European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/4926

18.9.2026

Miżuri adottati mis-Slovenja f’konformità mal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u msemmija fil-premessa 1 tad-Deċiżjoni C(2026) 4980 final tal-15 ta’ Lulju 2026

(C/2026/4926)

Uradni List RS (UL RS; il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja) Nru 104/2025 tat-12 ta’ Diċembru 2025

3537. Id-Deċiżjoni li tistabbilixxi lista ta’ avvenimenti ewlenin għax-xandir televiżiv, il-paġna 11915.

Skont l-Artikolu 34a(1) tal-Att dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżivi (UL RS Nri 87/11, 84/15 u 204/21), il-Gvern tar-Repubblika tas-Slovenja adotta d-

DEĊIŻJONI

li tistabbilixxi lista ta’ avvenimenti ewlenin għax-xandir televiżiv

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni li tistabbilixxi lista ta’ avvenimenti ewlenin għax-xandir televiżiv, (minn hawn ’il quddiem: il-Lista).

Artikolu 2

Il-Lista tinkludi avvenimenti li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 34a(2) tal-Att dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżivi (UL RS Nri 87/11, 84/15 u 204/21) u huma elenkati fl-Anness, li jifforma parti integrali minn din id-Deċiżjoni.

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 3

Fil-jum li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ, id-Deċiżjoni li tistabbilixxi lista ta’ avvenimenti ewlenin għax-xandir televiżiv (UL RS Nru 120/22) ma għandhiex tibqa’ tapplika.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja.

Ljubljana, il-11 ta’ Diċembru 2025

Nru 00704-351/2025

EVA 2025-3340-0020

Il-Gvern tar-Repubblika tas-Slovenja

Dr Robert GOLOB

il-Prim Ministru


ANNESS

Lista ta’ avvenimenti ewlenin għax-xandir televiżiv

Nru tas-Serje

Sport/qasam

Avveniment

Metodu ta’ xandir awdjoviżiv

1

Logħob Olimpiku tas-sajf u tax-xitwa

L-avvenimenti Olimpiċi kollha tas-sajf u tax-xitwa li fihom jieħdu sehem it-tim nazzjonali Sloven jew atleta Sloven wieħed jew iktar.

L-avvenimenti jixxandru dirett, b’mod sħiħ jew parzjali. Jekk ix-xandir dirett ma jkunx teknikament fattibbli minħabba li żewġ avvenimenti jew iktar jinzertaw fl-istess ħin, dawn jistgħu jixxandru wkoll b’dewmien bejniethom.

2

Futbol

—

It-Tazza tad-Dinja tal-irġiel – il-logħbiet kollha li jintlagħbu mit-tim nazzjonali Sloven, il-logħba tal-ftuħ, is-semifinali, il-logħba għat-tielet post u l-finali

—

Il-logħbiet kollha ta’ kwalifika tat-Tazza tad-Dinja li fihom jilgħab it-tim nazzjonali Sloven tal-irġiel

—

Il-Kampjonat Ewropew tal-UEFA tal-irġiel – il-logħbiet kollha li jintlagħbu mit-tim nazzjonali Sloven, il-logħba tal-ftuħ, is-semifinali, il-finali

—

Il-logħbiet kollha ta’ kwalifika tal-Kampjonat Ewropew tal-UEFA li fihom jilgħab it-tim nazzjonali Sloven tal-irġiel

—

L-UEFA Champions League tal-irġiel – il-logħbiet kollha li fihom jieħdu sehem il-klabbs Sloveni

—

L-UEFA Europa League tal-irġiel – il-logħbiet kollha tal-fażi ta’ eliminazzjoni li fihom jieħdu sehem il-klabbs Sloveni

L-avvenimenti jixxandru dirett, b’mod sħiħ.

3

Skijjar – id-dixxiplini tal-FIS u l-biathlon

—

Il-Kampjonati Dinjin tal-Iskijjar Alpin tal-FIS, il-Kampjonati Dinjin tal-Iskijjar Nordiku tal-FIS, u l-Kampjonati Dinjin tat-Titjir bl-Iskis tal-FIS

—

Il-Kampjonati Dinjin tal-Biathlon tal-IBU

—

Il-kompetizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja tal-Iskijjar Alpin tal-FIS u tat-Tazza tad-Dinja tal-Qbiż bl-Iskis tal-FIS

—

Il-kompetizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja tal-Biathlon tal-IBU

—

Il-kompetizzjonijiet kollha tat-Tazza tad-Dinja fl-isports tax-xitwa l-oħra kollha (FIS) li jsiru fis-Slovenja

L-avvenimenti jixxandru dirett, b’mod sħiħ. Jekk ix-xandir dirett ma jkunx teknikament fattibbli minħabba li żewġ avvenimenti jew iktar jinzertaw fl-istess ħin, dawn jistgħu jixxandru wkoll b’dewmien bejniethom.

4

Basketball

—

It-Tazza tad-Dinja tal-irġiel u l-Kampjonat Ewropew tal-irġiel: il-logħbiet kollha li jintlagħbu mit-tim nazzjonali Sloven

L-avvenimenti jixxandru dirett, b’mod sħiħ.

5

Handball

—

It-Tazza tad-Dinja tal-irġiel u tan-nisa, kif ukoll il-Kampjonat Ewropew tal-irġiel u tan-nisa: il-logħbiet kollha li jintlagħbu mit-tim nazzjonali Sloven

L-avvenimenti jixxandru dirett, b’mod sħiħ.

6

Volleyball fuq ġewwa

—

It-Tazza tad-Dinja tal-irġiel u l-Kampjonat Ewropew tal-irġiel: il-logħbiet kollha li jintlagħbu mit-tim nazzjonali Sloven

L-avvenimenti jixxandru dirett, b’mod sħiħ.

7

Ċikliżmu fit-toroq

—

It-tellieqa fit-toroq Elite tal-Kampjonati Dinjin taċ-Ċikliżmu fit-Toroq tal-UCI jekk ikun qed jieħu sehem ċiklist Sloven wieħed jew iktar – l-istadju finali tat-tellieqa; it-Tour tas-Slovenja – il-partijiet finali tal-istadji u l-istadju tal-għeluq

—

It-Tour de France, jekk ikun qed jieħu sehem ċiklist Sloven wieħed jew iktar – il-partijiet finali tal-istadji u l-istadju tal-għeluq

L-avvenimenti u partijiet mill-avvenimenti jixxandru b’mod dirett.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/4926/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)