28.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 56/6


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-27 ta’ Novembru 2008

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina dwar is-sustanzi prekursuri tad-drogi u s-sustanzi li spiss jintużaw fil-manifattura illeċita tad-drogi narkotiċi jew tas-sustanzi psikotropiċi

(2009/166/KE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 133 tiegħu, flimkien mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 300(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Il-Komunità jeħtieġ li ssaħħaħ il-kontrolli fuq il-konsenji tas-sustanzi prekursuri mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, minħabba r-riskju tal-iżvijar tagħhom għall-iskopijiet tal-manifattura illeċita ta’ drogi sintetiċi fil-Komunità.

(2)

Fis-27 ta’ Ġunju 2006, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja Ftehim mal-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina dwar is-sustanzi prekursuri tad-drogi u s-sustanzi li spiss jintużaw fil-manifattura illeċita tad-drogi narkotiċi jew tas-sustanzi psikotropiċi (“il-Ftehim”). Wara n-negozjati, it-test tal-Ftehim ġie aċċettat fit-13 ta’ Marzu 2008.

(3)

Huwa xieraq li l-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni, b’konsultazzjoni ma’ kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill, biex tapprova emendi f’isem il-Komunità fejn il-Ftehim jipprevedi l-addozzjoni tagħhom mill-Grupp Konġunt ta’ Segwitu. Madankollu, din l-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata għall-emendi għall-Annessi tal-Ftehim sakemm din l-emenda tikkonċerna sustanzi li huma diġà koperti mill-leġislazzjoni tal-Komunità fuq prekursuri tad-droga u sustanzi.

(4)

Il-Ftehim għandu jiġi approvat,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina dwar is-sustanzi prekursuri tad-drogi u s-sustanzi li spiss jintużaw fil-manifattura illeċita tad-drogi narkotiċi jew tas-sustanzi psikotropiċi huwa b’dan approvat f’isem il-Komunità.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-deċiżjoni.

Artikolu 2

1.   Il-Kummissjoni, assistita minn rappreżentanti tal-Istati Membri, għandha tirrappreżenta l-Komunità fil-Kumitat Konġunt ta’ Segwitu stabbilit skont l-Artikolu 9 tal-Ftehim.

2.   Il-Kummissjoni hija awtorizzata biex tapprova, f’isem il-Komunità, emendi għall-Annessi A u B tal-Ftehim adottat mill-Grupp Konġunt ta’ Segwitu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10 tal-Ftehim.

Il-Kummissjoni għandha tkun assistita fit-twettiq ta’ dan il-kompitu permezz ta’ kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill u mogħti l-istuzzjonijiet biex jistabbilixxi pożizzjoni komuni.

3.   L-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun limitata għal dawk is-sustanzi li huma diġà koperti mill-leġislazzjoni Komunitarja rilevanti dwar is-sustanzi prekursuri tad-drogi.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jinnomina l-persuni mogħtija s-setgħa jiffirmaw il-Ftehim sabiex jorbtu il-Komunità.

Artikolu 4

Il-President tal-Kunsill għandu jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 12 tal-Ftehim f’isem il-Komunità (1).

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 27 ta’ Novembru 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

L. CHATEL


(1)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


FTEHIM

bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina dwar is-sustanzi prekursuri tad-drogi u s-sustanzi li spiss jintużaw fil-manifattura illeċita tad-drogi narkotiċi jew tas-sustanzi psikotropiċi

IL-KOMUNITÀ EWROPEA,

minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Komunità”,

min-naħa waħda, u

IL-GVERN TAR-REPUBBLIKA POPOLARI TAĊ-ĊINA,

minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “Il-Gvern Ċiniż”,

minn naħa l-oħra,

minn hawn ’il quddiem imsejħa “Il-Partijiet”

FI ĦDAN IL-QAFAS tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1988 kontra t-Traffikar Illeċitu tad-Drogi Narkotiċi u s-Sustanzi Psikotropiċi, iffirmata fl-20 ta’ Diċembru 1988 fi Vjenna, minn hawn ’il quddiem imsejħa il-“Konvenzjoni tal-1988” u skont il-leġislazzjoni fis-seħħ fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u fl-Isati Membri tal-Komunità;

IDDETERMINATI li jevitaw u jiġġieldu l-manifattura illeċita tad-drogi narkotiċi u s-sustanzi psikotropiċi billi jevitaw l-iżvijar tas-sustanzi prekursuri tad-drogi u tas-sustanzi kimiċi użati ta’ spiss għal dawn l-għanijiet, (minn hawn ’il quddiem imsejħa “sustanzi prekursuri tad-drogi”);

B’RIKONOXXIMENT tal-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni tal-1988,

KONVINTI li l-kummerċ internazzjonali jista’ jkun użat għall-iżvijar tas-sustanzi prekursuri tad-drogi, u li huwa neċessarju li jiġu konklużi u implimentati strumenti ta’ ftehim bejn ir-reġjuni kkonċernati, li jistabbilixxu koperazzjoni wiesgħa u, b’mod partikolari, jgħaqqdu l-kontrolli tal-esportazzjoni u l-importazzjoni;

JAGĦRFU li l-użu prinċipali u mifrux tas-sustanzi prekursuri tad-drogi huwa għal skopijiet leġittimi u li l-kummerċ internazzjonali m’għandux jiġi mfixxkel minn proċeduri eċċessivi ta’ monitoraġġ;

IDDEĊIDEW li jikkonkludu Ftehim dwar il-prevenzjoni tal-iżvijar tas-sustanzi prekursuri tad-drogi u s-sustanzi li spiss jintużaw fil-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi;

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-ambitu tal-Ftehim

1.   Dan il-Ftehim jistabbilixxi miżuri biex tiġi msaħħa il-koperazzjoni amministrattiva bejn il-Partijiet biex jiġi prevenut l-iżvijar tas-sustanzi prekursuri tad-drogi li spiss jintużaw fil-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi, mingħajr preġudizzju għall-attivitajiet normali tal-kummerċ u r-rikonoxximent dovut tal-interessi leġittimi tal-industrija.

2.   Għal dan il-għan, il-Partijiet għandhom jassistu lil xulxin, kif stabbilit f’dan il-Ftehim, b’mod partikolari billi:

jimmonitorjaw il-kummerċ ta’ bejniethom tas-sustanzi prekursuri tad-drogi msemmija fil-paragrafu 3, bil-għan li jiġi prevenut l-iżvijar tagħhom għal skopijiet illeċiti,

jipprovdu assistenza amministrattiva reċiproka biex jiżguraw li l-leġislazzjoni rispettiva tagħhom tal-kontroll tal-kummerċ tas-sustanzi prekursuri tad-drogi tiġi applikata b’mod korrett.

3.   Mingħajr preġudizzju għal emendi possibbli li jistgħu jsiru skont l-Artikolu 10, dan il-Ftehim japplika għas-sustanzi elenkati fl-Annessi ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 2

Monitoraġġ tal-kummerċ

1.   Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw u jinfurmaw lil xulxin fuq inizjattiva tagħhom kull meta jkollhom raġunijiet raġonevoli li jġegħluhom jaħsbu li s-sustanzi prekursuri tad-drogi jistgħu jiġu żvijati għall-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi, b’mod partikolari meta konsenji ta’ importazzjoni jew ta’ esportazzjoni jseħħu fi kwantitajiet mhux tas-soltu jew taħt ċirkostanzi mhux tas-soltu.

2.   Fir-rigward tas-sustanzi prekursuri tad-drogi elenkati fl-Anness A għal dan il-Ftehim, l-awtorità kompetenti tal-Parti li qiegħda tesporta għandha tibgħat notifika ta’ qabel l-esportazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Parti li qiegħda timporta. It-tweġiba bil-miktub tal-Parti li qiegħda timporta għandha tasal fi żmien ħmistax-il jum tax-xogħol wara li tkun irċeviet il-messaġġ mingħand il-Parti li qiegħda tesporta. In-nuqqas ta’ tweġiba fi żmien dan il-perjodu għandu jitqies daqs li kieku m’hemm l-ebda oġġezzjoni biex tintbagħat il-konsenja. L-oġġezzjoni għandha tiġi nnotifikata bil-miktub lill-Parti li qiegħda tesporta fi żmien dan il-perjodu u għandhom jingħataw ir-raġunijiet għall-oġġezzjoni.

3.   Fir-rigward tas-sustanzi prekursuri tad-drogi elenkati fl-Anness B għal dan il-Ftehim, l-awtorità kompetenti tal-Parti li qiegħda tesporta għandha tiddetermina jekk għandhiex teżegwixxi kontrolli internazzjonali skont il-leġislazzjoni domestika tagħha.

4.   Il-Partijiet jobbligaw irwieħhom li jwieġbu bil-miktub malajr kemm jista’ jkun, rigward kwalunkwe informazzjoni li tingħata jew miżura mitluba skont dan l-Artikolu.

Artikolu 3

Sospensjoni ta’ konsenja

1.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe implimentazzjoni ta’ miżuri tekniċi ta’ infurzar, konsenji għandhom jiġu sospiżi jekk, fl-opinjoni ta’ Parti waħda jew tal-oħra, hemm raġunijet raġjonevoli li jġegħluk taħseb li s-sustanzi prekursuri tad-drogi jistgħu jiġu żvijati għall-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi, jew fejn, fil-każijiet deskritti fl-Artikolu 2(2), il-Parti li qiegħda timporta titlob bil-miktub is-sospensjoni, u fejn xieraq, tipprovdi dokumenti ta’ evidenza u miżuri ta’ ċertezza li għandhom jittieħdu fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkoperaw billi jipprovdu lil xulxin bi kwalunkwe informazzjoni relatata mal-iżvijar ta’ operazzjonjiet suspetti jekk ikunu bbażati fuq talba għal assistenza amministrattiva reċiproka.

Artikolu 4

Assistenza amministrattiva reċiproka

1.   Il-Partijiet għandhom jipprovdu lil xulxin fuq talba għal assistenza amministrattiva reċiproka bi kwalunkwe informazzjoni biex jiġi prevenut l-iżvijar tas-sustanzi prekursuri tad-drogi għall-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi u għandhom jinvestigaw każijiet gfejn jiġi suspettat l-iżvijar. Fejn neċessarju, għandhom jadottaw miżuri xierqa ta’ prekawzjoni biex jiġi prevenut l-iżvijar.

2.   Il-konformità ma’ kwalunkwe talba għal informazzjoni jew miżuri ta’ prekawzjoni għandha ssir fil-ħin.

3.   It-talbiet għal assistenza amministrattiva għandhom isiru skont id-dispożizzjonijiet legali jew regolatorji tal-Parti li qiegħda tagħmel it-talba.

4.   Uffiċjali akkreditati ta’ waħda mill-Partijiet jistgħu, bi ftehim mal-Parti l-oħra u skont il-kundizzjonijiet stipulati minn din tal-aħħar, ikunu preżenti għall-investigazzjonijiet li jitwettqu fit-territorju tal-Parti l-oħra.

5.   Il-Partijiet għandhom jassistu lil xulxin biex jiffaċilitaw il-provvediment ta’ evidenza jekk ikun ibbażat fuq talba ta’ assistenza amministrattiva reċiproka.

6.   L-assistenza amministrattiva prevista f’dan l-Artikolu m’għandhiex tippreġudika r-regoli li jirregolaw l-assistenza reċiproka f’materji kriminali, u lanqas m’għandha tapplika għal informazzjoni miksuba permezz ta’ setgħat eżerċitati fuq it-talba ta’ awtorità ġudizzjali, ħlief meta l-komunikazzjoni ta’ dan it-tip ta’ informazzjoni tkun awtorizzata minn dik l-awtorità.

7.   Parti waħda tista’, abbażi ta’ każ b’każ u permezz ta’ konsultazzjoni, tipprovdi, fuq talba tal-Parti l-oħra, informazzjoni dwar sustanzi li jintużaw spiss fil-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi iżda li m’humiex inklużi fl-ambitu ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 5

L-iskambju tal-informazzjoni u l-kunfidenzjalità

1.   Kull informazzjoni ikkomunikata fi kwalunkwe forma skont dan il-Ftehim għandha tkun ta’ natura kunfidenzjali jew ristretta, skont ir-regoli applikabbli f’kull Parti u għandha tkun koperta mill-obbligu tas-segretezza uffiċjali.

2.   L-iskambju ta’ data personali jista’ jsir biss meta l-Parti li tista’ tirċievi din id-data tobbliga ruħha li tipproteġi tali data talanqas b’mod ekwivalenti għal dak applikabbli għal dak il-każ partikolari fil-Parti li tista’ tforniha. Għal dan il-għan, il-Partijiet jikkomunikaw lil xulxin informazzjoni dwar ir-regoli applikabbli tagħhom, inkluż id-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ fl-Istati Membri tal-Komunità.

3.   L-informazzjoni miksuba skont dan il-Ftehim għandha tintuża biss għall-iskopijiet ta’ dan il-Ftehim. Meta waħda mill-Partijiet tkun tixtieq tuża din l-informazzjoni għal għanijiet oħra, għandha tikseb minn qabel il-permess bil-miktub tal-awtorità li provdiet l-informazzjoni. Dan l-użu għandu mbagħad ikun suġġett għal kwalunkwe restrizzjoni stabbilita minn dik l-awtorità.

4.   L-użu fi proċeduri istitwiti minħabba nuqqas ta’ konformità mal-leġislazzjoni dwar is-sustanzi prekursuri tad-drogi msemmija fl-Artikolu 3, tal-informazzjoni miksuba skont dan il-Ftehim, huwa kkunsidrat biss għall-għanijiet ta’ dan il-Ftehim. Għalhekk, waqt proċeduri, il-Partijiet jistgħu jużaw bħala evidenza l-informazzjoni miksuba u d-dokumenti li jkunu ġew ikkonsultati skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. L-użu ta’ evidenza huwa soġġett għall-permess mogħti minn qabel mingħand l-awtorità kompetenti li tkun forniet dik l-informazzjoni jew li tkun tat aċċess għal dawk id-dokumenti.

Artikolu 6

Eċċezzjonijiet għall-obbligu li tkun ipprovduta l-assistenza

1.   L-assistenza tista’ tiġi rifjutata jew tista’ tkun soġġetta għas-sodisfazzjon ta’ ċerti kundizzjonijiet jew rekwiżiti, f’każijiet fejn Parti tkun tal-opinjoni li l-assistenza skont dan il-Ftehim:

(a)

x’aktarx li tippreġudika s-sovranità tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina jew dik ta’ Stat Membru tal-Komunità li kien mitlub jipprovdi l-assistenza skont dan il-Ftehim; jew

(b)

x’aktarx li tippreġudika l-ordni pubbliku, is-sigurtà jew l-interessi l-essenzjali l-oħra, b’mod partikolari fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 5(2); jew

(ċ)

tikser sigriet industrijali, kummerċjali jew professjonali.

2.   L-assistenza tista’ tiġi posposta mill-awtorità li tkun irċeviet tali talba fuq il-bażi li tista’ tfixkel investigazzjoni, prosekuzzjoni jew proċediment pendenti. F’tali każ, l-awtorità li tkun irċeviet tali talba għandha tikkonsulta mal-awtorità applikanti biex tiddetermina jekk l-assistenza tistax tingħata soġġetta għal dawk it-termini u l-kundizzjonijiet kif jistgħu jkunu meħtieġa mill-awtorità li tkun irċeviet tali talba.

3.   Meta l-awtorità applikanti tfittex assistenza li jekk mitluba ma tkunx tista’ tipprovdiha hija stess, għandha tiġbed l-attenzjoni għal dak il-fatt fit-talba tagħha. Imbagħad l-awtorità li tkun irċeviet tali talba għandha tiddeċiedi hi kif twieġeb għal din it-talba.

4.   Għall-każijiet imsemmija f’dan l-Artikolu, id-deċiżjoni tal-awtorità li tkun irċeviet tali talba u r-raġunijiet għaliha għandhom jiġu kkomunikati lill-awtorità applikanti fl-iqsar żmien possibbli.

Artikolu 7

Koperazzjoni teknika u xjentifika

Il-Partijiet għandhom jikkoperaw fl-identifikazzjoni ta’ metodi ġodda ta’ żvijar kif ukoll dwar kontromiżuri xierqa, li jinkludu koperazzjoni teknika u b’mod partikolari, taħriġ u programmi ta’ skambju għall-uffiċjali konċernati, biex isaħħu l-istrutturi amministrattivi u ta’ infurzar f’dan il-qasam u jippromwovu l-koperazzjoni man-negozji u l-industrija.

Artikolu 8

Miżuri ta’ implimentazzjoni

1.   Għandha tinħatar awtorità kompetenti min-naħa taċ-Ċina, mill-Kummissjoni Ewropea u minn kull Stat Membru rispettivament sabiex tikkoordina l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Dawn l-awtoritajiet għandhom jikkommunikaw direttament ma’ xulxin għall-għanijiet ta’ dan il-Ftehim.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin u sussegwentement iżommu lil xulxin infurmati dwar ir-regoli dettaljati ta’ implimentazzjoni li jiġu adottati skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 9

Grupp Konġunt ta’ Segwitu

1.   Grupp Konġunt ta’ Segwitu, minn hawn ’il quddiem “il-Grupp Konġunt ta’ Segwitu”, li fih se jkunu rappreżentati l-Partijiet, huwa b’dan stabbilit.

2.   Il-Grupp Konġunt ta’ Segwitu għandu jaġixxi bi qbil reċiproku.

3.   Jekk ikun neċessarju, il-Grupp Konġunt ta’ Segwitu għandu jiltaqa’, b’data, post u programm iffissati bi qbil reċiproku.

Laqgħat straordinarji tal-Grupp Konġunt ta’ Segwitu jistgħu jissejħu bi qbil reċiproku bejn il-Partijiet.

Artikolu 10

Ir-rwol tal-Grupp Konġunt ta’ Segwitu

1.   Il-Grupp Konġunt ta’ Segwitu għandu jamministra dan il-Ftehim u jiżgura li jiġi implimentat kif xieraq. Għal dan il-għan:

Għandu jkun infurmat regolarment mill-Partijiet dwar l-esperjenzi tagħhom fl-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim,

Fil-każijiet stipulati fil-Paragrafu 2, għandu jieħu d-deċiżjonijiet,

Għandu jistudja u jiżviluppa miżuri tekniċi ta’ koperazzjoni,

Għandu jistudja u jiżviluppa forom oħra possibbli ta’ koperazzjoni.

2.   Il-Grupp Konġunt ta’ Segwitu jista’ jadotta b’kunsens reċiproku li jemenda l-Annessi A u B. Dan it-tip ta’ deċiżjonijiet għandhom jiġu implimentati mill-Partijiet skont il-leġislazzjoni tagħhom stess.

3.   Il-Grupp Konġunt ta’ Segwitu jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Partijiet:

(a)

Emendi oħra għal dan il-Ftehim;

(b)

Miżuri meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 11

Obbligi oħra imposti minn strumenti ta’ ftehim oħra

1.   B’kont meħud tal-kompetenzi rispettivi tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim:

M’għandhomx jaffettwaw l-obbligi tal-Partijiet stabbiliti f’xi ftehim ieħor jew konvenzjoni oħra internazzjonali;

M’għandhomx jaffettwaw il-komunikazzjoni bejn is-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni Ewropea u s-servizzi rilevanti tal-Istati Membri tal-Komunità dwar kwalunkwe informazzjoni miksuba skont dan il-Ftehim li tista’ tkun ta’ interess għall-Komunità.

2.   Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Paragrafu 1, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għandu jkollhom preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ta’ kwalunkwe ftehim bilaterali dwar sustanzi prekursuri tad-drogi u sustanzi oħra li jintużaw spiss fil-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi li ġew jew jistgħu jiġu konklużi bejn l-Istati Membri individwali u r-Repubblika Popolari taċ-Ċina sa fejn id-dispożizzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar ma jkunux kompatibbli ma’ dawk ta’ dan il-Ftehim.

3.   Fir-rigward tal-mistoqsijiet relatati mal-applikabbilità ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin biex jirriżolvu s-sitwazzjoni fil-qafas tal-Grupp Konġunt ta’ Segwitu.

4.   Il-Partijiet għandhom ukoll jinnotifikaw lil xulxin dwar kwalunkwe miżura dwar is-sustanzi kontrollati li tittieħed ma’ pajjiżi oħra.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

Kull Parti għandha tagħti notifika bil-miktub li lestiet il-proċeduri legali interni tagħha għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim lill-Parti l-oħra. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ 60 jum wara d-data li fiha tasal l-aħħar notifika bil-miktub.

Artikolu 13

Limiti ta’ żmien u denunzja tal-ftehim

1.   Dan il-Ftehim għandu jiġi konkluż għal ħames snin u, sakemm Parti ma tinnotifikax lill-Parti l-oħra bil-miktub dwar l-intenzjoni tagħha li ttemm il-Ftehim talanqas sitt xhur qabel il-perjodu ta’ skadenza, dan għandu jiġġedded b’mod taċitu għal perjodi suċċessivi ta’ ħames snin.

2.   Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat bil-kunsens reċiproku tal-Partijiet.

Imfassal duplikatament fil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Taljana, Ungeriża, Żvediża u Ċiniża b’kull waħda ugwalment awtentika. F’każ ta’ kwalunkwe diverġenza fl-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim; it-test Ingliż u dak Ċiniż għandhom ikunu determinattivi.

Съставено в Брюксел на тридесети януари две хиляди и девета година.

Hecho en Bruselas, el treinta de enero de dos mil nueve.

V Bruselu dne třicátého ledna dva tisíce devět.

Udfærdiget i Bruxelles den tredivte januar to tusind og ni.

Geschehen zu Brüssel am dreißigsten Januar zweitausendneun

Kahe tuhande üheksanda aasta jaanuarikuu kolmekümnendal päeval Brüsselis.

Εγινε στις Βρυξέλλες, στις τριάντα Ιανουαρίου δύο χιλιάδες εννιά.

Done at Brussels on the thirtieth day of January in the year two thousand and nine.

Fait à Bruxelles, le trente janvier deux mille neuf.

Fatto a Bruxelles, addì trenta gennaio duemilanove.

Briselē, divtūkstoš devītā gada trīsdesmitajā janvārī.

Priimta du tūkstančiai devintų metų sausio trisdešimtą dieną Briuselyje.

Kelt Brüsszelben, a kétezer-kilencedik év január harmincadik napján.

Magħmul fi Brussell, fit-tletin jum ta’ Jannar tas-sena elfejn u disgħa.

Gedaan te Brussel, de dertigste januari tweeduizend negen.

Sporządzono w Brukseli, dnia trzydziestego stycznia roku dwa tysiące dziewiątego.

Feito em Bruxelas, em trinta de Janeiro de dois mil e nove.

Încheiat la Bruxelles, la treizeci ianuarie două mii nouă.

V Bruseli tridsiateho januára dvetisícdeväť.

V Bruslju, dne tridesetega januarja leta dva tisoč devet.

Tehty Brysselissä kolmantenakymmenentenä päivänä tammikuuta vuonna kaksituhattayhdeksän.

Som skedde i Bryssel den trettionde januari tjugohundranio.

Image

За Европейската общност

Por la Comunidad Europea

Za Evropské společenství

For Det Europæiske Fællesskab

Für die Europäische Gemeinschaft

Euroopa Ühenduse nimel

Για την Ευρωπαϊκή Κοινότητα

For the European Community

Pour la Communauté européenne

Per la Comunità europea

Eiropas Kopienas vārdā

Europos bendrijos vardu

Az Európai Közösség részéről

Għall-Komunitá Ewropea

Voor de Europese Gemeenschap

W imieniu Wspólnoty Europejskiej

Pela Comunidade Europeia

Pentru Comunitatea Europeană

Za Európske spoločenstvo

Za Evropsko skupnost

Euroopan yhteisön puolesta

För Europeiska gemenskapen

Image

Image

Image

От името на правителството на Киtайската народна република

Por el Gobierno de la República Popular China

Za vládu Čínské lidové republiky

For Folkerepublikken Kinas regering

Im Namen der Regierung der Volksrepublik China

Hiina Rahvavabariigi valitsuse nimel

Για την κυβέρνηση της Λαϊκής Δημοκρατίας της Κίνας

For the Government of the People’s Republic of China

Pour le gouvernement de la République populaire de Chine

Per il governo della Repubblica popolare cinese

Ķīnas Tautas Republikas vārdā

Kinijos Liaudies Respublikos Vyriausybės vardu

A Kínai Népköztársaság kormánya részéről

Għall-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina

Voor de Regering van de Volksrepubliek China

W imieniu rządu Chińskiej Republiki Ludowej

Pelo Governo da República Popular da China

Pentru Guvernul Republicii Populare Chineze

Za vládu Čínskej ľudovej republiky

Za Vlado Ljudske republike Kitajske

Kiinan kansantasavallan hallituksen puolesta

På Folkrepubliken Kinas regering vägnar

Image

Image

ANNESS A

Sustanzi soġetti għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 2(2)

Aċidu N-Aċetilantraniliku

Anidride Aċetiku

Aċidu Antraniliku

Efedrina

Estratt tal-Efedra

Ergometrina

Ergotamina

Iżosafrol

Aċidu Liserġiku

3,4-Metilindiossifenil-2-propanon

Norefedrina

Aċidu Fenilaċetiku

1-Fenil-2-propanon

Piperonal

Permanganat tal-Potassju

Psewdoefedrina

Safrol

Żjut li fihom ħafna safrol

Nota: Il-lista tas-sustanzi għandha dejjem tinkludi referenza għall-imluħ tagħhom, fejn xieraq.

ANNESS B

Sustanzi soġġetti għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 2(3)

Aċeton

Etile tal-Etere

Aċidu Idrokloriku

Metil Etil Keton

Piperidin

Aċidu Sulfuriku

Toluwen