|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/3344 |
22.6.2026 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
(C/2026/3344)
Fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, jew persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u tkun stabbilita jew residenti f’pajjiż terz, tista’ tippreżenta oppożizzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).
DOKUMENT UNIKU
“Capocollo di Martina Franca”
Nru tal-UE: PGI-IT-03182 — 19.2.2024
DOP ( ) IĠP (X)
1. Isem/Ismijiet
“Capocollo di Martina Franca”
2. Stat Membru jew pajjiż terz
L-Italja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda
16 - PREPARATI TA’ LAĦAM, TA’ ĦUT JEW TA’ KRUSTAĊEJ, MOLLUSKI JEW INVERTEBRATI AKKWATIĊI OĦRAJN, JEW TA’ INSETTI
1601 - iz-zalzett u prodotti simili, tal-laħam, tal-ġewwieni tal-laħam, tad-demm jew tal-insetti; il-preparati tal-ikel ibbażati fuq dawn il-prodotti
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1
L-indikazzjoni ġeografika protetta “Capocollo di Martina Franca” hi riżervata għall-prodott tal-laħam ippreparat li jinkiseb mill-muskoli ċervikali tal-parti ta’ fuq ta’ għonq il-ħanżir, bejn l-għadma oċċipitali u l-ewwel vertebra ċervikali sal-ħames vertebra toraċika, li jissodisfa l-karatteristiċi li ġejjin:
Karatteristiċi fiżiċi u organolettiċi:
|
— |
Forma ċilindrika, imgeżwra f’budellat naturali magħmul minn parti tal-intestini ta’ ħanżir imsejħa l-musrana l-għamja jew muletta, b’dijametru bejn 10–15 cm u b’piż bejn 1.5–2.5 kg. Il-parti ta’ fuq (ir-ras) hi marbuta bi spag għall-imballaġġ tradizzjonali. |
|
— |
Meta mqatta’ jkun artab u dens, u aħmar lewn l-inbid bi xquq irqaq fl-irħamar. |
|
— |
Ir-riħa u t-togħma speċifiċi tal-“Capocollo di Martina Franca” ġejjin min-noti affumikati tal-injam tal-ballut tal-Maċedonja (Quercus trojana Webb). |
|
— |
Aroma affumikata karatteristika, b’togħma tajba, bi ħjiel tal-aċidità u l-aroma tal-inbid imsajjar mire cutte, tipiku tat-tradizzjoni popolari ta’ Martina Franca, li jinkiseb mill-varjetajiet tal-għeneb abjad Vedeca u Bianco d’Alessano, kif stabbilit fl-ispeċifikazzjonijiet tal-produzzjoni tal-inbejjed DOC “Martina” u/jew “Locorotondo”. |
Karatteristiċi kimikofiżiċi
|
Valur |
Minimu |
Mass. |
|
Proteina (N x 6.2) % |
20 |
40 |
|
Total ta’ xaħam % |
20 |
45 |
|
Irmied (%) |
4 |
7 |
|
Indewwa % |
25 |
43 |
|
Aw |
0,89 |
0,93 |
|
pH |
5,5 |
6,5 |
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
L-użu tal-għalf mhu soġġett għall-ebda kundizzjoni ta’ kwalità
Il-laħam użat għall-produzzjoni tal-“Capocollo di Martina Franca” ġej mill-frieħ ta’:
|
(a) |
fħula tar-razez tradizzjonali Large White Italiana, Landrace Italiana u Duroc Italiana, kif imtejbin mill-ktieb tal-merħla Taljana, jew ta’ razza pura jew ta’ razez inkroċjati bejniethom, u majjali nisa tar-razez tradizzjonali Large White Italiana u Landrace Italiana, jew ta’ razza pura jew ta’ razez inkroċjati bejniethom; |
|
(b) |
fħula tar-razez tradizzjonali msemmija f’(a) u majjali nisa ta’ razez inkroċjati jew majjali nisa ta’ tipi ġenetiċi oħrajn dment li dawn jitrabbew taħt skemi ta’ selezzjoni u/jew ta’ inkroċjar tar-razez li jinvolvu r-razez Large White, Landrace jew Duroc għall-produzzjoni ta’ ħnieżer ta’ piż tqil, li l-għanijiet tagħhom huma kompatibbli ma’ dawk tal-ktieb tal-merħla Taljana; |
|
(c) |
fħula u majjali nisa ta’ tipi ġenetiċi oħrajn dment li dawn jitrabbew taħt skemi ta’ selezzjoni u/jew ta’ inkroċjar tar-razez li jinvolvu r-razez Large White, Landrace jew Duroc għall-produzzjoni ta’ ħnieżer ta’ piż tqil, li l-għanijiet tagħhom huma kompatibbli ma’ dawk tal-ktieb tal-merħla Taljana; |
|
(d) |
fħula tat-tipi ġenetiċi l-oħrajn imsemmija f’(c), u majjali nisa tar-razez tradizzjonali msemmija f’(a). |
|
(e) |
fħula u majjali nisa ta’ razez indiġeni kif ippreservati mill-ktieb tal-merħla Taljana. |
L-għenieq friski tal-majjal użati biex isir il-prodott ma jistgħux jiġu minn:
|
— |
ħnieżer b’karatteristiċi mhux favorevoli, b’mod partikolari s-suxxettibbiltà għall-istress (PSS); |
|
— |
fħula jew majjali nisa. |
Il-qatgħat tal-laħam mingħajr għadam adattati għall-ipproċessar f’“Capocollo di Martina Franca” jiżnu bejn 2.5 kg u 4.0 kg.
L-ingredjenti użati biex isir il-“Capocollo di Martina Franca” huma l-melħ għall-użu alimentari, il-bżar iswed u l-mire cutte, l-isem lokali ta’ soluzzjoni magħmula minn 50 % ta’ nbid miksub mill-varjetajiet tal-għeneb abjad Verdeca u Bianco d’Alessano, kif stabbilit fl-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott tal-inbejjed DOC “Martina” u/jew “Locorotondo”, u 50 % ta’ most imsajjar mill-varjetajiet tal-għeneb abjad Verdeca u Bianco d’Alessano. Jistgħu jintużaw ukoll dawn li ġejjin: destrożju u/jew sukrożju, aċidu askorbiku u/jew melħ tas-sodju tiegħu, nitrat tal-potassju, nitrat tas-sodju. Jistgħu jintużaw il-ħxejjex aromatiċi mqattgħin li ġejjin: klin, frott tal-ġnibru.
3.4. Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita
Il-passi kollha li ġejjin fil-produzzjoni tal-IĠP “Capocollo di Martina Franca” iridu jsiru fiż-żona ġeografika definita msemmija fil-punt 4:
|
— |
Tirqim u tmelliħ; |
|
— |
Immarinar, tqegħid tal-mili fil-budellat u tnixxif; |
|
— |
Affumikar; |
|
— |
Ippreservar. |
3.5. Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
—
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
It-tikketti jrid ikollhom il-logo tad-denominazzjoni “Capocollo di Martina Franca”.
Huwa permess l-użu ta’ tags, siġilli u materjali oħrajn ta’ informazzjoni, sakemm dawn ma jkollhomx skop ta’ tifħir u ma jkunux maħsuba biex iqarrqu bil-konsumatur.
Fuq it-tikketti jistgħu jintużaw ukoll ismijiet, ismijiet ta’ azjendi, ismijiet ta’ kumpaniji jew trademarks privati, sakemm dawn ma jkollhomx skop ta’ tifħir u x’aktarx mhux se jqarrqu bil-klijent.
Il-logo tal-IĠP huwa kif ġej:
4. Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika
Iż-żona tal-produzzjoni tal-IĠP “Capocollo di Martina Franca” tinkludi l-muniċipalitajiet ta’ Martina Franca (TA), Cisternino (BR) u Locorotondo (BA), li kollha jinsabu 350m ’il fuq mil-livell tal-baħar.
5. Rabta maż-żona ġeografika
L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-IĠP “Capocollo di Martina Franca” hi bbażata fuq ir-reputazzjoni tal-prodott u l-karatteristiċi speċjali tiegħu.
Ir-reputazzjoni tal-“Capocollo di Martina Franca” tintwera minn diversi dokumenti li fihom referenzi għall-prodott u kwotazzjonijiet relatati miegħu.
Il-ktieb ta’ Cesare Brandi tal-1968 Pellegrino di Puglia — Martina Franca jirreferi għad-delikatezza tal-capocollo prodott f’Martina Franca; il-kapitolu li jiddeskrivi l-foresta Le Pianelle jirreferi għall-“Capocollo di Martina Franca”.
Sors: Cesare Brandi (1968), Pellegrino di Puglia — Martina Franca, Milan: Apollinaire, pp. 196
Pubblikazzjonijiet oħra li jirreferu għall-“Capocollo di Martina Franca”, ir-rabta tiegħu mat-tradizzjoni tal-post tal-oriġini tiegħu u l-proprjetajiet tiegħu huma elenkati hawn taħt.
Il-ktieb ippubblikat minn Adda Editore fl-1993, li mill-paġna 63 jsemmi: “Minbarra l-laħam, is-settur tal-majjal jipproduċi l-prieżet magħrufin Faeto u Bovino, iz-zalzett Ceglie Messapico, il-‘Capocolli di Martina’, iz-zalzett Novoli u Lecce u z-zalzett tad-demm ‘alla leccese’”.
Sors: M. Adda (1993), La Terra dell’Ulivo Guida enogastronomica della Puglia [L-art tas-siġra taż-żebbuġ: Gwida tal-ikel u l-inbid fil-Puglia], Bari, Adda Editore, pp. 63-64.
Fl-2002, l-Istitut Nazzjonali tas-Soċjoloġija Rurali (INSOR) ippubblika Atlante dei Prodotti Tipici — I Salumi [Atlas tal-prodotti tipiċi — salumi], li jiddeskrivi fid-dettall it-tekniki tal-produzzjoni, il-kompożizzjoni u l-karatteristiċi tal-“Capocollo di Martina Franca” fil-paġni 571 u 572.
Sors: Corrado Barberis (2002), Atlante dei Prodotti Tipici — I Salumi, Rome, Rai, AGRA Editrice, pp. 571-572.
Suppliment ta’ Il Sole 24 Ore bl-isem Italia Slow jirreferi għall-“Capocollo di Martina Franca” bħala l-verżjoni tal-Puglia tal-Coppa Emiliana.
Sors: Diversi awturi (2002), Italia Slow — Salumi, “Capocollo di Martina Franca”, pp. 28-29.
Il-paġna 208 tal-ktieb Cibovagando, mibjugħ fil-perjodiku Il Sole 24 Ore, jiddeskrivi ż-żoni fejn jiġi prodott il-“Capocollo di Martina Franca” u jfaħħar il-pajsaġġi tal-Wied ta’ Itria.
Sors: Davide Paolini (2003), Cibovagando. Gli itinerari per scoprire i tesori golosi italiani, [Mixjiet gastronomiċi. Itinerjarji għall-iskoperta tat-teżori delizzjużi tal-Italja], Bologna, Edizioni Calderini de Il Sole 24 Ore, Edagricole srl, p. 208.
Fil-ktieb tiegħu Profumi del Focolare, tradizioni e curiosità della cucina martinese [Aromi mill-fuklar: Tradizzjonijiet u kurżitajiet tal-Kċina Martina Franca], l-awtur Raffaele Caforio jiddeskrivi ù chèpecudde (capocollo) b’dan il-mod: “għalkemm it-tħejjija tal-capocollo kienet teħtieġ ħila u paċenzja kbar, dawn jgħoddu wkoll għall-affumikar innifsu. [...] Il-maturazzjoni finali tal-capocollo kienet issir f’post umdu, ventilat u bi ftit dawl.”
Sors: Raffaele Caforio (2004), Profumi del Focolare, tradizioni e curiosità della cucina martinese, Martina Franca: Nuova Editrice Apulia, pp. 38-39.
Artiklu ppubblikat fil-25 ta’ April 2005 fis-suppliment tal-Ħadd La Domenica di Repubblica tal-gazzetta nazzjonali Taljana La Repubblica, f’edizzjoni speċjali bl-isem Salumi. Viaggio italiano nei segreti del maiale [Prieżet: Vjaġġ fl-Italja għas-sigrieti tal-ħanżir], jirreferi għall-“Capocollo di Martina Franca” u l-proċess tal-produzzjoni tiegħu.
Sors: Licia Granello (2005), Salumi. Viaggio italiano nei segreti del maiale, La Domenica di Repubblica, pp. 42-43.
Fl-2006, id-Dipartiment għar-riżorsi agroalimentari tar-Reġjun tal-Puglia pproduċa u ffinanzja Atlante dei Prodotti tipici agroalimentari di Puglia [Atlas tal-prodotti agroalimentari tipiċi tal-Puglia], li jiddeskrivi l-“Capocollo di Martina Franca” u l-proċess tal-produzzjoni tiegħu fid-dettall. Dan jgħid: “Il-‘Capocollo di Martina Franca’ hu lewn l-inbid intens u għandu aroma qawwija li ġejja mill-użu tal-ħwawar u l-affumikar.”
Sors: Puglia Region — Dipartiment għar-riżorsi agroalimentari (2006), Atlante dei Prodotti tipici agroalimentari di Puglia, Bari, Edizioni Edit Copyright, p. 9.
F’“Disegno storico della suinicoltura a Martina Franca” [Ħarsa storika lejn it-trobbija tal-ħnieżer f’Martina Franca], Giorgio Sonnate, l-awtur jgħid: “Kif rajna, it-trobbija tal-ħnieżer f’Murge għandha l-għeruq tagħha fil-passat imbiegħed. It-tradizzjoni tal-‘Capocollo di Martina Franca’ hi wkoll antika, u ġiet dokumentata l-ewwel darba fin-‘Notamento di spese’ [Notifika tal-ispejjeż] meħtieġa għall-ħelsien ta’ Alberobello qabel il-wasla tal-avukat tat-taxxa, Vivenzio, imfassla f’Alberobello fit-30 ta’ Mejju 1797.”
Sors: Giorgio Sonnante (2018), Riflessioni — Umanesimo della Pietra [Riflessjonijiet — Umaniżmu tal-ġebel], Martina Franca, Gruppo Umanesimo della Pietra, p. 11.
Ir-rabta maż-żona ġeografika tal-produzzjoni tal-“Capocollo di Martina Franca” hi bbażata wkoll fuq il-karatteristiċi speċjali tiegħu.
Il-“Capocollo di Martina Franca” (chépecùdde bid-djalett), prodott tat-tradizzjoni lokali tal-laħam tal-majjal, hu distint minħabba li waqt it-tħawwir jintuża l-inbid imsajjar mire cutte, li hu prodott tipiku taż-żona tal-produzzjoni msemmija fil-punt 4. Il-mire cutte hu magħmul minn 50 % nbid miksub mill-varjetajiet tal-għeneb abjad Verdeca u Bianco d’Alessano, kif stabbilit fl-ispeċifikazzjonijiet tal-produzzjoni tal-inbejjed DOC Martina u/jew Locorotondo, u 50 % most imsajjar mill-varjetajiet tal-għeneb abjad Verdeca u Bianco d’Alessano, li jagħtu togħma bi ħjiel tal-aċidità u l-aroma tal-inbid u rtubija persistenti waqt l-istadju kollu tal-preservazzjoni.
Elementi distinti importanti oħra li jikkaratterizzaw il-“Capocollo di Martina Franca” huma l-affumikar bl-injam u l-weraq niexef tal-injam tal-ballut tal-Maċedonja (Quercus troiana Webb), li hi pjanta karatteristika taż-żona tal-produzzjoni, u l-użu ta’ budellat naturali magħmul mill-musrana l-għamja (muletta) tal-ħanżir minflok dik magħmula mill-ħajt addominali, li l-permeabbiltà tiegħu tippermetti li d-duħħan rilaxxat mill-injam tipiku jiġi assorbit u jinżamm, li jagħti aroma affumikata fil-prodott kollu.
Il-kundizzjonijiet klimatiċi fiż-żona tal-produzzjoni tal-“Capocollo di Martina Franca”, żona bl-għoljiet ta’ aktar minn 350 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar, dejjem kienu karatterizzati minn mikroklima friska u biż-żiffa matul is-sena kollha, bis-saħħa tal-prossimità għall-kosti tal-Baħar Jonju u dak Adriatiku. Flimkien ma’ rjieħ mill-Majjistral tat-Tramuntana u rjieħ mix-Xlokk tan-Nofsinhar, din il-klima tipprovdi kundizzjonijiet ideali għall-ventilazzjoni tal-kmamar tal-preservazzjoni matul il-bidliet fl-arja biex jiġi prodott il-Capocollo di Martina Franca” b’karatteristiċi organolettiċi tipiċi, mil-lat ta’ togħma (ħelwa), aroma (ta’ nbid), riħa (affumikata) u rtubija (meta wieħed jogħmod biċċa).
Il-karatteristiċi speċifiċi tal-“Capocollo di Martina Franca” huma wkoll dovuti għall-fattur uman permezz tat-tekniki ta’ produzzjoni artiġjanali li ntirtu għal ġenerazzjonijiet sħaħ. Kull pass isir manwalment, jiġifieri t-tirqim u t-tlestija tal-capocollo, il-preparazzjoni tat-tħawwir għat-tmelliħ “niexef”, li ssir mingħajr l-użu ta’ tumblers mekkaniċi, il-mili tal-laħam fil-budellat magħmul mill-musrana l-għamja tal-ħanżir (muletta) mingħajr l-użu ta’ preses tal-iffurmar u tal-mili, u mbagħad il-budellat jintrabat biss fir-ras biex il-prodott jingħata l-forma tipika tiegħu.
Għalhekk, it-taħlita ta’ fatturi umani, il-prodott u l-isem hi marbuta mal-iżvilupp soċjali u ekonomiku taż-żona tal-produzzjoni tal-“Capocollo di Martina Franca”, li tirriżulta mit-tradizzjonijiet u d-drawwiet lokali li ma jinsabu mkien ieħor.
L-aspetti kollha deskritti, inkluż b’mod partikolari r-reputazzjoni, l-użu tal-inbid imsajjar mire cutte u budellat naturali minflok wieħed magħmul minn ħajt addominali, kif ukoll l-affumikar bl-injam tal-ballut tal-Maċedonja li jtejjeb b’mod distint it-togħma tal-“Capocollo di Martina Franca”, li juri r-rabta bejn il-capocollo u l-istorja, it-traduzzjoni u ż-żona tal-produzzjoni definiti fil-punt 4.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott
(1) Ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3344/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)