European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/2602

20.5.2026

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-Pakkett tat-Tkabbir 2025 — Il-Balkani tal-Punent u t-Turkija

(C/2026/2602)

Relatur

:

Gillian COUGHLAN (IE/Renew Europe) Kunsilliera, Kunsill tal-Kontea ta’ Cork

Dokumenti ta’ referenza

:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Komunikazzjoni tal-2025 dwar il-politika ta’ tkabbir tal-UE — COM(2025) 690

SWD (2025) 750; SWD (2025) 751; SWD (2025) 752; SWD (2025) 753; SWD (2025) 754; SWD (2025) 755; SWD (2025) 756

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR)

Kummenti ġenerali

1.

jilqa’ b’interess kbir il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-2025 dwar il-politika tat-tkabbir tal-UE u r-rapporti tal-pajjiżi li jakkumpanjawha, u jistenna bil-ħerqa r-riformi ta’ qabel it-tkabbir u r-rieżami tal-politika, b’mod partikolari fir-rigward tar-rieżamijiet tal-politika ta’ koeżjoni, il-politika agrikola komuni u l-qafas istituzzjonali ġenerali. Fl-istess ħin, jenfasizza l-importanza strateġika partikolari tat-tkabbir tal-UE għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent bħala miżura li suppost ilha li ttieħdet biex jimtlew il-lakuni sabiex tiġi kkompletata l-komunità Ewropea tal-paċi u l-valuri;

2.

jirrikonoxxi li l-gwerra Russa kontra l-Ukrajna ttrasformat ix-xenarju tas-sigurtà tal-Ewropa, u jfakkar li t-tkabbir tal-UE huwa imperattiv ta’ sigurtà u imperattiv strateġiku demokratiku u soċjetali, ibbażat fuq l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-gvernijiet nazzjonali tal-pajjiżi ta’ adeżjoni jaraw it-tkabbir mhux biss bħala proċess tekniku iżda billi jqisu wkoll l-impatt tanġibbli tiegħu fuq iċ-ċittadini u l-komunitajiet lokali, u għaldaqstant jirrikonoxxu li l-ewwel linja tad-demokrazija tinsab fil-bliet u r-reġjuni, li r-reżiljenza u l-benesseri tagħhom huma marbuta b’mod dirett ma’ dawkk tal-UE kollha kemm hi, u jenfasizza f’dan ir-rigward il-ħtieġa li tissaħħaħ ir-reżiljenza demokratika, inkluż l-appoġġ kontra t-theddid ibridu, id-diżinformazzjoni u l-pressjonijiet fuq l-ispazju ċiviku;

3.

jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għal adeżjoni bbażata fuq il-mertu tal-Balkani tal-Punent u tat-Turkija, u fl-istess ħin jenfasizza li l-adeżjoni trid tkun ibbażata b’mod sod fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; jenfasizza li l-integrazzjoni gradwali tista’ tagħmel lill-UE aktar tanġibbli għaċ-ċittadini fil-pajjiżi fin-negozjati, ittejjeb il-ħajja tagħhom ta’ kuljum u trawwem l-involviment u l-fiduċja matul dak li jista’ jkun vjaġġ twil lejn is-sħubija fl-UE;

4.

jirrimarka li l-bliet u r-reġjuni jinsabu fuq quddiem nett fit-trasformazzjoni tas-soċjetà, l-iżvilupp tal-infrastruttura u t-twassil tal-benefiċċji konkreti tal-perkors Ewropew, anke meta l-awtoritajiet nazzjonali ma jkunux biżżejjed. Kwalunkwe fastidju, detenzjoni arbitrarja jew intimidazzjoni tas-sindki u tal-uffiċjali eletti lokali jridu jiġu miġġielda b’mod sod; iħeġġeġ lill-muniċipalitajiet madwar l-UE u lill-pajjiżi kandidati jipparteċipaw f’inizjattivi bħall-Osservatorju Internazzjonali tas-Sindki li jinsabu f’Riskju tall-muniċipalità ta’ Istanbul u jafferma r-rieda tiegħu li jipprovdi appoġġ sinifikanti;

5.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-gvernijiet nazzjonali biex jirrikonoxxu formalment lill-awtoritajiet sottonazzjonali bħala msieħba ewlenin fl-implimentazzjoni tal-istandards Ewropej f’firxa ta’ oqsma u jemmen li, għalhekk, għandhom ikunu rikonoxxuti bħala msieħba istituzzjonali u kkonsultati matul il-proċess tat-tkabbir tal-UE; għalhekk jappella għall-involviment sistematiku u bikri tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-riformi relatati mal-adeżjoni; jinsab lest li joffri appoġġ biex jikkontribwixxi għall-abbozzar ta’ rapporti dwar it-tkabbir permezz tal-involviment strutturat tal-kumitati konsultattivi konġunti (JCCs) u tal-gruppi ta’ ħidma u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiggarantixxi l-parteċipazzjoni tal-KtR f’fora ewlenin tal-UE, fosthom is-summits tal-Balkani tal-Punent u l-Forum tal-UE dwar it-Tkabbir, sabiex jiġi żgurat li l-prijoritajiet lokali jinfurmaw l-istabbiliment tal-aġenda, l-ippjanar u r-riformi;

6.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tagħmel id-demokrazija lokali, kif ukoll l-iżvilupp ekonomiku lokali u reġjonali bilanċjat, elementi integrali tal-proċess ta’ adeżjoni mal-UE; jisħaq li għandha tingħata attenzjoni partikolari lir-reġjuni rurali, periferiċi, muntanjużi u inqas żviluppati; iwissi li jekk dawn l-aspetti jiġu injorati jiżdiedu r-riskji ta’ eżodu ta’ mħuħ, rigress demokratiku, destabbilizzazzjoni, u interferenza esterna fil-pajjiżi aderenti;

7.

joffri li jiġu organizzati kampanji ta’ sensibilizzazzjoni għall-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pajjiżi tal-adeżjoni, flimkien mal-laqgħat tal-Kumitati Konsultattivi Konġunti/Gruppi ta’ Ħidma, rigward ir-rwol kruċjali tagħhom fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE fil-prattika, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, biex jixprunaw ir-riformi u jiżguraw li ċ-ċittadini jkollhom sjieda tal-proċess ta’ adeżjoni;

8.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura riżorsi baġitarji adegwati u tistabbilixxi programm strutturat u faċilment aċċessibbli ffinanzjat mill-UE għall-bini tal-kapaċitajiet, għall-iżvilupp tar-riformi istituzzjonali, u għall-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Istati Membri u l-pajjiżi tal-adeżjoni. Programm bħal dan għandu jibni fuq inizjattivi ta’ suċċess, inklużi l-proġett Appoġġ għal Taħriġ u Internship għall-Muniċipalitajiet Ukreni (TIPS4UA) tal-KtR, il-proġett UE għall-Muniċipalitajiet u l-programm Assistenza Teknika u Skambju ta’ Informazzjoni (TAIEX), u jista’ jinkludi mekkaniżmu ta’ stil Erasmus+ bejn il-pari biex jitrawwem l-iskambju tal-għarfien, il-proġetti konġunti, ir-reżiljenza u l-integrazzjoni u l-koeżjoni aċċellerati tal-UE;

9.

jappoġġja bil-qawwa l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea qed tissikka l-mekkaniżmu tal-kundizzjonalità tal-istat tad-dritt, iżda jappella għal miżuri biex jiġi żgurat li l-fondi miżmuma mill-Istati Membri jew mill-gvernijiet nazzjonali tal-pajjiżi tal-adeżjoni minħabba ksur tal-istat tad-dritt jibqgħu aċċessibbli għall-bliet u r-reġjuni f’dawk il-pajjiżi;

10.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura li l-istrumenti ta’ finanzjament ta’ qabel l-adeżjoni jinkludu sejħiet iddedikati biex jappoġġjaw il-ġemellaġġ tal-bliet, il-kooperazzjoni intermuniċipali u interreġjonali bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi tat-tkabbir; jenfasizza li sħubijiet konkreti, kooperazzjoni bejn il-pari, skambji kulturali, żjarat ta’ studju, proġetti pilota konġunti u t-trasferiment ta’ prattiki tajbin fl-iżvilupp lokali, is-servizzi pubbliċi, l-ippjanar territorjali u l-governanza huma mezzi effettivi biex l-Unjoni Ewropea titqarreb lejn iċ-ċittadini, tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka u jissaħħu l-kapaċità amministrattiva u t-tħejjija għall-adeżjoni mal-UE fil-livell lokali u reġjonali;

11.

jilqa’ l-kontribut tan-networks tal-bliet Ewropej u l-inizjattivi reġjonali, inklużi l-Eurocities u n-Network tal-Bliet tal-Balkani B40, fit-trawwim tal-integrazzjoni bikrija tal-bliet minn pajjiżi kandidati fl-oqfsa ta’ governanza Ewropej, u jappoġġja r-rwol tagħhom fit-twettiq ta’ kooperazzjoni strutturata dwar l-azzjoni klimatika, id-demokrazija, id-diġitalizzazzjoni u l-iżvilupp ekonomiku lokali; jenfasizza, f’dan il-kuntest, kooperazzjoni konkreta bejn il-bliet bl-involviment ta’ Sofija u bliet imsieħba mill-Balkani tal-Punent, inkluż permezz ta’ finanzjament mill-proġett CIVIC Act — Attiviżmu Ċiviku għal Demokrazija Reżiljenti — tal-Programm CERV, li jlaqqa’ flimkien lill-bliet Sofija, Tirana u Podgorica għat-tisħiħ tal-parteċipazzjoni ċivika u r-reżiljenza demokratika;

Kummenti speċifiċi għall-pajjiż

L-ALBANIJA

12.

jilqa’ l-progress sinifikanti miksub mill-Albanija, li wassal għall-ftuħ tal-ġabriet kollha ta’ negozjar. jilqa’ wkoll l-ambizzjoni li n-negozjati tal-adeżjoni jingħalqu sa tmiem l-2027 u jħeġġeġ lill-forzi politiċi u lill-partijiet ikkonċernati kollha jżidu l-isforzi tagħhom u jaħdmu flimkien biex jiżguraw aktar progress;

13.

ifaħħar il-formazzjoni tal-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Muniċipalitajiet tal-Albanija u t-tnedija ta’ Kumitat Konsultattiv Konġunt, li jfaħħar l-entużjażmu tal-imsieħba Albaniżi u l-approċċ inklużiv tagħhom;

14.

ifakkar lill-gvern Albaniż li d-deċentralizzazzjoni fiskali hija essenzjali biex l-awtoritajiet lokali jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom b’mod sostenibbli, b’mod partikolari hekk kif ir-responsabbiltajiet jespandu fil-kuntest tal-adeżjoni mal-UE. Ir-riforma amministrattiva u territorjali għandha tkun iggwidata mill-funzjonijiet u l-kompiti tal-muniċipalitajiet aktar milli mill-kunsiderazzjonijiet elettorali, bid-daqs ideali ta’ muniċipalità li jirrifletti l-kapaċità tagħha li tipprovdi servizzi b’mod effettiv. Hija għandha ssegwi wkoll l-istandards Ewropej u Internazzjonali, fosthom konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-minoranzi nazzjonali u tiżgura d-dritt tal-minoranzi li jipparteċipaw b’mod effettiv fl-affarijiet pubbliċi fil-livell lokali;

15.

jiddispjaċih dwar il-fatt li l-gvern ċentrali talab għar-riżenji tal-uffiċjali lokali fl-2025, u jenfasizza li d-demokrazija lokali għandha tiżviluppa b’mod indipendenti, f’konformità mal-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokali; barra minn hekk, jenfasizza l-importanza ta’ reklutaġġ, promozzjoni u tkeċċija bbażati fuq il-mertu biex tiġi żgurata amministrazzjoni lokali professjonali u depolitiċizzata;

16.

jilqa’ l-progress kontinwu tal-Albanija fir-riforma ġudizzjarja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata u l-libertà tal-media, u fl-istess ħin iħeġġeġ sabiex jiġu aċċellarati r-riformi relatati mal-UE u kapaċità amministrattiva aktar b’saħħitha fil-livelli kollha;

17.

ifaħħar id-delegazzjoni pilota tal-kompetenzi fis-saħħa, fl-edukazzjoni u fl-agrikoltura lil erba’ muniċipalitajiet, u jenfassa l-ħtieġa għal finanzjament adegwat, għarfien espert tekniku u bini tal-kapaċitajiet sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul;

IL-BOŻNIJA-ĦERZEGOVINA

18.

jistieden lill-Bożnija-Ħerzegovina tadotta u tinforza riformi kostituzzjonali, leġiżlattivi u proċedurali, b’mod partikolari emendi fil-liġi elettorali sabiex timplimenta s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Bożnija-Ħerzegovina u tiżgura li t-tliet popli kostitwenti jkunu rappreżentati b’mod leġittimu fl-istituzzjonijiet tal-istat u li ċ-ċittadini kollha jkunu jistgħu jiġu eletti fi kwalunkwe istituzzjoni; kif ukoll biex tinforza r-rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) biex issaħħaħ l-integrità elettorali, tiżgura parteċipazzjoni inklużiva, ittejjeb il-funzjonament tal-istituzzjonijiet, u b’hekk tippermetti impenn lokali u reġjonali sħiħ fl-integrazzjoni tal-UE;

19.

iħeġġeġ lill-Bożnija-Ħerzegovina, wara d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2024, biex tieħu l-passi rilevanti kollha stabbiliti fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Ottubru 2022 bil-għan li l-qafas ta’ negozjar jiġi adottat mill-Kunsill meta dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati. Bi prijorità, il-Bożnija-Ħerzegovina għandha tadotta l-Liġi l-ġdida dwar il-Kunsill Ġudizzjarju u ta’ Prosekuzzjoni Għoli u l-Liġi dwar il-Qrati f’konformità mal-istandards Ewropej u timplimenta s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Bożnija-Ħerzegovina; jissottolinja li, biex proċess ta’ adeżjoni jirnexxi, huwa importanti li jkun hemm kollaborazzjoni lil hinn mid-differenzi politiċi, u l-punt ta’ tluq għandu jkun il-ħatra ta’ kap negozjatur ewlieni;

20.

jesprimi diżappunt bil-parteċipazzjoni baxxa tal-votanti ta’ inqas minn 35 % fl-elezzjoni bikrija presidenzjali tar-Republika Srpska, u jenfasizza t-tħassib dwar l-implikazzjonijiet li jirriżultaw għal-leġittimità demokratika; jappella għal miżuri biex tissaħħaħ id-demokrazija lokali, tiżdied il-parteċipazzjoni elettorali u jiġu żgurati t-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont fl-elezzjonijiet futuri;

21.

jikkundanna l-azzjonijiet mit-tmexxija tar-Repubblika Srpska li qed iwasslu għas-seċessjoni tal-entità mill-Bożnija-Ħerzegovina u jistieden lir-Repubblika Srpska tirrikonoxxi u tinforza bis-sħiħ id-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Bożnija-Ħerzegovina u tirrispetta l-ordni kostituzzjonali tal-pajjiż;

22.

jiddubita d-deċiżjoni tal-Istati Uniti li jneħħu s-sanzjonijiet fuq Milorad Dodik u uffiċjali oħra tar-Repubblika Srpska, u jistieden lill-UE timponi sanzjonijiet immirati fuq l-atturi kollha fil-Bożnija-Ħerzegovina li jdgħajfu s-sovranità, l-integrità territorjali jew l-ordni kostituzzjonali tagħha, bħala miżura biex tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà u appoġġjata l-integrazzjoni tal-UE;

23.

jafferma mill-ġdid l-impenn tal-KtR li jappoġġja lill-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Bożnija-Ħerzegovina fit-triq tal-integrazzjoni tal-UE permezz tal-Grupp ta’ Ħidma u, meta l-kundizzjonijiet jippermettu, Kumitat Konsultattiv Konġunt, li jenfasizza r-rwol kruċjali tal-awtoritajiet sottonazzjonali kollha bħala atturi ewlenin fl-implimentazzjoni tar-riformi u l-acquis tal-UE fil-livell lokali, fuq l-eżempju tajjeb tal-canton ta’ Sarajevo u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

24.

jenfasizza li l-isfidi ma jirriżultawx mill-istruttura deċentralizzata iżda minn nuqqas ta’ rieda politika u impenn kostruttiv. Itenni li d-deċentralizzazzjoni, meta tiġi implimentata sew u ffinanzjata b’mod adegwat, tista’ tkun saħħa aktar milli ostaklu, u li l-livelli ta’ governanza jridu jippromovu l-koordinazzjoni, jirrinunzjaw il-vetoes etniċi u jadottaw deċiżjonijiet prammatiċi biex isaħħu l-funzjonalità, ir-responsabbiltà u t-twassil tas-servizz pubbliku;

25.

jilqa’ l-Aġenda ta’ Riforma ta’ Settembru 2025 u l-approvazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea; jisħaq, madankollu, li l-implimentazzjoni effettiva tagħha hija essenzjali sabiex il-Bożnija-Ħerzegovina tibbenefika bis-sħiħ mill-Pjan ta’ Tkabbir għall-Balkani tal-Punent, b’mod partikolari fil-livell lokali u reġjonali;

26.

jistieden lill-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina javvanzaw it-tħejjijiet għall-Kapitolu 22 dwar il-Politika Reġjonali u l-Koordinazzjoni tal-Istrumenti Strutturali billi jadottaw strateġija nazzjonali għall-fondi strutturali u ta’ koeżjoni, isaħħu l-kapaċità għall-ġestjoni tal-assistenza tal-UE u jtejbu l-ġestjoni tal-investiment pubbliku permezz ta’ sensiela ta’ proġetti aġġornata u trasparenti;

IL-KOSOVO

27.

jilqa’ l-organizzazzjoni b’suċċess ta’ elezzjonijiet lokali paċifiċi u inklużivi li saru fil-ħarifa tal-2025, bil-parteċipazzjoni tal-komunitajiet kollha, u jinnota li l-involviment imġedded tal-komunità Serba tal-Kosovo ssaħħaħ il-leġittimità tal-istituzzjonijiet muniċipali u ġabet lura l-funzjonament tad-demokrazija lokali;

28.

jinnota li, bl-istabbiliment mill-ġdid tal-parteċipazzjoni demokratika lokali inklużiva, il-ġustifikazzjoni oriġinali għall-miżuri tal-UE imposti fuq il-Kosovo ma għadhiex tapplika, u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tneħħi, bħala kwistjoni ta’ prijorità, dawk il-miżuri li affettwaw direttament lill-muniċipalitajiet billi ssospendew il-finanzjament tal-UE, li għandu impatt ċar u immedjat fuq il-benesseri taċ-ċittadini; jitlob b’mod parallel li jitnaqqsu t-tensjonijiet, b’mod partikolari fit-Tramuntana u jiġi żgurat l-aċċess għal servizzi pubbliċi u soċjali bażiċi għaċ-ċittadini kollha;

29.

jirrikonoxxi l-impenn kontinwu tal-Kosovo fit-triq tiegħu lejn l-UE u l-appoġġ pubbliku qawwi għall-integrazzjoni Ewropea, u fl-istess ħin jiddispjaċih li l-polarizzazzjoni politika u l-istaġnar istituzzjonali fit-tul fil-livell ċentrali naqqsu r-ritmu tar-riformi; jisħaq fuq il-ħtieġa li jittejbu l-koordinazzjoni u l-fiduċja bejn l-awtoritajiet ċentrali u lokali, peress li t-tensjonijiet persistenti fil-governanza jdgħajfu l-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni u l-politiki f’oqsma ewlenin bħar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, il-protezzjoni tal-komunitajiet mhux maġġoritarji, il-protezzjoni ambjentali, l-azzjoni klimatika u s-servizzi pubbliċi bażiċi;

30.

iħeġġeġ lill-Kosovo u lis-Serbja biex jimpenjaw ruħhom b’mod kostruttiv fid-djalogu ffaċilitat mill-UE, u biex il-Kosovo jieħu passi immedjati lejn l-istabbiliment tal-Assoċjazzjoni/Komunità ta’ Muniċipalitajiet b’Maġġoranza Serba f’konformità mal-proposta Ewropea ta’ Ottubru 2023, u jenfasizza l-kontribut li l-membri tal-KtR jistgħu jagħtu permezz tal-għarfien espert tagħhom, speċjalment fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti;

31.

jappella għat-tisħiħ ulterjuri tal-kapaċità amministrattiva muniċipali, fosthom sorveljanza finanzjarja mtejba, ippjanar baġitarju sod u applikazzjoni konsistenti ta’ żvilupp professjonali bbażat fuq il-mertu, evalwazzjoni tal-prestazzjoni u sistemi ta’ promozzjoni biex tiġi żgurata governanza lokali sostenibbli u responsabbli; jenfasizza l-importanza ta’ investimenti fil-livell muniċipali fis-sistemi tal-ilma u tal-iskart, l-iskemi ta’ riċiklaġġ u l-miżuri ta’ adattament għall-klima, li huma kritiċi għall-istandards tal-għajxien u jallinjaw mal-isforzi kontinwi tal-Kosovo biex jimplimenta standards ambjentali;

32.

jistieden lill-Kosovo biex jastjeni minn miżuri li jħallu impatt negattiv fuq il-ħajja ta’ kuljum tan-nies fil-komunitajiet lokali, b’mod partikolari fit-Tramuntana tal-pajjiż; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li tensjonijiet ma jeskalawx b’mod mhux intenzjonat u lanqas li l-progress fid-Djalogu jiġi mxekkel;

33.

jemmen li, fid-dawl tar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Mejju 2025 u bil-għan li jiġu żgurati l-koerenza istituzzjonali u ċ-ċarezza politika u li jiġu riflessi l-prospetti Ewropej tal-Kosovo, għandu jsir allinjament tat-terminoloġija ma’ dik tal-Parlament Ewropew, billi jitwaqqaf l-użu tad-deżinjazzjoni “Kosovo*” u n-nota ta’ qiegħ il-paġna li takkumpanjaha fid-dokumenti pubbliċi tiegħu;

IL-MONTENEGRO

34.

jilqa’ r-Rapport dwar it-Tkabbir 2025 tal-Kummissjoni Ewropea li jikkonferma li l-Montenegro għadu fit-triq it-tajba lejn is-sħubija fl-UE u għadu l-aktar pajjiż kandidat avvanzat, dan jipprovdi ċertezza għall-muniċipalitajiet fl-ippjanar fit-tul u għall-użu tal-appoġġ ta’ qabel l-adeżjoni; jilqa’ l-ambizzjoni tal-pajjiż li jtemm in-negozjati tal-adeżjoni sa tmiem l-2026;

35.

jinnota li, minkejja l-progress ġenerali, l-istituzzjonijiet demokratiċi għadhom fraġli u l-implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet ewlenin fil-kapitoli dwar il-Prinċipji Fundamentali spiss tkun parzjali, b’implikazzjonijiet diretti għall-governanza lokali, il-kredibbiltà elettorali u l-fiduċja taċ-ċittadini fit-teħid tad-deċiżjonijiet;

36.

iħeġġeġ lill-gvern ċentrali tal-Montenegro jħaddan deċentralizzazzjoni effettiva billi jiżgura li l-muniċipalitajiet ikollhom dħul sostenibbli minn sorsi proprji u kompetenzi definiti b’mod ċar, b’mod partikolari fil-ġestjoni tat-territorju u l-iżvilupp lokali sostenibbli; jinnota li l-kontroll ċentrali kontinwu fuq il-governanza tal-art, inklużi l-parks nazzjonali u ż-żoni kostali estensivi, jillimita b’mod sinifikanti l-kapaċità tal-muniċipalitajiet li jwettqu ppjanar trasparenti, jattiraw l-investiment sostenibbli u jimplimentaw politiki ambjentali, territorjali u relatati mal-klima f’konformita mal-aquis tal-UE; jisħaq li tali deċentralizzazzjoni għandha tkun allinjata bis-sħiħ mal-prinċipji tal-UE tas-sussidjarjetà u tal-awtonomija lokali; jappella għal riżoluzzjoni paċifika tat-tilwim mal-awtoritajiet lokali fil-muniċipalità ta’ Zeta u fil-belt ta’ Ulcinj, u li jiġu rispettati l-proċeduri u r-regolamentazzjoni previsti kollha, speċjalment dawk tal-UE dwar il-protezzjoni ambjentali;

37.

jisħaq fuq l-importanza li titrawwem klima politika inklużiva u tolleranti fil-livell lokali u nazzjonali, l-importanza li jiġu evitati azzjonijiet bħall-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni dwar il-Ġenoċidju f’sistemi ta’ kampijiet f’Jasenovac, Dachau u Mauthausen, sabiex jiġi żgurat djalogu miftuħ u kostruttiv li jirrispetta l-karattru multietniku u multireliġjuż tal-Montenegro, u tiġi ggarantita l-implimentazzjoni effettiva tad-drittijiet tal-gruppi kollha, kif minquxa fil-liġi, minħabba r-rwol ċentrali tal-muniċipalitajiet fil-koeżjoni soċjali u fir-relazzjonijiet komunitarji;

38.

jirrakkomanda bil-qawwa li l-Montenegro jkompli jinvolvi ruħu in bona fide mal-pajjiżi ġirien f’oqsma rilevanti għalll-awtoritajiet lokali u reġjonali, b’hekk jirrikonoxxi l-benefiċċji għall-kooperazzjoni transfruntiera, l-istabbiltà reġjonali u l-iżvilupp ekonomiku lokali;

39.

ifaħħar il-ħidma tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt tal-KtR mal-Montenegro u jappoġġja aktar involviment strutturat bejn il-KtR, l-awtoritajiet lokali tal-Montenegro u l-Unjoni tal-Muniċipalitajiet tal-Montenegro sabiex tissaħħaħ id-demokrazija lokali u l-proċess ta’ adeżjoni mal-UE jiġi ankrat b’mod sod fil-livell territorjali;

IL-MAĊEDONJA TA’ FUQ

40.

jinnota l-progress gradwali tal-Maċedonja ta’ Fuq lejn l-adeżjoni mal-UE, b’mod partikolari l-adeżjoni maż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro, l-avvanzi fir-roaming u l-aċċess għall-fondi kollha allokati taħt il-Pjan ta’ Tkabbir tal-UE għall-Balkani tal-Punent; fl-istess ħin, iħeġġeġ lill-gvern nazzjonali jadotta l-emendi kostituzzjonali li ilhom imwiegħda dwar id-drittijiet tal-minoranzi, kif imsemmi fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Lulju 2022, sabiex jiżblokka l-proċess ta’ adeżjoni tiegħu u jiżgura protezzjoni sħiħa lill-komunitajiet kollha;

41.

ifaħħar l-allinjament tal-Maċedonja ta’ Fuq mal-politika estera u ta’ sigurtà tal-UE, u s-sħubija man-NATO, u fl-istess ħin iħeġġeġ l-implimentazzjoni kontinwa tar-riformi biex jiġi żgurat progress kostanti lejn l-integrazzjoni tal-UE u l-parteċipazzjoni sħiħa fl-istrutturi Ewropej;

42.

jistieden lill-gvern nazzjonali jadotta malajr il-liġi proposta dwar l-awtonomija lokali u jsaħħaħ id-djalogu fil-livelli kollha tal-gvern, u jimplimenta miżuri komprensivi biex tissaħħaħ il-kapaċità ta’ governanza lokali u reġjonali, fosthom id-deċentralizzazzjoni fiskali, l-iżvilupp territorjali integrat u l-koordinazzjoni mtejba biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni trasparenti u effettiva tal-programmi ffinanzjati mill-UE;

43.

huwa konxju tas-sinifikat għall-integrazzjoni tal-UE tal-eżitu tal-elezzjonijiet lokali reċenti fil-pajjiż, u jiddispjaċih li l-kampanja kienet ikkaratterizzata mill-politika tal-identità u li kwistjonijiet lokali importanti kif ukoll ir-rappreżentanza tan-nisa ma ġewx indirizzati;

44.

jitlob lill-Assoċjazzjoni tal-Unitajiet ta’ Awtonomija Lokali tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq (ZELS), bħala s-sieħeb primarju tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt mal-Maċedonja ta’ Fuq, tinkorpora, kemm jista’ jkun, il-bilanċ bejn il-ġeneri u l-pluralità politika fis-sħubija tagħhom fil-Kumitat Konsultattiv Konġunt, u tippromovi kollaborazzjoni kontinwa u attiva bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Maċedonja ta’ Fuq u l-imsieħba tal-KtR;

45.

jisħaq fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata, ir-reati finanzjarji u l-ħasil tal-flus billi jittejbu l-kapaċitajiet investigattivi, ta’ prosekuzzjoni u ta’ kundanna u jiġu żgurati riżorsi adegwati għall-aġenziji tal-infurzar tal-liġi;

46.

iħeġġeġ il-progress fir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, inkluża l-implimentazzjoni sħiħa tal-liġijiet ta’ Lulju 2025 dwar l-impjegati amministrattivi u l-impjegati tas-settur pubbliku, l-iżvilupp tal-gvern elettroniku, id-diġitalizzazzjoni tar-reġistri istituzzjonali u l-użu ta’ għodod diġitali bħall-Kartiera tal-Identità Diġitali;

IS-SERBJA

47.

jinnota bi tħassib il-pass kajman tal-proċess ta’ adeżjoni tas-Serbja, b’diversi kapitoli ta’ negozjar miftuħa iżda tnaqqis ċar fir-riformi ċentrali għall-istat tad-dritt, il-governanza demokratika u l-libertà tal-media. Dan l-istaġnar iqajjem dubji serji dwar il-kapaċità tas-Serbja li tissodisfa l-iskeda ta’ żmien iddikjarata tagħha għall-integrazzjoni fl-UE, madankollu, kien hemm ċerti żviluppi pożittivi. Jilqa’ f’dan is-sens it-tim operattiv ta’ livell għoli tas-Serbja li għadu kif ġie stabbilit biex jaċċellera l-adeżjoni tagħha mal-UE, kif ukoll il-progress li sar fir-rigward tal-media elettronika u l-qafas elettorali. Jistenna li s-Serbja turi rieda politika qawwija u konsistenza biex timplimenta r-riformi relatati mal-UE, u qed jistenna bil-ħerqa li tinfetaħ il-Ġabra Nru 3 tal-kapitoli ta’ negozjar tas-Serbja, meta jiġu ssodisfati l-kriterji kollha meħtieġa;

48.

ifaħħar il-kuraġġ tal-istudenti Serbi b’mod partikolari wara l-kollass tal-istazzjon ferrovjarju Novi Sad; jesprimi solidarjetà sħiħa mad-dimostranti paċifiċi u d-dritt tagħhom li jingħaqdu; jikkundanna bil-qawwa l-użu sproporzjonat tal-forza, ir-rigress demokratiku u d-detenzjonijiet illegali; jappella għall-ħelsien immedjat tad-detenuti kollha, iż-żarmar tal-kamp fil-Park ta’ Pionirski u l-protezzjoni sħiħa tal-libertajiet ċivili; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timponi miżuri restrittivi mmirati kontra uffiċjali responsabbli għall-vjolenza, l-intimidazzjoni u l-ksur tal-istat tad-dritt;

49.

jistieden lis-Serbja tiffaċċja l-korruzzjoni sistematika, u jisħaq fuq l-importanza ta’ sforzi sostnuti biex jiġu żgurati riżultati tanġibbli, inkluż l-istabbiliment ta’ rispons robust tal-ġustizzja kriminali, wara l-adozzjoni ta’ strateġija ġdida kontra l-korruzzjoni għall-perjodu 2024-2028;

50.

jikkundanna r-repressjoni tal-ġurnalisti u tal-atturi tas-soċjetà ċivili, inklużi l-korrispondenti barranin, is-soppressjoni ta’ minoranzi differenti, inkluża l-komunità LGBTIQ, u jisħaq li dan il-ksur tad-drittijiet fundamentali huwa inkompatibbli mal-valuri tal-UE u detrimentali għall-fiduċja pubblika, il-pluraliżmu demokratiku u l-prospetti ta’ adeżjoni tas-Serbja;

51.

minbarra li jilqa’ l-adozzjoni tal-emendi għal-leġiżlazzjoni dwar il-media u l-passi li ttieħdu s’issa, lejn il-finalizzazzjoni tal-ħatra tal-Kunsill tal-Awtorità Regolatorja għall-Media Elettronika (REM) b’mod inklużiv u trasparenti, jistieden lill-awtoritajiet Serbi jerġgħu jistabbilixxu l-libertà u l-pluraliżmu tal-media, jimpedixxu li kriminali tal-gwerra jidhru fuq il-media tal-istat, jiġġieldu l-indħil politiku u l-kampanji ta’ malafama, u jiżguraw li l-ilħna indipendenti u tal-oppożizzjoni jinstemgħu fil-livelli kollha ta’ governanza;

52.

jilqa’ l-adozzjoni tal-emendi għal-liġi dwar ir-reġistru unifikat tal-votanti u jħeġġeġ l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet elettorali tal-ODIHR/OSKE, b’enfasi partikolari fuq l-elezzjonijiet lokali, biex jiġu żgurati proċessi trasparenti, ġusti u kredibbli li jirfdu l-leġittimità demokratika, il-pluralità u l-awtonomija lokali effettiva;

53.

iħeġġeġ bini tal-kapaċitajiet immirat għall-muniċipalitajiet biex japplikaw l-aquis ambjentali tal-UE dwar l-ilma, l-iskart u l-kwalità tal-arja, flimkien ma’ azzjonijiet prattiċi dwar l-ekonomija ċirkolari li jistgħu itejbu s-saħħa pubblika u jnaqqsu l-kostijiet tas-servizz;

54.

jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ l-impenn kostruttiv fid-djalogu ffaċilitat mill-UE mal-Kosovo, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim tal-2023 dwar il-Perkors għan-Normalizzazzjoni, peress li dan huwa essenzjali għall-istabbiltà reġjonali u l-progress kontinwu tas-Serbja fl-adeżjoni mal-UE; jenfasizza l-importanza tal-allinjament strateġiku usa’ tas-Serbja mal-UE, speċjalment l-aderenza mal-politika estera u ta’ sigurtà tal-UE, u jħeġġeġ progress tanġibbli fid-djalogu, l-allinjament tal-politika u l-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili biex tinbena mill-ġdid il-kredibbiltà u jsir progress fit-triq Ewropea;

55.

jilqa’ l-fatt li s-Serbja impenjat ruħha b’mod attiv u bdiet twettaq l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Tkabbir il-ġdid għall-Balkani tal-Punent fl-erba’ pilastri kollha tal-integrazzjoni gradwali mal-UE: is-suq uniku, l-integrazzjoni ekonomika reġjonali, ir-riformi fundamentali u ż-żieda fl-appoġġ finanzjarju; jilqa’ wkoll il-fatt li l-pajjiż adotta l-Aġenda ta’ Riforma tiegħu fl-ambitu tal-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir, strument tal-UE bbażat fuq il-prestazzjoni li jappoġġja l-proċess ta’ adeżjoni mal-UE;

IT-TURKIJA

56.

itenni li t-Turkija tibqa’ pajjiż kandidat u sieħeb strateġiku ewlieni għall-Unjoni Ewropea, iżda jesprimi tħassib serju dwar ir-rigress kontinwu u sistematiku fir-rigward tal-oqsma tal-istat tad-dritt, tad-drittijiet fundamentali, il-libertà tal-espressjoni, l-indipendenza tal-ġudikatura u l-istandards demokratiċi, kif rifless fir-Rapport tal-Pajjiż 2025 tal-Kummissjoni; jisħaq li t-trajettorja attwali hija inkompatibbli mal-valuri u l-prinċipji li fuqhom hija mibnija l-UE, u li n-negozjati tal-adeżjoni ma jistgħux jingħataw spinta b’mod sinifikanti fin-nuqqas ta’ progress ċar u li jista’ jitkejjel;

57.

jikkundanna l-erożjoni tad-demokrazija lokali u ċivika, inklużi d-detenzjoni u t-tkeċċija ta’ sindki tal-oppożizzjoni eletti, ta’ uffiċjali muniċipali u ta’ atturi tas-soċjetà ċivili, kif ukoll l-użu ta’ fiduċjarji maħtura mill-gvern, kif espress fir-Riżoluzzjoni urġenti tal-KtR dwar l-arrest tas-sindki Torok u l-attakk fuq id-demokrazija lokali fit-Turkija; jikkundanna l-kriminalizzazzjoni tal-attiviżmu paċifiku tal-istudenti u t-tnaqqis sistematiku tad-drittijiet tal-LGBTI; iħeġġeġ ir-rispett għall-eżiti elettorali, il-ħelsien ta’ sindki detenuti illegalment, it-tmiem tal-prattika tat-trustee u l-obbligu ta’ rendikont għal azzjonijiet li jdgħajfu l-awtonomija lokali; jenfasizza li l-protezzjoni tad-demokrazija lokali hija punt ta’ riferiment fundamentali għal kwalunkwe involviment mill-ġdid kredibbli fil-proċess ta’ adeżjoni mal-UE;

58.

jenfasizza li l-valuri demokratiċi tal-UE jesiġu li t-Turkija tiggarantixxi bis-sħiħ id-drittijiet politiċi u ċivili tar-rappreżentanti lokali kollha, inkluża l-protezzjoni minn arresti arbitrarji u proċessi ġudizzjarji politikament motivati. Itenni li l-ħelsien tas-sindki li jinsabu l-ħabs u r-restawr tal-gvern demokratiku lokali huma kundizzjonijiet essenzjali għall-bini mill-ġdid tal-fiduċja istituzzjonali u biex isir progress fir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija;

59.

jiddispjaċih li, sal-lum, l-awtoritajiet Torok, għal żewġ okkażjonijiet irrifjutaw li jawtorizzaw żjara lis-sindku ta’ Istanbul u rebbieħ tal-Premju Adamowicz, Ekrem İmamoğlu, li jinsab il-ħabs; jistieden lill-awtoritajiet Torok jagħtu din l-awtorizzazzjoni mingħajr dewmien; u jtenni li l-Kumitat tar-Reġjuni jibgħat delegazzjoni tal-KtR fit-Turkija sabiex juri, b’mod tanġibbli u viżibbli, is-solidarjetà u l-appoġġ tiegħu għar-rappreżentanti lokali u reġjonali Torok kollha eletti demokratikament li jinsabu l-ħabs jew li huma miżmuma milli jeżerċitaw il-mandati tagħhom;

60.

ifakkar li l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni ta l-Premju Paweł Adamowicz 2025 lis-Sindku ta’ Istanbul, Ekrem İmamoğlu, b’rikonoxximent tal-impenn tiegħu għall-valuri demokratiċi, l-awtonomija lokali u l-governanza inklużiva; jissottolinja li dan il-premju jirrifletti l-appoġġ kontinwu tal-Kumitat għar-rappreżentanti lokali u reġjonali eletti demokratikament u għall-protezzjoni tad-demokrazija lokali bħala valur ewlieni Ewropew;

61.

iħeġġeġ id-diplomazija tal-bliet u l-kooperazzjoni muniċipali msaħħa, inkluż permezz tal-ARLEM u tal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Turkija tal-KtR, biex jinżamm id-djalogu, jiġi kondiviż l-għarfien espert u tissaħħaħ id-demokrazija lokali; jilqa’ l-inizjattiva tal-muniċipalità ta’ Istanbul li tistabbilixxi Osservatorju Internazzjonali tas-Sindki li jinsabu f’Riskju, u jinsab lest biex jinvolvi ruħu b’mod attiv ma’ dan l-osservatorju, li jinvolvi lill-Istati Membri tal-UE u lill-pajjiżi tat-tkabbir, sabiex is-sindki jiġu appoġġjati bħala difensuri tal-valuri demokratiċi; jesprimi tħassib serju dwar iċ-ċentralizzazzjoni reċenti u li għaddejja bħalissa tar-riformi li għandhom ir-riskju li jdgħajfu l-awtonomija muniċipali, il-pluraliżmu u l-eżerċizzju effettiv tal-awtonomija lokali, għal kuntrarju ta’ standards demokratiċi Ewropej;

62.

jilqa’ l-waqfien mill-ġlied bejn l-Istat Tork u l-Partit tal-Ħaddiema tal-Kurdistan (PKK) bħala tieqa ta’ opportunità għall-paċi, it-tnaqqis tat-tensjoni u l-istabbiltà reġjonali; jisħaq li kwalunkwe proċess ta’ rikonċiljazzjoni sostenibbli jrid ikun ankrat fil-governanza demokratika, parteċipazzjoni inklużiva u rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali, fosthom id-drittijiet tar-rappreżentanti eletti, b’mod partikolari fil-muniċipalitajiet b’maġġoranza Kurda; jappella għal progress kredibbli biex tinbena l-fiduċja u tiġi appoġġjata stabbiltà reġjonali usa’;

63.

jafferma mill-ġdid li t-Turkija jeħtiġilha: (i) tevita theddid u azzjonijiet li jistgħu jqajmu tensjonijiet u jikkompromettu l-prospetti għal soluzzjoni paċifika u jagħmlu ħsara lir-relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat; (ii) tirrikonoxxi u tinnormalizza r-relazzjonijiet tagħha mar-Repubblika ta’ Ċipru; u (iii) tissodisfa l-obbligi tagħha skont il-protokoll addizzjonali għall-ftehim ta’ assoċjazzjoni bejn l-UE u t-Turkija billi tneħħi l-ostakli kollha kemm għall-moviment liberu tal-merkanzija kif ukoll għall-konnessjonijiet diretti tat-trasport mar-Repubblika ta’ Ċipru; (iv) treġġa’ lura minnufih l-azzjonijiet unilaterali tagħha f’Varosha u tirrispetta bis-sħiħ ir-Riżoluzzjonijiet 541, 550, 789, 1251 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti; (v) tirrispetta s-sovranità tal-Istati Membri kollha tal-UE fuq il-baħar territorjali u l-ispazju tal-ajru tagħhom kif ukoll id-drittijiet sovrani tagħhom, inkluż id-dritt li jesploraw u jisfruttaw ir-riżorsi naturali, f’konformità mad-dritt tal-UE u dak internazzjonali, b’mod partikolari l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS);

64.

jappella għal rwol aktar attiv mill-UE fl-appoġġ tal-istadji kollha tal-proċess immexxi min-NU, bil-mezzi xierqa kollha għad-dispożizzjoni tagħha u jilqa’ l-ħatra tal-mibgħut speċjali tal-Kummissjoni għal Ċipru;

Brussell, il-5 ta’ Marzu 2026.

Il-President

tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Kata TÜTTŐ


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/2602/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)