European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/3019

15.6.2026

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tas-26 ta’ Marzu 2026 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Visoki trgovački sud – il-Kroazja) – Freistaat Bayern vs Euroherc osiguranje d.d.

(Kawża C-357/24  (1) , Freistaat Bayern (Rimbors lil persuna li timpjega ta’ allowances tas-salarji))

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Sigurtà soċjali - Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali - Regolament (KE) Nru 883/2004 - Artikolu 1(q)(iv) - Kunċett ta’ “istituzzjoni kompetenti” - Persuna li timpjega - Artikolu 3(1)(a) - Kunċett ta’ “benefiċċji tal-mard” - Żamma tar-remunerazzjoni minħabba inkapaċità temporanja għax-xogħol - Artikolu 85(1) - Benefiċċji dovuti bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru fir-rigward ta’ danni li seħħew fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor - Dritt għal azzjoni mill-persuna li timpjega kontra terz responsabbli - Drittijiet tal-vittma - Surroga - Limiti)

(C/2026/3019)

Lingwa tal-kawża: il-Kroat

Qorti tar-rinviju

Visoki trgovački sud

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Freistaat Bayern

Konvenut: Euroherc osiguranje d.d.

Dispożittiv

L-Artikolu 1(q)(iv) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ “istituzzjoni kompetenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-persuna li timpjega obbligata, skont skema relatata mal-obbligi tagħha, li tiżgura benefiċċji li jaqgħu taħt l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament.

L-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 465/2012, għandu jiġi interpretat fis-sens li jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “benefiċċji tal-mard”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, il-benefiċċji għaż-żamma tar-remunerazzjoni, imħallsa fi Stat Membru, minħabba inkapaċità temporanja għax-xogħol matul leave tal-mard wara inċident li seħħ fi Stat Membru ieħor, li la huwa inċident fuq il-post tax-xogħol u lanqas mard ikkaġunat mix-xogħol.

L-Artikolu 85(1) tar-Regolament Nru 883/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 465/2012, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuna li timpjega, bħala istituzzjoni debitriċi, hija awtorizzata titlob ir-rimbors tal-benefiċċji tal-mard imħallsa lill-impjegat tagħha għal dannu li seħħ fi Stat Membru ieħor mingħand terz responsabbli, jew mingħand l-assiguratur tiegħu, biss jekk teżisti, fl-Istat Membru fejn seħħ id-dannu, bażi legali li tippermetti li jinkiseb ir-rimbors ta’ dawn il-benefiċċji jew ta’ benefiċċji paragunabbli fir-rigward tal-għanijiet rispettivi tagħhom.


(1)  ĠU C C/2024/5492.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3019/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)