|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/2996 |
29.5.2026 |
Avviż għall-attenzjoni tas-suġġetti tad-data li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1998 dwar miżuri restrittivi kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem
(C/2026/2996)
Qed tinġibed l-attenzjoni tas-suġġetti tad-data għall-informazzjoni li ġejja f'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).
Il-bażijiet legali għal din l-operazzjoni ta' pproċessar huma d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1999 (2), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2026/1176 (3), u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1998 (4), kif implimentat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2026/1177 (5).
Il-kontrollur ta' din l-operazzjoni ta' pproċessar huwa l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea rrappreżentat mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għar-Relazzjonijiet Esterni (RELEX) tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, u d-dipartiment inkarigat bl-operazzjoni ta' pproċessar huwa r-RELEX.1, li jista' jiġi kkuntattjat f'dan l-indirizz:
|
Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea |
|
RELEX.1 |
|
Horizontal and Global Affairs |
|
Rue de la Loi/Wetstraat 175 |
|
1048 Bruxelles/Brussel |
|
BELGIQUE/BELGIË |
L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kunsill jista' jiġi kkuntattjat fuq:
Data Protection Officer
posta elettronika: data.protection@consilium.europa.eu
Il-fini tal-operazzjoni ta' pproċessar huwa l-istabbiliment u l-aġġornament tal-lista tal-persuni soġġetti għal miżuri restrittivi f'konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999, kif emendata bid-Deċiżjoni (PESK) 2026/1176, u r-Regolament (UE) 2020/1998 kif implimentat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2026/1177, dwar miżuri restrittivi kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem.
Is-suġġetti tad-data huma l-persuni fiżiċi li jissodisfaw il-kriterji għall-elenkar kif stipulati fid-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 u r-Regolament (UE) 2020/1998.
Id-data personali pproċessata tinkludi d-data meħtieġa għall-identifikazzjoni korretta tal-persuna kkonċernata, id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet u kwalunkwe data oħra relatata mar-raġunijiet għall-elenkar.
Il-bażijiet legali għat-trattament tad-data personali huma d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill adottati skont l-Artikolu 29 TUE u r-Regolamenti tal-Kunsill adottati skont l-Artikolu 215 TFUE li jiddeżinjaw persuni fiżiċi (suġġetti tad-data) u jimponu l-iffriżar tal-assi u r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar.
L-ipproċessar huwa meħtieġ għat-twettiq ta' kompitu li jsir fl-interess pubbliku skont l-Artikolu 5(1)(a) u għall-konformità mal-obbligi legali stipulati fl-atti legali msemmija hawn fuq li għalihom huwa soġġett il-kontrollur skont l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament (UE) 2018/1725.
L-ipproċessar huwa meħtieġ għal raġunijiet ta' interess pubbliku sostanzjali f'konformità mal-Artikolu 10(2)(g) tar-Regolament (UE) 2018/1725.
Il-Kunsill jista' jikseb data personali tas-suġġetti tad-data mill-Istati Membri u/jew mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. Ir-riċevituri tad-data personali huma l-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.
Id-data personali kollha pproċessata mill-Kunsill fil-kuntest tal-miżuri restrittivi awtonomi tal-UE tinżamm għal 5 snin mill-mument li s-suġġett tad-data jkun tneħħa mil-lista ta' persuni soġġetti għall-iffriżar tal-assi jew il-validità tal-miżura tkun skadiet jew, jekk titressaq azzjoni legali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sakemm tingħata sentenza finali. Id-data personali li tinsab f'dokumenti rreġistrati mill-Kunsill tinżamm mill-Kunsill għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament (UE) 2018/1725.
Il-Kunsill jista' jkollu bżonn jiskambja data personali dwar suġġett tad-data ma' pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali fil-kuntest tat-traspożizzjoni mill-Kunsill tad-deżinjazzjonijiet tan-NU jew fil-kuntest tal-kooperazzjoni internazzjonali rigward il-politika tal-UE dwar il-miżuri restrittivi.
Fin-nuqqas ta' deċiżjoni ta' adegwatezza, jew ta' salvagwardji xierqa, it-trasferiment ta' data personali lil pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali jkun ibbażat fuq il-kundizzjoni(jiet) li ġejja/ġejjin, skont l-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) 2018/1725:
|
— |
it-trasferiment ikun meħtieġ għal raġunijiet importanti ta' interess pubbliku; |
|
— |
it-trasferiment ikun meħtieġ għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta' talbiet legali. |
Ebda teħid ta' deċiżjoni awtomatizzat ma huwa involut fl-ipproċessar tad-data personali tas-suġġett tad-data.
Is-suġġetti tad-data għandhom id-dritt għall-informazzjoni u d-dritt ta' aċċess għad-data personali tagħhom. Għandhom ukoll id-dritt li jikkoreġu u jimlew id-data kollha tagħhom. F'ċerti ċirkostanzi, jista' jkollhom id-dritt li jiksbu t-tħassir tad-data personali tagħhom, jew id-dritt li joġġezzjonaw għall-ipproċessar tad-data personali tagħhom jew li jitolbu li din tiġi ristretta.
Tapplika d-Deċiżjoni Nru 2/2026 tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li tistabbilixxi regoli ta' implimentazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1725 u r-restrizzjoni tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data għall-fini ta' miżuri restrittivi.
Is-suġġetti tad-data jistgħu jeżerċitaw dawn id-drittijiet billi jibagħtu email lill-kontrollur b'kopja lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data kif indikat hawn fuq.
Mehmuża mat-talba tagħhom, is-suġġetti tad-data jridu jipprovdu kopja ta' dokument ta' identifikazzjoni biex jikkonfermaw l-identità tagħhom (karta tal-identità jew passaport). Dan id-dokument għandu jkollu numru ta' identifikazzjoni, il-pajjiż tal-ħruġ, il-perjodu ta' validità, l-isem, l-indirizz u d-data tat-twelid. Kull data oħra li tkun tinsab fil-kopja tad-dokument ta' identifikazzjoni, bħal ritratt jew xi karatteristika personali, tista' titgħatta bl-iswed.
Is-suġġetti tad-data għandhom id-dritt li jressqu lment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data f'konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 (edps@edps.europa.eu).
Qabel jagħmlu dan, hu rrakkomandat li s-suġġetti tad-data l-ewwel jippruvaw jiksbu rimedju billi jikkuntattjaw lill-kontrollur u/jew lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kunsill.
(1) ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj.
(2) ĠU L 410 I, 7.12.2020, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/1999/oj.
(3) ĠU L, 2026/1176, 28.5.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1176/oj.
(4) ĠU L 410 I, 7.12.2020, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/1998/oj.
(5) ĠU L, 2026/1177, 28.5.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/1177/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/2996/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)