European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/3329

24.6.2026

Notifika ta’ ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni anti-dumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet tal-aċidu triklorojsoċjanuriku (“TCCA”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

(C/2026/3329)

Il-Kummissjoni Ewropea rċeviet talba skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (“ir-Regolament bażiku”) (1). Dik it-talba għandha tinvestiga jekk il-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2216 (2) fuq l-importazzjonijiet ta’ TCCA li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”), kellhomx effett fuq il-prezzijiet tal-esportazzjoni, il-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid jew il-prezzijiet tal-bejgħ sussegwenti fl-Unjoni. Investigazzjonijiet bħal dawn jissejħu “investigazzjonijiet mill-ġdid ta’ assorbiment”.

1.   Talba għal riinvestigazzjoni ta’ assorbiment

It-talba tressqet fit-12 ta’ Mejju 2026 minn Ercros S.A. u Electroquímica de Hernani S.A., (“l-applikanti”) f’isem l-industrija tal-Unjoni tal-aċidu triklorojsoċjanuriku fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku.

Verżjoni pubblika tat-talba u l-analiżi tal-grad ta’ sostenn għat-talba mill-produtturi tal-Unjoni huma disponibbli fil-file li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati. It-Taqsima 5.5 ta’ din in-Notifika tipprovdi informazzjoni dwar l-aċċess għall-file mill-partijiet interessati.

2.   Prodott taħt investigazzjoni

Il-prodott taħt investigazzjoni huwa l-aċidu triklorojsoċjanuriku u l-preparazzjonijiet tiegħu, imsemmi wkoll taħt l-isem internazzjonali mhux proprjetarju (INN) “simklosene” (minn hawn ’il quddiem “TCCA”) (“il-prodott taħt investigazzjoni”).

Il-prodott ikkonċernat huwa l-prodott taħt investigazzjoni, li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-prodott ikkonċernat”), li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 2933 69 80 u ex 3808 94 20 (il-kodiċijiet TARIC 2933 69 80 70 u 3808 94 20 20). Il-kodiċijiet NM u TARIC huma mogħtija għall-informazzjoni biss.

3.   Miżuri Eżistenti

Il-miżuri attwalment fis-seħħ huma dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2216 (3)..

4.   Raġunijiet għal riinvestigazzjoni ta’ assorbiment

L-applikant issottometta biżżejjed evidenza li turi li wara l-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u wara l-impożizzjoni ta’ miżuri permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2216, il-prezzijiet tal-esportazzjoni Ċiniżi naqsu. L-applikant issottometta wkoll biżżejjed evidenza li turi li t-tnaqqis fil-prezzijiet Ċiniżi tal-esportazzjoni deher li xekkel l-effetti rimedjali intiżi tal-miżuri fis-seħħ. L-evidenza li tinsab fit-talba tindika li t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-esportazzjoni ma jistax jiġi spjegat minn tnaqqis fil-prezz tal-kostijiet tat-trasport tal-merkanzija, fattur tal-istaġjonalità, miżuri ta’ rimedju kummerċjali f’pajjiżi terzi, evoluzzjoni tal-kostijiet tal-enerġija fil-pajjiż ikkonċernat, evoluzzjoni tal-kost tal-materja prima fil-pajjiż ikkonċernat, jew effett tal-munita.

5.   Proċedura

Billi ddeterminat, wara li infurmat lill-Istati Membri, li t-talba tressqet mill-industrija tal-Unjoni jew f’isimha u li hemm biżżejjed evidenza ta’ assorbiment, il-Kummissjoni b’dan qiegħda tiftaħ mill-ġdid ir-riinvestigazzjoni skont l-Artikolu 12 tar-Regolament bażiku.

Ir-riinvestigazzjoni se tiddetermina jekk wara l-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u qabel jew wara l-impożizzjoni tal-miżuri imposti permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2216, il-prezzijiet tal-esportazzjoni kinux naqsu jew jekk kienx hemm moviment, jew jekk il-moviment kienx insuffiċjenti, fil-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid jew il-prezzijiet ta’ bejgħ sussegwenti tal-prodott importat fl-Unjoni.

Jekk il-konklużjonijiet ikunu affermattivi, biex jitneħħa d-dannu li jkun ġie stabbilit qabel, jenħtieġ li l-prezzijiet tal-esportazzjoni jiġu vvalutati mill-ġdid skont l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku u l-marġnijiet ta’ dumping għandhom jiġu kkalkolati mill-ġdid biex iqisu l-prezzijiet ivvalutati mill-ġdid tal-esportazzjoni. L-allegati bidliet fil-valur normali se jitqiesu biss fejn ikun hemm informazzjoni kompleta dwar il-valuri normali riveduti, debitament sostanzjata b’evidenza, għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fil-limiti ta’ żmien stabbiliti f’din in-Notifika tal-Bidu. Skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament bażiku, l-ammont tad-dazju anti-dumping impost wara din ir-riinvestigazzjoni ma għandux jaqbeż id-doppju tal-ammont tad-dazju impost permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2216.

5.1.   Perjodu ta’ investigazzjoni ta’ assorbiment

Ir-riinvestigazzjoni se tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Novembru 2025 sal-31 ta’ Mejju 2026 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni ta’ assorbiment”).

5.2.   Kummenti dwar it-talba u l-bidu tar-riinvestigazzjoni

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jikkummentaw dwar it-talba jew dwar kwalunkwe aspett li jirrigwarda l-bidu tar-riinvestigazzjoni (inkluż il-livell ta’ sostenn għat-talba) iridu jagħmlu dan fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ fir-rigward tal-bidu tar-riinvestigazzjoni trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

5.3.   Riinvestigazzjoni tal-produtturi (4) fil-pajjiż ikkonċernat

Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat li huma involuti f’din ir-riinvestigazzjoni, u sabiex tlesti l-investigazzjoni sal-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). It-teħid ta’ kampjuni se jsir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fir-rieżami interim parzjali li wassal għall-miżuri soġġetti għal din l-investigazzjoni mill-ġdid, huma b’dan mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom fi żmien sebat ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika (5). Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi fl-indirizz li ġej: https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2882. L-informazzjoni dwar l-aċċess għal Tron.tdi tinsab fit-Taqsimiet 5.5 u 5.8 ta’ hawn taħt.

Il-Kummissjoni, sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat, tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u tista’ tikkuntattja lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet li jista’ raġonevolment jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi kollha magħrufa fil-pajjiż ikkonċernat, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat se jiġu nnotifikati mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat jekk ikun xieraq, bil-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun ta’ produtturi, se tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar jekk humiex inklużi fil-kampjun. Il-Kummissjoni se żżid nota fil-file għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati li jirriflettu l-għażla tal-kampjun. Kwalunkwe kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien 3 ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-kampjun.

Il-produtturi fil-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat hija disponibbli fil-file għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2882

Il-partijiet li beħsiebhom jitolbu reviżjoni tal-valur normali u li ntgħażlu biex ikunu fil-kampjun se jkollhom jipprovdu, fl-istess skadenza, informazzjoni sħiħa dwar il-valuri normali riveduti, skont l-Artikolu 12(5) tar-Regolament bażiku. Il-valur normali stabbilit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2216 kien għall-produtturi esportaturi kollha abbażi ta’ valur normali maħdum fuq il-bażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew valuri referenzjarji mingħajr distorsjoni fl-Indoneżja skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu li jiġu inklużi fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu parti mill-kampjun se jitqiesu li jkunu kkooperaw.

5.4.   Investigazzjoni tal-importaturi mhux relatati (6) (7)

Importaturi mhux relatati tal-prodott taħt investigazzjoni mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni, inklużi dawk li ma kkooperawx fir-rieżami interim parzjali li wassal għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jipparteċipaw f’din ir-riinvestigazzjoni.

Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi li mhumiex relatati involuti f’din l-investigazzjoni mill-ġdid, u sabiex ir-riinvestigazzjoni titlesta sal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-għadd ta’ importaturi li mhumiex relatati u li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ il-kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha mhux relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fir-rieżami interim parzjali li wassal għall-miżuri soġġetti għal din l-investigazzjoni mill-ġdid, huma b’dan mitluba jippreżentaw lilhom infushom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien sebat ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika billi jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom, kif mitlub fl-Anness ta’ din in-Notifika.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott taħt investigazzjoni mill-pajjiż ikkonċernat fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-importaturi mhux relatati u l-assoċjazzjonijiet ta’ importaturi kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula għall-kampjun.

Il-Kummissjoni se żżid ukoll nota fil-file għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati li jirriflettu l-għażla tal-kampjun. Kwalunkwe kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien 3 ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li tkun meħtieġa għar-riinvestigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tqiegħed kwestjonarji għad-dispożizzjoni tal-importaturi mhux relatati li jkunu parti mill-kampjun. Dawn il-partijiet iridu jippreżentaw kwestjonarju mimli fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Kopja tal-kwestjonarju għall-importaturi mhux relatati tinsab fil-file għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2882

5.5.   Partijiet interessati

Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati bħall-produtturi esportaturi, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur, għandhom l-ewwel juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt investigazzjoni prodott mill-industrija tal-Unjoni.jew il-prodott ikkonċernat introdott fis-suq tal-Unjoni.

Il-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li pprovdew informazzjoni disponibbli f’konformità mal-proċeduri deskritti fit-Taqsimiet 5.3 u 5.4 se jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati jekk ikun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt investigazzjoni prodott mill-industrija tal-Unjoni.jew il-prodott ikkonċernat introdott fis-suq tal-Unjoni.

Il-partijiet l-oħra msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ din it-taqsima se jkunu jistgħu jieħdu sehem biss fl-investigazzjoni bħala parti interessata mill-mument meta jippreżentaw lilhom infushom, u dment li jkun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt investigazzjoni prodott mill-industrija tal-Unjoni.jew il-prodott ikkonċernat introdott fis-suq tal-Unjoni. Li parti titqies bħala parti interessata huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

L-aċċess għall-file għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati jsir permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI. Segwi l-istruzzjonijiet f’dik il-paġna sabiex ikollok aċċess (8).

5.6.   Sottomissjonijiet bil-miktub oħrajn

Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jesprimu l-opinjoni tagħhom, jippreżentaw informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

5.7.   Possibbiltà ta’ seduta ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet kollha interessati jistgħu jitolbu smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kwalunkwe talba għal smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba kif ukoll sommarju ta’ dak li l-parti interessata tixtieq tiddiskuti matul smigħ. Is-seduta ta’ smigħ tkun limitata għall-kwistjonijiet stabbiliti minn qabel mill-partijiet interessati bil-miktub.

Fil-prinċipju, is-seduti ta’ smigħ ma jintużawx biex tiġi ppreżentata informazzjoni fattwali li tkun għadha mhijiex fil-file. Madankollu, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba u sabiex is-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem bir-riinvestigazzjoni, il-partijiet interessati jistgħu jiġu mitluba jipprovdu informazzjoni fattwali ġdida wara seduta ta’ smigħ.

5.8.   Struzzjonijiet għat-tfassil ta’ preżentazzjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza

L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew data li jkunu soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ parti terzi, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti b’mod espliċitu li l-Kummissjoni a) tuża l-informazzjoni u d-data għall-finijiet ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din ir-riinvestigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, fosthom l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “Sensitive” (9). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din ir-riinvestigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni mmarkata “Sensitive” huma mitlubin jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, filwaqt li jimmarkawha “For inspection by interested parties”. Dawn is-sommarji jridu jkunu ddettaljati tant li jippermettu fehim raġonevoli tas-sostanza tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali. Meta parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tfassalx sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inkluż it-talbiet biex il-partijiet interessati jiġu rreġistrati bħala tali kif ukoll il-prokuri u d-dokumenti ta’ ċertifikazzjoni skennjati. Meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, il-partijiet interessati jkunu qed jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” ippubblikat fis-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: https://europa.eu/!7tHpY3. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz validu tal-posta elettronika u għandhom jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika li jagħtu jkun indirizz kummerċjali uffiċjali tal-posta elettronika li jiffunzjona u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-email biss, dment li ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u għal informazzjoni oħra dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għall-preżentazzjonijiet bi TRON.tdi u bl-email, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate G

Office: CHAR 04/039

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

TRON.tdi: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI

Email: TRADE-R860-TCCA-ABSORPTION@ec.europa.eu

6.   Skeda tar-riinvestigazzjoni

Ir-riinvestigazzjoni għandha normalment tiġi konkluża fi żmien sitt xhur, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn disa’ xhur mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, skont l-Artikolu 12(4) tar-Regolament bażiku.

7.   Preżentazzjoni ta’ informazzjoni

Bħala regola, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss l-informazzjoni fil-perjodi ta’ żmien speċifikati fit-Taqsima 5 ta’ din in-Notifika.

Sabiex tlesti ir-riinvestigazzjoni sal-iskadenzi obbligatorji, il-Kummissjoni mhux se taċċetta preżentazzjonijiet mill-partijiet interessati wara l-iskadenza biex tipprovdi kummenti dwar id-divulgazzjoni finali jew, jekk applikabbli, wara l-iskadenza biex tipprovdi kummenti dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali.

8.   Possibbiltà għal kummenti dwar is-sottomissjonijiet ta’ partijiet oħra

Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, il-partijiet interessati għandu jkollhom il-possibbiltà jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra. Meta jagħmlu dan, il-partijiet interessati jistgħu jindirizzaw biss kwistjonijiet imqajma fis-sottomissjonijiet ta’ partijiet interessati oħra u ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet ġodda.

Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għad-divulgazzjoni tas-sejbiet definittivi, jiġu ppreżentati fi żmien 5 ijiem mill-iskadenza għall-kummenti dwar is-sejbiet definittivi, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor. Jekk ikun hemm żvelar finali addizzjonali, il-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduti minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għal dan l-iżvelar ulterjuri għandhom isiru fi żmien ġurnata mill-iskadenza għal kummenti dwar dan l-iżvelar ulterjuri, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

L-iskeda ta’ żmien indikata hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob għal informazzjoni addizzjonali mingħand il-partijiet interessati f’każijiet debitament ġustifikati.

9.   Estensjoni tal-limiti ta’ żmien speċifikati f’din in-Notifika

Jenħtieġ li kwalunkwe estensjoni tal-iskadenzi previsti f’din in-Notifika tiġi rikjesta biss f’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni, u tingħata biss jekk tkun debitament ġustifikata. Fi kwalunkwe każ, kwalunkwe estensjoni għall-iskadenza tar-risposta għall-kwestjonarji se tkun limitata għal tliet ijiem u bħala regola ma taqbiżx sebat ijiem. Rigward l-iskadenzi għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni oħra speċifikata fin-Notifika ta’ bidu, l-estensjonijiet se jkunu limitati għal 3 ijiem sakemm ma jintweriex li hemm ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni.

10.   Nonkooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex sal-limitu tal-iskadenzi, jew tfixkel b’mod sinifikanti ir-riinvestigazzjoni, jistgħu jiġu stabbiliti sejbiet, sew jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi, abbażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Meta jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Meta parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u għaldaqstant is-sejbiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

In-nuqqas ta’ tweġiba kompjuterizzata ma għandux jiġi kkunsidrat bħala nonkooperazzjoni, dment li l-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitlub tkun tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew f’kost addizzjonali mhux raġonevoli. Il-parti interessata għandha tikkuntattja lill-Kummissjoni immedjatament.

11.   Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għall-proċedimenti tal-kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-file, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jistgħu jfeġġu matul il-proċediment.

L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti interessata/partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati bis-sħiħ. It-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Dawn is-seduti ta’ smigħ għandhom isiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.

Kull talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u bla dewmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan il-għan, il-partijiet interessati għandhom jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ jkun wara li jseħħ il-każ li jiġġustifika tali intervent.

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fis-sit web tad-DĠ Kummerċ u Sigurtà Ekonomika: https://policy.trade.ec.europa.eu/contacts/hearing-officer_mt

12.   Proċessar ta’ data personali

Kwalunkwe data personali li tinġabar f’din ir-riinvestigazzjoni se tiġi trattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

Notifika dwar il-protezzjoni tad-data li tinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni huwa disponibbli fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://europa.eu/!vr4g9W


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2216 tal-4 ta’ Novembru 2025 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2757 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu triklorojsoċjanuriku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2025/2216, 5.11.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2216/oj).

(3)  Ibid.

(4)  Produttur huwa kwalunkwe kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u li tesporta l-prodott taħt investigazzjoni lejn is-suq tal-Unjoni, direttament jew permezz ta’ parti terza, inkluża kwalunkwe waħda mill-kumpaniji relatati tagħha involuti fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni.

(5)  Ir-referenzi kollha għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika se jkunu referenzi għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

(6)  Għall-kampjunar jistgħu jintgħażlu biss importaturi mhux relatati mal-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi, tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjonijiet bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu kkontrollati direttament jew indirettament minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hi rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(7)  Id-data pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll b’rabta ma’ aspetti oħra ta’ din ir-riinvestigazzjoni għajr id-determinazzjoni tad-dumping.

(8)  F’każ ta’ problemi tekniċi, ikkuntattja lill-Uffiċċju tas-Servizz tal-Kummerċ permezz tal-email trade-service-desk@ec.europa.eu jew bit-telefown + 32 22979797.

(9)  Dokument “Sensitive” huwa dokument li jitqies li jkun kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-Dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE EC (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS

Verżjoni “Sensitive”

Verżjoni “For inspection by interested parties”

(immarka l-kaxxa rilevanti)

INVESTIGAZZJONI TA’ ASSORBIMENT TAL-MIŻURI ANTI-DUMPING LI JIKKONĊERNAW L-IMPORTAZZJONIJIET TA’ AĊIDU TRIKLOROJSOĊJANURIKU LI JORIĠINAW MIR-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA

INFORMAZZJONI GĦALL-GĦAŻLA TAL-KAMPJUN TA’ IMPORTATURI MHUX RELATATI

Din il-formola hija mfassla biex tgħin lill-importaturi mhux relatati jwieġbu għat-talba għal informazzjoni marbuta mal-kampjunar li tkun saret fil-punt 5.4. tan-Notifika tal-bidu.

Kemm il-verżjoni “Sensitive” kif ukoll il-verżjoni “For inspection by interested parties” għandhom jintbagħtu lura lill-Kummissjoni kif stipulat fin-Notifika tal-bidu.

1.   IDENTITÀ U DETTALJI TA’ KUNTATT

Agħti dawn id-dettalji li ġejjin dwar il-kumpanija tiegħek:

Isem tal-kumpanija

 

Indirizz

 

Persuna ta’ kuntatt

 

Indirizz tal-email

 

Numru tat-telefown

 

2.   FATTURAT U VOLUM TAL-BEJGĦ

Indika l-fatturat totali tal-kumpanija f’euro (EUR), il-valur f’euro (EUR) u l-volum f’tunnellati tal-importazzjonijiet u tal-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali (l-1 ta’ Lulju 2023 sat-30 ta’ Ġunju 2024) kif ukoll matul il-perjodu ta’ investigazzjoni ta’ assorbiment (l-1 ta’ Novembru 2025 sal-31 ta’ Mejju 2026), tal-prodott taħt investigazzjoni kif definit fin-Notifika tal-bidu.

 

Perjodu ta’ Investigazzjoni Oriġinali (l-1 ta’ Lulju 2023 sat- 30 ta’ Ġunju 2024)

Perjodu ta’ Investigazzjoni ta’ Assorbiment (mill-1 ta’ Novembru 2025 sal- 31 ta’ Mejju 2026)

 

Volum f’tunnellati

Valur f’euro (EUR)

Volum f’tunnellati

Valur f’euro (EUR)

Fatturat totali tal-kumpanija tiegħek f’euro (EUR)

 

 

 

 

Importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

 

 

 

 

Il-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina tal-prodott taħt investigazzjoni

 

 

 

 

3.   ATTIVITAJIET TAL-KUMPANIJA TIEGĦEK U TA’ KUMPANIJI RELATATI (1)

Agħti d-dettalji tal-attivitajiet eżatti tal-kumpanija u tal-kumpaniji relatati kollha (elenkahom u ddikjara r-relazzjoni tagħhom mal-kumpanija tiegħek) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (f’esportazzjonijiet u/jew domestiku) tal-prodott taħt investigazzjoni. Attivitajiet bħal dawn jistgħu jinkludu x-xiri tal-prodott taħt investigazzjoni, il-produzzjoni tiegħu skont arranġamenti ta’ sottokuntrattar, jew l-ipproċessar jew il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott taħt investigazzjoni, iżda mhumiex limitati għal dawn biss.

Isem u lokalità tal-kumpanija

Attivitajiet

Relazzjoni

 

 

 

 

 

 

 

 

 

4.   TAGĦRIF IEĦOR

Agħti kull informazzjoni rilevanti oħra li l-kumpanija tqis li tkun utli biex tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

5.   ĊERTIFIKAZZJONI

Meta tipprovdi l-informazzjoni ta’ hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Meta l-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ifisser li trid timla kwestjonarju u taċċetta li ssirilha żjara fil-bini tagħha sabiex jiġu vverifikati t-tweġibiet tagħha. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-possibbiltà li tiġi inkluża fil-kampjun, din titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni għall-importaturi li ma jikkooperawx jissejsu fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-kumpanija milli kieku tkun ikkooperat.

Firma tal-uffiċjal awtorizzat:

Isem u titlu tal-uffiċjal awtorizzat:

Data:


(1)  F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu sħab rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi, tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjonijiet bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) wieħed minnhom jikkontrolla lill-ieħor direttament jew indirettament; (f) it-tnejn li huma jkunu kkontrollati direttament jew indirettament minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hi rikonoxxuta skont id-dritt tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3329/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)