|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/2638 |
8.5.2026 |
Pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata ta’ speċifikazzjoni tal-prodott ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)
(C/2026/2638)
KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD
(Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)
“Morbier”
Numru ta’ referenza tal-UE: PDO-FR-0179-AM04 — 16.2.2026
1. Isem il-prodott
“Morbier”
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
|
☑ |
DOP |
|
☐ |
IĠP |
|
☐ |
IĠ |
3. Settur
|
☑ |
Prodotti agrikoli |
|
☐ |
Inbejjed |
|
☐ |
Xarbiet spiritużi |
4. Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika
Franza
5. Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda standard
Organizzazzjoni
Il-Ministeru għall-Agrikoltura, għas-Settur Agroalimentari u għas-Sovranità tal-Ikel
6. Kwalifika bħala emenda standard
L-applikazzjoni għal emenda tad-DOP “Morbier” ma tinvolvi l-ebda waħda mit-tliet sitwazzjonijiet li jikkostitwixxu emenda tal-Unjoni; speċifikament ma:
|
(a) |
tinvolvix bidla fl-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta; |
|
(b) |
tirriskjax li xxejjen ir-rabta maż-żona ġeografika; |
|
(c) |
tinvolvix restrizzjonijiet ulterjuri fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott. |
Għalhekk, l-awtoritajiet Franċiżi jqisu li l-applikazzjoni hija għal emenda standard.
7. Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i
Titolu
Dipartiment responsabbli fl-Istat Membru
Deskrizzjoni
Id-dettalji ta’ kuntatt tal-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u tal-Kwalità ġew aġġornati.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Grupp applikant
Deskrizzjoni
Id-dettalji ta’ kuntatt tal-grupp applikant ġew aġġornati u żdiedet deskrizzjoni tal-kompożizzjoni tiegħu.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Tip ta’ prodott
Deskrizzjoni
It-taqsima relatata mat-tip ta’ prodott, li qabel kien iddefinit skont il-klassi tiegħu, tħassret mill-ispeċifikazzjoni tal-prodott.
|
☑ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Deskrizzjoni tal-prodott
Deskrizzjoni
Il-kontenut ta’ ndewwa minimu fuq bażi mingħajr xaħam tbaxxa minn 58 % għal 55 %. Il-produtturi qed jiżviluppaw firxa ta’ ġobon iktar matur u inqas niedi li huma apprezzati waqt id-dewqan.
|
☑ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Definizzjoni taż-żona ġeografika
Deskrizzjoni
Żdied li l-istadju tal-produzzjoni tal-ħalib huwa mifhum li jfisser l-operazzjoni tal-ħlib, sabiex jiġi speċifikat kif dan l-istadju għandu jiġi spezzjonat.
Żdiedet ukoll id-data tal-approvazzjoni taż-żona ġeografika, bħalma żdiedet il-lista ta’ muniċipalitajiet fiż-żona ġeografika, aġġornata f’konformità mal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tal-2024 (mingħajr ma nbidlet iż-żona ġeografika nnifisha). Finalment, ġie speċifikat li l-mapep taż-żona ġeografika jistgħu jinstabu fuq is-sit web tal-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u tal-Kwalità.
|
☑ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Evidenza li l-prodott joriġina fiż-żona ġeografika
Deskrizzjoni
Ġew aġġornati r-rekwiżiti tad-dikjarazzjoni: b’mod partikolari, tneħħa l-obbligu li tiġi ddikjarata l-preżenza ta’ għalf fermentat, peress li l-preżenza tiegħu fi kwalunkwe post fl-azjenda ġiet ipprojbita, u żdied l-obbligu li jiġi ddikjarat l-użu tal-għalf aħdar.
L-elementi ta’ traċċabbiltà tal-ħalib u tal-prodotti li jsiru għall-produtturi fil-farm ukoll inġiebu f’konformità mad-dispożizzjonijiet ġenerali u speċifiċi miżjuda mat-taqsima dwar il-metodu għall-produzzjoni tal-ġobon fil-farm.
L-elementi taż-żamma ta’ rekords li jippermettu li jiġu mmonitorjati l-kundizzjonijiet tal-produzzjoni ġew ukoll aġġornati f’konformità mad-dispożizzjonijiet miżjuda mat-taqsima dwar il-metodu tal-produzzjoni.
Il-karatteristiċi tal-pjanċi tal-kaseina użati biex jiġu identifikati l-ġobniet ġew emendati (minbarra l-isem “Morbier”, ix-xahar tal-produzzjoni, u n-numru tad-dipartiment minflok ismu). Żdied li, għall-ġobniet li jsiru fil-farm, il-pjanċa hija ħadra u mhux safra bħal għall-ġobniet l-oħrajn, u għandha l-indikazzjoni li huwa ġobon tal-farm. Finalment, il-ġurnata jew id-data (minflok ix-xahar tal-produzzjoni) titwaħħal mal-ġenb tal-ġobon, viċin il-pjanċa, biex ikun iktar faċli li l-ġobniet jiġu anonimizzati waqt id-dewqan.
Żdied li kwalunkwe ġobon li jitlef id-dritt li juża d-denominazzjoni minħabba li titneħħielu l-klassifikazzjoni ma jistax jiġi kkummerċjalizzat b’referenza għall-isem jew għall-apparenza viżiva karatteristika tal-“Morbier”, sabiex tiġi evitata kwalunkwe ambigwità.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Deskrizzjoni tal-metodu tal-produzzjoni
Deskrizzjoni
Il-ġestjoni tal-art u l-fertilizzazzjoni
Ġie introdotta definizzjoni ta’ żoni ta’ foraġġ jew ta’ żoni ta’ foraġġ potenzjali fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott għall-iskop tal-kontrolli.
Żdiedet ukoll definizzjoni tal-art bil-ħaxix permanenti (naturali jew mingħajr alternazzjoni għal iktar minn 5 snin u mħawla b’taħlita ta’ mill-inqas ħames speċijiet tal-mergħa perenni adizzjonali, inklużi tliet tipi ta’ ħaxix u żewġ legumi), li tissostitwixxi d-definizzjoni ta’ żona tal-art tal-mergħa sabiex tiġi ddifferenzjata minn żoni ta’ għelejjel tal-foraġġ. Minħabba l-ġeografija u l-klima tagħha, iż-żona ġeografika għall-“Morbier” hija magħmula fil-biċċa l-kbira minn artijiet bil-ħaxix, li, bis-saħħa tad-diversità florali tagħhom, jikkontribwixxu għar-rabta bejn l-ambjent ġeografiku u l-prodott.
Żdied li l-art bil-ħaxix permanenti trid tammonta għal tal-inqas 50 % taż-żona tal-foraġġ totali tal-azjenda, bl-għan li tinżamm maġġoranza ta’ artijiet bil-ħaxix fit-tul bi flora endoġena maħsuba għall-għalf tal-merħla.
Żdied li t-tiżrigħ żejjed ta’ art bil-ħaxix għal iktar minn 5 snin li kienet iddanneġġata (mingħajr ma nħartet) ma jaffettwax l-istatus tagħha bħala art bil-ħaxix permanenti, u dan jagħmilha possibbli li tiżdied id-diversità tal-flora eżistenti mingħajr ma jkollha impatt negattiv.
Żdied li l-qerda kimika ta’ art bil-ħaxix minn erbiċida mhux selettiva hija pprojbita sabiex jiġu protetti l-ambjent u s-saħħa, iżda t-trattamenti lokalizzati b’erbiċidi selettivi huma awtorizzati għall-ġlieda kontra l-ħaxix ħażin.
Żdied li l-fertilizzazzjoni bin-nitroġenu totali tal-art bil-ħaxix ma tridx taqbeż il-100 unità ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena għal kull roqgħa – ħlief għall-irqajja’ li jirċievu biss effluwenti solidi (kompost jew demel), li jistgħu jirċievu sa 120 unità ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena – biex jiġi llimitat ir-riskju tal-lissija tan-nitroġenu jew il-volatilizzazzjoni.
Id-doża massima ta’ inputs tan-nitroġenu minerali sintetiku tbaxxa minn medja ta’ 50 unità għal medja ta’ 40 unità ta’ nitroġenu għal kull ettaru.
Sabiex tiġi ppreservata l-kwalità tal-ħamrija u tal-flora, żdied dan li ġej:
|
— |
l-għadd ta’ applikazzjonijiet ta’ demel organiku huwa limitat għal tlieta għal kull roqgħa fis-sena; |
|
— |
il-volum ta’ demel organiku applikat ma’ kull darba ma jridx jaqbeż it-30 tunnellata ta’ demel jew 30 m3 ta’ demel likwidu għal kull ettaru; |
|
— |
id-doża annwali għal kull roqgħa hija limitata għal 50 tunnellata ta’ demel jew 50 m3 ta’ demel likwidu għal kull ettaru. |
Il-lista ta’ fertilizzanti organiċi awtorizzati ġiet issupplimentata biż-żieda li, mill-1 ta’ Jannar 2031, l-uniku ħama tal-pjanti tal-purifikazzjoni awtorizzat huwa l-ħama minn pjanti li esklużivament jittrattaw l-effluwenti u l-materja prima minn faċilitajiet tal-ipproċessar tad-DOP, b’mod partikolari biex tiġi evitata l-kontaminazzjoni mill-patoġeni umani u s-sustanzi niġġiesa kimiċi, filwaqt li jingħalaq iċ-ċirku ta’ materjali f’konformità mal-prinċipju tal-ekonomija ċirkolari. Barra minn hekk, jista’ jiġi applikat biss id-demel minn farms tal-bhejjem fiż-żona ġeografika li l-annimali tagħhom jingħalfu mingħajr għalf fermentat sabiex jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-produzzjoni dwar l-għalf tal-annimali stabbiliti fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott. Għall-istess raġuni, żdied li mill-1 ta’ Jannar 2031, jista’ jiġi applikat biss id-demel minn farms tal-bhejjem fiż-żona ġeografika li l-annimali tagħha jingħalfu mingħajr OĠM, biex il-produtturi konċernati jkunu jistgħu jadattaw is-sistemi tal-għalf tagħhom għal din ir-restrizzjoni ġdida.
Żdied li kwalunkwe skart veġetali applikat irid ikun fil-forma ta’ kompost jew kokompost u jrid jiġi mill-azjenda, sabiex jibbenifika mill-effett sanitizzanti taż-żieda fit-temperatura mill-kompost u biex jiġi evitat ir-riskju li jkun hemm pestiċidi preżenti fl-iskart veġetali minn individwi privati.
Żdied li d-diġestati minn unitajiet ta’ metanizzazzjoni huma awtorizzati għall-applikazzjoni, dment li l-unitajiet ikunu jinsabu fl-azjendi awtorizzati biex jipproduċu l-ħalib għall-produzzjoni tad-DOP jew ikunu misjuda kollettivament minn dan it-tip ta’ azjenda, jew li jkunu jinsabu fl-azjendi ta’ ħnieżer mingħajr OĠM fiż-żona ġeografika u jużaw ix-xorrox minn faċilitajiet tal-produzzjoni tad-DOP.
Barra minn hekk, l-inputs mill-metanizzaturi jiġu miż-żona ġeografika u jkunu esklużivament:
|
— |
demel minn annimali mgħalfa mingħajr għalf fermentat, li jkun jinkludi tal-inqas 60 % tal-inputs skont it-tunnellaġġ (mingħajr OĠM mill-1 ta’ Jannar 2031); |
|
— |
ilma tal-ħalib, xorrox, ħalib, xaħmijiet u ħama tal-pjanti tal-purifikazzjoni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ hawn fuq; |
|
— |
skart tal-ikel, dment li jiġi iġjenizzat sistematikament minn qabel; inkella, huwa permess biss l-iskart ibbażat fuq il-pjanti; |
|
— |
pjanti mhux fermentati: skart veġetali, skart tal-għelejjel, għalf maħmuġ, għelejjel intermedji għal skopijiet ta’ enerġija. |
Dawn id-dispożizzjonijiet kollha dwar id-diġestati mill-metanizzaturi jagħmluha possibbli li jiġi żgurat li l-flussi tal-materjali jkunu konsistenti fl-azjenda u mal-katina tal-produzzjoni tad-DOP.
Żdied li ma jista’ jinfirex l-ebda demel likwidu fuq il-borra u li d-demel likwidu ma jridx jinfirex fuq ħamrija friżata, sabiex jiġi evitat it-tniġġis li jista’ jagħmel ħsara lill-ekosistema tal-karst fiż-żona ġeografika.
Iż-żmien bejn it-tifrix tad-demel organiku u l-biedja ta’ żona tal-foraġġ żdied minn 4 ġimgħat għal 42 jum (jew 35 jum għall-ħsad tal-foraġġ niexef), sabiex jiġi allinjat mal-letteratura dwar il-ħajja tal-mikroorganiżmi patoġeniċi u hekk tiġi evitata l-kontaminazzjoni, peress li t-teknoloġija tal-produzzjoni għall-“Morbier” hija partikolarment sensittiva. Żdied ukoll li dan il-perjodu huwa ta’ 21 jum għad-demel minerali sintetiku.
Żdiedet definizzjoni għal “ħalib mogħti” (it-total tal-ħalib kollu mibjugħ mill-azjenda u l-ħalib kollu pproċessat fil-farm, taħt id-DOP u barra mid-DOP), sabiex tiġi ċċarata d-data li għandha tintuża għall-ispezzjonijiet.
Żdiedu wkoll id-definizzjonijiet għal “baqar tal-ħalib” (il-baqar li qed jaħilbu u li ma jaħilbux) u “merħla tal-baqar tal-ħalib” (il-baqar tal-ħalib, l-erħiet u l-għoġġiela) biex jiġi ċċarat liema annimali huma affettwati mill-kundizzjonijiet tal-produzzjoni differenti.
Żdied li l-produttur tal-ħalib jikkonforma mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott kull jum tas-sena, irrispettivament minn jekk il-ħalib jiġix ipproċessat f’“Morbier”, u li jekk il-produzzjoni tal-ħalib tiġi interrotta, il-baqar tal-ħalib jibqgħu fl-azjenda u ma jistgħux jittieħdu xi mkien ieħor. Dan sabiex jiġi żgurat li l-baqar tal-ħalib jiġu mmaniġġjati u mitmugħa f’konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott is-sena kollha u biex tiġi evitata l-produzzjoni tal-ħalib opportunistika.
Żdied li l-baqar tal-ħalib li jingħaqdu mal-azjenda u l-erħiet li jitwieldu fl-azjenda jew jingħaqdu magħha huma tal-kodiċi tar-razza korrispondenti u li trid tinżamm konformità maċ-ċertifikazzjoni tal-filjazzjoni tal-frat, sabiex tiġi żgurata konformità sħiħa mar-rekwiżit li jintużaw biss ir-razez Montbéliarde u Simmental Franċiżi (u l-inkroċjati tagħhom), li huma adattati għaż-żona ġeografika u li tradizzjonalment jintużaw biex isir il-“Morbier”.
Żdied li mis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2031/2032, għal kull azjenda u għal kull 100 000 litru ta’ ħalib mogħti kull sena, tal-inqas trid titwieled u titrabba erħa waħda għal kull grupp ta’ età, bl-għan li tiġi żgurata s-saħħa tajba tal-annimali, li tikkontribwixxi għall-kwalità tal-ħalib użat, iżda wkoll li jiġi żgurat il-benesseri tal-annimali f’termini tal-limitazzjoni tal-ħinijiet ta’ trasport, l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet tal-għajxien stabbli u l-preservazzjoni tal-għarfien prattiku tan-nissiela tal-azjendi.
Żdied li kwalunkwe baqra tal-ħalib tqil jew erħa introdotta fil-merħla tal-baqar tal-ħalib inqas minn xahar mid-data mistennija tat-twelid trid tkun ġiet mgħalfa mingħajr għalf fermentat jew OĠM matul ix-xahar qabel it-twelid, sabiex jiġi żgurat li l-għalf jikkonforma ma’ dawn iż-żewġ punti tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal ċertu perjodu ta’ żmien qabel il-produzzjoni tal-ħalib. Żdied ukoll li jekk l-erħiet jittieħdu xi mkien ieħor, jingħalfu mingħajr għalf fermentat u mingħajr OĠM fil-farm ospitanti tagħhom.
Iż-żona tar-ragħa attwalment użata żdiedet minn ettaru 1 għal 1,3 ettaru sabiex jiġu żgurati riżorsi suffiċjenti f’termini ta’ kwantità u ta’ kwalità (permezz ta’ ragħa iktar estensiv). Żdied ukoll li r-rata tal-istokkjar tal-azjenda ma tistax taqbeż total ta’ 1,3 unità ta’ bhejjem għal kull ettaru taż-żona tal-foraġġ, sabiex tiġi żgurata l-kontinwazzjoni ta’ sistemi ta’ biedja estensivi b’sistema ta’ għalf tal-foraġġ reżiljenti biżżejjed biex jingħalfu l-annimali kollha fl-azjenda, fid-dawl tat-tibdil fil-klima.
Żdied li l-ammont ta’ ħalib prodott minn azjenda awtorizzata ma jistax jaqbeż 4 600 litru ta’ ħalib mogħti għal kull ettaru ta’ żona tal-foraġġ jew żona tal-foraġġ potenzjali li tinsab fiż-żona ġeografika. Dan sabiex tissaħħaħ ir-rabta bejn il-prodott u ż-żona ġeografika tiegħu billi l-livell tal-produzzjoni tal-ħalib jiġi adattat għall-potenzjal tal-ħamrija u tal-klima taż-żona. L-applikazzjoni ta’ din ir-regola tista’ tiġi ddiferita għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2031-2032 għall-operaturi li jirrikjedu dan. B’mod simili, l-ammont totali ta’ ħalib mogħti mill-azjenda ma jistax jaqbeż 1,2 miljun litru ta’ ħalib għal kull sena ta’ kummerċjalizzazzjoni, f’konformità mal-prattiki tar-ragħa, il-monitoraġġ tal-annimali u l-livell tal-produzzjoni tal-ħalib fir-rigward tal-karatteristiċi tal-ambjent naturali. L-applikazzjoni ta’ din ir-regola tista’ tiġi ddiferita għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2031-2032 għall-operaturi li jirrikjedu dan. L-għadd ta’ baqar tal-ħalib huwa limitat għal 50 għal kull unità ta’ ħidma annwali (AWU, annual work unit) bil-mezzi tal-kalkolu tal-AWUs speċifikati għal kull tip ta’ xogħol (l-għadd ta’ AWUs b’salarju limitat għal 1,2 AWUs) u għal kull perċentwal ta’ ħin tax-xogħol, sabiex jiġu segwiti dawn l-istess objettivi.
Id-dispożizzjonijiet li jippermettu l-għalf ifrfermentat li għandu jintuża biex tingħalef merħla għajr il-merħla tal-baqar tal-ħalib (tali għalf diġà huwa pprojbit għall-merħla tal-baqar tal-ħalib fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott eżistenti), tħassru, peress li l-preżenza ta’ xi prodott tas-silaġġ jew għalf fermentat ieħor issa hija pprojbita matul is-sena kollha u fl-azjenda kollha.
Il-projbizzjoni fuq l-OĠM fl-għalf tal-merħla tal-baqar tal-ħalib ġiet issostitwita bi projbizzjoni għar-ruminanti kollha fl-azjenda, sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ kontaminazzjoni inkroċjata. Fir-rigward tal-għelejjel, il-kelma “transġenika” ġiet issostitwita b’“OĠM” għal raġunijiet ta’ konsistenza.
Żdied li l-għalf irid jinħażen fejn ikun protett mit-temp ħażin u ma jridx jitħammeġ jew irabbi l-moffa, sabiex tiġi ppreservata l-kwalità tal-ħuxlief u hekk jiġu promossi l-benesseri tal-annimali u l-kwalità tal-ħalib.
Żdiedu kundizzjonijiet dwar l-użu tal-għalf aħdar biex jiġi żgurat li jitwettaq taħt kundizzjoniijiet iġjeniċi u biex jitħeġġeġ ir-ragħa:
|
— |
l-art tal-mergħa tammonta għal tal-inqas nofs il-porzjon tal-għalf oħxon; |
|
— |
l-għadd ta’ jiem ta’ għalf aħdar, li jikkombina t-tipi kollha ta’ għalf, huwa limitat għal 100 jum fis-sena; |
|
— |
l-għalf jinħasad kif xieraq, jinġieb lura u jiġi distribwit frisk u ma jridx jissaħħan qabel jingħata lill-annimali; |
|
— |
il-ħwat jitnaddfu mill-fdalijiet qabel ma jiżdied xi għalf frisk. |
Fir-rigward tal-merħla tal-baqar tal-ħalib b’mod iktar speċifiku, li għaliha d-distribuzzjoni tax-xorrox – bl-eċċezzjoni tax-xorrox prodott fil-farms – hija pprojbita fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott eżistenti, żdied li jrid jiġi distribwit direttament wara l-manifattura sabiex jiġi llimitat ir-riskju li jiżviluppaw il-mikroorganiżmi.
Fir-rigward tal-baqar tal-ħalib, il-konsum bażiku ġie emendat sabiex jiġi awtorizzat l-għalf mill-art bil-ħaxix kif ukoll għalf ieħor (il-pitrava tal-foraġġ, il-qamħirrum aħdar, il-meslini, eċċ.), filwaqt li tinżamm il-lista’ ta’ għalf ipprojbit (il-kaboċċa, il-kurrat, eċċ.). L-użu tal-ħaxix u tal-ħuxlief huwa rregolat minn dispożizzjonijiet oħrajn (il-perċentwal minimu ta’ art bil-ħaxix permanenti, iż-żona minima ta’ art bil-ħaxix għal kull baqra fil-produzzjoni, eċċ.).
Iż-żona minima ta’ art bil-ħaxix li ssir disponibbli għal kull baqra li tipproduċi l-ħalib żdiedet minn 20 ar għal 25 ar sabiex jiġi żgurat li din ir-riżorsa tkun disponibbli, saħansitra f’kundizzjonijiet klimatiċi ħżiena.
Żdied li l-ħalib maħsub għall-produzzjoni tad-DOP jiġi minn azjendi fejn il-baqar tal-ħalib ma kkunsmawx għalf fermentat jew OĠM għal tal-inqas 6 xhur, sabiex tiġi żgurata flora mikrobika tipika ta’ sistema tal-għalf ibbażata fuq il-ħaxix u l-ħuxlief u biex jiġu evitati r-riskji għas-saħħa.
Fl-aħħar, ġie speċifikat li l-kwantità annwali massima ta’ għalf supplimentari fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott eżistenti għandha tinftiehem bħala l-medja għal kull baqra tal-ħalib, u li l-konsum tal-merħla tal-erħiet jiġi kkalkulat abbażi tal-ammont ta’ rata fissa ta’ 500 kilogramma għal kull unità ta’ bhejjem fl-istess merħla. Ġie speċifikat ukoll li dan l-ammont jinkludi l-pjanti mnixxfa. Dawn l-elementi varji jagħmluha possibbli li jiġu speċifikati l-proċeduri ta’ spezzjoni.
Żdied li r-robots tal-ħlib huma pprojbiti mill-azendi, u li l-ħlib irid isir f’ħinijiet regolari, bl-għan li tinżamm sistema ta’ ħlib f’intervalli regolari li tkun kompatibbli max-xejriet tar-ragħa attwali tal-baqar tal-ħalib.
Żdied li t-tindif, it-tħejjija tad-driegħ u t-twaħħil tal-biċċiet isiru manwalment, sabiex l-annimali jiġu mmonitorjati aħjar u tiġi evitata d-diżinfezzjoni ta’ rutina.
Żdied li t-tagħmir tal-ħlib jiġi spezzjonat kull sena, b’obbligu li jitwettqu t-tiswijiet rakkomandati f’massimu ta’ xahar. L-istess dispożizzjoni żdiedet għat-tagħmir tal-ħżin tal-ħalib. Dawn id-dispożizzjonijiet huma maħsuba biex jiżguraw li t-tagħmir ikun f’kundizzjoni ta’ ħidma tajba sabiex tiġi ppreservata l-kwalità tal-ħalib.
Żdied li l-perjodu ta’ ġbir tal-ħalib jista’ jiġi estiż minn kull żewġ taħlibiet għal tlieta f’każ ta’ problemi tat-traffiku tat-triq eċċezzjonali kkawżati minn kundizzjonijiet tat-temp ħżiena, f’konformità mad-dispożizzjoni fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott eżistenti li tippermetti li d-dewmien massimu qabel il-proċess tat-tames jiġi estiż għall-istess raġunijiet.
It-terminu “bini tal-produzzjoni”, li huwa vag wisq, ġie sostitwit b’“faċilità tal-produzzjoni”, li hija ddefinita bħala l-post fejn jitwettqu l-istadji kollha tat-tħejjija tal-ġobon, minn meta jasal il-ħalib sa meta jinbeda l-istadju tal-maturazzjoni.
Żdied li t-temperatura massima għall-ħżin tal-ħalib fil-faċilità hija ta’ 18 °C, kif diġà huwa ddikjarat fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott eżistenti għall-ħżin fil-farm (it-temperatura minima hija ta’ 10 °C). Dan sabiex jiġi ċċarat li l-istess rekwiżiti tat-temperatura japplikaw għall-ħażna tal-ħalib fil-farm u fil-faċilità tal-produzzjoni.
It-terminu “manifattura”, li huwa impreċiż wisq, ġie ssostitwit bi “proċess tat-tames”, mingħajr ma jinbidel il-proċess tal-manifattura.
Billi l-perjodu bejn l-iktar taħliba bikrija u l-proċess tat-tames jista’ jiġi estiż f’każ ta’ problemi tat-traffiku tat-triq skont l-ispeċifikazzjoni tal-prodott eżistenti, dan il-perjodu massimu huwa stabbilit għal 36 siegħa sabiex tiġi rregolata din il-prassi eċċezzjonali.
Żdiedu l-kundizzjonijiet għall-użu tal-fermenti lattiċi biex jiġi rregolat l-użu tagħhom (iż-żieda fil-forma likwida wara l-kultivazzjoni fil-ħalib, mezz tal-ħalib rikostitwit jew xorrox mill-faċilità, jew permezz tat-tiżrigħ dirett, u fil-każ ta’ mezz tal-ħalib rikostitwit, b’volum massimu ta’ 3 % tal-volum tal-ħalib użat u estratt niexef massimu ta’ 12 %).
It-temperatura massima li fiha jista’ jissaħħan il-ħalib tbaxxiet minn 40 °C għal 34 °C, f’konformità mal-prattiki kurrenti, inkluż għall-produzzjoni permezz tal-ħalib mhux ipproċessat.
Żdied li l-pH tal-ġobon jum wara l-ipproċessar bit-tames irid ikun inqas minn 5,35, sabiex jiġi vverifikat li l-proċess ippermetta aċidifikazzjoni sħiħa.
Żdied li l-punt li fih tibda tinqata’ l-baqta u jiġi skulat ix-xorrox, li huma l-iktar stadji importanti, jiġi deċiż mill-intervent uman, sabiex jiġi żgurat li dawn l-istadji tal-produzzjoni jistgħu jiġu adattati għal parametri differenti (b’mod partikolari il-kompożizzjoni tal-ħalib).
Żdied li l-użu tal-klorur tal-kalċju u tal-aċidu lattiku huwa awtorizzat għat-tiġdid tas-salmura, peress li jippermettu bilanċ ta’ kontenut minerali bejn is-salmura u l-ġobon.
L-ispeċi ta’ injam użat għat-twavel tal-maturazzjoni ġie speċifikat bħala abit, li jirregola l-kontenut ta’ ndewwa tal-ġobniet u għandu qawwa mekkanika tajba, li jippermetti li t-twavel jinżammu għal żmien itwal.
Żdied li t-twavel tal-maturazzjoni jitnaddfu u jitnixxfu wara kull lott sabiex jinżamm bilanċ mikrobijoloġiku filwaqt li tiġi żgurata l-kwalità tal-prodott f’termini ta’ iġjene.
Żdied li l-operaturi fis-settur iqiegħdu l-prodott fis-suq fi żmien 180 jum, mhux inkluża d-data “meta jiskadi”. Il-grupp sab li, filwaqt li l-medda tal-ġobniet disponibbli hija arrikkita b’ġobniet iktar maturi, iseħħu togħmiet mhux pjaċevoli u atipiċi u tnaqqis fil-kwalità wara 6 xhur ta’ maturazzjoni.
Żdiedu kundizzjonijiet tal-produzzjoni speċifiċi għall-ġobniet prodotti fil-farm biex jiġu ggarantiti l-karatteristiċi speċifiċi tal-produzzjoni fil-farm:
|
— |
il-volum ta’ ħalib totali pproċessat fil-farm għat-tipi kollha ta’ produzzjoni huwa limitat għal 500 000 litru fis-sena u, meta l-ħalib jinħażen fil-farm, jinħażen f’temperatura bejn 10 °C u 18 °C; |
|
— |
il-ħidma b’tankijiet magħluqin hija pprojbita; |
|
— |
il-ġobniet jiġu mmaturati mill-produttur tal-farm fis-sit tal-produzzjoni tiegħu. |
Finalment, żdiedu dispożizzjonijiet dwar il-preservazzjoni tal-għarfien, u l-produtturi tal-ħalib huma meħtieġa jgħaddu minn perjodu ta’ induzzjoni fis-settur fis-sena qabel jew wara l-awtorizzazzjoni tagħhom, u l-faċilitajiet ta’ produzzjoni awtorizzati huma meħtieġa jorganizzaw laqgħa annwali għall-produtturi tal-ħalib tagħhom.
Barra minn hekk, għal tal-inqas bidwi wieħed f’kull azjenda, żdied ir-rekwiżit li jipparteċipa darba f’sena f’laqgħa ta’ informazzjoni organizzata mill-faċilità ta’ produzzjoni jew mill-grupp.
Dawn id-dispożizzjonijiet huma maħsuba, minn naħa, biex jinfurmaw lill-produtturi tal-ħalib ġodda bir-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-prattiki tajba u, min-naħa l-oħra, biex jiġi ppreservat l-għarfien u tinżamm il-parteċipazzjoni tal-individwi kollha fil-ħajja komunitarja fis-settur.
|
☑ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Dettalji li juru r-rabta mal-ambjent ġeografiku
Deskrizzjoni
Il-formulalzzjoni ta’ din it-taqsima ġiet emendata mingħajr ma nbidlet ir-rabta maż-żona ġeografika. Ġie speċifikat li nofs il-foresta fiż-żona ġeografika hija magħmula minn siġar tal-abit u li l-karatteristiċi li jikkaratterizzaw iż-żona ġeografika huma affettwati b’mod negattiv mix-xejriet klimatiċi tal-lum.
|
☑ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Referenzi għall-korpi ta’ kontroll
Deskrizzjoni
Id-dettalji ta’ kuntatt tal-korpi ta’ spezzjoni ġew aġġornati.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
L-elementi speċifiċi tat-tikkettar
Deskrizzjoni
Żdied li r-rekwiżit għall-isem reġistrat u l-logo tad-DOP tal-Unjoni Ewropea li għandhom jidhru fuq it-tikkettar għandhom jinftiehmu li jkunu fl-istess kamp viżiv, minbarra l-informazzjoni obbligatorja prevista fil-leġiżlazzjoni dwar it-tikkettar u l-preżentazzjoni ta’ prodotti tal-ikel, għal skopijiet ta’ spezzjoni.
Ir-rekwiżit li tiġi identifikata l-faċilità ta’ maturazzjoni fuq it-tikkettar tal-ġobniet sħaħ ġie estiż biex japplika għat-tikkettar kollu tal-“Morbier”.
Żdied li ma huwiex obbligatorju li jiġi indikat it-tul tal-perjodu ta’ maturazzjoni, iżda jekk dan jiġi indikat, irid jieħu l-forma tal-għadd ta’ jiem minimu li l-ġobon ikun qatta’ f’impriża awtorizzata għall-maturazzjoni tal-“Morbier”.
|
☑ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Rekwiżiti nazzjonali
Deskrizzjoni
Il-punti ta’ spezzjoni ewlenin ġew aġġornati fid-dawl tal-bidliet fil-kundizzjonijiet tal-produzzjoni. B’mod partikolari, saret dispożizzjoni għall-punti relatati mal-produzzjoni tal-ġobon fil-farm.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
DOKUMENT UNIKU
Denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli
“Morbier”
Numru ta’ referenza tal-UE: PDO-FR-0179-AM04 — 16.2.2026
1. Isem/Ismijiet
“Morbier”
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
|
☑ |
DOP |
|
☐ |
IĠP |
|
☐ |
IĠ |
3. Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika definita
Franza
4. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu
4.1. Klassifikazzjoni tal-prodott agrikolu f’konformità mal-intestatura u l-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143
0406 – Ġobon u baqta
4.2. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat
Il-“Morbier” huwa ġobon magħmul minn ħalib tal-baqra mhux ipproċessat, b’pejst mhux imsajjar u ppressat, fil-forma ta’ ċilindru ċatt b’dijametru ta’ bejn 30 u 40 ċentimetru, għoli ta’ bejn 5 u 8 ċentimetri, li jiżen bejn 5 kg u 8 kg, b’uċuħ ċatti u ġenb kemxejn konvess.
F’kull felli, il-ġobon għandu linja sewda ċentrali kontinwa, amalgamata sew u orizzontali.
Il-qoxra tiegħu hija naturali, magħruka, ta’ apparenza regolari, imtebbgħa u li tħalli l-impronta tal-qafas tal-moffa. Il-kulur tagħha huwa beige għall-oranġjo bi sfumaturi ta’ kannella fl-oranġjo, ta’ aħmar fl-oranġjo u ta’ roża fl-oranġjo. Il-pejst tiegħu huwa omoġenju u ta’ kulur lewn l-avorju għal isfar ċar, spiss b’għadd ta’ toqob mifruxa id-daqs ta’ ribes aħmar jew bżieżaq żgħar iċċattjati. Hija ratba meta tmissha, lixxa u tinħall u ma teħilx ħafna fil-ħalq u s-sawra tagħha hija lixxa u fina. It-togħma hija ċara bi ħjiel tal-ħalib, tal-karamella, tal-vanilla u tal-frott. Maż-żmien, il-firxa aromatika ssir arrikkita bi sfumaturi ta’ xiwi, ta’ ħwawar u ta’ ħxejjex. It-togħmiet huma bilanċjati. Il-ġobon fih kontenut ta’ xaħam minimu ta’ 45 gramma għal kull 100 gramma wara d-dessikazzjoni sħiħa. Il-kontenut ta’ ndewwa tal-ġobon mingħajr xaħam irid ikun ta’ bejn 55 % u 67 %.
4.3. Derogi dwar l-akkwist ta’ għalf (għal prodotti li joriġinaw mill-annimali ddeżinjati b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta biss) u restrizzjonijiet fuq l-akkwist ta’ materja prima (għal prodotti proċessati deżinjati minn indikazzjoni ġeografika protetta biss)
Minħabba r-restrizzjonijiet fuq l-għalf tal-baqar tal-ħalib, madwar 70 % tal-għalf ta’ materja niexfa fis-sena jiġi miż-żona ġeografika.
Ir-riżorsi tal-għalf fiż-żona mhux dejjem ikunu suffiċjenti biex jingħalfu l-merħliet, u mhux l-għalf komplementari kollu jista’ jiġi prodott fiż-żona minħabba l-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima.
Minħabba li l-konsum bażiku tal-baqar tal-ħalib jiġi miż-żona ġeografika u l-kwantitajiet tal-għalf tal-annimali komplementari huma limitati, il-karatteristiċi tal-prodott, li essenzjalment huma dovuti għall-ambjent ġeografiku, ma humiex affettwati minn dawn il-fatturi esterni.
Il-konsum bażiku tal-baqar tal-ħalib jinkludi ħaxix li l-baqar jirgħu waqt il-perjodu kollu tat-tkabbir, u matul ix-xitwa, ħuxlief jew ħuxlief tat-tieni qatgħa li jinħasad bl-istess mod fiż-żona ġeografika, kif ukoll għalf ieħor minn art li tinsab fiż-żona ġeografika.
Sabiex tiġi żgurata rabta mill-qrib bejn iż-żona u l-prodott permezz ta’ għalf speċifiku taż-żona ġeografika, l-għalf supplimentari (inklużi l-pjanti deidratati) huwa limitat għal 1 800 kg għal kull baqra tal-ħalib fis-sena. Fl-azjenda, l-art tar-ragħa li attwalment tintuża trid tkun mill-inqas ta’ 1,3 ettari għal kull baqra tal-ħalib.
Il-baqar tal-ħalib jirgħu wara li jkun inħall is-silġ u malli l-kapaċità tat-tagħbija tal-ħamrija tippermetti dan. Fl-istaġun tar-ragħa, il-baqar li jkunu qed jipproduċu l-ħalib jużaw mill-inqas 25 ar ta’ art bil-ħaxix għal kull baqra tal-ħalib.
L-għalf iffermentat, kemm jekk huwa silaġġ kif ukoll jekk le, huwa pprojbit fl-azjenda matul is-sena kollha.
Huwa pprojbit li l-merħliet tar-ruminanti fl-azjenda jiġu fornuti b’għalf tal-annimali li huwa soġġett għar-rekwiżit tat-tikkettar stabbilit fir-regoli dwar l-organiżmi ġenetikament modifikati.
Il-ħalib użat għall-produzzjoni tal-“Morbier” jiġi biss minn merħla tal-baqar tal-ħalib Montbéliarde tat-tip razzjali 46, jew minn baqar Simmental Franċiżi tat-tip razzjali 35, jew mill-inkroċjati ta’ dawn iż-żewġ razez ta’ dixxendenza ċertifikata.
4.4. Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita
Il-produzzjoni tal-ħalib (it-taħlib) u l-produzzjoni u l-maturazzjoni tal-ġobon isiru fiż-żona ġeografika.
4.5. Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
-
4.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
Minbarra l-informazzjoni obbligatorja meħtieġa mir-regoli dwar it-tikkettar u l-preżentazzjoni tal-oġġetti tal-ikel, it-tikkettar ta’ kull ġobna bid-denominazzjoni ta’ oriġini “Morbier” jinkludi dawn li ġejjin fl-istess kamp viżiv:
|
— |
l-isem reġistrat tad-denominazzjoni ta’ oriġini b’karattri li jkunu mill-inqas tal-istess daqs bħall-ikbar karattri fuq it-tikketta; |
|
— |
il-logo tad-DOP tal-Unjoni Ewropea. |
It-tikkettar jista’ jinkludi wkoll il-kliem “appellation d’origine protégée” [denominazzjoni ta’ oriġini protetta”].
L-identifikazzjoni (l-isem jew l-isem kummerċjali u l-indirizz) tal-faċilità tal-maturazzjoni tintwera b’mod ċar fuq it-tikkettar.
Irrispettivament mir-referenzi regolatorji applikabbli għall-ġobniet kollha, l-użu ta’ kwalunkwe terminu jew ta’ referenza oħra flimkien mad-denominazzjoni ta’ oriġini huwa pprojbit fuq it-tikkettar, ir-reklamar, il-fatturi jew id-dokumenti kummerċjali, bl-eċċezzjoni ta’ trademarks speċifiċi.
Ma huwiex obbligatorju li jiġi inkluż il-perjodu tal-maturazzjoni. Jekk jiġi indikat fuq bażi volontarja, dan jieħu l-forma tal-għadd ta’ jiem minimu li l-ġobon qatta’ f’impriża awtorizzata għall-maturazzjoni tal-“Morbier”.
5. Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika
Il-produzzjoni tal-ħalib (it-taħlib) u l-produzzjoni u l-maturazzjoni tal-ġobon isiru fiż-żona ġeografika approvata mill-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u tal-Kwalità (INAO) fil-laqgħa tal-kumitat nazzjonali kompetenti tat-2 ta’ Ottubru 1998. Fid-data tal-approvazzjoni ta’ din l-ispeċifikazzjoni tal-prodott mill-kumitat nazzjonali kompetenti, din iż-żona tkopri t-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin, abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tal-2024:
Id-Dipartiment ta’ Ain: il-muniċipalitajiet ta’ Apremont, Belleydoux, Champfromier, Charix, Chézery-Forens, Confort, Echallon, Giron, Leaz, Lelex, Mijoux, Montanges, Plagne, Saint-Germain-de-Joux u Valserhône (il-parti biss li tikkorrispondi għat-territorju tal-muniċipalitajiet antiki ta’ Coupy u Lancrans).
Id-Dipartiment ta’ Doubs: il-muniċipalitajiet kollha tad-Dipartiment.
Id-Dipartiment ta’ Jura: il-muniċipalitajiet kollha bl-eċċezzjoni ta’ Annoire, Aumur, Champdivers, Chemin, Longwy-sur-le-Doubs, Molay, Peseux, Petit-Noir, Saint-Aubin, Saint-Loup u Tavaux.
Id-Dipartiment ta’ Saône-et-Loire: il-muniċipalitajiet ta’ Beaurepaire-en-Bresse, Beauvernois, Bellevesvre, Champagnat, Cuiseaux, Flacey-en-Bresse, Fretterans, Joudes, Mouthier-en-Bresse, Sagy, Saillenard, Savigny-en-Revermont u Torpes.
Il-mapep taż-żona ġeografika jistgħu jinstabu fuq is-sit web tal-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u tal-Kwalità.
6. Rabta maż-żona ġeografika
Sommarju tar-rabta
Iż-żona ġeografika tinkludi l-ark tal-muntanji Jura, ġabra ta’ plateaux tal-ġebla tal-ġir, u l-estensjoni tagħha f’parti żgħira tal-pjanura fil-qrib. L-altitudni hija ta’ spiss għolja. Il-pajsaġġ huwa maqsum bejn art bil-ħaxix u żona tal-foresti, li nofsha hija kkostitwita minn siġar tal-abit. Il-flora tal-ġebla tal-ġir naturali tal-art bil-ħaxix hija varjata ħafna.
Iż-żona kollha hija kkaratterizzata minn tip ta’ klima kontinentali, b’differenzi kbar fit-temperatura bejn ix-xitwa u s-sajf, u xita li, minkejja li tkun imqassma matul is-sena, hija konsiderevoli fis-sajf. Iż-żona kollha hija wkoll iddefinita minn klima tat-Tramuntana b’temperatura medja annwali baxxa (minkejja sħana konsiderevoli fis-sajf) u għadd kbir ta’ ġranet ta’ ġlata. Dan huwa ambjent muntanjuż jew sottomuntanjuż b’ħafna xita. Ix-xita diġà hija konsiderevoli f’altitudni baxxa u tiżdied hekk kif wieħed jidħol iktar ’il ġewwa fiż-żoni muntanjużi. Id-distribuzzjoni staġunali hija kkaratterizzata min-nuqqas ta’ staġun niexef. Din il-klima partikolament tiffavorixxi t-tkabbir tal-ħaxix.
Madankollu, dawn il-fatti kollha huma affettwati b’mod negattiv mit-tibdil fil-klima tal-lum il-ġurnata, b’nixfiet li issa huma possibbiltà fi kwalunkwe staġun.
Fiċ-ċentru u fit-Tramuntana tal-muntanji Jura, l-importanza tar-ragħa sawret l-ekonomija reġjonali bbażata essenzjalment fuq it-trobbija tal-bhejjem u fuq kollox fuq il-produzzjoni tal-ħalib.
L-eqdem dokument li jirreferi għall-“Morbier” imur lura għall-1799. Dak iż-żmien, il-ġobon diġà kien magħruf f’Pariġi, li jindika li l-oriġini tiegħu tmur iktar lura fiż-żmien. Oriġinarjament, kien jiġi prodott meta l-livell tal-ħalib kien baxx u b’mod partikolari ma kienx biżżejjed għall-produzzjoni ta’ rota tal-“Comté”. Il-produzzjoni tal-“Morbier” u tal-“Comté” huma marbuta mill-qrib ma’ xulxin.
Bħalissa hemm diversi teoriji dwar l-oriġini tal-produzzjoni tal-“Morbier”. Skont teorija minnhom, il-“Morbier” kien jiġi prodott minħabba l-ħtieġa, fil-farms, sabiex jintużaw iż-żewġ taħlibiet suċċessivi għall-produzzjoni ta’ ġobna ta’ bejn 8 u 10 kilogrammi. L-ewwel ħobża tal-baqta kienet tinkesa bin-nugrufun li kien jittieħed minn taħt il-kaldarun sabiex tiġi pprovduta protezzjoni mill-kontaminazzjoni esterna u biex jiġi evitat deterjorament tal-wiċċ qabel ma titpoġġa flimkien mal-baqtiet tal-lott li jmiss. Is-saff residwu kien jimmarka l-ġonta bejn iż-żewġ lottijiet.
L-applikazzjoni tal-karbonju bl-idejn tippreżumi bilanċ eżatt bejn il-kisi tal-baqtiet li kienu wisq nexfin u l-kisi tal-baqtiet li kienu wisq niedjin. Iż-żamma ta’ stadju li jsir bl-idejn jiggarantixxi li jinżamm l-għarfien prattiku tal-produtturi tal-ġobon fir-rigward tal-“Morbier”, kif ukoll ir-rispett lejn it-tradizzjoni.
Dawk li jrabbu l-bhejjem fil-muntanji Jura minn ġenerazzjoni għall-oħra għażlu razza ta’ baqra, il-“Montbéliarde”, li hija partikolarment adattata għall-kundizzjonijiet naturali lokali u li l-ħalib tagħha huwa adattat sew għat-teknoloġiji tal-produzzjoni tal-ġobon reġjonali. It-tieni, għażlu wkoll is-“Simmental”, li hija inqas prevalenti.
Il-“Morbier” huwa ġobon tal-ħalib tal-baqra li jiżen bejn 5 u 8 kg.
Il-“Morbier” huwa ġobon li jingħaraf minn linja sewda ċentrali kontinwa, amalgamata sew u orizzontali li tidher fil-felli kollu. L-istrixxa sewda tinkiseb biss permezz tal-kisi tal-karbonju veġetali fuq naħa mill-forom tal-baqtiet qabel l-ippressar. Bil-ġobon immarkat fiċ-ċentru b’din il-linja sewda magħrufa, il-pejst tiegħu huwa omoġenju, b’kulur lewn l-avorju għal isfar ċar u spiss b’għadd ta’ toqob mifruxin.
It-togħma hija ċara bi ħjiel tal-ħalib, tal-karamella, tal-vanilla u tal-frott. Maż-żmien, il-firxa aromatika ssir arrikkita bi sfumaturi ta’ xiwi, ta’ ħwawar u ta’ ħxejjex.
Is-sehem prinċipali tal-ħaxix fl-għalf tal-baqar tal-ħalib jinfluwenza l-karatteristiċi tal-ħalib u l-karatteristiċi organolettiċi tal-“Morbier”. Kull varjazzjoni fil-kompożizzjoni floristika tal-art bil-ħaxix tissarraf f’varjazzjonijiet fl-isfumaturi aromatiċi tal-ġobon. Dan l-effett jiġi faċilment ivverifikat matul l-istaġuni. Din hija r-raġuni għaliex diversi kundizzjonijiet tal-produzzjoni fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott għandhom l-għan li jippreservaw id-diversità tal-flora naturali. Dawn ir-riżorsi tal-ħaxix ġew ippreservati bil-projbizzjoni ta’ għelejjel ġenetikament modifikati, li jistgħu jibdlu l-kompożizzjoni tal-flora jew jillimitaw id-diversità tagħha. Ir-rikkezza tal-flora tal-art bil-ħaxix hija wkoll ippreservata permezz tar-restrizzjoni tal-inputs tal-fertilizzant.
Il-forma tal-ġobon (ċilindru ta’ daqs medju) oriġinarjament kienet adattata għall-produzzjoni fil-farms tal-muntanji. Permezz ta’ żewġ produzzjonijiet, li jikkorrispondu għal żewġ taħlibiet, seta’ jinkiseb daqs pjuttost kbir, biex b’hekk jiġi llimitat it-telf matul il-ħżin. Dan id-daqs sussegwentement jintuża mill-imħaleb tal-ġobon (il-kooperattivi tal-produzzjoni tal-ġobon), biex b’hekk jippermettu l-produzzjoni tal-ġobon meta l-livell tal-produzzjoni tal-ħalib ikun baxx. Din ir-rabta mal-produzzjoni ta’ pejsts imsajrin u ppressati, u b’mod partikolari l-“Comté”, tinstab fit-tekniki għat-titbigħ tal-qoxra. Dan it-tip ta’ kura jikkontribwixxi, lil hinn mill-apparenza, għat-togħma speċjali tal-ġobon.
L-użu tal-injam għall-maturazzjoni jikkostitwixxi rabta diretta mar-rekwiżiti teknoloġiċi u mal-eżistenza qrib foresti kbar ta’ siġar koniferi li huma parti mill-ambjent naturali. Sabiex tinkiseb sawra fina u lixxa u l-espressjoni ta’ sfumaturi fini fit-togħma tal-“Morbier”, huwa essenzjali li jintuża ħalib mhux ipproċessat bi flora lattika partikolari. It-tneħħija tal-lattożju, filwaqt li tikkontribwixxi għas-sawra tal-“Morbier”, tippermetti l-espressjoni ta’ dawn l-isfumaturi aromatiċi sekondarji.
Il-linja sewda ċentrali inizjalment inkisbet permett tan-nugrufun mill-kaldarun. Din it-teknika tafferma r-rabta mal-produzzjoni ta’ pejsts imsajrin u ppressati fil-Franche-Comté.
Referenza elettronika (URL) għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott
https://info.agriculture.gouv.fr/boagri/document_administratif-5759f38d-2678-4639-9b82-7d7541359a02
(1) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/2638/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)