6.3.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 62/23


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-28 ta’ Jannar 2008

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Ġappun dwar il-kooperazzjoni u l-għajnuna amministrattiva reċiproka fi kwistjonjiet doganali

(2008/202/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 133 flimkien ma’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 300(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Fil-5 ta’ April 1993 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tibda n-negozjati f’isem il-Komunità għal ftehim ta’ kooperazzjoni doganali ma’ xi wħud mill-imsieħba kummerċjali ewlenin tal-Komunità Ewropea.

(2)

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Ġappun dwar il-kooperazzjoni u l-għajnuna amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali għandhom jiġu approvati,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Ġappun dwar il-kooperazzjoni u l-għajnuna amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali qiegħed b’hekk jiġi approvat f’isem il-Komunità Ewropea.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni, megħjuna mir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri, għandha tirrappreżenta l-Komunità fuq il-Kumitat Konġunt tal-Kooperazzjoni Doganali stabbilit skond l-Artikolu 21 tal-Ftehim.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jaħtar il-persuni bis-setgħa li jiffirmaw l-Ftehim f’isem il-Komunità.

Artikolu 4

Il-President tal-Kunsill għandu jagħmel in-notifika prevista fl-Artikolu 22 tal-Ftehim f’isem il-Komunità (1).

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 28 ta’ Jannar 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

D. RUPEL


(1)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


FTEHIM

bejn il-Komunitá Ewropea u l-Gvern tal-Ġappun dwar il-kooperazzjoni u l-għajnuna amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali

IL-KOMUNITÀ EWROPEA u L-GVERN TAL-ĠAPPUN (minn hawn ‘il quddiem “il-Partijiet Kontraenti”),

JIKKUNSIDRAW l-importanza tar-rabtiet kummerċjali bejn il-Ġappun u l-Komunità Ewropea (minn hawn ‘il quddiem imsemmija fil-Ftehim bħala “il-Komunità”), u xewqana li jikkontribwixxu, għall-benefiċċju taż-Żewġ Partijiet Kontraenti u għall-iżvilupp armonjuż ta’ dawk ir-rabtiet;

JEMMNU li, sabiex jinkiseb dan l-objettiv, għandu jkun hemm impenn biex tiġi żviluppata kooperazzjoni doganali;

JQISU l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni doganali bejn il-Partijiet Kontraenti, fir-rigward ta’ proċeduri doganali;

JIKKUNSIDRAW li operazzjonijiet li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali jippreġudikaw l-interessi ekonomiċi, fiskali u kummerċjali taż-żewġ Partijiet Kontraenti, u jagħrfu l-importanza li jiżguraw il-valutazzjoni eżatta tad-dazji doganali u taxxi oħra;

KONVINTI li azzjoni kontra dawn l-operazzjonijiet tista’ ssir aktar effettiva permezz ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali;

JAGĦRFU r-rwol sinifikanti ta’ l-awtoritajiet doganali u l-importanza tal-proċeduri doganali fil-promozzjoni tal-faċilitazzjoni tal-kummerċ;

IKKUNSIDRAW l-ogħla livell ta’ impenn taż-Żewġ Partijiet Kontraenti għal azzjonijiet doganali u kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali;

IKKUNSIDRAW l-obbligi imposti taħt il-konvenzjonijiet internazzjonali diġà aċċettati u applikati mill-Partijiet Kontraenti, kif ukoll attivitajiet relatati mad-dwana li twettqu mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (minn hawn ‘il quddiem imsemmija f’dan il-Ftehim bħala “d-WTO”);

IKKUNSIDRAW ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali (minn hawn ‘il quddiem imsemmi f’dan il-Ftehim bħala “s-CCC”) dwar l-Għajnuna Amministrattiva Reċiproka tal-5 ta’ Diċembru 1953;

BILLI fl-1991 id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar ir-Relazzjonijiet bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Ġappun ipprovdiet linji ta’ gwida ġenerali għar-relazzjoni u stabbiliet objettivi proċedurali biex tiżviluppa ulterjorment ir-relazzjonijiet;

FTIEHMU KIF ĠEJ:

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Id-definizzjonijiet

Għall-iskop ta’ dan il-Ftehim:

(a)

“il-leġiżlazzjoni doganali” tfisser kull liġi u regolament tal-Ġappun jew tal-Komunità, li tirregola l-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-tranżitu ta’ oġġetti u t-tqegħid ta’ oġġetti taħt kwalunkwe proċedura doganali oħra, li tinkludi l-miżuri ta’ projbizzjoni, restrizzjoni u kontrolli li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ l-awtoritajiet doganali;

(b)

“il-liġijiet u r-regolamenti tal-Parti Kontraenti” u “il-liġijiet u r-regolamenti ta’ kull Parti Kontraenti” jfissru l-liġijiet u r-regolamenti tal-Ġappun jew il-liġijiet u r-regolamenti tal-Komunità, skond kif jeħtieġ il-kuntest;

(ċ)

“l-awtorità doganali” tfisser, il-Ministeru tal-Finanzi u, fil-Komunità, is-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej li huma responsabbli għal kwistjonijiet doganali u l-awtoritajiet doganali ta’ l-Istati Membri tal-Komunità;

(d)

“l-awtorità applikanti” tfisser awtorità doganali ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti li fuq il-bażi ta’ dan il-Ftehim, tressaq talba għall-għajnuna;

(e)

“l-awtorità mitluba” tfisser awtorità doganali ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti li fuq il-bażi ta’ dan il-Ftehim, tirċievi talba għall-għajnuna;

(f)

data personali” tfisser l-informazzjoni kollha marbuta ma’ individwu identifikat jew identifikabbli;

(g)

“operazzjoni bi ksur tal-leġiżlazzjoni doganali” tfisser kull ksur jew tentattiv ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni doganali;

(h)

“persuna” tfisser kull persuna naturali, kull persuna legali, jew kull entità oħra mingħajr personalità legali kostitwita jew organizzata taħt il-liġijiet u r-regolamenti ta’ kull Parti Kontraenti, li twettaq l-importazzjoni, l-esportazzjoni, jew it-tranżitu ta’ oġġetti; u

(i)

“informazzjoni” tfisser data, dokumenti, rapporti, u komunikazzjonijiet oħra fi kwalunkwe format li jinkludu kopji elettroniċi tagħhom.

Artikolu 2

L-Applikazzjoni Territorjali

Dan il-Ftehim għandu japplika, min-naħa l-waħda, għat-territorju tal-Ġappun li fih il-leġiżlazzjoni doganali tiegħu tinsab fis-seħħ, u min-naħa l-oħra, għat-territorji fejn it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea huwa applikat u taħt il-kundizzjonijiet stipulati f’dan it-Trattat.

Artikolu 3

L-Implimentazzjoni

Dan il-Ftehim għandu jiġi implimentat mill-Partijiet Kontraenti f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti ta’ kull Parti Kontraenti, u fi ħdan ir-riżorsi disponibbli ta’ l-awtoritajiet doganali rispettivi tagħhom.

Artikolu 4

Firxa ta’ applikazzjoni tal-kooperazzjoni

1.   F’dan il-Ftehim, kooperazzjoni doganali għandha tkopri kull kwistjoni marbuta ma’ l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni doganali.

2.   Il-Partijiet Kontraenti permezz ta’ l-awtoritajiet tagħhom jimpenjaw ruħhom li jiżviluppaw kooperazzjoni doganali. B’mod partikolari, il-Partijiet Kontraenti se jikkooperaw biex:

(a)

jistabbilixxu u jżommu kanali ta’ komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali tagħhom biex jiffaċilitaw l-iskambju sigur u rapidu ta’ l-informazzjoni;

(b)

jiffaċilitaw koordinazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet doganali tagħhom; u

(ċ)

kull kwistjoni amministrattiva oħra marbuta ma’ dan il-Ftehim li minn żmien għal żmien tista’ teħtieġ l-azzjoni konġunta tagħhom.

3.   Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom ukoll li jwettqu sforzi ta’ kooperazzjoni permezz ta’ l-awtoritajiet doganali tagħhom biex jiżviluppaw azzjonijiet li jiffaċilitaw il-kummerċ fil-qasam tad-dwana f’konformità ma’ l-istandards internazzjonali.

Artikolu 5

Firxa ta’ applikazzjoni ta’ l-għajnuna

1.   Permezz ta’ l-awtoritajiet doganali, il-Partijiet Kontraenti għandhom jassistu lil xulxin, fl-oqsma fi ħdan il-kompetenza tagħhom u fi ħdan il-limiti tar-riżorsi disponibbli, u fil-mod u taħt il-kundizzjonijiet stipulati f’dan il-Ftehim, biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni doganali, b’mod partikolari billi jipprevjenu, jinvestigaw u jiġġieldu kontra operazzjonijiet li jiksru dik il-leġiżlazzjoni.

2.   Għajnuna fi kwistjonijiet doganali li jaqgħu taħt dan il-Ftehim għandha tiġi pprovduta bejn l-awtoritajiet doganali tal-Partijiet Kontraenti, li huma kompetenti għall-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Din ma tippreġudikax id-drittijiet u l-obbligi ta’ ebda Parti Kontraenti dwar l-għajnuna reċiproka fi kwistjonijiet kriminali taħt il-ftehimiet internazzjonali jew il-liġijiet u r-regolamenti ta’ kull Parti Kontraenti. Lanqas ma tkopri informazzjoni miksuba taħt setgħat mwettqa fuq talba ta’ awtorità ġudizzjarja.

3.   Għajnuna biex jiġu rkuprati d-dazji, it-taxxi u l-mutli mhijiex koperta minn dan il-Ftehim.

Artikolu 6

Relazzjoni ma’ ftehimiet internazzjonali oħra

1.   Id-dispożizzjoni ta’ dan il-Ftehim ma għandhiex taffettwa d-drittijiet u l-obbligi ta’ ebda Parti Kontraenti taħt kwalunkwe ftehim internazzjonali ieħor.

2.   Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim għandu jkollhom preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ta’ kwalunkwe ftehim bilaterali dwar il-kooperazzjoni doganali u l-għajnuna amministrattiva reċiproka li ġie jew seta’ ġie konkluż bejn l-Istati Membri individwali tal-Komunità u l-Ġappun, safejn id-dispożizzjonijiet ta’ dan ta’ l-aħħar mhumiex kompatibbli ma’ dawk ta’ dan il-Ftehim.

3.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ma għandhomx jaffettwaw id-dispożizzjonijiet tal-Komunità li jirregolaw il-komunikazzjoni bejn is-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet doganali ta’ l-Istati Membri tal-Komunità ta’ kwalunkwe informazzjoni miksuba taħt dan il-Ftehim li jista’ jkun ta’ interess għall-Komunità.

TITOLU II

KOOPERAZZJONI DOGANALI

Artikolu 7

Kooperazzjoni fi proċeduri doganali

Għall-fini tal-faċilitazzjoni tal-moviment leġittimu ta’ oġġetti, l-awtoritajiet doganali għandhom iwettqu skambju ta’ informazzjoni u għarfien espert dwar miżuri biex itejbu t-tekniki u proċeduri doganali u dwar sistemi kompjuterizzati f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 8

Kooperazzjoni teknika

L-awtoritajiet doganali jistgħu jipprovdu kooperazzjoni teknika wieħed lill-ieħor u jwettqu skambju tal-personal u ta’ għarfien espert dwar miżuri biex jitjiebu t-tekniki u l-proċeduri doganali u dwar sistemi kompjuterizzati bil-għan li jiksbu dawn l-objettivi f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 9

Diskussjonijiet f’organizzazzjonijiet internazzjonali

L-awtoritajiet doganali għandhom ifittxu li jiżviluppaw u jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom dwar temi ta’ interess komuni bil-għan li jiffaċilitaw diskussjonijiet dwar kwistjonijiet doganali fil-qafas ta’ organizzazzjonijiet ta’ rilevanza internazzjonali bħas-CCC u d-WTO.

TITOLU III

GĦAJNUNA AMMINISTRATTIVA REĊIPROKA

Artikolu 10

L-għajnuna fuq talba

1.   Fuq talba ta’ l-awtorità applikanti, l-awtorità mitluba għandha tipprovdiha b’kull informazzjoni rilevanti li tista’ tippermettilha tiżgura li l-leġiżlazzjoni doganali tal-Parti Kontraenti ta’ l-awtorità applikanti tkun applikata korrettament, inkluża informazzjoni li għandha x’taqsam ma’ attivitajiet issuspettati jew ippjanati li huma jew jistgħu jkunu operazzjonijiet li jiksru tali leġiżlazzjoni doganali.

B’mod partikolari, meta mitluba, l-awtorità mitluba għandha tforni informazzjoni lill-awtorità applikanti dwar l-attivitajiet li jistgħu jirriżultaw f’operazzjonijiet li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali tal-Parti Kontraenti ta’ l-awtorità applikanti, pereżempju, dikjarazzjonijiet doganali u ċertifikati ta’ oriġini mhux korretti, irċevuti, jew dokumenti oħra magħrufa li huma, jew issuspettati li huma, inkorretti jew iffalsifikati.

2.   Fuq it-talba ta’ l-awtorità applikanti, l-awtorità mitluba għandha tinfurmaha jekk:

(a)

oġġetti esportati mit-territorju ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti jkunu ġew importati kif suppost fil-Parti l-oħra, u tispeċifika fejn xieraq, il-proċedura doganali applikata għall-oġġetti; u

(b)

oġġetti importati mit-territorju ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti jkunu ġew esportati kif suppost fil-Parti l-oħra, u tispeċifika fejn xieraq, il-proċedura doganali applikata għall-oġġetti;

3.   Fuq it-talba ta’ l-awtorità applikanti, l-awtorità mitluba għandha, fi ħdan il-qafas tal-liġijiet u r-regolamenti tal-Parti Kontraenti ta’ l-awtorità mitluba, tipprovdi informazzjoni u teżerċita sorveljanza speċjali ta’:

(a)

persuni li dwarhom hemm bażi raġjonevoli biex wieħed jemmen li huma involuti jew kienu involuti f’operazzjonijiet li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali tal-Parti Kontraenti ta’ l-awtorità applikanti;

(b)

postijiet fejn ħażniet ta’ oġġetti kienu jew jistgħu jiġu maħżuna jew assemblati b’tali mod li jkun hemm bażi raġjonevoli biex wieħed jemmen li dawn l-oġġetti huma intiżi biex jintużaw f’operazzjonijiet li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali tal-Parti Kontraenti ta’ l-awtorità applikanti;

(ċ)

oġġetti li huma jew li jistgħu jiġu ttrasportati b’tali mod li jkun hemm bażi raġjonevoli biex wieħed jemmen li dawn l-oġġetti huma intiżi biex jintużaw f’operazzjonijiet li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali tal-Parti Kontraenti ta’ l-awtorità applikanti; u

(d)

mezzi ta’ trasport li jintużaw jew jistgħu jintużaw b’tali mod li jkun hemm bażi raġjonevoli biex wieħed jemmen li huma intiżi biex jintużaw f’operazzjonijiet li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali tal-Parti Kontraenti ta’ l-awtorità applikanti.

Artikolu 11

Għajnuna spontanja

Il-Partijiet Kontraenti għandhom jgħinu lil xulxin, fuq inizjattiva tagħhom stess u f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti ta’ kull Parti Kontraenti jekk dan jikkunsidrawh meħtieġ għall-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni doganali, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet li jistgħu jinvolvu ħsara konsiderevoli għall-ekonomija, is-saħħa pubblika, is-sigurtà pubblika, jew interessi vitali simili tal-Parti Kontraenti l-oħra, partikolarment billi jipprovdu informazzjoni misjuba li għandha x’taqsam ma’:

(a)

attivitajiet li huma jew jidhru li huma attivitajiet li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali u li jistgħu jkunu ta’ interess għall-Parti Kontraenti l-oħra;

(b)

mezzi jew metodi ġodda użati fit-twettiq ta’ attivitajiet li jiksru l-liġijiet doganali;

(ċ)

oġġetti magħrufa li huma suġġetti għal operazzjonijiet li jiksru l-liġijiet doganali;

(d)

persuni li dwarhom hemm bażi raġjonevoli biex wieħed jemmen li huma involuti jew kienu involuti f’operazzjonijiet li jiksru l-liġijiet doganali; u

(e)

mezzi ta’ trasport li dwarhom hemm bażi raġjonevoli biex wieħed jemmen li huma, kienu jew jistgħu jkunu involuti f’operazzjonijiet li jiksru l-liġijiet doganali.

Artikolu 12

Forma u sustanza tat-talbiet għall-għajnuna

1.   Talbiet skond dan il-Ftehim għandhom isiru bil-miktub. It-talbiet għandhom ikunu akkumpanjati mid-dokumenti meħtieġa sabiex jippermettu l-konformità mat-talba. Meta l-urġenza tas-sitwazzjoni titlob hekk, jistgħu jiġu aċċettati talbiet orali, iżda dawn iridu jiġu kkonfermati bil-miktub minnufih.

2.   Talbiet skond il-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-awtorità applikanti;

(b)

l-azzjoni mitluba;

(ċ)

l-iskop u r-raġuni għat-talba;

(d)

indikazzjonijiet kemm jista’ jkun preċiżi u komprensivi dwar il-persuni li jkunu l-mira ta’ l-investigazzjonijiet;

(e)

sommarju tal-fatti rilevanti u tal-mistoqsijiet li jkunu diġà saru; u

(f)

elementi legali involuti.

3.   It-talbiet għandhom ikunu sottomessi b’lingwa aċċettabbli kemm mill-awtorità mitluba kif ukoll mill-awtorità applikanti. Dan ir-rekwiżit jista’ japplika wkoll, safejn huwa meħtieġ, għal kull dokument li jakkumpanja t-talba taħt paragrafu 1.

4.   Jekk talba ma tissodisfax ir-rekwiżit formali stipulat hawn fuq, il-korrezzjoni jew it-tlestija sħiħa tagħha tista’ tintalab; sadanittant miżuri ta’ prekawzjoni jistgħu jittieħdu mill-awtorità mitluba.

Artikolu 13

Twettiq tat-talbiet

1.   Sabiex tkun konformi ma’ talba għall-għajnuna, l-awtorità mitluba għandha, fi ħdan il-limiti tal-kompetenza u tar-riżorsi disponibbli tagħha, tieħu l-miżuri raġjonevoli kollha billi tforni l-informazzjoni li diġà tkun fil-pussess tagħha, billi tagħmel stħarriġiet xierqa jew billi twettaq l-arranġamenti għalihom biex dawn ikunu jistgħu jseħħu.

2.   Talbiet għall-għajnuna għandhom jitwettqu skond il-liġijiet u r-regolamenti tal-Parti Kontraenti ta’ l-awtorità mitluba.

3.   Uffiċjali awtorizzati kif xieraq mill-awtorità applikanti, bi ftehim ma’ l-awtorità mitluba u suġġetti għall-kundizzjonijiet stipulati minn din ta’ l-aħħar, jistgħu jkunu preżenti biex jiksbu fl-uffiċċji ta’ l-awtorità mitluba, informazzjoni relatata ma’ attivitajiet li huma jew jistgħu jkunu operazzjonijiet li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali li l-awtorità applikanti teħtieġ għall-iskop ta’ dan il-Ftehim.

4.   Uffiċjali awtorizzati kif xieraq mill-awtorità applikanti, bi ftehim ma’ l-awtorità mitluba u konformi mal-kundizzjonijiet stipulati minn din ta’ l-aħħar, f’każijiet speċifiċi jistgħu jkunu preżenti għall-istħarriġiet mwettqa fil-ġurisdizzjoni ta’ l-awtorità mitluba.

5.   Fl-eventwalità li t-talba ma tistax tintlaqa’, l-awtorità appplikanti għandha tkun innotifikata immedjatament b’dan il-fatt permezz ta’ stqarrija li jkun fiha r-raġunijiet. L-istqarrija tista’ tkun akkumpanjata bl-informazzjoni rilevanti li l-awtorità mitluba tikkunsidra li tista’ tkun ta’ għajnuna għall-awtorità applikanti.

6.   L-awtorità mitluba fuq talba ta’ l-awtorità applikanti u meta jidhrilha xieraq, għandha tavża lill-awtorità applikanti bil-ħin u l-post ta’ l-azzjoni li se tieħu bħala rispons għat-talba għall-għajnuna, sabiex tali azzjoni tkun tista’ tiġi kkoordinata.

Artikolu 14

Mod li bih l-informazzjoni għandha tiġi kkomunikata

1.   L-awtorità mitluba għandha tikkomunika r-riżultati ta’ l-istħarriġiet lill-awtorità applikanti bil-miktub flimkien mad-dokumenti rilevanti jew materjal ieħor.

2.   Din l-informazzjoni tista’ tkun f’forma kompjuterizzata.

Artikolu 15

Derogi mill-obbligu li tipprovdi għajnuna

1.   Għajnuna tista’ tiġi rrifjutata jew miżmuma, jew tingħata suġġetta għas-sodisfazzjon ta’ ċerti kundizzjonijiet jew rekwiżiti, f’każijiet fejn il-Parti Kontraenti ta’ l-awtorità mitluba hija ta’ l-opinjoni li l-għajnuna taħt dan il-Ftehim tikser is-sovranità ta’ Stat Membru tal-Komunità jew tal-Ġappun, fuq it-territorju, il-politika pubblika, jew interess essenzjali ieħor bħal dak imsemmi f’ paragrafu 2 ta’ l-Artikolu 16.

B’mod partikolari, kull Parti Kontraenti tista’ tillimita l-informazzjoni li tikkomunika lill-Parti Kontraenti l-oħra meta l-Parti Kontraenti msemmija l-aħħar ma tkunx fil-qagħda li tagħti l-assigurazzjoni mitluba mill-Parti Kontraenti msemmija l-ewwel, fir-rigward tal-kunfidenzjalità jew l-limitazzjonijiet ta’ l-iskopijiet li għalihom tkun se tintuża l-informazzjoni.

2.   L-għajnuna tista’ tinżamm mill-awtorità mitluba fuq il-bażi li toħloq interferenza ma’ l-investigazzjoni li tkun għaddejja, inkluża l-investigazzjoni mill-aġenziji rilevanti ta’ l-infurzar tal-liġi, proċedimenti ta’ prosekuzzjoni jew ġudizzjarji u amministrattivi. F’każ ta’ dan it-tip, l-awtorità mitluba għandha tikkonsulta ma’ l-awtorità applikanti sabiex tiddetermina jekk l-għajnuna tistax tingħata suġġetta għal tali termini jew kundizzjonijiet kif l-awtorità mitluba tista’ teħtieġ.

3.   Meta l-awtorità applikanti titlob għajnuna li hi nnifisha ma tkunx tista’ tipprovdi jekk mitluba tagħmel hekk, din għandha tiġbed l-attenzjoni għal dan il-fatt fit-talba tagħha. Imbagħad id-deċiżjoni biex tiddeċiedi kif tirrispondi għal talba simili għandha titħalla f’idejn l-awtorità mitluba.

4.   Għall-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, id-deċiżjoni ta’ l-awtorità mitluba u r-raġunijiet tagħha jridu jiġu kkomunikati lill-awtorità applikanti mingħajr dewmien żejjed.

Artikolu 16

Skambju ta’ informazzjoni u kunfidenzjalità

1.   Kull informazzjoni kkomunikata fi kwalunkwe forma skond dan il-Ftehim għandha tiġi ttrattata bħala ta’ natura kunfidenzjali, li tiddependi fuq il-liġijiet u r-regolamenti ta’ kull Parti Kontraenti u għandha tgawdi mill-ħarsien estiż għal tagħrif simili taħt il-liġijiet u r-regolamenti rilevanti tal-Parti Kontraenti ta’ l-awtorità doganali li tkun irċevietu u d-dispożizzjonijiet korrispondenti li japplikaw għall-awtoritajiet tal-Komunità, sakemm il-Parti Kontraenti li tipprovdi t-tagħrif tagħti kunsens qabel ma’ joħroġ tali tagħrif.

2.   Jista’ jsir skambju ta’ tagħrif personali biss meta l-Parti Kontraenti li tista’ tirċievi dan it-tagħrif timpenja ruħha li tħares tali tagħrif għall-inqas bl-istess mod ta’ dak applikabbli għal dak il-każ partikolari fil-Parti Kontraenti li tista’ tfornih. Il-Parti Kontraenti li tista’ tforni t-tagħrif ma għandha tistipula ebda rekwiżiti li huma aktar onerużi minn dawk applikabbli għaliha fil-ġurisdizzjoni tagħha stess.

Il-Partijiet Kontraneti għandhom jikkomunikaw lil xulxin it-tagħrif dwar il-liġijiet u r-regolamenti ta’ kull Parti Kontraenti, inkluż fejn xieraq, dawk fl-Istati Membri tal-Komunità.

3.   It-tagħrif miksub għandu jintuża biss għall-iskopijiet ta’ dan il-Ftehim. Meta waħda mill-Partijiet Kontraenti tixtieq tuża tali tagħrif għal skopijiet oħra, għandha tikseb kunsens minn qabel bil-miktub ta’ l-awtorità doganali li pprovdiet it-tagħrif. Tali użu għandu mbagħad ikun suġġett għal kwalunkwe restrizzjoni stipulata minn dik l-awtorità.

4.   Paragrafu 3 ma jwaqqafx l-użu ta’ informazzjoni miksuba b’konformità ma’ dan il-Ftehim, bħala evidenza fi proċedimenti amministrattivi istitwiti sussegwentement fir-rigward ta’ operazzjonijiet li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali. Għalhekk, il-Partijiet Kontraenti, fir-reġistri tagħhom ta’ evidenza, rapporti u xhieda u fil-proċedimenti amministrattivi, jistgħu jużaw bħala evidenza t-tagħrif miksub b’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. L-awtorità doganali li forniet dan it-tagħrif se tkun innotifikata b’tali użu.

5.   Minkejja Paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, sakemm mhux innotifikat mod ieħor mill-awtorità doganali li tipprovdi t-tagħrif, l-awtorità doganali li tirċievi t-tagħrif tista’ tipprovdi t-tagħrif miksub lill-aġenziji ta’ infurzar tal-liġi rilevanti tal-Parti Kontraenti tagħha skond dan il-Ftehim. Dawn l-aġenziji jistgħu jużaw dan it-tagħrif biss għall-applikazzjoni korretta ta’ leġiżlazzjoni doganali u għandha tkun suġġetta għall-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 16 u 17 ta’ dan il-Ftehim.

6.   Dan l-Artikolu ma jwaqqafx l-użu jew ir-rilaxx ta’ tagħrif sa-punt li jkun hemm obbligu biex dan isir taħt il-liġijiet u r-regolamenti tal-Parti Kontraenti ta’ l-awtorità doganali li rċevietha. Tali awtorità doganali għandha, kull meta possibbli, tavża bil-quddiem bi kwalunkwe rilaxx ta’ tagħrif lill-awtorità doganali li pprovdiet it-tagħrif.

Kull meta xieraq il-Parti Kontraenti li tirċievi t-tagħrif għandha, sakemm mhux miftiehem mod ieħor mill-Parti Kontraenti li pprovdiet t-tagħrif, tuża l-miżuri kollha taħt il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli tal-Parti Kontraenti preċedenti biex tassigura l-kunfidenzjalità tat-tagħrif u biex tħares d-data personali fir-rigward ta’ applikazzjonijiet minn parti terza jew minn awtoritajiet oħra biex jiġi rilaxxat it-tagħrif kkonċernat.

Artikolu 17

Proċeduri kriminali

Informazzjoni pprovduta mill-awtorità doganali ta’ Parti Kontraenti lil-awtorità doganali tal-Parti Kontraenti l-oħra skond dan il-Ftehim ma għandhiex tintuża mill-Parti Kontraenti msemmija l-aħħar, fi proċeduri kriminali mwettqa minn qorti jew imħallef.

Artikolu 18

Spejjeż marbuta ma’ l-Għajnuna

1.   Spejjeż imġarrba fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jaqgħu fuq il-Partijiet Kontraenti rispettivi.

2.   Jekk matul it-twettiq ta’ talba jidher ċar li l-finalizzazzjoni ta’ twettiq ta’ talba se twassal għal spejjeż ta’ natura straordinarja, l-awtoritajiet doganali għandhom jikkonsultaw biex jiddeterminaw it-termini u l-kundizzjonijiet li taħthom it-twettiq jista’ jitkompla.

TITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 19

L-intestaturi

L-intestaturi tat-Titli u ta’ l-Artikoli ta’ dan il-Ftehim huma mdaħħla biss għall-konvenjenza ta’ referenza u ma għandhomx jaffettwaw l-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 20

Il-Konsultazzjoni

Kull kwistjoni jew tilwima li għandha x’taqsam ma’ l-interpretazzjoni jew l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tiġi solvuta b’konsultazzjoni reċiproka bejn il-Partijiet Kontraenti.

Artikolu 21

Il-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni Doganali

1.   Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni Doganali huwa hawnhekk stabbilit, u jikkonsisti f’uffiċjali mill-Ministeru tal-Finanzi u l-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin tal-Ġappun u minn uffiċjali tal-Komunità Ewropea responsabbli għall-kwistjonijiet doganali. Uffiċjali oħra ta’ kull Parti Kontraenti bl-għarfien espert meħtieġ rilevanti għall-kwistjonijiet li se jiġu diskussi jistgħu jiġu inklużi fuq bażi ad hoc. Il-Kumitat se jiltaqa’, f’data u b’aġenda stabbilita b’kunsens reċiproku.

2.   Il-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni Doganali inter alia se:

(a)

jara li l-Ftehim jitħaddem kif suppost;

(b)

jieħu l-miżuri meħtieġa għall-kooperazzjoni doganali f’konformità ma’ l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim;

(ċ)

jwettaq skambju ta’ opinjonijiet dwar kull punt ta’ interess komuni li għandu x’jaqsam mal-kooperazzjoni doganali, li jinkludi miżuri fil-ġejjieni u r-riżorsi għalihom;

(d)

jirrakkomanda soluzzjonijiet immirati li jiksbu l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim; u

(e)

jadotta r-regoli ta’ proċedura interni tiegħu.

Artikolu 22

Dħul fis-seħħ u perjodu ta’ validità

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara l-jum li fih il-Partijiet Kontraenti jinnotifikaw lil xulxin it-tmiem tal-proċeduri meħtieġa għal dan l-iskop permezz ta’ skambju ta’ noti diplomatiċi bejniethom.

2.   Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat b’kunsens reċiproku tal-Partijiet Kontraenti permezz ta’ skambju ta’ noti diplomatiċi bejniethom. L-emendi se jidħlu fis-seħħ fi ħdan l-istess kundizzjonijiet kif imsemmi fil-paragrafu 1, sakemm mhux miftiehem mod ieħor mill-Partijiet Kontraenti.

3.   Kull Parti Kontraenti tista’ tittermina dan il-Ftehim billi tagħti avviż lill-Parti l-oħra bil-miktub. It-terminazzjoni għandha sseħħ tliet xhur mid-data tan-notifika lill-Parti Kontraenti l-oħra. Talbiet għall-għajnuna li jkunu waslu qabel it-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu pproċessati f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 23

Testijiet Awtentiċi

Dan il-Ftehim għandu jitfassal f’żewġ kopji bil-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol, l-Iżvediż, it-Taljan, l-Ungeriż u l-Ġappuniż, b’kull test ikun ugwalment awtentiku. F’każ ta’ diverġenza ta’ interpretazzjoni, it-test Ingliż u Ġappuniż għandhom jipprevalu fuq il-lingwi l-oħra.

B’xhieda ta’ dan, is-sottoskritti, debitament awtorizzati biex jagħmlu dan, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul fi Brussell, fit-tletin jum ta’ Jannar 2008.

Għall-Komunità Ewropea

Image

Image

Għall-Gvern tal-Ġappun

Image