25.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 220/3


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

ta’ l-10 ta’ Lulju 2007

dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istat ta’ l-Iżrael

(2007/585/KE)

IL-KUNSILL ta’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 170, flimkien ma’ l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni nnegozjat, f’isem il-Komunità, Ftehim dwar Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika ma’ l-Istat ta’ l-Iżrael li jipprovdi wkoll għall-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim imġedded mill-1 ta’ Jannar 2007. Applikazzjoni provviżorja tkun tippermetti lill-entitajiet Iżraeljeni sabiex jipparteċipaw fl-ewwel sejħiet għall-proposti taħt is-Seba’ Programm Kwadru.

(2)

Ir-riżultat tan-negozjati kien l-abbozz ta’ Ftehim li kien inizjalat fil-15 ta’ Frar 2007 mir-rappreżentanti awtorizzati taż-żewġ Partijiet.

(3)

Huwa meħtieġ li jiġi ffirmat il-Ftehim u li jiġi applikat provviżorjament, sa meta jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni formali tiegħu,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim dwar Kooperazzjoni Xjentifika u Teknika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istat ta’ l-Iżrael u tad-Dikjarazzjoni Konġunta mehmuża mal-Ftehim huwa b’dan approvat f’isem il-Komunità, suġġett għall-konklużjoni ta’ l-imsemmi Ftehim.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jinnomina lill-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa sabiex jiffirmaw il-Ftehim f’isem il-Komunità suġġett għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 3

Il-Ftehim dwar Kooperazzjoni Xjentifika u Teknika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istat ta’ l-Iżrael għandu jiġi applikat provviżorjament.

Artikolu 4

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta l-pożizzjoni li l-Komunità ser tieħu fil-Kumitat ta’ Riċerka KE/Iżrael imwaqqaf bl-Artikolu 4 tal-Ftehim fir-rigward ta’ deċiżjonijiet skond it-Taqsima I.1 ta’ l-Anness I mal-Ftehim dwar l-applikabbiltà fl-Iżrael tar-regoli għat-twaqqif ta’ l-istrutturi legali maħluqa taħt l-Artikoli 169 u 171 tat-Trattat KE.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta l-pożizzjoni li l-Komunità ser tieħu fil-Kumitat ta’ Riċerka KE/Iżrael imwaqqaf bl-Artikolu 4 tal-Ftehim fir-rigward ta’ deċiżjonijiet skond l-Artikolu 4(2) tal-Ftehim li jidentifika r-reġjuni ta’ l-Iżrael li jistgħu jkunu reġjuni eliġibbli li jibbenifikaw minn attivitajiet ta’ riċerka li jaqgħu taħt il-Programm ta’ Ħidma “Research Potential” u taħt il-programm speċifiku “Capacities”

Artikolu 5

Id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 10 ta’ Lulju 2007

Għall-Kunsill

Il-President

F. TEIXEIRA DOS SANTOS


FTEHIM

dwar kooperazzjoni xjentifika u teknika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istat ta’ l-Iżrael

IL-KOMUNITÀ EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Komunità”,

minn naħa waħda,

kif ukoll

L-ISTAT TA’ L-IŻRAEL, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “l-Iżrael”,

min-naħa l-oħra,

minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Partijiet”,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW l-importanza tal-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika attwali bejn l-Iżrael u l-Komunità u l-interess reċiproku tagħhom li jsaħħuha fil-kuntest tat-twaqqif taż-Żona Ewropea ta’ Riċerka,

Billi l-Iżrael u l-Komunità qegħdin bħalissa jimplimentaw programmi ta’ riċerka f’oqsma ta’ interess komuni,

Billi l-Iżrael u l-Komunità għandhom interess fil-kooperazzjoni bejniethom f’dawn il-programmi għall-benefiċċju reċiproku tagħhom,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW l-interess taż-żewġ Partijiet li jinkoraġġixxu l-aċċess reċiproku għall-entitajiet ta’ riċerka tagħhom sabiex jagħmlu attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp fl-Iżrael, minn naħa waħda, u għall-programmi qafas tal-Komunità għal riċerka u żvilupp teknoloġiku, min- naħa l-oħra,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Istat ta’ l-Iżrael, min-naħa l-oħra, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2000, li taħtu l-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jintensifikaw il-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika u jiftiehmu li jistabbilixxu l-arranġamenti għall-implimentazzjoni ta’ dan il-għan fi ftehim separati li għandhom ikunu konklużi għal dan il-għan,

BILLI l-Komunità u l-Iżrael ikkonkludew Ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknika għat-tul ta’ żmien tas-sitt programm qafas, li jipprovdi għat-tiġdid tiegħu taħt kondizzjonijiet miftiehma b’mod reċiproku,

BILLI, permezz tad-Deċiżjoni Nru 1982/2006 KE (1), il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea adottaw is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2007-2013) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “is-Seba’ Programm Kwadru tal-KE”),

BILLI, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, dan il-Ftehim u kull attivita konkluża taħtu ma jinċidu bl-ebda mod fuq is-setgħat investiti fl-Istati Membri sabiex iwettqu attivitajiet bilaterali ma’ l-Iżrael fl-oqsma tax-xjenza, teknoloġija, riċerka u żvilupp, u jikkonkludu, fejn xieraq, ftehim għal dak il-għan,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Ambitu

1.   L-Iżrael għandu jkun assoċjat, taħt it-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti jew imsemmija minn dan il-Ftehim u l-Annessi tiegħu, mis-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għal attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (2007 sa 2013) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “is-Seba’ Programm Kwadru tal-KE”), kif stabbilit mid-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE, mir-Regolament (KE) Nru 2321/2002 emendat bir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1906/2006 (2) tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni ta’ impriżi, ċentri tar-riċerka u universitajiet f’azzjonijiet taħt is-Seba’ Programm Kwadru u għad-disseminazzjoni tar-riżultati tar-riċerka (2007-2013), u mid-Deċiżjoniet tal-Kunsill 2006/971/KE, 2006/972/KE, 2006/973/KE, 2006/974/KE u 2006/975/KE.

2.   Addizzjonalment għall-assoċjazzjoni li jirriferi għaliha l-paragrafu 1, il-kooperazzjoni tista’ tinkludi:

diskussjonijiet regolari dwar l-orjentazzjonijiet u l-prijoritajiet għal-linji politiċi u pjanijiet ta’ riċerka fl-Iżrael u l-Komunità,

diskussjonijiet dwar prospetti ta’ kooperazzjoni u żvilupp,

l-għoti f’waqtu ta’ informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ programmi u proġetti ta’ riċerka ta’ l-Iżrael u l-Komunità, u dwar ir-riżultati ta’ xogħol magħmul fil-qafas ta’ dan il-Ftehim,

laqgħat konġunti,

żjarat u skambji ta’ ħaddiema, inġiniera u tekniċi ta’ riċerka,

kuntatti regolari u sostnuti bejn amministraturi ta’ programmi jew proġetti ta’ l-Iżrael u l-Komunità,

parteċipazzjoni ta’ esperti f’seminars, simposji u workshops.

Artikolu 2

Termini u kondizzjonijiet fir-rigward ta’ l-assoċjazzjoni ta’ l-Iżrael fis-Seba’ Programm Kwadru tal-KE

1.   Għandhom jipparteċipaw entitajiet legali Iżraeljani f’azzjonijiet indiretti u f’attivitajiet tal-Kumitat Konġunt ta’ Riċerka tas-Seba’ Programm Kwadru tal-KE taħt l-istess kondizzjonijiet bħal dawk applikabbli għal entitajiet legali ta’ Stati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea, suġġetti għat-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti, jew imsemmija, fl-Annessi I u II. Għall-entitajiet ta’ riċerka Iżraeljani, it-termini u l-kondizzjonijiet li japplikaw għall-preżentazzjoni u valutazzjoni ta’ proposti u dawk għall-għoti ta’ l-għajnuna u l-konklużjoni ta’ ftehim għall-għoti ta’ l-għajnuna u/jew kuntratti li jaqgħu taħt programmi Komunitarji għandhom ikunu l-istess bħal dawk applikabbli għal ftehim għall-għoti ta’ l-għajnuna u/jew kuntratti konklużi li jaqgħu taħt l-istess programmi ma’ entitajiet ta’ riċerka fil-Komunità, b’kunsiderazzjoni għall-interessi reċiproċi tal-Komunità u ta’ l-Iżrael.

Għandhom jipparteċipaw entitajiet legali Komunitarji fi programmi ta’ riċerka u proġetti Iżraeljani f’oqsma li jkunu ekwivalenti għal dawk tas-Seba’ Programm Kwadru tal-KE taħt l-istess kondizzjonijiet bħal dawk applikabbli għal entitajiet legali ta’ l-Iżrael, suġġetti għat-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti permezz ta’ l-Annessi I u II. Kwalunkwe entità legali stabbilita f’pajjiż ieħor li huwa assoċjat mas-Seba’ Programm Kwadru tal-KE (Pajjiż Assoċjat) ikollu l-istess drittijiet u obbligazzjonijiet skond dan il-Ftehim bħal entitajiet legali li huma stabbiliti fi Stat Membru b’kondizzjoni li l-Pajjiż Assoċjat li fih tkun stabbilita l-entità legali jkun qabel li jagħti l-istess drittijiet u obbligazzjonijiet lill-entitajiet legali Iżraeljani.

2.   L-Iżrael għandu jħallas, kull sena, għat-tul ta’ żmien tas-Seba’ Programm Kwadru kontribuzzjoni finanzjarja għall-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea. Il-kontribuzzjoni finanzjarja ta’ l-Iżrael għandha tiżdied ma’ l-ammont assenjat kull sena fil-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea għal approprjazzjonijiet ta’ impenji sabiex tissodisfa obbligi finanzjarji kkawżati minn għamliet differenti ta’ miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni, il-ġestjoni u l-operazzjoni tas-Seba’ Programm Kwadru. Ir-regoli għall-kalkolu u l-pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja ta’ l-Iżrael huma stipulati fl-Anness III.

3.   Għandhom jipparteċipaw rappreżentanti ta’ l-Iżrael bħala osservaturi fil-kumitati tas-Seba’ Programm Kwadru tal-KE stabbiliti bid-Deċiżjoni 2006/512/KE tas-17 ta’ Lulju 2006 (3), li temenda d-Deċiżjoni 1999/468/KE. Fil-ħin tal-votazzjoni, dawn il-kumitati għandhom jiltaqgħu mingħajr il-preżenza tar-rappreżentanti ta’ l-Iżrael. L-Iżrael għandu jkun informat bir-riżultat. Il-parteċipazzjoni kif jirriferi għaliha dan il-paragrafu għandha tieħu l-istess għamla, inklużi proċeduri għar-riċeviment ta’ informazzjoni u dokumentazzjoni, bħal dik applikabbli għar-rappreżentanti minn Stati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea.

Ir-rappreżentanti Iżraeljani jistgħu jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Kumitat ta’ Riċerka Xjentifika u Teknika (CREST). Dan il-kumitat għandu jiltaqa’ mingħajr il-preżenza tar-rappreżentanti Iżraeljani fil-ħin tal-votazzjoni, u mod ieħor biss f’ċirkostanzi speċjali. L-Iżrael għandu jkun informat bir-riżultat.

4.   Għandhom jipparteċipaw rappreżentanti ta’ l-Iżrael bħala osservaturi fil-Bord ta’ Gvernaturi taċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka. Il-parteċipazzjoni kif jirriferi għaliha dan il-paragrafu għandha tieħu l-istess għamla, inklużi proċeduri għar-riċeviment ta’ informazzjoni u dokumentazzjoni, bħal dik applikabbli għar-rappreżentanti minn Stati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea.

5.   L-ispejjeż ta’ vvjaġġar u l-spejjeż ta’ sussistenza magħmula mir-rappreżentanti ta’ l-Iżrael li jipparteċipaw f’laqgħat tal-kumitati u korpi li jirriferi għalihom dan l-Artikolu, jew f’laqgħat marbuta ma’ l-implimentazzjoni tas-Seba’ Programm Kwadru tal-KE organizzati mill-Komunità għandhom jiġu rimborsati mill-Komunità fuq l-istess bażi bħal u skond il-proċeduri li jkunu fis-seħħ għal rappreżentanti ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Titjib tal-Kooperazzjoni

1.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu kull sforz, fil-limiti tal-qafas tal-leġiżlazzjoni applikabbli tagħhom, sabiex jiffaċilitaw il-moviment u r-residenza ħielsa tar-riċerkaturi li jipparteċipaw fl-attivitajiet koperti min dan il-Ftehim u sabiex jiffaċilitaw il-moviment transkonfinali tal-merkanzija maħsuba għall-użu f’attivitajiet ta’ dan it-tip.

2.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw li ma tkun imposta l-ebda tariffa fiskali jew taxxa fuq it-tranżazzjoni ta’ trasferiment bejn il-Komunità u l-Iżrael ta’ fondi li jkunu meħtieġa għall-operat ta’ l-attivitajiet koperti minn dan il-Ftehim.

Artikolu 4

Kumitat ta’ Riċerka KE/Iżrael

1.   Għandu jkun stabbilit kumitat konġunt imsejjaħ il-“Kumitat ta’ Riċerka KE-Iżrael”, li l-funzjonijiet tiegħu għandhom jinkludu:

li jiżgura, jivvaluta u jirrivedi l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim,

li jeżamina kull miżura ta’ natura li ttejjeb u tiżviluppa l-kooperazzjoni,

diskussjoni regolari ta’ orjentazzjonijiet futuri u prijoritajiet ta’ linji politiċi ta’ riċerka u pjanijiet ta’ riċerka fl-Iżrael u l-Komunità u l-prospetti ta’ kooperazzjoni futura.

2.   Il-Kumitat jista’, fuq talba ta’ l-Iżrael, jidentifika ir-reġjuni ta’ l-Iżrael li jissodisfaw il-kriterji stipulati fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (4) u li għalhekk jistgħu jkunu reġjuni eliġibbli li jibbenefikaw minn attivitajiet ta’ riċerka li jaqgħu taħt il-Programm ta’ Ħidma “Research Potential” u taħt il-programm speċifiku “Capacities”.

3.   Il-Kumitat ta’ Riċerka KE-Iżrael, li għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Kummissjoni u ta’ l-Iżrael, għandu jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.

4.   Il-Kumitat ta’ Riċerka KE-Iżrael għandu jiltaqa’ għall-inqas darba fis-sena. Laqgħat straordinarji għandhom isiru wara t-talba ta’ waħda jew oħra mill-Partijiet.

Artikolu 5

Dispożizzjonijiet finali

1.   L-Annessi I, II u III jifformaw parti integrali minn dan il-Ftehim.

2.   Dan il-Ftehim huwa b’dan konkluż għat-tul ta’ żmien tas-Seba’ Programm Kwadru tal-KE. Għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha ż-żewġ Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bl-ikkompletar tal-proċeduri tagħhom għal dak il-għan u għandu japplika provviżorjament mill-1 ta’ Jannar 2007.

Dan il-Ftehim jista’ jkun emendat bil-miktub biss u bil-kunsens komuni tal-Partijiet. Id-dħul fis-seħħ ta’ l-emendi għandu jsegwi l-istess proċedura bħal dawk applikabbli għall-Ftehim innifsu, b’mezzi diplomatiċi. Kull waħda mill-Partijiet tista’ ttemm dan il-Ftehim fi kwalunkwe ħin wara notifika bil-miktub ta’ sitt xhur, b’mezzi diplomatiċi. Il-proġetti u l-attivitajiet li jkunu fis-seħħ fil-waqt tat-terminazzjoni u/jew l-iskadenza ta’ dan il-Ftehim għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm ikunu finalizzati skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Ftehim. Il-Partijiet għandhom isolvu b’kunsens komuni xi kwistjonijiet oħrajn dwar it-terminazzjoni.

3.   Jekk Parti tinnotifika lill-oħra li mhix ser tikkonkludi l-Ftehim, huwa b’dan miftiehem b’mod reċiproku li:

il-Komunità għandha tirrimborsa lill-Iżrael il-kontribuzzjoni tiegħu għall-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea msemmi fl-Artikolu 2(2),

madankollu, il-fondi kommessi mill-Komunità b’rabta mal-parteċipazzjoni ta’ l-entitajiet legali ta’ l-Iżrael f’azzjonijiet indiretti, fosthom rimborsi msemmija fl-Artikolu 2(5), għandhom jitnaqqsu mill-Komunità mir-rimborsi msemmija iktar ’il fuq,

il-proġetti u attivitajiet mibdija taħt din l-applikazzjoni provviżorja u li jkunu għadhom jitwettqu fiż-żmien tan-notifika msemmija hawn fuq għandhom jissoktaw sat-tmiem tagħhom taħt il-kondizzjonijiet preskritti f’dan il-Ftehim.

4.   Jekk il-Komunità tiddeċiedi li tirrivedi s-Seba’ Programm Kwadru tal-KE, hija għandha tinnotifika lill-Iżrael bil-kontenut preċiż ta’ dawn ir-reviżjonijiet fi żmien ġimgħa mill-adozzjoni tagħhom mill-Komunità. Fil-każ ta’ tali reviżjoni jew estensjoni tal-programmi ta’ riċerka, l-Iżrael tista’ ttemm dan il-Ftehim billi tagħti avviż sitt xhur bil-quddiem. Il-Partijiet għandhom jagħtu avviż ta’ xi intenzjoni li jtemmu jew li jestendu dan il-Ftehim fi żmien tlett xhur wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Komunitajiet.

5.   Meta l-Komunità tadotta Programm Kwadru multi-annwali ġdid għal attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni, Ftehim ġdid jista’ jkun innegozjat mill-ġdid jew imġedded taħt kondizzjonijiet miftiehma b’mod reċiproku, wara t-talba ta’ waħda mill-Partijiet.

6.   Dan il-Ftehim għandu japplika, minn naħa waħda, għat-territorji li fihom huwa applikat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u taħt il-kondizzjonijiet preskritti f’dak it-Trattat u, min-naħa l-oħra, għat-territorju ta’ l-Istat ta’ l-Iżrael.

7.   Dan il-Ftehim għandu jitfassal duplikatament bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estona, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Svediża, Taljana, Ungeriża u Ebrajka, b’kull test ikun ugwalment awtentiku.

Съставено в Брюксел на шестнадесети юли две хиляди и седма година.

Hecho en Bruselas, el dieciséis de julio de dos mil siete.

V Bruselu dne šestnáctého července dva tisíce sedm.

Udfærdiget i Bruxelles, den sekstende juli to tusind og syv.

Geschehen zu Brüssel am sechzehnten Juli zweitausendsieben.

Kahe tuhande seitsmenda aasta juulikuu kuueteistkümnendal päeval Brüsselis.

Έγινε στις Βρυξέλλες, στις δέκα έξι Ιουλίου δύο χιλιάδες επτά.

Done at Brussels on the sixteenth day of July in the year two thousand and seven.

Fait à Bruxelles, le seize juillet deux mille sept.

Fatto a Bruxelles, addì sedici luglio duemilasette.

Briselē, divtūkstoš septītā gada sešpadsmitajā jūlijā.

Priimta du tūkstančiai septintų metų liepos šešioliktą dieną Briuselyje.

Kelt Brüsszelben, a kétezer-hetedik év július havának tizenhatodik napján.

Magħmul fi Brussel, fis-sittax-il jum ta' Lulju tas-sena elfejn u sebgħa.

Gedaan te Brussel, de zestiende juli tweeduizend zeven.

Sporządzono w Brukseli, dnia szesnastego lipca roku dwa tysiące siódmego.

Feito em Bruxelas, em dezasseis de Julho de dois mil e sete.

Întocmit la Bruxelles, șaisprezece iulie două mii șapte.

V Bruseli dňa šestnásteho júla dvetisícsedem.

V Bruslju, dne šestnajstega julija leta dva tisoč sedem.

Tehty Brysselissä kuudentenatoista päivänä heinäkuuta vuonna kaksituhattaseitsemän.

Som skedde i Bryssel den sextonde juli tjugohundrasju.

Image

За Европейската общнoст

Por la Comunidad Europea

Za Evropské společenství

For Det Europæiske Fællesskab

Für die Europäische Gemeinschaft

Euroopa Ühenduse nimel

Για την Ευρωπαϊκή Κοινότητα

For the European Community

Pour la Communauté européenne

Per la Comunità europea

Eiropas Kopienas vārdā

Europos bendrijos vardu

Az Európai Közösség részéről

Għall-Komunità Ewropea

Voor de Europese Gemeenschap

W imieniu Wspólnoty Europejskiej

Pela Comunidade Europeia

Pentru Comunitatea Europeană

Za Európske spoločenstvo

Za Evropsko skupnost

Euroopan yhteisön puolesta

För Europeiska gemenskapen

Европa Шериктештиги γчγн

За Европейское Сообщество

Image

Image

Image

За държавата Израел

Por el Estado de Israel

Za Stát Izrael

For Staten Israel

Für den Staat Israel

Iisraeli Riigi nimel

Για το Κράτος του Ισραήλ

For the State of Israel

Pour l'État d'Israël

Per lo Stato di Israele

Izraēlas Valsts vārdā

Izraelio Valstybės vardu

Izrael Állam részéről

Għall-Istat ta' l-Iżrael

Voor de Staat Israël

W imieniu Państwa Izrael

Pelo Estado de Israel

Pentru Statul Israel

Za Izraelský štát

Za državo Izrael

Israelin valtion puolesta

För Staten Israel

Image

Image


(1)  ĠU L 412, 30.12.2006.

(2)  ĠU L 391, 30.12.2006.

(3)  ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11.

(4)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.

ANNESS I

TERMINI U KONDIZZJONIJIET GĦALL-PARTEĊIPAZZJONI TA’ ENTITAJIET LEGALI TA’ STATI MEMBRI TA’ L-UNJONI EWROPEA U TA’ L-IŻRAEL

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, ‘entità legali’ tfisser kull persuna fiżika, jew kull persuna ġuridika maħluqa taħt il-liġi nazzjonali tal-post ta’ stabbiliment tagħha jew taħt il-liġi Komunitarja, li jkollha personalità ġuridika u li jkollha drittijiet u obbligazzjonijiet ta’ kull xorta f’isimha.

I.   Termini u kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ta’ entitajiet legali ta’ l-Iżrael f’azzjonijiet indiretti tas-Seba’ Programm Kwadru tal-KE

1.

Il-parteċipazzjoni u l-finanzjament ta’ entitajiet legali stabbiliti fl-Iżrael f’azzjonijiet indiretti tas-Seba’ Programm Kwadru tal-KE għandhom isegwu l-kondizzjonijiet preskritti għal “pajjiżi assoċjati” fir-Regolament (KE) Nru 2321/2002 emendat bir-Regolament (KE) Nru 1906/2006. Fil-każ li l-Komunità tagħmel dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta’ l-Artikoli 169 u 171 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, l-Iżrael għandu jitħalla jipparteċipa fl-istrutturi legali maħluqa taħt dawn id-dispożizzjonijiet, suġġetti għad-deċiżjonijiet u r-regolamenti li jkunu ser jiġu adottati għall-ħolqien ta’ dawn l-istrutturi legali u bil-kondizzjoni li dawn id-deċiżjonijiet u regolamenti jsiru japplikaw fl-Iżrael. Il-Kumitat Konġunt għandu jiddeċiedi dwar l-applikabbiltà ta’ dawn id-deċiżjonijiet u regolamenti fl-Iżrael.

L-entitajiet legali li jkunu stabbiliti fl-Iżrael għandhom ikunu eliġibbli għall-parteċipazzjoni f’azzjonijiet indiretti bbażati fuq l-Artikoli 169 u 171 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, taħt l-istess kondizzjonijiet bħal dawk ta’ entitajiet legali stabbiliti fl-Istati Membri.

Entitajiet legali stabbiliti fl-Iżrael għandhom ikunu eliġibbli, taħt l-istess kondizzjonijiet bħal entitajiet legali stabbiliti fl-Istati Membri, għal self li l-EIB jagħti sabiex jgħin għall-ksib ta’ l-objettivi ta’ riċerka kif stipulati fis-Seba’ Programm Kwadru (il-Faċilità għat-Tqassim tar-Riskju Finanzjarju).

2.

Entitajiet legali ta’ l-Iżrael għandhom jitqiesu, flimkien ma’ dawk tal-Komunità Ewropea, għall-għażla ta’ numru xieraq ta’ esperti indipendenti għax-xogħlijiet u taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-Artikoli 17 u 27 tar-Regolament (KE) Nru 1906/2006 u għal parteċipazzjoni fi gruppi diversi u Kumitati konsultattivi tas-Seba’ Programm Kwadru tal-KE b’kont meħud tal-ħiliet u l-konoxxenza meħtieġa għax-xogħlijiet li jingħatawlhom..

3.

B’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1906/2006 u r-Regolamenti Finanzjarji tal-Komunità Ewropea, ftehim għall-għoti ta’ għajnuna u/jew kuntratti konklużi mill-Komunità ma’ kwalunkwe entità legali ta’ l-Iżrael sabiex twettaq azzjoni indiretta għandu jipprovdi sabiex kontrolli u verifiki jsiru minn, jew taħt l-awtorita ta’, il-Kummissjoni jew il-Qorti ta’ l-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej. Fi spirtu ta’ kooperazzjoni u interess reċiproku, l-awtoritajiet rilevanti ta’ l-Iżrael għandhom jipprovdu kull assistenza raġonevoli u possibbli kif ikun meħtieġ jew ta’ għajnuna taħt iċ-ċirkostanzi sabiex jitwettqu tali kontrolli u verifiki.

II.   Termini u kondizzjonijiet għall-partċipazzjoni ta’ entitajiet legali ta’ Stati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea fi programmi u proġetti ta’ riċerka ta’ l-Iżrael

1.

Il-parteċipazzjoni ta’ entitajiet legali stabbiliti fil-Komunità, maħluqa taħt il-liġi nazzjonali ta’ wieħed mill-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea jew taħt il-liġi Komunitarja, fi proġetti ta’ programmi ta’ riċerka u żvilupp ta’ l-Iżrael tista’ tirrikjedi l-parteċipazzjoni konġunta ta’ għall-inqas entità waħda Iżraeljana. Proposti għal din il-parteċipazzjoni għandhom jiġu preżentati b’mod konġunt, fejn meħtieġ, ma’ l-entità/ajiet legali Iżraeljana/i.

2.

Suġġett għall-paragrafu 1 u għall-Anness II, id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet ta’ l-entitajiet legali stabbiliti fil-Komunità li jipparteċipaw fi proġetti ta’ riċerka ta’ l-Iżrael fi ħdan programmi ta’ riċerka u żvilupp, it-termini u l-kondizzjonijiet applikabbli għall-preżentazzjoni u valutazzjoni ta’ proposti u għall-għoti u konklużjoni ta’ ftehim għall-għoti ta’ għajnuna u/jew kuntratti f’proġetti ta’ dan it-tip għandhom ikunu suġġetti għal-liġijiet, regolamenti u direttivi tal-gvern ta’ l-Iżrael li jirregolaw l-operat ta’ programmi ta’ riċerka u żvilupp, kif ukoll għal-limiti imposti mis-sigurtà nazzjonali fejn applikabbli, kif applikabbli għal entitajiet legali Iżraeljani u li jiżguraw trattament ekwu, b’kunsiderazzjoni għan-natura tal-Kooperazzjoni bejn l-Iżrael u l-Komunità f’dan il-qasam.

Il-finanzjament ta’ l-entitajiet legali stabbiliti fil-Komunità li jipparteċipaw fi proġetti ta’ riċerka ta’ l-Iżrael fi ħdan programmi ta’ riċerka u żvilupp għandu jkun suġġett għal-liġijiet, regolamenti u direttivi tal-gvern ta’ l-Iżrael li jirregolaw l-operat ta’ programmi ta’ riċerka u żvilupp, kif ukoll għal-limiti imposti mis-sigurtà nazzjonali fejn applikabbli, kif applikabbli għal entitajiet legali mhux Iżraeljani li jipparteċipaw fi proġetti ta’ riċerka ta’ l-Iżrael fi ħdan programmi ta’ riċerka u żvilupp. Fil-każ fejn ma jiġix provdut finanzjament lill-entitajiet legali mhux Iżraeljani, l-entitajiet legali Komunitarji għandhom ikopru l-ispejjeż tagħhom proprji, inkluż is-sehem relattiv tagħhom fl-ispejjeż ġenerali ta’ ġestjoni u amministrazzjoni tal-proġett.

3.

Skond in-natura tal-proġett, jistgħu jkunu preżentati proposti lil:

(i)

l-Uffiċċju tax-Xjentist Prinċipali fil-Ministeru ta’ l-Industrija, il-Kummerċ u x-Xogħol għal proġetti konġunti ta’ riċerka u żvilupp industrijali ma’ kumpaniji Iżraeljani. M’hemm l-ebda qasam predefinit f’dan il-programm ta’ riċerka u żvilupp. Jistgħu jiġu preżentati proposti konġunti ta’ proġett f’kull qasam ta’ riċerka u żvilupp industrijali. Barra minn dan, fi ħdan il-programm Magnet, jistgħu jiġu preżentati proposti minn kumpaniji Iżraeljani għal kooperazzjoni ma’ entitajiet ta’ riċerka stabbiliti fil-Komunità. Tali kooperazzjoni tkun tirrikjedi l-qbil tal-konsorzju rilevanti u tal-maniġment tal-Magnet;

(ii)

il-Ministeru tax-Xjenza, il-Kultura u l-Isport għal riċerka strateġika, għal suġġetti ta’ prijorità. Is-suġġetti jkunu determinati kull sena u jkunu speċifikati f’sejħa miftuħa għall-proposti;

(iii)

l-Uffiċċju tax-Xjentist Prinċipali fil-Ministeru ta’ l-Agrikoltura — il-Fond għall-inkoraġġiment tar-riċerka agrikola;

(iv)

l-Uffiċċju tax-Xjentist Prinċipali fil-Ministeru ta’ l-Infrastrutturi Nazzjonali, fl-oqsma ta’ l-enerġija, l-iżvilupp ta’ l-infrastruttura u x-xjenzi dinjija;

(v)

l-Uffiċċju tax-Xjenzat Prinċipali fil-Ministeru tas-Saħħa u l-Kunsill Mediku ta’ Riċerka li għadu kif twaqqaf, li inkluda l-Aġenzija ta’ finanzjament tar-Riċerka Bijomedika.

4.

L-Iżrael għandu jgħarraf regolarment lill-entitajiet legali Komunitarji u Iżraeljani bil-programmi Iżraeljani kurrenti u b’opportunitajiet ta’ parteċipazzjoni għal entitajiet legali stabbiliti fil-Komunità.

ANNESS II

PRINĊIPJI DWAR L-ALLOKAZZJONI TAD-DRITTIJIET TA’ PROPRJETÀ INTELLETWALI

I.   Applikazzjoni

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim: ‘proprjetà intellettwali’ għandha t-tifsira mogħtija fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li stabbiliet l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali, li saret fi Stokkolma fl-14 ta’ Lulju 1967; ‘konoxxenza’ tfisser ir-riżultati, inkluża informazzjoni, kemm jekk tista’ tkun prottetta kif ukoll jekk le, kif ukoll drittijiet ta’ l-awtur jew drittijiet rilevanti għal tali informazzjoni wara applikazzjonijiet għal, jew il-ħruġ ta’, privattivi, disinji, varjetajiet ta’ pjanti, ċertifikati ta’ protezzjoni supplimentari jew għamliet simili ta’ protezzjoni.

II.   Drittijiet ta’ proprjetà intelletwali ta’ entitajiet legali tal-Partijiet

1.

Kull Parti għandha tiżgura li d-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali ta’ l-entitajiet legali tal-Parti l-oħra li jipparteċipaw f’attivitajiet imwettqa skond dan il-Ftehim, u d-drittijiet u l-obbligazzjonijiet li jitnisslu minn tali parteċipazzjoni, għandhom ikunu konsistenti mal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti li huma applikabbli għall-Partijiet, inkluż il-Ftehim TRIPS (Ftehim dwar aspetti marbutin mal-kummerċ tad-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali amministrati mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ) kif ukoll il-Konvenzjoni ta’ Berna (Att ta’ Pariġi 1971) u l-Konvenzjoni ta’ Pariġi (Att ta’ Stokkolma 1967).

2.

L-entitajiet legali ta’ l-Iżrael li jipparteċipaw f’azzjoni indiretta tas-Seba’ Programm Kwadru tal-KE għandu jkollhom drittijiet u obbligi dwar proprjetà intellettwali taħt il-kondizzjonijiet preskritti fir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 u fil-ftehim għall-għoti ta’ għajnuna u/jew fil-kuntratti konklużi mal-Komunità Ewropea skond il-każ, u dawk għandhom jikkonformaw mal-paragrafu 1. Meta l-Iżrael jipparteċipa f’azzjoni indiretta tas-Seba’ Programm Kwadru tal-KE implimentat skond l-Artikolu 169 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, l-Iżrael għandu jkollu l-istess drittijiet u obbligazzjonijiet fuq il-proprjetà intellettwali bħal dawk ta’ l-Istati Membri parteċipanti preskritti mid-deċiżjoni rilevanti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-ftehim għall-għoti ta’ għajnuna u/jew il-kuntratt konkluż mal-Komunità Ewropea kif ikun il-każ, u li għandhom jikkonformaw mal-paragrafu 1.

3.

L-entitajiet legali tal-Komunità li jipparteċipaw fil-programm jew proġetti ta’ riċerka ta’ l-Iżrael għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligazzjonijiet fuq il-proprjetà intellettwali bħal dawk ta’ entitajiet legali stabbiliti fl-Iżrael li jipparteċipaw f’tali programm jew proġett ta’ riċerka, u li għandhom jikkonformaw mal-paragrafu 1.

III.   Drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tal-Partijiet

1.

Ħlief jekk ikun miftiehem speċifikament mod ieħor mill-Partijiet, ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw għall-konoxxenza ġenerata mill-Partijiet matul l-attivitajiet imwettqa skond l-Artikolu 1(2) ta’ dan il-Ftehim:

(a)

il-Parti li tiġġenera tali konoxxenza għandha tkun il-proprjetarja ta’ tali konoxxenza. Fejn is-sehem rispettiv tagħhom fix-xogħol ma jistax ikun magħruf, huma għandu jkollhom id-dritt konġunt ta’ proprjetà fuq tali konoxxenza;

(b)

il-Parti li tkun il-proprjetarja ta’ dik il-konoxxenza għandha tagħti drittijiet ta’ aċċess għaliha lill-Parti l-oħra sabiex twettaq l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan il-Ftehim. Dawn id-drittijiet ta’ aċċess għandhom jingħataw mingħajr ħlas ta’ drittijiet (royalty-free).

2.

Ħlief jekk ikun miftiehem speċifikament mod ieħor mill-Partijiet, ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw għax-xogħlijiet letterarji xjentifiċi tal-Partijiet:

(a)

fil-każ fejn Parti tippubblika data, informazzjoni u riżultati xjentifiċi u tekniċi, permezz ta’ ġurnali, artikoli, rapporti, kotba, inklużi video u software, li jirriżultaw jew li jkunu konnessi ma’ attivitajiet imwettqa skond dan il-Ftehim, għandha tingħata liċenzja dinjija, mhux esklussiva, irrevokabbli, libera mill-ħlas ta’ drittijiet lill-Parti l-oħra sabiex tittraduċi, tirriproduċi, tadatta, tittrażmetti u tqassam pubblikament xogħlijiet ta’ dan it-tip;

(b)

il-kopji kollha ta’ data u informazzjoni, protetti minn drittijiet ta’ l-awtur, li għandhom jitqassmu pubblikament u jitħejjew taħt din it-taqsima għandhom juru l-ismijiet ta’ l-awtur(i) tax-xogħol ħlief jekk awtur jirrifjuta b’mod espliċitu li jissemma. Dawn għandhom ikollhom rikonoxximent ċar tas-sostenn kooperattiv tal-Partijiet.

3.

Ħlief jekk ikun miftiehem speċifikament mod ieħor mill-Partijiet, ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw għal tagħrif mhux żvelat tal-Partijiet:

(a)

meta tkun tikkomunika mal-Parti l-oħra informazzjoni konnessa ma’ attivitajiet imwettqa skond dan il-Ftehim, kull Parti għandha tidentifika dik l-informazzjoni li tixtieq li tibqa’ mhux żvelata;

(b)

il-Parti riċeventi tista’ taħt ir-reponsabbiltà tagħha proprja tikkomunika informazzjoni mhux żvelata lil korpi jew persuni taħt l-awtorità tagħha għall-finijiet speċifiċi ta’ l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim;

(ċ)

mal-kunsens bil-miktub minn qabel tal-Parti li qed tipprovdi informazzjoni mhux żvelata, il-Parti riċeventi tista’ xxerred din l-informazzjoni mhux żvelata b’mod aktar wiesa’ milli kif permess fil-paragrafu 2. Il-Partijiet għandhom jikkoperaw fl-iżvilupp ta’ proċeduri għat-talba u l-kisba minn qabel ta’ kunsens bil-miktub għal dan it-tixrid aktar wiesa’, u kull Parti għandha tipprovdi din l-approvazzjoni sal-punt permess mil-linji politiċi, ir-regolamenti u l-liġijiet domestiċi tagħha;

(d)

l-informazzjoni non-dokumentarja mhux żvelata jew l-informazzjoni konfidenzjali oħra provduta f’seminars u laqgħat oħra bejn rappreżentanti tal-Partijiet organizzati taħt dan il-Ftehim, jew l-informazzjoni li toħroġ mill-insedjament ta’ persunal, użu ta’ faċilitajiet jew azzjonijiet indiretti, għandha tibqa’ konfidenzjali meta r-riċevitur ta’ tali informazzjoni mhux żvelata jew informazzjoni konfidenzjali jew privileġġata oħra jkun mgħarraf bil-karattru konfidenzjali ta’ l-informazzjoni komunikata fiż-żmien li tali komunikazzjoni kienet saret, skond il-paragrafu 1;

(e)

kull Parti għandha tagħmel dak li tista’ sabiex tiżgura li l-informazzjoni mhux żvelata riċevuta minnha skond il-paragrafi 1 u 3 tiġi kontrollata kif previst hawnhekk. Jekk waħda mill-Partijiet tintebaħ li ma tkunx tista’, jew tista’ b’mod raġonevoli tantiċipa li ma tkunx tista’, tissodisfa d-dispożizzjonijiet dwar il-projbizzjoni tat-tixrid preskritti fil-paragrafi 1 u 3, hija għandha immedjatament tgħarraf lill-Parti l-oħra. Il-Partijiet għandhom wara dan jikkonsultaw sabiex jiddefinixxu azzjoni xierqa.

ANNESS III

REGOLI GĦALL-KONTRIBUZZJONI FINANZJARJA TA’ L-IŻRAEL GĦAS-SEBA’ PROGRAMM KWADRU TAL-KE

I.   Kalkolu tal-kontribuzzjoni finanzjarja ta’ l-Iżrael

1.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja ta’ l-Iżrael għas-Seba’ Programm Kwadru tal-KE għandha tkun stabbilita fuq bażi annwali fi proporzjon għal, u b’żieda ma’, l-ammont disponibbli kull sena fil-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea għal approprjazzjonijiet ta’ impenji meħtieġa għall-implimentazzjoni, il-ġestjoni u l-operat tas-Seba’ Programm Kwadru tal-KE.

2.

Il-fattur ta’ proporzjonalità li jirregola l-kontribuzzjoni ta’ l-Iżrael għandu jinkiseb billi jkun stabbilit il-proporzjon bejn il-prodott gross domestiku ta’ l-Iżrael, fi prezzijiet tas-suq, u s-somma ta’ prodotti gross domestiċi, fi prezzijiet tas-suq, ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Iżrael. Dan il-proporzjon għandu jkun ikkalkulat fuq il-bażi ta’ l-aħħar data statistika li jappartjenu għall-istess sena mill-Bank Internazzjonali għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, disponibbli fiż-żmien tal-pubblikazzjoni ta’ l-abbozz preliminari tal-baġit ta’ l-Unjoni Ewropea.

3.

Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Iżrael, kemm jista’ jkun malajr, u l-aktar tard sa l-1 ta’ Settembru tas-sena ta’ qabel kull sena finanzjarja, l-informazzjoni li ġejja flimkien mal-materjal ta’ sfond rilevanti:

l-ammonti għal approprjazzjonijiet ta’ impenji, fir-rendikont ta’ nfiq ta’ l-abbozz preliminari tal-baġit ta’ l-Unjoni Ewropea li jikkorrispondu għas-Seba’ Programm Kwadru tal-KE;

l-ammont stmat tal-kontribuzzjonijiet li ġej mill-abbozz preliminari tal-baġit, li jikkorrispondi għall-parteċipazzjoni ta’ l-Iżrael fis-Seba’ Programm Kwadru tal-KE skond il-paragrafi 1, 2 u 3.

Meta l-baġit ġenerali jkun ġie finalment adottat, il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Iżrael, fir-rendikont ta’ nfiq li jikkorrispondi għall-parteċipazzjoni ta’ l-Iżrael, l-ammonti finali li jirreferi għalihom l-ewwel paragrafu.

II.   Pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja ta’ l-Iżrael

1.

Il-Kummissjoni għandha toħroġ, l-iktar tard f’Jannar u Ġunju ta’ kull sena finanzjarja, sejħa għal fondi lill-Iżrael li jikkorrispondu mal-kontribuzzjoni tiegħu taħt dan il-Ftehim. Dawn is-sejħiet għal fondi għandhom jipprovdu, rispettivament, għall-pagament:

ta’ sitta minn kull tnax tal-kontribuzzjoni ta’ l-Iżrael, mhux aktar tard minn 60 jum wara r-riċeviment tas-sejħiet għal fondi. Madankollu, is-sitta minn kull tnax li għandhom jitħallsu mhux iktar tard minn 60 jum wara r-riċeviment tas-sejħa maħruġa f’Jannar għandhom ikunu kkalkulati fuq il-bażi ta’ l-ammont stipulat fir-rendikont ta’ dħul ta’ l-abbozz preliminari tal-baġit: ir-regolarizzazzjoni ta’ l-ammont hekk imħallas għandha ssir mal-pagament tas-sitta minn kull tnax sa mhux aktar tard minn 30 jum wara r-riċeviment tas-sejħa għal fondi maħruġa mhux aktar tard minn Ġunju.

Għall-ewwel sena ta’ implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, il-Kummissjoni għandha toħroġ l-ewwel sejħa għall-fondi fi żmien 30 jum mill-applikazzjoni proviżorja tagħha. Jekk din is-sejħa toħroġ wara l-15 ta’ Ġunju, għandha tipprovdi għall-pagament ta’ tnax minn kull tnax tal-kontribuzzjoni ta’ l-Iżrael fi żmien 60 jum, ikkalkulat fuq il-bażi ta’ l-ammont miġjub fir-rendikont ta’ dħul tal-baġit.

2.

Il-kontribuzzjoni ta’ l-Iżrael għandha tkun espressa u mħallsa f’ewro. Il-pagament mill-Iżrael għandu jkun ikkreditat lill-programmi Komunitarji bħala dħul fil-baġit allokat għat-titolu (intestatura) tal-baġit xieraq fir-rendikont tad-dħul tal-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea. Ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea għandu japplika għall-ġestjoni ta’ l-approprjazzjonijiet.

3.

L-Iżrael għandu jħallas il-kontribuzzjoni tiegħu taħt dan il-Ftehim skond l-iskeda fil-paragrafu 1. Kull dewmien fil-pagament tal-kontribuzzjoni għandu jikkawża l-pagament ta’ mgħax b’kontumaċja mill-Iżrael fuq l-ammont mhux imħallas mid-data dovuta. Ir-rata ta’ mgħax għandha tkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-ġdid prinċipali tiegħu f’ewro fid-data dovuta, miżjuda b’1.5 punti perċentwali.

Fil-każ li d-dewmien fil-pagament tal-kontribuzzjoni jkun tali li jista’ jipperikola b’mod sinifikanti l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-programm, il-parteċipazzjoni fil-programm ta’ l-Iżrael għas-sena finanzjarja kkonċernata għandha tkun sospiża mill-Kummissjoni wara n-nuqqas ta’ pagament 20 jum ta’ xogħol wara li ittra formali ta’ tfakkir tkun intbagħtet lill-Iżrael, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Komunità skond il-ftehim għall-għoti ta’ għajnuniet u/jew il-kuntratti diġa konklużi rilevanti għall-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet indiretti magħżula.

4.

Mhux aktar tard mill-31 ta’ Mejju tas-sena wara sena finanzjarja, ir-rendikont ta’ approprjazzjonijiet għas-Seba’ Programm Kwadru tal-KE ta’ dik is-sena finanzjarja għandu jkun ippreparat u trasmess lill-Iżrael għal informazzjoni, skond il-format tal-kont tad-dħul u nfiq tal-Kummissjoni.

5.

Il-Kummissjoni, fil-waqt ta’ l-għeluq tal-kontijiet marbutin ma’ kull sena finanzjarja, fil-qafas ta’ l-istabbiliment tal-kont tad-dħul u l-infiq, għandha tipproċedi għar-regolarizzazzjoni tal-kontijiet rigward il-parteċipazzjoni ta’ l-Iżrael. Din ir-regolarizzazzjoni għandha tqis l-emendi li jkunu saru, kemm bi trasferiment, kanċellazzjonijiet, trasferimenti ’l quddiem, diżimpenji, jew permezz ta’ baġits supplimentari u li jemendaw matul is-sena finanzjarja. Din ir-regolarizzazzjoni għandha ssir mal-ħlas tat-tieni pagament tas-sena finanzjarja li jmiss, u għall-aħħar sena finanzjarja f’Lulju 2014. Iktar regolarizzazzjoni għandha ssir kull sena sa Lulju 2016.

ANNESS IV

KONTROLL FINANZJARJU TAL-PARTEĊIPANTII ŻRAELJANI FIL-PROGRAMMI KOMUNITARJI KOPERTI B’DAN IL-FTEHIM

I.   Komunikazzjoni Diretta

Il-Kummissjoni għandha tikkomunika direttament mal-parteċipanti tas-Seba’ Programm Kwadru tal-KE stabbilit fl-Iżrael u mas-subkuntratturi tagħhom. Huma jistgħu jippreżentaw direttament lill-Kummissjoni kull informazzjoni u dokumentazzjoni rilevanti li huma meħtieġa jippreżentaw abbażi ta’ l-istrumenti li jirreferi għalihom dan il-Ftehim u ta’ l-arranġamenti għall-għoti ta’ għajnuna u/jew kuntratti konklużi sabiex jiġu implimentati.

II.   Verifiki

1.

Skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, li ġie emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1995/2006 (1) dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej u mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 1248/2006 (2) li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej u flimkien mar-regoli l-oħrajn li jirriferi għalihom dan il-Ftehim, l-arranġamenti għall-għoti ta’ għajnuna u/jew kuntratti konklużi ma’ parteċipanti fil-programm kif stabbilit fl-Iżrael jistgħu jipprovdu għal verifiki xjentifiċi, finanzjarji, teknoloġiċi u verifiki oħra li jistgħu jsiru fi kwalunkwe żmien fuq l-istabbiliment tal-parteċipanti u tas-subkuntratturi tagħhom minn aġenti tal-Kummissjoni jew minn persuni oħrajn li jkunu mogħtija din is-setgħa mill-Kummissjoni.

2.

L-aġenti tal-Kummissjoni, il-Qorti Ewropea ta’ l-Awdituri u persuni oħrajn li jkunu ngħataw is-setgħa mill-Kummissjoni għandu jkollhom aċċess xieraq għas-siti, xogħlijiet u dokumenti u għal kull informazzjoni meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jagħmlu t-tali verifiki, inkluż f’forma elettronika, suġġett għall-inklużjoni ta’ dan id-dritt għall-aċċess li għandu jiġi ddikjarat b’mod espliċitu fl-arranġamenti għall-għoti ta’ l-għajnuna u/jew kuntratti konklużi sabiex jiġu implimentati l-istrumenti li jirreferi għalihom dan il-Ftehim ma’ parteċipanti ta’ l-Iżrael.

3.

Il-verifiki jistgħu jsiru wara li jiskadu s-Seba’ Programm Kwadru tal-KE u l-Programm Kwadru tal-Euratom jew dan il-Ftehim, fuq il-kondizzjonijiet stipulati fil-ftehim għall-għoti ta’ għajnuna u/jew kuntratti konċernati.

4.

L-awtorità kompetenti Iżraeljana maħtura mill-gvern Iżraeljan għandha tiġi informata bil-quddiem bil-verifiki li jsiru fuq it-territorju ta’ l-Iżrael. Tali notifika m’għandhiex tkun prekondizzjoni legali għat-twettiq ta’ tali verifiki.

III.   Kontrolli Fuq il-Post

1.

Fil-qafas ta’ dan il-Ftehim, il-Kummissjoni (OLAF) għandha tkun awtorizzata li tagħmel verifiki fuq il-post u ispezzjonijiet fl-istabbilimenti tal-parteċipanti u tas-subkuntratturi Iżraeljani tagħhom, skond it-termini u l-kondizzjonijiet stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (3).

2.

Il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom jitħejjew u jsiru mill-Kummissjoni b’kollaborazzjoni mill-qrib ma’ l-awtorità kompetenti Iżraeljana maħtura mill-gvern Iżraeljana kif stipulat fl-Appendiċi A ta’ dan l-Anness. L-awtorità maħtura għandha tiġi nnotifikata bil-quddiem bil-għan, skop u bażi legali tal-verifiki u l-ispezzjonijiet, f’ħin xieraq li jippermettilha tipprovdi assistenza. Għal dak il-għan, l-uffiċjali ta’ l-awtoritajiet kompetenti Iżraeljani jistgħu jipparteċipaw fil-verifiki u l-ispezzjonijiet ta’ fuq il-post.

3.

Jekk l-awtoritajiet Iżraeljani kkonċernati jkunu jixtiequ hekk, il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post jistgħu jsiru b’mod konġunt minnhom u mill-Kummissjoni.

4.

Meta l-parteċipanti tas-Seba’ Programm Kwadru tal-KE jopponu verifika jew spezzjoni fuq il-post, l-awtoritajiet Iżraeljani, billi jaġixxu skond ir-regoli u r-regolamenti nazzjonali, għandhom jassistu lill-ispetturi tal-Kummissjoni, sakemm ikun xieraq u kif meħtieġ sabiex dawn ikunu jistgħu jwettqu dmirijiethom fil-verifika jew l-ispezzjoni ta’ fuq il-post.

5.

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta malajr kemm jista’ jkun lill-awtorità kompetenti Iżraeljana bi kwalunkwe fatt jew suspett relatat ma’ irregolarità li tkun ġiet notifikata lilha matul il-verifika jew l-ispezzjoni ta’ fuq il-post. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni għandha tkun meħtieġa li tinforma mill-awtorità msemmija hawn fuq bir-riżultati ta’ tali verifiki u spezzjonijiet.

IV.   Informazzjoni and Konsultazzjoni

1.

Għall-finijiet ta’ l-implimentazzjoni adegwata ta’ dan l-Anness, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Iżrael u tal-Komunità għandhom jagħmlu skambju ta’ l-informazzjoni regolarment, sakemm dan ma jkunx projbit jew illeċitu minn regoli u regolamenti nazzjonali u, fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet, għandhom isiru konsultazzjonijiet.

2.

L-awtoritajiet kompetenti Iżraeljani għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni fi żmien xieraq bi kwalunkwe fatt jew suspett li jkun ġie notifikat lilhom u li jkollu x’jaqsam ma’ xi irregolarità rigward il-konklużjoni u l-implimentazzjoni tal-ftehim għall-għoti ta’ għajnuna u/jew kuntratti konklużi fl-applikazzjoni ta’ l-istrumenti msemmija f’dan il-Ftehim.

V.   Kunfidenzjalità

L-informazzjoni li tkun komunikata jew miksuba fi kwalunkwe forma taħt dan l-Anness għandha tkun koperta bis-segretezza professjonali u protetta bl-istess mod bħal ma tkun protetta informazzjoni simili permezz tal-liġi Iżraeljana u ta’ dispożizzjonijiet korrispondenti u applikabbli għall-istituzzjonijiet Komunitarji. Tali informazzjoni ma tistax tiġi komunikata ħlief lil persuni fi ħdan l-istituzzjonijiet Komunitarji jew fl-Istati Membri jew fl-Iżrael li l-funzjonijiet tagħhom jirrikjedu legalment li huma jkunu jafuha u lanqas tista’ tiġi użata għal skopijiet oħra ħlief sabiex tkun żgurata protezzjoni effettiva ta’ l-interessi finanzjarji tal-Partijiet (4).

VI.   Miżuri Amministrattivi u Penali

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi kriminali Iżraeljana, miżuri amministrattivi u penali jistgħu jiġu imposti mill-Kummissjoni bi qbil mar-Regolamenti (KE, Euratom) Nru 1605/2002, kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1995/2006 u (KE, Euratom) Nru 2342/2002 kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 1248/2006 u mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej.

VII.   Irkupru u Infurzar

Id-Deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni taħt is-Seba’ Programm Kwadru tal-KE fl-ambitu ta’ dan il-Ftehim li jimponu obbligu ta’ ħlas ta’ flus fuq persuni li mhumiex Stati għandhom jiġu infurzati fl-Iżrael permezz ta’ proċedura ċivili f’Qorti Iżraeljana. Id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ infurzar huma inkorporati fil-ftehim għall-għoti ta’ għajnuna mal-parteċipanti mill-Iżrael. L-ordni ta’ infurzar għandha tiġi preżentata lill-Qorti Iżraeljana, mingħajr aktar kontrolli għajr dak tal-verifika ta’ l-awtentiċità ta’ l-att, mill-awtoritajiet maħtura mill-Gvern ta’ l-Istat ta’ l-Iżrael, li għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan. L-infurzar għandu jseħħ b’konformità mar-regoli ta’ proċedura Iżraeljani. Il-legalità tad-deċiżjoni ta’ l-infurzar għandha tkun suġġetta għall-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej. Sentenzi li jingħataw mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej skond klawżola ta’ arbitraġġ fi ftehim għall-għoti ta’ għajnuna u/jew kuntratt taħt is-Seba’ Programm ta’ Qasam tal-KE u l-Programm ta’ Qasam tal-Euratom għandhom jiġu infurzati bl-istess termini.


(1)  ĠU L 390, 30.12.2006

(2)  ĠU L 227, 19.8.2006

(3)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2

(4)  ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.

Appendiċi A

Għall-finijiet ta’ l-Artikolu III ta’ l-Anness IV, fi kwistjonijiet ċivili jew amministrattivi, l-Awtorità Iżraeljana li għandha tiġi maħtura hija l-Uffiċċju tax-Xjentist Prinċipali fil-Ministeru ta’ l-Industrija, Kummerċ u Xogħol. Madankollu, fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati ma’ l-eżekuzzjoni ta’ xi investigazzjoni jew spezzjoni, l-Awtorità Iżraeljana denominata għandha tkun id-Dipartiment ta’ Affarijiet Internazzjonali ta’ l-Uffiċċju ta’ l-Avukat ta’ l-Istat fil-Ministeru tal-Ġustizzja Iżraeljan.


ATT FINALI

Il-Plenipotenzjarji

tal-KOMUNITAJIET EWROPEJ

kif ukoll

ta’ l-ISTAT TA’ L-IŻRAEL,

li qegħdin jiltaqgħu fis-16-il jum tax-xahar ta’ Lulju tas-sena elfejn u sebgħa sabiex jiġi ffirmat il-Ftehim dwar Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Istat ta’ l-Iżrael, min-naħa l-oħra, adottaw din id-Dikjarazzjoni Konġunta:

Dikjarazzjoni Konġunta tal-Partijiet Kontraenti dwar djalogu mill-qrib bil-ħsieb ta’ strutturi ġodda li jimplimentaw l-Artikoli 169 u 171 tat-Trattat KE.

За Европейската общнoст

Por la Comunidad Europea

Za Evropské společenství

For Det Europæiske Fællesskab

Für die Europäische Gemeinschaft

Euroopa Ühenduse nimel

Για την Ευρωπαϊκή Κοινότητα

For the European Community

Pour la Communauté européenne

Per la Comunità europea

Eiropas Kopienas vārdā

Europos bendrijos vardu

Az Európai Közösség részéről

Għall-Komunità Ewropea

Voor de Europese Gemeenschap

W imieniu Wspólnoty Europejskiej

Pela Comunidade Europeia

Pentru Comunitatea Europeană

Za Európske spoločenstvo

Za Evropsko skupnost

Euroopan yhteisön puolesta

För Europeiska gemenskapen

Европa Шериктештиги γчγн

За Европейское Сообщество

Image

Image

Image

За държавата Израел

Por el Estado de Israel

Za Stát Izrael

For Staten Israel

Für den Staat Israel

Iisraeli Riigi nimel

Για το Κράτος του Ισραήλ

For the State of Israel

Pour l'État d'Israël

Per lo Stato di Israele

Izraēlas Valsts vārdā

Izraelio Valstybės vardu

Izrael Állam részéről

Għall-Istat ta' l-Iżrael

Voor de Staat Israël

W imieniu Państwa Izrael

Pelo Estado de Israel

Pentru Statul Israel

Za Izraelský štát

Za državo Izrael

Israelin valtion puolesta

För Staten Israel

Image

Image

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

tal-Partijiet Kontraenti dwar Djalogu mill-Qrib bil-ħsieb ta’ Strutturi ġodda li jimplimentaw l-Artikoli 169 u 171 tat-Trattat KE

Iż-żewġ Partijiet jiddikjaraw illi, bil-għan li tiġi żgurata l-implimentazzjoni adegwata ta’ l-Anness I.I.1 ta’ dan il-Ftehim, l-Iżrael ser jiġi infurmat fi żmien kif ikun xieraq dwar xogħlijiet ta’ tħejjija fir-rigward ta’ strutturi bbażati fuq l-Artikoli 169 u/jew 171 tat-Trattat KE li għandhom jiġu implimentati taħt is-Seba’ Programm Kwadru.