European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/3051

15.6.2026

Rikors ippreżentat fl-24 ta’ April 2026 – Ir-Repubblika Slovakka vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-398/26)

(C/2026/3051)

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Partijiet

Rikorrent: Ir-Repubblika Slovakka (rappreżentanti: E. V. Larišová, A. Lukáčik, bħala aġenti, A. Kadela, T. Bardelčík, advokáti)

Konvenuti: Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla r-Regolament (UE) 2026/261 (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Jannar 2026 dwar l-eliminazzjoni gradwali tal-importazzjonijiet tal-gass naturali Russu, u t-tħejjija għall-eliminazzjoni gradwali tal-importazzjonijiet taż-żejt Russu, it-titjib fil-monitoraġġ tad-dipendenzi potenzjali tal-enerġija u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1938;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

1.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq għażla żbaljata tal-bażi legali. Il-bażi legali korretta għal miżuri bħal dawk previsti fir-Regolament (UE) 2026/261 għandu jkun esklużivament l-Artikolu 215(1) TFUE li għandu natura ta’ lex specialis. Il-miżuri li jkollhom bħala effett li jirrestrinġu r-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ Stat terz partikolari għandhom ikunu bbażati fuq l-Artikolu 215(1) TFUE sa fejn ikollhom bħala għan prinċipali tagħhom it-twettiq ta’ politika barranija u ta’ sigurtà komuni. Il-miżuri previsti fir-Regolament 2026/261 jikkorrispondu għal miżuri restrittivi fid-dawl tal-kontenut u tal-għan tagħhom kif ukoll tal-adozzjoni tagħhom fil-kuntest tat-tkomplija tal-gwerra tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina. Il-fatt li r-Regolament 2026/261 huwa bbażat fuq bażijiet legali oħra huwa intenzjonali.

2.

It-tieni motiv, li qed jiġi invokat sussidjarjament għall-ewwel motiv, huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-prinċipju ta’ solidarjetà. Ir-Regolament 2026/261 huwa kuntrarju għall-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li l-miżuri previsti huma manifestament mhux xierqa sabiex jintlaħaq l-għan iddikjarat. Sussidjarjament, l-għan iddikjarat tar-Regolament 2026/261 jista’ jintlaħaq permezz ta’ miżuri differenti, inqas restrittivi. Il-konsegwenzi negattivi serji marbuta mal-implimentazzjoni tar-Regolament 2026/261, b’mod partikolari għar-Repubblika Slovakka u għall-operaturi ekonomiċi fit-territorju tagħha huma manifestament sproporzjonati fir-rigward tal-għan iddikjarat u huma kuntrarji għall-prinċipju ta’ solidarjetà.

3.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti ġuridiċi.


(1)  ĠU L, 2026/261.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3051/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)