|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/3003 |
4.6.2026 |
Pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata ta’ speċifikazzjoni tal-prodott ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)
(C/2026/3003)
KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD
(Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)
“Puzzone di Moena/Spretz Tzaorì”
Numru ta’ referenza tal-UE: PDO-IT-0950-AM01 — 17.3.2026
1. Isem il-prodott
“Puzzone di Moena/Spretz Tzaorì”
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
|
☑ |
DOP |
|
☐ |
IĠP |
|
☐ |
IĠ |
3. Settur
|
☑ |
Prodotti agrikoli |
|
☐ |
Inbejjed |
|
☐ |
Xarbiet spiritużi |
4. Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika
L-Italja
5. Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda standard
Isem
MASAF (il-Ministeru għall-Agrikoltura, għas-Sovranità tal-Ikel u għall-Forestrija)
6. Kwalifika bħala emenda standard
L-emendi jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ emenda standard peress li ma jinkludux bidla fl-isem jew fl-użu tal-isem, ma jirriskjawx li jxejnu r-rabta maż-żona ġeografika u ma jinvolvux aktar restrizzjonijiet fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott.
7. Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i
Titolu
Emenda tal-Artikolu 2 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u tal-punt 4.2 tad-dokument uniku dwar id-deskrizzjoni tal-prodott
Deskrizzjoni
|
— |
L-għoli tal-qoxra tal-ġenb ġie mmodifikat billi tnaqqas xi ftit il-limitu ta’ isfel. |
|
☑ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku |
Titolu
Ġew emendati l-Artikolu 3 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott relatat maż-żona tal-produzzjoni u l-punt 5 tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni
|
— |
Iż-żona tal-produzzjoni ma ġietx immodifikata iżda sempliċement adattata għar-riformi amministrattivi li wasslu biex xi denominazzjonijiet amministrattivi jinbidlu bħala riżultat ta’ fużjonijiet bejn muniċipalitajiet fiż-żona ġeografika definita. |
|
☑ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku |
Titolu
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 4 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott relatat mal-prova tal-oriġini.
Deskrizzjoni
|
— |
It-terminu “produtturi” ġie sostitwit bit-terminu aktar preċiż “imħaleb”. Żdied il-kliem “dawk li jieħdu ħsieb il-maturazzjoni” u tħassret il-kelma “imballatur”. |
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku |
Titolu
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5, il-punti 1, 2 u 3 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott rigward il-metodu ta’ produzzjoni.
Deskrizzjoni
|
— |
Tħassret il-projbizzjoni fuq l-għoti ta’ taħlitiet u tal-għalf uniku jew Unifeed. |
|
— |
Żdiedet speċifikazzjoni li l-projbizzjoni fuq l-użu fl-għalf ta’ prodotti sekondarji tal-industrija taz-zokkor tikkonċerna prodotti fermentati. |
|
— |
Tħassret l-ispeċifikazzjoni dwar il-kontenituri użati għat-trasport tal-ħalib. |
|
— |
Tħassar ir-rekwiżit li l-ħalib jitberred jew jitkessaħ fil-każ tal-użu ta’ vetturi bit-tanker. |
|
— |
Ir-rekwiżit li l-ħalib jitberred fil-farm fil-każ ta’ ġbir wieħed kuljum tmexxa mill-Artikolu 5(3) għall-Artikolu 5(2). |
|
— |
Il-kliem “jew kwalunkwe tieni ħlib” tħassar mill-Artikolu 5(3), li jfisser li l-ħalib bilfors jiġi pproċessat fi żmien 60 siegħa mill-ewwel ħlib. |
|
— |
Tħassret ir-referenza għat-tieni ħlib sabiex ikunu jistgħu jintużaw sistemi awtomatiċi tal-ħlib. |
|
— |
Tħassar it-tberrid tal-ħalib f’temperatura ta’ 15-20 °C, u nżamm biss ir-rekwiżit tat-tberrid ta’ 8-16 °C fil-każ ta’ ġbir wieħed kull jum. |
|
— |
Il-ħin tat-tbaqqit jitnaqqas xi ftit minn 25 minuta għal minimu ta’ 20 minuta. |
|
— |
Ġie introdott id-daqs minimu tal-baqta ta’ qalba tal-qamħirrum. |
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku |
Titolu
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 8, il-punt 2, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-punt 4.6 tad-dokument uniku dwar it-tikkettar tal-prodott
Deskrizzjoni
|
— |
Żdied obbligu li tiġi ttimbrata l-ittra “M” fuq il-qoxra tal-ġobon “di malga” (mergħa tal-muntanji) sabiex jiġi enfasizzat dan it-tip ta’ prodott. |
|
— |
Tħassar l-obbligu li jiġu indikati n-numru ta’ referenza jew il-kodiċi tal-maħleb produttur u l-lott tal-produzzjoni fuq il-prodott imballat. |
|
☑ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku |
DOKUMENT UNIKU
Denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli
“Puzzone di Moena/Spretz Tzaorì”
Numru ta’ referenza tal-UE: PDO-IT-0950-AM01 — 17.3.2026
1. Isem/Ismijiet
“Puzzone di Moena/Spretz Tzaorì”
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
|
☑ |
DOP |
|
☐ |
IĠP |
|
☐ |
IĠ |
3. Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika definita
L-Italja
4. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu
4.1. Klassifikazzjoni tal-prodott agrikolu f’konformità mal-intestatura u l-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143
0406 — Ġobon u baqta
4.2. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat
Id-DOP “Puzzone di Moena/Spretz Tzaorì” huwa ġobon magħmul mill-ħalib tal-baqar tar-razez Bruna (Kannella), Frisona (Friesian), Pezzata Rossa (Red Pied), Grigio Alpina (griż tal-Alpi), Rendena (speċijiet indiġeni) u Pinzgauer u l-inkroċjar tagħhom. Għall-produzzjoni jista’ jintuża l-ħalib ta’ razza waħda minn dawn jew aktar.
Il-ġobon huwa ċilindriku, b’qoxra baxxa, b’naħat ftit konvessi jew ċatti u bi wċuħ ċatti jew ftit konvessi; il-qoxra hija lixxa jew bi ftit tikmix, żejtnija, u lewnha safrani bħall-okra, kannella ċar jew ħamrani. Il-ġobon ikun semimsajjar b’sawra elastika medja sa iebsa, ta’ lewn abjad sa isfar ċar, bi ftit toqob ta’ daqs medju sa żgħar. Il-ġobon magħmul mill-ħalib tal-mergħat tal-muntanji għandu toqob ta’ daqs medju sa kbir u lewn isfar aktar intens.
Il-ġobon għandu togħma qawwija, intensa, daqsxejn mielħa u/jew pikkanti b’mod pjaċevoli, li tħalli sensazzjoni morra perċettibbli fil-ħalq. L-aroma tiegħu hija qawwija u penetranti, bi ħjiel ħafif ta’ ammonijaka.
Id-dijametru tal-ġobon ivarja minn 34 sa 42 cm, u l-għoli tal-qoxra huwa ta’ bejn 8 u 12 cm; il-ġobon jiżen minn 8 sa 13 kg.
Jista’ jiġi prodott tul is-sena kollha.
Il-kontenut ta’ xaħam, espress bħala perċentwal tal-materja niexfa, ma jistax ikun ta’ aktar minn 45 %; il-kontenut ta’ ndewwa jvarja minn 34 % sa 44 %, imkejjel meta l-ġobon ikollu mill-inqas 90 jum. Il-perjodu minimu ta’ maturazzjoni huwa ta’ 90 jum. Wara 150 jum ta’ maturazzjoni, il-ġobon jista’ jiġi ddefinit bħala “matur”.
4.3. Derogi dwar l-akkwist ta’ għalf (għal prodotti li joriġinaw mill-annimali ddeżinjati b’Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta biss) u restrizzjonijiet fuq l-akkwist ta’ materja prima (għal prodotti proċessati ddeżinjati minn Indikazzjoni Ġeografika Protetta biss)
Għall-produzzjoni tal-“Puzzone di Moena/Spretz Tzaorì”, mill-inqas 60 % tal-għalf għall-baqar li qed jaħilbu jrid ikun foraġġ (ħuxlief minn mergħat permanenti u/jew ħaxix mirgħi jew ikkonsmat direttament fuq il-mergħa) li jrid jiġi miż-żona tal-produzzjoni definita fil-punt 4.
L-użu ta’ ħalib minn baqar mitmugħa b’silaġġ ta’ kwalunkwe tip huwa eskluż.
L-għalf tal-baqar jista’ jiġi ssupplimentat b’materjali tal-għalf jew b’għalf tal-annimali kompost sabiex jiġi żgurat li l-baqar jingħataw dieta bilanċjata għall-produzzjoni tal-ħalib.
Minbarra li l-għalf tal-annimali mhuwiex permess mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ, l-għalf lanqas ma jista’ jkun fih dawn il-prodotti li ġejjin:
|
— |
dqiq mill-pasta tal-lift, miż-żerriegħa tal-għeneb, miż-żerriegħa taċ-ċitru, |
|
— |
prodotti sekondarji mnixxfin mill-ipproċessar industrijali tal-ħxejjex u tal-frott, |
|
— |
prodotti sekondarji mill-industrija taz-zokkor, |
|
— |
prodotti sekondarji mnixxfin mill-industrija tal-fermantazzjoni, |
|
— |
ħxejjex u frott imnixxfin. |
Ħalib tal-baqar mhux ipproċessat minn żewġ ħalbiet wara xulxin u xi drabi xkumat parzjalment bl-ixkumar naturali tal-wiċċ. Il-ħalib mill-mergħat tal-muntanji jista’ jintuża għall-produzzjoni tal-“Puzzone di Moena/Spretz Tzaorì”.
4.4. Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita
Il-proċess tal-produzzjoni kollu (it-trobbija, il-produzzjoni u l-ipproċessar tal-ħalib, u t-tmelliħ, it-trattament u l-maturazzjoni tal-ġobon) irid isir fiż-żona definita fil-punt 4.
4.5. Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
—
4.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
Il-ġobon huwa identifikat bil-formulazzjoni “DOP Puzzone di Moena” ttimbrata diversi drabi fuq il-qoxra u stampata fuq l-istrixxi tat-tikketta; din il-formulazzjoni għandha tkun akbar minn kwalunkwe formulazzjoni oħra fuq il-prodott.
Marka xierqa tindika n-numru ta’ referenza jew il-kodiċi tal-maħleb, il-lott tal-produzzjoni u, fejn meħtieġ, l-ittra kapitali “M” għat-tip “di malga”.
Il-ġobon jista’ jinbiegħ sħiħ jew f’porzjonijiet; meta jiġu introdotti fis-suq, il-ġobnijiet sħaħ jew it-tipi varji ta’ imballaġġ irid ikollhom il-formulazzjoni “DOP Puzzone di Moena/Spretz Tzaorì” jew waħda miż-żewġ formulazzjonijiet “DOP Puzzone di Moena” jew “DOP Spretz Tzaorì”, u fejn xieraq il-formulazzjoni “stagionato” (“matur”) u/jew “di malga” (“minn mergħat tal-muntanji”); din l-aħħar formulazzjoni tista’ tintuża biss jekk il-ħalib kollu użat biex isir dan il-ġobon ikun ġej minn baqar miżmuma f’mergħat tal-muntanji.
5. Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika
Iż-żona tal-produzzjoni tal-“Puzzone di Moena/Spretz Tzaorì” hija dik tal-muniċipalitajiet amministrattivi li ġejjin: Campitello di Fassa, Canal San Bovo, Canazei, Capriana, Castello Molina di Fiemme, Cavalese, Imer, Mazzin, Mezzano, Moena, Panchià, Predazzo, Primiero San Martino di Castrozza, Sagron Mis, San Giovanni di Fassa – Sén Jan, Soraga, Tesero, Valfloriana, Ville di Fiemme u Ziano di Fiemme fil-Provinċja ta’ Trento; Anterivo u Trodena fil-Provinċja ta’ Bolzano.
6. Rabta maż-żona ġeografika
Sommarju tar-rabta
L-ambjent ġeografiku li fih jiġi prodott id-DOP “Puzzone di Moena/Spretz Tzaorì” huwa wieħed tipikament tal-Alpi. Iż-żona ġeografika definita tikkonsisti minn tliet lokalitajiet — il-wied ta’ Fiemme, il-wied ta’ Fassa u Primiero — Vanoi.
Ix-xita, id-differenzi klimatiċi kbar bejn l-istaġuni u l-altitudni tal-bwar u l-mergħat (li jvarjaw minn 600 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar sa aktar minn 2 000 metru għal xi mergħat tal-muntanji), flimkien mad-differenzi fil-kimika tal-ħamrija, primarjament ġebla tal-ġir — dolomit iżda silikat f’xi żoni, jiffavorixxu t-tkabbir ta’ flora eteroġenja, b’mod partikolari fil-bwar u fil-mergħat, u flimkien joħolqu l-kundizzjonijiet speċifiċi li jorbtu l-“Puzzone di Moena/Spretz Tzaorì” maż-żona definita. Il-flora taż-żona li hija ta’ interess speċjali tinkludi l-ispeċijiet “endemiċi”, li ħafna minnhom imorru lura għal żmien il-qedem, iżda li issa qed jikbru biss f’żoni żgħar.
F’dan il-kuntest Alpin, anke l-farms, li huma negozji tal-familja żgħar u ta’ daqs medju, għandhom rwol importanti x’jaqdu fil-protezzjoni tal-pajsaġġ billi jżommu l-bwar u l-mergħat u billi jippreservaw u jissoktaw il-metodi tradizzjonali tal-produzzjoni tal-ġobon bħal-“lavaggio” (“il-ħasil”), li ġie ppreservat mill-bdiewa lokali u li jintuża fil-produzzjoni tad-DOP “Puzzone di Moena/Spretz Tzaorì”. Dan il-metodu tradizzjonalment jinvolvi li kull ġobon jinqaleb u jitqiegħed f’ilma fietel u daqsxejn mielaħ kull ċertu ħin, bi frekwenza li tonqos aktar ma jimmatura l-ġobon.
Id-denominazzjoni DOP “Puzzone di Moena/Spretz Tzaorì” tirreferi għal ġobon tal-mejda semiiebes u artab b’qoxra maħsula, li jingħaraf mill-aroma tipika intensa u penetranti tiegħu bi ħjiel ta’ ammonijaka. L-aroma intensa tal-“Puzzone di Moena/Spretz Tzaorì” hija akkumpanjata minn togħma mielħa u/jew pikkanti pjaċevoli li tħalli sensazzjoni morra fil-ħalq. Il-“Puzzone di Moena/Spretz Tzaorì” għandu wkoll kisja żejtnija fuq il-qoxra tiegħu li, matul il-proċess tal-maturazzjoni, tiskura, u tinbidel mill-isfar lewn l-okra għal kannella ċar jew ħamrani.
It-togħma u l-aroma speċjali tal-ġobon tad-DOP “Puzzone di Moena/Spretz Tzaorì” huma marbuta mal-kwalità għolja tal-ħalib mhux ipproċessat użat. Dan il-ħalib, b’kontenut mikrobijoloġiku aktar għani mill-ħalib ittrattat bis-sħana, għandu rwol ewlieni fil-karatterizzazzjoni tal-intensità tat-togħma u tal-aroma tal-“Puzzone di Moena/Spretz Tzaorì”.
Il-kwalità għolja tal-ħalib użat fil-produzzjoni tal-“Puzzone di Moena/Spretz Tzaorì” hija dovuta għall-kwalità għolja tal-għalf mogħti lill-baqar li jkunu qed jaħilbu, jiġifieri l-projbizzjoni fuq l-użu tas-silaġġ, u hija influwenzata ħafna mill-fatt li l-baqar jingħataw tiben u/jew ħaxix miż-żona jew jirgħu direttament fil-mergħat taż-żona, rikki f’foraġġ speċifiku.
Ta’ min isemmi wkoll il-kontribut partikolari li taw il-produtturi taż-żona, li matul is-snin saru esperti fil-produzzjoni tal-“Puzzone di Moena/Spretz Tzaorì”; dan l-għarfien espert, matul il-proċess tal-produzzjoni u tal-maturazzjoni tal-ġobon, għenhom jevitaw il-preżenza ta’ ħmejjer mhux mixtieqa li jistgħu jbiddlu l-aroma u t-togħma karatteristiċi tal-“Puzzone di Moena/Spretz Tzaorì”.
Il-metodu tal-produzzjoni tad-DOP “Puzzone di Moena/Spretz Tzaorì” jinkludi l-partikolarità tal-ħasil tal-ġobon f’ilma fietel, u xi kultant jiżdied daqsxejn melħ. Din il-prattika titwettaq mill-produtturi lokali matul il-proċess tal-maturazzjoni u tippermetti li l-ġobnijiet jiffurmaw kisja żejtnija fuq il-qoxra, li progressivament tbiddel il-kulur minn isfar lewn l-okra għal kannella ċar jew ħamrani. Din il-kisja żejtnija tippromwovi l-iżvilupp ta’ attività bijokimika speċifika fil-ġobon waqt li jkun qed jimmatura, u tirriżulta fil-formazzjoni ta’ komposti kimiċi responsabbli għat-togħma u għall-aroma speċjali tal-“Puzzone di Moena/Spretz Tzaorì”.
Fi żminijiet imgħoddija, il-“Puzzone di Moena/Spretz Tzaorì” kien partikolarment apprezzat mill-foqra fiż-żoni rurali li kienu jgħixu fir-reġjuni Alpini, minħabba t-togħma u l-aroma qawwija, saħansitra akuta, u ħafna drabi mielħa, tiegħu, għaliex anke fi kwantitajiet żgħar kien iżid it-togħma mad-dieta monotona tal-foqra msejsa fuq il-polenta jew fuq il-patata.
Fl-1984, fil-Concours International des Fromages de Montagne (il-Kompetizzjoni Internazzjonali tal-Ġobon Alpin) li saret fi Grenoble, il-“Puzzone di Moena/Spretz Tzaorì” ngħata l-midalja tal-bronż.
Referenza elettronika (URL) għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott
https://www.masaf.gov.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3340
(1) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3003/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)