8.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 323/23


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-5 ta’ Ġunju 2007

dwar l-iffirmar ta’ Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tat-Turkija dwar il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tat-Turkija fil-ħidma taċ-Ċentru Ewropew ta’ Monitoraġġ dwar id-Drogi u d-Dipendenza fuq id-Drogi

(2007/800/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 152 flimkien ma’ l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300 (2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 302/93 tat-8 ta’ Frar 1993 dwar l-istabbiliment ta’ Ċentru Ewropew ta’ Monitoraġġ dwar id-Drogi u d-Dipendenza fuq id-Drogi (1), jipprovdi, fl-Artikolu 13 tiegħu, li ċ-Ċentru għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi li mhumiex fil-Komunità li jikkondividu l-interessi tal-Komunità u dawk ta’ l-Istati Membri tagħha fl-objettivi u l-ħidma taċ-Ċentru.

(2)

Il-Kummissjoni nnegozjat f’isem il-Komunità ftehim mar-Repubblika tat-Turkija dwar il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tat-Turkija fil-ħidma taċ-Ċentru Ewropew ta’ Monitoraġġ dwar id-Drogi u d-Dipendenza fuq id-Drogi.

(3)

Soġġett għall-konklużjoni tiegħu, il-Ftehim għandu jiġi ffirmat f'isem il-Komunità,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tat-Turkija dwar il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tat-Turkija fil-ħidma taċ-Ċentru Ewropew ta’ Monitoraġġ dwar id-Drogi u d-Dipendenza fuq id-Drogi huwa b’ dan approvat f' isem il-Komunità, soġġett għad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tiegħu.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat biex jinnomina l-persuna(i) mogħtija s-setgħa li jiffirma(w) il-Ftehim, f'isem il-Komunità Ewropea, soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

Magħmula fil-Lussemburgu, 5 ta’ Ġunju 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

P. STEINBRÜCK


(1)  ĠU L 36, 12.2.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1651/2003 (ĠU L 245, 29.9.2003, p. 30).


FTEHIM

bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tat-Turkija dwar il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tat-Turkija fil-ħidma taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga

Il-KOMUNITÀ EWROPEA minn hawn ’il quddiem “il-Komunità”,

minn naħa waħda, u

Ir-REPUBBLIKA TAT-TURKIJA, minn hawn ’il quddiem “it-Turkija”,

min-naħa l-oħra,

Minn hawn 'il quddiem “il-Partijiet Kontraenti”,

FILWAQT li jfakkru li l-Kunsill Ewropew tal-Lussemburgu fl-1997 għamel il-parteċipazzjoni fil-programmi u l-aġenziji tal-Komunità mod kif tiġi intensifikata l-istrateġija ta’ qabel l-adeżjoni.

FILWAQT li jikkunsidraw li l-Komunità Ewropea permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 302/93 (1) (“ir-Regolament”), stabbilixxa ċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (“iċ-Ċentru”),

BILLI r-Regolament jistipula fl-Artikolu 13 tiegħu li ċ-Ċentru għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta’ dawk il-Pajjiżi li mhumiex parti mill-Komunità u li jikkondividu l-interessi tal-Komunità u dawk ta' l-Istati Membri tagħha,

BILLI t-Turkija tikkondividi l-għanijiet u l-miri stabbiliti għaċ-Ċentru fir-Regolament għaliex l-għan aħħari tat-Turkija huwa li ssir membru ta’ l-Unjoni Ewropea,

BILLI t-Turkija taqbel mad-deskrizzjoni tad-dmirijiet taċ-Ċentru u mal-metodu ta' ħidma tiegħu u l-oqsma ta' prijorità kif deskritti fir-Regolament,

BILLI hemm fit-Turkija istituzzjoni adattata sabiex tiġi inkluża fin-Netwerk Ewropew ta’ Informazzjoni dwar id-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Parteċipazzjoni

It-Turkija għandha tipparteċipa b’mod sħiħ fil-ħidma taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (“iċ-Ċentru”), skond it-termini stabbiliti f’dan il-Ftehim.

Artikolu 2

Netwerk Ewropew ta’ Informazzjoni dwar id-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga

1.   It-Turkija għandha tkun inkluża fin-Netwerk Ewropew ta’ Informazzjoni dwar id-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (“REITOX”).

2.   It-Turkija għandha tinnotifika liċ-Ċentru dwar l-elementi prinċipali tan-netwerk nazzjonali ta’ informazzjoni fi żmien 28 ġurnata mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, inkluż iċ-ċentru nazzjonali tagħha ta' monitoraġġ, u ssemmi kull ċentru speċjalizzat ieħor li jista' jagħti kontribut utli għall-ħidma taċ-Ċentru.

Artikolu 3

Bord tat-Tmexxija

Il-Bord tat-Tmexxija taċ-Ċentru għandu jistieden rappreżentant tat-Turkija sabiex jipparteċipa fil-laqgħat tiegħu. Dan ir-rappreżentant għandu jipparteċipa b’mod sħiħ mingħajr id-dritt tal-vot. Il-Bord tat-Tmexxija jista’ bħala eċċezzjoni jsejjaħ laqgħa ristretta għar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea dwar kwistjonijiet ta’ interess partikolari għall-Komunità u l-Istati Membri tagħha.

Il-Bord tat-Tmexxija, f'laqgħa li tinkludi r-rappreżentanti tat-Turkija għandu jistabbilixxi l-arranġamenti dettaljati dwar il-parteċipazzjoni tat-Turkija fil-ħidma taċ-Ċentru.

Artikolu 4

Baġit

It-Turkija għandha tikkontribwixxi finanzjarjament għall-attivitajiet taċ-Ċentru f’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I għal dan il-Ftehim, li għandu jifforma parti integrali minnu.

Artikolu 5

Protezzjoni u Kunfidenzjalità tad-Dejta

1.   Fejn, fuq il-bażi ta’ dan il-Ftehim, dejta personali li ma tippermettix li jkunu identifikati persuni naturali hija trasferita miċ-Ċentru lill-awtoritajiet Torok f'konformità mal-liġi tal-Komunità u t-Turkija, din id-dejta tista' tintuża biss għall-iskop dikjarat u taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-awtorità li tittrasferixxi d-dejta.

2.   Id-dejta dwar id-droga u d-dipendenza fuq id-droga pprovduta lill-awtoritajiet Torok miċ-Ċentru tista’ tkun ippubblikata dement li jiġu rispettati r-regoli tal-Komunità u tat-Turkija dwar id-disseminazzjoni u l-kunfidenzjalità ta’ l-informazzjoni. Dejta personali ma tistax tiġi ppubblikata jew jingħata aċċess għaliha lill-pubbliku.

3.   Ċentri speċjalizzati magħżula fit-Turkija m’għandhom ikunu taħt l-ebda obbligu li jipprovdu informazzjoni klassifikata bħala kunfidenzjali taħt il-liġi Torka.

4.   Fir-rigward ta’ dejta pprovduta mill-awtoritajiet Torok liċ-Ċentru, dan ta’ l-aħħar huwa marbut mir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 6 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 6

Status Legali

Iċ-Ċentru għandu jkollu l-personalità legali tiegħu taħt il-liġi Torka u għandu jgawdi fit-Turkija l-akbar kapaċita legali mogħtija lil persuni legali taħt il-liġi Torka.

Artikolu 7

Responsabbiltà

Ir-responsabbiltà taċ-Ċentru għandha tkun iggvernata mir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 16 tar-Regolament.

Artikolu 8

Privileġġi

It-Turkija għandha tapplika għaċ-Ċentru l-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, li, bħala l-Anness II ta’ dan il-Ftehim, għandu jifforma parti integrali minnu.

Artikolu 9

Regolamenti ta’ l-Istaff

B'deroga mill-Artikolu 12(2)(a) tal-Kundizzjonijiet ta' l-impjieg ta' l-impjegati l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej, persuni ta' nazzjonalità Torka li jgawdu d-drittijiet kollha tagħhom ta' ċittadini jistgħu jkunu impjegati b'kuntratt mid-Direttur Eżekuttiv taċ-Ċentru.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Il-Partijiet Kontraenti għandhom japprovaw dan il-Ftehim skond il-proċeduri tagħhom.

Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara d-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri msemmija fl-ewwel sub-paragrafu.

Artikolu 11

Validità u Terminazzjoni

1.   Dan il-Ftehim huwa konkluż għal perjodu mhux limitat. Għandu jiskadi meta t-Turkija taderixxi ma’ l-Unjoni Ewropea.

2.   Kull waħda miż-żewġ Partijiet Kontraenti tista’ tiddenunċja dan il-Ftehim b’notifika bil-miktub lill-Parti Kontraenti l-oħra. Dan il-Ftehim ma jibqax fis-seħħ sitt xhur wara d-data ta' din in-notifika.

Съставено в Брюксел на тридесети октомври две хиляди и седма година.

Hecho en Bruselas, el treinta de octubre de dos mil siete.

V Bruselu dne třicátého října dva tisíce sedm.

Udfærdiget i Bruxelles, den tredivte oktober to tusind og syv.

Geschehen zu Brüssel am dreißigsten Oktober zweitausendsieben.

Kahe tuhande seitsmenda aasta oktoobrikuu kolmekümnendal päeval Brüsselis.

Έγινε στις Βρυξέλλες, στις τριάντα Οκτωβρίου δύο χιλιάδες επτά.

Done at Brussels on the thiertieth day of October in the year two thousand and seven.

Fait à Bruxelles, le trente octobre deux mille sept.

Fatto a Bruxelles, addì trenta ottobre duemilasette.

Briselē, divtūkstoš septītā gada trīsdesmitajā oktobrī.

Priimta du tūkstančiai septintųjų metų spalio trisdešimtą dieną Briuselyje.

Kelt Brüsszelben, a kétezer-hetedik év október harmincadik napján.

Magħmul fi Brussell, fit-tletin-il jum ta' Ottubru tas-sena elfejn u sebgħa.

Gedaan te Brussel, de dertigste oktober tweeduizend zeven.

Sporządzono w Brukseli, dnia trzydziestego października roku dwa tysiące siódmego.

Feito em Bruxelas, em trinta de Outubro de dois mil e sete.

Încħeiat la Bruxelles, treizeci octombrie două mii șapte.

V Bruseli dna tridsiateho októbra dvetisícsedem.

V Bruslju, dne tridesetega oktobra leta dva tisoč sedem.

Tehty Brysselissä kolmantenakymmenentenä päivänä lokakuuta vuonna kaksituhattaseitsemän.

Som skedde i Bryssel den trettionde oktober tjugohundrasju.

Brüksel'de, otuz Ekim ikibinyedi gününde yapilmiștir.

За Европейската общност

Por la Comunidad Europea

Za Evropské společenství

For Det Europæiske Fællesskab

Für die Europäische Gemeinschaft

Euroopa Ühenduse nimel

Για την Ευρωπαϊκή Κοινότητα

For the European Community

Pour la Communauté européenne

Per la Comunità europea

Eiropas Kopienas vārdā

Europos bendrijos vardu

az Európai Közösség részéről

Għall-Komunità Ewropea

Voor de Europese Gemeenschap

W imieniu Wspólnoty Europejskiej

Pela Comunidade Europeia

Pentru Comunitatea Europeană

Za Európske spoločenstvo

Za Evropsko skupnost

Euroopan yhteisön puolesta

På Europeiska gemenskapens vägnar

Avrupa Topluluğu adina

Image

За Република Турция

Por la Republica de Turquia

Za Tureckou republiku

For Republikken Tyrkiet

Für die Republik Türkei

Türgi Vabariigi nimel

Για την Τουρκική Δημοκρατία

For the Republic of Turkey

Pour la République de Turquie

Per la Repubblica di Turchia

Turcijas Republikas vārdā

Turkijos Respublikos vardu

A Torök Köztársaság részéről

Għar-Repubblika tat-Turkija

Voor de Republiek Turkije

W imieniu Republiki Turcji

Pela República da Turquia

Pentru Republica Turcia

Za Tureckú republiku

Za Republiko Turčijo

Turkin tasavallan puolesta

För Republiken Turkiet

Türkiye Cumhuriyeti adina

Image


(1)  ĠU L 36, 12.2.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1651/2003 (ĠU L 245, 29.09.2003, p.30).

ANNESS I

KONTRIBUZZJONI FINANZJARJA TAT-TURKIJA GĦAĊ-ĊENTRU EWROPEW GĦALL-MONITORAĠĠ TAD-DROGA U D-DIPENDENZA FUQ ID-DROGA

1.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja li għandha titħallas mit-Turkija għall-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea sabiex tipparteċipa fiċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (“iċ-Ċentru”) se tiżdied progressivament fuq perjodu ta’ erba’ snin li matulu l-attivitajiet ikunu introdotti gradwalment mit-Turkija. Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji meħtieġa huma:

matul l-ewwel sena tal-parteċipazzjoni

EUR 100 000

matul it-tieni sena tal-parteċipazzjoni

EUR 150 000

matul it-tielet sena tal-parteċipazzjoni

EUR 210 000

matul ir-raba’ sena tal-parteċipazzjoni

EUR 271 000

Mill-ħames sena tal-parteċipazzjoni, il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali li għandha titħallas mit-Turkija liċ-Ċentru għandha tkun il-kontribuzzjoni tar-raba’ sena tal-parteċipazzjoni indiċjata bir-rata ta’ żieda tas-sussidju tal-Komunità għaċ-Ċentru.

2.

It-Turkija tista’ parzjalment tuża għajnuna tal-Komunità sabiex tħallas il-kontribuzzjoni liċ-Ċentru b’kontribut massimu tal-Komunità ta’ 75 % fl-ewwel sena, 60 % fit-tieni sena u 50 % wara dan. Suġġetti għal proċedura separata ta’ programmar, il-fondi tal-Komunità mitluba għandhom ikunu trasferiti lit-Turkija permezz ta’ memorandum separat ta’ finanzjament. Il-parti li tibqa’ mill-kontribuzzjoni għandha tkun koperta mit-Turkija.

3.

Il-kontribuzzjoni tat-Turkija għandha tkun amministrata skond ir-regolament finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Spejjeż ta’ l-ivjaġġar u ta’ l-għajxien tar-rappreżentanti u l-esperti tat-Turkija għall-iskopijiet tal-parteċipazzjoni fl-attivitajiet taċ-Ċentru jew laqgħat relatati ma’ l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma taċ-Ċentru għandhom ikunu rimbursati miċ-Ċentru fuq l-istess bażi bħall-proċeduri li huma bħalissa fis-seħħ għall-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea u f’konformità magħhom.

4.

Għall-ewwel sena kalendarja tal-parteċipazzjoni tagħha, it-Turkija se tħallas kontribuzzjoni kkalkulata mid-data tal-parteċipazzjoni sa l-aħħar tas-sena fuq bażi pro-rata. Għas-snin ta’ wara, il-kontribuzzjoni tkun skond dan il-Ftehim.

ANNESS II

PROTOKOLL DWAR IL-PRIVILEĠĠI U L-IMMUNITAJIET TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

IL-PARTIJIET GĦOLJA KONTRAENTI

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li, f’konformità ma’ l-Artikolu 28 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Kunsill Uniku u l-Kummissjoni Unika tal-Komunitajiet Ewropej, dawn il-Komunitajiet u l-Bank Ewropew għall-Investiment għandhom igawdu fit-territorji ta’ l-Istati Membri dawk il-privileġġi u immunitajiet li huma neċessarji għat-twettiq tal-ħidmiet tagħhom,

QABLU fuq id-dispożizzjonijiet li ġejjin, li għandhom ikunu annessi ma’ dan it-Trattat.

KAPITOLU I

PROPRJETÀ, FONDI, ASSI U OPERAZZJONIJIET TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Artikolu 1

L-istabbilimenti u l-bini tal-Komunitajiet għandhom ikunu invjolabbli. Ma jistgħux ikunu sottomessi għal tfittxija, rekwisizzjoni, konfiska jew esproprjazzjoni. Il-proprjetà u l-assi tal-Komunitajiet m'għandhomx ikunu suġġetti għal xi miżura amministrattiva jew legali li jirrestrinġu mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Artikolu 2

L-arkivji ta’ l-Unjoni għandhom ikunu invjolabbli.

Artikolu 3

Il-Komunitajiet, l-assi, d-dħul u proprjetà oħra tagħhom għandhom ikunu eżenti mit-taxxi diretti kollha.

Il-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri għandhom, fejn hu possibbli, jieħdu l-miżuri xierqa biex jittrasferixxu jew jirrimborsaw l-ammont ta’ taxxa indiretta jew taxxa fuq il-bejgħ inkluża fil-prezz ta’ proprjetà mobbli jew immobbli, meta l-Komunitajiet jagħmlu, għall-użu uffiċjali tagħhom, xiri sostanzjali ta’ oġġetti li l-prezz tagħhom jkun jinkludi taxxi ta’ din ix-xorta. B'danakollu dawn id-disposizzjonijiet m'għandhomx jiġu applikati b’tali mod li jkollhom l-effett li jikkaġunaw distorsjoni tal-kompetizzjoni fil-Komunitajiet.

L-ebda eżenzjoni ma għandha tingħata fir-rigward ta’ taxxi u pagamenti oħra li jammontaw sempliċiment bħala ħlas biss għal servizzi pubbliċi.

Artikolu 4

Il-Komunitajiet għandhom ikunu eżenti minn kull dazju doganali, projbizzjoni jew restrizzjoni fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni fir-rigward ta’ oġġetti li jkunu maħsuba għall-użu uffiċjali tagħhom. Oġġetti li jkunu ġew importati b'dan il-mod ma jistgħux jiġu trasferiti, kemm jekk għal ħlas u anki jekk le, fit-territorju ta’ l-Istat fejn ikunu ġew importati, ħlief taħt kondizzjonijiet li jkunu approvati mill-gvern ta’ dak l-Istat.

Il-Komnitajiet għandhom wkoll ikunu eżenti minn kull dazju doganali u kull projbizzjoni u restrizzjoni fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni fir-rigward tal-pubblikazzjonijiet tagħhom.

Artikolu 5

Il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar tista’ iżżomm valuti ta’ kull tip u topera kontijiet f'kull valuta.

KAPITOLU II

KOMUNIKAZZJONIJIET U LAISSEZ-PASSER

Artikolu 6

Għall-komunikazzjonijiet u t-trasmissjoni uffiċjali tad-dokumenti tagħhom kollha, l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet għandhom igawdu fit-territorju ta’ kull Stat Membru t-trattament mogħti minn dak l-Istat lill-missjonijiet diplomatiċi.

Il-korrispondenza uffiċjali u komunikazzjonijiet uffiċjali oħra ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet ma għandhomx ikunu sottomessi għal ċensura.

Artikolu 7

1.   Laissez-passer f'forma li għandha tiġi preskritta mill-Kunsill u li għandhom ikunu rikonoxxuti bħala dokumenti ta’ l-ivvjaġġar validi mill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri, jistgħu jinħarġu lill-membri u l-impjegati ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni mill-Presidenti ta’ dawn l-istituzzjonijiet. Dawn il-laissez-passer għandhom jinħarġu lil uffiċjali u impjegati oħra taħt kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti ta’ l-Istaff għall-Uffiċjali u l Kundizzjonijiet ta’ l-Impjieg applikabbli għall-Agenti l-oħra tal-Komunitajiet

Il-Kummissjoni tista' tikkonkludi ftehim sabiex dawn il-laissez-passer ikunu rikonoxxuti bħala dokumenti ta’ l-ivvjaġġar validi fit-territorju ta’ Stati terzi.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6 tal-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar għandhom, madankollu, jibqgħu applikabbli għall-membri u l-impjegati ta’ l-istituzzjonijiet li huma fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan it-Trattat fil-pussess tal-laissez passer li jipprovdi għalih dak l-Artikolu, sakemm id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkunu applikati.

KAPITOLU III

MEMBRI TAL-PARLAMENT EWROPEW

Artikolu 8

L-ebda restrizzjoni amministrattiva jew ta’ natura oħra ma għandha tiġi imposta fuq il-moviment liberu tal-membri tal-Parlament Ewropew li jivvjaġġaw lejn jew mill-post fejn jiltaqa' l-Parlament Ewropew.

Il-membri tal-Parlament Ewropew għandhom, fir-rigward tad-dwana u tal-kontroll tal-kambju, jingħataw:

(a)

mill-gvern tagħhom stess, l-istess faċilitajiet bħal dawk mogħtija lill-uffiċjali għolja li jivvjaġġaw barra mill-pajjiż fuq missjonijiet uffiċjali temporanji;

(b)

mill-gvern ta’ Stati Membri oħra, l-istess faċilitajiet bħal dawk mogħtija lil rappreżentanti ta’ gvernijiet barranin fuq missjonijiet uffiċjali temporanji.

Artikolu 9

Il-membri tal-Parlament Ewropew ma għandhomx ikunu soġġetti għal kwalunkwe forma ta’ inkjesta, detenzjoni jew proċedimenti legali fir-rigward ta’ opinjonijiet jew voti espressi minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.

Artikolu 10

Matul is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu għandhom igawdu:

(a)

fit-territorju ta’ l-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament tagħhom;

(b)

immunità kemm mid-detenzjoni u kemm mill-proċeduri legali kontra tagħhom fit-territorju ta’ kull Stat Membru ieħor.

L-immunità għandha tapplika bl-istess mod għall-membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa' l-Parlament Ewropew.

L-immunità ma tistax tiġi invokata la meta membru jinqabad fil-fatt li jwettaq reat u lanqas ma żżomm lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jneħħi l-immunità ta’ wieħed mill-membri tiegħu.

KAPITOLU IV

RAPPREŻENTANTI TA’ STATI MEMBRI LI JIEĦDU SEHEM FIX-XOGĦOL TA’ L-ISTITUZZJONIJIET TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Artikolu 11

Ir-rappreżentanti ta’ Stati Membri li jieħdu sehem fix-xogħol ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet, il-konsulenti u l-esperti tekniċi tagħhom għandhom, fil-qadi ta’ dmirijiethom u waqt li jivvjaġġaw lejn u mill-post tal-laqgħa, igawdu mill-privileġġi, l-immunitajiet u l-faċilitajiet konswetudinarji.

Dan l-Artikolu għandu japplika wkoll għall-membri tal-korpi konsultattivi tal-Komunitajiet.

KAPITOLU V

UFFIĊJALI U IMPJEGATI OĦRA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Artikolu 12

Fit-territorju ta’ kull Stat Membru u tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, l-uffiċjali u l-impjegati l-oħra ta’ l-Unjoni għandhom:

(a)

bla ħsara għad-disposizzjonijiet tat-Trattati li għandhom x'jaqsmu, min-naħa l-waħda, mar-regoli dwar ir-responsabbiltà ta’ l-uffiċjali u impjegati oħra lejn il-Komunitajiet u, min-naħa l-oħra, mal-kompetenza tal-Qorti f'kwistjonijiet bejn il-Komunitajiet u l-uffiċjali tagħhom u impjegati oħra, għandhom igawdu l-immunità minn proċedimenti legali rigward l-atti li jkunu wettqu fil-kariga uffiċjali tagħhom, inklużi l-kliem u l-kitba tagħhom. Huma għandhom jibqgħu jgawdu din l-immunità wara li jkunu spiċċaw mill-kariga;

(b)

ma jkunux soġġetti għad-disposizzjonijiet li jirrestrinġu l-immigrazzjoni u għall-formalitajiet għar-reġistrazzjoni tal-barranin. L-istess japplika għall-konjuġi u għall-membri dipendenti tal-familji tagħhom;

(ċ)

fir-rigward tar-regolamenti dwar il-munita jew il-kambju, jingħataw l-istess faċilitajiet li b'konswetudini jingħataw lill-uffiċjali ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali;

(d)

igawdu d-dritt li jimportaw mingħajr dazju l-għamara u l-effetti personali tagħhom meta jassumu l-funzjoni tagħhom għall-ewwel darba fl-Istat kkonċernat, u d-dritt li jerġgħu jesportaw bla ma jħallsu dazju l-għamara u l-affarijiet tagħhom, meta jispiċċaw jaqdu dmirijiethom f'dak l-Istat, bla ħsara fi kwalunkwe każ għall-kondizzjonijiet li l-gvern ta’ dak l-Istat fejn dan id-dritt jiġi eżerċitat, jikkunsidra neċessarji;

(e)

ikollhom id-dritt li jimportaw mingħajr dazju karozza għall-użu personali tagħhom, li tkun inxtrat jew fl-Istat fejn kienu qed jirresjedu l-aħħar, jew fl-Istat li tiegħu huma ċittadini, skond il-kondizzjonijiet tas-suq intern fis-seħħ f'dak l-Istat, u li jerġgħu jesportawha bla ma jħallsu dazju, bla preġudizzju, fi kwalunkwe każ, għall-kondizzjonijiet li l-gvern tal-pajjiż ikkonċernat jikkunsidra neċessarji.

Artikolu 13

L-uffiċjali u l-impjegati l-oħra tal-Komunitajiet għandhom iħallsu taxxa, għall-benefiċċju tal-Komunitajiet, fuq is-salarji, il-pagi u l-emolumenti li jkunu irċevew mill-Komunitajiet, skond il-kondizzjonijiet u l-proċedura stabbiliti mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni.

Huma għandhom ikunu eżenti mit-taxxi nazzjonali fuq is-salarji, il-pagi u l-emolumenti mħallsa mill-Komunitajiet.

Artikolu 14

Fl-applikazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul, it-taxxa fuq il-ġid u t-taxxa tas-suċċessjoni u fl-applikazzjoni tal-konvenzjonijiet dwar il-ħelsien mit-taxxa doppja konklużi bejn Stati Membri tal-Komunitajiet, uffiċjali u impjegati oħra tal-Komunitajiet li, għar-raġuni unika li jwettqu dmirijiethom fis-servizz tal-Komunitajiet, jistabbilixxu r-residenza tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru li ma jkunx il-pajjiz tad-domiċilju tagħhom għal skopijiet ta’ taxxa meta huma jidħlu fis-servizz tal-Komunitajiet, għandhom jitqiesu, sew fil-pajjiż tar-residenza attwali tagħhom, u kif ukoll fil pajjiż tad-domiċilju tagħhom għal skopijiet ta’ taxxa, daqs li kieku żammew id-domiċilju tagħhom fil-pajjiż l-aħħar imsemmi, sakemm dak il-pajjiż ikun membru tal-Komunitajiet. Din id-disposizzjoni għandha tapplika wkoll għall-konjuġi, sakemm dan jew din ta’ l-aħħar ma jkunx jew ma tkunx qed jagħmel/tagħmel xogħol bi qligħ, u għal tfal dipendenti u taħt il-ħarsien tal-persuni msemmija f'dan l-Artikolu.

Proprjetà mobbli li hi tal-persuni msemmija fil-paragrafu preċedenti u li tinsab fit-territorju tal-pajjiż fejn huma qed joqogħdu għandha tkun eżenti mid-dazji fuq il-mewt f’dak il-pajjiż; it-tali propjeta’ għandha, għall-valutazzjoni tat-tali dazju, tkun ikkunsidrata bħala li hi fil-pajjiż tad-domiċilju għal skopijiet ta’ taxxa, bla ħsara għad-drittijiet tal-pajjiżi li m’humiex membri għall-applikazzjoni possibbli tad-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali fuq it-taxxa doppja.

Kull domiċilju li jkun akkwistat purament minħabba t-twettiq ta’ dmirijiet fis-servizz ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra ma għandux ikun kkunsidrat meta jiġu applikati d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 15

Il-Kunsill għandu, billi jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jistabbilixxi l-iskema tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali għall-uffiċjali u impjegati oħra tal-Komunitajiet.

Artikolu 16

Il-Kunsill għandu, billi jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta l-istituzzjonijiet l-oħra involuti, jistabbilixxi l-kategoriji ta’ uffiċjali u ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet li għalihom japplikaw sħaħ, jew parzjalment, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 12, it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 13, u l-Artikolu 14.

L-ismijiet, il-gradi u l-indirizzi ta’ l-uffiċjali u l-impjegati l-oħrajn inklużi fit-tali kategoriji għandhom ikunu kkomunikati perjodikament lill-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri.

KAPITOLU VI

PRIVILEĠĠI U IMMUNITAJIET TAL-MISSJONIJIET TA’ PAJJIŻI LI M’HUMIEX MEMBRI AKKREDITATI LILL-KOMMUNITAJIET EWROPEJ

Artikolu 17

L-Istati Membri li fit-territorju tagħhom il-Komunitajiet għandhom is-sede tagħhom għandhom jagħtu l-immunitajiet u l-privileġġi diplomatiċi konswetudinarji lill-missjonijiet ta’ pajjiżi mhux membri li huma akkreditati għall-Komunitajiet.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 18

Privileġġi, immunitajiet u faċilitajiet għandhom jingħataw lil uffiċjali u impjegati oħra tal-Komunitajiet unikament fl-interessi tal-Komunitajiet.

Kull istituzzjoni tal-Komunitajiet għandu jkollha tneħħi l-immunità li tingħata lil uffiċjal jew impjegat ieħor kulfejn dik l-istituzzjoni tqis li t-tneħħija ta’ dik l-immunità ma tmurx kontra l-interessi tal-Komunitajiet.

Artikolu 19

L-Istituzzjonijiet tal-Komunitajiet għandhom, fl-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll, jikkooperaw ma’ l-awtoritajiet responsabbli ta’ l-Istati Membri involuti.

Artikolu 20

L-Artikoli 12 sa 15 u l-Artikolu 18 japplikaw għal Membri tal-Kummissjoni.

Artikolu 21

L-Artikoli 12 sa 15 u l-Artikolu 18 għandhom japplikaw għall-Imħallfin, l-Avukati Ġenerali, ir-Reġistratur u l-Assistenti Relaturi tal-Qorti tal-Ġustizzja u għall-Membri u r-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim' Istanza, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3 tal-Protokolli dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ immunità minn proċedimenti legali ta’ l-Imħallfin u l-Avukati Ġenerali.

Artikolu 22

Dan il-Protokoll għandu japplika wkoll għall-Bank Ewropew ta’ l-Investiment, għall-membri ta’ l-organi tiegħu, għall-impjegati tiegħu u għar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri li jkunu qegħdin jieħdu sehem fl-attivitajiet tiegħu, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Bank.

Il-Bank Ewropew għall-Investiment għandu, barra minn hekk, ikun eżentat minn kull għamla ta’ tassazzjoni jew impożizzjoni simili f'każ ta’ xi żieda fil-kapital tiegħu u mid-diversi formalitajiet li jistgħu jkollhom x'jaqsmu ma’ dan fl-Istat fejn il-Bank ikollu s-sede tiegħu. Bl-istess mod, ix-xoljiment jew l-istralċ tiegħu m'għandhom jagħtu lok għal ebda impożizzjoni. Finalment, l-attivitajiet tal-Bank u ta’ l-organi tiegħu mwettqa skond l-Istatut tiegħu m'għandhomx ikunu suġġetti għal xi taxxa fuq it-turnover.

Artikolu 23

Dan il-Protokoll għandu wkoll japplika għall-Bank Ċentrali Ewropew, għall-membri ta’ l-organi tiegħu u għall-persunal tiegħu, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u l-Bank Ċentrali Ewropew.

Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu, barra minn hekk, ikun eżentat minn kull għamla ta’ tassazzjoni jew impożizzjoni ta’ xorta simili f'każ ta’ xi żieda fil-kapital tiegħu u mid-diversi formalitajiet li jistgħu jkunu marbuta ma’ dan, fl-Istat fejn il-Bank ikollu s-sede tiegħu. L-attivitajiet tal-Bank u ta’ l-organi tiegħu mwettqa skond l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew m'għandhomx ikunu suġġetti għal xi taxxa fuq it-turnover.

Id-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq għandhom ukoll japplikaw għall-Istitut Monetarju Ewropew. Ix-xoljiment jew likwidazzjoni tiegħu m’għandhiex tirriżulta f’xi impożizzjoni.

B'XHIEDA ta’ DAN, il-Plenipotenzjarji hawn taħt iffirmati ffirmaw dan il-Protokoll. Magħmul fi Brussell dan it-tmien jum ta’ April fis-sena elf disa’ mija u ħamsa u sittin.