25.10.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

322


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2006/448/PESK

tas-7 ta’ Ġunju 2006

dwar l-estensjoni tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern ta' l-Indoneżja dwar il-kompiti, l-istatus, il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Missjoni ta' Monitoraġġ ta' l-Unjoni Ewropea f'Aceh (l-Indoneżja) (Missjoni ta' Monitoraġġ f'Aceh – AMM) u tal-persunal tagħha

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Presidenza,

Billi:

(1)

Fis-27 ta' Frar 2006, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġuta 2006/202/PESK li temenda u testendi l-Azzjoni Konġunta 2005/643/PESK dwar il-Missjoni ta' Monitoraġġ ta' l-Unjoni Ewropea f'Aceh, l-Indoneżja (Missjoni ta' Monitoraġġ f'Aceh – AMM) (1).

(2)

F'dik id-data l-Kunsill adotta wkoll id-Deċiżjoni 2006/201/PESK (2). dwar l-estensjoni għal 3 xhur tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern ta' l-Indoneżja dwar il-kompiti, l-istatus, il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Missjoni ta' Monitoraġġ ta' l-Unjoni Ewropea f'Aceh (l-Indoneżja) (Missjoni ta' Monitoraġġ f'Aceh - AMM) u tal-persunal tagħha.

(3)

Fil-5 ta' Mejju 2006 l-Gvern ta' l-Indoneżja stieden lill-Unjoni Ewropea sabiex testendi l-mandat tal-Missjoni ta' Monitoraġġ f'Aceh għal perjodu ieħor ta' 3 xhur.

(4)

Kif dikjarat fl-ittra ta' l-14 ta' Settembru 2005 u fl-annessi magħha mingħand il-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin tal-Gvern ta' l-Indoneżja dwar il-kompiti, l-istatus, il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Missjoni ta' Monitoraġġ f'Aceh (AMM) u l-persunal tagħha u r-risposta mis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli tat-3 ta' Ottubru 2005, il-Ftehim jista' jiġi estiż b'perjodu ieħor ta' massimu sitt xhur b'kunsens reċiproku (3).

(5)

L-estensjoni tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri b'perjodu ta' 3 xhur sal-15 ta' Settembru 2006 għandha tiġi approvata f'isem l-Unjoni Ewropea,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-estensjoni tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern ta' l-Indoneżja dwar il-kompiti, l-istatus, il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Missjoni ta' Monitoraġġ ta' l-Unjoni Ewropea f'Aceh (l-Indoneżja) (Missjoni ta' Monitoraġġ f'Aceh – AMM) u tal-persunal tagħha b'perjodu ta' 3 xhur sal-15 ta' Settembru 2006, hija b'dan approvata f'isem l-Unjoni Ewropea.

It-test ta' l-Iskambju ta' Ittri li jikkostitwixxi l-Ftehim dwar din l-estensjoni huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina il-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa jiffirmaw l-Iskambju ta' Ittri sabiex l-Unjoni Ewropea tintrabat (4).

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha jkollha effett mill-jum ta' l-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, nhar is-7 ta’ Ġunju 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

K.H. GRASSER


(1)  ĠU L 71, 10.3.2006, p. 57.

(2)  ĠU L 71, 10.3.2006, p. 53.

(3)  ĠU L 288, 29.10.2005, p. 60.

(4)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


SKAMBJU TA' ITTRI

dwar l-estensjoni tal-Ftehim fil-forma ta' skambju ta' ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern ta' l-Indoneżja dwar il-kompiti, l-istatus, il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Missjoni ta' Monitoraġġ ta' l-Unjoni Ewropea f'Aceh (l-Indoneżja) (Missjoni ta' Monitoraġġ f'Aceh – AMM) u tal-persunal tagħha

A.   Ittra mill-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indoneżja

Ġakarta, 5 ta' Mejju 2006

Eċċellenza,

F'isem il-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indoneżja, nixtieq nesprimi l-apprezzament tiegħi lill-Unjoni Ewropea għall-parteċipazzjoni tagħha fil-Missjoni ta' Monitoraġġ f'Aceh (AMM) u għall-ħidmiet eċċezzjonali tagħha li twettqu minn meta seħħ l-insedjament tagħha fil-Provinċja ta' Nanggroe Aceh Darussalam (NAD).

F'dan il-punt, għandi l-unur nirreferi għall-ittra u l-Annessi tagħha tal-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin tar-Repubblika ta' l-Indoneżja ad interim datata l-14 ta' Settembru 2005 u l-ittra tiegħek u l-Annessi tagħha datata t-3 ta' Ottubru 2005 dwar il-kompiti, l-istatus, il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Missjoni ta' Monitoraġġ f'Aceh (AMM) u għall-ittra tal-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin tar-Repubblika ta' l-Indoneżja datata t-13 ta' Frar 2006 u t-tweġiba tiegħek datata t-28 ta' Frar 2006 dwar l-estensjoni tal-preżenza ta' l-Unjoni Ewropea f'NAD sal-15 ta' Ġunju 2006.

F'dak ir-rigward, għandi l-unur ngħaddilek id-deċiżjoni tal-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indoneżja li jistieden għal darb'oħra lill-Unjoni Ewropea sabiex testendi l-preżenza tagħha f'NAD għal perjodu mis-16 ta' Ġunju 2006 sal-15 ta' Settembru 2006.

L-istatus, il-privileġġi u l-immunitajiet ta' l-AMM ikunu identiċi għal dawk stipulati fl-iskambju ta' l-ittri tagħna rispettivament datati l-14 ta' Settembru 2005 u t-3 ta' Ottubru 2005 li jikkostitwixxu strument li jorbot legalment bejn il-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indoneżja u l-Unjoni Ewropea.

Il-ħidmiet ta' l-AMM matul dan il-perjodu sejrin jinkludu l-kompiti ta' l-AMM kif stabbiliti fl-Artikolu 5.2 tal-Memorandum ta' Ftehim Bejn il-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indoneżja u l-Moviment Aceh Ħieles tal-15 ta' Awissu 2005, minbarra l-kompiti (a) u (b) li diġà twettqu.

Jekk il-proposta hawn fuq imsemmija hija aċċettabbli għall-Unjoni Ewropea, għandi l-unur ukoll nipproponi li din l-ittra kif ukoll l-ittra affermattiva tiegħek bħala tweġiba flimkien jikkostitwixxu strument li jorbot legalment bejn il-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indoneżja u l-Unjoni Ewropea. Dan l-istrument għandu jidħol fis-seħħ fis-16 ta' Ġunju 2006 u jiġi terminat fil-15 ta' Settembru 2006. Għall-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indoneżja dan il-qafas legali huwa bbażat fuq il-Liġi Indoneżjana Nru 2 ta' l-1982 datata 25 ta' Jannar 1982 dwar ir-Ratifika tal-Konvenzjoni dwar Missjoni Speċjali, 1969.

Nemmen li l-koperazzjoni kostruttiva li ġiet stabbilita, bil-ħsieb li tkun provduta soluzzjoni paċifika, komprensiva u sostenibbli għall-isfidi tas-sitwazzjoni f'Aceh, fi ħdan il-qafas ta' l-Istat Unitarju tar-Repubblika ta' l-Indoneżja, tista' tkun aktar sostnuta u msaħħa.

Nistenna bil-ħerqa l-konsiderazzjoni pożittiva tiegħek.

Nassigurak, Sinjur, mill-ikbar stima li għandi lejk.

Image

Dr. N. Hassan Wirajuda

B.   Ittra mill-Unjoni Ewropea

Brussel, Image

Eċċellenza,

Għandi l-unur nirreferi għall-ittra tiegħek tal-5 ta' Mejju 2006 li fiha inti wassaltilna d-deċiżjoni tal-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indoneżja li jistieden lill-Unjoni Ewropea testendi l-preżenza tagħha fil-Provinċja ta' Nanggroe Aceh Darussalam (NAD) għal perjodu ta' tliet xhur mis-16 ta' Ġunju 2006 sal-15 ta' Settembru 2006.

Għandi l-pjaċir nikkonfermalek li l-Unjoni Ewropea qablet li tirrispondi b'mod pożittiv għal din l-istedina.

Nikkonferma li, skond it-termini ta' l-Iskambju ta' l-Ittri tagħna rispettivament datati l-14 ta' Settembru 2005 u t-3 ta' Ottubru 2005 li jikkostitwixxu strument li jorbot legalment bejn il-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indoneżja u l-Unjoni Ewropea, dan l-istrument sejjer jiġi estiż sal-15 ta' Settembru 2006.

Il-ħidmiet ta' l-AMM matul dan il-perjodu sejrin jinkludi l-kompitu ta' l-AMM kif stabbiliti fl-Artikolu 5.2 tal-Memorandum ta' Ftehim Bejn il-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indoneżja u l-Moviment Aceh Ħieles tal-15 ta' Awissu 2005, minbarra l-kompiti (a) u (b) li diġà twettqu.

Għandi l-unur ukoll nikkonferma li l-ittra tiegħek u din l-ittra ta' tweġiba jikkostitwixxu strument li jorbot legalment bejn il-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indoneżja u l-Unjoni Ewropea. Dan l-istrument għandu jidħol fis-seħħ fis-16 ta' Ġunju 2006 u jiġi terminat fil-15 ta' Settembru 2006.

Ippermettili għal darb'oħra nieħu din l-opportunità sabiex nuri l-apprezzament ta' l-UE għall-progress li sar fil-proċess ta' paċi ta' Aceh u sabiex nafferma mill-ġdid l-impenn kontinwu ta' l-Unjoni Ewropea fl-appoġġ tagħha għall-iżvilupp ta' soluzzjoni paċifika, komprensiva u sostenibbli għall-isfidi li għandu quddiemu Aceh.

Nassigurak, Sinjur, mill-ikbar stima li għandi lejk.

Dejjem tiegħek,

Image

Javier Solana