European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/3440

25.6.2026

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR “L-EWROPA GĦALL-KULTURA - IL-KULTURA GĦALL-EWROPA”

(C/2026/3440)

I.   INTRODUZZJONI

1.

Fit-12 ta' Novembru 2025, il-Kummissjoni ppreżentat abbozz ta' “Dikjarazzjoni Konġunta ‘L-Ewropa għall-Kultura – Il-Kultura għall-Ewropa’” (“Dikjarazzjoni Konġunta”) (1) lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew. L-għan ta' din id-Dikjarazzjoni huwa li tiżgura impenn politiku msaħħaħ fil-kultura, fi ħdan ir-rwoli u l-kompetenzi rispettivi ta' kull istituzzjoni.

2.

Fl-1 ta' April, il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti awtorizza lill-Presidenza tibda diskussjonijiet interistituzzjonali mal-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni abbażi tat-test kif jinsab fid-dokument 7663/26 REV 1, wara l-eżami tiegħu fil-Kumitat tal-Affarijiet Kulturali (CAC) fil-21 ta' Jannar 2026 u s-17 ta' Frar 2026.

3.

Saru erba' laqgħat interistituzzjonali biex jiġi diskuss it-test tad-Dikjarazzjoni, tlieta fil-livell tekniku (22 ta' April, 4 ta' Mejju, 6 ta' Mejju 2026) u waħda fil-livell politiku (18 ta' Mejju 2026 fi Strażburgu) fejn intlaħaq ftehim politiku proviżorju mal-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni. Il-kompromess li nstab qiegħed fl-Anness.

4.

Id-Dikjarazzjoni Konġunta issa għandha tiġi ffirmata mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni.

II.   KONKLUŻJONI

Il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti mistieden:

jikkonferma l-ftehim; u

jirrakkomanda lill-Kunsill:

japprova t-test għal “Dikjarazzjoni Konġunta ‘L-Ewropa għall-Kultura – Il-Kultura għall-Ewropa’” kif jinsab fl-Anness; u

jawtorizza lill-Presidenza tiffirma d-Dikjarazzjoni f'ismu.


(1)  dok. 15410/25 ADD 2


ANNESS

Abbozz ta' Dikjarazzjoni Konġunta

“L-Ewropa għall-Kultura - Il-Kultura għall-Ewropa”

Billi:

a)

L-Ewropa hija kontinent ta' arti, kultura u kreattività bla limitu u ta' wirt kulturali u ta' storja għonja. Id-diversità u l-vivaċità kulturali tal-Ewropa, xprunati mill-eċċellenza tal-artisti u tal-professjonisti kulturali u kreattivi tagħha, huma fundamentali għall-valuri u għall-identità tal-UE, irawmu sens Ewropew ta' appartenenza u identità Ewropea kondiviża, u demokrazija msaħħa.

b)

Is-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi huma setturi ekonomiċi dinamiċi. Dawn jinkludu l-forom kollha ta' espressjoni u manifestazzjoni relatati mal-arti, il-kultura u l-wirt kulturali, kif ukoll l-awdjoviżiv u l-media. Dawn jirrappreżentaw riżorsa strateġika għall-kompetittività u għall-koeżjoni tal-Ewropa, jiġġeneraw tkabbir ekonomiku u effetti konsegwenzjali pożittivi fis-setturi u fit-territorji kollha, joħolqu impjiegi kwalifikati, u jikkontribwixxu għall-vantaġġ kreattiv u innovattiv tal-UE.

c)

Il-kultura u l-wirt kulturali jirfdu l-valuri ewlenin li hija msejsa fuqhom l-UE – ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem (l-Artikolu 2 TUE) – u jinkorporaw il-motto “Magħquda fid-diversità”. L-objettiv ġenerali tal-UE fil-qasam tal-kultura huwa li tirrispetta u li tippromwovi d-diversità kulturali u lingwistika għanja tagħha; li tiżgura li l-wirt kulturali Ewropew jiġi ssalvagwardat u msaħħaħ; u li tħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri (l-Artikolu 3 TUE, l-Artikolu 167 TFUE), u b'hekk jiġu appoġġati l-azzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-kultura.

d)

Il-kultura u l-wirt kulturali joħolqu spazju fejn persuna tista' timmaġina futuri mixtieqa u huma vitali għall-istil ta' ħajja Ewropew. Dawn jipprovdu pjattaforma għad-djalogu pubbliku, jgħaqqdu l-komunitajiet, jarrikkixxu l-ħajjiet, joħolqu koeżjoni fis-soċjetajiet tagħna u huma vettur importanti għall-azzjoni esterna tal-UE. L-UE tista' tisfrutta l-assi kulturali tagħha biex tibni r-reżiljenza, tippromwovi l-paċi u d-demokrazija, u tispira soluzzjonijiet innovattivi li jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli.

e)

Il-kultura hija riżorsa strateġika għall-UE biex taffaċċa r-realtajiet urġenti tal-lum, bħat-tensjonijiet ġeopolitiċi u ġeoekonomiċi, it-tisħin globali u d-degradazzjoni ambjentali, l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi, il-bidliet teknoloġiċi rapidi, il-bidliet demografiċi, u kriżi tas-saħħa mentali. Fl-istess ħin, is-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi, inkluż l-industriji awdjoviżivi, jaffaċċaw l-isfidi tagħhom stess, li jeħtieġu appoġġ immirat u azzjoni deċiżiva.

f)

Din id-dikjarazzjoni tartikola viżjoni strateġika fit-tul biex il-kultura titqiegħed fil-qalba tal-identità tal-Ewropa, filwaqt li tibni wkoll fuq il-kisbiet tal-Pjanijiet ta' Ħidma tal-UE għall-Kultura. Hija tenfasizza l-importanza tal-kultura għall-individwi, għall-komunitajiet u għall-UE, u ssaħħaħ id-drittijiet u l-prinċipji kulturali. Hija tirrikonoxxi li l-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi kulturali jwasslu identitajiet, valuri u tifsiriet. Tafferma mill-ġdid ukoll li l-Unjoni għandha tieħu kont tal-aspetti kulturali fl-azzjonijiet kollha tagħha, b'mod partikolari sabiex tirrispetta u tippromwovi d-diversità tal-kulturi tagħha.

g)

Filwaqt li tirrikonoxxi r-rwol ta' appoġġ tal-UE fil-qasam tal-kultura, din id-dikjarazzjoni tafferma impenji u responsabbiltajiet politiċi kondiviżi tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni Ewropea – fi ħdan il-kompetenzi rispettivi tagħhom u f'konformità sħiħa mad-dritt tal-UE – ispirati mid-direzzjonijiet ewlenin stabbiliti fil-Boxxla Kulturali għall-Ewropa tal-Kummissjoni tal-2025.

Dikjarazzjoni Konġunta dwar L-Ewropa għall-Kultura – Il-Kultura għall-Ewropa

Għandna l-għan li nippromwovu u li nippożizzjonaw il-kultura kemm bħala riżorsa kif ukoll bħala benefiċjarju tal-unità, tad-demokrazija, tad-diversità, tal-eċċellenza u tal-kompetittività Ewropej. U, għalhekk, nimpenjaw ruħna li:

Insaħħu r-rwol tal-Unjoni Ewropea bħala xprunatur kulturali globali u ċentru vibranti ta' kreattività, fejn kulħadd jista' joħloq, jaċċessa u jinvolvi ruħu liberament mal-kultura; rwol li jappoġġa d-drittijiet kulturali, jagħti s-setgħa liċ-ċittadini u lill-professjonisti kreattivi.

Niżguraw li l-kultura tibqa' forza li tixpruna n-nisġa soċjoekonomika u territorjali tal-Ewropa filwaqt li nirrikonoxxu l-valur intrinsiku, soċjetali, ċiviku u ekonomiku tal-kultura, u l-potenzjal trasformattiv tagħha.

Nippromwovu miżuri biex nagħtu s-setgħa, nirnexxu, ninnovaw u nikkompetu globalment.

Nirrikonoxxu l-valur intrinsiku tal-kultura u r-rwol tagħha bħala ġid pubbliku, li jikkontribwixxi għar-reżiljenza u t-tkabbir sostenibbli tal-UE.

F'allinjament ma' dawn l-impenji u l-erba' direzzjonijiet ewlenin tal-Boxxla Kulturali għall-Ewropa, niddikjaraw it-tħaddin tagħna tal-prinċipji li ġejjin għall-politiki kulturali fl-Ewropa.

1.

Il-libertà tal-espressjoni artistika u l-libertà tal-ħolqien huma l-pedamenti tal-kultura, u għandhom rwol indispensabbli fit-trawwim ta' soċjetajiet demokratiċi u fiż-żamma tal-valuri Ewropej.

Nimpenjaw ruħna li:

Nissalvagwardaw il-libertà tal-espressjoni artistika u r-rispett tal-valuri tal-UE bħala pedament tad-demokrazija u d-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea.

Nipproteġu lill-artisti u lill-professjonisti kulturali miċ-ċensura, mill-intimidazzjoni, u minn interferenza bla bżonn.

Nipproteġu l-indipendenza tal-istituzzjonijiet kulturali.

2.

Id-diversità kulturali u lingwistika huma valuri fundamentali li fuqhom hija msejsa l-UE. Nimpenjaw ruħna li:

Nappoġġaw, niċċelebraw u nippreservaw id-diversità kulturali u lingwistika għanja tal-Unjoni Ewropea u s-sovranità kulturali tagħha.

Nippromwovu d-diversità rikka ta' xogħlijiet u kontenut kulturali maħluqa fl-Ewropa, b'mod partikolari online, inrawmu l-viżibbiltà u l-iskopribbiltà tagħhom, fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE b'rispett sħiħ tad-diversità lingwistika.

3.

L-aċċess għall-kultura huwa pilastru fundamentali ta' soċjetajiet demokratiċi u inklużivi. Nimpenjaw ruħna li:

Intejbu l-aċċess inklużiv għall-kultura u għall-wirt kulturali kif ukoll il-parteċipazzjoni fihom u t-tgawdija u l-benefiċċju tagħhom għal kulħadd, speċjalment il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ.

Nagħtu attenzjoni partikolari lid-drittijiet kulturali, li jinkludu l-aċċess għall-kultura, ta' persuni vulnerabbli, inkluż persuni b'diżabbiltà, persuni emarġinati jew żvantaġġati, u persuni li jgħixu f'żoni rurali, remoti jew mhux moqdijin tajjeb – inkluż żoni f'riskju ta' depopolazzjoni jew li jkunu qed jaffaċċaw sfidi soċjoekonomiċi.

Insaħħu u ntejbu l-infrastruttura kulturali madwar l-Ewropa, filwaqt li nagħtu attenzjoni lill-indirizzar tad-disparitajiet soċjoekonomiċi u territorjali u nrawmu parteċipazzjoni kulturali fil-livell lokali.

4.

Kulħadd għandu d-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ekwi, ġusti, tajbin għas-saħħa u sikuri, inkluż l-artisti u l-professjonisti kulturali li huma fil-qalba tas-setturi u tal-industriji kulturali u kreattivi tagħna. Remunerazzjoni ġusta u kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati huma fundamentali għal-libertà artistika u d-diversità kulturali. Nimpenjaw ruħna li:

Nippromwovu, filwaqt li nirrispettaw ir-rwol u l-awtonomija tas-sħab soċjali, remunerazzjoni ġusta, protezzjoni soċjali adegwata, aċċess għall-iżvilupp tal-ħiliet u mobbiltà għall-artisti u għall-professjonisti kulturali kollha kif ukoll li nappoġġaw id-drittijiet ta' negozjar kollettiv tagħhom u li nrawmu s-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali tagħhom, inkluż is-saħħa mentali tagħhom.

Nippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-kultura u l-wirt kulturali, u li nipproteġu d-drittijiet tal-artisti u tal-professjonisti kulturali b'diżabilità.

5.

Iż-żgħażagħ huma kruċjali fit-tiswir tal-futur tal-Ewropa u tax-xenarju kulturali divers tagħha. Nimpenjaw ruħna li:

Nippromwovu r-rappreżentanza u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-politiki kulturali biex namplifikaw il-vuċijiet tagħhom fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jikkonċernawhom.

Nappoġġaw l-artisti żgħażagħ u dawk emerġenti, inkluż persuni marġinalizzati u żvantaġġati, filwaqt li nirrikonoxxu l-kontribut tagħhom għall-kultura u l-wirt kulturali tal-Ewropa.

Inħeġġu l-kooperazzjoni interġenerazzjonali u l-iskambju bejn l-artisti biex jiġi żgurat it-trasferiment tal-ħiliet, l-għarfien u t-tradizzjonijiet.

6.

Is-sinerġija bejn il-kultura, l-arti, u l-edukazzjoni hija fundamentali għall-iżvilupp u għall-prosperità ta' soċjetajiet futuri. Nimpenjaw ruħna li:

Inrawmu l-edukazzjoni tal-arti għal kulħadd fit-tagħlim formali, mhux formali u informali, bħala parti mit-tagħlim tul il-ħajja, u b'hekk nikkontribwixxu għad-diversità u r-reżiljenza tal-UE.

Nappoġġaw l-approċċ tax-xjenza, teknoloġija, inġinerija, arti u matematika (STEAM, Science, Technology, Engineering, Arts, and Mathematics) u sinerġiji interdixxiplinari u transdixxiplinari bejn il-kultura, l-arti, ix-xjenza u t-teknoloġija.

7.

L-involviment kulturali wera impatti pożittivi fuq is-saħħa u l-benesseri tal-individwi u tal-komunitajiet. Nimpenjaw ruħna li:

Nippromwovu – permezz tal-politiki tagħna – l-effetti pożittivi tal-kultura u tal-parteċipazzjoni kulturali fuq is-saħħa u l-benesseri.

Nikkondividu l-aħjar prattiki u approċċi innovattivi fis-setturi kollha.

8.

L-użu, l-iżvilupp u l-governanza etiċi, sostenibbli u responsabbli tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali (IA) għandhom irawmu l-kreattività tal-bniedem permezz ta' approċċ ġust iċċentrat fuq il-bniedem u bbażat fuq id-drittijiet. Dan għandu: jirrispetta d-drittijiet kulturali, l-aċċessibbiltà, l-inklużività u d-diversità kulturali; jippromwovi u jikkontribwixxi għall-iskopribbiltà u l-viżibbiltà tal-kontenut Ewropew, nazzjonali u lokali; irawwem il-kompetittività; jiġġieled id-distakki diġitali; u jrawwem l-inklużjoni diġitali. Nimpenjaw ruħna li:

Nippromwovu l-ħolqien mill-bniedem u s-sovranità diġitali, kulturali u lingwistika Ewropea, u nindirizzaw ir-riskji etiċi tal-preġudizzji u l-omoġenizzazzjoni kulturali.

Nipproteġu d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, billi nindirizzaw l-impatti tal-IA fuq il-kreaturi u r-remunerazzjoni ġusta tagħhom, filwaqt li nħaddnu l-innovazzjoni.

Inrawmu trasparenza tal-kontenut iġġenerat mill-IA sabiex tiġi ffaċilitata d-distinzjoni bejn il-kontenut iġġenerat mill-bniedem u dak iġġenerat mill-IA.

Nimmonitorjaw u nimmitigaw l-impatt tal-IA fuq l-impjiegi kif ukoll li nappoġġaw is-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi fl-adattament għall-bidla teknoloġika u l-akkwist ta' ħiliet diġitali.

Inrawmu l-użu tal-IA bħala għodda biex jiġu appoġġati l-professjonisti kulturali u kreattivi u biex is-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi jkunu jistgħu jisfruttaw l-opportunitajiet offruti minn dawn it-teknoloġiji, u b'hekk insaħħu l-kapaċità ta' innovazzjoni u l-kompetittività teknoloġika globali tal-Ewropa.

9.

Il-wirt kulturali jgħaqqad il-passat tagħna mal-futur tagħna. Huwa simbolu ta' għaqda fid-diversità u pedament tal-identità, tad-demokrazija u tar-reżiljenza tagħna. Nimpenjaw ruħna li:

Nipproteġu, nissalvagwardaw u nippromwovu l-wirt naturali u kulturali għani tal-Ewropa – kemm tanġibbli kif ukoll intanġibbli – filwaqt li nisfruttaw it-teknoloġiji diġitali biex inrawmu l-preservazzjoni, l-aċċess u l-innovazzjoni tiegħu.

Intejbu s-sensibilizzazzjoni, ir-riċerka u l-bini tal-kapaċità, u l-użu u l-interoperabbiltà ta' bażijiet tad-data u tat-teknoloġiji diġitali biex naffaċċaw it-theddida tat-traffikar ta' proprjetà kulturali u reati relatati oħra, filwaqt li nrawmu l-kooperazzjoni fost il-professjonisti rilevanti, bħall-professjonisti tal-wirt, tal-infurzar tal-liġi jew doganali, inkluż fil-kuntest internazzjonali.

Inrawmu l-iskambju interġenerazzjonali biex niżguraw it-trażmissjoni tal-wirt kulturali u tal-għarfien minn ġenerazzjonijiet akbar fl-età għal ġenerazzjonijiet iżgħar.

10.

Il-kultura u l-wirt kulturali jrawmu l-iżvilupp reġjonali u territorjali, ir-reżiljenza, il-koeżjoni soċjali u l-konverġenza bejn ir-reġjuni tal-Ewropa. Jeħtieġ ukoll li jiġu protetti fi żminijiet ta' kriżi, inkluż minn riskji bħall-effetti tat-tibdil fil-klima. Nimpenjaw ruħna li:

Nisfruttaw il-potenzjal tal-kultura u tal-wirt kulturali, f'sinerġija ma' oqsma oħrajn, biex tingħata spinta lill-attraenza tat-territorji kollha u biex nindirizzaw l-isfidi territorjali, inkluża l-ġlieda kontra t-tnaqqis demografiku, speċjalment f'żoni periferiċi, rurali, remoti u mhux moqdijin tajjeb, u r-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE.

Navvanzaw it-turiżmu kulturali sostenibbli, b'rispett għall-wirt kulturali, il-pajsaġġi u l-prattiki komunitarji, u li nikkontribwixxu għall-iżvilupp reġjonali u lokali.

Nesploraw modi differenti kif nintegraw il-kultura u l-wirt kulturali fil-kooperazzjoni rigward it-tħejjija għall-kriżijiet, fis-sigurtà u l-ippjanar ta' tħejjija għall-kriżijiet, fil-ġestjoni tal-kriżijiet u tar-riskji, fir-rikostruzzjoni ta' wara l-kriżi, u fil-proċessi ta' rkupru u ta' konsolidazzjoni tal-paċi.

11.

Il-kultura, inkluż il-wirt kulturali, hija kruċjali fil-bidla lejn is-sostenibbiltà ambjentali peress li ssawwar valuri, imġiba u prattiki li jirfdu l-iżvilupp ambjentalment responsabbli. Nimpenjaw ruħna li:

Nenfasizzaw l-importanza tal-kultura fir-rispons politiku għall-isfidi ekoloġiċi, billi nippromwovu s-salvagwardja tal-arkitettura, tad-disinn, tal-wirt, il-ġestjoni tal-pajsaġġi li tfittex li tilħaq il-kwalità, l-innovazzjoni, l-inklużjoni u l-eċċellenza, kif ukoll billi nħeġġu l-adozzjoni ta' għodod u ħiliet prattiċi ta' ekoloġizzazzjoni u nippermettu lill-aġenti kulturali u tal-wirt imexxu u jibdlu n-narrattivi f'kokreazzjoni mal-komunitajiet.

12.

L-insegwiment tal-ambizzjonijiet ta' din id-dikjarazzjoni u l-ingranaġġ sħiħ tal-impatti trażversali tal-kultura tfisser il-promozzjoni tal-kultura fil-politiki interni u esterni tal-UE, l-indirizzar tal-ħtiġijiet tas-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi u l-investiment fihom, u l-monitoraġġ tal-progress. Nimpenjaw ruħna li:

Nappoġġaw is-sostenibbiltà tas-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi u s-salvagwardja tal-wirt kulturali, inkluż billi nħeġġu forom differenti ta' finanzjament u nikkunsidraw modi innovattivi u alternattivi ta' finanzjament fil-livelli kollha ta' governanza.

Niżguraw integrazzjoni kulturali effettiva fl-istrateġiji, fil-politiki u fl-azzjonijiet rilevanti tal-UE, u fl-għodod ta' finanzjament korrispondenti, mill-fażi bikrija tat-tfassil sal-implimentazzjoni.

Insaħħu ċ-ċirkolazzjoni transfruntiera tax-xogħlijiet kulturali Ewropej fid-diversità kollha tagħhom.

Inżommu djalogu mill-qrib u regolari mal-partijiet ikkonċernati rilevanti.

Nippromwovu din id-dikjarazzjoni – fi ħdan ir-rwoli u s-setgħat rispettivi tal-firmatarji – fir-relazzjonijiet tal-UE ma' pajjiżi sħab u organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, u nrawmu l-kollaborazzjoni fi ħdan fora multilaterali.

Navvanzaw inizjattivi mmirati lejn it-titjib tad-disponibbiltà ta' data soda u komparabbli dwar il-kultura biex jiġi appoġġat l-iżvilupp ta' politiki kulturali bbażati fuq l-evidenza.

Nirrieżaminaw il-progress fl-oqsma koperti f'din id-dikjarazzjoni.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3440/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)