European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/4868

28.9.2026

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie (il-Polonja) fl-1 ta’ Lulju 2026 – Consumer Rights Recovery sp. z o.o. vs BNP Paribas Bankowi Polska S.A.

(Kawża C-714/26, Consumer Rights Recovery)

(C/2026/4868)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Consumer Rights Recovery sp. z o.o.

Konvenut: BNP Paribas Bank Polska S.A.

Domandi preliminari

1)

F’sitwazzjoni fejn il-mutwant, bi ksur tal-Artikolu 3(g) u (j) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (1), moqri flimkien mal-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva, ikun applika rata ta’ interessi mhux biss fuq l-ammont totali tal-kreditu, iżda wkoll fuq ammonti ddestinati sabiex ikopru l-infiq marbut mal-kreditu, li jagħmlu parti mill-infiq kollu marbut ma’ dan il-kreditu sostnut mill-konsumatur (bħal ma kien il-każ fis-sentenza tat-23 ta’ April 2026, Bank Polska Kasa Opieki, C-744/24, EU:C:2026:337), għandu jitqies:

i.

li huwa naqas milli jwettaq, fir-rigward tal-mutwatarju (konsumatur), l-obbligu ta’ informazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 10(2)(f) tad-Direttiva 2008/48 billi indika b’mod żbaljat il-kundizzjonijiet applikabbli għar-rata tas-self, u billi ma semmiex b’mod ċar u separatament li r-rata ta’ interessi tapplika wkoll għall-ispejjeż ta’ kreditu inklużi fil-kapital tiegħu?

ii.

li huwa naqas milli jwettaq, fir-rigward tal-mutwatarju (konsumatur), l-obbligu ta’ informazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 10(2)(g) tad-Direttiva 2008/48 billi indika b’mod żbaljat l-ammont totali dovut mill-konsumatur jew ir-rata annwali effettiva globali?

iii.

li huwa naqas milli jwettaq, fir-rigward tal-mutwatarju (konsumatur), l-obbligu ta’ informazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 10(2)(h) tad-Direttiva 2008/48, billi indika b’mod żbaljat l-ammont u n-numru ta’ pagamenti li għandhom isiru mill-konsumatur?

iv.

li huwa naqas milli jwettaq, fir-rigward tal-mutwatarju (konsumatur), l-obbligu ta’ informazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 10(2)(i) tad-Direttiva 2008/48, billi naqas milli jiddistingwi, fit-tabella ta’ amortizzament (amortisation table), l-ispejjeż addizzjonali, jiġifieri, f’kull pagament li sar abbażi tal-kreditu, minbarra l-kapital u l-interessi kkalkolati fuq il-bażi tar-rata ta’ interessi, ukoll il-parti tal-ammont tal-kreditu intiża li tkopri l-ispejjeż marbuta mal-kreditu, u l-interessi kkalkolati fuq il-bażi tar-rata ta’ interessi applikata fil-mument intiż li jkopri l-ispejjeż marbuta mal-kreditu?

v.

li huwa naqas milli jwettaq, fir-rigward tal-mutwatarju (konsumatur), l-obbligu ta’ informazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 10(2)(k) tad-Direttiva 2008/48, billi naqas milli jindika b’mod ċar lill-konsumatur l-ispejjeż l-oħra kollha li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ kreditu, jiġifieri l-ammont tal-interessi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-rata ta’ interessi għall-ammonti intiżi li jkopru l-ispejjeż marbuta mal-kreditu li jagħmlu parti mill-infiq totali tal-kreditu sostnut mill-konsumatur?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, ukoll għal parti minnha, l-eżistenza ta’ wieħed jew iktar minn dawn in-nuqqasijiet għandha twassal għall-applikazzjoni, mill-qorti nazzjonali, tas-sanzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali u stabbiliti skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48?

3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, ukoll għal parti minnha, l-eżistenza ta’ dan it-tip ta’ nuqqas għandha tiġi eżaminata ex officio mill-qorti nazzjonali, għal kull każ, jew unikament abbażi ta’ motiv konkret imqajjem mill-konsumatur (jew l-aventi kawża tiegħu) fil-kuntest tal-proċedura, b’mod partikolari meta r-rikorrent isostni fl-argumenti tiegħu l-applikazzjoni illegali tar-rata ta’ interessi mhux biss fuq l-ammont totali tal-kreditu, iżda wkoll fuq ammonti ddestinati sabiex ikopru l-ispiża marbuta mal-kreditu, li jagħmlu parti mill-infiq kollu marbut ma’ dan il-kreditu sostnut mill-konsumatur?


(1)   ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40 u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/4868/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)