|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/4089 |
24.7.2026 |
OPINJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-2 ta’ Ġunju 2026
dwar il-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri min-Norveġja fil-fruntieri tal-baħar tagħha b’konnessjonijiet bil-laneċ lejn id-Danimarka, il-Ġermanja u l-Iżvezja f’konformità mal-Artikolu 27a(3) tar-Regolament (UE) 2016/399 (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen)
(it-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
(C/2026/4089)
(1)
Skont l-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni toffri liċ-ċittadini tagħha żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, li fiha l-moviment liberu tal-persuni jkun assigurat flimkien ma’ miżuri xierqa f’dak li jirrigwarda l-kontrolli tal-fruntieri esterni, l-ażil, l-immigrazzjoni kif ukoll il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontra l-kriminalità.
(2)
Skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (kodifikazzjoni) (1), Stat Membru jista’, meta jkun ikkonfrontat b’theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna, eċċezzjonalment u temporanjament jintroduċi mill-ġdid il-kontrolli fil-fruntieri interni kollha tiegħu jew f’partijiet speċifiċi minnhom. Dan għandu jsir biss bħala miżura tal-aħħar istanza, u l-ambitu u d-durata tal-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri ma għandhomx jaqbżu dak li huwa strettament meħtieġ sabiex jirrispondu għat-theddida serja identifikata.
(3)
L-Artikolu 25a(4) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jispeċifika li fejn Stat Membru jippjana li jintroduċi mill-ġdid il-kontroll mal-fruntieri fil-fruntieri interni biex jindirizza theddida serja prevedibbli, għandu jinnotifika lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bl-introduzzjoni mill-ġdid ippjanata tal-kontrolli fuq il-fruntieri, mill-anqas erba’ ġimgħat qabel l-introduzzjoni mill-ġdid pjanata tal-kontrolli tal-fruntieri jew mill-aktar fis possibbli meta ċ-ċirkostanzi li jwasslu għall-ħtieġa li jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli fuq il-fruntieri interni jsiru magħrufa lill-Istat Membru inqas minn erba’ ġimgħat qabel l-introduzzjoni mill-ġdid ippjanata.
(4)
In-Norveġja tapplika l-acquis ta’ Schengen u tipparteċipa fiż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni f’konformità mal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (2).
(5)
L-Artikolu 27a(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jeħtieġ li l-Kummissjoni, wara li jaslu n-notifiki sottomessi b’rabta ma’ estensjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni skont l-Artikolu 25a(4) li twassal għall-kontinwazzjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni għal aktar minn 12-il xahar, il-Kummissjoni fuq l-istess raġunijiet, għandha toħroġ opinjoni dwar in-neċessità u l-proporzjonalità ta’ tali kontrolli fuq il-fruntieri interni.
(6)
Il-qafas għall-introduzzjoni mill-ġdid u l-estensjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni ġie rivedut b’mod sostanzjali bir-Regolament (UE) 2024/1717 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li daħal fis-seħħ fl-10 ta’ Lulju 2024. Konsegwentement, il-bidu tal-perijodi kollha msemmija fit-Titolu III, Kapitolu II tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ġie kkalkolat minn din id-data.
(7)
Permezz tal-ittra datata l-14 ta’ Ottubru 2024, l-awtoritajiet Norveġiżi nnotifikaw l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri abbażi tal-Artikolu 25a tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, fil-fruntieri marittimiinterni mal-konnessjonijiet bil-vapur fi ħdan iż-żona Schengen (portijiet ta’ Oslo, Sandefjord, Larvik, Kristiansand, Stavanger, Bergen), mit-12 ta’ Novembru 2024 sal-11 ta’ Mejju 2025.
(8)
Permezz ta’ ittra datata l-11 ta’ April 2025, l-awtoritajiet Norveġiżi nnotifikaw it-tieni estensjoni tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni għal perjodu ulterjuri ta’ sitt xhur, mit-12 ta’ Mejju 2025 sal-11 ta’ Novembru 2025. Permezz ta’ ittra datata l-15 ta’ Ottubru 2025, l-awtoritajiet Norveġiżi nnotifikaw it-tieni estensjoni tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni għal perjodu ulterjuri ta’ sitt xhur, mit-12 ta’ Novembru 2025 sal-11 ta’ Mejju 2026. Permezz ta’ ittra datata l-15 ta’ Ottubru 2025, l-awtoritajiet Norveġiżi nnotifikaw it-tielet estensjoni tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni għal perjodu ulterjuri ta’ sitt xhur, mit-12 ta’ Mejju 2026 sal-11 ta’ Novembru 2026.
(9)
In-Norveġja ġiet inkluża fid-djalogu strutturat tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni. Wara l-wasla tan-notifika tan-Norveġja għal estensjoni, dan id-djalogu strutturat kompla bħala parti minn proċess ta’ konsultazzjoni previst mill-Artikolu 27a(4) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.
(10)
Is-sitwazzjoni attwali fil-fruntieri interni ġiet deskritta fir-Rapport dwar l-Istat ta’ Schengen tat-23 ta’ April 2025 (4) u hija diskussa regolarment fil-Kunsill ta’ Schengen.
(11)
Peress li n-Norveġja introduċiet mill ġdid u estendiet il-kontrolli fil-fruntieri interni, għall-istess raġunijiet, għal perjodu kontinwu ta’ aktar minn 12-il xahar b’kollox, il-Kummissjoni għandha toħroġ opinjoni dwar in-neċessità u l-proporzjonalità ta’ tali kontrolli fil-fruntieri.
(12)
Wara valutazzjoni tan-notifiki, issupplimentata bl-informazzjoni pprovduta fil-qafas tal-proċess ta’ konsultazzjoni u dokumenti uffiċjali oħra, disponibbli għall-pubbliku, il-Kummissjoni tadotta din l-Opinjoni.
VALUTAZZJONI TAN-NOTIFIKI
I. REKWIŻITI FORMALI
|
(13) |
Il-Kummissjoni tosserva li n-notifiki tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni kif ukoll l-estensjonijiet tagħhom ġew innotifikati f’konformità mal-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 25a(4) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, jiġifieri mhux aktar tard minn erba’ ġimgħat qabel id-dħul fis-seħħ tal-introduzzjoni mill-ġdid jew l-estensjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni. |
|
(14) |
Il-Kummissjoni tosserva li dawk in-notifiki saru f’konformità mal-mudell stabbilit għal dak l-għan bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/315 (5). |
|
(15) |
L-Artikolu 27(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jirrikjedi li f’sitwazzjonijiet fejn il-kontrolli fuq il-fruntieri jkunu ilhom fis-seħħ għal sitt xhur, l-Istati Membri jipprovdu valutazzjoni tar-riskju fi kwalunkwe notifika sussegwenti li tippreżenta l-iskala u l-evoluzzjoni antiċipata tat-theddida serja. Filwaqt li valutazzjoni preċiża tal-iskala u d-durata antiċipata tat-theddida serja tista’ tkun diffiċli biex tiġi pprovduta mill-awtoritajiet nazzjonali minħabba n-natura kumplessa tagħha, il-Kummissjoni tinnota li l-informazzjoni pprovduta fin-notifiki ma tagħmilx valutazzjoni tar-riskju dettaljata skont l-Artikolu 27(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, filwaqt li tqis ix-xejriet fl-iżvilupp tat-theddida serja fil-perjodu preċedenti ta’ introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni, u bl-użu ta’ analiżijiet tar-riskju mħejjija fil-livell nazzjonali u mill-aġenziji rilevanti tal-Unjoni. |
|
(16) |
Il-Kummissjoni tinnota li n-Norveġja ma ppreżentatx rapport f’konformità mal-Artikolu 33(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, li jirrikjedi li Stat Membru jissottometti rapport dwar l-introduzzjoni mill-ġdid u l-estensjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni mal-iskadenza ta’ 12-il xahar, li kien ikun t-12 ta’ Novembru 2025. |
II. ĦTIEĠA U PROPORZJONALITÀ
Il-pożizzjoni tal-Awtoritajiet Norveġiżi
|
(17) |
L-awtoritajiet Norveġiżi jinvokaw theddida serja għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà interna b’referenza għall-pożizzjoni tan-Norveġja bħala produttur u fornitur tal-enerġija b’rabta ma’ operazzjonijiet estensivi u kontinwi ta’ intelligence u influwenza u t-theddida plawżibbli ta’ sabotaġġ għall-infrastruttura kritika fuq l-art u lil hinn mill-kosta mill-intelligence Russa. |
|
(18) |
Fir-rapport ta’ valutazzjoni tat-theddid nazzjonali tiegħu tal-2025, is-Servizz tas-Sigurtà tal-Pulizija Norveġiż (PST) jiddikjara li l-intelligence Russa wettqet “għexieren” ta’ azzjonijiet ta’ sabotaġġ u attivitajiet ta’ tfixkil bl-użu ta’ atturi bi prokura mill-aħħar tal-2023. Hija tqis li x’aktarx l-intelligence Russa ser tipprova twettaq azzjonijiet ta’ sabotaġġ kontra miri fin-Norveġja fl-2025, bl-għan li tipprevjeni lin-Norveġja milli tagħmel konsenji tal-enerġija lill-Ukrajna u tinfluwenza b’mod negattiv l-opinjoni pubblika dwar l-appoġġ għall-Ukrajna. L-intrużjonijiet reċenti tal-ispazju tal-ajru nazzjonali Norveġiż minn droni ta’ provenjenza mhux magħrufa, li kkawżaw tfixkil fl-avjazzjoni ċivili, jikkonfermaw sitwazzjoni ta’ tensjoni fis-sigurtà. |
|
(19) |
L-awtoritajiet Norveġiżi jenfasizzaw il-proporzjonalità tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni, li hija limitata, kemm fl-ambitu operazzjonali kif ukoll f’dak ġeografiku, għal dak li huwa strettament meħtieġ biex jiġi evitat theddid possibbli għas-sigurtà interna u għall-ordni pubbliku. |
|
(20) |
Il-kontrolli huma bbażati fuq ir-riskju, bl-użu ta’ listi tal-passiġġieri. Il-maġġoranza tal-kontrolli jsiru virtwalment bis-saħħa tal-użu estensiv tal-possibbiltajiet offruti mill-wasla u l-ipproċessar bil-quddiem tal-informazzjoni dwar l-ivvjaġġar mill-operaturi marittimi. Bħala medja, fil-perjodu minn Mejju sa Diċembru 2025, 0,12 % biss tal-passiġġieri kienu kkontrollati fiżikament. |
|
(21) |
Il-pulizija Norveġiża tenfasizza li tinġabar intelligence siewja permezz tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni, u li din tgħin biex jiġi evitat li atturi malizzjużi barranin jivvjaġġaw lejn in-Norveġja. |
|
(22) |
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali Norveġiża tirrikjedi l-introduzzjoni formali mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni biex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jobbligaw lill-operaturi tal-laneċ jittrażmettu l-listi tal-passiġġieri lill-pulizija. Il-Ministeru tal-Ġustizzja u s-Sigurtà Pubblika kien qed jeżamina jekk jistax jiġi stabbilit qafas legali nazzjonali ġdid li jippermetti li tasal informazzjoni dwar l-ivvjaġġar mill-operaturi marittimi mingħajr il-ħtieġa li wieħed jirrikorri għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni. |
L-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni
|
(23) |
L-awtoritajiet Norveġiżi pprovdew informazzjoni dwar id-diversi aspetti tat-theddid serju identifikat għas-sigurtà interna u għall-ordni pubbliku kif ukoll argumenti biex jissostanzjaw il-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-kontrolli fil-fruntieri introdotti mill-ġdid. |
|
(24) |
Il-Kummissjoni tieħu nota tat-theddida attwali u serja għall-infrastruttura tal-enerġija fuq l-art u lil hinn mill-kosta, kif stabbilita mis-Servizz tas-Sigurtà tal-Pulizija Norveġiż u appoġġata minn inċidenti tal-passat ta’ sabotaġġ u attakki ibridi. |
|
(25) |
Il-Kummissjoni ssib li n-notifiki tan-Norveġja ma għandhomx informazzjoni dettaljata biżżejjed li tippermettilha tistabbilixxi kif l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni tgħin biex tiġi indirizzata t-theddida ppreżentata mill-intelligence Russa. Il-Kummissjoni tinnota li l-attakki reċenti fuq l-infrastruttura tal-enerġija tan-Norveġja ħadu l-forma ta’ attakki ċibernetiċi. Barra minn hekk, l-applikazzjoni konsistenti mill-Istati Membri tal-linji gwida tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Settembru 2022 dwar il-ħruġ ġenerali ta’ viżi fir-rigward ta’ applikanti Russi u l-kontrolli ta’ ċittadini Russi fil-fruntieri esterni jenħtieġ li sservi bħala mezz addizzjonali biex jiġi indirizzat it-tħassib dwar is-sigurtà identifikat fin-notifika (6). |
|
(26) |
Filwaqt li l-Kummissjoni tirrikonoxxi l-valur tal-informazzjoni miksuba permezz tal-ipproċessar tal-informazzjoni dwar l-ivvjaġġar, hija tinnota li l-leġiżlazzjoni Norveġiża tippermetti biss lill-pulizija tirċievi din l-informazzjoni wara l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni. |
III. MIŻURI ALTERNATTIVI
Il-pożizzjoni tal-Awtoritajiet Norveġiżi
|
(27) |
L-awtoritajiet Norveġiżi ressqu żewġ miżuri alternattivi fin-notifiki tagħhom. Madankollu, huma jsostnu li dawn il-miżuri alternattivi ma jistgħux jissostitwixxu bis-sħiħ l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni. |
|
(28) |
L-ewwel nett, il-pajjiżi Nordiċi kollha jipparteċipaw f’format imsejjaħ il-Kooperazzjoni tal-Pulizija Nordika u jikkondividu informazzjoni operazzjonali fi ħdan is-sottogrupp Stampa tas-Sitwazzjoni Nordika. Il-kooperazzjoni hija mill-qrib ħafna, speċjalment fir-reġjuni tal-fruntiera. Għassa tal-pulizija konġunta ġdida fuq il-fruntiera Norveġiża-Svediża f’Magnormoen ġiet inawgurata f’Settembru 2025. |
|
(29) |
It-tieni, fl-2024, il-Belġju, in-Netherlands, il-Ġermanja, in-Norveġja, ir-Renju Unit u d-Danimarka qablu dwar Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-kooperazzjoni fir-rigward tal-protezzjoni tal-infrastruttura kritika fil-Baħar tat-Tramuntana. Huma jikkooperaw dwar miżuri ta’ sigurtà, jikkondividu informazzjoni u għarfien u jirrapportaw informazzjoni rilevanti fil-livell operazzjonali. Id-dikjarazzjoni Konġunta tiffoka fuq ir-reżiljenza u l-prevenzjoni u għalhekk hija komplementari għall-ħidma tan-NATO, li fiha jipparteċipaw il-pajjiżi kollha msemmija hawn fuq. |
L-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni
|
(30) |
Il-Kummissjoni tieħu nota tal-kooperazzjoni mill-qrib tal-pulizija tan-Norveġja kif ukoll tal-iskambju ta’ informazzjoni u intelligence mal-ġirien diretti tagħha. |
|
(31) |
In-Norveġja għadha ma adottatx il-leġiżlazzjoni nazzjonali meħtieġa li tippermetti lill-pulizija tirċievi informazzjoni dwar l-ivvjaġġar mill-operaturi marittimi fin-nuqqas ta’ introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni. |
|
(32) |
Ir-riċeviment u l-użu ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar relatata mal-konnessjoni bil-vapur fiż-żona Schengen huma permessi skont l-Artikolu 23(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Dan l-artikolu jippermetti l-eżerċizzju tas-setgħat tal-pulizija jew ta’ setgħat pubbliċi oħrajn mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fit-territorju tagħhom, inkluż fiż-żoni tal-fruntieri interni tagħhom, kif ikkonferiti lilhom mil-liġi nazzjonali, sa fejn l-eżerċizzju ta’ dawk is-setgħat ma jkollux effett ekwivalenti għal verifiki fuq il-fruntiera (7). |
|
(33) |
Il-Kummissjoni tqis li n-Norveġja, bħala Pajjiż Assoċjat ma’ Schengen, ma għandhiex aċċess għall-istess livell ta’ informazzjoni rigward it-theddid għas-sigurtà bħal Stat Membru tal-UE minħabba l-parteċipazzjoni limitata tagħha fil-kooperazzjoni transfruntiera dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transfruntiera. |
|
(34) |
Il-Kummissjoni tinnota li s-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (8) il-ġdida kif ukoll id-dħul fis-seħħ tal-EES u tal-ETIAS, li fihom tipparteċipa n-Norveġja, se jkomplu jiżguraw il-fruntieri esterni (9). |
|
(35) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-awtoritajiet Norveġiżi ma jelaborawx fuq id-dikjarazzjoni fin-notifiki tagħhom li miżuri alternattivi ma jistgħux jissostitwixxu l-kontroll fil-fruntieri interni. |
IV. MIŻURI TA’ MITIGAZZJONI
Il-pożizzjoni tal-Awtoritajiet Norveġiżi
|
(36) |
In-Norveġja ssostni li l-impatt fuq l-ivvjaġġar transfruntier u l-moviment liberu fiż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni huwa minimu, minħabba l-mod li bih jitwettqu l-kontrolli fil-fruntieri. |
|
(37) |
Mill-2013, in-Norveġja stabbiliet pjattaforma online, SafeSeaNet Norway, li tiffaċilita l-obbligi ta’ rapportar tal-operaturi tat-trasport marittimu li jippjanaw li jidħlu jew joħorġu minn port li jinsab fit-territorju Norveġiż. |
L-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni
|
(38) |
In-notifiki ppreżentati mill-awtoritajiet Norveġiżi juru l-impenn tagħhom li jiżguraw li l-impatt tal-kontrolli fil-fruntieri interni jibqa’ limitat kif meħtieġ mill-Artikolu 26(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. |
|
(39) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-kontroll fil-fruntieri jsir b’mod immirat u bbażat fuq ir-riskju, sabiex jiġi limitat l-impatt fuq l-ivvjaġġar transfruntier u li persentaġġ żgħir ħafna biss tal-passiġġieri jiġi kkontrollat fiżikament. |
|
(40) |
Il-pjattaforma SafeSeaNet Norway ffaċilitat l-operazzjonijiet għall-operaturi tat-trasport marittimu. |
|
(41) |
Il-Kummissjoni ssib li n-notifika Norveġiża ma fihiex informazzjoni dwar kwalunkwe miżura ta’ mitigazzjoni ulterjuri. |
|
(42) |
In-Norveġja nnotifikat ir-reġjuni transfruntiera tagħha skont l-Artikolu 42b tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. |
|
(43) |
In-notifika Norveġiża ma tispjegax jekk xi reġjuni tal-fruntiera jistgħux jiġu affettwati aktar minn oħrajn bl-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fil-fruntieri tal-baħar tagħha b’konnessjonijiet bil-lanċa lejn Stati Membri oħra. |
V. RAKKOMANDAZZJONIJIET
|
(44) |
Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet Norveġiżi biex iżommu u jiżviluppaw aktar il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni tagħhom ma’ Stati Membri oħra, inkluż billi — fejn meħtieġ — jaġġornaw il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni tal-pulizija multilaterali u bilaterali mal-Istati Membri ġirien. |
|
(45) |
L-awtoritajiet Norveġiżi jenħtieġ li jagħmlu użu sħiħ mill-miżuri alternattivi disponibbli stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/268 (10) u l-possibbiltajiet skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen li jsaħħu u jikkumplimentaw il-miżuri eżistenti. |
|
(46) |
Skont ir-Regolament dwar l-Iskrinjar (11), li jifforma parti mill-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, kontroll tas-sigurtà tal-bażijiet tad-data rilevanti kollha jifforma parti kemm mill-iskrinjar fil-fruntieri esterni, kif ukoll fit-territorju. |
Jenħtieġ li n-Norveġja tadotta leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-pulizija tirċievi informazzjoni dwar l-ivvjaġġar mill-operaturi tat-trasport marittimu mingħajr ma jkollha tirrikorri għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni, u tippreżenta perkors ta’ żmien għall-adozzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni nazzjonali.
|
(47) |
Il-Kummissjoni tqis li bl-adattament tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, l-awtoritajiet Norveġiżi jkunu jistgħu jkomplu jwettqu l-kontrolli meħtieġa fuq il-passiġġieri tal-laneċ abbażi tal-informazzjoni dwar il-passiġġieri, li jippermettulha tissalvagwardja l-interess tas-sigurtà tan-Norveġja, mingħajr ma jkollha tirrikorri għal introduzzjoni mill-ġdid formali tal-kontrolli fil-fruntieri interni. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni tirrakkomanda li n-Norveġja taħdem għat-tneħħija gradwali tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni. Hija se tibqa’ f’kuntatt mill-qrib mal-Istati Membri kollha kkonċernati biex jintlaħaq dan l-għan. |
Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Ġunju 2026.
Għall-Kummissjoni
Magnus BRUNNER
Membru tal-Kummissjoni
(2) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.
(3) Ir-Regolament (UE) 2024/1717 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (ĠU L, 2024/1717. 20.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1717/oj).
(4) COM(2025) 185 final.
(5) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/268 tat-23 ta’ Novembru 2023 dwar il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward ta’ theddid serju għas-sigurtà interna u l-ordni pubbliku fiż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni (ĠU L, 2024/268, 17.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2024/268/oj).
(6) C(2022) 7111 Komunikazzjoni finali tal-Kummissjoni 1. Li taġġorna l-linji gwida dwar il-ħruġ ġenerali ta’ viżi fir-rigward ta’ applikanti Russi wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1500 tad-9 ta’ Settembru 2022 dwar is-sospensjoni totali tal-applikazzjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u tal-Federazzjoni Russa; u 2. Li tipprovdi linji gwida dwar il-kontrolli taċ-ċittadini Russi fil-fruntieri esterni Iċ-ċifri jindikaw li l-Istati Membri qed isegwu l-linji gwida b’mod ġenerali: l-għadd globali ta’ viżi maħruġa lil applikanti Russi naqas minn aktar minn 4 miljun viża maħruġa fl-2019 għal madwar 0.5 miljun fl-2024. Ir-rata ta’ rifjut ta’ viża evolviet minn 1,5 % fl-2019 għal 7,5 % fl-2024.
(7) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains, C-817/19, ECLI:EU:C:2022:491.
(8) Regolament (UE) 2024/982 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2024 dwar it-tiftix u l-iskambju awtomatizzat ta’ data għall-kooperazzjoni tal-pulizija, u li jemenda d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/615/ĠAI u 2008/616/ĠAI u r-Regolamenti (UE) 2018/1726, (UE) 2019/817 u (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-Regolament Prüm II) (ĠU L, 2024/982, 5.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/982/oj); Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li jemenda u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1986/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/261/UE (ĠU L 312, 7.12.2018, p. 56, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1862/oj); Regolament (UE) 2025/13 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2024 dwar il-ġbir u t-trasferiment ta’ informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/818 (ĠU L, 2025/13, 8.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/13/oj); Id-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 132; ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/681/oj).
(9) Rettifika tar-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/2226/oj); Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1240/oj).
(10) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/268 tat-23 ta’ Novembru 2023 dwar il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward ta’ theddid serju għas-sigurtà interna u l-ordni pubbliku fiż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni (ĠU L, 2024/268, 17.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2024/268/oj).
(11) Regolament (UE) 2024/1356 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li jintroduċi l-iskrinjar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240 u (UE) 2019/817 (ĠU L, 2024/1356, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1356/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/4089/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)