proċeduri ta’ reklutaġġ li, skont il-QEA, ma kinux jikkonformaw mar-regoli, b’mod partikolari mal-prinċipju tat-trattament ugwali, billi l-għadd minimu ta’ snin ta’ esperjenza mitluba għal ċerta pożizzjoni kien differenti minn dawk miftiehma bejn l-aġenziji u l-Kummissjoni;

10.

Jinnota t-tweġiba tal-Aġenzija rigward il-livell għoli ta’ trasferimenti li sa ċertu punt kien dovut għall-ammont ta’ EUR 7 000 000 li kien ingħata mill-Kummissjoni f’Ġunju 2007 għal operazzjonijiet fuq il-baħar li jkunu jeħtieġu d-disponibilità ta’ bastimenti u ajruplani mill-Istati Membri u li huma kumplessi u jieħdu ħafna ħin, u għalhekk l-impenji setgħu isiru biss tard fl-2007;

11.

Huwa, madankollu, imħasseb dwar il-livell għoli ta’ carry-overs osservati mill-QEA u jitlob lill-Aġenzija biex tindirizza din il-problema, li kienet diġà rrimarkata mill-Qorti fir-rapport tagħha tal-2006; jirrimarka li r-riżerva ta’ EUR 19 900 000 miljun mill-baġit tal-Aġenzija tal-2007 kienet rilaxxata biss f’Ġunju 2007; jinnota t-tweġibiet tal-Aġenzija f’dan ir-rigward;

12.

Jistieden lill-Aġenzija biex tindirizza l-problemi rikorrenti fis-sistema ta’ impenji tagħha kif osservati mill-QEA;

13.

Jinsab sodisfatt li l-Aġenzija adottat pjan ta’ azzjoni fl-2008 sabiex tindirizza n-nuqqasijiet fis-sistema tal-impenji tagħha; jinnota li l-pjan ta’ azzjoni jinkludi fost oħrajn l-iffissar ta’ skadenzi għall-Istati Membri biex jibagħtu lill-Aġenzija stimi baġitarji dwar il-kofinanzjament tagħhom sabiex jiġi stabbilit l-ammont finali tal-għotjiet biex ikunu evitati firem ex-post;

14.

Jistieden lill-Aġenzija biex tirrapporta r-riżultati miksuba permezz tal-pjan ta’ azzjoni fir-rapport ġenerali tagħha għall-2008;

15.

Jikkunsidra li hemm rabta bejn il-forma speċifika ta’ koperazzjoni bejn l-Aġenzija u l-Istati Membri, ta’ kif l-Istati Membri suppost joffru t-tagħmir lill-Aġenzija għall-operazzjonijiet tagħha, u n-nuqqasijiet li enfasizzat il-QEA b’referenza għall-ippjanar tal-baġit, b’mod partikolari l-istimi tal-ispejjeż, u l-implimentazzjoni tal-baġit, b’mod partikolari t-trasferimenti u l-problema tal-firem ex-post;

16.

Ifakkar li l-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tat-18 ta’ Diċembru 2008:

(a)

appella lill-Aġenzija biex tibgħat rapport lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-użu attwali u d-disponibilità reali tal-materjal mill-Istati Membri, fejn tkun enfasizzata kull diffikultà li tkun ġiet esperjenzata,

(b)

appella lill-Istati Membri, fl-eventwalità ta’ disponibilità insuffiċjenti tar-riżorsi li tippersisti, biex jieħdu deċiżjoni malajr biex ibiddlu sostanzjalment id-daqs tal-baġit tal-Aġenzija biex tkun tista’ twettaq il-missjoni tagħha u, jekk jista’ jkun, jeżaminaw l-aspetti legali tal-kiri u/jew ix-xiri tal-materjal fil-ġejjieni għal dak l-iskop,

(c)

fakkar li l-Parlament, bħala parti mill-awtorità tal-baġit, diġà żied il-baġit tal-Aġenzija mill-bidu tagħha u jiżgura li l-baġit tal-Aġenzija jiġi implimentat b’mod korrett u jiġi adattat għat-tibdil fil-funzjonijiet tagħha;

17.

Jappella lill-Aġenzija biex ittejjeb il-ġestjoni finanzjarja tagħha, b’mod konformi mal-osservazzjonijiet tal-QEA, u jinnota li fit-tweġibiet li tat lill-QEA l-Aġenzija enfasizzat il-forma speċifika tal-koperazzjoni bejn l-Aġenzija u l-Istati Membri, permezz ta’ liema l-Aġenzija tiddependi fuq it-tagħmir li jipprovdulha l-Istati Membri għall-operazzjonijiet tagħha;

18.

Huwa determinat li jissorvelja mill-qrib l-impatt tal-koperazzjoni tal-Aġenzija mal-Istati Membri fuq il-ġestjoni finanzjarja tagħha fil-ġejjieni;

19.

Jiddispjaċih li l-Aġenzija kellha timplimenta proċeduri ta’ reklutaġġ li ma kinux konformi għal kollox mad-dispożizzjonijiet ġenerali għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal biex tiġbed speċjalisti kwalifikati ħafna;

20.

Jinnota li, rigward ir-reklutaġġ, l-Aġenzija mhix taċċetta l-kritika tal-QEA li ma rrispettatx il-prinċipju ta’ trattament ugwali peress li l-ammont ta’ snin minimi ta’ esperjenza professjonali rikjesti għal pożizzjoni partikulari kien differenti minn dak miftiehem bejn il-Kummissjoni u l-aġenziji; jinnota li l-Aġenzija tikkunsidra li l-prattika tagħha tikkonforma mar-regoli, peress li kellha tattira persunal speċjalizzat ħafna taħt kundizzjonijiet diffiċli; josserva li r-Regolamenti tal-Persunal jistipulaw li l-aġenziji Komunitarji jkollhom jaddottaw id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni (GIP) tagħhom bi ftehim mal-Kummissjoni; jinnota li l-Kummissjoni abbozzat xi deċiżjonijiet mudell għall-GIP; jinnota li l-Kummissjoni għadha ma qablitx mal-abbozz tal-GIP li ressqet l-Aġenzija; jappella lill-Agenzija, f’ konformita’ mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill, biex tirrispetta strettament il-kriterji ta’ reklutaġġ fir-Regolamenti tal-Persunal sabiex tiżgura trattament ugwali rigward is-snin ta’ esperjenza professjonali meħtieġa għal xi pożizzjoni partikolari;

21.

Jistieden lill-Aġenzija biex ittejjeb il-ġestjoni finanzjarju tagħha, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam maż-żieda fil-baġits tagħha tal-2008 u l-2009;

22.

Jirreferi għal osservazzjonijiet oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni ta’ kwittanza li huma ta’ natura orizzontali għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ April 2009 dwar il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji tal-UE (8).


(1)  ĠU C 278, 31.10.2008, p. 7.

(2)  ĠU C 311, 5.12.2008, p. 34.

(3)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(4)  Testi adottati, (P6_TA(2008)0633).

(5)  ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1.

(6)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(7)  ĠU L 88, 31.3.2009, p. 226.

(8)  Ara paġna 206 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.