31.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 88/167


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tat-22 ta' April 2008

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2006

(2009/215/KE)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-post tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2006 (1),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet finali annwali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2006, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija (2),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2008 (5843/2008 – C6-0084/2008),

wara li kkunsidra t-Trattat KE, u b'mod partikulari l-Artikolu 276 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2062/94 tat-18 ta' Lulju 1994 dwar l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (4), u b'mod partikulari l-Artikolu 14 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (5), u b'mod partikulari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A6 0128/2008),

1.

Jikkonċedi kwittanza lid-direttur tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol b'rabta mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2006;

2.

Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex iressaq din id-deċiżjoni u r-riżoluzzjoni li tifforma parti integrali minnha lid-Direttur tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u sabiex jirranġa l-pubblikazzjoni tagħhom f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (Serje L).

Il-President

Hans-Gert PÖTTERING

Is-Segretarju Ġenerali

Harald RØMER


(1)  ĠU C 261, 31.10.2007, p. 26.

(2)  ĠU C 309, 19.12.2007, p. 62.

(3)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(4)  ĠU L 216, 20.8.1994, p. 1.

(5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tat-22 ta' April 2008

li tinkludi l-osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2006

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet finali annwali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2006 (1),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet finali annwali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2006, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija (2),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2008 (5843/2008 – C6-0084/2008),

wara li kkunsidra t-Trattat KE, u b'mod partikolari l-Artikolu 276 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2062/94 tat-18 ta' Lulju 1994 dwar l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (4), u b'mod partikulari l-Artikolu 14 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (5), u b'mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A6 0128/2008),

A.

billi l-Qorti tal-Awdituri stqarret li kisbet assigurazzjoni raġonevoli li l-kontijiet annwali għas-sena finanzjarja 2006 huma ta' min joqgħod fuqhom, u li t-tranżazzjonijiet bażiċi huma legali u regolari,

B.

billi fl-24 ta' April 2007, il-Parlament ta l-kwittanza lid-direttur tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2005 (6), u fir-riżoluzzjoni tiegħu li takkumpanja d-deċiżjoni ta' kwittanza, fost affarijiet oħra

innota rata għolja ta' flus trasferiti għall-ispiża operattiva, kif ukoll numru għoli ta' trasferimenti bejn il-linji baġitarji, flimkien ma' dokumentazzjoni tal-appoġġ mhux adegwata,

stieden lill-Aġenzija biex tindirizza l-implimentazzjoni mhux kompluta tas-sistema tal-kontroll intern fl-2005 u l-assenza ta' kwalunkwe analiżi ta' riskju jew listi ta' verifika biex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet tal-uffiċjali li jawtorizzaw u l-istaff li jagħmlu l-kontrolli operattivi,

qies li kienet ħasra li, fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku, ta' spiss kien il-każ li ma ngħatat l-ebda evidenza tal-appoġġ għall-evalwazzjoni tal-kwalità tal-offerti tal-kumitat li jevalwa l-offerti;

Punti ġenerali li jikkonċernaw il-kwistjonijiet orizzontali li jaffettwaw lill-aġenziji tal-UE u li b'hekk huma importanti wkoll għall-proċedura ta' kwittanza għal kull waħda mill-aġenziji individwali

1.

Jinnota li l-baġits tal-24 aġenzija u ta' korpi relatati oħrajn li saritilhom il-verifika mill-Qorti tal-Awdituri kienu jammontaw għal EUR 1 080,5 miljun fl-2006 (l-akbar baġit kien tal-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni li kien jammonta għal EUR 271 miljun u l-iżgħar baġit kien tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL) li kien jammonta għal EUR 5 miljun);

2.

Jenfasizza l-fatt li l-firxa ta' korpi esterni tal-UE li huma suġġetti għal verifika u għal kwittanza issa tinkludi mhux biss aġenziji regolatorji tradizzjonali iżda wkoll aġenziji eżekuttivi li ġew stabbiliti sabiex jimplimentaw programmi speċifiċi, u fil-futur qrib se testendi wkoll għal intrapriżi konġunti li ġew stabbiliti bħala ftehimiet ta' sħubija pubbliċi-privati (inizjattivi teknoloġiċi konġunti);

3.

Josserva fir-rigward tal-Parlament li l-għadd ta' aġenziji suġġetti għall-proċedura ta' kwittanza evolva kif ġej: sena finanzjarja 2000: 8; 2001: 10; 2002: 11; 2003: 14; 2004: 14; 2005: 16; 2006: 20 aġenzija regolatorja u 2 aġenziji eżekuttivi (m'humiex inklużi 2 aġenziji li jiġu vverifikati mill-Qorti tal-Awdituri iżda li huma suġġetti għal proċess ta' kwittanza intern);

4.

Għaldaqstant, jikkonkludi li l-proċess ta' verifika/kwittanza sar ineffiċjenti u sproporzjonat meta mqabbel mad-daqs relattiv tal-baġits tal-aġenziji/tal-korpi satelliti; jagħti istruzzjonijiet lill-kumitat kompetenti tiegħu sabiex jagħmel reviżjoni fuq firxa wiesgħa tal-proċess ta' kwittanza fir-rigward ta' aġenziji u korpi satelliti bil-għan li jitfassal metodu iktar sempliċi u razzjonali, filwaqt li jżomm f'moħħu l-għadd dejjem jikber ta' korpi li kull wieħed minnhom jesiġi rapport ta' kwittanza separat fis-snin li ġejjin;

Kunsiderazzjonijiet fundamentali

5.

Jitlob li l-Kummissjoni tipprovdi spjegazzjonijiet ċari fir-rigward tal-elementi li ġejjin qabel il-ħolqien ta' aġenzija ġdida jew ir-riforma ta' aġenzija eżistenti: it-tip ta' aġenzija, l-għanijiet tal-aġenzija, l-istruttura ta' governanza interna, il-prodotti, is-servizzi, il-proċeduri ewlenin, il-grupp fil-mira, il-klijenti u l-partijiet interessati tal-aġenzija, ir-relazzjoni formali mal-atturi esterni, ir-responsabiltà tal-baġit, l-ippjanar finanzjarju, u l-politika dwar l-istaff u l-politika rigward l-istaff;

6.

Jitlob li kull aġenzija tkun irregolata minn ftehima annwali rigward ir-rendiment li tkun ifformulata mill-aġenzija u mid-DĠ responsabbli u li għandha tinkludi l-għanijiet ewlenin għas-sena li tkun ġejja, qafas finanzjarju u indikaturi ċari għall-kejl tar-rendiment;

7.

Jitlob li l-eżekuzzjoni tal-aġenziji tiġi vverifikata b'mod regolari (u fuq bażi ad hoc) mill-Qorti tal-Awdituri jew awditur indipendenti ieħor; iqis li din il-verifika m'għandhiex tkun limitata għal elementi tradizzjonali ta' ġestjoni finanzjarja u għall-użu kif suppost tal-fondi pubbliċi, iżda għandha tkopri wkoll l-effiċjenza u l-effikaċja amministrattiva u għandha tinkludi klassifika tal-ġestjoni finanzjarja ta' kull aġenzija;

8.

Jargumenta li fil-każ ta' aġenziji li qegħdin kontinwament jgħollu ‘l fuq il-ħtiġijiet tal-baġit tagħhom rispettiv, għandu jkun hemm tnaqqis tekniku skont il-postijiet vakanti; huwa tal-opinjoni li dan għandu jwassal f'perjodu fit-tul għal dħul inqas assenjat għall-aġenziji u għalhekk inaqqas ukoll l-ispejjeż amministrattivi;

9.

Jinnota li hija problema serja li numru ta' aġenziji jiġu kkritikati talli ma jsegwux ir-regoli dwar l-akkwist pubbliku, ir-Regolament Finanzjarju, ir-Regolamenti tal-Istaff eċċ.; jikkunsidra li r-raġuni ewlenija għal dan hija li ħafna mir-regolamenti u r-Regolament Finanzjarju huma mfassla għal istituzzjonijiet akbar u li ħafna mill-aġenziji ż-żgħar m'għandhomx il-kapaċità mixtieqa biex jaqdu dawn il-ħtiġijiet regolatorji; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni sabiex issib soluzzjoni malajr kemm jista' jkun, sabiex titjieb l-effiċjenza billi l-funzjonijiet amministrattivi ta' diversi aġenziji jingħaqdu flimkien, sabiex tinkiseb din is-saħħa (billi wieħed jikkunsidra l-kambjamenti neċessarji fir-Regolamenti bażiċi li jmexxu lill-aġenziji u l-indipendenza baġitarja tagħhom), jew sabiex toħloq abbozz ta' regoli speċifiċi għall-aġenziji (b'mod partikolari billi timplimenta regoli għall-aġenziji) li jippermettulhom li jkunu konformi fit-totalità tagħhom;

10.

Jinsisti li l-Kummissjoni, meta tkun qed tfassal l-Abbozz Preliminari tal-Baġit, tqis ir-riżultati tal-implimentazzjoni tal-baġit mill-aġenziji individwali fis-snin ta' qabel, b'mod partikolari għas-sena n-1, u tirrevedi l-baġit rikjest mill-aġenzija partikolari kif meħtieġ; jistieden lill-Kumitat kompetenti tiegħu sabiex jirrispetta din ir-reviżjoni u, jekk ma jkunx diġà ġie rivedut mill-Kummissjoni, jirrevedi huwa stess il-baġit imsemmi fuq livell realistiku li jaqbel mal-kapaċità ta' assorbiment u implimentazzjoni tal-aġenzija imsemmija;

11.

Ifakkar id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza b'rabta mas-sena finanzjarja 2005, fejn huwa stieden lill-Kummissjoni sabiex kull ħames snin tippreżenta studju dwar il-valur miżjud ta' kull aġenzija li teżisti; f'każ ta' evalwazzjoni negattiva tal-valur miżjud ta' aġenzija, jistieden lill-istituzzjonijiet relevanti kollha sabiex jieħdu l-passi neċessarji, billi jifformulaw mill-ġdid il-mandat ta' dik l-aġenzija jew billi jagħlquh; jinnota li ma saret l-ebda evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni fl-2007; jinsisti li l-Kummissjoni għandha tippreżenta, tal-inqas, 5 minn dan it-tip ta' evalwazzjonijiet qabel id-deċiżjoni dwar il-kwittanza b'rabta mas-sena finanzjarja 2007, billi tibda mill-iżjed aġenzija antika;

12.

Huwa tal-opinjoni li r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri għandhom jiġu implimentati minnufih, u li l-livell tas-sussidji mħallsa lill-aġenziji għandu jkun konformi mal-ħtiġijiet attwali tagħhom għall-flus kontanti; barra minn hekk jikkunsidra li l-emendi tar-Regolament Finanzjarju ġenerali għandhom jiġu miżjuda fir-Regolament finanzjarju tal-qafas tal-aġenziji u f'bosta regolamenti finanzjarji speċifiċi;

Preżentazzjoni tad-data ta' rappurtaġġ

13.

Jinnota li m'hemm ebda metodu standard fost l-aġenziji fir-rigward tal-preżentazzjoni tal-attivitajiet tagħhom matul is-sena finanzjarja kkonċernata u tal-kontijiet tagħhom u tar-rapporti dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja, u l-anqas rigward jekk għandhiex titfassal dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni mid-direttur tal-aġenzija; josserva li mhux l-aġenziji kollha jiddistingwu b'mod ċar bejn (a) il-preżentazzjoni tax-xogħol tal-aġenzija lill-pubbliku u (b) ir-rappurtar tekniku dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja;

14.

Jinnota li filwaqt li l-istruzzjonijiet fis-seħħ tal-Kummissjoni għall-preparazzjoni tar-rapporti ta' attività ma jesiġux b'mod espliċitu li l-aġenzija tfassal dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni, bosta diretturi, minkejja dan, xorta waħda għamluha għall-2006, filwaqt li f'każ wieħed minnhom kienet inkluża riserva importanti;

15.

Ifakkar li l-paragrafu 26 tar-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2005 (7), jistieden lid-Diretturi tal-Aġenziji sabiex minn issa “l quddiem ir-rapport tal-attivitajiet annwali tagħhom, li jiġi ppreżentat flimkien mat-tagħrif finanzjarju u tal-ġestjoni, irid ikollu miegħu dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni li tikkonċerna l-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet, simili għad-dikjarazzjonijiet li ġew iffirmati mid-Diretturi Ġenerali tal-Kummissjoni;

16.

Jitlob lill-Kummissjoni sabiex temenda l-istruzzjonijiet fis-seħħ tagħha lill-aġenziji skont dak li ntqal hawn fuq;

17.

Barra minn hekk, jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha taħdem mal-aġenziji biex jinħoloq mudell armonizzat li japplika għall-aġenziji u għall-korpi satelliti kollha li jiddistingwi b'mod ċar bejn

rapport annwali maħsub għall-qarrejja ġenerali dwar l-operazzjonijiet, ix-xogħol u l-kisbiet tal-korpi,

rendikontijiet finanzjarji u rapport dwar l-implimentazzjoni tal-baġit,

rapport dwar l-attività simili għar-rapporti ta' attività tad-Diretturi Ġenerali tal-Kummissjoni,

dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni ffirmata mid-direttur tal-korp, flimkien ma' kull riserva jew osservazzjoni li jqis xierqa li jwassal għall-attenzjoni tal-awtorità ta' kwittanza;

Sejbiet ġenerali mill-Qorti tal-Awdituri

18.

Jinnota dak li sabet il-Qorti (Rapport Annwali, paragrafu 10.29 (8) li l-iżburżar ta' sussidji li jitħallsu mill-Kummissjoni mill-baġit tal-Komunità m'huwiex ibbażat fuq stimi ġġustifikati biżżejjed tar-rekwiżiti ta' flus kontanti tal-aġenziji u li dan, flimkien mad-daqs tat-trasferimenti (carry-overs), iwassal sabiex ikollhom bilanċi ta' kreditu kbar mhux ħażin; jinnota wkoll ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti li l-livell ta' sussidji li jitħallsu lill-aġenziji għandu jkun konformi mal-bżonnijiet reali ta' flus kontanti tagħhom;

19.

Jinnota li fi tmiem l-2006, 14-il aġenzija kienu għad iridu jimplimentaw is-sistema tal-kontijiet ABAC (Rapport Annwali, in-nota f'qiegħ il-paġna għall-paragrafu 10.31);

20.

Jinnota l-kumment tal-Qorti (Rapport Annwali, paragrafu 1.25) dwar spejjeż akkumulati minħabba leave li ma tteħidx li jitqiesu minn uħud mill-aġenziji; jenfasizza l-fatt li l-Qorti tal-Awdituri kkwalifikat l-istqarrija ta' assigurazzjoni tagħha fil-każ ta' tliet aġenziji (Iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop), CEPOL u l-Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji) għas-sena finanzjarja 2006 (2005: Cedefop, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni);

Verifika interna

21.

Ifakkar li f'konformità mal-Artikolu 185(3) tar-Regolament Finanzjarju, l-Awditur Intern tal-Kummissjoni huwa wkoll l-awditur intern tal-aġenziji regolatorji li jingħataw għotjiet mill-baġit tal-UE; jenfasizza l-fatt li l-Awditur Intern jirrapporta lill-bord ta' tmexxija u lid-direttur ta' kull aġenzija;

22.

Jiġbed l-attenzjoni għar-riserva li tniżżlet fir-Rapport tal-Attivitajiet Annwali tal-Awditur Intern għall-2006 kif ġej:

‘L-Awditur Intern tal-Kummissjoni m'huwiex f'pożizzjoni li jissodisfa kif suppost l-obbligu tiegħu mogħti lilu mill-Artikolu 185 tar-Regolament Finanzjarju bħala awditur intern tal-korpi tal-Komunità minħabba nuqqas ta' riżorsi ta' staff.’

23.

Madankollu, jinnota l-kumment tal-Awditur Intern fir-rapport tal-attivitajiet tiegħu għall-2006 li mill-2007, bis-saħħa tar-riżorsi tal-istaff addizzjonali mogħtija mill-Kummissjoni lis-Servizz ta' Verifika Interna (IAS), l-aġenziji regolatorji operattivi kollha se jkunu suġġetti għal xogħol ta' verifika interna fuq bażi annwali;

24.

Jinnota l-għadd li kulma jmur qiegħed jikber ta' aġenziji regolatorji u eżekuttivi u ta' intrapriżi konġunti li jeħtieġ li ssirilhom verifika mill-IAS skont l-Artikolu 185 tar-Regolament Finanzjarju; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tinforma lill-kumitat kompetenti tagħha dwar jekk ir-riżorsi tal-istaff li huma disponibbli għall-IAS humiex se jkunu biżżejjed sabiex issir verifika annwali ta' dawn il-korpi kollha fis-snin li ġejjin;

25.

Josserva li l-Artikolu 72(5) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 jeżiġi li kull sena kull aġenzija tibgħat rapport lill-Kummissjoni u lill-awtorità tal-kwittanza, li jkun imħejji mid-direttur u li jiġbor l-għadd u t-tip ta' verifiki interni li saru mill-awditur intern, ir-rakkomandazzjonijiet li saru u l-azzjonijiet li ttieħdu fuq dawn ir-rakkomandazzjonijiet; jitlob lill-aġenziji sabiex jindikaw jekk dan huwiex qiegħed isir u, jekk inhu hekk, kif qiegħed isir;

26.

Jieħu nota, fir-rigward tal-kapaċità tal-verifika interna, l-iktar b'rabta mal-aġenziji iżgħar, ta' proposta li saret mill-Awditur Intern quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament nhar l-14 ta' Settembru 2006 li aġenziji iżgħar għandhom ikunu awtorizzati jixtru, f'servizzi ta' verifika interna, mis-settur privat;

Evalwazzjoni tal-aġenziji

27.

Ifakkar l-istqarrija konġunta mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni (9) li ġiet innegozjata fil-konċiljazzjoni quddiem il-Kunsill tal-baġit ECOFIN tat-13 ta' Lulju 2007 li titlob i) lista ta' aġenziji li l-Kummissjoni bi ħsiebha tevalwa, u ii) lista ta' aġenziji li diġà ġew evalwati, flimkien ma' sommarju tar-riżultati prinċipali;

Proċeduri dixxiplinari

28.

Jinnota li, minħabba d-daqs tagħhom, aġenziji individwali jsibu diffikultà biex jistabbilixxu bordijiet dixxiplinari ad hoc minn fost staff li huwa ta' grad xieraq fil-karriera u li l-IDOC (l-Uffiċċju tal-Investigazzjoni u Dixxiplina) tal-Kummissjoni m'huwiex kompetenti għall-aġenziji; jitlob lill-aġenziji sabiex iqisu bord ta' dixxiplina bejn l-aġenziji;

Abbozz ta' Ftehima Interistituzzjonali

29.

Ifakkar l-abbozz tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar il-ħolqien ta' qafas operattiv għal aġenziji regolatorji Ewropej ippreżentat mill-Kummissjoni (COM(2005) 59), li kien maħsub li joħloq qafas orizzontali għall-ħolqien, l-istruttura, it-tħaddim, l-evalwazzjoni u l-kontroll tal-aġenziji regolatorji Ewropej; jinnota li l-abbozz jirrappreżenta inizjattiva utli bħala sforz sabiex ikunu rrazzjonalizzati l-ħolqien u l-immaniġġjar tal-aġenziji; jinnota l-istqarrija fir-rapport ta' sintesi 2006 tal-Kummissjoni (paragrafu 3.1, COM(2007) 274) li għalkemm ma sarx progress fin-negozjati wara l-pubblikazzjoni tal-abbozz, tnedew mill-ġdid diskussjonijiet dwar is-suġġett fil-Kunsill fi tmiem l-2006; jiddispjaċih li ma kienx possibbli li jsir iktar progress lejn l-adozzjoni;

30.

Għaldaqstant, jilqa” b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni li tressaq Komunikazzjoni dwar il-ġejjieni tal-aġenziji regolatorji matul l-2008;

Aġenziji ffinanzjati minnhom infushom

31.

Ifakkar li għaż-żewġ aġenziji li huma ffinanzjati minnhom infushom, id-direttur jingħata l-kwittanza mill-bord amministrattiv; jinnota li t-tnejn li huma għandhom eċċessi akkumulati sinifikanti minn dħul minn onorarji li jkunu ġew trasferiti minn ċifri tas-snin preċedenti:

Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern: flus kontanti u l-ekwivalenti fi flus kontanti: EUR 281 miljun (10),

Uffiċċju tal-Komunità għall-Varjetà ta' Pjanti: flus kontanti u l-ekwivalenti fi flus kontanti: EUR 18-il miljun (11);

Punti speċifiċi

32.

Jinnota l-osservazzjoni tal-Qorti fir-rapport tiegħu tal-2006 li fl-2006 d-direttur iffirma 19-il deċiżjoni għal bejn wieħed u ieħor EUR 880 000, filwaqt li awtorizza trasferimenti baġitarji minn artikolu għal ieħor fil-kapitli, u li, kuntrarjament għar-Regolament Finanzjarju, il-Bord tat-Tmexxija ma rċeviex l-informazzjoni meħtieġa sabiex il-prinċipju baġitarju tal-ispeċifikazzjoni ma jiġix osservat b'mod strett;

33.

Jinnota mill-kontijiet annwali tal-Aġenzija (il-kontijiet tar-riżultat baġitarju) li ġie rimbursat bilanċ pożittiv mill-2005 ta' EUR 378 878,09 fl-2006 lill-Kummissjoni, u li ammont ulterjuri ta' EUR 170 095,07 se jiġi ffinanzjat mill-ġdid fir-rigward tas-sena finanzjarja tal-2006;

34.

Jinnota li l-karta tal-bilanċ għall-2006, madankollu, tinkludi punt għall-bilanc favorevoli akkumulat ta' EUR 1 820 135,58;

35.

Jinnota li, fl-2006, mit-total tal-istaff ta' 59, kien hemm 26 minnhom ta' nazzjonalità waħda;

36.

Jemmen li l-Aġenzija għandha rwol ewlieni biex ixxerred l-aħjar prattika tal-prevenzjoni fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali biex jitħeġġu s-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol fl-UE; jifraħ mill-ġdid għax-xogħol imwettaq mill-Aġenzija, li qed twettaq il-ħidmiet fdati lilha mingħajr waqfien u b'effett imprezzabbli;


(1)  ĠU C 261, 31.10.2007, p. 26.

(2)  ĠU C 309, 19.12.2007, p. 62.

(3)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(4)  ĠU L 216, 20.8.1994, p. 1.

(5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(6)  ĠU L 187, 15.7.2008, p. 114.

(7)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew li tinkludi l-kummenti li jakkumpanjaw id-deċiżjoni dwar kwittanza lid-Direttur tal-Aġenzija Ewropeq għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tiegħu għas-sena finanzjarja 2003 (ĠU L 196, 27.7.2005, p. 87).

(8)  ĠU C 273, 15.11.2007, p. 1.

(9)  Dokument tal-Kunsill DS 605/1/07 Rev1.

(10)  Sors: Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern għas-sena finanzjarja 2006 flimkien mat-tweġibiet tal-Uffiċċju (ĠU C 309, 19.12.2007, p. 141).

(11)  Sors: Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti għas-sena finanzjarja 2006 flimkien mat-tweġibiet tal-Uffiċċju (ĠU C 309, 19.12.2007, p. 135).