European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/3224

2.7.2026

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill

Rapport ta’ Prospettiva Strateġika 2025

Reżiljenza 2.0: nagħtu s-setgħa lill-UE biex tirnexxi fost it-turbolenza u l-inċertezza

(COM(2025) 484 final)

(C/2026/3224)

Relatur:

Philip VON BROCKDORFF

Konsulent

Silvan MIFSUD (għar-relatur)

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 14.1.2026

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adozzjoni fis-sezzjoni

11.2.2026

Adozzjoni fis-sessjoni plenarja

18.3.2026

Sessjoni plenarja Nru

604

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

184/0/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ r-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika 2025. Reżiljenza 2.0, però jqis li huwa simili wisq għat-trajettorji politiċi eżistenti. Ir-rapporti ta’ prospettiva futuri jkunu aktar rilevanti jekk jindirizzaw ukoll tfixkil radikali, id-diskrepanzi fl-innovazzjoni tal-UE u l-isfidi istituzzjonali interni li qed tiffaċċja l-UE. Ikun rilevanti wkoll, b’mod partikolari għall-prospettiva strateġika, li jiġu kkunsidrati l-kostijiet tan-nuqqas ta’ tkabbir f’dinja li tenfasizza b’mod ewlieni s-sigurtà fil-politiki kollha tagħha.

1.2.

Il-KESE jinsab f’pożizzjoni unika biex jidentifika l-indikazzjonijiet bikrija ta’ tibdil potenzjali (weak signals) u xejriet sottostanti fil-prospettiva strateġika. Għalhekk, nipproponu li jiġi stabbilit mekkaniżmu permanenti u strutturat biex il-fehma tal-KESE bbażata fuq il-prospettiva tikkontribwixxi għaċ-ċiklu ta’ politika tal-Kummissjoni b’mod kontinwu, pjuttost milli meta jiġi abbozzat ir-Rapport annwali ta’ Prospettiva Strateġika biss.

1.3.

F’dan ir-rigward, il-KESE jemmen li l-użu sistematiku ta’ xenarji multipli u diverġenti biex l-istrateġiji eżistenti jew proposti jiġu soġġetti għal test tal-istress isaħħaħ il-proċess ta’ prospettiva strateġika.

1.4.

Fejn possibbli, il-KESE jappella wkoll għal metrika komuni u verifikabbli fl-UE kollha għar-reżiljenza soċjoekonomika u istituzzjonali. F’dan ir-rigward, il-KESE huwa tal-fehma li l-prospettiva strateġika għandha tappoġġja wkoll il-benesseri sostenibbli u inklużiv bħala parti mill-mudell soċjali Ewropew. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huwa parti integrali minn dan il-mudell soċjali.

1.5.

Il-prospettiva strateġika għandha tqis ukoll il-frammentazzjoni attwali tas-swieq kapitali Ewropej, li tillimita b’mod serju l-fluss effiċjenti tal-kapital lil ditti ta’ kull daqs, u b’hekk tillimita l-innovazzjoni għall-SMEs u l-mikrointrapriżi. Għalhekk, il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-ikkompletar rapidu u effettiv tal-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti bħala pilastru ċentrali tal-istrateġija ta’ reżiljenza tal-UE.

1.6.

Il-KESE jirrakkomanda li l-proċess ta’ prospettiva strateġika jirrikonoxxi aktar lill-intraprenditorija, li hija essenzjali peress li x-xejriet tradizzjonali tal-impjieg qed jevolvu. Bl-istess mod, ir-rwol tal-SMEs u tal-mikrointrapriżi għandu jiġi rikonoxxut ukoll.

1.7.

Għalkemm mhuwiex neċessarjament ir-rwol tal-prospettiva strateġika li tenfasizza l-fatt li l-UE qed taqa’ lura meta mqabbla mal-kompetituri globali tagħha f’ċerti oqsma tal-innovazzjoni teknoloġika, il-KESE jemmen li għandha tiddeskrivi perkorsi speċifiċi biex jixxejnu dawn id-diskrepanzi.

1.8.

Ir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika lanqas ma janalizza biżżejjed jekk ċerti approċċi regolatorji jipperikolawx b’mod mhux intenzjonat il-kompetittività tal-kumpaniji u l-innovaturi Ewropej meta mqabbla ma’ operaturi ta’ pajjiżi terzi, jew jekk, xi drabi, iħeġġux ir-rilokazzjoni tal-innovazzjoni barra mill-Ewropa.

1.9.

Ir-rapporti futuri jibbenefikaw ukoll minn riflessjoni aktar bir-reqqa dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema, b’mod partikolari fid-dawl tat-tnaqqis previst fil-popolazzjoni tal-UE fl-età tax-xogħol sal-2040.

1.10.

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali, il-KESE jitlob li l-prospettiva strateġika tintuża biex tiġi integrata analiżi speċifika tal-kriżi planetarja tripla fir-Rapport billi jiġu abbozzati kapitoli apposta dwar l-evoluzzjoni tal-klima, il-bijodiversità u t-tniġġis, skont xenarji fuq terminu qasir, medju u twil.

1.11.

Fl-aħħar nett, l-UE tista’ tibbenefika minn eżerċizzju konġunt ta’ prospettiva biex tistabbilixxi viżjonijiet strateġiċi għal rapporti futuri li jiġu adottati mill-istituzzjonijiet kollha tal-UE. Approċċ bħal dan jgħin biex jallinja l-prijoritajiet strateġiċi u jimpenja lill-istituzzjonijiet f’viżjoni komuni fit-tul, aktar milli jippermetti li jitfaċċaw narrattivi strateġiċi paralleli jew li jikkompetu.

2.   Sfond

2.1.

Ir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika 2025. Reżiljenza 2.0 tal-Kummissjoni Ewropea huwa dokument ta’ politika ta’ livell għoli li huwa bbażat fuq megatendenzi ewlenin u jidentifika l-oqsma prijoritarji ta’ azzjoni tal-Kummissjoni li għandhom jitwettqu sal-2040, bħall-indirizzar ta’ ordni globali li qed jinbidel u paradigma tas-sigurtà li qed tinbidel. Ir-Rapport huwa effettivament viżjoni biex jgħin lill-UE tinnaviga l-isfidi futuri u taħtaf l-opportunitajiet emerġenti. Dan jenfasizza bidliet globali kbar, bħat-tibdil fil-klima, iż-żieda fit-theddid għas-sigurtà, u t-trasformazzjoni ekonomika, u jappella għal tfassil ta’ politika aktar innovattiv u li jħares ’il quddiem. Mill-2026 ’il quddiem, ir-rapporti annwali ta’ prospettiva se jibdew jesploraw xenarji futuri possibbli biex jiggwidaw id-deċiżjonijiet. Ir-Rapport jiddeskrivi tmien oqsma ewlenin ta’ azzjoni (ara l-punt 2.2).

2.2.

It-temi u l-objettivi ewlenin tar-Rapport jinkludu:

Reżiljenza u proattività: ir-Rapport jirrakkomanda approċċ trasformattiv u antiċipatorju għar-reżiljenza, li jħejji għal sfidi kemm familjari kif ukoll mhux familjari li jistgħu jinqalgħu fil-futur.

Awtonomija strateġika u kompetittività: ir-Rapport jenfasizza l-importanza li l-kompetittività ekonomika tiġi bbilanċjata mal-awtonomija strateġika, u li jiġi żgurat li l-UE tista’ topera indipendentement u fl-istess ħin tibqa’ kompetittiva fix-xena globali.

Tranżizzjoni teknoloġika u dik ambjentali: ir-Rapport jindirizza l-pass mgħaġġel tal-bidla teknoloġika u l-ħtieġa urġenti għas-sostenibbiltà ambjentali, u jħeġġeġ lill-UE tkun minn ta’ quddiem fil-qasam tal-governanza etika ta’ teknoloġiji b’impatt għoli.

Koeżjoni soċjali u benesseri: ir-Rapport jenfasizza l-ħtieġa li jiġu appoġġjati l-koeżjoni soċjali u l-benesseri, u jindirizza t-tendenzi demografiċi u d-disparitajiet reġjonali li jaffettwaw il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.

Demokrazija u valuri fundamentali: ir-Rapport jenfasizza l-importanza li d-demokrazija u l-valuri fundamentali jiġu protetti minn pressjonijiet kemm interni kif ukoll esterni, inkluża l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u l-polarizzazzjoni.

2.3.

Ir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika 2025 jenfasizza l-ħtieġa għal “tħejjija tas-soċjetà kollha” u jsemmi l-importanza tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-tisħiħ tad-demokrazija u l-koeżjoni soċjali.

2.4.

Ir-Rapport huwa marbut ukoll mal-Istrateġija Ewropea għal Unjoni tal-Preparatezza.

2.5.

Dan jindirizza primarjament ir-reżiljenza fil-livelli nazzjonali, tal-UE u tal-kumpaniji l-kbar, u jiffoka fuq ix-xokkijiet makroekonomiċi u l-ktajjen tal-provvista globali.

2.6.

Ir-Rapport jidentifika t-tibdil demografiku u forza tax-xogħol li qed tonqos bħala sfidi, u jagħti l-ekwità interġenerazzjonali u ż-żamma tat-talent bħala soluzzjonijiet. Jidentifika wkoll l-aċċellerazzjoni tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali bħala sfidi ewlenin, iżda joffri soluzzjonijiet limitati għal dawn il-megatendenzi.

2.7.

Ir-Rapport jirrikonoxxi t-theddid għad-demokrazija mingħajr ma neċessarjament iħares lejn il-vijabbiltà fit-tul tal-ekosistema demokratika u ta’ governanza tal-UE stess.

3.   Ir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika 2025: Analiżi kritika

3.1.

Ir-Rapport jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-megatendenzi ewlenin u l-oqsma wesgħin ta’ azzjoni sal-2040. Madankollu, il-KESE jemmen li, fil-format attwali tiegħu tal-2025, ir-Rapport ma jindirizzax biżżejjed it-tfixkil għax-xejriet lineari, id-diskrepanzi fl-innovazzjoni globali tal-UE u l-isfidi interni li jimpedixxu lill-Ewropa milli titkellem b’vuċi waħda.

3.2.

Vantaġġ aktar strateġiku Għalkemm ir-Rapport jidentifika oqsma ewlenin ta’ azzjoni sal-2040, huwa rrakkomandat approċċ aktar strateġiku. Il-KESE jinnota b’mod partikolari dan li ġej:

Vantaġġ strateġiku: fil-biċċa l-kbira tiegħu, ir-Rapport ma joħloqx tfixkil u jista’ jibbenefika minn analiżi aktar kritika tal-istatus quo biex jipprovdi vantaġġ strateġiku aktar b’saħħtu għal dawk li jfasslu l-politika.

Ir-rigorożità tax-xenarji: ir-rapporti futuri jridu jippreżentaw b’mod espliċitu xenarji alternattivi — ottimisti, pessimisti, u ta’ tfixkil kbir — aktar milli sempliċiment janalizzaw il-prijoritajiet politiċi attwali. Għandhom ikunu bbażati wkoll fuq metodoloġija ċara u trasparenti. Barra minn hekk, ix-xenarji stabbiliti għandhom iqisu wkoll l-impatti soċjetali potenzjali differenti.

Test tal-istress: l-azzjonijiet proposti, bħas-sovranità teknoloġika, iridu jiġu soġġetti għal test tal-istress kontra tfixkil bi probabbiltà baxxa li jseħħ però b’impatt kbir bħal disprament klimatiku u l-emerġenza ta’ kumpaniji kbar fil-qasam tat-teknoloġija.

3.3.

Ir-Rapport tal-Kummissjoni huwa r-riżultat tal-prospettiva. Madankollu, il-KESE jinnota li huwa meħtieġ ukoll li l-proċess jiġi ddokumentat. Fi kliem ieħor, huwa rakkomandat li jingħataw aktar spjegazzjonijiet dwar:

kif ġew identifikati u kkontestati s-suppożizzjonijiet ta’ politika ewlenin;

l-għodod speċifiċi użati biex jiġu analizzati l-interazzjonijiet bejn ix-xejriet u r-riskji u l-opportunitajiet emerġenti;

kif tfasslu x-xenarji ewlenin; u

kif twettqu t-testijiet tal-istress għall-għażliet ta’ politika f’dawn ix-xenarji.

Dan jgħin biex jiġu vverifikati r-rigorożità u r-replikabbiltà tal-proċess.

3.4.

Dipendenza żejda minn megatendenzi lineari minflok tfixkil mhux lineari: ir-Rapport tal-Kummissjoni jiffoka primarjament fuq il-megatendenzi, li huma essenzjalment estrapolazzjonijiet ta’ żviluppi eżistenti u fit-tul (eż. bidliet demografiċi, tibdil fil-klima). Dan l-approċċ huwa importanti, però jista’ jinjora possibbiltajiet b’impatt kbir u mhux lineari, li l-KESE jqis li huma importanti ħafna. Ir-Rapport għandu jiffoka aktar fuq l-isfidi interni tal-UE, inklużi l-iżviluppi li jaffettwaw il-koeżjoni interna, il-kapaċità tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-effettività istituzzjonali. Dan għandu jinkludi riflessjoni dwar il-konsegwenzi potenzjali jekk l-UE tonqos milli taġixxi esternament b’vuċi waħda. F’dan il-kuntest, l-UE tista’ tibbenefika minn eżerċizzju konġunt ta’ prospettiva biex tistabbilixxi viżjonijiet strateġiċi għal rapporti futuri li jiġu adottati mill-istituzzjonijiet kollha tal-UE.

3.5.

Żvilupp tax-xenarju u ttestjar tal-istress: il-KESE huwa tal-fehma li l-użu sistematiku ta’ xenarji multipli u diverġenti biex l-istrateġiji eżistenti jew proposti jiġu soġġetti għal test tal-istress isaħħaħ il-proċess ta’ prospettiva strateġika. Ir-Rapport tal-Kummissjoni jirreferi għall-eżiti mixtieqa sal-2040 u dan seta’ ġie esplorat aktar billi ġie ppreżentat sett ta’ xenarji futuri alternattivi distinti u żviluppati sew li jisfidaw id-direzzjoni politika tagħha.

3.6.

Għalhekk, sabiex ikun eżawrjenti f’dan ir-rigward, il-KESE jirrakkomanda li r-Rapport tal-Kummissjoni:

jippreżenta xenarji alternattivi, li jagħtu dettalji dwar sett żgħir ta’ xenarji diverġenti (eż. xenarju ottimist, xenarju pessimist u xenarju ta’ tfixkil kbir) li jitfasslu billi jikkombinaw diversi interruzzjonijiet; u

jiddokumenta l-ittestjar tal-istress, u jipprovdi dettalji dwar kif l-oqsma ta’ azzjoni proposti tiegħu — bħat-tisħiħ tas-sovranità teknoloġika jew l-appoġġ għall-benesseri inklużiv — kienu soġġetti għall-istress ta’ dawn l-alternattivi tal-agħar xenarju futur possibbli jew ta’ xenarju futur b’impatt kbir.

3.7.

L-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-oqsma ta’ tfixkil: għalkemm ir-Rapport tal-Kummissjoni jirreferi għal oqsma importanti bħall-isfidi ġeopolitiċi u tas-sigurtà, il-KESE jirrakkomanda li jitqies it-tfixkil estrem fil-kategoriji kollha msemmija fir-Rapport — pereżempju, billi jingħataw dettalji dwar risponsi ta’ politika speċifiċi għat-tfixkil soċjali u ekonomiku kkawżat mit-tibdil fil-klima jew tfixkil estrem fit-teknoloġija lil hinn minn dawk antiċipati. Fir-rigward tat-teknoloġija, il-KESE jinnota li r-Rapport ma jirrikonoxxix b’mod espliċitu l-fatt li l-UE qed taqa’ lura meta mqabbla mal-kompetituri globali tagħha f’ċerti oqsma tal-innovazzjoni teknoloġika, u lanqas ma janalizza l-konsegwenzi ta’ dan id-distakk. Għalkemm isemmi r-riskji relatati ma’ teknoloġiji ġodda, ir-Rapport ma jindirizzax b’mod adegwat ir-riskji għall-UE jekk din tonqos milli tiżviluppa u tespandi dawn it-teknoloġiji. Li jiġu kkunsidrati l-kostijiet tan-nuqqas ta’ tkabbir f’dinja li tenfasizza b’mod ewlieni s-sigurtà fil-politiki kollha tagħha huwa rilevanti wkoll għall-prospettiva strateġika mill-perspettiva tal-UE.

3.8.

Fir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika, ġustament jinxteħet dawl fuq il-frammentazzjoni tal-governanza tat-teknoloġija tal-UE bejn il-livell tal-UE u dak tal-Istati Membri. Madankollu, ma janalizzax biżżejjed jekk ċerti approċċi regolatorji u l-aġenda ta’ semplifikazzjoni proposti bħala rispons jipperikolawx b’mod mhux intenzjonat il-kompetittività tal-kumpaniji u l-innovaturi Ewropej meta mqabbla ma’ operaturi ta’ pajjiżi terzi, u jekk, xi drabi, iħeġġux ir-rilokazzjoni tal-innovazzjoni barra mill-Ewropa.

3.9.

It-tisħiħ tar-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata fir-Reżiljenza 2.0: il-KESE jqis ukoll li huwa essenzjali li jiġi inkluż feedback sostanzjat dwar il-politika, li jkun allinjat mar-rwol tal-KESE bħala l-vuċi tas-soċjetà ċivili organizzata u mal-mandat transsettorjali tiegħu fi ħdan is-sezzjonijiet tematiċi differenti tiegħu. Ir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika 2025 jenfasizza l-ħtieġa għal “tħejjija tas-soċjetà kollha” u jsemmi l-importanza tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-tisħiħ tad-demokrazija u l-koeżjoni soċjali. Il-KESE huwa tal-fehma li l-feedback jeħtieġ jalloka rwol aktar strutturat, permanenti u istituzzjonalizzat lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fiċ-ċiklu ta’ prospettiva, u li jintegra l-indikazzjonijiet bikrija ta’ tibdil potenzjali fuq bażi kontinwa. Permezz tan-networks tiegħu u r-rappreżentanti minn ġenerazzjonijiet iżgħar, il-KESE jinsab f’pożizzjoni unika biex jidentifika tali indikazzjonijiet u xejriet sottostanti. Il-feedback għandu jipproponi mekkaniżmu permanenti u strutturat biex l-informazzjoni u l-analiżijiet ibbażati fuq il-prospettiva tal-KESE jikkontribwixxu għaċ-ċiklu ta’ politika tal-Kummissjoni b’mod kontinwu, pjuttost milli meta tiġi abbozzata l-Opinjoni dwar ir-Rapport annwali ta’ Prospettiva Strateġika biss.

3.10.

Il-feedback tal-KESE għandu jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiddokumenta b’mod espliċitu “L-ewwel modulu: kif ġew identifikati u sfidati s-suppożizzjonijiet tal-politika ewlenin” billi tispjega fid-dettall kif inġabar u ġie integrat b’mod sistematiku l-input mis-soċjetà ċivili organizzata u l-imsieħba soċjali. Din it-trasparenza hija essenzjali biex jintwera li r-Rapport huwa bbażat fuq l-indikazzjonijiet bikrija ta’ tibdil potenzjali fid-dinja reali u xejriet sottostanti, li huwa l-kontribut ewlieni tal-KESE għall-prospettiva tal-UE.

3.11.

Ir-rabta kritika mal-Istrateġija Ewropea għal Unjoni tal-Preparatezza: għalkemm ir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika 2025 huwa relatat mal-Istrateġija Ewropea għal Unjoni tal-Preparatezza, il-KESE jqis li r-Rapport jittejjeb aktar jekk l-informazzjoni ta’ prospettiva fit-tul tkun integrata fi pjan ta’ preparetezza fil-perjodu qasir u medju.

3.12.

F’dan il-kuntest, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiżviluppa rabta ta’ prospettiva fir-rigward tal-preparetezza li torbot b’mod espliċitu l-opportunitajiet strateġiċi identifikati (eż. fit-teknoloġija ekoloġika) u r-riskji b’impatt kbir (eż. l-iskarsezza tar-riżorsi) soġġetti għal test tal-istress maċ-ċikli ta’ finanzjament u ta’ programmazzjoni tal-Unjoni tal-Preparatezza. Dan jiżgura li l-investimenti attwali jkunu ġenwinament validi għall-futur u mhux reattivi għall-aħħar kriżi.

3.13.

Fejn possibbli, il-KESE jappella wkoll għal metrika komuni u verifikabbli fl-UE kollha għar-reżiljenza soċjoekonomika u istituzzjonali. Fejn rilevanti, dan jippermetti lill-Kummissjoni tqabbel il-progress tal-Istati Membri mal-għanijiet tar-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika (eż. il-livelli ta’ preparatezza, l-indiċi tal-koeżjoni soċjali, l-indiċi tad-diskrepanza fil-ħiliet diġitali), u tibdel l-oqsma ta’ azzjoni wesgħin f’miri li jistgħu jitkejlu li jistgħu jinfurmaw is-Semestru Ewropew u l-qafas tal-Unjoni tal-Preparatezza. Fuq kollox, il-KESE huwa tal-fehma li l-prospettiva strateġika għandha tappoġġja wkoll il-benesseri sostenibbli u inklużiv (b’enfasi fuq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali) u l-ġustizzja interġenerazzjonali.

3.14.

Granularità tar-reżiljenza: stati iżgħar, intraprenditorija, SMEs u mikrointrapriżi: ir-Rapport tal-2025 jindirizza primarjament ir-reżiljenza fil-livelli nazzjonali, tal-UE u tal-kumpaniji l-kbar, u jiffoka fuq ix-xokkijiet makroekonomiċi u l-ktajjen tal-provvista globali. Dan jinjora l-ħtieġa għal reżiljenza fil-livelli tal-pedamenti tal-ekonomija. Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda li l-proċess ta’ prospettiva strateġika jirrikonoxxi aktar l-intraprenditorija, li hija essenzjali peress li x-xejriet tradizzjonali tal-impjieg qed jevolvu. Dan għandu jiġi integrat fil-Qasam Ewlieni nru 6 (Edukazzjoni) u l-Qasam Ewlieni nru 4 (Reżiljenza Ekonomika).

In-negozji tal-familja u l-SMEs: peress li n-negozji tal-familja huma kruċjali għall-istabbiltà reġjonali, il-prospettiva għandha tanalizza kif it-tfixkil diġitali u l-ippjanar tas-suċċessjoni jaffettwaw il-vijabbiltà tagħhom fit-tul.

Il-KESE jwissi kontra l-iżvilupp ta’ metrika komuni u verifikabbli fl-UE kollha stretta wisq għar-reżiljenza, peress li din toħloq piżijiet ta’ rapportar addizzjonali u tmur kontra l-għan tas-semplifikazzjoni tal-governanza tal-UE.

3.15.

Il-KESE jirrakkomanda li l-iterazzjoni ta’ prospettiva li jmiss tinkludi sett speċifiku ta’ xenarji ffukati fuq l-effetti kaskata tal-politiki ta’ tranżizzjoni ġeopolitika u ekoloġika (eż. standards ġodda tal-enerġija, frammentazzjoni tal-katina tal-provvista) fuq l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u l-mikrointrapriżi. Dawn l-atturi ma għandhomx ir-riżorsi interni biex jimmaniġġjaw il-kumplessità u l-kostijiet regolatorji.

3.16.

Il-prospettiva strateġika għandha tqis ukoll il-frammentazzjoni tas-swieq kapitali Ewropej, li tillimita b’mod serju l-fluss effiċjenti tal-kapital lil ditti ta’ kull daqs, u b’hekk tillimita l-innovazzjoni. Din il-frammentazzjoni ddgħajjef ir-reżiljenza, il-kompetittività u l-kapaċità tal-UE li tiffinanzja tranżizzjonijiet strateġiċi. Għalhekk, il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-ikkompletar rapidu u effettiv tal-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti bħala pilastru ċentrali tal-istrateġija ta’ reżiljenza tal-UE, li għandha l-għan li tneħħi l-ostakli tas-suq intern li jfixklu l-mobilizzazzjoni u l-allokazzjoni bla xkiel tal-kapital bejn il-fruntieri.

3.17.

Minħabba l-perċentwal għoli ta’ negozji mmexxija mill-familja fl-Ewropa (u fi Stati Membri iżgħar), il-KESE jappella wkoll għal analiżi ta’ kif it-tfixkil ġeopolitiku, demografiku u diġitali attwali (eż. l-ippjanar tas-suċċessjoni, it-titjib tal-ħiliet diġitali) għandu impatt fuq il-vijabbiltà fit-tul u t-trasferiment interġenerazzjonali ta’ dawn l-intrapriżi, peress li huma kruċjali għall-istabbiltà ekonomika reġjonali.

3.18.

Ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport — speċjalment dawk dwar it-tisħiħ tar-reżiljenza ekonomika, it-teknoloġija u s-sigurtà — iridu jindirizzaw b’mod espliċitu l-vulnerabbiltajiet u l-opportunitajiet uniċi ta’ Stati Membri iżgħar, periferiċi jew insulari. Dan huwa kruċjali biex jiġi żgurat li l-ġeografija kollha tal-UE tkun konnessa mal-ħtiġijiet tas-sigurtà u d-difiża tal-Unjoni.

3.19.

Prospettiva dwar il-migrazzjoni bħala assi strateġiku: Peress li huwa stmat li sal-2040 fl-UE se jkun hemm inqas persuni fl-età tax-xogħol fost popolazzjoni li kulma jmur qed tixjieħ, il-migrazzjoni tal-ħaddiema hija neċessità ekonomika fundamentali. Din għandha tiġi ppreżentata bħala għodda proattiva biex jiġu żgurati setturi ewlenin bħas-saħħa u s-sigurtà tal-ikel, flimkien ma’ moduli rigorużi dwar il-kapaċità ta’ integrazzjoni soċjali. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni twettaq analiżi ta’ prospettiva mfassla apposta u soġġetta għal test tal-istress li tqis il-ħtieġa strateġika għal migrazzjoni tal-ħaddiema ġestita, immirata u etika fil-livelli kollha tal-ħiliet (inklużi l-ħaddiema essenzjali u fis-settur tal-kura) sabiex jiġi miġġieled in-nuqqas demografiku u ta’ ħaddiema previst sal-2040.

3.20.

Kwalunkwe analiżi bħal din trid tkun akkumpanjata minn modulu ta’ prospettiva ugwalment rigoruż dwar ir-reżiljenza soċjali u l-kapaċità ta’ integrazzjoni (Objettiv 3 tar-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika: L-iżgurar tal-benesseri tan-nies) biex jiġu antiċipati u mmitigati t-tensjonijiet soċjali u politiċi li jistgħu jinvolvu bidliet demografiċi fuq skala kbira, u jiġi żgurat li tinżamm il-koeżjoni.

3.21.

Reżiljenza istituzzjonali u demokratika: għalkemm ir-Rapport jirrikonoxxi t-theddid għad-demokrazija, din il-prospettiva għandha tħares lejn il-vijabbiltà fit-tul tal-ekosistema demokratika u ta’ governanza tal-UE stess. Għalhekk, il-KESE jappella għal eżerċizzju ta’ prospettiva dwar il-futur tal-amministrazzjoni pubblika tal-UE nnifisha. Dan jinkludi l-ittestjar tal-istress tal-kapaċità tagħha li tassorbi bidliet teknoloġiċi enormi (eż. l-integrazzjoni tal-IA f’funzjonijiet regolatorji u eżekuttivi) u l-kapaċità tagħha li timmaniġġja l-kumplessitajiet politiċi ta’ Unjoni potenzjalment imkabbra sa mill-2030.

3.22.

Fl-aħħar, il-KESE jitlob għal sforzi biex il-kriżi planetarja tripla tiġi integrata fir-Rapport billi jitfasslu kapitoli apposta dwar l-evoluzzjoni tal-klima, tal-bijodiversità u tat-tniġġis, skont xenarji fuq terminu qasir, medju u twil (xenarju ottimist, pessimist, u ta’ tfixkil kbir), u billi din l-analiżi tintrabat mal-impenji internazzjonali tagħna. Jeħtiġilha wkoll torbot il-prospettiva ambjentali mar-regolamenti billi tuża x-xenarji tar-rapport biex tipproponi riformi speċifiċi għall-qafas regolatorju (standards tal-emissjonijiet, standards tal-impatt ambjentali, protezzjoni tal-ħabitats, eċċ.), u tgħaqqad il-prospettiva mal-impatti stmati (kostijiet/benefiċċji ekonomiċi u soċjali) biex turi l-vantaġġi ta’ politiki robusti.

Brussell, it-18 ta’ Marzu 2026.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Séamus BOLAND


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3224/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)