European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/3204

18.6.2026

Avviż ta’ pożizzjoni vakanti — CONS/AD/206/26 — Kap tal-Unità għall-ORG.1.E Kura tas-Saħħa u Servizzi Soċjali

(C/2026/3204)

 

TAGĦRIF ĠENERALI

Dipartiment

ORG.1.E Kura tas-Saħħa u Servizzi Soċjali

Post tax-xogħol

Brussell, il-Bini Justus Lipsius

Titlu tal-pożizzjoni

Kap tal-Unità

Grupp tal-funzjoni u grad

AD 9

Approvazzjoni tas-sigurtà meħtieġa

Le

SKADENZA GĦALL-APPLIKAZZJONIJIET

1 ta’ Lulju 2026 — 12:00 (nofsinhar) ħin ta’ Brussell

Min aħna

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK) jassisti lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill tal-UE u l-korpi preparatorji tagħhom fl-oqsma kollha tal-attivitajiet tagħhom. Taħt l-awtorità tas-Segretarju Ġenerali, jipprovdi pariri u sostenn lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill u lill-Presidenzi tagħhom fl-oqsma kollha ta’ attività, inkluż pariri politiċi u legali, koordinazzjoni ma’ istituzzjonijiet oħra, tfassil ta’ kompromessi u abbozzar, superviżjoni kif ukoll trattament tal-aspetti prattiċi kollha li huma meħtieġa għat-tħejjija u t-tmexxija bla xkiel tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill.

Id-Direttorat Ġenerali għall-Iżvilupp Organizzattiv u s-Servizzi (DĠ ORG) huwa responsabbli għall-ġestjoni strateġika ġenerali tal-iżvilupp organizzattiv u s-servizzi fis-SĠK. Id-Direttorat Ġenerali attwalment huwa magħmul minn ħames Direttorati (Riżorsi Umani, Protokoll u Avvenimenti, Bini u Loġistika, Finanzi, u Sikurezza u Sigurtà). Id-Direttorat għar-Riżorsi Umani (ORG.1) huwa tim ta’ aktar minn 200 kollega li jittrattaw il-politiki tar-riżorsi umani. Id-Direttorat huwa magħmul minn sitt Unitajiet, kull waħda responsabbli għal qasam speċifiku: il-persunal u l-mobbiltà (ORG.1.A), l-iżvilupp tal-persunal (ORG.1.B), il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-appoġġ tal-persunal (ORG.1.C), il-missjonijiet, il-finanzi u l-IT tar-riżorsi umani (ORG.1.D), il-kura tas-saħħa u s-servizzi soċjali (ORG. 1.E) u pariri legali lill-amministrazzjoni (ORG.1.F). Jinkludi wkoll l-Uffiċċju għad-Diversità u l-Inklużjoni.

Il-missjoni tal-Unità tal-Kura tas-Saħħa u s-Servizzi Soċjali (HSS) hija li tappoġġa s-saħħa u l-benesseri tal-persunal f’ambjent ta’ xogħol pożittiv, u tipprovdi servizzi ta’ standby mediku matul summits u avvenimenti ta’ livell għoli. L-unità tikkonsisti minn erba’ servizzi responsabbli għall-għoti ta’ appoġġ mediku u assistenza psikosoċjali; filwaqt li jiżguraw il-ġestjoni tal-assenzi mediċi u appoġġ għar-ritorn għax-xogħol; u jipprovdu servizzi soċjali inkluż servizzi għall-indukrar tat-tfal għall-persunal tas-SĠK u t-tħejjija għall-irtirar. Dawn is-servizzi jaħdmu f’kooperazzjoni ma’ xulxin, ma’ servizzi oħra tar-Riżorsi Umani, kif ukoll mal-maniġers u l-persunal fis-SĠK kollu.

Qed noffru

Qed noffru kariga motivanti ta’ Kap tal-Unità b’responsabbiltà għolja f’ambjent interessanti u dinamiku. Int ser tmexxi aktar minn 40 membru tal-persunal motivat ħafna u divers, li jinkludi professjonisti mediċi u tal-kura tas-saħħa.

Taħt l-awtorità tad-Direttur tar-Riżorsi Umani, ser tiġġestixxi r-riżorsi tal-unità tal-HSS b’mod professjonali, torganizza l-attivitajiet tagħha u tappoġġa u timmotiva lill-persunal fil-ħidma tagħhom. Ser tiżgura l-kwalità tas-servizzi u l-prodotti pprovduti mill-Unità, kif ukoll il-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni effettivi fl-Unità u fid-Direttorat, fid-Direttorat Ġenerali kollu u ma’ servizzi oħra tas-SĠK. Bħala membru tat-tim maniġerjali ta’ ORG.1, ser tieħu sehem f’diskussjonijiet strateġiċi u tappoġġa t-tfassil tal-prijoritajiet tad-direttorat.

Ser tkun responsabbli wkoll biex tagħti bidu għal, u tissorvelja, aġġornamenti tal-politika u l-implimentazzjoni tagħhom li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħek. Ser tintalab tipprovdi parir espert għal diversi oqsma li għandhom impatt fuq l-organizzazzjoni kollha, pereżempju dwar id-dmir ta’ diliġenza u l-prevenzjoni tar-riskji psikosoċjali. Ser tipprovdi appoġġ u koordinazzjoni f’sitwazzjoni li tikkonċerna persunal individwali jew timijiet biex tiżgura l-koerenza tal-qasam mediku u amministrattiv b’rispett sħiħ għas-segretezza medika.

Ser tkun tista’ tippjana u torganizza l-ħidma b’mod flessibbli, skont il-ħinijiet tax-xogħol u l-iskeda tal-laqgħat fil-qasam ta’ attività tad-Direttorat. Int u l-persunal tiegħek tkunu tistgħu tgawdu mill-arranġamenti tax-xogħol tas-SĠK, inkluż it-telexogħol.

Qed infittxu

Qed infittxu mexxej versatili b’ħiliet maniġerjali eċċellenti li jista’ jmexxi diversi setturi differenti (finanzi u operazzjonijiet, appoġġ psikosoċjali, ġestjoni tal-assenzi mediċi u tas-servizz mediku, is-servizzi soċjali eċċ.) u jimmotiva lill-persunal f’dawn it-timijiet, filwaqt li jiżgura b’mod proattiv it-titjib tas-servizzi offruti, titjib fl-effiċjenza, inkluż permezz tad-diġitalizzazzjoni, u jikkontribwixxi għall-iżvilupp organizzazzjonali.

Ser tkun tista’ żżomm ambjent miftuħ u bbażat fuq il-fiduċja fl-unità. Ser tkun tista’ tixpruna l-bidla billi tidentifika u timplimenta b’mod proattiv titjib fil-proċessi, u fil-modi ta’ ħidma, fil-qasam tar-responsabbiltà tiegħek. Ser tkun ukoll attur reali f’tim, li taħdem f’kollaborazzjoni eċċellenti ma’ maniġers kollegi tiegħek f’ORG.1. Ser tkun ħassieb organizzazzjonali, kritiku fl-analiżi u l-valutazzjoni tiegħek ta’ soluzzjonijiet ġodda, b’mentalità diġitali, u b’ħiliet fl-użu effettiv tad-data.

Ser tuża ħiliet ta’ komunikazzjoni eċċellenti, fil-livell interpersonali u għal udjenzi usa’. Ser tkun iffokat fuq il-partijiet ikkonċernati u l-klijenti u ser tkun tista’ tibni relazzjonijiet pożittivi mal-partijiet ikkonċernati interistituzzjonali.

Ikollok esperjenza fit-trattament ta’ proġetti kumplessi u fil-koordinazzjoni ta’ kompiti u fl-għoti ta’ pariri u kontribut lill-maniġment u lil partijiet ikkonċernati ewlenin. Ikollok għarfien finanzjarju u baġitarju, esperjenza fil-ġestjoni ta’ proġetti u ħiliet fil-ġestjoni tat-tibdil. Ser tkun tista’ wkoll tiġġestixxi każijiet sensittivi tal-persunal bl-akbar diskrezzjoni u, fejn meħtieġ, taħdem mill-qrib mas-servizzi rilevanti tas-SĠK biex tiżgura soluzzjonijiet effettivi u koordinati.

Ser tkun tista’ turi fehim tal-qasam ta’ attività tal-unità. Il-pussess ta’ lawrja fil-mediċina, il-psikoloġija jew ekwivalenti huwa rekwiżit għal din il-kariga. Barra minn hekk, għandek tkun familjari mas-sistema tas-saħħa Belġjana, mar-Regolamenti tal-Persunal u mal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea. Għandu jkollok ukoll fehim tajjeb tar-rwol u l-funzjonament tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea b’mod ġenerali u tal-Kunsill tal-UE u l-Kunsill Ewropew b’mod partikolari.

Il-qafas ta’ kompetenza tas-SĠK għall-maniġers jipprovdi gwida dwar il-ħiliet li l-maniġers kollha huma mistennija jiżviluppaw u jkollhom (https://www.consilium.europa.eu/media/nrehuprg/competency-framework-for-managers-booklet-a5_en-for-web.pdf).

B’mod partikolari, il-persuna impjegata jeħtieġ li jkollha l-kompetenzi li ġejjin:

ĦSIEB STRATEĠIKU

tifhem kif jiffunzjonaw il-partijiet differenti tas-SĠK, ir-restrizzjonijiet li jiffaċċjaw, u kif dawn iħallu impatt fuq xulxin;

KONSULENZA

tisma’ u twieġeb b’mod attiv għall-fehmiet u l-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati, u tiggwidahom lejn eżiti kostruttivi;

TMEXXIJA

tiffaċilita l-ħidma kollaborattiva fuq proġetti u kwistjonijiet trasversali, inkluż ma’ persunal minn unitajiet oħra, u tiżgura koerenza f’oqsma differenti ta’ ħidma li jolqtu l-organizzazzjoni kollha;

tiġġestixxi t-tibdil u tappoġġa lill-persunal tul it-tibdil;

ABILITAZZJONI TAL-PERSUNAL

tigwida, timmotiva u tawtonomizza lill-persunal f’ambjent multikulturali u divers, b’enfasi qawwija fuq l-iżvilupp tal-persunal;

tippromwovi d-diversità u l-inklużjoni;

tinvolvi ruħha fi djalogu miftuħ mal-persunal biex toħloq atmosfera tax-xogħol pożittiva u inklużiva;

trawwem b’mod attiv l-innovazzjoni u tismal-ideat tal-membri tal-persunal dwar approċċi ġodda, metodi ta’ ħidma ġodda u l-applikazzjoni tal-aħħar teknoloġiji;

ĠESTJONI TAR-RIŻORSI B’MOD SOSTENIBBLI U FLESSIBBLI

tippjana b’mod proattiv, inkluż dwar il-persunal, il-finanzi, il-baġit u l-loġistika;

tipprijoritizza, tikkoordina u torganizza x-xogħol fuq għadd konsiderevoli ta’ attivitajiet paralleli;

RAPPREŻENTANZA U RESPONSABBILTÀ

tieħu responsabbiltà għall-prestazzjoni tagħha stess u dik tat-tim tagħha, kif ukoll għal deċiżjonijiet meħuda, filwaqt li taġixxi bħala mudell ta’ riferiment u tiġġestixxi l-iżvilupp proprju tagħha;

tirrappreżenta lill-unità internament u lis-SĠK f’diskussjonijiet interistituzzjonali.

Billi s-SĠK iħaddan politika ta’ mobbiltà għall-maniġers tiegħu, li huma mistennija jkollhom esperjenza estensiva, il-kandidati għandhom ikunu lesti u kapaċi jaħdmu f’oqsma ta’ attività differenti matul il-karriera tagħhom fis-SĠK.

POLITIKA TA’ REKLUTAĠĠ

L-applikanti għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin fid-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet:

(a)   Kundizzjonijiet ġenerali

ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

igawdu d-drittijiet kollha tagħhom bħala ċittadini;

ikunu wettqu kwalunkwe obbligu impost fuqhom mil-liġijiet dwar il-lieva.

(b)   Kundizzjonijiet speċifiċi

ikollhom lawrja universitarja fil-mediċina, il-psikoloġija jew ekwivalenti (1);

ikollhom mill-inqas 12-il sena esperjenza professjonali rilevanti. Hija meħtieġa wkoll esperjenza ppruvata fil-koordinazzjoni tar-rwoli;

peress li l-Ingliż u l-Franċiż jintużaw b’mod estensiv għall-komunikazzjoni fis-SĠK u ma’ istituzzjonijiet oħra, huwa meħtieġ għarfien eċċellenti ta’ waħda miż-żewġ lingwi u għarfien tajjeb tal-oħra. L-għarfien ta’ lingwi uffiċjali oħra tal-UE jkun ta’ vantaġġ.

NB:

Il-kandidat li jintgħażel għandu jew għandha tkun lesta ssegwi l-programm ta’ taħriġ tas-SĠK fil-ħiliet ministerjali.

PROĊEDURA TAL-GĦAŻLA

Fl-għażla tal-kandidati għall-pożizzjoni, l-Awtorità tal-Ħatra ser tkun megħjuna minn kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni. Il-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni jkollu l-appoġġ ta’ ċentru ta’ evalwazzjoni, immexxi minn konsulenti tar-reklutaġġ esterni. Rapporti stabbiliti miċ-ċentru ta’ evalwazzjoni għall-istess tip ta’ pożizzjoni ma jibqgħux validi wara sentejn mid-data li fiha saru l-eżerċizzji rilevanti jew mat-tmiem tal-kuntratt qafas bejn is-SĠK u ċ-ċentru ta’ evalwazzjoni inkwistjoni - skont liema data tiġi l-ewwel.

Il-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni l-ewwel jevalwa u jqabbel il-kwalifiki, l-esperjenza u l-motivazzjoni tal-applikanti kollha, abbażi tal-applikazzjonijiet tagħhom. Abbażi ta’ dik l-evalwazzjoni komparattiva, il-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni jagħmel lista ristretta tal-kandidati li, fl-opinjoni tiegħu, huma l-aktar adatti sabiex jiġu mistiedna għall-ewwel intervista. Peress li din l-ewwel għażla hija bbażata fuq evalwazzjoni komparattiva tal-applikazzjonijiet, l-ilħuq tar-rekwiżiti għal dan l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ma jiggarantix stedina għall-ewwel intervista. Minn fost il-kandidati intervistati, il-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni jagħżel il-kandidati li għandhom jattendu ċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, kif ukoll għat-tieni intervista mal-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni.

L-ippjanar proviżorju għall-proċedura ta’ selezzjoni huwa kif ġej:

huwa mistenni li l-kandidati magħżula għall-intervisti jiġu infurmati fit-tieni nofs ta’ Lulju 2026;

l-ewwel intervisti huma previsti li jsiru f’nofs Lulju 2026;

iċ-ċentru ta’ evalwazzjoni mistenni jsir f’nofs Lulju 2026;

it-tieni ċiklu ta’ intervisti huwa previst għall-ewwel nofs ta’ Settembru 2026.

NB:

L-iskeda mogħtija hawn fuq hija purament indikattiva u tista’ tinbidel.

BAŻI LEGALI

Din il-pożizzjoni hija ppubblikata fl-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni Ewropea u barra mill-istituzzjonijiet, f’konformità mal-Artikolu 29, il-paragrafi 1 u 2, tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2).

KIF TAPPLIKA

Id-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet hija l- 1 ta’ Lulju 2026 f’12:00 (nofsinhar) ħin ta’ Brussell.

L-applikazzjonijiet jintlaqgħu biss bil-posta elettronika u jridu jintbagħtu lil

applications.management@consilium.europa.eu  (3)

sa mhux aktar tard mid-data u l-ħin tal-għeluq. Applikazzjonijiet li jaslu tard mhumiex ser jitqiesu.

Għandu jintuża l-indirizz elettroniku indikat hawn fuq għal kwalunkwe korrispondenza dwar il-proċedura tal-għażla (fil-linja tas-suġġett għandha titniżżel ir-referenza li ġejja: CONS/AD/206/26 ORG.1.E Healthcare and Social Services).

Qabel ma jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom, il-kandidati għandhom jivverifikaw sew jekk jissodisfawx ir-rekwiżiti mniżżla hawn fuq, taħt “Politika ta’ Reklutaġġ”, biex b’hekk jevitaw l-esklużjoni awtomatika mill-proċedura tal-għażla.

Biex ikun validu, il-fajl tal-applikazzjoni jrid jinkludi d-dokumenti li ġejjin f’format pdf (NB: dokumenti maqfula, protetti bil-password jew b’firma elettronika ma jiġux aċċettati):

(a)

il-formola tal-applikazzjoni mimlija u datata kif suppost (il-fajl għandu jissemma “XXX (KUNJOMOK) — Application form.pdf”); biex tniżżel il-formola tal-applikazzjoni elettronika (EN jew FR) agħfas fuq il-ħolqa t-tajba hawn taħt jew ikkopjaha u ppejstjaha fil-browser tiegħek (4):

 

https://www.consilium.europa.eu/media/68640/gsc-application_form_senior_management_en.docx

 

https://www.consilium.europa.eu/media/68641/gsc-application_form_senior_management_fr.docx;

(b)

curriculum vitae dettaljat bl-Ingliż jew bil-Franċiż (mingħajr ritratti inklużi), preferibbilment fil-format Europass (https://europa.eu/europass/en/create-europass-cv; https://europa.eu/europass/fr/create-your-europass-cv), li jkopri l-karriera kollha tal-applikant u jelenka, fost oħrajn, il-kwalifiki, l-għarfien lingwistiku, l-esperjenza u d-dmirijiet attwali tal-applikant (il-fajl għandu jissemma “XXX (KUNJOMOK) — CV.pdf”);

(c)

ittra ta’ motivazzjoni, bl-Ingliż jew bil-Franċiż (il-fajl għandu jissemma “XXX (KUNJOMOK) — Motivation letter.pdf”).

Jekk ma jiġux inklużi dawn id-dokumenti l-applikazzjoni tkun invalida.

NB:

Ser jintalbu l-kopji ta’ diplomi li jiċċertifikaw l-edukazzjoni u l-kopji ta’ dokumenti u ċertifikati relatati mal-esperjenza professjonali mingħand il-kandidati preselezzjonati mistiedna għall-ewwel ċiklu ta’ intervisti. Id-dokumenti ta’ sostenn iridu jkunu nħarġu minn parti terza.

Id-dokumenti ta’ sostenn għandhom jiġu nnumerati (Anness 1, 2, eċċ.) u għandhom jinġabru flimkien f’dokument pdf wieħed (fajl li għandu jissemma “XXX (KUNJOMOK) — Supporting documents.pdf”). Dan għandu jinkludi indiċi.

In-nuqqas ta’ sottomissjoni tad-dokumenti ta’ sostenn kollha sa mhux aktar tard mill-jum ta’ qabel l-ewwel intervista, jista’ jitqies bħala bażi għal skwalifika.

Applikazzjonijiet li jaslu bil-posta jew permezz ta’ soluzzjonijiet ta’ ħżin ta’ data bbażati fi cloud jew pjattaformi għall-kondiviżjoni ta’ fajls ma jiġux ikkunsidrati.

Il-persuna magħżula minn fost il-kandidati tintalab tipprovdi d-dokumenti oriġinali msemmija hawn fuq.

Il-kandidati jirċievu email li tinfurmahom li l-applikazzjoni tagħhom tkun waslet. Madankollu, jistgħu jinqalgħu diffikultajiet tekniċi li minħabba fihom l-emails ma jaslux. Għalhekk, il-kandidati li ma jirċevux email li tikkonferma l-wasla tal-applikazzjoni huma mitluba jikkuntattjaw lil applications.management@consilium.europa.eu. Peress li l-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni ser jibda l-ħidma tiegħu ftit wara d-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet, kull korrispondenza dwar il-wasla tal-applikazzjoni għandha ssir fil-ġimgħa ta’ wara dik id-data.

DIVERSITÀ U INKLUŻJONI

Is-SĠK huwa impenjat favur id-diversità u l-inklużjoni. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara d-dikjarazzjoni rilevanti:

https://www.consilium.europa.eu/mt/general-secretariat/jobs/diversity-and-inclusion/.

RIEŻAMI TAL-APPLIKAZZJONIJIET

Għal informazzjoni dwar il-proċeduri marbuta mat-talbiet għal ilmenti, appelli u riferimenti lill-Ombudsman Ewropew tista’ tikkonsulta lil:

https://www.consilium.europa.eu/media/56647/complaint-mt.pdf.

PROTEZZJONI TAD-DATA

Ir-regoli li jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali b’rabta ma’ din il-proċedura ta’ selezzjoni jinsabu fid-dikjarazzjoni ta’ privatezza:

https://www.consilium.europa.eu/media/4brojk4o/jobs-data-protection-083r02-mt.pdf.


(1)  L-Artikolu 5(3)(c) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ir-Regolamenti tal-Persunal) jesiġi li l-applikanti jkollhom mill-inqas:

(i)

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji kompluti, iċċertifikati b’diploma, fejn il-perjodu normali ta’ edukazzjoni universitarja hu ta’ erba’ snin jew iżjed, jew

(ii)

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji kompluti, iċċertifikati b’diploma u esperjenza professjonali adegwata ta’ mill-inqas sena, fejn it-tul ta’ żmien normali tal-edukazzjoni universitarja hu ta’ mill-inqas tliet snin.

(2)  Ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1), test konsolidat disponibbli fuq https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A01962R0031-20260101.

(3)  Dan l-indirizz elettroniku jappartjeni għal kaxxa postali funzjonali u jista’ jipproċessa biss messaġġi bil-kunfidenzjalità speċifikata bħala “Normali”; emails b’livell ta’ kunfidenzjalità differenti (pereżempju “Personal”, “Private”, “Confidential” jew posta kriptata) ma jistgħux jiġu pproċessati. Għaldaqstant, jekk jogħġbok agħżel il-livell ta’ kunfidenzjalità “Normal”. L-email ma tridx tkun akbar minn 25 MB. Jekk id-daqs tal-email tiegħek bl-hemżiet magħha jkun ikbar minn dan, jekk jogħġbok qassam l-hemżiet fuq għadd ta’ emails.

(4)  Jekk teħtieġ aktar informazzjoni u/jew tiltaqa’ ma’ problemi tekniċi, jekk jogħġbok ibgħat email lil: applications.management@consilium.europa.eu.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3204/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)