European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/3896

20.7.2026

AVVIŻ TAL-KUMMISSJONI

Dokument ta’ gwida (1) għar-regolament (UE) 2023/1115 dwar prodotti mingħajr deforestazzjoni (2)

(C/2026/3896)

Werrej

1.

DEFINIZZJONIJIET TA’ “INTRODUZZJONI FIS-SUQ”, “TQEGĦID FIS-SUQ” U “ESPORTAZZJONI” 3

(a)

Introduzzjoni fis-suq 4

(b)

Tqegħid fis-suq 4

(c)

Esportazzjoni 5

2.

DEFINIZZJONI TA’ “OPERATUR”, “OPERATUR DOWNSTREAM”, “OPERATUR PRIMARJU MIKRO JEW ŻGĦIR” U “NEGOZJANT” 5

a)

Operatur 5

b)

Operatur Primarju Mikro jew Żgħir 7

c)

Operatur Downstream 7

d)

Negozjant 7

3.

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ U PERJODU TA’ ŻMIEN GĦALL-APPLIKAZZJONI 8

4.

DILIĠENZA DOVUTA 10

(a)

Valutazzjoni tar-riskju u mitigazzjoni tar-riskju (l-Artikoli 10 u 11) 11

(b)

Riskju negliġibbli 12

(c)

Obbligi għall-operaturi primarji mikro jew żgħar 12

(d)

Obbligi għall-operaturi downstream u għan-negozjanti 13

(e)

Diliġenza dovuta simplifikata, jiġifieri t-tiftix ta’ sorsi ta’ provvista minn pajjiżi b’riskju baxx 13

(f)

Interazzjoni mad-Direttiva dwar id-Diliġenza Dovuta Korporattiva dwar is-Sostenibbiltà u r-Regolament dwar ix-Xogħol Furzat 14

5.

KJARIFIKA TAL-“KUMPLESSITÀ TAL-KATINA TAL-PROVVISTA” 14

6.

LEGALITÀ 15

(a)

Leġiżlazzjoni rilevanti tal-pajjiż tal-produzzjoni 15

(b)

Diliġenza dovuta fir-rigward tal-legalità 17

7.

AMBITU TAL-PRODOTT 19

(a)

Kjarifika — Materjali tal-ippakkjar u għall-imballaġġ 19

(b)

Kjarifika – Skart u prodotti rkuprati u riċiklati 20

8.

MANUTENZJONI REGOLARI TA’ SISTEMA TA’ DILIĠENZA DOVUTA 22

9.

PRODOTTI KOMPOSTI 22

10.

IR-RWOL TAĊ-ĊERTIFIKAZZJONIJIET U L-ISKEMI TA’ VERIFIKA MINN PARTIJIET TERZI FIL-VALUTAZZJONI TAR-RISKJU U FIL-MITIGAZZJONI TAR-RISKJU 24

(a)

Rwol taċ-ċertifikazzjonijiet u l-iskemi ta’ verifika minn partijiet terzi 24

(b)

Informazzjoni ġenerali 26

11.

UŻU AGRIKOLU 27

1.

Introduzzjoni 27

2.

Kjarifika tal-konverżjoni ta’ foresta f’art li l-fini tagħha mhuwiex użu agrikolu 28

3.

Definizzjoni ta’ “Foresta” 29

4.

Definizzjoni ta’ “Użu agrikolu” u eċċezzjonijiet 30

(a)

Kjarifika tal-fini tal-agrikoltura 30

(b)

Kjarifika tal-użu predominanti tal-art 31

(c)

Definizzjoni ta’ “Pjantaġġun agrikolu” 32

(d)

Kjarifika tas-“Sistema agroforestali” 32

5.

Kjarifika tal-użu tal-art f’każ ta’ diversi tipi ta’ użu tal-art fl-istess żona u l-użu ta’ reġistri tal-artijiet u mapep katastali 33

INTRODUZZJONI

L-Artikolu 15(5) tar-Regolament (UE) 2023/1115 dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni u l-esportazzjoni mill-Unjoni ta’ ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ l-EUDR, European Union Deforestation Regulation) jistabbilixxi li l-Kummissjoni tista’ tiżviluppa linji gwida sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni armonizzata tar-Regolament.

L-iskop ta’ dan id-dokument ta’ gwida huwa li jipprovdi informazzjoni dwar ċerti aspetti tal-EUDR. Ma jiħux post id-dispożizzjonijiet tal-EUDR, li jistabbilixxi l-obbligi legali, u lanqas ma jżid xejn magħhom jew jemendahom. Dan id-dokument ta’ gwida ma għandux jitqies b’mod iżolat; irid jintuża flimkien mal-leġiżlazzjoni u mhux bħala referenza “awtonoma”.

Madankollu, dan id-dokument ta’ gwida huwa materjal ta’ referenza utli għal kull min jeħtieġlu jikkonforma mal-EUDR peress li jkompli jiċċara partijiet iddedikati tat-test leġiżlattiv, li jfisser li jista’ jiggwida lill-operaturi u lin-negozjanti. Dan jista’ jiggwida wkoll lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u lill-korpi tal-infurzar kif ukoll lill-qrati nazzjonali fil-proċess tal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-EUDR.

Il-kwistjonijiet indirizzati f’dan id-dokument ġew diskussi u żviluppati f’kooperazzjoni mar-rappreżentanti maħtura tal-Istati Membri. Kwistjonijiet addizzjonali jistgħu jiġu indirizzati ladarba jkun hemm aktar esperjenza fl-applikazzjoni tal-EUDR, u f’dan il-każ id-dokument ta’ gwida jiġi rivedut kif xieraq.

Għall-kwistjonijiet kollha indirizzati f’dan id-dokument ta’ gwida għandu jiġi nnutat li f’konformità mal-Premessa (43), id-definizzjonijiet tar-Regolament jibnu fuq il-ħidma tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO), il-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC), il-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP), u l-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN).

It-tielet edizzjoni tad-dokument ta’ gwida ttejjeb iċ-ċarezza, inkluż dwar l-iskedi ta’ żmien għall-applikazzjoni, il-preċiżjoni tad-dispożizzjonijiet għall-operaturi u n-negozjanti, filwaqt li tiffaċilita d-diliġenza dovuta u t-traċċabbiltà sempliċi u effiċjenti. Dan għandu jinqara flimkien mal-Mistoqsijiet Frekwenti li jipprovdu eżempji u kjarifiki addizzjonali li jindirizzaw mistoqsijiet minn varjetà wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati.

Il-prinċipju tal-proporzjonalità huwa wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li japplika għall-interpretazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (3), li jinkludi l-infurzar tad-dispożizzjonijiet tal-atti tal-Unjoni mill-Istati Membri, filwaqt li jitqiesu wkoll id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat.

1.   DEFINIZZJONIJIET TA’ “INTRODUZZJONI FIS-SUQ”, “TQEGĦID FIS-SUQ” U “ESPORTAZZJONI”

Leġiżlazzjoni rilevanti:

l-EUDR — l-Artikolu 2 — Definizzjonijiet; l-Artikolu 4 — Obbligi tal-operaturi; L-Artikolu 4a — Reġim simplifikat għall-operaturi primarji mikro jew żgħar; L-Artikolu 5 — Obbligi tal-operaturi downstream u tan-negozjanti

L-obbligi fuq l-operaturi li japplikaw skont l-Artikoli 4 u 4a, u fuq l-operaturi downstream li japplikaw skont l-Artikolu 5, isiru rilevanti meta l-prodotti relevanti jkunu maħsuba biex jew “jiġu introdotti fis-suq” jew “jiġu esportati”. L-obbligi fuq in-negozjanti li japplikaw skont l-Artikolu 5 isiru rilevanti meta l-komoditajiet jew il-prodotti rilevanti “jitqiegħdu fis-suq” jew ikunu maħsuba sabiex “jitqiegħdu fis-suq”.

Ħarsa ġenerali lejn ix-xenarji li jispjegaw l-obbligi li jkollhom l-operaturi, l-operaturi downstream u n-negozjanti meta jintroduċu jew iqiegħdu fis-suq tal-Unjoni l-prodotti rilevanti jew jesportaw il-prodotti rilevanti mis-suq tal-Unjoni hija pprovduta fl- EUDR Supply Chain Infographics .

(a)   Introduzzjoni fis-suq

Skont l-Artikolu 2(16), komodità jew prodott rilevanti jiġu “introdotti fis-suq” jekk jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni għall-ewwel darba. Il-komoditajiet rilevanti jew il-prodotti rilevanti li diġà ġew introdotti fis-suq tal-Unjoni mhumiex koperti hawnhekk. Il-kunċett ta’ “introduzzjoni fis-suq” jirreferi għal kull komodità jew prodott rilevanti individwali, mhux għal tip ta’ prodott, kemm jekk ġie manifatturat bħala unità individwali kif ukoll bħala serje.

(b)   Tqegħid fis-suq

Skont l-Artikolu 2(18), prodott rilevanti “jitqiegħed fis-suq” jekk jiġi fornut:

fis-suq tal-Unjoni għad-distribuzzjoni, għall-konsum, jew għall-użu — dan ifisser li l-prodott jew il-komodità rilevanti jridu jkunu fiżikament preżenti fl-UE, wara li jkunu nħasdu jew ġew prodotti fl-UE, jew importati fl-UE u tqiegħdu taħt il-proċedura doganali “rilaxx għal ċirkolazzjoni libera”. Fir-rigward tal-prodotti rilevanti importati fl-UE, dawn ma jiksbux l-istatus ta’ “merkanzija tal-Unjoni” qabel ma jkunu ddaħħlu fit-territorju doganali tal-Unjoni u jiġu rilaxxati mid-dwana għal ċirkolazzjoni libera. Il-prodotti rilevanti mqiegħda taħt proċeduri doganali oħra għajr ir-“rilaxx għal ċirkolazzjoni libera” (eż. il-ħażna doganali, l-ipproċessar attiv, id-dħul temporanju, it-tranżitu) ma jitqisux introdotti fis-suq skont l-EUDR;

u

matul attività kummerċjali — din tfisser attività li ssir f’kuntest relatat man-negozju, kif definita fl-Artikolu 2(19). L-attivitajiet kummerċjali jistgħu jkunu bi ħlas jew mingħajru. Il-forniment lill-konsumaturi mhux kummerċjali u l-attivitajiet fejn ma jsir l-ebda ħlas huma t-tnejn fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-EUDR (eż. għal attivitajiet ta’ donazzjoni jew pro bono). Ir-Regolament ma jimponix rekwiżiti fuq il-konsumaturi mhux kummerċjali, peress li l-użu u l-konsum privat huma barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-EUDR.

“Tqegħid fis-suq” għalhekk għandu jinftiehem li jseħħ meta negozjant iforni prodotti rilevanti fis-suq tal-Unjoni kemm (i) għad-distribuzzjoni, għall-konsum jew għall-użu kif ukoll (ii) matul l-attività kummerċjali tiegħu.

“Introduzzjoni fis-suq” għalhekk għandha tinftiehem li sseħħ meta operatur jagħmel prodott rilevanti disponibbli fis-suq tal-Unjoni (i) għad-distribuzzjoni, għall-konsum jew għall-użu, (ii) għall-ewwel darba, u (iii) matul l-attività kummerċjali tiegħu.

Id-definizzjonijiet magħquda ta’ “operatur”, “operatur primarju mikro jew żgħir”, “operatur downstream” (l-Artikolu 2(15), (15a) u (15b) tal-EUDR) u ta’ “matul attività kummerċjali” (l-Artikolu 2(19) tal-EUDR) jimplikaw li kwalunkwe persuna li tintroduċi prodott rilevanti fis-suq

(a)

għad-distribuzzjoni lil konsumaturi kummerċjali jew mhux kummerċjali, jiġifieri pereżempju għall-bejgħ jew mingħajr ħlas,

(b)

għall-fini tal-ipproċessar, jew

(c)

għall-użu fin-negozju tagħha stess

tkun soġġetta għall-EUDR.

“Prodotti rilevanti li jidħlu fis-suq” għalhekk għandha tinftiehem li sseħħ meta l-prodotti rilevanti simultanjament ikunu:

iddikjarati li huma mqiegħda taħt il-proċedura doganali “rilaxx għal ċirkolazzjoni libera” li huma maħsuba biex jiġu introdotti fis-suq tal-Unjoni. Huma biss il-prodotti rilaxxati mid-dwana għal ċirkolazzjoni libera li jitqiesu bħala introdotti fis-suq tal-Unjoni. Proċeduri doganali oħra għajr ir-“rilaxx għal ċirkolazzjoni libera” (eż. il-ħażna doganali, l-ipproċessar attiv, id-dħul temporanju eċċ.) ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-EUDR;

u

huma maħsuba biex jiġu introdotti fis-suq tal-Unjoni, jiġifieri fornuti “matul attività kummerċjali” (minn negozju għal negozju (B2B) u min-negozju għall-konsumatur (B2C)).

Il-prodotti maħsuba direttament għall-użu jew għall-konsum privat (mill-konsumatur għall-konsumatur (C2C)) fit-territorju doganali tal-Unjoni (eż. billi individwu jġib tali prodotti miegħu minn vjaġġ barra mill-UE għall-użu jew għall-konsum privat tiegħu) ma humiex soġġetti għall-EUDR.

(c)   Esportazzjoni

Skont l-Artikolu 2(37), “esportazzjoni” tirreferi għall-proċedura ta’ esportazzjoni doganali kif stabbilita fl-Artikolu 269 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 (4) u tirreferi għal merkanzija tal-Unjoni li se tinħareġ ’il barra mit-territorju doganali tal-Unjoni.

L-Artikolu 269 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 jiddikjara li l-proċedura ta’ esportazzjoni ma għandhiex tapplika għal: (a) oġġetti mqegħdin taħt il-proċedura ta’ proċessar passiv; (b) oġġetti li jinħarġu ’l barra mit-territorju doganali tal-Unjoni wara li jkunu tqiegħdu taħt il-proċedura tal-użu aħħari; (c) oġġetti kkonsenjati, b’eżenzjoni tal-VAT jew tad-dazju tas-sisa, bħala provvisti tal-inġenji tal-ajru jew tal-bastimenti, irrispettivament mid-destinazzjoni tal-inġenju tal-ajru jew tal-bastiment, li għalihom hija meħtieġa prova ta’ tali provvista; (d) oġġetti mqegħdin taħt il-proċedura ta’ tranżitu intern; (e) oġġetti maħruġin temporanjament ’il barra mit-territorju doganali tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 155 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.

Ir-riesportazzjoni kif stabbilita fl-Artikolu 270 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-EUDR. Ir-riesportazzjoni f’dan ir-rigward tfisser li l-komodità rilevanti jew il-prodott rilevanti ma jkunx akkwista l-istatus ta’ “merkanzija tal-Unjoni” u jinħareġ ’il barra mit-territorju doganali tal-Unjoni wara l-preżentazzjoni eż. ta’ dikjarazzjoni ta’ riesportazzjoni.

“Prodotti rilevanti li joħorġu mis-suq” għalhekk għandha tinftiehem li sseħħ meta prodotti rilevanti jiġu ddikjarati li huma mqiegħda taħt il-proċedura doganali “esportazzjoni” matul attività kummerċjali.

2.   DEFINIZZJONI TA’ “OPERATUR”, “OPERATUR DOWNSTREAM”, “OPERATUR PRIMARJU MIKRO JEW ŻGĦIR” U “NEGOZJANT”

Leġiżlazzjoni rilevanti:

L-EUDR — l-Artikolu 2 — Definizzjonijiet; l-Artikolu 7 — Introduzzjoni fis-suq minn operaturi stabbiliti f’pajjiżi terzi

Biex jiġi ddeterminat jekk persuna fiżika jew ġuridika tikkwalifikax bħala operatur, operatur downstream, jew negozjant, trid issir valutazzjoni għal kull prodott rilevanti. Jekk dik il-persuna tintroduċi fis-suq, tesporta u/jew tqiegħed fis-suq diversi prodotti rilevanti, hija jista’ jkollha rwoli multipli simultanjament, skont il-pożizzjoni tagħha fil-katina tal-provvista ta’ kull prodott.

(a)   Operatur

Skont l-Artikolu 2(15), operatur huwa persuna fiżika jew ġuridika li:

tintroduċi prodotti rilevanti fis-suq jew tesportahom;

matul attività kummerċjali; u

ma hijiex operatur downstream.

Sabiex ikun possibbli li l-operaturi jiġu identifikati b’mod konsistenti, wieħed jista’ jiddistingwi r-rwoli tagħhom skont kif il-prodotti rilevanti tagħhom jiġu introdotti fis-suq tal-Unjoni, li jvarja skont jekk humiex prodotti fl-UE jew barra mill-UE.

Għal prodotti rilevanti prodotti skont l-Artikolu 2(14) fl-UE, l-operatur normalment ikun il-persuna li tqassamhom ladarba jkunu ġew prodotti.

Għall-komoditajiet rilevanti jew għall-prodotti rilevanti li jiġu prodotti barra mill-UE:

ġeneralment, l-operatur ikun il-persuna li taġixxi bħala l-importatur meta l-komoditajiet jew il-prodotti rilevanti jiġu ddikjarati li se jitqiegħdu taħt il-proċedura doganali “rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera”. L-importatur huwa l-persuna indikata fl-element tad-data rilevanti tad-dikjarazzjoni doganali, fejn applikabbli:

l-“importatur” fl-element tad-data 13 04 000 000 (l-Anness B tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 (5))

l-element tad-data DE 3/15 f’rilaxx preċedenti tal-Mudell tad-Data Doganali tal-UE (EUCDM, European Union Customs Data Model)

id-“Destinatarju” fil-kaxxa 8 tad-Dokument Amministrattiv Uniku;

meta l-persuna li taġixxi bħala l-importatur meta l-komoditajiet jew il-prodotti rilevanti jiġu ddikjarati li tqiegħdu taħt il-proċedura doganali “rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera” ma tkunx stabbilita fl-UE, l-ewwel persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tqiegħed il-prodotti rilevanti fis-suq titqies ukoll bħala operatur, jiġifieri għalkemm ma tkunx operatur skont id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(15) jew (15a), tkun soġġetta għall-obbligi ta’ operatur skont l-Artikolu 7. Dan ir-rekwiżit jiżdied mal-obbligu tal-operatur stabbilit barra mill-Unjoni u għandu l-għan li jiżgura li dejjem ikun hemm attur responsabbli wieħed stabbilit fl-UE;

meta prodott rilevanti jitqiegħed taħt il-proċedura doganali “rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera” u jiġi fornut direttament lill-konsumatur finali (eż., fil-każ ta’ bejgħ online jew mill-bogħod), il-konsumatur (jiġifieri persuna fiżika li taġixxi għal finijiet li huma barra mill-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tiegħu) qatt ma jkun operatur skont l-EUDR, anke jekk jiġi ddikjarat bħala l-“importatur” fuq id-dikjarazzjoni doganali. L-operatur huwa l-persuna li fil-fatt tforni l-prodott matul attività kummerċjali skont it-tifsira tal-Artikolu 2(18) u (19), eż. manifattur, bejjiegħ, bejjiegħ bl-imnut online jew fornitur ta’ servizzi ta’ eżekuzzjoni. Informazzjoni addizzjonali dwar l-ispeċifiċitajiet tal-kummerċ elettroniku hija disponibbli fil-Mistoqsijiet Frekwenti.

Għall-prodotti rilevanti importati fl-UE, id-definizzjoni ta’ “operatur” hija indipendenti mill-bidla fis-sjieda tal-prodott u ta’ arranġamenti kuntrattwali oħra.

Fil-każ ta’ prodott domestiku li jiġi introdott fis-suq, l-operatur normalment ikun il-persuna li tkun is-sid tal-komodità jew tal-prodott fil-punt tal-bejgħ. Madankollu dan jista’ jiddependi miċ-ċirkostanzi individwali tal-ftehim kuntrattwali. F’każ li persuna tikkonkludi kuntratt li permezz tiegħu tawtorizza lill-parti l-oħra fil-kuntratt tipproduċi komodità rilevanti, il-parti kontraenti li twettaq il-produzzjoni titqies bħala l-operatur jekk direttament u awtomatikament issir is-sid tal-prodott bis-sempliċi att ta’ produzzjoni (eż. permezz tal-ħsad tas-siġar jew mat-twelid tal-għoġol). Dan mhuwiex il-każ fejn il-liġi nazzjonali applikabbli jew il-kuntratt jipprevedu li l-persuna fiżika jew ġuridika tittrasferixxi, wara l-produzzjoni, id-dritt tas-sjieda lill-parti l-oħra tal-kuntratt (bħala referenza ara s-Sentenza C-370/23 tal-21 ta’ Novembru 2024  (6)).

Għall-prodotti rilevanti esportati mill-Unjoni, l-operatur normalment ikun il-persuna li taġixxi bħala l-esportatur meta l-prodotti rilevanti jiġu ddikjarati li jitqiegħdu taħt il-proċedura ta’ esportazzjoni doganali. L-esportatur huwa l-persuna indikata fl-element tad-data rilevanti tad-dikjarazzjoni doganali, fejn applikabbli:

l-“esportatur” fl-element tad-data 13 01 000 000 (l-Anness B tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446);

l-element tad-data DE 3/1 f’rilaxx preċedenti tal-Mudell tad-Data Doganali tal-UE (EUCDM, European Union Customs Data Model);

il-“Konsenjatur/Esportatur” fil-kaxxa 2 tad-Dokument Amministrattiv Uniku.

Il-fornituri tas-servizzi, li joffru servizzi ta’ appoġġ loġistiku jew tekniku, pereżempju spedizjoniera, aġenti tal-vapuri jew rappreżentanti doganali, li ma għandhomx sjieda jew drittijiet simili fuq il-prodotti li jimmaniġġaw, la huma “operaturi” u lanqas “negozjanti” għall-fini tar-Regolament, jekk ma jintroduċux jew ma jqiegħdux prodotti fis-suq jew għall-esportazzjoni.

Ir-rwol u l-obbligi tal-operaturi huma spjegati aktar bl-għajnuna tax-xenarji li jinsabu fl- EUDR Supply Chain Infographics u fil-Mistoqsijiet Frekwenti.

(b)   Operatur Primarju Mikro jew Żgħir

Skont l-Artikolu 2(15a), operatur primarju mikro jew żgħir huwa persuna fiżika jew intrapriża mikro jew intrapriża żgħira skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1) u (2), l-ewwel subparagrafu, rispettivament, tad-Direttiva 2013/34/UE, irrispettivament mill-forma legali tagħha, stabbilita f’pajjiż ikklassifikat bħala ta’ riskju baxx f’konformità l-Artikolu 29 tal-EUDR:

(i)

li tintroduċi direttament fis-suq jew tesporta prodotti rilevanti;

(ii)

li dan l-operatur innifsu jkun kabbar, ħasad, kiseb minn biċċiet art rilevanti jew rabba fuqhom, jew, fir-rigward tal-ifrat, fi stabbilimenti li jinsabu f’dak il-pajjiż;

(iii)

matul attività kummerċjali.

Dan jinkludi operaturi li jaqbżu l-limiti ta’ mill-anqas tnejn mit-tliet kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(1) u (2), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva 2013/34/UE iżda li jistgħu juru li l-partijiet tat-total tal-karta bilanċjali tagħhom, il-fatturat nett u l-għadd medju ta’ impjegati matul is-sena finanzjarja, relatati mal-komoditajiet rilevanti u mal-prodotti rilevanti, ma jaqbżux il-limiti ta’ mill-anqas tnejn minn tlieta minn dawk il-kriterji.

It-terminu “operatur primarju mikro jew żgħir” huwa subsett tad-definizzjoni ta’ “operatur” kif stabbilita fl-Artikolu 2(15). Għall-finijiet ta’ din il-Gwida, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, kwalunkwe referenza għal “operatur” għandha tinftiehem li tinkludi “operatur primarju mikro jew żgħir”.

Ir-rwol u l-obbligi tal-operaturi primarji mikro jew żgħar huma spjegati aktar bl-għajnuna tax-xenarji li jinsabu fl- EUDR Supply Chain Infographics u fil-Mistoqsijiet Frekwenti.

(c)   Operatur Downstream

Skont l-Artikolu 2(15b), operatur downstream huwa persuna fiżika jew ġuridika:

li tintroduċi fis-suq jew tesporta prodotti rilevanti magħmula bl-użu ta’ prodotti rilevanti;

li kollha jkunu koperti minn dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta jew minn dikjarazzjoni simplifikata;

matul attività kummerċjali.

Għalhekk, operatur downstream huwa xi ħadd li jintroduċi fis-suq jew jesporta prodott rilevanti li jsir bl-użu ta’ prodotti rilevanti oħra li kollha jkunu koperti minn dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta jew dikjarazzjoni simplifikata. Tipikament, dan ikun jinvolvi l-introduzzjoni fis-suq ta’ prodott rilevanti kklassifikat skont kodiċi SA ġdid magħmul bl-użu ta’ prodotti rilevanti oħra (eż. komponenti jew materja prima) li diġà jkunu koperti minn dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta jew dikjarazzjoni simplifikata. Fil-każ tal-esportazzjonijiet, ir-rwol tal-operatur downstream jiġi ddeterminat bl-esportazzjoni ta’ prodott rilevanti li qabel kien kopert minn dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta jew minn dikjarazzjoni simplifikata jew bl-esportazzjoni ta’ prodott rilevanti magħmul bl-użu ta’ prodotti rilevanti oħra (eż. komponenti jew materja prima) li qabel kienu koperti minn dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta jew dikjarazzjoni simplifikata.

Pereżempju, manifattur taċ-ċikkulata li jixtri żerriegħa tal-kawkaw (kodiċi SA 1801 00, inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni) fis-suq tal-Unjoni u mbagħad jimmanifattura bars taċ-ċikkulata (kodiċi SA 1806 , inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni) u jintroduċihom fis-suq tal-Unjoni jew jesportahom jitqies bħala operatur downstream.

Ir-rwol u l-obbligi tal-operaturi downstream huma spjegati aktar bl-għajnuna tax-xenarji li jinsabu fl- EUDR Supply Chain Infographics u fil-Mistoqsijiet Frekwenti.

(d)   Negozjant

Skont l-Artikolu 2(17), negozjant huwa kwalunkwe persuna fil-katina tal-provvista għajr l-operatur jew l-operatur downstream: li tqiegħed fis-suq prodotti rilevanti;

matul attività kummerċjali.

Għalhekk, negozjant huwa kwalunkwe entità ġuridika li ma taqax taħt id-definizzjonijiet ta’ operatur jew ta’ operatur downstream (ara aktar ’il fuq) u ma tintroduċix iżda sempliċiment tqiegħed prodott fis-suq, kif definit fl-Artikolu 2(18).

Ir-rwol u l-obbligi tan-negozjanti huma spjegati aktar bl-għajnuna tax-xenarji li jinsabu fl- EUDR Supply Chain Infographics u fil-Mistoqsijiet Frekwenti.

3.   DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ U PERJODU TA’ ŻMIEN GĦALL-APPLIKAZZJONI

Leġiżlazzjoni rilevanti:

l-EUDR — l-Artikolu 1(2) — Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni; l-Artikolu 37 — Tħassir; l-Artikolu 38 — Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni

L-EUDR daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Ġunju 2023. Il-biċċa l-kbira tal-obbligi fuq l-operaturi, l-operaturi downstream u n-negozjanti, kif ukoll fuq l-awtoritajiet kompetenti inklużi dawk fl-Artikoli 3 sa 13, l-Artikoli 16 sa 24, l-Artikoli 26, 31, u 32, japplikaw mit- 30 ta’ Diċembru 2026, f’konformità mar-Regolament (UE) 2025/2650 (7) li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-EUDR relatati mad-data tal-applikazzjoni.

Għall-operaturi li kienu stabbiliti bħala intrapriżi mikro jew żgħar sal-31 ta’ Diċembru 2024 (f’konformità mal-Artikolu 3(1) jew (2), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva 2013/34/UE, rispettivament) l-obbligi fl-Artikoli 3 sa 13, l-Artikoli 16 sa 24, l-Artikoli 26, 31 u 32, japplikaw mit- 30 ta’ Ġunju 2027, ħlief fir-rigward tal-prodotti koperti fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (8) (ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam, EUTR). Dan ifisser li hemm perjodu ta’ tranżizzjoni bejn id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (id-29 ta’ Ġunju 2023) u l-bidu tal-applikazzjoni (it-30 ta’ Diċembru 2026, differit għat-30 ta’ Ġunju 2027 għall-intrapriżi żgħar jew mikro stabbiliti sal-31 ta’ Diċembru 2024) li jeżenta lill-operaturi u lin-negozjanti li jintroduċu jew iqiegħdu fis-suq tal-Unjoni jew li jesportaw mis-suq tal-Unjoni komoditajiet u prodotti rilevanti fil-perjodu ta’ tranżizzjoni mill-obbligi ewlenin skont l-EUDR.

Ir-regoli li ġejjin japplikaw għall-komoditajiet u għall-prodotti assoċjati rilevanti kollha bl-eċċezzjoni tal-injam u tal-prodotti tal-injam koperti mill-Anness tal-EUTR (spjegazzjonijiet dettaljati huma pprovduti fid-dokument tal-Mistoqsijiet Frekwenti, it-Taqsima 9):

jekk komodità rilevanti jew prodott rilevanti jiġu introdotti fis-suq matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni li japplika għall-operatur rispettiv, l-obbligi tal-EUDR ma japplikawx għall-operatur.

Barra minn hekk, kwalunkwe prodott rilevanti introdott jew imqiegħed fis-suq minn operaturi downstream jew negozjanti wara l-bidu tal-applikazzjoni li jsir kompletament minn komoditajiet jew prodotti introdotti fis-suq matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni mhux se jkun soġġett għall-obbligi tal-EUDR. Dan ifisser ukoll li l-bidu tal-applikazzjoni differit għall-operaturi ta’ intrapriżi żgħar u mikro (it-30 ta’ Ġunju 2027), f’każijiet li jintroduċu fis-suq, jeżenta wkoll lill-operaturi downstream u lin-negozjanti aktar ’l isfel fil-katina tal-provvista li jkunu qed jinnegozjaw dawn il-prodotti jew il-prodotti derivati minnhom mill-obbligi tal-EUDR.

Fil-każijiet deskritti hawn fuq, l-obbligu tal-operaturi se jkun limitat għall-ġbir ta’ evidenza konklużiva u verifikabbli b’mod adegwat biex tingħata prova li l-prodott rilevanti oriġinarjament kien ġie introdott fis-suq qabel id-dħul fis-seħħ (differit) tar-Regolament.

Għal partijiet ta’ prodott derivat rilevanti li jkunu ġew prodotti bi prodotti rilevanti oħra introdotti fis-suq mit-30 ta’ Diċembru 2026 (jew mit-30 ta’ Ġunju 2027 minn intrapriżi mikro jew żgħar), l-operaturi u l-operaturi downstream li jintroduċu fis-suq jew negozjanti se jkunu soġġetti għall-obbligi standard tar-Regolament minkejja li xi partijiet oħra jistgħu jaqgħu fil-perjodu ta’ tranżizzjoni.

Skont l-Artikolu 1(2) tal-EUDR, l-EUDR ma japplikax jekk il-prodotti rilevanti jkunu ġew prodotti qabel id-29 ta’ Ġunju 2023. Iż-żmien u l-post tal-produzzjoni jirreferu għad-data tal-produzzjoni u l-post tal-produzzjoni tal-komodità rilevanti, dan japplika kemm għall-komoditajiet kif ukoll għall-prodotti derivati. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, id-data tal-produzzjoni tkun iż-żmien tal-ħsad tal-komodità, bl-eċċezzjoni tal-prodotti tal-ifrat, f’liema każ iż-żmien rilevanti tal-produzzjoni jkun id-data li fiha jitwieldu l-ifrat.

It-tabella ta’ hawn taħt turi l-leġiżlazzjoni applikabbli għall-prodotti rilevanti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1115, bl-eċċezzjoni tal-injam u l-prodotti tal-injam koperti mill-Anness tal-EUTR:

 

Id-data tal-introduzzjoni tal-komodità jew tal-prodott rilevanti fis-suq tal-UE

Il-prodotti rilevanti

Id-data tal-produzzjoni tal-komodità rilevanti

Qabel it-30 ta’ Diċembru 2026, u qabel it-30 ta’ Ġunju 2027 għall-operaturi mikro u żgħar

Mit-30 ta’ Diċembru 2026 (inkluż) għall-intrapriżi kbar u medji, u mit-30 ta’ Ġunju 2027 (inkluż) għall-operaturi mikro u żgħar

Prodotti tal-Bhejjem tal-Ifrat, tal-Kawkaw, tal-Kafè, tal-Palm taż-żejt, tal-Lastiku u tas-Sojja elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/1115

Qabel il-29 ta’ Ġunju 2023

Ir-Regolament (UE) 2023/1115 (EUDR) mhuwiex applikabbli

Ir-Regolament (UE) 2023/1115 (EUDR) mhuwiex applikabbli

Mid-29 ta’ Ġunju 2023 (inkluż)

Ir-Regolament (UE) 2023/1115 (EUDR) mhuwiex applikabbli

Ir-Regolament (UE) 2023/1115 (EUDR) huwa applikabbli

Prodotti tal-injam elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/1115 u mhux elenkati fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 (EUTR)

Qabel il-29 ta’ Ġunju 2023

Ir-Regolament (UE) 2023/1115 (EUDR) mhuwiex applikabbli

Ir-Regolament (UE) 2023/1115 (EUDR) mhuwiex applikabbli

Mid-29 ta’ Ġunju 2023 (inkluż)

Ir-Regolament (UE) 2023/1115 (EUDR) mhuwiex applikabbli

Ir-Regolament (UE) 2023/1115 (EUDR) huwa applikabbli

Għall-injam u l-prodotti tal-injam koperti mill-Anness tal-EUTR, japplikaw regoli speċjali, skont l-Artikolu 37(3) tal-EUDR:

Għall-injam u l-prodotti tal-injam prodotti (maħsuda) qabel id-29 ta’ Ġunju 2023 u:

introdotti fis-suq qabel it-30 ta’ Diċembru 2026, tali prodotti u l-prodotti derivati minnhom iridu jikkonformaw mar-regoli tal-EUTR; jekk il-prodotti derivati ma jkunux koperti mill-Anness tal-EUTR, dawk il-prodotti jkunu eżentati mill-EUTR u l-EUDR;

introdotti fis-suq mit-30 ta’ Diċembru 2026 sal-31 ta’ Diċembru 2029: ir-regoli tal-EUTR jibqgħu japplikaw għall-prodotti jekk koperti mill-Anness tal-EUTR, (ara hawn fuq);

introdotti fis-suq mill-31 ta’ Diċembru 2029, tali prodotti u l-prodotti derivati minnhom għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 3 tal-EUDR.

Għall-injam u l-prodotti tal-injam li jiġu prodotti mid-29 ta’ Ġunju 2023 sat-30 ta’ Diċembru 2026 u:

introdotti fis-suq qabel it-30 ta’ Diċembru 2026, tali prodotti u l-prodotti derivati minnhom iridu jikkonformaw mar-regoli tal-EUTR; jekk il-prodotti derivati ma jkunux koperti mill-Anness tal-EUTR, dawk il-prodotti jkunu eżentati mill-EUTR u l-EUDR;

introdotti fis-suq mit-30 ta’ Diċembru 2026, tali prodotti u l-prodotti derivati minnhom iridu jikkonformaw mar-regoli tal-EUDR.

L-injam u l-prodotti tal-injam prodotti (maħsuda) mit-30 ta’ Diċembru 2026 iridu jikkonformaw mar-regoli tal-EUDR.

It-tabella ta’ hawn taħt turi l-leġiżlazzjoni applikabbli għall-prodotti tal-injam koperti mill-Anness tar-Regolament (UE) Nru 995/2010:

 

 

Id-data tal-introduzzjoni tal-komodità jew tal-prodott rilevanti fis-suq tal-UE

Il-prodotti rilevanti

Id-data tal-produzzjoni

Qabel it-30 ta’ Diċembru 2026

Mit-30 ta’ Diċembru 2026 (inkluż) sat-30 ta’ Diċembru 2029 (inkluż)

Mill-31 ta’ Diċembru 2029 (inkluż)

L-injam u l-prodotti tal-injam elenkati fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 (EUTR)

Qabel il-29 ta’ Ġunju 2023

Ir-Regolament (UE) Nru 995/2010

(EUTR)

Ir-Regolament (UE) Nru 995/2010

(EUTR)

Ir-Regolament (UE) 2023/1115 (EUDR)

Mid-29 ta’ Ġunju 2023 (inkluż)

Ir-Regolament (UE) Nru 995/2010

(EUTR)

Ir-Regolament (UE) 2023/1115 (EUDR)

Ir-Regolament (UE) 2023/1115 (EUDR)

Mistoqsija u tweġiba illustrattivi: Il-prodotti tal-karta li jiġu introdotti fis-suq mit-30 ta’ Diċembru 2026 iżda li jiġu mmanifatturati minn injam li nħasad u li ġie introdott fis-suq bejn id-29 ta’ Ġunju 2023 u t-30 ta’ Diċembru 2026 huma meħtieġa jkollhom dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta jew dikjarazzjoni simplifikata?

F’każijiet bħal dawn, l-injam maħsud u l-prodotti manifatturati minn tali injam iridu jikkonformaw mal-EUTR. Ma għandhomx bżonn dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta jew dikjarazzjoni simplifikata, peress li dan ir-rekwiżit japplika għall-prodotti fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-EUDR.

4.   DILIĠENZA DOVUTA

Leġiżlazzjoni rilevanti:

l-EUDR — l-Artikolu 2(26) — Definizzjonijiet; l-Artikoli 4, 4a u 5 — Obbligi tal-operaturi, tal-operaturi downstream u tan-negozjanti; l-Artikolu 8 — Diliġenza dovuta; l-Artikolu 9 — Rekwiżiti ta’ informazzjoni; l-Artikolu 10 — Valutazzjoni tar-riskju

Skont l-Artikolu 4(1), l-operaturi kollha, inklużi l-operaturi primarji mikro jew żgħar u l-operaturi li jibbenefikaw minn diliġenza dovuta simplifikata f’konformità mal-Artikolu 13, għandhom jeżerċitaw id-diliġenza dovuta f’konformità mal-Artikolu 8 qabel ma jqiegħdu prodotti rilevanti fis-suq jew qabel jesportawhom sabiex jagħtu prova li l-prodotti rilevanti jikkonformaw mal-Artikolu 3. Sabiex jagħmlu dan, u f’konformità mal-Artikolu 12(1), l-operaturi għandhom jistabbilixxu u jżommu aġġornat qafas ta’ proċeduri u miżuri – “is-sistema ta’ diliġenza dovuta”.

Ir-rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta stabbiliti fl-Artikolu 8 jirrikjedu li l-operatur:

jiġbor l-informazzjoni, id-dokumenti u, fejn relevanti, id-data mingħand kull fornitur partikolari dwar il-prodotti rilevanti li huma soġġetti għall-EUDR (elenkati fl-Anness I) skont l-Artikoli 8 u 9,

jivverifika u janalizza dik l-informazzjoni flimkien ma’ informazzjoni kuntestwali oħra u fuq dik il-bażi jwettaq valutazzjoni tar-riskju skont l-Artikolu 10, u

jadotta miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju skont l-Artikolu 11, sakemm il-valutazzjoni tar-riskju mwettqa f’konformità mal-Artikolu 10 ma tikkonkludix li ma hemm l-ebda riskju jew hemm biss riskju negliġibbli li l-prodotti rilevanti mhumiex konformi.

L-operaturi huma responsabbli għal eżami u analiżi bir-reqqa tal-attivitajiet tan-negozju tagħhom stess, li jeħtieġu l-ġbir tal-informazzjoni, id-data u d-dokumenti meħtieġa biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ informazzjoni fl-Artikolu 9, filwaqt li janalizzahom bħala parti mill-valutazzjoni tar-riskju (l-Artikolu 10), u jadottaw miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju (l-Artikolu 11) kif ikun neċessarju, sakemm ir-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità ma jiġix ivvalutat bħala negliġibbli.

L-operaturi kollha, inklużi l-operaturi primarji mikro jew żgħar u l-operaturi li jibbenefikaw mid-diliġenza dovuta simplifikata f’konformità mal-Artikolu 13, huma obbligati jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 9.

L-operaturi, inklużi l-operaturi primarji mikro jew żgħar, li jintroduċu fis-suq jew li jesportaw il-prodotti rilevanti prodotti f’pajjiżi b’riskju baxx jibbenefikaw minn diliġenza dovuta simplifikata f’konformità mal-Artikolu 13 ma humiex meħtieġa jissodisfaw l-obbligi skont l-Artikolu 10 u l-Artikolu 11 sabiex jiksbu riskju negliġibbli, sakemm l-operaturi ma jkunux kisbu informazzjoni li tindika li prodott rilevanti li jkollhom l-intenzjoni li jintroduċu fis-suq jew jesportaw ikun f’riskju li ma jikkonformax mar-Regolament, jew isiru konxji ta’ informazzjoni bħal din. Ara l-punti c) u e) għal aktar dettalji.

(a)   Valutazzjoni tar-riskju u mitigazzjoni tar-riskju (l-Artikoli 10 u 11)

L-operaturi li jridu jeżerċitaw il-valutazzjoni tar-riskju u l-mitigazzjoni tar-riskju f’konformità mal-Artikoli 10 u 11 iridu jispeċifikaw il-kriterji tal-valutazzjoni tar-riskju fis-sistema ta’ diliġenza dovuta tagħhom f’konformità mal-Artikolu 10(2), li huma jqisu fir-rigward tal-prodotti rilevanti li jkun beħsiebhom jintroduċu fis-suq tal-Unjoni jew jesportaw minnu. Għalhekk, il-kriterji tal-valutazzjoni tar-riskju jridu jitfasslu apposta skont il-prodotti rilevanti li l-operatur ikun beħsiebu jintroduċi fis-suq jew jesporta minnu.

Il-ġbir tad-data, il-valutazzjoni tar-riskju, u l-mitigazzjoni tar-riskju jridu jkunu relatati b’mod kawżali, u jridu jirriflettu l-karatteristiċi tal-attivitajiet kummerċjali tal-operatur u tal-ktajjen tal-provvista tal-prodotti relevanti.

L-Artikolu 10(2) jidentifika l-informazzjoni kuntestwali addizzjonali meħtieġa biex jiġi vvalutat il-livell ta’ riskju, bħall-istat tal-foresti fil-pajjiż tal-produzzjoni.

Jekk il-prodotti jsiru b’komoditajiet li huma derivati minn diversi sorsi jew ġeolokalizzazzjonijiet, huwa meħtieġ li jiġi vvalutat ir-riskju għal kull sors jew ġeolokalizzazzjoni.

Abbażi tad-data miġbura, iridu jitwettqu kompiti ta’ analiżi tar-riskju definiti b’mod preċiż u jridu jiġu ddeterminati l-kategoriji ta’ riskju, kif ukoll il-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju neċessarji relatati magħhom. Il-livell ta’ riskju jista’ jiġi vvalutat biss fuq bażi ta’ każ b’każ mill-operaturi, peress li jiddependi minn għadd ta’ fatturi.

Hemm diversi modi kif titwettaq il-valutazzjoni tar-riskju, iżda l-operatur irid jindirizza l-kriterji elenkati fl-Artikolu 10(2) għal kull prodott rilevanti. Dan għandu jinkludi l-indirizzar tal-mistoqsijiet u l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

Fejn ġie prodott il-prodott?

X’inhu l-livell ta’ riskju assenjat tal-pajjiż tal-produzzjoni jew ta’ partijiet minnu, f’konformità mal-Artikolu 29 (9)? X’inhi r-rata tal-art koperta mill-foresti u x’inhi l-prevalenza (ir-rata) tad-degradazzjoni tal-foresti jew tad-deforestazzjoni fil-pajjiż tal-produzzjoni jew f’partijiet minnu? Kemm hija għolja l-prevalenza (ir-rata) tal-produzzjoni illegali tal-komodità rilevanti fil-pajjiż/partijiet minnu?

X’inhuma r-riskji speċifiċi għall-prodott?

Hemm differenzi konsiderevoli fil-mod kif jiġu prodotti d-diversi prodotti rilevanti elenkati fl-Anness I tal-EUDR, li se jkollhom impatt fuq ir-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità. Pereżempju, xi prodotti fihom materja prima prodotta f’mijiet ta’ ġeolokalizzazzjonijiet separati jew jgħaddu minn proċeduri kimiċi jew fiżiċi sostanzjali matul il-manifattura.

Il-katina tal-provvista hija kumplessa?

Għal kjarifika tal-kunċett “kumplessità tal-katina tal-provvista”, ara t-Taqsima 5.

Hemm indikazzjonijiet li kumpanija fil-katina tal-provvista hija involuta fi prattiki relatati mal-illegalità, id-deforestazzjoni jew id-degradazzjoni tal-foresti?

Hemm riskju ogħla li l-komoditajiet jew il-prodotti rilevanti mixtrija minn kumpanija li tkun ġiet assoċjata ma’ prattiki illegali, deforestazzjoni jew degradazzjoni tal-foresti ma jkunux konformi. Tressaq xi tħassib sostanzjat dwar il-kumpaniji fil-katina tal-provvista skont l-Artikolu 31? Kien hemm xi kumpaniji fil-katina tal-provvista li kisru l-liġijiet rilevanti (10) u ġew issanzjonati mill-Istat għall-ksur ta’ tali liġijiet?

Hemm xi informazzjoni komplementari dwar il-konformità mal-EUDR ta’ kumpaniji fil-katina tal-provvista disponibbli minn skemi ta’ ċertifikazzjoni jew ta’ verifika minn partijiet terzi?

Għal kjarifika tar-rwol tal-iskemi ta’ verifika minn partijiet terzi, ara t-Taqsima 10.

Il-prodotti rilevanti ġew prodotti f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-pajjiż tal-produzzjoni?

Il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-pajjiż tal-produzzjoni hija definita fl-Artikolu 2(40). Għal aktar informazzjoni dwar ir-rekwiżiti ta’ legalità, jekk jogħġbok ara t-Taqsima 6.

Hemm tħassib fir-rigward tal-pajjiż tal-produzzjoni u tal-oriġini jew partijiet minnu, bħal-livell ta’ korruzzjoni, il-prevalenza tal-falsifikazzjoni tad-dokumenti u tad-data, in-nuqqas ta’ infurzar tal-liġi, il-ksur tad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem, il-kunflitt armat jew il-prevalenza tas-sanzjonijiet imposti mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jew mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea?

Dan it-tħassib jista’ jimmina l-affidabbiltà ta’ xi dokumenti li juru konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli. Għalhekk, għandhom jitqiesu l-livell ta’ korruzzjoni tal-pajjiż, l-indiċijiet tar-riskju tan-negozju, u indikaturi rilevanti oħra.

Id-dokumenti kollha li juru konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli jitqiegħdu għad-dispożizzjoni mill-fornitur, u huma verifikabbli immedjatament?

Jekk id-dokumenti rilevanti kollha jkunu lesti u disponibbli fuq talba tal-operaturi, allura jkun aktar probabbli li l-katina tal-provvista tkun stabbilita sew u l-fornitur ikun konxju tar-rekwiżiti tal-EUDR.

(b)   Riskju negliġibbli

Il-kunċett ta’ riskju negliġibbli għandu jinftiehem f’konformità mal-Artikolu 2(26) li jfisser li abbażi ta’ valutazzjoni sħiħa tal-informazzjoni speċifika għall-prodott u ġenerali skont l-Artikolu 10, u, fejn meħtieġ, tal-applikazzjoni tal-miżuri ta’ mitigazzjoni xierqa skont l-Artikolu 11, il-komoditajiet jew il-prodotti ma juru l-ebda raġuni għal tħassib li mhumiex f’konformità mal-Artikolu 3(a) (ma jinvolvux id-deforestazzjoni) jew (b) (prodotti legalment, f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-pajjiż tal-produzzjoni).

Il-lista tal-kriterji tal-valutazzjoni tar-riskju fl-Artikolu 10(2) mhijiex eżawrjenti; l-operaturi jistgħu jagħżlu li japplikaw kriterji ulterjuri jekk dawn jgħinu biex tiġi ddeterminata l-probabbiltà li komodità jew prodott rilevanti jkun ġie prodott illegalment jew kien jinvolvi d-deforestazzjoni, jew jekk jgħin biex tiġi ppruvata produzzjoni legali jew mingħajr deforestazzjoni.

F’każ li l-valutazzjoni tar-riskju u l-eżerċizzju tal-mitigazzjoni tar-riskju jikkonkludu li kwalunkwe kriterju tar-riskju jiżvela livell ta’ riskju mhux negliġibbli, allura l-prodott għandu jitqies li għandu riskju mhux negliġibbli, u għalhekk l-operatur ma għandux jintroduċih fis-suq tal-Unjoni jew jesportah minnu.

(c)   Obbligi għall-operaturi primarji mikro jew żgħar

L-operaturi primarji mikro jew żgħar huma operaturi li huma soġġetti għal reġim simplifikat ta’ obbligi kif stabbilit fl-Artikolu 4a.

Minflok l-obbligu li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta, huma meħtieġa biss li jippreżentaw dikjarazzjoni simplifikata ta’ darba fis-sistema ta’ informazzjoni (l-Artikolu 4a(2)). Huma jistgħu jużaw ukoll l-indirizz postali minflok il-ġeolokalizzazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 9(1)(h) dment li dan jikkorrispondi b’mod ċar mal-post ġeografiku tal-biċċiet art jew, fil-każ tal-ifrat, tal-istabbiliment ikkonċernat.

L-operaturi primarji mikro u żgħar huma obbligati jeżerċitaw id-diliġenza dovuta f’konformità mal-Artikolu 8 u li jistabillixxu u jżommu aġġornat qafas ta’ proċeduri u miżuri biex jiżguraw li l-prodotti rilevanti li jintroduċu fis-suq jew li jesportaw jikkonformaw mal-Artikolu 3, kif meħtieġ mill-Artiklu 12(1).

Madankollu, peress li l-operaturi primarji mikro jew żgħar, skont id-definizzjoni, ifittxu sorsi ta’ provvista kompletament minn pajjiż b’riskju baxx, huma ma jkunux meħtieġa jwettqu l-valutazzjoni tar-riskju u l-mitigazzjoni tar-riskju meħtieġa mill-Artikoli 10 u 11, sakemm ma jkunux kisbu kwalunkwe informazzjoni rilevanti li tindika riskju mhux negliġibbli li l-prodotti rilevanti ma humiex konformi (l-Artikolu 4(4)(b) u l-Artikolu 13(2)), jew isiru konxji ta’ informazzjoni bħal din.

Dan ifisser li, ġeneralment, is-sistema ta’ diliġenza dovuta tagħhom tkun tikkonsisti fil-ġbir tal-informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 9.

(d)   Obbligi għall-operaturi downstream u għan-negozjanti

Għall-operaturi downstream u n-negozjanti, l-obbligi applikabbli huma stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-Regolament. L-operaturi downstream u n-negozjanti jridu jintroduċu jew iqiegħdu fis-suq jew jesportaw il-prodotti rilevanti biss jekk ikollhom l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 5(3), essenzjalment l-identità tal-fornituri tagħhom u tal-klijenti korporattivi tagħhom u, fil-każ tal-operaturi downstream jew in-negozjanti li l-fornitur tagħhom ikun operatur, in-numri ta’ referenza tad-dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza dovuta jew l-identifikatur tad-dikjarazzjoni assoċjat mal-prodotti. Dan jirriżulta mill-Artikolu 4(7) li jirrikjedi li l-operaturi jikkomunikaw lill-operaturi downstream u lin-negozjanti n-numri ta’ referenza tad-dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza dovuta jew, jekk applikabbli, l-identifikaturi tad-dikjarazzjoni assoċjati ma’ dawk il-prodotti rilevanti.

Fil-qosor, l-operaturi downstream u n-negozjanti ma humiex meħtieġa jeżerċitaw id-diliġenza dovuta huma stess, ma għandhomx bżonn jissottomettu dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza dovuta, u lanqas ma għandhom bżonn jiżguraw li d-diliġenza dovuta tkun ġiet eżerċitata upstream. Madankollu, iridu jiġbru u jżommu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(3)u jipprovduha lill-awtoritajiet kompetenti meta ssirilhom talba.

Barra minn hekk, l-operaturi downstream u n-negozjanti li ma humiex SMEs għandhom jirreġistraw fis-sistema ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33 qabel ma jintroduċu jew iqiegħdu fis-suq jew jesportaw prodotti rilevanti (l-Artikolu 5(2)).

F’każ ta’ għarfien dwar informazzjoni ġdida rilevanti, inkluż tħassib sostanzjat, l-Artikolu 5(5) jobbliga lill-operaturi downstream u lin-negozjanti jinformaw minnufih lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li fihom huma jkunu introduċew jew qiegħdu fis-suq il-prodott rilevanti kif ukoll lil operaturi u negozjanti downstream oħra li lilhom ikunu fornew il-prodott rilevanti. Fil-każ ta’ esportazzjonijiet, l-operaturi downstream għandhom jinformaw lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż tal-produzzjoni.

Barra minn hekk, l-operaturi downstream u n-negozjanti li ma humiex SMEs huma obbligati jivverifikaw li ġiet eżerċitata d-diliġenza dovuta u li ma nstab l-ebda riskju negliġibbli jew li nstab riskju negliġibbli biss f’każ ta’ tħassib sostanzjat (l-Artikolu 5(6)). Sakemm il-verifika ma turi l-ebda riskju negliġibbli jew riskju negliġibbli biss ta’ nuqqas ta’ konformità, dawn ma għandhomx jintroduċu jew iqiegħdu fis-suq jew jesportaw prodotti rilevanti.

(e)   Diliġenza dovuta simplifikata, jiġifieri t-tiftix ta’ sorsi ta’ provvista minn pajjiżi b’riskju baxx

L-operaturi li jfittxu sorsi ta’ provvista minn pajjiżi b’riskju baxx huma meħtieġa jeżerċitaw id-diliġenza dovuta f’konformità mal-Artikolu 8, jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni tal-Artikolu 9 u jistabbilixxu sistema ta’ diliġenza dovuta f’konformità mal-Artikolu 12.

Madankollu, f’konformità mal-Artikolu 13, dawn ma humiex meħtieġa jissodisfaw l-obbligi skont l-Artikolu 10 u l-Artikolu 11 fejn, wara li jkunu vvalutaw:

(i)

il-kumplessità tal-katina tal-provvista rilevanti; u

(ii)

ir-riskju ta’ ċirkomvenzjoni jew taħlit ma’ prodotti ta’ oriġini mhux magħrufa, jew ta’ oriġini minn pajjiżi ta’ riskju għoli jew ta’ riskju standard jew partijiet minnhom,

ikunu aċċertaw li l-komoditajiet u l-prodotti rilevanti kollha li jintroduċu fis-suq jew jesportaw ikunu ġew prodotti esklużivament f’pajjiżi bħal dawn jew f’partijiet minnhom li kienu kklassifikati bħala ta’ riskju baxx f’konformità mal-Artikolu 29 (11).

Għas-simplifikazzjoni tad-diliġenza dovuta skont l-Artikolu 13, ma humiex meħtieġa passi ulterjuri fil-valutazzjoni tal-informazzjoni jew fil-mitigazzjoni tar-riskju sakemm, matul il-ġbir tal-informazzjoni jew matul il-valutazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 13 innifsu, l-operaturi ma jsirux konxji ta’ informazzjoni ġdida rilevanti li tindika li prodott rilevanti li beħsiebhom jintroduċu fis-suq jew jesportaw ikun f’riskju li ma jikkonformax mar-Regolament.

Ġeneralment, l-operaturi primarji mikro jew żgħar ma jkunux meħtieġa jwettqu valutazzjoni tar-riskju u mitigazzjoni tar-riskju peress li huma, skont id-definizzjoni, operatur li jfittex sorsi ta’ provvista minn pajjiż b’riskju baxx, sakemm ma jiksibx kwalunkwe informazzjoni rilevanti li tindika riskju mhux negliġibbli li l-prodotti rilevanti ma jkunux konformi, jew isir konxju ta’ informazzjoni bħal din.

(f)   Interazzjoni mad-Direttiva dwar id-Diliġenza Dovuta Korporattiva dwar is-Sostenibbiltà u r-Regolament dwar ix-Xogħol Furzat

Id-Direttiva (UE) 2024/1760 dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva (12) (CSDDD, Corporate Sustainability Due Diligence Directive) tistabbilixxi qafas orizzontali ġenerali għad-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà għal kumpaniji kbar ħafna tal-UE u mhux tal-UE. L-EUDR jipprovdi qafas settorjali għad-deforestazzjoni fir-rigward ta’ ċerti aspetti tad-diliġenza dovuta għal ċerti prodotti. Is-CSDDD u l-EUDR għandhom kampijiet ta’ applikazzjoni differenti: filwaqt li l-EUDR huwa marbut ma’ entitajiet li jintroduċu prodotti rilevanti fis-suq tal-UE jew li jesportawhom, is-CSDDD tapplika għal kumpaniji kbar tal-UE u mhux tal-UE li jaqbżu ċertu daqs ta’ fatturat u numru ta’ impjegati.

Meta r-regoli speċifiċi dwar id-diliġenza dovuta skont l-EUDR ikunu f’kunflitt mar-regoli ġenerali tas-CSDDD, id-dispożizzjonijiet tal-EUDR, li huma lex specialis, jiġu qabel ir-regoli ġenerali tas-CSDDD (lex generalis) sal-punt tal-kunflitt, sakemm dawn jipprevedu obbligi aktar estensivi jew aktar speċifiċi li jsegwu l-istess objettivi. Din ir-regola hija stabbilita fl-Artikolu 1(3) tas-CSDDD u ssegwi l-prinċipji tad-dritt tal-UE, li jagħtu preċedenza lil-lex specialis fuq il-lex generalis f’każijiet bħal dawn. Il-linji gwida ġenerali dwar id-diliġenza dovuta għall-kumpaniji skont is-CSDDD se jiġu ppubblikati sas-26 ta’ Lulju 2027. Id-data tal-applikazzjoni għas-CSDDD hija s-26 ta’ Lulju 2029.

Ir-Regolament dwar il-projbizzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat fis-suq tal-Unjoni (FLR) (13) jipprojbixxi lill-operaturi ekonomiċi milli jintroduċu u jqiegħdu fis-suq tal-Unjoni jew jesportaw mis-suq tal-Unjoni prodotti magħmula b’xogħol furzat. Peress li din tapplika għall-operaturi ekonomiċi kollha, tapplika wkoll għall-operaturi ekonomiċi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-EUDR. Filwaqt li l-FLR ma jimponix obbligi ta’ diliġenza dovuta fuq l-operaturi ekonomiċi, il-proċessi ta’ diliġenza dovuta meħtieġa skont leġiżlazzjoni oħra tal-UE, bħas-CSDDD jew l-EUDR, jistgħu jgħinu biex jiġu identifikati, evitati, immitigati, jintemmu jew jiġu rrimedjati r-riskji tax-xogħol furzat fl-operazzjonijiet u fil-ktajjen tal-provvista tal-operaturi ekonomiċi. Sabiex tiġi ffaċilitata l-konformità mal-FLR, il-Kummissjoni se toħroġ gwida dwar id-diliġenza dovuta biex jiġu indirizzati r-riskji tax-xogħol furzat fil-ktajjen tal-provvista.

5.   KJARIFIKA TAL-“KUMPLESSITÀ TAL-KATINA TAL-PROVVISTA”

Leġiżlazzjoni rilevanti:

l-EUDR - l-Artikolu 8 — Diliġenza dovuta; l-Artikolu 9 — Rekwiżiti ta’ informazzjoni; l-Artikolu 10 — Valutazzjoni tar-riskju; l-Artikolu 11 — Mitigazzjoni tar-riskju

“Il-kumplessità tal-katina tal-provvista rilevanti” hija elenkata b’mod espliċitu bħala kriterju tal-valutazzjoni tar-riskju fl-Artikolu 10(2)(i) tal-EUDR u għalhekk hija rilevanti għall-parti tal-valutazzjoni tar-riskju u tal-mitigazzjoni tar-riskju tal-eżerċizzju ta’ diliġenza dovuta. Hija waħda minn diversi kriterji tal-parti tal-valutazzjoni tar-riskju u tal-mitigazzjoni tar-riskju tal-eżerċizzju ta’ diliġenza dovuta stabbiliti fl-Artikoli 10 u 11.

Ir-raġunament li jirfed dan il-kriterju huwa li t-traċċar ta’ prodotti rilevanti lura lejn il-pajjiż tal-produzzjoni u l-biċċiet ta’ art fejn ġew prodotti l-komoditajiet rilevanti jista’ jkun aktar diffiċli jekk il-katina tal-provvista tkun kumplessa, u dan huwa fattur li huwa assoċjat ma’ riskju akbar ta’ nuqqas ta’ konformità. L-inkonsistenza tal-informazzjoni u tad-data rilevanti u l-problemi li jiksbu l-informazzjoni meħtieġa fi kwalunkwe punt fil-katina tal-provvista jistgħu jżidu r-riskju li komoditajiet jew prodotti mhux konformi jidħlu fil-katina tal-provvista. Il-kunsiderazzjoni ewlenija hija l-punt sa fejn huwa possibbli li jiġu ttraċċati l-komoditajiet rilevanti li jinsabu fi prodott rilevanti lura lejn il-biċċiet ta’ art fejn ġew prodotti.

Ir-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità jiżdied jekk il-kumplessità tal-katina tal-provvista tagħmilha diffiċli li tiġi identifikata l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 10(2) tal-EUDR. L-eżistenza ta’ passi mhux identifikati fil-katina tal-provvista jew kwalunkwe sejba oħra li tindika nuqqas ta’ konformità tista’ twassal għall-konklużjoni li r-riskju mhuwiex negliġibbli.

Il-kumplessità tal-katina tal-provvista tiżdied man-numru ta’ proċessuri u ta’ intermedjarji bejn il-biċċiet art fil-pajjiż tal-produzzjoni u l-operatur. Il-kumplessità tista’ tiżdied ukoll meta jintuża aktar minn prodott rilevanti wieħed għall-manifattura ta’ prodott rilevanti ġdid, jew jekk il-komoditajiet rilevanti jinkisbu minn diversi pajjiżi tal-produzzjoni. Min-naħa l-oħra, l-eżerċizzju ta’ diliġenza dovuta aktarx ikun aktar sempliċi fi ktajjen tal-provvista qosra, u katina tal-provvista qasira tista’, b’mod partikolari fil-każ ta’ diliġenza dovuta simplifikata skont l-Artikolu 13, tkun fattur li jgħin biex jintwera li hemm riskju negliġibbli ta’ ċirkomvenzjoni tar-Regolament.

Sabiex tiġi vvalutata l-kumplessità tal-katina tal-provvista, l-operaturi jistgħu jużaw il-lista (mhux eżawrjenti) li ġejja ta’ mistoqsijiet għall-prodotti rilevanti li għandhom jiġu introdotti jew jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni, jew jiġu esportati minnu:

Kien hemm diversi proċessuri u/jew passi fil-katina tal-provvista qabel ma prodott rilevanti partikolari ġie introdott jew tqiegħed fis-suq tal-Unjoni, jew ġie esportat minnu?

Il-prodott rilevanti fih komoditajiet rilevanti miksuba minn diversi biċċiet ta’ art u/jew pajjiżi tal-produzzjoni?

Il-prodott rilevanti huwa prodott ipproċessat ħafna (li fih innifsu jista’ jkun fih diversi prodotti rilevanti oħra)?

Għall-injam,

il-prodott rilevanti jikkonsisti f’aktar minn speċi waħda ta’ siġra?

l-injam u/jew il-prodotti tal-injam ġew innegozjati f’aktar minn pajjiż wieħed?

kien hemm xi prodotti pproċessati rilevanti li ġew pproċessati jew manifatturati f’pajjiżi terzi qabel ma ġew introdotti, jew tqiegħdu fis-suq tal-Unjoni jew ġew esportati minnu?

6.   LEGALITÀ

Leġiżlazzjoni rilevanti:

l-EUDR— l-Artikolu 2(40) — Definizzjonijiet u l-Artikolu 3(b) — Projbizzjoni

Skont l-Artikolu 3 tal-EUDR, il-komoditajiet rilevanti u l-prodotti rilevanti ma għandhomx jiġu introdotti jew jitqiegħdu fis-suq jew jiġu esportati, sakemm ma jiġux issodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ikunu mingħajr deforestazzjoni;

(b)

ikunu ġew prodotti f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-pajjiż tal-produzzjoni; u

(c)

ikunu koperti minn dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta jew dikjarazzjoni simplifikata.

Il-prodotti rilevanti jridu jissodisfaw it-tliet kriterji b’mod separat u individwali; inkella, l-operaturi għandhom iżommu lura milli jintroduċuhom fis-suq jew jesportawhom.

(a)   Leġiżlazzjoni rilevanti tal-pajjiż tal-produzzjoni

Il-bażi biex jiġi ddeterminat jekk komodità rilevanti jew prodott rilevanti ġiex prodott f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-pajjiż tal-produzzjoni hija l-leġiżlazzjoni tal-pajjiż li fih il-komodità, jew fil-każ ta’ prodott, il-komodità li tinsab fi prodott rilevanti, tkabbret, inħasdet, inkisbet jew ġiet imrobbija fuq biċċiet ta’ art rilevanti jew, fir-rigward tal-bhejjem tal-ifrat, fi stabbilimenti.

L-EUDR jieħu approċċ flessibbli billi jelenka għadd ta’ oqsma tal-liġi mingħajr ma jispeċifika liġijiet partikolari, peress li dawn ivarjaw minn pajjiż għal ieħor u jistgħu jkunu soġġetti għal emendi. Madankollu, huma biss il-liġijiet applikabbli li jikkonċernaw l-istatus legali taż-żona ta’ produzzjoni li jikkostitwixxu leġiżlazzjoni rilevanti skont l-Artikolu 2(40) tal-EUDR. Dan ifisser li ġeneralment ir-rilevanza tal-liġijiet għar-rekwiżit ta’ legalità fl-Artikolu 3(b) tal-EUDR mhijiex iddeterminata mill-fatt li dawn jistgħu japplikaw b’mod ġenerali matul il-proċess tal-produzzjoni tal-komoditajiet jew japplikaw għall-ktajjen tal-provvista tal-prodotti rilevanti u tal-komoditajiet rilevanti, iżda mill-fatt li dawn il-liġijiet jaffettwaw speċifikament jew jinfluwenzaw l-istatus legali taż-żona li fiha ġew prodotti l-komoditajiet.

Barra minn hekk, l-Artikolu 2(40) tal-EUDR irid jinqara fid-dawl tal-objettivi tal-EUDR kif stabbiliti fl-Artikolu 1(1)(a) u (b), li jfisser li l-leġiżlazzjoni hija rilevanti wkoll jekk il-kontenut tagħha jkun jista’ jintrabat direttament mat-twaqqif tad-deforestazzjoni u tad-degradazzjoni tal-foresti fil-kuntest tal-impenn tal-Unjoni li tindirizza t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità.

Il-punti (a) sa (h) tal-Artikolu 2(40) jispeċifikaw aktar din il-leġiżlazzjoni rilevanti. Il-lista li ġejja tagħti xi eżempji konkreti li huma għal finijiet ta’ illustrazzjoni biss u ma jistgħux jitqiesu eżawrjenti:

Id-drittijiet għall-użu tal-art, inklużi l-liġijiet dwar il-ħsad u l-produzzjoni fuq l-art jew dwar il-ġestjoni tal-art; bħal:

il-leġiżlazzjoni dwar it-trasferiment tal-art b’mod partikolari għar-raba’ jew għall-foresti,

il-leġiżlazzjoni dwar tranżazzjoni ta’ kiri tal-art.

Il-protezzjoni tal-ambjent. Teżisti rabta mal-objettiv li jitwaqqfu d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jew il-protezzjoni tal-bijodiversità, pereżempju:

fil-leġiżlazzjoni dwar iż-żoni protetti,

fil-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tan-natura u r-restawr tan-natura,

fil-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-ħajja selvaġġa u l-bijodiversità,

fil-leġiżlazzjoni dwar l-ispeċijiet fil-periklu,

fil-leġiżlazzjoni dwar l-iżvilupp tal-art.

Ir-regoli relatati mal-foresti, inkluż il-ġestjoni tal-foresti u l-konservazzjoni tal-bijodiversità, fejn direttament relatati mal-ħsad tal-injam, bħal:

il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-foresti, u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti,

il-leġiżlazzjoni kontra d-deforestazzjoni,

id-drittijiet biex jinħasad l-injam fi ħdan il-konfini ppubblikati legalment.

Id-drittijiet tal-partijiet terzi, inklużi d-drittijiet għall-użu u d-dominju ta’ art affettwati mill-produzzjoni tal-komoditajiet u tal-prodotti rilevanti, u d-drittijiet tradizzjonali tal-użu tal-art tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet lokali; dan jista’ jinkludi, eż., id-drittijiet għall-imposta fuq l-art jew id-drittijiet ta’ użufrutt.

Id-drittijiet tax-xogħol u d-drittijiet tal-bniedem protetti skont id-dritt internazzjonali, li japplikaw jew għall-persuni li jkunu preżenti fil-qasam tal-produzzjoni ta’ komoditajiet rilevanti sal-punt rilevanti għall-EUDR filwaqt li jitqiesu l-objettivi tiegħu kif minquxa fl-Artikolu 1(1) tal-EUDR, jew għal persuni bi drittijiet għaż-żona tal-produzzjoni ta’ komoditajiet jew prodotti rilevanti, inklużi d-drittijiet tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet lokali, jekk ikunu applikabbli jew riflessi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali rispettiva; pereżempju, drittijiet tad-dominju ta’ art, territorji u riżorsi, drittijiet ta’ proprjetà, drittijiet fir-rigward ta’ trattati, ftehimiet u arranġamenti kostruttivi oħra bejn popli indiġeni u Stati.

Il-prinċipju ta’ kunsens liberu, minn qabel u infurmat (FPIC, free, prior and informed consent), inkluż kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni. Gwida ulterjuri dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju FPIC tista’ pereżempju tinstab permezz tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fejn huwa nnutat li l-Istati jrid ikollhom il-kunsens bħala l-objettiv ta’ konsultazzjoni qabel ma tittieħed kwalunkwe waħda mill-azzjonijiet li ġejjin:

it-twettiq ta’ proġetti li jaffettwaw id-drittijiet tad-dominju ta’ art, territorji u riżorsi tal-popli indiġeni, inkluż l-estrazzjoni minerarja u użu jew sfruttament ieħor tar-riżorsi,

ir-rilokazzjoni tal-popli indiġeni mill-art jew mit-territorji tagħhom,

ir-restituzzjoni jew rimedju xieraq ieħor jekk l-artijiet ikunu ġew ikkonfiskati, meħuda, okkupati jew saritilhom ħsara mingħajr il-kunsens liberu, minn qabel u infurmat tal-popli indiġeni li kellhom fid-dominju tagħhom.

Ir-regolamenti dwar it-taxxa, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-kummerċ u d-dwana.

Il-liġijiet applikabbli li jikkonċernaw il-ktajjen tal-provvista rilevanti li jidħlu fis-suq tal-Unjoni, jew li joħorġu minnu, jekk ikollhom rabta speċifika mal-objettivi tar-Regolament, jew, fil-każ tal-liġijiet kummerċjali u doganali, jekk jikkonċernaw speċifikament is-setturi rilevanti tal-produzzjoni agrikola jew tal-injam.

Il-Kummissjoni qed tippjana li, sa Diċembru 2026, tistabbilixxi repożitorju ta’ leġiżlazzjoni rilevanti li jippermetti lill-pajjiżi tal-produzzjoni jipprovdu lista ta’ leġiżlazzjoni rilevanti skont l-Artikolu 2(40). L-operaturi jistgħu jużaw ir-repożitorju biex jassistihom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-informazzjoni skont l-Artikolu 9(1)(h).

(b)   Diliġenza dovuta fir-rigward tal-legalità

L-operaturi jeħtiġilhom ikunu konxji ta’ liema leġiżlazzjoni teżisti f’kull wieħed mill-pajjiżi li qed jakkwistaw fir-rigward tal-istatus legali taż-żona ta’ produzzjoni. Il-leġiżlazzjoni rilevanti tista’, fost affarijiet oħra, tikkonsisti minn:

liġijiet nazzjonali u reġjonali, inkluża l-leġiżlazzjoni sekondarja rilevanti, u

id-dritt internazzjonali, inklużi trattati u ftehimiet multilaterali u bilaterali, kif applikabbli fil-liġi domestika permezz tal-kodifikazzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom, rispettivament.

Skont l-Artikolu 9(1)(h) tal-EUDR, l-informazzjoni, inklużi dokumenti u data li juru konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-pajjiż tal-produzzjoni, trid tinġabar bħala parti mill-obbligu ta’ diliġenza dovuta. Il-paragrafu 1(h) jispeċifika wkoll li tali informazzjoni trid tkun konklużiva u verifikabbli b’mod adegwat.

F’dan il-kuntest, in-natura u l-firxa tal-informazzjoni li għandha tinġabar jiddependu fuq il-katina tal-provvista speċifika, iż-żona tal-produzzjoni u l-pajjiż tal-produzzjoni. Kif elenkat hawn taħt, l-operaturi jistgħu jużaw firxa wiesgħa ta’ sorsi ta’ informazzjoni kredibbli li, meta jitqiesu lkoll flimkien, jippermettu li tinħareġ konklużjoni motivata li l-komoditajiet rilevanti ġew prodotti f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-pajjiż tal-produzzjoni. F’konformità mal-Artikolu 9(2), l-operaturi għandhom jagħmlu l-informazzjoni, id-dokumenti u d-data miġbura skont dan il-punt disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti meta ssirilhom talba. Sabiex jiġi ffaċilitat l-infurzar, l-operaturi għandhom ikunu jistgħu jispjegaw il-preżenza ta’ ċerti dokumenti u n-nuqqas ta’ oħrajn.

Il-ġbir tal-evidenza fil-fond għandu jingħata prijorità għall-ktajjen tal-provvista, għaż-żoni tal-produzzjoni u għall-pajjiżi tal-produzzjoni fejn eżami inizjali tal-informazzjoni disponibbli għall-operatur jindika riskju ogħla ta’ nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 3(b). B’kuntrast ma’ dan, għall-ktajjen tal-provvista, għaż-żoni tal-produzzjoni u għall-pajjiżi tal-produzzjoni fejn l-eżami inizjali tal-informazzjoni disponibbli jindika riskju negliġibbli ta’ nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 3(b), l-operaturi ma għandhomx ikunu meħtieġa jwettqu ġbir tad-data fil-fond. Pereżempju, ma għandhomx ikunu meħtieġa jiġbru b’mod sistematiku dokumentazzjoni legali komprensiva għal kull biċċa art individwali, jiksbu tipi speċifiċi ta’ dokumenti bħal titoli ta’ art individwali, jew jikkumpilaw lista eżawrjenti tal-liġijiet, tad-dokumenti legali jew tad-data potenzjalment rilevanti kollha.

L-informazzjoni inizjali disponibbli għall-operatur tista’ tinkludi informazzjoni disponibbli għall-pubbliku u informazzjoni oħra relatata maż-żona tal-produzzjoni jew mal-katina tal-provvista rilevanti li l-operatur ikun konxju tagħha qabel ma jeżerċita d-diliġenza dovuta. F’dan il-pass, l-operatur jista’ jqis, b’mod partikolari, il-klassifikazzjoni tar-riskju tal-pajjiż skont l-Artikolu 29 tal-EUDR, kif ukoll, fejn rilevanti, l-informazzjoni ppubblikata minn organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-Indikaturi ta’ Governanza Dinjija tal-Bank Dinji, u r-rapporti pubbliċi dwar il-pajjiż jew iż-żona tal-produzzjoni jew il-ktajjen tal-provvista rilevanti relatati mal-produzzjoni ta’ komoditajiet rilevanti.

L-obbligu li jinġabru dokumenti jew informazzjoni oħra jiddependi fuq ir-reġimi regolatorji differenti tal-pajjiżi. Għalhekk, l-obbligu għandu jinftiehem bħala li jinkludi, fejn applikabbli:

Dokumenti uffiċjali maħruġa mill-awtoritajiet tal-pajjiżi, bħal pereżempju permessi amministrattivi, pereżempju minn reġistri u minn pjattaformi uffiċjali stabbiliti u ġestiti mill-awtoritajiet tal-pajjiżi,

Dokumenti li juru obbligi kuntrattwali, inklużi kuntratti u ftehimiet ma’ popli indiġeni jew komunitajiet lokali,

Informazzjoni komplementari maħruġa minn skemi pubbliċi u privati ta’ ċertifikazzjoni jew skemi oħra vverifikati minn partijiet terzi,

Deċiżjonijiet ġudizzjarji,

Valutazzjonijiet tal-impatt, pjanijiet ta’ ġestjoni, rapporti tal-awditjar ambjentali.

Dan jinkludi informazzjoni relatata ma’ kwalunkwe arranġament li jagħti d-dritt li tintuża ż-żona rispettiva għall-finijiet tal-produzzjoni tal-komodità rilevanti. Jekk ikunx meħtieġ titolu tal-art jew dokumentazzjoni oħra ta’ arranġament ikun jiddependi mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Jekk il-pussess ta’ titolu tal-art ma jkunx meħtieġ skont il-liġi domestika għall-produzzjoni u għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli, dan ma jkunx meħtieġ skont l-EUDR.

Id-dokumenti addizzjonali li ġejjin jistgħu jkunu utli wkoll:

Dokumenti li juru l-politiki tal-kumpaniji u l-kodiċijiet ta’ kondotta,

Awtodikjarazzjoni volontarja tal-produtturi ta’ komoditajiet rilevanti li fihom produttur jiddikjara li l-prodott ġie prodott f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-pajjiż tal-produzzjoni,

Ftehimiet ta’ responsabbiltà soċjali bejn atturi privati u detenturi terzi tad-dritt,

Rapporti speċifiċi dwar il-pretensjonijiet u l-kunflitti dwar id-dominju u d-drittijiet.

L-Informazzjoni, inklużi dokumenti u data, tista’ tinġabar f’forma stampata jew elettronika.

Huwa importanti li wieħed jinnota li l-informazzjoni, inklużi d-dokumenti u d-data, iridu jinġabru skont l-Artikolu 9(1)(h) tal-EUDR anke għall-finijiet tal-valutazzjoni tar-riskju (l-Artikolu 10 tal-EUDR) u ma għandhiex titqies bħala rekwiżit indipendenti, sakemm il-prodott ma jinkisibx kompletament minn pajjiżi b’riskju baxx jew partijiet minnhom. Fil-każ ta’ tiftix ta’ sorsi ta’ provvista kompletament minn pajjiżi b’riskju baxx jew partijiet minnhom, skont l-Artikolu 13 tal-EUDR, l-operaturi jridu jwettqu biss il-passi li ġejjin li jiddeskrivu l-valutazzjoni tar-riskju jekk l-operaturi jiksbu informazzjoni li tindika riskju ta’ nuqqas ta’ konformità jew ta’ ċirkomvenzjoni, jew isiru konxji ta’ informazzjoni bħal din.

Skont l-Artikolu 10(1) tal-EUDR, l-informazzjoni miġbura trid tiġi vvalutata kollha kemm hi biex jiġu żgurati t-traċċabbiltà u l-konformità tul il-katina tal-provvista kollha. L-informazzjoni kollha trid tiġi analizzata u vverifikata, jiġifieri l-operaturi jeħtiġilhom ikunu jistgħu jevalwaw il-kontenut u l-affidabbiltà tad-dokumenti li jiġbru u jifhmu r-rabtiet bejn l-informazzjoni differenti f’dokumenti differenti. Normalment, l-operatur għandu jivverifika bħala parti mill-valutazzjoni:

jekk id-dokumenti differenti humiex konformi ma’ xulxin u ma’ informazzjoni oħra disponibbli,

x’juri eżattament kull dokument,

fuq liema sistema (eż. kontroll mill-awtoritajiet, awditu indipendenti, eċċ.) huwa bbażat id-dokument,

l-affidabbiltà u l-validità ta’ kull dokument, jiġifieri l-probabbiltà li jiġi ffalsifikat jew maħruġ illegalment.

L-operaturi għandhom jieħdu miżuri raġonevoli biex jaċċertaw li tali dokumenti huma ġenwini, skont il-valutazzjoni tagħhom tas-sitwazzjoni ġenerali fil-pajjiż tal-produzzjoni. F’dan ir-rigward, l-operatur għandu jikkunsidra wkoll ir-riskju ta’ korruzzjoni (eż. tixħim, kollużjoni, jew frodi). Diversi sorsi jipprovdu informazzjoni ġeneralment disponibbli dwar il-livell ta’ korruzzjoni f’pajjiż jew f’reġjun subnazzjonali, pereżempju l-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni ta’ Transparency International, jew indiċijiet internazzjonali rikonoxxuti simili jew informazzjoni rilevanti oħra (14).

F’każijiet fejn il-livell ta’ korruzzjoni jitqies għoli jista’ jkun hemm implikazzjoni li d-dokumenti ma jistgħux jitqiesu affidabbli, u tista’ tkun meħtieġa verifika ulterjuri. F’każijiet bħal dawn hija meħtieġa attenzjoni speċjali meta jiġu vverifikati d-dokumenti peress li jista’ jkun hemm raġuni biex tiġi ddubitata l-kredibbiltà tagħhom.

Minbarra li jiddependu minn indiċijiet internazzjonali rikonoxxuti, l-operaturi jistgħu jivverifikaw listi ta’ kundizzjonijiet u vulnerabbiltajiet, inkluża evidenza preċedenti ta’ prassi korrotta, li jindikaw riskju akbar — u b’hekk jitolbu livell ogħla ta’ skrutinju. Eżempji ta’ tali evidenza addizzjonali jistgħu jinkludu skemi vverifikati minn partijiet terzi (ara t-Taqsima 10 ta’ din il-gwida), awditi indipendenti jew awtoawditi, jew l-użu ta’ teknoloġiji/metodi forensiċi li jsegwu l-prodotti rilevanti li jistgħu jgħinu biex jiġu żvelati indikazzjonijiet ta’ korruzzjoni jew irregolaritajiet.

L-eżerċizzju tad-diliġenza dovuta mill-operaturi kif ukoll l-attivitajiet ta’ infurzar tal-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiġu appoġġati minn analitika tad-data u minn għodod ibbażati fuq l-IA għall-prijoritizzazzjoni, għall-verifika tal-konsistenza tad-dokumenti u għall-enfasi ta’ anomaliji possibbli. Madankollu, ir-responsabbiltà finali tal-konformità tibqa’ tal-operaturi u tal-awtoritajiet kompetenti irrispettivament mill-użu ta’ għodod diġitali bħal dawn.

7.   AMBITU TAL-PRODOTT

(a)   Kjarifika — Materjali tal-ippakkjar u għall-imballaġġ

Leġiżlazzjoni rilevanti:

l-EUDR – l-Artikolu 2 — Definizzjonijiet; l-Anness I tal-EUDR

L-Anness I tal-EUDR jistabbilixxi l-lista ta’ komoditajiet rilevanti u prodotti rilevanti kif ikklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda stabbilita fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (15).

Il-kodiċi SA 4819 ikopri: “Kartun, kaxxi, kontenituri, boroż u kontenituri oħrajn għal ippakkjar, ta’ karta, kartun, materjal artab ta’ ċelluloża jew insiġ ta’ fibri ċellulożi; fajls kaxxa, trejs tal-ittri, u oġġetti simili, ta’ karta jew kartun, ta’ tip użati f’uffiċċji, ħwienet jew bħalhom”.

Jekk xi wieħed mill-oġġetti ta’ hawn fuq jiġi introdott fis-suq jew jiġi esportat bħala prodott minnu nnifsu, aktar milli bħala ppakkjar għal prodott ieħor, dan ikun kopert mir-Regolament u għalhekk japplikaw l-obbligi stabbiliti fl-EUDR.

Jekk il-kontenituri tal-ippakkjar jew il-materjal tal-ippakkjar, kif ikklassifikat skont il-kodiċi SA 4819 , jintużaw biex “jappoġġa, jipproteġi jew iġorr” prodott ieħor, dan ma jkunx kopert mir-Regolament.

Il-kodiċi SA 4415 ikopri: “Kontenituri għall-ippakkjar, kaxxi, ċestuni, tnabar u kontenituri simili, tal-injam; tnabar tal-injam tal-kejbil; palits, palits tal-kaxxi u twavel oħrajn tat-tagħbija, tal-injam; għenuq tal-palits tal-injam”.

Jekk xi wieħed mill-oġġetti ta’ hawn fuq jiġi introdott fis-suq jew jiġi esportat bħala prodott minnu nnifsu, dan ikun kopert mir-Regolament u għalhekk japplikaw l-obbligi stabbiliti fl-EUDR.

L-oġġetti taħt 4415 użati esklużivament bħala materjal jew kontenituri tal-ippakkjar biex jappoġġaw, jipproteġu jew iġorru prodott ieħor introdotti fis-suq ma humiex koperti mill-EUDR.

L-istess kunsiderazzjonijiet fir-rigward tal-materjali tal-ippakkjar japplikaw għall-kodiċijiet SA 4401 , 4405 , 4416 .

F’dawn il-kategoriji, hemm distinzjoni oħra bejn il-materjal tal-ippakkjar u l-kontenituri tal-ippakkjar “li jintużaw darba biss” fuq naħa waħda, u l-materjal tal-ippakkjar u l-kontenituri tal-ippakkjar li huma adatti b’mod ċar għal użu ripetittiv fuq in-naħa l-oħra:

Il-materjal tal-ippakkjar u l-kontenituri tal-ippakkjar li jintużaw darba biss użati esklużivament biex jappoġġaw, jipproteġu jew iġorru prodott ieħor imqiegħed fis-suq jew esportat u ppreżentat ma’ dak il-prodott ma humiex koperti mill-EUDR meta jintużaw għal dak l-għan.

Materjal tal-ippakkjar u kontenituri tal-ippakkjar li huma adattati b’mod ċar għal użu ripetittiv użati esklużivament biex jappoġġaw, jipproteġu jew iġorru prodott ieħor imqiegħed fis-suq jew esportat u ppreżentat ma’ dak il-prodott ma humiex koperti mill-EUDR mill-mument li jintużaw għal tali skop u minn hemm ’il quddiem. Pereżempju, il-palits ma jkunux koperti mill-EUDR jekk jerġgħu jitqiegħdu fis-suq jew jiġu esportati wara li jintużaw biex jappoġġaw, jipproteġu, jew iġorru prodott ieħor).

Trid issir distinzjoni ulterjuri bejn l-ippakkjar li jitqies li jagħti l-prodott il-“karattru essenzjali” tiegħu u l-ippakkjar li jiġi ffurmat u jitwaħħal ma’ prodott speċifiku iżda li ma jkunx parti integrali mill-prodott innifsu. Ir-regola ġenerali 5 dwar l-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda (16) tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 tiċċara dawn id-differenzi, u l-eżempji huma ppreżentati hawn taħt. Il-kontenituri b’“karattru essenzjali” huma assenjati l-kodiċi SA tagħhom stess u huma kklassifikati b’mod indipendenti mill-prodott li fihom u huma fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament, filwaqt li l-kontenituri b’forma speċjali jew imwaħħla biex ikun fihom oġġetti speċifiċi huma assenjati l-Kodiċi SA tal-prodott li fihom, jekk dawn il-kontenituri jkunu tajbin għal użu fit-tul, ippreżentati mal-oġġetti li huma maħsuba għalihom u meta jkunu ta’ tip li normalment jinbiegħu magħhom ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (ir-Regola Ġenerali 5a). L-ippakjar ordinarju, bħal materjali tal-ippakjar u kontenituri tal-ippakjar (7) ippreżentati mal-oġġetti fihom għandhom jiġu kklassifikati mal-oġġetti jekk ikunu ta’ tip normalment użat għall-ippakjar ta’ tali oġġetti, li jfisser li ma jaqgħux fil-kamp tal-applikazzjoni tar-Regolament (ir-Regola Ġenerali 5b). Karta jew materjali oħra tat-tgeżwir għandhom jitqiesu bħala parti integrali minn prodott jekk l-iskop tagħhom ikun li jipproteġuh, iġorruh jew jittrasportawh.

Madankollu, dawn id-distinzjonijiet addizzjonali x’aktarx li jkunu rilevanti biss għal proporzjon żgħir ta’ oġġetti soġġetti għar-Regolament.

Fil-qosor, dan li ġej huwa soġġett għar-Regolament:

Materjal tal-ippakjar jew konenituri tal-ippakkjar introdotti jew imqiegħda fis-suq jew esportati bħala prodotti fihom infushom;

Kontenituri li jagħtu lill-prodott il-karattru essenzjali tiegħu.

Dan li ġej mhuwiex soġġett għar-Regolament:

Il-materjal tal-ippakjar u l-kontenituri tal-ippakkjar li jintuża darba biss ippreżentati ma’ oġġetti u użati esklużivament biex jappoġġaw, jipproteġu jew iġorru prodott ieħor;

Il-materjali tal-ippakjar u l-kontenituri tal-ippakkjar li huma adattati b’mod ċar għall-użu ripetittiv ippreżentati mal-oġġetti u użati esklużivament biex jappoġġaw, jipproteġu jew iġorru prodott ieħor, mill-mument li jintużaw għal dan l-iskop u minn hemm ’il quddiem.

(b)   Kjarifika — Skart u prodotti rkuprati u riċiklati

Leġiżlazzjoni rilevanti:

l-EUDR – il-Premessa (40); l-Anness I tal-EUDR; id-Direttiva 2008/98/KE - l-Artikolu 3(1)

Matul l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom, l-operaturi, l-operaturi downstream u n-negozjanti jistgħu jimmaniġġaw il-prodotti użati li jkunu temmew iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, u li altrimenti jintremew bħala skart. Skart tfisser sustanza jew oġġett li d-detentur jarmi jew beħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi (id-Direttiva 2008/98/KE, l-Artikolu 3(1)). Tali prodotti huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-EUDR. Dan ifisser li, f’dawn il-każijiet, dawn l-operaturi, l-operaturi downstream u n-negozjanti jkunu eżentati mill-obbligi tal-EUDR.

Din l-eżenzjoni tapplika għal oġġetti li jkunu ġew prodotti kompletament minn materjal li jkun temm iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu u li kieku kien jintrema bħala skart (eż. injam irkuprat minn bini żarmat, jew oġġetti magħmula mill-karfa tal-kafè).

Din l-eżenzjoni ma tapplikax għal prodotti sekondarji ta’ proċess ta’ manifattura li jinvolvi materjal li mhuwiex skart fis-sens li jkun sustanza jew oġġett li d-detentur jarmi jew ikollu l-intenzjoni jew li jkun meħtieġ li jarmi.

Il-mistoqsijiet u t-tweġibiet li ġejjin jiċċaraw il-każijiet ta’ użu prattiku:

M1: Il-laqx u s-serratura tal-injam huma prodotti bħala prodotti sekondarji tal-isserrar tal-injam soġġetti għar-Regolament?

Iva, dawn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni taħt il-kodiċi SA 4401 li huwa soġġett għall-EUDR. Dan għaliex il-laqx u s-serratura tal-injam jistgħu jintużaw bħala injam għall-fjuwil u għalhekk ma jkunux temmew iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom. Eċċezzjoni tkun il-laqx/serratura tal-injam użata esklużivament bħala materjal tal-ippakkjar li jirfed, jipproteġi jew iġorr prodott ieħor.

M2: L-għamara magħmula mill-injam rkuprat wara t-twaqqigħ ta’ dar hija soġġetta għar-Regolament?

Le, jekk dawn il-prodotti jkunu magħmulin kompletament minn materjal li jkun temm iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu u li kieku kien jintrema bħala skart, ma humiex soġġetti għar-Regolament. Madankollu, jekk il-prodotti jkun fihom xi ammont ta’ materjal mhux riċiklat, dik il-parti tkun soġġetta għar-Regolament.

M3: Il-prodotti magħmula minn materjal riċiklat jew irkuprat huma soġġetti għar-Regolament?

Le, jekk il-prodotti rilevanti huma magħmula kompletament minn materjal riċiklat, dawn mhumiex soġġetti għall-EUDR. Madankollu, jekk il-prodotti rilevanti jkun fihom xi ammont ta’ materjal mhux riċiklat jew mhux irkuprat, dak l-ammont ikun soġġett għar-Regolament, bħall-użu tal-polpa verġni fil-produzzjoni tal-karta, u l-injam użat għat-tiswija tal-palits.

M4: Il-pellets tal-fjuwil magħmula minn għenieqed tal-frott vojta jew qxur tal-lewż tal-palm huma soġġetti għar-Regolament?

Iva, meta l-għenieqed tal-frott vojta u l-qxur tal-lewż tal-palm, anki fil-forma ta’ pellets, jiġu kklassifikati bħala prodotti sekondarji tar-residwi solidi tal-proċess tal-estrazzjoni taż-żejt tal-palm, il-pellets tal-fjuwil magħmula minnhom ikunu koperti taħt il-kodiċi SA 2306 60 fl-Anness I tal-EUDR. Il-pellets tal-fjuwil mhumiex soġġetti għar-Regolament jekk ikunu magħmulin kompletament minn materjali kklassifikati bħala skart.

M5: Il-kafè mitħun, għall-użu fil-prodotti tal-indafa personali jew fil-fertilizzanti, huwa soġġett għar-Regolament?

Le, jekk il-kafè mitħun huwa skart minn kafetterija, pereżempju, u kieku kien jintrema.

M6: Il-casings tat-tajers jew il-karkassi tat-tajers retreaded huma soġġetti għar-Regolament?

Il-casings u l-karkassi tat-tajers użati, li normalment jintużaw għar-retreading tat-tajers, huma barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament, filwaqt li t-tajers retreaded jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni biss fir-rigward tat-tread tal-lasktu l-ġdida applikata fuq il-karkassi u l-casings.

M7: Il-prodotti rilevanti huma koperti mill-EUDR f’każ li jiġu prodotti minn komoditajiet mhux rilevanti?

Ir-Regolament ma japplikax għal prodotti li huma magħmulin minn komoditajiet mhux rilevanti, anki jekk dawk il-prodotti jippreżentaw l-istess Nomenklatura Magħquda bħall-prodotti rilevanti magħmulin minn komoditajiet rilevanti. Ir-Regolament japplika biss għall-prodotti rilevanti magħmulin minn komoditajiet rilevanti.

Dan huwa l-każ pereżempju għal:

(i)

l-ifrat tal-ġeneru Bos u s-subġeneri tiegħu: Bos, Bibos, Novibos, u Poephagus li jaqgħu taħt is-suintestaturi SA 0102 21 u 0102 29 huma fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-EUDR, filwaqt li l-buflu (il-ġeneru Syncerus) jew il-biżonti (il-ġeneru Bison) jew kwalunkwe annimal bovin ħaj ieħor mhuwiex fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-EUDR.

(ii)

iż-żejt tal-palm mill-ispeċi tal-palm taż-żejt Elaeis spp. (inkluża l-Elaeis guineensis) huwa fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-EUDR, iżda ż-żejt babassu mill-ġeneru Attalea spp. (inkluża l-Attalea speciosa) u żjut veġetali oħrajn minn speċijiet tas-siġra tal-palma mhumiex fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-EUDR;

(iii)

il-lastiku mill-Hevea brasiliensis hija fil-kamp ta’ applikazzjoni, iżda balata, guttaperka, gwajul, ħalib tas-sapodilja u gomom naturali simili prodotti ma’ speċijiet oħra mhumiex fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-EUDR, u lanqas ma huma prodotti tal-lastiku sintetiku;

(iv)

il-prodotti tal-injam huma fil-kamp ta’ applikazzjoni, iżda l-prodotti magħmula mill-kannadindja, mill-bambù, u minn materjali oħra ta’ natura tal-injam mhumiex fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-EUDR.

8.   MANUTENZJONI REGOLARI TA’ SISTEMA TA’ DILIĠENZA DOVUTA

Leġiżlazzjoni rilevanti:

l-EUDR — l-Artikolu 12 — Stabbiliment u manutenzjoni ta’ sistemi ta’ diliġenza dovuta, rappurtar u żamma ta’ rekords

Sabiex jeżerċitaw id-diliġenza dovuta f’konformità mal-Artikolu 8, l-operaturi, inklużi l-operaturi primarji mikro jew żgħar iridu jistabbilixxu u jżommu aġġornat qafas ta’ proċeduri u miżuri ta’ dokumentazzjoni, analiżi, verifika u rapportar (“is-sistema ta’ diliġenza dovuta”). L-għan tad-diliġenza dovuta skont l-EUDR huwa li jinkiseb eżitu meħtieġ billi jintwrew proċessi konsistenti fl-operat tan-negozji. Huwa importanti li operatur, f’konformità mal-Artikolu 12(2), jirrieżamina s-sistema ta’ diliġenza dovuta tiegħu mill-inqas darba fis-sena biex jiżgura li dawk responsabbli jkunu qed isegwu l-proċeduri li japplikaw għalihom, li l-proċessi fis-seħħ ikunu effettivi u li jkun qed jinkiseb l-eżitu meħtieġ. L-operaturi għandhom jaġġornaw ukoll is-sistema ta’ diliġenza dovuta jekk matul ir-rieżami jew fi kwalunkwe punt ieħor isiru konxji ta’ żviluppi ġodda li jistgħu jinfluwenzaw l-għanijiet tas-sistema ta’ diliġenza dovuta, bħall-effettività u l-komprensività tal-passi jew tal-proċeduri fis-sistema. Kwalunkwe aġġornament fis-sistema ta’ diliġenza dovuta jrid jiġi rreġistrat u r-rekords iridu jinżammu għal 5 snin.

Ir-rieżami jista’ jitwettaq minn xi ħadd fl-organizzazzjoni tal-operatur (li għandu jkun indipendenti minn dawk li jwettqu l-proċeduri) jew minn korp estern. Għandu jidentifika kwalunkwe dgħufija u falliment u l-maniġment tal-operatur għandu jistabbilixxi skadenzi sa meta dawn għandhom jiġu indirizzati.

Fil-każ ta’ sistema ta’ diliġenza dovuta tal-prodott rilevanti, ir-rieżami għandu pereżempju jivverifika jekk hemmx proċeduri dokumentati:

għall-ġbir u r-reġistrazzjoni tal-informazzjoni, tad-data u tad-dokumenti meħtieġa biex tintwera l-konformità.

għall-valutazzjoni tar-riskju tal-prodott rilevanti jew ta’ kwalunkwe komponent tal-prodott rilevanti li fih prodotti rilevanti jew komoditajiet rilevanti li mhumiex mingħajr deforestazzjoni jew li ma ġewx prodotti f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-pajjiż tal-produzzjoni.

li jindirizzaw l-azzjonijiet proposti li għandhom jittieħdu skont il-livell ta’ riskju.

Ir-rieżami għandu jivverifika wkoll jekk dawk responsabbli għat-twettiq ta’ kull pass fil-proċeduri jifhmux u humiex qegħdin jimplimentaw kull pass, u li hemm kontrolli adegwati biex jiġi żgurat li l-proċeduri jkunu effettivi fil-prattika (jiġifieri li jidentifikaw u jirriżultaw fl-esklużjoni ta’ prodott rilevanti li jinvolvi riskju mhux negliġibbli ta’ nuqqas ta’ konformità). Prattika tajba ssuġġerita għall-evidenza tar-rieżami hija li jiġu ddokumentati l-passi segwiti fir-rieżami u l-eżiti tiegħu.

9.   PRODOTTI KOMPOSTI

Leġiżlazzjoni rilevanti:

l-EUDR – l-Artikolu 4 — Obbligi tal-operaturi; l-Artikolu 9 — Rekwiżiti ta’ informazzjoni; l-Artikolu 33 — Sistema ta’ informazzjoni

L-operaturi, l-operaturi downstream u n-negozjanti jistgħu jimmaniġġjaw il-prodotti rilevanti, kif elenkati fl-Anness I tal-EUDR, li fihom prodotti rilevanti oħra jew li huma magħmulin parzjalment minnhom jew minn komoditajiet rilevanti. Fil-prattika, dawn xi drabi jissejħu “prodotti komposti” għalkemm dan mhuwiex terminu legali użat fl-EUDR.

L-EUDR jistabbilixxi regoli sabiex jiġi żgurat li l-komoditajiet rilevanti u l-prodotti rilevanti li jinsabu fil-prodotti rilevanti, jew li minnhom isiru l-prodotti rilevanti, jiġu identifikati kif xieraq matul id-diliġenza dovuta tal-operatur skont l-Artikolu 8. Dan huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li l-prodotti rilevanti kollha jkunu f’konformità mar-Regolament.

L-operaturi jeħtieġ li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni elenkati fl-Artikolu 9 bħala parti mid-diliġenza dovuta tagħhom għall-prodotti rilevanti li jkunu qed jintroduċu fis-suq jew jesportaw minnu. F’xi każijiet jista’ jkun kumpless li jiġu identifikati l-ispeċijiet, l-oriġini u l-ġeolokalizzazzjonijiet tal-komoditajiet rilevanti li jinsabu fil-prodotti rilevanti, b’mod partikolari għall-prodotti rikostitwiti (bħall-karta, il-fibreboard u l-bord tal-partikoli), jew prodotti pproċessati ħafna (bħal preparazzjonijiet tal-ikel li fihom il-kawkaw), iżda din l-informazzjoni hija meħtieġa għall-prodotti li jkunu se jiġu introdotti fis-suq jew esportati. Għal aktar referenza, jekk jogħġbok ara l- EUDR Supply Chain Infographics .

Barra minn hekk, meta jintroduċi fis-suq tal-Unjoni jew jesporta prodotti rilevanti, jekk dawn ikun fihom jew ikunu magħmulin minn prodotti rilevanti oħra (kif elenkati fl-Anness I tal-EUDR) li ma kinux soġġetti għal diliġenza dovuta qabel, l-operatur jeħtieġlu jwettaq id-diliġenza dovuta fuq dawk il-partijiet tal-prodott rilevanti.

Il-prodotti komposti jista’ jkun fihom diversi prodotti rilevanti taħt komoditajiet differenti. Pereżempju, bar taċ-ċikkulata [SA 1806 ] tista’ tinkludi prodotti derivati tal-kawkaw (trab tal-kawkaw [SA 1805 ] u butir tal-kawkaw [SA 1804 ]) u palm taż-żejt (żejt tal-palm [SA 1511 ]). F’każijiet bħal dawn, l-operatur li jintroduċi l-prodott fis-suq tal-UE jew li jesporta minnu se jkun meħtieġ biss li jwettaq diliġenza dovuta fuq il-prodotti rilevanti elenkati taħt il-komodità meqjusa rilevanti fl-Anness I tal-EUDR. Pereżempju, għall-bars taċ-ċikkulata [SA 1806 ], il-komodità rilevanti marbuta magħha hija l-kawkaw. Dan ifisser li l-obbligu ta’ diliġenza dovuta u r-rekwiżiti ta’ informazzjoni jestendu biss għall-prodotti rilevanti elenkati fil-kolonna tal-lemin tal-Anness I taħt il-komodità rilevanti li fiha l-bar taċ-ċikkulata jew li tkun saret bl-użu tagħha, li f’dan il-każ hija t-trab tal-kawkaw u l-butir tal-kawkaw taħt il-komodità tal-kawkaw.

Rekwiżiti ta’ informazzjoni

Bħala parti mid-diliġenza dovuta tagħhom skont l-Artikolu 8, l-operaturi, meta jiddeskrivu l-prodotti rilevanti tagħhom, f’konformità mar-rekwiżiti ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 9, jeħtieġ li jinkludu l-komoditajiet rilevanti jew il-prodotti rilevanti li l-prodotti rilevanti tagħhom fihom jew li jintużaw biex isiru dawk il-prodotti.

Dan ifisser li l-operaturi jeħtieġ li jiġbru l-informazzjoni dwar il-preżenza tal-komodità rilevanti fil-prodotti rilevanti li jkunu qed jintroduċu fis-suq jew jesportaw. Din l-informazzjoni tinkludi l-ġeolokalizzazzjoni tal-biċċiet art, jew, fejn applikabbli fil-każ ta’ operaturi primarji mikro jew żgħar, l-indirizz postali li jikkorrispondi għall-post ġeografiku tal-biċċiet art jew tal-istabbiliment ikkonċernat, fejn tkun ġiet prodotta l-komodità rilevanti li tinsab fil-prodotti rilevanti, jew użata biex isiru l-prodotti rilevanti, flimkien ma’ aktar informazzjoni fl-Artikolu 9(1). Skont l-Artikolu 9, sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ informazzjoni dwar il-ġeolokalizzazzjoni għall-prodotti rilevanti tagħhom, l-operaturi għandhom jinkludu:

il-ġeolokalizzazzjoni (jew, fejn applikabbli fil-każ ta’ operaturi primarji mikro jew żgħar, l-indirizz postali) tal-biċċiet art kollha fejn ġiet prodotta l-komodità rilevanti li l-prodotti rilevanti fihom, jew li saru bl-użu tagħha, u

id-data jew il-medda ta’ żmien tal-produzzjoni.

Meta prodott rilevanti jkun fih jew ikun sar b’komodità rilevanti prodotta fuq biċċiet art differenti, jeħtieġ li tiġi pprovduta l-ġeolokalizzazzjoni jew, fejn applikanbbli fil-każ ta’ operaturi primarji mikro u żgħar, l-indirizz postali tal-biċċiet art differenti kollha. Għall-prodotti rilevanti li jikkonsistu mill-ifrat jew li saru mill-ifrat, skont l-Artikolu 2(29), il-ġeolokalizzazzjoni jew, fejn applikabbli fil-każ ta’ operaturi primarji mikro u żgħar, l-indirizz postali jirreferi għall-binjiet jew għall-istrutturi kollha assoċjati mat-trobbija tal-ifrat, li jinkludu l-post tat-twelid, u, fejn rilevanti, il-farms fejn inżammu — fil-każ ta’ biedja fil-beraħ, kwalunkwe ambjent jew post, fejn jinżammu l-bhejjem fuq bażi temporanja jew permanenti — saż-żmien tal-iskarnar.

Jekk ikun hemm xi deforestazzjoni jew degradazzjoni tal-foresti fuq kwalunkwe biċċa art li hija identifikata għal kwalunkwe wieħed mill-prodotti rilevanti fi prodott rilevanti li huwa “prodott kompost”, dak il-prodott ma jistax jiġi introdott jew jitqiegħed fis-suq jew jiġi esportat (l-Artikolu 9(1)(d)).

Barra minn hekk, l-Artikolu 9 jirrikjedi l-isem komuni u l-isem xjentifiku sħiħ tal-ispeċijiet kollha, għall-prodotti rilevanti li fihom jew li saru bl-użu tal-injam. Din id-dispożizzjoni tirreferi għall-prodotti rilevanti kollha li huma elenkati taħt il-komodità “injam” fl-Anness I. F’xi każijiet jista’ jkun kumpless li jiġu identifikati l-ispeċijiet kollha f’kull komponent rilevanti għal prodotti komposti pproċessati ħafna, bħall-bords tal-partikoli jew il-karta. Madankollu, jekk l-ispeċi eż. ta’ injam użat għall-produzzjoni tal-prodott tvarja, l-operatur jeħtieġlu jipprovdi lista ta’ kull speċi ta’ injam li setgħet intużat għall-produzzjoni tal-prodott tal-injam. L-ispeċijiet għandhom jiġu elenkati f’konformità man-nomenklatura tal-injam aċċettata internazzjonalment (eż. DIN EN 13556 tal-1 ta’ Ottubru 2003 dwar “Nomenklatura tal-injam użat fl-Ewropa”).

10.   IR-RWOL TAĊ-ĊERTIFIKAZZJONIJIET U L-ISKEMI TA’ VERIFIKA MINN PARTIJIET TERZI FIL-VALUTAZZJONI TAR-RISKJU U FIL-MITIGAZZJONI TAR-RISKJU

Leġiżlazzjoni rilevanti:

l-EUDR – il-Premessa (52); l-Artikolu 10(2)(n) — Valutazzjoni tar-riskju

L-iskemi ta’ ċertifikazzjoni u l-iskemi vverifikati minn partijiet terzi spiss jintużaw sabiex jiġu ssodisfati rekwiżiti speċifiċi tal-klijenti għall-komoditajiet rilevanti u għall-prodotti rilevanti. Dan jista’ jinkludi standard li jiddeskrivi l-prattiki li jridu jiġu implimentati matul il-produzzjoni tal-komoditajiet iċċertifikati, li jinkludi prinċipji, kriterji u indikaturi; rekwiżiti għall-verifika tal-konformità mal-istandard u għoti ta’ ċertifikati; u ċertifikazzjoni separata tal-katina tal-kustodja li tipprovdi assigurazzjoni tul il-katina tal-provvista li prodott ikun fih biss (jew f’xi każijiet perċentwal speċifikat ta’) materjal iċċertifikat jew ivverifikat minn parti terza minn produtturi identifikati u ċċertifikati jew ivverifikati minn partijiet terzi.

L-EUDR jirrikonoxxi li ċ-ċertifikazzjoni u skemi oħra vverifikati minn partijiet terzi jistgħu jipprovdu informazzjoni utli dwar il-konformità mar-Regolament fil-valutazzjoni tar-riskju skont l-Artikolu 10 permezz ta’ evidenza ta’ sostenn li l-prodotti huma legali u mingħajr deforestazzjoni. Dan huwa soġġett għall-kundizzjoni li din l-informazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 9, kif stipulat fl-Artikolu 10(2)(n).

Tabilħaqq, iċ-ċertifikazzjoni u l-iskemi vverifikati minn partijiet terzi jiġu ġestiti minn organizzazzjoni li ma tiħux sehem fil-produzzjoni jew fil-katina tal-provvista tal-komodità rilevanti. Barra minn hekk, xi wħud minn dawn l-iskemi spiss jintużaw biex jivverifikaw li ċerti standards jew regoli qed jiġu segwiti, iżda mhux neċessarjament jaslu biex jiċċertifikaw il-prodott innifsu.

Din il-gwida hija primarjament immirata lejn il-partijiet ikkonċernati li jikkunsidraw li jagħmlu użu minn skemi ta’ ċertifikazzjoni jew skemi vverifikati minn partijiet terzi minħabba l-valur miżjud potenzjali tagħhom fil-provvista ta’ informazzjoni komplementari, pereżempju dwar il-koordinati tal-ġeolokalizzazzjoni u l-appoġġ għall-valutazzjoni tar-riskju tal-operaturi mwettqa bħala parti mill-eżerċizzju ta’ diliġenza dovuta tagħhom li l-prodotti rilevanti huma legali u mingħajr deforestazzjoni. L-EUDR ma jobbligax: (1) lill-operaturi biex jagħmlu użu minn skemi bħal dawn, (2) lill-produtturi biex jiffirmaw magħhom, u lanqas (3) lill-pajjiżi produtturi biex jiżviluppaw skemi bħal dawn. L-użu ta’ skemi ta’ verifika minn partijiet terzi mhuwiex rekwiżit legali, iżda deċiżjoni volontarja tal-operatur. Jekk l-operaturi jiddeċiedu li jagħmlu użu minn dawn l-iskemi, din il-gwida hija mfassla biex tgħinhom jivvalutaw sa liema punt dawn l-iskemi jistgħu jappoġġawhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-EUDR.

Iċ-ċertifikazzjoni u l-iskemi vverifikati minn partijiet terzi jista’ jkollhom rwol importanti fil-promozzjoni ta’ prattiki agrikoli u tal-forestrija sostenibbli u ta’ tiftix responsabbli ta’ sorsi ta’ provvista, fit-trawwim tat-trasparenza tal-katina tal-provvista u fl-iffaċilitar tal-konformità. Ta’ min jinnota li l-iskemi ta’ awtodikjarazzjoni li ma jiddependux fuq il-proċeduri ta’ attestazzjoni ta’ partijiet terzi huma barra mill-ambitu ta’ din il-gwida u huma, skont id-definizzjoni, inqas robusti minħabba n-nuqqas ta’ indipendenza u imparzjalità.

Din il-gwida hija rilevanti wkoll għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti billi tenfasizza li filwaqt li skemi bħal dawn jistgħu jintużaw fil-proċedura ta’ valutazzjoni tar-riskju skont l-Artikolu 10, huma ma jistgħux jissostitwixxu r-responsabbiltà tal-operatur fir-rigward tad-diliġenza dovuta skont l-Artikolu 8. Dan ifisser li l-użu ta’ skemi bħal dawn ma jimplikax “korsija ħadra”, peress li l-operatur għadu meħtieġ jeżerċita diliġenza dovuta u jinżamm responsabbli jekk jonqos milli jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta tal-EUDR.

Hemm diversità kbira ta’ skemi f’termini tal-ambitu tagħhom, l-objettivi tagħhom, l-istruttura tagħhom u l-metodi operattivi tagħhom. Distinzjoni importanti hija (1) jekk jiddependux minn proċedura ta’ attestazzjoni ta’ parti terza jew le, u b’hekk jinġabru fi gruppi ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni u skemi vverifikati minn partijiet terzi minn naħa waħda u (2) skemi ta’ awtodikjarazzjoni min-naħa l-oħra. Dawn tal-aħħar huma barra mill-ambitu ta’ dan id-dokument ta’ gwida u huma, minnhom infushom, inqas robusti minħabba n-nuqqas ta’ indipendenza u imparzjalità.

(a)   Rwol taċ-ċertifikazzjonijiet u l-iskemi ta’ verifika minn partijiet terzi

Meta jikkunsidra jekk għandux jagħmel użu mill-informazzjoni pprovduta minn skema ta’ ċertifikazzjoni jew skema vverifikata minn parti terza fil-proċedura ta’ valutazzjoni tar-riskju skont l-Artikolu 10 bħala evidenza ta’ sostenn li l-prodott huwa legali u mingħajr deforestazzjoni, l-operatur għandu, bħala l-ewwel pass, jiddetermina jekk l-istandards tal-iskema humiex konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-EUDR. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li l-operaturi jistgħu jużaw ukoll skemi ta’ verifika minn partijiet terzi jew skemi ta’ ċertifikazzjoni għall-konformità ma’ ċerti rekwiżiti tar-Regolament biss.

L-iskemi ta’ ċertifikazzjoni u ta’ verifika minn partijiet terzi ġeneralment jirrikjedu li l-organizzazzjonijiet ta’ partijiet terzi jkunu jistgħu juru l-kwalifiki tagħhom biex iwettqu valutazzjonijiet permezz ta’ proċess ta’ akkreditazzjoni li jistabbilixxi standards għall-ħiliet tal-awdituri u s-sistemi li l-organizzazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni jridu jżommu magħhom. Il-prodotti ċċertifikati jew ivverifikati ġeneralment ikollhom tikketta bl-isem u t-tip tal-organizzazzjoni taċ-ċertifikazzjoni jew tal-verifika kif ukoll ir-rekwiżiti għall-proċess tal-awditjar. L-iskema tista’ tirrikjedi wkoll li s-sħab ikollhom din l-informazzjoni inkluża fid-dokumenti formali li jakkumpanjaw il-konsenja. Dawn l-organizzazzjonijiet normalment ikunu jistgħu jipprovdu l-informazzjoni dwar il-kopertura taċ-ċertifikazzjoni u kif din ġiet applikata fil-pajjiż tal-produzzjoni tal-prodotti rilevanti, inklużi dettalji dwar in-natura u l-frekwenza tal-awditi fuq il-post.

L-iskemi ta’ ċertifikazzjoni u ta’ verifika minn partijiet terzi jistgħu jiġu vvalutati skont tliet elementi ewlenin: 1) “l-istandards rilevanti”, jiġifieri r-rekwiżit għall-operat, il-kamp ta’ applikazzjoni, il-proċeduri, il-politiki għall-kumpaniji li jaderixxu ma’ dawn l-iskemi, 2) “l-implimentazzjoni mill-iskemi”, jiġifieri l-punt sa fejn l-istandards jiġu implimentati, inkluż billi jintużaw il-miżuri meħtieġa biex tiġi żgurata l-konformità anke permezz ta’ awditi u 3) “il-karatteristiċi ta’ governanza”/valutazzjoni tal-kredibbiltà tal-iskemi bħat-trasparenza, il-proċessi ta’ assigurazzjoni, is-sorveljanza eċċ. Tali informazzjoni għandha tiġi vvalutata mill-ġdid b’mod regolari mill-operatur, speċjalment fir-rigward tar-rekwiżiti tal-EUDR.

Fir-rigward tar-rekwiżiti tal-EUDR, sakemm dan ikun rilevanti għall-informazzjoni pprovduta mill-iskema ta’ ċertifikazzjoni jew ta’ verifika minn parti terza, l-operaturi għandhom jiskrutinizzaw l-aspetti li ġejjin tal-iskemi ta’ ċertifikazzjoni jew ta’ verifika minn parti terza skont (1) “l-istandards rilevanti”:

il-validità, l-awtentiċità, u r-rilevanza tal-ambitu taċ-ċertifikazzjoni jew tal-verifika ta’ parti terza (eż. jekk din tkoprix il-komoditajiet u l-prodotti rilevanti rregolati skont l-EUDR),

l-inklużjoni u l-konformità mar-rekwiżiti legali rilevanti, bħall-allinjament mad-definizzjoni li l-prodott mingħajr deforestazzjoni u d-data limitu tal-31 ta’ Diċembru 2020, kif stipulat fl-Artikoli 2 u 3 tal-EUDR,

il-valutazzjoni tar-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità fir-rigward tal-legalità u r-rekwiżiti mingħajr deforestazzjoni tal-prodott rilevanti,

it-traċċabbiltà tal-prodotti rilevanti, inkluż permezz tal-ġeolokalizzazzjoni lura għall-biċċa art,

il-possibbiltà li jitħallat materjal ta’ oriġini magħrufa u ta’ oriġini mhux magħrufa fi ħdan il-mudell tal-katina tal-kustodja (CoC, chain of custody) (li mhuwiex aċċettabbli skont l-EUDR) (17). Prodott rilevanti b’ċertifikazzjoni ta’ CoC jista’ jkun fih ukoll taħlita ta’ materjal iċċertifikat u materjal mhux iċċertifikat minn varjetà ta’ sorsi, li għalihom trid tinkiseb informazzjoni dwar jekk twettqux verifiki fuq il-porzjon mhux iċċertifikat u jekk dawk il-verifiki jipprovdux evidenza adegwata ta’ konformità mar-rekwiżiti tal-EUDR. Għalhekk, il-proċedura ta’ diliġenza dovuta trid titlesta għall-prodott rilevanti fl-intier tiegħu.

il-possibbiltà li jintuża bilanċ tal-massa fejn il-prodotti konformi jitħalltu ma’ prodotti ta’ oriġini mhux magħrufa (li mhijiex aċċettabbli skont l-EUDR) (18),

il-kapaċità tal-iskema li tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa akkumpanjata minn evidenza li tkun “adegwatament konklużiva u verifikabbli”, kif stabbilit fl-Artikolu 9.

It-tieni, taħt (2) “l-implimentazzjoni mill-iskemi”, l-operaturi għandhom jikkunsidraw:

l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni dwar il-governanza tal-iskema, l-involviment tal-partijiet ikkonċernati fl-iskema, u s-sommarji tal-awditi,

il-bażi tad-data bla ħlas u aċċessibbli għall-pubbliku dwar id-detenturi taċ-ċertifikazzjoni, l-ambitu tal-kopertura, il-validità, id-data tas-sospensjoni jew tat-terminazzjoni tal-istatus taċ-ċertifikazzjoni tagħhom u r-rapporti tal-awditjar relatati,

verifiki trasparenti perjodiċi, aleatorji u indipendenti (inkluż permezz ta’ awditi) dwar il-konformità tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni jew ta’ verifika minn parti terza mal-istandards, mar-regoli u mal-proċeduri tagħhom stess,

il-kontroll tal-kwantità u tal-oriġini tal-materjali ċċertifikati tul il-katina tal-provvista, inkluż pereżempju l-użu ta’ analiżi anatomika, kimika jew tad-DNA li tivverifika l-informazzjoni dwar it-traċċabbiltà tal-prodotti jew tal-katina tal-provvista,

kontrolli effettivi għall-verifika tal-volumi tul il-ktajjen tal-provvista (19),

l-użu ta’ bolol/dikjarazzjonijiet simili li jirreferu għal tipi differenti ta’ skemi,

rapporti sostanzjati eżistenti dwar nuqqasijiet jew problemi possibbli tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni jew tal-iskema vverifikata minn parti terza kkonċernata fil-pajjiżi li minnhom joriġinaw il-komoditajiet jew il-prodotti rilevanti,

rapporti sostanzjati eżistenti li jikkonċernaw produttur jew negozjant partikolari li juża l-iskema ta’ ċertifikazzjoni jew l-iskema vverifikata minn parti terza kkonċernata.

Taħt (3) “dwar il-governanza tal-iskemi”, l-operaturi għandhom jikkunsidraw l-elementi li ġejjin:

il-kunflitti ta’ interess potenzjali,

il-firxa u s-sejbiet tal-kontrolli fuq il-frodi u l-korruzzjoni,

il-konformità tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni jew ta’ verifika minn partijiet terzi mal-istandards internazzjonali jew Ewropej (eż., il-gwidi tal-ISO rilevanti),

il-konsegwenzi u s-sanzjonijiet f’każ ta’ ksur kif ukoll azzjonijiet korrettivi, anke f’termini tas-sospensjoni ta’ ċertifikazzjoni sakemm ikunu qed jittieħdu miżuri korrettivi, filwaqt li titqies ukoll il-ħeffa tal-proċedura li tirrevoka u tirrestawra l-awtorizzazzjoni għall-ħruġ taċ-ċertifikazzjoni għall-prodotti,

l-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar l-involviment tal-partijiet ikkonċernati, li jippermettu u jippromwovu wkoll il-parteċipazzjoni tal-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira (jekk rilevanti) fl-iskema;

l-informazzjoni dwar l-indipendenza ta’ organizzazzjonijiet ta’ partijiet terzi li jipprovdu s-servizzi rilevanti ta’ ċertifikazzjoni jew verifika bħala organizzazzjonijiet akkreditati. Assigurazzjonijiet jew rappreżentazzjonijiet mill-iskema, awdituri affiljati mal-iskema jew awdituri terzi mqabbda mill-iskema biex iwettqu l-proċeduri ta’ assigurazzjoni tagħha ma għandhomx jitqiesu bħala affidabbli b’mod iżolat jew jitqiesu bħala konklużivi. Il-fehmiet ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, inklużi l-parteċipanti fl-iskema, it-trade unions, l-assoċjazzjonijiet tal-ħaddiema u tal-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira, is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet nongovernattivi, u l-organizzazzjonijiet tal-awditjar u tal-assigurazzjoni terzi, għandhom jitqiesu jekk ikunu disponibbli b’mod raġonevoli.

(b)   Informazzjoni ġenerali

L-iskemi ta’ ċertifikazzjoni u l-iskemi vverifikati minn partijiet terzi huma pubbliċi jew privati, skont il-mudell ta’ governanza tagħhom, kemm jekk immexxija mill-gvern kif ukoll jekk le. Dawn jistgħu jkunu obbligatorji jew volontarji, skont jekk ikunux legalment vinkolanti. L-iskemi privati jintużaw b’mod volontarju mill-operatur, filwaqt li dawk pubbliċi spiss ikunu (għalkemm mhux neċessarjament) obbligatorji u stabbiliti mill-pajjiżi li minnhom jinkisbu l-prodotti. Kemm iċ-ċertifikazzjoni pubblika kif ukoll dik privata u l-iskemi ta’ verifika minn partijiet terzi għandhom l-għan li jirrikonoxxu standards ambjentali tajbin permezz taċ-ċertifikazzjoni, u bħala tali ħafna minnhom għamlu kontributi importanti biex tiżdied is-sostenibbiltà tal-produzzjoni agrikola madwar id-dinja.

Madankollu, il-valutazzjoni tal-impatt ta’ qabel l-EUDR, li tibni fuq studji rilevanti oħra, identifikat ukoll xi tħassib rigward skemi bħal dawn, inkluż li dawn għandhom livelli ta’ trasparenza li jvarjaw u regoli, proċeduri u sistemi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità differenti, kif ukoll tħassib relatat mal-monitoraġġ, id-divulgazzjoni u l-infurzar. Matul is-snin tal-operat tagħhom, tqajjem ukoll tħassib dwar l-effiċjenza u l-integrità tas-sistemi tal-katina tal-kustodja (CoC) u l-vulnerabbiltà tagħhom għall-frodi. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ awditi indipendenti huwa dgħufija ta’ ċerti skemi privati. Studju speċifiku kkummissjonat mill-Kummissjoni dwar l-Iskemi ta’ Ċertifikazzjoni u ta’ Verifika fis-Settur tal-Foresti u għall-Prodotti bbażati fuq l-Injam kellu sejbiet simili, li jindikaw nuqqas ta’ trasparenza u r-riskju ta’ informazzjoni parzjali jew saħansitra qarrieqa (20).

Skemi ta’ verifika obbligatorji pubbliċi b’miżuri vinkolanti jistgħu jinkludu standards għoljin, kemm f’termini ta’ kopertura kif ukoll ta’ implimentazzjoni. Huwa essenzjali li dawn ikopru l-operaturi ekonomiċi kollha f’pajjiż (inklużi l-introduzzjoni fis-suq kif ukoll l-esportazzjonijiet) biex jiġu evitati lakuni u rivelazzjonijiet li jistgħu jiġu kkawżati mill-preżenza ta’ operaturi ekonomiċi mhux koperti mill-iskema. Dawn jistgħu jiżguraw ukoll integrazzjoni aħjar tal-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira billi jipprovdu l-appoġġ neċessarju biex tingħeleb il-problema tal-kostijiet, spiss perċepiti bħala sinifikanti, peress li l-ekonomiji ta’ skala jpoġġu lill-SMEs fi żvantaġġ fir-rigward tal-kisba taċ-ċertifikazzjoni meta mqabbla ma’ operaturi akbar.

Fir-rigward tal-affidabbiltà u r-rilevanza kemm tal-iskemi privati kif ukoll ta’ dawk pubbliċi, l-elementi applikabbli kollha tal-istandards tagħhom għandhom ikunu konformi mal-EUDR (jew fl-istess livell, jew ogħla minnu), b’mod partikolari fir-rigward tad-definizzjoni li l-prodott mingħajr deforestazzjoni, tar-rekwiżiti ta’ ġeolokalizzazzjoni u t-trasparenza u l-legalità tal-produzzjoni.

F’dan il-kuntest huwa importanti li wieħed jinnota li mhux l-iskemi kollha jinkludu standards u valutazzjonijiet relatati mal-legalità tal-produzzjoni tal-komodità rilevanti, u għalhekk jista’ jkun rilevanti li jiġi vverifikat liema rekwiżiti ta’ legalità huma koperti mill-iskemi, kemm f’termini tal-liġijiet li jkopru, kif ukoll il-kriterji jew l-indikaturi li fuqhom tiddependi l-valutazzjoni tal-konformità. Pereżempju, l-iskemi jistgħu jvarjaw fid-definizzjonijiet tagħhom ta’ x’għandu jitqies “liġi” rilevanti jew “legali” fil-pajjiż tal-produzzjoni jew l-indikaturi li jridu jitqiesu biex jiġu vvalutati r-riskji ta’ illegalità.

It-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-governanza interni, inkluża l-parteċipazzjoni diretta tal-atturi fil-katina tal-provvista li jfittxu u jżommu ċertifikazzjoni jew jakkwistaw u jużaw prodotti ċċertifikati biex jissodisfaw id-domandi tal-klijenti, huma wkoll elementi li għandhom implikazzjonijiet għall-implimentazzjoni, l-infurzar u l-kredibbiltà ta’ kwalunkwe skema rilevanti.

Sabiex jiġu ffaċilitati aktar il-kummerċ u l-konformità mal-EUDR, se jiġi stabbilit repożitorju tal-iskemi ta’ ċertifikazzjoni biex jipprovdu informazzjoni trasparenti dwar l-ambitu tal-iskemi eżistenti li l-operaturi ekonomiċi jistgħu jirreferu għalih meta jwettqu d-diliġenza dovuta tagħhom għall-introduzzjoni u għat-tqegħid tal-prodotti fis-suq tal-UE, u l-awtoritajiet kompetenti meta jwettqu l-verifiki rilevanti.

Biex tikkunsidra l-elementi rilevanti ulterjuri tal-forom kollha ta’ ċertifikazzjoni u ta’ verifika minn partijiet terzi, ikkonsulta l-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni (21), il-linji gwida tal-aħjar prattika tal-UE għat-tħaddim ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni volontarji għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (22), u s-sejbiet tal-Istudju tal-Kummissjoni dwar l-Iskemi ta’ Ċertifikazzjoni u ta’ Verifika fis-Settur tal-Foresti u għall-Prodotti bbażati fuq l-Injam (23).

11.   UŻU AGRIKOLU

1.   Introduzzjoni

L-Artikolu 3(a) tal-EUDR jipprojbixxi l-introduzzjoni u t-tqegħid fis-suq tal-Unjoni jew l-esportazzjoni minnu ta’ komoditajiet rilevanti u prodotti rilevanti sakemm ma jkunux mingħajr deforestazzjoni. L-Artikolu 2(13)(a) jiddefinixxi “mingħajr deforestazzjoni” bħala l-prodotti rilevanti li fihom, ġew mitmugħa, jew saru bl-użu ta’ komoditajiet rilevanti li ġew prodotti fuq art li ma kinitx soġġetta għal deforestazzjoni wara l-31 ta’ Diċembru 2020  (24). Skont l-Artikolu 2(3) “deforestazzjoni” tfisser il-konverżjoni ta’ foresta għal użu agrikolu, kemm jekk ikkawżata mill-bniedem kif ukoll jekk le.

Il-Premessa (36) tal-EUDR tispjega li l-Kummissjoni għandha tiżviluppa linji gwida sabiex tiċċara l-interpretazzjoni tad-definizzjoni ta’ “użu agrikolu”, b’mod partikolari fir-rigward tal-konverżjoni ta’ foresta f’art, li l-fini tagħha mhijiex l-użu agrikolu. Il-Premessa 31 tar-Regolament dwar ir-Restawr tan-Natura (25) tirreferi wkoll għal tali linji gwida.

L-objettivi ewlenin ta’ dan il-Kapitolu huma għalhekk dawn li ġejjin:

li tiġi ċċarata d-definizzjoni ta’ foresta, il-kejl tal-parametri tekniċi użati għad-definizzjoni ta’ “foresta” skont l-EUDR f’termini ta’ żona, għoli medju u kopertura ta’ qċaċet, b’mod partikolari f’każijiet fejn is-siġar ikunu jmissu ma’ żoni agrikoli jew jikkoinċidu magħhom (it-Taqsima 3);

li tiġi ċċarata t-tifsira ta’ “żoni agrikoli mwarrba” u “pjantaġġuni agrikoli” msemmija fl-Artikolu 2(5) tal-EUDR, b’mod partikolari l-kundizzjonijiet li taħthom iż-żoni agrikoli, li kienu eż. imwarrba, jew li huma mistrieħa jew li jintużaw għal ċerti mixtliet jibqgħu taħt “użu agrikolu” għall-finijiet tal-Artikolu 2 irrispettivament mill-karatteristiċi tal-art, sabiex jiġu ċċarati l-kundizzjonijiet għall-konverżjoni ta’ foresta f’żona agrikola (it-Taqsimiet 3 u 4);

li tingħata gwida dwar iċ-ċirkostanzi li fihom, minkejja kopertura osservata tas-siġar wara l-31 ta’ Diċembru 2020 (id-data limitu stabbilita fl-Artikolu 2(13) tal-EUDR), iż-żona għandha titqies taħt “użu agrikolu” (it-Taqsima 4);

li jiġu ċċarati s-sitwazzjonijiet fejn żona li taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ “foresta” ma għandhiex titqies bħala konvertita għal “użu agrikolu” iżda għal użi oħra tal-art, b’mod partikolari:

għal użu ieħor tal-art biex jiġi evitat, minimizzat, mitigat jew imreġġa’ lura l-impatt negattiv fuq il-bijodiversità tal-introduzzjoni u t-tixrid ta’ speċijiet aljeni invażivi, jew

għal ħabitats seminaturali li huma ġestiti b’mod estensiv (eż. permezz ta’ ragħa ta’ konservazzjoni) kif meħtieġ minn pjan ta’ konservazzjoni jew restawr li jimplimenta obbligi li jirriżultaw minn konvenzjonijiet internazzjonali dwar il-protezzjoni u r-restawr tan-natura u l-bijodiversità, jew

għall-prevenzjoni tan-nirien forestali jew għall-użu tal-enerġija rinnovabbli (it-Taqsimiet 2 u 4.a);

li tiġi pprovduta interpretazzjoni ta’ “użu agrikolu” skont l-EUDR, filwaqt li jitqiesu d-definizzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjonijiet applikabbli tal-UE u n-noti ta’ spjegazzjoni li huma miftiehma fil-livell internazzjonali (it-Taqsimiet 4, 4.c u 4.d);

li jiġu ċċarati l-użi kkombinati u sinerġetiċi taż-żoni b’kopertura tas-siġar li jaqgħu taħt id-definizzjonijiet fl-EUDR, bħall-agroforestrija, is-sistemi agrisilvikulturali, silvipastorali u agrisilvipastorali (it-Taqsima 4.d);

li jiġu ċċarati tipi differenti ta’ użu tal-art fl-istess żona u l-użu ta’ mapep katastali u reġistri tal-artijiet (it-Taqsima 5).

2.   Kjarifika tal-konverżjoni ta’ foresta f’art li l-fini tagħha mhuwiex użu agrikolu

Leġiżlazzjoni rilevanti:

l-EUDR — il-Premessa (36), l-Artikolu 2(3), (5), (13) — Definizzjonijiet, l-Artikolu 3(a) — Projbizzjoni

Skont l-Artikolu 2(3) tal-EUDR “deforestazzjoni” tfisser il-konverżjoni ta’ foresta għal użu agrikolu u għandha tinftiehem bħala bidla fl-użu tal-art minn “foresta” kif definita fl-Artikolu 2(4) tal-EUDR (diskussa fid-dettall fit-Taqsima 3) għal “użu agrikolu” kif definit fl-Artikolu 2(5) tal-EUDR (diskuss fid-dettall fit-Taqsimiet 4, 4.c u 4.d). F’dan ir-rigward, il-firxa tal-konverżjoni għal użu agrikolu hija irrilevanti, u tali konverżjoni trendi fl-ambitu l-komodità fprodotta fuq tali art mhux konformi jekk id-deforestazzjoni tkun seħħet wara l-31 ta’ Diċembru 2020.

Il-klassifikazzjoni ta’ żona bħala “deforestata” hija bbażata fuq il-kriterju oġġettiv dwar jekk il-foresta ġietx ikkonvertita għal użu u fini speċifiku, li huwa indipendenti mill-użu rreġistrat legalment u mill-konfini ġeografiċi tal-biċċa art jew mill-kwistjoni ta’ min jew xiex huwa l-oriġini tad-deforestazzjoni.

Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, il-konverżjoni ta’ foresta għal użi oħra tal-art li ma jaqgħux taħt id-definizzjoni ta’ “użu agrikolu” tfisser li din il-konverżjoni ma taqax taħt id-definizzjoni ta’ “deforestazzjoni” (jekk jogħġbok ara l-informazzjoni dettaljata dwar “Użu agrikolu” fit-Taqsima 4). Dan jinkludi l-konverżjoni tal-foresti f’żoni ta’ infrastruttura urbana bħal kejbils tal-elettriku, toroq, bliet u insedjamenti, għal siti industrijali mhux agrikoli, jew għall-użu tal-enerġija rinnovabbli.

Il-konverżjoni tal-art forestali lanqas ma taqa’ taħt id-definizzjoni tal-EUDR ta’ “deforestazzjoni” jekk il-fini primarju tal-konverżjoni u l-użu sussegwenti tal-art tagħha ma jkunx l-użu agrikolu, iżda eż. l-użu tal-enerġija rinnovabbli, l-użu industrijali, ir-restawr tal-bijodiversità, il-prevenzjoni tan-nirien forestali, il-benesseri tal-annimali f’kundizzjonijiet klimatiċi estremi, jew il-ġestjoni ta’ speċijiet aljeni invażivi. Attivitajiet agrikoli anċillari jistgħu jseħħu fejn ikun essenzjali għall-appoġġ tal-fini primarju tal-konverżjoni u tal-użu tal-art wara l-konverżjoni (ara t-Taqsima 4.a), jew fejn l-attività agrikola ma tbiddilx l-użu predominanti tal-foresta (ara t-Taqsima 4.b).

Ir-responsabbiltà għall-infurzar tad-dispożizzjonijiet taqa’ fuq l-Istati Membri. Meta japplikaw dawn il-linji gwida għal każijiet individwali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull każ jitqiesu kif xieraq, filwaqt li jitqiesu wkoll id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat. F’każijiet fejn l-attivitajiet huma negliġibbli, minħabba ċ-ċirkostanzi kollha involuti, il-prinċipju tal-proporzjonalità għandu jiġi rrispettat.

3.   Definizzjoni ta’ “Foresta”

Leġiżlazzjoni rilevanti:

l-EUDR — l-Artikolu 2(4) — Definizzjonijiet

Skont l-Artikolu 2(4) tal-EUDR, żona titqies bħala “foresta” jekk japplikaw il-karatteristiċi li ġejjin:

Medda ta’ art ta’ aktar minn 0,5 ettaru — Dan ifisser li ż-żona ta’ siġar deskritta mill-perimetru ta’ kopertura ta’ qċaċet tilħaq 0,5 ettaru jew aktar.

Siġar għoljin aktar minn 5 metri — Dan ifisser li l-parti ta’ fuq tas-siġar tilħaq l-għoli medju ta’ 5 metru jew aktar.

Kopertura ta’ qċaċet ta’ aktar minn 10 % — Dan ifisser li l-proporzjon tal-kopertura ta’ qċaċet tas-siġar li jiffurmaw popolament ta’ siġar għaż-żona okkupata mill-popolament ta’ siġar hija ta’ aktar minn 10 %.

Siġar li kapaċi jilħqu dawk il-limiti in situ — Dan ifisser żoni b’siġar żgħar li għadhom ma laħqux iżda li mistennija jilħqu kopertura ta’ qċaċet ta’ 10 % u għoli tas-siġar ta’ 5 metri. Dan jinkludi b’mod partikolari żoni li huma temporanjament mhux maħżuna minħabba tqaċċit totali tas-siġar bħala parti minn prattika ta’ ġestjoni tal-foresti jew diżastri naturali, u li huma mistennija li jiġu riġenerati.

Ma tinkludix art li predominantement għandha użu agrikolu jew urban — Dan ifisser li l-foresta hija ddeterminata kemm mill-preżenza ta’ siġar kif ukoll min-nuqqas ta’ użu predominanti ieħor tal-art (ara hawn taħt u t-Taqsima 4 wkoll).

Il-karatteristiċi tal-medda ta’ art, tal-għoli medju, u tal-kopertura ta’ qċaċet iridu jkunu preżenti jew kapaċi jilħqu dawn il-limiti in situ fl-istess ħin.

Fil-kuntest tal-EUDR, “użu urban tal-art” għandu jitqies li huwa predominanti pereżempju fil-każ ta’ parks u ġonna f’żoni urbani, irrispettivament minn jekk jilħqux il-limiti tad-definizzjoni ta’ foresta. Għal aktar informazzjoni dwar “użu agrikolu” predominanti ara t-Taqsima 4.

Sakemm jiġu ssodisfati l-karatteristiċi fid-definizzjoni, iż-żona ta’ “foresta” tinkludi iżda mhijiex limitata għal:

żoni mdawra b’foresti jew strettament konnessi magħha użati għall-forestrija, bħal toroq tal-foresti, kostruzzjonijiet għat-twaqqif tan-nirien, u żoni żgħar oħra fil-miftuħ, sakemm ma jkunux stabbiliti fuq il-proprjetà immobbli individwali tagħhom stess,

art abbandunata ġeneralment għal aktar minn 10 snin b’riġenerazzjoni ta’ siġar li laħqu l-kriterji ta’ “foresta” (jekk jogħġbok ara b’rabta ma’ “art imwarrba u art mistrieħa temporanjament” fit-Taqsima 4);

mangrovji f’żoni tal-marea, kemm jekk din iż-żona hijiex ikklassifikata bħala żona ta’ art kif ukoll jekk le;

mixtliet ta’ speċijiet ta’ foresti mkabbra fiż-żona forestali biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-sidien tal-foresti stess;

żoni barra l-art forestali ddeżinjata legalment li jissodisfaw il-kriterji tad-definizzjoni ta’ “foresta”.

Id-definizzjoni ta’ “foresta” teskludi l-popolamenti ta’ siġar fis-sistemi ta’ produzzjoni agrikola. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara t-Taqsimiet 4.c u 4.d.

4.   Definizzjoni ta’ “Użu agrikolu” u eċċezzjonijiet

Leġiżlazzjoni rilevanti:

l-EUDR — l-Artikolu 2(5) — Definizzjonijiet

Skont l-Artikolu 2(5) tal-EUDR, żona titqies taħt “użu agrikolu” jekk l-fini tal-użu ta’ art ikun l-agrikoltura.

(a)   Kjarifika tal-fini tal-agrikoltura

Skont l-Artikolu 2(5) l-art tintuża għall-finijiet tal-agrikoltura (fost affarijiet oħra) fil-lista ta’ każijiet li ġejja:

pjantaġġuni agrikoli definiti fl-Artikolu 2(6) tal-EUDR. Għal gwida aktar dettaljata dwar “pjantaġġuni agrikoli”, jekk jogħġbok ara t-Taqsima 4.c.

żoni agrikoli mwarrba — Żoni agrikoli mwarrba għandhom jitqiesu flimkien ma’ “art mistrieħa temporanjament” kif diskuss hawn taħt f’din it-taqsima.

it-trobbija tal-bhejjem — Dan jinkludi żoni ta’ mergħat temporanji jew permanenti, u bini agrikolu għat-trobbija u l-alloġġ tal-annimali.

Ta’ min jinnota li l-kategoriji ta’ “pjantaġġun agrikolu”, “żona agrikola mwarrba”, u żona “għat-trobbija tal-bhejjem” huma lista mhux eżawrjenti ta’ eżempji għal “użu agrikolu”.

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, l-art użata għall-agrikoltura għandha tinftiehem li tkopri l-kategoriji tal-użu tal-art li ġejjin:

Art b’għelejjel temporanji li tfisser l-art kollha użata għal għelejjel li s-soltu jkollhom ċiklu veġetattiv ta’ inqas minn sena, inklużi għelejjel temporanji pluriennali.

Art b’għelieqi u mergħat temporanji li tfisser art ikkultivata b’għelejjel tal-foraġġ erbaċew, jew ħaxix għall-ħsad jew mergħa għal perjodu ta’ inqas minn 5 snin konsekuttivi.

Art imwarrba, jew art mistrieħa temporanjament li tfisser raba’ li tkun mistrieħa fit-tul qabel il-kultivazzjoni mill-ġdid, l-użu pastorali jew l-użu għal attivitajiet agrikoli oħra. Dan jista’ jkun parti mis-sistema tan-newba tal-għelejjel tal-azjendi agrikoli jew minħabba raġunijiet leġittimi jew ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni bħal konflitt armat, ħsara mill-għargħar, nuqqas ta’ ilma, indisponibbiltà ta’ inputs, inklużi raġunijiet ekonomiċi, soċjali (mard, problemi ta’ suċċessjoni) jew legali (litigazzjoni, eċċ.). Nota: Art imwarrba jew li tibqa’ mistrieħa għandha titqies li tibqa’ taħt “użu agrikolu” ġeneralment għal [10] snin. Madankollu, iż-żona tista’ titqies li tibqa’ taħt “użu agrikolu” għal aktar minn dan il-perjodu jekk jintwera li l-attivitajiet agrikoli ma setgħux jerġgħu jibdew minħabba waħda mir-raġunijiet imsemmija hawn fuq. Ir-raġuni mogħtija trid tkopri l-perjodu kollu li fih l-art kienet imwarrba jew mistrieħa temporanjament. Jekk dan jintwera, l-art għandha titqies kontinwament li tkun taħt użu agrikolu, sakemm ma tkunx uffiċjalment deżinjata bħala foresta mil-liġi nazzjonali.

Art b’għelejjel permanenti li tfisser art ikkultivata b’għelejjel fit-tul li ma jkollhomx għalfejn jerġgħu jitħawlu għal diversi snin, normalment għal 5 snin jew aktar. Art b’għelejjel permanenti tinkludi wkoll art użata għat-tkabbir ta’ għelejjel permanenti taħt kopertura protettiva, li hija deskritta fit-Taqsima 4.b.

Art taħt mergħat u bwar permanenti li tfisser art użata għal 5 snin konsekuttivi u aktar għall-bhejjem jirgħu jew biex jitkabbru għelejjel tal-foraġġ, permezz ta’ kultivazzjoni jew b’mod naturali.

Art b’bini agrikolu u btieħi tal-irziezet li tfisser l-uċuħ okkupati mill-operat tal-bini agrikolu (ħangars, imqawel, kantini, sajlos), bini għall-produzzjoni tal-annimali (stalel, imqawel tal-baqar u tan-nagħaġ, btieħi tal-pollam) u btieħi tal-irziezet.

Meta jkun jista’ jintwera permezz ta’ evidenza konklużiva b’mod adegwat kemm li (i) biċċa art kienet taħt “użu agrikolu” kif deskritt hawn fuq qabel il-31 ta’ Diċembru 2020, u (ii) meta produttur iddeċieda li jħawwel imsajġar ta’ rotazzjoni qasira jew jikkommetti l-art għal afforestazzjoni temporanja qabel dik id-data jew wara dik id-data u li dik l-art ma taqax fl-ambitu ta’ pjan ta’ ġestjoni tal-foresti jew leġiżlazzjoni li tirrikjedi l-ġestjoni tal-foresti jew il-protezzjoni tal-foresti fuq dik il-biċċa art, tali biċċa art titqies li tibqa’ f’użu agrikolu għall-finijiet tal-EUDR u l-produttur jista’ jkompli l-attività agrikola fuq dik il-biċċa art.

Il-kategoriji tal-użu tar-raba’ msemmija hawn fuq jistgħu jkopru wkoll uċuħ okkupati minn elementi tal-pajsaġġ, li huma mħeġġa għal raġunijiet ta’ bijodiversità jew ambjentali.

Restawr, ġestjoni ta’ speċijiet invażivi, prevenzjoni tan-nirien forestali, benesseri tal-annimali, użu tal-enerġija rinnovabbli

Art li tkun għaddiet minn konverżjoni għal wieħed jew aktar mill-finijiet primarji elenkati hawn taħt ma għandhiex tinftiehem bħala konvertita għal użu agrikolu jekk il-konverżjoni tkun saret biex:

tipprevjeni, timmimizza, timmitiga jew treġġa’ lura l-impatt negattiv fuq il-bijodiversità tal-introduzzjoni u t-tixrid ta’ speċijiet aljeni invażivi, jekk ikunu limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ u appoġġat minn pjanijiet ta’ prevenzjoni, pjanijiet ta’ ġestjoni, jew mandati uffiċjali, jew

tipprevjeni, jew timminimizza u timmitiga r-riskju ta’ nirien forestali, jekk ikunu limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ u appoġġat minn pjanijiet ta’ prevenzjoni tan-nirien, pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti, jew mandati uffiċjali, jew

tiżgura l-konformità mal-liġijiet dwar il-benesseri tal-annimali fejn il-bini ta’ strutturi (permanenti u mhux permanenti) biex jinżammu l-annimali fihom ikun meħtieġ għall-fini li jiġi żgurat il-benesseri tagħhom u limitat għall-erja minima meħtieġa għall-kostruzzjoni, u fejn din l-attività ma jkollhiex impatt fuq il-kategorizzazzjoni taż-żoni tal-madwar bħala foresta, jew

tiżgura r-restawr u l-ġestjoni tal-konservazzjoni sussegwenti tal-ekosistemi ta’ valur għoli tal-bijodiversità (bħal pereżempju ċerti tipi ta’ artijiet tax-xagħri, art mistagħdra jew art bil-ħaxix) jekk meħtieġa minn pjan ta’ konservazzjoni jew restawr (pereżempju pjan ta’ ġestjoni ta’ żona protetta jew pjan nazzjonali jew reġjonali għar-restawr tan-natura) li jimplimentaw obbligi li jirriżultaw minn ftehimiet multilaterali globali dwar il-protezzjoni tan-natura u tal-bijodiversità u r-restawr bħall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u l-Qafas Globali tal-Bijodiversità ta’ Kunming-Montreal, jew

tuża l-enerġija rinnovabbli (eż. permezz tal-istabbiliment ta’ parks eoliċi, fotovoltajka),

anki jekk attivitajiet agrikoli anċillari jistgħu jseħħu fejn ikun essenzjali biex isostnu l-fini primarju tal-konverżjoni u l-użu tal-art wara l-konverżjoni.

(b)   Kjarifika tal-użu predominanti tal-art

Skont l-Artikolu 2(4), f’każ li l-użu predominanti tal-art ikun l-agrikoltura, l-art ma taqax taħt id-definizzjoni ta’ “foresta”.

Fil-kuntest tal-EUDR, għall-finijiet tal-esklużjonijiet imsemmija fid-definizzjoni ta’ “foresta” fl-Artikolu 2(4), “użu agrikolu” għandu jitqies li huwa predominanti fil-lista ta’ każijiet mhux eżawrjenti li ġejja:

Ragħa staġjonali (eż. ragħa tas-sajf) jew ragħa silvipastorali temporanju f’żoni koperti mis-siġar li ma jaqgħux fil-kategorija ta’ foresti primarji (eż. f’mergħat seminaturali jew f’mergħat naturali b’kopertura tas-siġar li tinbidel).

Jekk minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi (eż. kopertura temporanja tal-borra) il-prattiki silvipastorali jew agrisilvikulturali jkunu limitati għal ċertu perjodu tas-sena, dawn jistgħu jitqiesu bħala l-użu predominanti.

L-istabbiliment ta’ gruppi protettivi ta’ siġar għal diversi finijiet ambjentali jew ta’ bijodiversità fuq żona ta’ użu prinċipalment agrikolu (eż. ir-ragħa), anki jekk iż-żona tilħaq il-limiti tad-definizzjoni ta’ “foresta”.

Dawn il-każijiet huma differenti mill-attivitajiet agrikoli anċillari fil-kuntest tal-konverżjoni għall-fini ta’ restawr jew ġestjoni ta’ speċijiet aljeni invażivi, li ma jaqgħux taħt “użu agrikolu”, ara hawn fuq.

B’kuntrast, għall-finijiet tal-EUDR, “użu agrikolu” ma għandux jitqies li huwa predominanti, pereżempju, fil-każ ta’ produzzjoni fuq skala żgħira ta’ prodotti sekondarji (eż. il-kafè), u ragħa okkażjonali estensiv jew okkażjonali fuq skala żgħira fil-foresti sakemm il-produzzjoni u l-attivitajiet relatati ma jkollhomx effett detrimentali fuq il-ħabitat tal-foresta.

(c)   Definizzjoni ta’ “Pjantaġġun agrikolu”

Leġiżlazzjoni rilevanti:

l-EUDR — l-Artikolu 2(6) — Definizzjonijiet

“Pjantaġġuni agrikoli” huma inklużi fid-definizzjoni ta’ “użu agrikolu” stabbilita fl-Artikolu 2(5) tal-EUDR.

Id-definizzjoni tal-Artikolu 2(6) tal-EUDR “pjantaġġuni agrikoli” tirreferi l-ewwel nett għal “art b’popolament ta’ siġar f’sistemi ta’ produzzjoni agrikola, bħal pjantaġġuni tas-siġar tal-frott, pjantaġġuni tal-palm taż-żejt, imsaġar taż-żebbuġ” li tagħmel referenza għall-art tal-għelejjel inklużi l-għelejjel permanenti kif deskritt fit-Taqsima 4.

It-tieni, dik id-definizzjoni tirreferi għal “sistemi agroforestali fejn l-għelejjel jitkabbru taħt kopertura tas-siġar”, li hija spjegata fit-Taqsima 4.d u trid tinqara flimkien bl-eċċezzjoni fejn l-użu predominanti tal-art ma jinbidilx. L-Artikolu 2(6) tal-EUDR jiċċara wkoll li l-pjantaġġuni kollha ta’ komoditajiet rilevanti għajr l-injam huma inklużi taħt it-terminu “pjantaġġun agrikolu”, u għalhekk dawn il-pjantaġġuni jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ “użu agrikolu”.

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 2(6) tal-EUDR jistabbilixxi li l-pjantaġġuni agrikoli huma esklużi mid-definizzjoni ta’ “foresta”. Dan ifisser li ż-żoni li jissodisfaw il-kriterji tal-pjantaġġuni agrikoli ma jaqgħux taħt id-definizzjoni ta’ foresta, anke meta jinkludu siġar bħal-lastiku jew il-palm taż-żejt.

(d)   Kjarifika tas-“Sistema agroforestali”

Leġiżlazzjoni rilevanti:

l-EUDR — il-Premessa (37) u l-Artikolu 2(6) — Definizzjonijiet

Skont id-dokumenti tal-FAO (26) “agroforestrija” huwa isem kollettiv għas-sistemi u t-teknoloġiji tal-użu tal-art fejn il-perenni tal-injam (siġar, arbuxelli, palmi, bambù, eċċ.) jintużaw apposta fuq l-istess unità ta’ ġestjoni tal-art bħall-għelejjel agrikoli u/jew l-annimali, f’xi forma ta’ arranġament spazjali jew sekwenza temporali. Fis-sistemi agroforestali hemm interazzjonijiet kemm ekoloġiċi kif ukoll ekonomiċi bejn il-komponenti differenti. Hemm żewġ sistemi bażiċi tal-agroforestrija: simultanji u sekwenzjali. Is-sistemi simultanji għandhom siġar u għelejjel jew annimali li jikbru flimkien fuq l-istess biċċa art, filwaqt li f’sistemi sekwenzjali l-għelejjel u s-siġar jalternaw biex jokkupaw il-biċċa l-kbira tal-istess spazju, filwaqt li jimminimizzaw il-kompetizzjoni tagħhom.

L-agroforestrija tista’ tirreferi wkoll għal prattiki speċifiċi tal-forestrija li jikkomplementaw l-attivitajiet agrikoli, pereżempju billi ttejjeb il-fertilità tal-ħamrija, tnaqqas l-erożjoni tal-ħamrija, ittejjeb il-ġestjoni tal-baċiri tal-iskular, jew tipprovdi dell u ikel għall-bhejjem (27).

Il-Premessa (37) tfakkar li d-definizzjonijiet tal-FAO ma jikkunsidrawx is-sistemi tal-agroforestrija bħala foresti, iżda taħt użu agrikolu u li jinkludu diversi sitwazzjonijiet bħal dawk fejn l-għelejjel jitkabbru taħt kopertura tas-siġar, kif ukoll sistemi agrisilvikulturali, silvipastorali u agrisilvipastorali.

Peress li d-definizzjoni ta’ “foresta” fl-Artikolu 2(4) tal-EUDR teskludi art li fil-biċċa l-kbira taqa’ taħt “użu agrikolu”, wieħed jista’ jiddeduċi li jekk art tintuża b’mod predominanti taħt “sistemi agroforestali” għall-finijiet spjegati mill-Premessa (37), din ma tistax titqies bħala “foresta”. F’dan il-każ u għall-fini tar-Regolament, din l-art trid titqies li hija taħt “użu agrikolu”. Fir-rigward tal-attivitajiet agrikoli anċillari, inklużi l-attivitajiet agroforestali fil-kuntest tar-restawr, jekk jogħġbok ara t-Taqsima 2.

5.   Kjarifika tal-użu tal-art f’każ ta’ diversi tipi ta’ użu tal-art fl-istess żona u l-użu ta’ reġistri tal-artijiet u mapep katastali

F’każ li biċċa art ikun fiha kemm żona li taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ “foresta” kif ukoll żona li hija ta’ “użu agrikolu”, iż-żewġ żoni għandhom jitqiesu separatament. Iż-żona li tissodisfa l-kriterji tad-definizzjoni ta’ “foresta” taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament, filwaqt li ż-żona li tissodisfa l-kriterji ta’ “użu agrikolu”, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament f’termini ta’ konverżjoni.

Mhuwiex rilevanti jekk il-parti tal-biċċa art użata għall-agrikoltura hijiex akbar mill-parti tal-biċċa art meqjusa bħala foresta skont id-definizzjoni. Bħala eżempju, dan ifisser li jekk proprjetà ta’ 10 ettari jkollha erja ta’ 2 ettari li tista’ titqies bħala żona forestali skont kriterji oġġettivi u 8 ettari jiġu kkultivati taħt użu agrikolu, allura ż-2 ettari ta’ foresta jiġu kklassifikati bħala foresta, irrispettivament mill-fatt li din tikkostitwixxi biss 20 % tal-proprjetà totali.

Fil-valutazzjoni ta’ jekk ċerta biċċa art tikkostitwixxix foresta, il-proprjetajiet tal-foresti attwali għandhom jiġu qabel id-deżinjazzjoni fir-reġistri tal-artijiet u fil-mapep katastali. Biex jintwera l-użu agrikolu fil-passat, ir-reġistri tal-artijiet u l-mapep katastali jistgħu jkunu elementi ulterjuri li jikkomplementaw id-data satellitari. Barra minn hekk, il-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti u r-reġistri ta’ żoni forestali deżinjati jistgħu jkunu ta’ użu meta jiġi ddeterminat jekk iż-żona hijiex foresta mingħajr kopertura attwali tas-siġar, b’mod partikolari f’każ li ż-żona ma tkunx maħżuna temporanjament mingħajr kopertura tas-siġar minħabba prattika ta’ ġestjoni tal-foresti, diżastru naturali, jew l-ewwel snin ta’ afforestazzjoni. L-Osservatorju tal-UE (28) pprovdut mill-Kummissjoni huwa għodda li tista’ tintuża mill-partijiet ikkonċernati kollha biex jiddeterminaw l-art globali koperta mill-foresti tal-2020. Madankollu, l-Osservatorju mhuwiex esklużiv, mhux obbligatorju u ma għandu l-ebda valur legali. Il-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati jistgħu jużaw kwalunkwe mappa jew data oħra li jqisu adegwata għall-użu għall-eżerċizzju jew għall-verifiki ta’ diliġenza dovuta tagħhom.


(1)  Xejn f’dan id-dokument ta’ gwida ma jieħu post jew jissostitwixxi referenza diretta għall-istrumenti deskritti u l-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà għal kwalunkwe telf jew dannu kkawżat minn żbalji jew dikjarazzjonijiet magħmulin fih. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biss tista’ tiddeċiedi b’mod finali dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament.

(2)   ĠU L 150, 9.6.2023, p. 206, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1115/oj.

(3)  Għal aktar dettalji relatati mal-implimentazzjoni, jekk jogħġbok irreferi wkoll għall-Mistoqsijiet Frekwenti li huma disponibbli hawnhekk: Implimentazzjoni tar-Regolament dwar id-Deforestazzjoni — Il-Kummissjoni Ewropea (europa.eu).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2015/2446/oj).

(6)  ECLI:EU:C:2024:972.

(7)   ĠU L, 2025/2650, 23.12.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/2650/oj.

(8)   ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/995/oj.

(9)  Innota li jekk ma jkun ġie assenjat l-ebda livell ta’ riskju speċifiku, il-pajjiżi jitqiesu bħala riskju standard.

(10)  Dawk relatati mal-illegalità, id-deforestazzjoni, u d-degradazzjoni tal-foresti.

(11)  Skont l-Artikolu 29(2), il-Kummissjoni se tippreżenta lista ta’ pajjiżi jew partijiet minnhom li jippreżentaw riskju baxx jew għoli permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. L-aħħar iterazzjoni tal-lista ta’ pajjiżi hija pprovduta fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1093.

(12)  Id-Direttiva (UE) 2024/1760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 u r-Regolament (UE) 2023/2859 (ĠU L, 2024/1760, 5.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1760/oj) kif emendata bid-Direttiva (UE) 2026/470 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Frar 2026 li temenda d-Direttivi 2006/43/KE, 2013/34/UE, (UE) 2022/2464 u (UE) 2024/1760 fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti ta’ rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà u ċerti rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta korporattiva dwar is-sostenibbiltà (ĠU, L, 2026/470, 26.2.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2026/470/oj).

(13)  Ir-Regolament (UE) 2024/3015 dwar il-projbizzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat fis-suq tal-Unjoni (ĠU L, 2024/3015, 12.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/3015/oj).

(14)  Għall-użu ta’ indiċijiet bħal dawn ara wkoll il-Kapitolu 4 tal-Avviż tal-Kummissjoni tat-12.2.2016, C(2016)755 final (Dokument ta’ Gwida għar-Regolament tal-UE dwar l-Injam).

(15)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1987/2658/oj).

(16)  Noti ta’ spjegazzjoni għan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 119, 29.3.2019, p.1).

(17)  Ċerti skemi jippermettu ċ-ċertifikazzjoni meta perċentwal speċifikat tal-prodott rilevanti, normalment iddikjarat fuq it-tikketta, ikun issodisfa l-istandard sħiħ taċ-ċertifikazzjoni. F’każijiet bħal dawn, huwa importanti li l-operatur jikseb informazzjoni dwar jekk twettqux verifiki fuq il-porzjon mhux iċċertifikat u jekk jipprovdux evidenza adegwata tal-konformità mal-ġeolokalizzazzjoni u mal-element mingħajr deforestazzjoni għall-porzjon mhux iċċertifikat ukoll.

(18)  Xi skemi jippermettu ċ-ċertifikazzjoni meta jintużaw il-ktajjen tal-kustodja tal-bilanċ tal-massa. Madankollu, tali prodotti mħallta mhumiex konformi mal-EUDR. Prodotti konformi bis-sħiħ mal-elementi msemmija hawn fuq biss huma permessi skont l-EUDR, bl-esklużjoni ta’ prodotti mħallta bbażati fuq ċerti perċentwali jew ktajjen tal-kustodja tal-bilanċ tal-massa.

(19)  Iċ-ċertifikazzjoni tal-katina tal-kustodja tista’ tintuża bħala evidenza li l-ebda komodità mhux magħrufa jew mhux permessa ma tidħol f’katina tal-provvista. Dawn ġeneralment ikunu bbażati fuq l-iżgurar li l-komoditajiet u l-prodotti permessi biss jitħallew jidħlu fil-katina tal-provvista f’“punti kritiċi ta’ kontroll”, u prodott ikun jista’ jiġi ttraċċat għall-kustodju preċedenti tiegħu (li jeħtieġlu jkollu wkoll ċertifikazzjoni tal-katina tal-kustodja) aktar milli lura għall-post tal-oriġini. Prodott b’ċertifikazzjoni tal-katina tal-kustodja jista’ jkun fih taħlita ta’ materjal iċċertifikat u materjal ieħor permess minn varjetà ta’ sorsi. Meta juża ċ-ċertifikazzjoni tal-katina tal-kustodja, operatur għandu jiżgura li l-materjali kollha jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-EUDR u li l-kontrolli jkunu biżżejjed biex jeskludu materjal mhux konformi.

(20)  Il-Kummissjoni Ewropea, Rapport: Study on Certification and Verification Scheme in the Forest Sector and for Wood-based Products, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-UE, 2021.

(21)  Il-Kummissjoni Ewropea, SWD(2021) 326 final.

(22)   ĠU C 341, 16.12.2010, p. 5.

(23)  Il-Kummissjoni Ewropea, Rapport: Study on Certification and Verification Scheme in the Forest Sector and for Wood-based Products, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-UE, 2021.

(24)  L-element l-ieħor ta’ “mingħajr deforestazzjoni” fl-Artikolu 2(13)(b), li jistipula li l-prodotti rilevanti li fihom jew li saru bl-użu tal-injam ikunu nħasdu mingħajr ma ġiet indotta d-degradazzjoni tal-foresti, jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kapitolu, li jittratta speċifikament id-definizzjoni ta’ użu agrikolu.

(25)   ĠU L, 2024/1991, 29.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1991/oj.

(26)  FAO 2003. Multilingual Thesaurus on Land Tenure. Il-Kapitolu 7. Land in an agricultural, pastoral and forestry context.

(27)  FAO World Programme For The Census Of Agriculture 2020, Vol. 1, p.120, il-punti 8.12.12 u 8.12.13.

(28)  L-Osservatorju tal-UE dwar id-Deforestazzjoni u d-Degrdazzjoni tal-Foresti: https://forest-observatory.ec.europa.eu/forest/gfc2020.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3896/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)