31.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 88/118


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tat-22 ta' April 2008

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2006

(2009/203/KE)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-entitajiet tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2006 (1),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali finali taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-entitajiet tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2006, flimkien mat-tweġibiet taċ-Ċentru (2),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2008 (5843/2008 – C6-0084/2008),

wara li kkunsidra t-Trattat KE, u b'mod partikulari l-Artikolu 276 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2965/94 tat-28 ta' Novembru 1994 li jwaqqaf iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-entitajiet tal-Unjoni Ewropea (4), u b'mod partikulari l-Artikolu 14 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju ta' Qafas għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (5), u b'mod partikulari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A6-0124/2008),

1.

Jagħti l-kwittanza lid-Direttur taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-entitajiet tal-Unjoni Ewropea għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru għas-sena finanzjarja 2006;

2.

Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deciżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lid-direttur taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-entitajiet tal-Unjoni Ewropea, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

Il-President

Hans-Gert PÖTTERING

Is-Segretarju Ġenerali

Harald RØMER


(1)  ĠU C 261, 31.10.2007, p. 42.

(2)  ĠU C 309, 19.12.2007, p. 94.

(3)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(4)  ĠU L 314, 7.12.1994, p. 1.

(5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tat-22 ta' April 2008

li tinkludi l-osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2006

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-entitajiet tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2006 (1),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali finali taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-entitajiet tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2006, flimkien mat-tweġibiet taċ-Ċentru (2),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2008 (5843/2008 – C6-0084/2008),

wara li kkunsidra t-Trattat KE, u b'mod partikulari l-Artikolu 276 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3), u b'mod partikulari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2965/94 tat-28 ta' Novembru 1994 li jwaqqaf iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-entitajiet tal-Unjoni Ewropea (4), u b'mod partikulari l-Artikolu 14 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (5), u b'mod partikulari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A6-0124/2008),

A.

billi l-Qorti tal-Awdituri stqarret li kisbet assigurazzjoni raġonevoli li l-kontijiet annwali għas-sena finanzjarja 2006 huma ta' min wieħed joqgħod fuqhom, u li t-tranżazzjonijiet bażiċi huma legali u regolari,

B.

billi fl-24 ta' April 2007, il-Parlament ta l-kwittanza lid-Direttur taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-entitajiet tal-Unjoni Ewropea għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru għas-sena finanzjarja 2005 (6), u fir-riżoluzzjoni tiegħu li takkumpanja d-deċiżjoni ta' kwittanza fost affarijiet oħrajn

esprima tħassib dwar il-fatt li 'l fuq minn 50 % tal-impenji trasferiti mis-sena finanzjarja 2004 ġew ikkanċellati; insista li ċ-Ċentru għandu jtejjeb l-ipprogrammar tal-infiq amministrattiv tiegħu,

stieden liċ-Ċentru biex ifittex kjarifika dwar id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali marbuta mal-bażi tad-data IATE,

esprima t-tama tiegħu li l-kunflitt bejn iċ-Ċentru u l-Kummissjoni fir-rigward tal-parti li għandha titħallas minn min iħaddem tal-kontribuzzjonijiet għall-pensjoni tal-istaff jissolva malajr kemm jista' jkun,

 

Punti ġenerali li jikkonċernaw il-kwistjonijiet orizzontali li jaffettwaw lill-aġenziji tal-UE, u li b'hekk huma importanti wkoll għall-proċedura ta' kwittanza ta' kull waħda mill-aġenziji individwali

1.

Jinnota li l-baġits tal-24 aġenzija u ta' korpi relatati oħrajn li saritilhom il-verifika mill-Qorti tal-Awdituri kienu jammontaw għal EUR 1 080 5 miljun fl-2006 (l-akbar baġit kien tal-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni li kien jammonta għal EUR 271 miljun u l-iżgħar baġit kien tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL) li kien jammonta għal EUR 5 miljun);

2.

Jenfasizza l-fatt li l-firxa ta' korpi esterni tal-UE li huma suġġetti għal verifika u għal kwittanza issa tinkludi mhux biss aġenziji regolatorji tradizzjonali iżda wkoll aġenziji eżekuttivi li ġew stabbiliti sabiex jimplimentaw programmi speċifiċi, u fil-futur qrib se testendi wkoll għal intrapriżi konġunti li ġew stabbiliti bħala sħubiji pubbliċi-privati (inizjattivi teknoloġiċi konġunti);

3.

Josserva fir-rigward tal-Parlament li l-għadd ta' aġenziji suġġetti għall-proċedura ta' kwittanza evolva kif ġej: sena finanzjarja 2000: 8; 2001: 10; 2002: 11; 2003: 14; 2004: 14; 2005: 16; 2006: 20 aġenzija regolatorja u 2 aġenziji eżekuttivi (m'humiex qegħdin jiġu inklużi 2 aġenziji li jiġu vverifikati mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri iżda li huma suġġetti għal proċess ta' kwittanza intern);

4.

Għaldaqstant, jikkonkludi li l-proċess ta' verifika/kwittanza sar ineffiċjenti u sproporzjonat meta mqabbel mad-daqs relattiv tal-baġits tal-aġenziji/tal-korpi satelliti; jagħti istruzzjonijiet lill-kumitat kompetenti tiegħu sabiex jagħmel analiżi mill-ġdid fuq firxa wiesgħa tal-proċess ta' kwittanza fir-rigward ta' aġenziji u korpi satelliti bil-għan li jitfassal metodu iktar sempliċi u razzjonali, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu in-numru dejjem jikber ta' korpi li kull wieħed minnhom jesiġi rapport ta' kwittanza separat fis-snin li ġejjin;

Kunsiderazzjonijiet fundamentali

5.

Jitlob li l-Kummissjoni tipprovdi spjegazzjonijiet ċari fir-rigward tal-elementi li ġejjin qabel il-ħolqien ta' aġenzija ġdida jew ir-riforma ta' aġenzija eżistenti: it-tip ta' aġenzija, l-għanijiet tal-aġenzija, l-istruttura ta' governanza interna, il-prodotti, is-servizzi, il-proċeduri ewlenin, il-grupp immirat, il-klijenti u l-imsieħba tal-aġenzija, ir-relazzjoni formali mal-atturi esterni, ir-responsabiltà tal-baġit, l-ippjanar finanzjarju, u l-politika dwar il-personal u r-reklutaġġ ta' staff;

6.

Jitlob li kull aġenzija tiġi regolata minn ftehim ta' eżekuzzjoni annwali li huwa fformulat mill-aġenzija u mid-DĠ responsabbli u li għandu jinkludi l-għanijiet ewlenin għas-sena li tkun ġejja, qafas finanzjarju u indikaturi ċari għall-kejl tal-eżekuzzjoni;

7.

Jitlob li l-eżekuzzjoni tal-aġenziji tiġi vverifikata b'mod regolari (u fuq bażi ad hoc) mill-Qorti tal-Awdituri jew minn awditur indipendenti ieħor; iqis li din il-verifika m'għandhiex tkun limitata għal elementi tradizzjonali ta' ġestjoni finanzjarja u għall-użu xieraq tal-fondi pubbliċi, iżda għandha tkopri wkoll l-effiċjenza u l-effikaċja amministrattiva u għandha tinkludi klassifika tal-ġestjoni finanzjarja ta' kull aġenzija;

8.

Jargumenta li fil-każ ta' aġenziji li qegħdin kontinwament jistmaw li l-ħtiġijiet rispettivi tal-baġit tagħhom huma għola milli fil-fatt huma, għandu jkun hemm tnaqqis tekniku skont il-postijiet vakanti; huwa tal-opinjoni li dan għandu jwassal f'perjodu fit-tul għal dħul inqas assenjat għall-aġenziji u għalhekk inaqqas ukoll l-ispejjeż amministrattivi;

9.

Jinnota li hija problema serja li numru ta' aġenziji jiġu kkritikati talli ma jsegwux ir-regoli dwar l-akkwist pubbliku, ir-Regolament Finanzjarju, ir-Regolamenti tal-Istaff eċċ.; jikkunsidra li r-raġuni ewlenija għal dan hija li ħafna mir-regolamenti u r-Regolament Finanzjarju huma mfassla għal istituzzjonijiet akbar u li ħafna mill-aġenziji ż-żgħar m'ghandhomx il-kapaċità mixtieqa biex jaqdu dawn il-ħtiġijiet regolatorji; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni sabiex issib soluzzjoni malajr kemm jista' jkun, sabiex titjieb l-effiċjenza billi l-funzjonijiet amministrattivi ta' diversi aġenziji jingħaqdu flimkien, sabiex tinkiseb din is-saħħa (billi wieħed jikkunsidra l-kambjamenti neċessarji fir-Regolamenti bażiċi li jmexxu lill-aġenziji u l-indipendenza baġitarja tagħhom), jew sabiex toħloq abbozz ta' regoli speċifiċi għall-aġenziji (b'mod partikolari billi timplimenta regoli għall-aġenziji) li jippermettulhom li jkunu konformi bis-sħiħ;

10.

Jinsisti li l-Kummissjoni, meta tkun qed tfassal l-Abbozz Preliminari tal-Baġit, għandha tqis ir-riżultati tal-implimentazzjoni tal-baġit mill-aġenziji individwali għas-snin ta' qabel, b'mod partikolari għas-sena n-1 u tirrevedi l-baġit mitlub mill-aġenzija partikolari kif meħtieġ; jistieden lill-Kumitat kompetenti tiegħu sabiex jirrispetta din ir-reviżjoni u, jekk ma jkunx diġà ġie rivedut mill-Kummissjoni, jirrevedi huwa stess il-baġit imsemmi fuq livell realistiku li jaqbel mal-kapaċità ta' assorbiment u implimentazzjoni tal-aġenzija msemmija;

11.

Ifakkar id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza b'rabta mas-sena finanzjarja 2005, fejn huwa stieden lill-Kummissjoni sabiex kull ħames snin tippreżenta studju dwar il-valur miżjud ta' kull aġenzija li teżisti; f'każ ta' evalwazzjoni negattiva tal-valur miżjud ta' aġenzija, jistieden lill-istituzzjonijiet relevanti kollha sabiex jieħdu l-passi neċessarji, billi jifformulaw mill-ġdid il-mandat ta' dik l-aġenzija jew billi jagħlquha; jinnota li ma saret l-ebda evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni fl-2007; jinsisti li l-Kummissjoni għandha tippreżenta, tal-inqas, 5 minn dan it-tip ta' evalwazzjonijiet qabel id-deċiżjoni dwar il-kwittanza b'rabta mas-sena finanzjarja 2007, billi tibda mill- aġenzija l-iżjed antika;

12.

Huwa tal-opinjoni li r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri għandhom jiġu implimentati minnufih, u li l-livell tas-sussidji mħallsa lill-aġenziji għandu jkun konformi mal-ħtiġijiet attwali tagħhom għall-flus kontanti; barra minn hekk jikkunsidra li l-emendi tar-Regolament Finanzjarju ġenerali għandhom jiġu miżjuda fir-Regolament finanzjarju tal-qafas tal-aġenziji u f'bosta regolamenti finanzjarji speċifiċi;

Preżentazzjoni ta' rapportar tad-data

13.

Jinnota li m'hemm ebda metodu standard fost l-aġenziji fir-rigward tal-preżentazzjoni tal-attivitajiet tagħhom matul is-sena finanzjarja kkonċernata, il-kontijiet tagħhom u r-rapporti dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja u l-kwistjoni dwar jekk għandhiex titfassal dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni mid-direttur tal-aġenzija; josserva li mhux l-aġenziji kollha jiddistingwu b'mod ċar bejn a) il-preżentazzjoni tax-xogħol tal-aġenzija lill-pubbliku u b) ir-rapportar tekniku dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja;

14.

Jinnota li filwaqt li l-istruzzjonijiet fis-seħħ tal-Kummissjoni għall-preparazzjoni tar-rapporti ta' attività ma jesiġux b'mod espliċitu li l-aġenzija tfassal dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni, bosta diretturi, minkejja dan, xorta waħda għamluha għall-2006, filwaqt li f'każ wieħed minnhom kienet inkluża riserva importanti;

15.

Ifakkar li l-paragrafu 27 tar-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2005 (7), jistieden lid-Diretturi tal-Aġenziji sabiex minn issa 'l quddiem ir-rapport ta' attività annwali tagħhom, li jiġi ppreżentat flimkien mat-tagħrif finanzjarju u tal-ġestjoni, irid ikollu miegħu dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni li tikkonċerna l-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet, simili għad-dikjarazzjonijiet li ġew iffirmati mid-Diretturi Ġenerali tal-Kummissjoni;

16.

Jitlob lill-Kummissjoni sabiex temenda l-istruzzjonijiet tagħha fis-seħħ għall-aġenziji skont dan;

17.

Barra minn hekk, jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha taħdem mal-aġenziji sabiex tipproduċi mudell armonizzat li japplika għall-aġenziji u għall-korpi satelliti kollha filwaqt li jiddistingwi b'mod ċar bejn

rapport annwali maħsub għall-qarrejja ġenerali dwar l-operazzjonijiet, ix-xogħol u l-kisbiet tal-korpi,

rendikont finanzjarji u rapport dwar l-implimentazzjoni tal-baġit,

rapport dwar l-attività simili għar-rapporti ta' attività tad-Diretturi Ġenerali tal-Kummissjoni,

dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni ffirmata mid-direttur tal-korp, flimkien ma' kull riserva jew osservazzjoni li jqis xierqa sabiex jiġbed l-attenzjoni tal-awtorità ta' kwittanza;

Sejbiet ġenerali mill-Qorti tal-Awdituri

18.

Jinnota s-sejba tal-Qorti (Rapport Annwali, il-paragrafu 10.29 (8) li l-iżburżar ta' sussidji li jitħallsu mill-Kummissjoni mill-baġit tal-Komunità m'huwiex ibbażat fuq stimi ġġustifikati biżżejjed tar-rekwiżiti ta' flus kontanti tal-aġenziji u li dan, flimkien mad-daqs tat-trasferimenti (carry-overs), iwassalhom sabiex ikollhom fil-pussess bilanċi ta' kreditu kbar mhux ħażin; jinnota wkoll ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti li l-livell ta' sussidji li jitħallsu lill-aġenziji għandu jkun konformi mar-rekwiżiti ta' flus kontanti reali tagħhom;

19.

Jinnota li fi tmiem l-2006, 14-il aġenzija kienu għad iridu jimplimentaw is-sistema tal-kontijiet ABAC (Rapport Annwali, in-nota f'qiegħ il-paġna għall-paragrafu 10.31);

20.

Jinnota l-kumment tal-Qorti (Rapport Annwali, il-paragrafu 1.25) dwar spejjeż akkumulati minħabba leave li ma tteħidx li għalihom jagħtu kont xi wħud mill-aġenziji; jenfasizza l-fatt li l-Qorti tal-Awdituri kkwalifikat id-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni tagħha fil-każ ta' tliet aġenziji (Iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop), CEPOL u l-Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji) għas-sena finanzjarja 2006 (2005: Cedefop, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni);

Verifika interna

21.

Ifakkar li f'konformità mal-Artikolu 185(3) tar-Regolament Finanzjarju, l-Awditur Intern tal-Kummissjoni huwa wkoll l-awditur intern tal-aġenziji regolatorji li jirċievu konċessjonijiet mill-baġit tal-UE; jenfasizza l-fatt li l-Awditur Intern jirrapporta lill-bord ta' tmexxija u lid-direttur ta' kull aġenzija;

22.

Jiġbed l-attenzjoni għar-riserva li tniżżlet fir-Rapport ta' Attività Annwali tal-Awditur Intern għall-2006 kif ġej:

“L-Awditur Intern tal-Kummissjoni ma jinsabx f'pożizzjoni li jissodisfa kif suppost l-obbligu tiegħu konferit lilu mill-Artikolu 185 tar-Regolament Finanzjarju bħala awditur intern tal-korpi tal-Komunità minħabba nuqqas ta' riżorsi ta' staff.”;

23.

Madankollu, jinnota l-kumment tal-Awditur Intern fir-rapport ta' attività tiegħu għall-2006 li mill-2007, bis-saħħa tar-riżorsi tal-istaff addizzjonali konċessi mill-Kummissjoni lis-Servizz ta' Verifika Interna (IAS), l-aġenziji regolatorji operattivi kollha se jkunu suġġetti għal xogħol ta' verifika interna fuq bażi annwali;

24.

Jinnota l-għadd li kulma jmur qiegħed jikber ta' aġenziji regolatorji u eżekuttivi u ta' intrapriżi konġunti meħtieġa li ssirilhom il-verifika mill-IAS skont l-Artikolu 185 tar-Regolament Finanzjarju; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tinforma lill-kumitat kompetenti tiegħu dwar jekk ir-riżorsi tal-istaff li huma disponibbli għall-IAS humiex se jkunu biżżejjed sabiex issir verifika annwali ta' dawn il-korpi kollha fis-snin li ġejjin;

25.

Josserva li l-Artikolu 72(5) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 jeżiġi li kull sena kull aġenzija tibgħat rapport lill-Kummissjoni u lill-awtorità responsabbli għall-kwittanza, li jkun imħejji mid-direttur u li jiġbor l-għadd u t-tip ta' verifiki interni li saru mill-awditur intern, ir-rakkomandazzjonijiet li saru u l-azzjonijiet li ttieħdu fuq dawn ir-rakkomandazzjonijiet; jitlob lill-aġenziji sabiex jindikaw jekk dan huwiex qiegħed isir u, jekk inhu hekk, kif qiegħed isir;

26.

Jieħu nota, fir-rigward tal-kapaċità tal-verifika interna, l-iktar b'rabta mal-aġenziji iżgħar, ta' proposta li saret mill-Awditur Intern quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament nhar l-14 ta' Settembru 2006 li aġenziji iżgħar għandhom ikunu awtorizzati jixtru, f'servizzi ta' verifika interna, mis-settur privat;

Evalwazzjoni tal-aġenziji

27.

Ifakkar l-istqarrija konġunta mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni (9) li ġiet innegozjata fil-konċiljazzjoni quddiem il-Kunsill tal-baġit ECOFIN tat-13 ta' Lulju 2007 li titlob għal i) lista ta' aġenziji li l-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tevalwa, u ii) lista ta' aġenziji li diġà ġew evalwati, flimkien ma' sommarju tar-riżultati prinċipali;

Proċeduri dixxiplinari

28.

Jinnota li, minħabba d-daqs tagħhom, aġenziji individwali jsibu diffikultà biex jistabbilixxu bordijiet dixxiplinari ad hoc minn fost staff li huwa ta' grad xieraq tal-karriera u li l-IDOC (l-Uffiċċju tal-Investigazzjoni u Dixxiplina) tal-Kummissjoni m'huwiex kompetenti għall-aġenziji; jitlob lill-aġenziji sabiex iqisu bord ta' dixxiplina bejn l-aġenziji;

Abbozz ta' Ftehima Interistituzzjonali

29.

Ifakkar l-abbozz tal-Ftehima Interistituzzjonali dwar il-qafas operattiv għall-aġenziji regolatorji Ewropej ippreżentat mill-Kummissjoni (COM(2005) 59), li kien maħsub li joħloq qafas orizzontali għall-ħolqien, l-istruttura, it-tħaddim, l-evalwazzjoni u l-kontroll tal-aġenziji regolatorji Ewropej; jinnota li l-abbozz jirrappreżenta inizjattiva utli bħala sforz sabiex ikunu razzjonalizzati l-ħolqien u l-immaniġġjar tal-aġenziji; jinnota l-istqarrija fir-rapport ta' sintesi 2006 tal-Kummissjoni (il-paragrafu 3.1, COM(2007) 274) li għalkemm ma sarx progress fin-negozjati wara l-pubblikazzjoni tal-abbozz, tnedew mill-ġdid diskussjonijiet dwar sustanza fil-Kunsill fi tmiem l-2006; jiddispjaċih li ma kienx possibbli li jsir iktar progress lejn l-adozzjoni;

30.

Għaldaqstant, jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni li tressaq Komunikazzjoni dwar il-ġejjieni tal-aġenziji regolatorji matul l-2008;

Aġenziji ffinanzjati minnhom infushom

31.

Ifakkar li għaż-żewġ aġenziji li huma ffinanzjati minnhom infushom, tiġi konċessa kwittanza lid-direttur mill-bord amministrattiv; jinnota li t-tnejn li huma għandhom eċċessi akkumulati sinifikanti minn dħul minn onorarji li jkunu ġew trasferiti minn ċifri tas-snin preċedenti:

Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern flus kontanti u l-ekwivalenti fi flus kontanti: EUR 281 miljun (10),

Uffiċċju tal-Komunità għall-Varjetà ta' Pjanti flus kontanti u l-ekwivalenti fi flus kontanti: EUR 18-il miljun (11);

Punti speċifiċi

32.

Jinnota l-osservazzjoni tal-Qorti fir-rapport tagħha tal-2006 li l-eċċess tal-baġit akkumulat għall-2006 kien ta' EUR 16,9 miljuni u li, fl-2007, iċ-Ċentru ta lura EUR 9,3 miljuni lill-klijenti tiegħu; jaqbel mal-Qorti tal-Awdituri li akkumulazzjoni ta' eċċessi bħal din tissuġġerixxi li l-metodu għall-għoti ta' prezz lit-traduzzjonijiet tiegħu mhuwiex preċiż biżżejjed;

33.

Jinnota wkoll is-sejba tal-Qorti li fi proċedura ta' reklutaġġ għat-tradutturi, iċ-Ċentru ma rnexxilux jipprovdi prova bil-miktub tar-regoli applikati għall-evalwazzjoni tal-fajls tal-kandidati;

34.

Jinnota mill-kontijiet finali li ċ-Ċentru għamel dispożizzjoni għall-kontribuzzjonijiet għall-pensjoni tal-istaff ta' EUR 2 021 126 u għal leave li ma jitteħidx ta' EUR 197 000;

35.

Jinnota li l-Bord ta' Tmexxija taċ-Ċentru ħatar Direttriċi ġdida, li bdiet taħdem mill-1 ta' Mejju 2006;

36.

Jesprimi t-tama tiegħu li tinsab malajr soluzzjoni għall-problema tal-bini taċ-Ċentru u għall-kwistjoni tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni għall-istaff;

37.

Jilqa' l-indikazzjoni fir-rapport tal-attivitajiet taċ-Ċentru li fl-2006 huwa kompla jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-IAS tal-Kummissjoni fir-rigward tal-finalizzazzjoni u tal-aġġornament tad-deskrizzjonijiet tal-impjieg, billi jinforma lill-uffiċjali tiegħu bir-responsabiltajiet tagħhom, billi tawwal l-iskadenzi għall-pubblikazzjonijiet ta' postijiet vakanti, billi sar monitoraġġ adegwat tal-attivitajiet taċ-Ċentru, evalwazzjoni tar-riskju, definizzjoni ċara tal-istatus tal-Aġenzija bħala korp issussidjat jew li jiffinanzja lilu nnifsu, u l-provvista ta' proċedura ta' trasferiment (handover) għall-funzjonijiet essenzjali kollha;

38.

Jinnota li ċ-Ċentru rrekluta awditur intern fi Frar 2008.


(1)  ĠU C 261, 31.10.2007, p. 42.

(2)  ĠU C 309, 19.12.2007, p. 94.

(3)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(4)  ĠU L 314, 7.12.1994, p. 1.

(5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(6)  ĠU L 187, 15.7.2008, p. 122.

(7)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew li tinkludi l-kummenti li jakkumpanjaw id-deċiżjoni dwar il-kwittanza lid-Direttur taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-entitajiet tal-Unjoni Ewropea b'rabta mal-implimentazzjoni tal-baġit tiegħu għas-sena finanzjarja 2003 (ĠU L 196, 27.7.2005, p. 101).

(8)  ĠU C 273, 15.11.2007, p. 1.

(9)  Dokument tal-Kunsill DS605/1/07 Rev 1.

(10)  Sors: Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern għas-sena finanzjarja 2006 flimkien mat-tweġibiet tal-Uffiċċju (ĠU C 309, 19.12.2007, p. 141).

(11)  Sors: Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti għas-sena finanzjarja 2006 flimkien mat-tweġibiet tal-Uffiċċju (ĠU C 309, 19.12.2007, p. 135).