European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/3860

27.7.2026

Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Mejju 2026 – Navka vs Il-Kunsill

(Kawża T-324/26)

(C/2026/3860)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Tatiana Navka (Moska, ir-Russja) (rappreżentant: C. Zatschler, SC)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2026/696 (1) tal-14 ta’ Marzu 2026 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, sa fejn isem ir-rikorrenti nżamm fil-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplikaw dawn il-miżuri restrittivi;

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2026/695 (2) tal-14 ta’ Marzu 2026 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, sa fejn isem ir-rikorrenti nżamm fil-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplikaw dawn il-miżuri restrittivi (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“atti kkontestati”);

tordna l-kumpens fl-ammont ta’ EUR 134 558 għad-dannu materjali mġarrab mir-rikorrenti minħabba n-neċessità li jiġu rreklutati rappreżentanti legali sabiex tinfetaħ din il-proċedura ġudizzjarja sabiex hija tkun tista’ tinvoka d-drittijiet tagħha sa fejn dawn l-ispejjeż legali ma jistgħux jinġabru permezz ta’ digriet dwar l-ispejjeż u l-kumpens fl-ammont ta’ mill-inqas EUR 1 903 000 għad-dannu kkawżat lir-reputazzjoni tar-rikorrenti u għal danni morali oħra kkawżati lir-rikorrenti, li jiżdiedu b’EUR 1 000 kuljum, flimkien mal-interessi; u

tikkundanna lill-Kunsill kemm għall-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll għal dawk sostnuti mir-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu previst fl-Artikolu 296(2) TFUE sa fejn il-motivazzjoni li tikkonċerna lir-rikorrenti ma tippermettiliex tidentifika b’mod adegwat il-motivi li fuqhom huma bbażati l-atti kkontestati.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill wettaq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni tal-fatti meta applika għar-rikorrenti l-kriterju (a) u l-kriterju ta’ assoċjazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 1(1) u fl-Artikolu 2 (1) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2022/329 (3), kif ukoll fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 269/2014 kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill Nru 2022/330 (4). It-tieni motiv huwa kompost minn ħames partijiet:

L-ewwel parti, ibbażata fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill wettaq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni tal-fatti fl-applikazzjoni tal-kriterju (a).

It-tieni parti, ibbażata fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill wettaq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni tal-fatti fl-applikazzjoni tal-kriterju ta’ assoċjazzjoni.

It-tielet parti, ibbażata fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill ma jissostanzja ebda riskju ta’ evażjoni.

Ir-raba’ parti, ibbażata fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill ma ssodisfax l-oneru tiegħu li jipprova l-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti bejn ir-rikorrenti u s-sitwazzjoni miġġielda permezz tal-miżuri restrittivi.

Il-ħames parti, ibbażata fuq l-allegazzjoni li il-Working Papaer li tinsab fid-dokument ta’ ħidma WK 6449/22 invokata mill-Kunsill hija irrilevanti, ftit affidabbli u parzjalment mhux aġġornata.

3.

It-tielet motiv ibbażata fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. Dan il-motiv huwa kompost minn tliet partijiet:

L-ewwel parti, ibbażata fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill ma rrettifikax u ma aġġornax il-bażi probatorja tal-atti kkontestati.

It-tieni parti, ibbażata fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill ma żgurax li l-persuni fi ħdanu li jieħdu d-deċiżjonijiet jeżerċitaw is-setgħat diskrezzjonali tagħhom b’għarfien sħiħ tal-osservazzjonijiet prodotti mir-rikorrenti.

It-tielet parti, ibbażata fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill ma rrispondiex b’mod adegwat u imparzjali għall-argumenti tar-rikorrenti.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill kiser id-dritt tar-rikorrenti għad-dinjità tal-bniedem kif ukoll id-dritt tar-rikorrenti u ta’ wliedha għar-rispett tal-ħajja tal-familja tagħhom peress li l-intenzjoni tal-Kunsill permezz tal-atti kkontestati kienet li jwettaq “politika ta’ ġest” u li jabbuża minnha bħala simbolu u li l-atti kkontestati huma manifestament inadegwati sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mid-Deċiżjoni 2014/145 u mir-Regolament (UE) Nru 269/2014.


(1)  ĠU L, 2026/696, u rettifika fil-ĠU L, 2026/90508.

(2)  ĠU L, 2026/695, u rettifika fil-ĠU L, 2026/90507.

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/329 tal-25 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 50, p. 1).

(4)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/330 tal-25 ta’ Frar 2022 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 51, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3860/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)