European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/3210

12.6.2026

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(C/2026/3210)

Wara din il-pubblikazzjoni, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, jew persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u tkun stabbilita jew residenti f’pajjiż terz, tista’ tippreżenta oppożizzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

[L-ispeċifikazzjoni tal-prodott imsemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 hija disponibbli fir-reġistru tal-Unjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi]

DOKUMENT UNIKU

“Flores Bajawa”

PGI-ID-02930 — 28.4.2023

DOP ( ) IĠP (x)

1.   Isem/Ismijiet

“Flores Bajawa”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

L-Indoneżja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.8. Prodotti oħrajn elenkati fl-Anness I tat-Trattat (ħwawar eċċ.).

Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda

0901 – Kafè, kemm jekk inkaljat jew dekafeinat u kemm jekk le; ħliefa u qxur tal-kafè; sostituti tal-kafè li jkun fihom kafè fi kwalunkwe proporzjon

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1

Il-“Flores Bajawa” huwa kafeni ħodor prodotti minn pjanti tal-kafè Arabica mkabbra fir-Reġġenza ta’ Ngada f’elevazzjonijiet ta’ iżjed minn 1 000 m ’il fuq mil-livell tal-baħar. Il-pjanti tal-kafè Arabica joriġinaw minn għażla ta’ varjetajiet, jiġifieri S-795 (dominanti), Arabusta Timtim, u Typica (Juria).

Fir-rigward tal-kompożizzjoni kimika tiegħu, il-“Flores Bajawa” fih madwar 13,33 % proteina, 16,32 % xaħam, u 0,41 % kafeina (spettrofotometrija UV–Vis). Il-kontenut tal-karboidrati huwa madwar 59,31 %, li jifforma l-komponenti nutrittivi ewlenin tal-prodott. Dawn il-valuri jirrappreżentaw il-profil kimiku ewlieni tal-kafeni “Flores Bajawa”. Bħala medja, il-kafeni huma wesgħin madwar 6,5 mm, u l-prodott huwa magħruf għall-aroma tal-fjuri distintiva tiegħu.

a)   Ġej mill-proċess imxarrab, tfesdiq xott

Kwalità fiżika

kontenut ta’ ndewwa massimu ta’ 12 % (piż skont il-piż), mingħajr riħa ta’ moffa, kulur aħdar ċar u jagħti fil-griż, u numru massimu tal-valur ta’ difetti fiżiċi ta’ 11-il kafena f’kull 300 gramma ta’ kafeni.

Profil tat-Togħma bil-metodu tat-tqegħid f’kikkra tal-SCAA

Permezz tal-metodu ta’ inkaljar medju, il-“Flores Bajawa” bil-proċess imxarrab u t-tfesdiq xott għandu aroma ta’ fjuri, u juri l-ogħla valuri għall-punteġġi sensorji (skala ta’ punteġġ ta’ 0–10), inklużi t-Togħma (7,7), it-Togħma li Tibqa’ fil-Ħalq (7,6), l-Aċidità (7,4), il-Bilanċ (7,5), u Ġenerali (7,6), flimkien mal-punteġġ għall-Fragranza u l-Aroma (7,4) u l-Korporatura (7,2). Dawn jirrelataw ma’ ħlewwa qawwija, aċidità notevoli, u korporatura medja sa għolja (kemm hu magħqud)

b)   Ġej minn “ipproċessar imxarrab, tfesdiq imxarrab” jew imsejjaħ b’mod komuni “kafè semimaħsul”

Kwalità fiżika

Kontenut ta’ ndewwa massimu ta’ 12 % (piż/piż), mingħajr riħa ta’ moffa, kulur blu ħadrani, u numru massimu tal-valur ta’ difetti fiżiċi ta’ 11-il kafena għal kull 300 gramma ta’ kafeni

Profil tat-togħma bil-metodu tat-tqegħid f’kikkra tal-SCAA:

Ikkaratterizzat mill-ogħla punteġġ tiegħu, dak tal-Korporatura (7,5), akkumpanjat mill-Fragranza u l-Aroma (7,2), it-Togħma (7,3), it-Togħma li Tibqa’ fil-Ħalq (7,2), l-Aċidità (7,0), il-Bilanċ (7,2), u Ġenerali (7,2).

Dawn ir-riżultati jirriflettu l-profil tal-kikkra — korporatura medja sa għolja (kemm hu magħqud), aċidità moderata, u ħlewwa bbilanċjata, flimkien ma’ aroma tal-fjuri.

c)   Ġej minn “kafè tat-tip honey magħmul bil-proċess imxarrab” (pulped natural jew decascado)

Kwalità fiżika

Kontenut ta’ ndewwa massimu ta’ 12 % (piż skont il-piż), mingħajr riħa ta’ moffa, kulur aħdar ċar, u numru massimu tal-valur ta’ difetti fiżiċi ta’ 11-il kafena f’kull 300 gramma kafeni.

Profil tat-togħma bil-metodu tat-tqegħid f’kikkra tal-SCAA

Juri l-iżjed espressjoni aromatika intensa, bil-punteġġ tal-Fragranza u l-Aroma (7,8), segwit mit-Togħma (7,5), it-Togħma li Tibqa’ fil-Ħalq (7,4), l-Aċidità (7,2), il-Korporatura (7,0), il-Bilanċ (7,3), u Ġenerali (7,4). Dan jikkorrispondi għall-preżenza ta’ noti ta’ frott imqadded, korporatura medja (kemm hu magħqud), aċidità moderata, u inqas ħlewwa.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita

Il-passi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita huma:

1.

Il-ħsad u s-separazzjoni tal-frott għall-produzzjoni taċ-ċirasa ħamra tal-kafè.

2.

It-tneħħija tal-polpa, il-fermentazzjoni, u l-ħasil biex jinkiseb kafè imxarrab tal-Qoxra Iebsa (HS).

3.5.   Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

Imballaġġ u Pakketti tal-Kafè Il-pakketti kollha tal-kafè u l-imballaġġi tal-kafè mibjugħa b’ċertifikat tal-IĠ iridu jinkludu:

L-ismijiet “Indikasi Geografis”, “Arabica coffee”, u “Flores Bajawa”.

Il-logo tal-IĠ “Flores Bajawa”,

Il-kodiċi tal-lott.

L-użu tal-isem “Flores Bajawa”

L-isem “Flores Bajawa” jista’ jintuża biss għal kafè oriġinali/pur, jiġifieri l-kafè mibjugħ b’dan l-isem irid ikollu kompożizzjoni ta’ 100 % “Flores Bajawa”. It-taħlitiet tal-kafè ma jistgħux jinbiegħu b’dan l-isem. Madankollu, l-isem “Flores Bajawa” jista’ jidher fuq il-lista tal-ingredjenti għal tali taħlita. F’dan il-każ, il-perċentwal tal-kontenut użat li hu “Flores Bajawa” jrid jiġi ddikjarat b’mod ċar.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

Logo:

L-IĠP “Flores Bajawa” għandha tiġi ppreżentata bil-logo tal-“Flores Bajawa” u l-Logo Ġeografiku Nazzjonali Indoneżjan.

Image 1

4.   Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika

Il-produzzjoni u l-ipproċessar jitwettqu f’14-il raħal f’żewġ subdistretti ta’ Golewa u Bajawa fir-Reġġenza ta’ Ngada. L-irħula li fihom jiġi kkultivat il-“Flores Bajawa” huma dawn li ġejjin:

Ubedolumolo

Beiwali

Bomari

Mangulewa

Were I

Susu

Rakateda II

Peupalo

Wawowae

Dadawea

Rakalaba

Rakateda I

Watu Jaji

Turekisa, Mangulewa

 

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Il-kwalità u l-karatteristiċi tal-prodott “Flores Bajawa” jinkisbu, essenzjalment, minħabba ż-żona ġeografika tal-oriġini, bil-fatturi naturali u umani tagħha.

Influwenza fuq il-Fatturi Naturali

a)   Altitudni u Klima

Il-“Flores Bajawa” huwa kkultivat f’elevazzjonijiet ta’ 1 000 – 1 550 m ’il fuq mil-livell tal-baħar, bil-biċċa l-kbira tal-pjantaġġuni jinsabu bejn 1 100 – 1 400 m, firxa rikonoxxuta bħala ottimali għall-kafè Arabica. Dan l-ambjent ta’ altitudni għolja jipprovdi temperaturi friski ta’ 15–25 °C, umdità relattiva ta’ iżjed minn 80 %, u varjazzjoni qawwija fit-temperatura tul il-jum. Dawn il-kundizzjonijiet idewmu l-maturazzjoni taċ-ċirasa tal-kafè, u jippermettu l-iżvilupp ta’ aċidità ogħla, aktar aromatika, u tan-noti tal-fjuri distintivi karatteristiċi tal-“Flores Bajawa”.

Ir-reġjun jirċievi madwar 2 500 mm xita fis-sena, imqassma staġunalment u segwiti minn perjodu xott definit. Dan il-mudell tax-xita jappoġġa l-iżvilupp konsistenti taċ-ċirasa u jikkontribwixxi għad-densità tal-kafena, għall-ħlewwa u għaċ-ċarezza ġenerali tat-togħma fil-kikkra finali.

b)   Fertilità u karatteristiċi tal-ħamrija

Iż-żona hija ddominata minn ħamrija vulkanika Andisol li s-sawra tagħha tvarja minn lom sa trab ġulġlieni tafli. Din il-ħamrija turi kontenut organiku għoli ħafna, kapaċità għolja ta’ skambju tal-katjoni, u pH kważi newtrali ta’ madwar 6,0, kundizzjonijiet li jiżguraw id-disponibbiltà favorevoli tan-nutrijenti għall-kafè Arabica.

Il-ħamrija Andisol f’dan ir-reġjun fiha livelli għoljin ta’ potassju (K), kalċju (Ca), u manjeżju (Mg). Dawn in-nutrijenti jista’ jkollhom rwol fit-tiswir tal-karatteristiċi tal-prodott, bħall-potassju biex jappoġġa l-iżvilupp tal-ħlewwa u jtejjeb il-bilanċ tal-aċidità, il-kalċju u l-manjeżju jikkontribwixxu għall-ebusija tal-kafena, għall-integrità strutturali, u għad-daqs osservat tal-kafena ta’ madwar 6,5 mm, u d-disponibbiltà naturalment baxxa tal-fosforu (P), ikkawżata mill-fissazzjoni minn minerali allofani fil-ħamrija vulkanika, tinkoraġġixxi tkabbir veġetattiv moderat filwaqt li tiffavorixxi l-konċentrazzjoni tal-prekursuri tat-togħma fil-“Flores Bajawa”.

Dawn il-kundizzjonijiet tal-ħamrija jappoġġaw il-formazzjoni ta’ profil kimiku u sensorjali, inklużi l-aroma tal-fjuri, il-ħlewwa, l-aċidità bbilanċjata, u l-korporatura medja sa għolja (kemm hu magħqud) tiegħu, u jiffurmaw parti essenzjali mill-“Flores Bajawa”.

Influwenza fuq il-Fattur Uman

Il-fattur uman tal-“Flores Bajawa” jinfluwenza l-karatteristiċi minħabba l-metodi tal-ipproċessar tiegħu li n-nies tar-Reġġenza ta’ Ngada għaddew minn ġenerazzjoni għal oħra, speċjalment il-proċess ta’ wara l-ħsad.

In-nies tar-Reġġenza ta’ Ngada sabu metodu kif iħawlu l-kafè taħt siġar fid-dell, jużaw fertilizzanti organiċi, u mingħajr ma jużaw l-ebda pestiċida sintetika, kif ukoll bl-għażla selettiva (frott misjur biss), biex jikkultivaw il-kafè fir-Reġġenza ta’ Ngada.

1.

Proċess imxarrab, tfesdiq xott.

Dan il-metodu huwa assoċjat ma’ aroma tal-fjuri, ħlewwa qawwija, aċidità notevoli, u korporatura medja sa għolja meta jkun inkaljat sa livell medju. Il-fermentazzjoni ddum 18–36 siegħa, u tippermetti t-tkissir sħiħ tal-muċilaġni, segwit minn ħasil estensiv li jipproduċi kikkra nadifa. It-tnixxif jieħu madwar 15-il jum, b’aġġustament tal-ħxuna tal-kafena fit-tieni jum qabel it-tfesdiq. Dan it-tnixxif fit-tul u kkontrollat jappoġġa l-iżvilupp taċ-ċarezza, tal-ħlewwa u tal-aċidità.

2.

Proċess imxarrab, tfesdiq imxarrab.

Il-metodu semimaħsul jagħti aroma tal-fjuri bi ħlewwa u aċidità bbilanċjati u korporatura medja sa għolja. Il-fermentazzjoni tieħu inqas ħin (12–18-il siegħa) u ma tneħħix il-muċilaġni kompletament. Il-kafeni jitfesdqu b’kontenut ta’ ndewwa ogħla (~30 %), segwit minn tnixxif bix-xemx sakemm jilħqu 12 %.

Dan il-proċess ta’ fermentazzjoni iqsar u t-tnixxif f’żewġ stadji jirriżulta f’kikkra kemxejn inqas qarsa, b’aċidità moderata u bi ħlewwa bbilanċjata.

3.

Kafè tat-tip honey magħmul bil-proċess imxarrab (pulped natural jew decascado)

Il-metodu pulped natural iħalli barra l-fermentazzjoni, u jħalli l-muċilaġni intatta waqt it-tnixxif. Dan il-proċess jipproduċi kikkra b’noti aromatiċi ta’ frott imqadded, aċidità medja, korporatura medja u inqas ħlewwa. Il-preżenza tal-muċilaġni waqt it-tnixxif ittejjeb il-kumplessità tal-frott iżda tnaqqas il-ħlewwa perċepita.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

Gazzetta tal-Indoneżja tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Serje A Nru 05/IG/XII/A/2011 (it-28 ta’ Diċembru 2011 – it-28 ta’ Marzu 2012)


(1)  Ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3210/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)