|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/2599 |
20.5.2026 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Strateġija għas-suq uniku
(C/2026/2599)
|
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR)
Suq uniku kruċjali għar-reġjuni u l-bliet tal-Ewropa
|
1. |
jirrimarka li s-suq uniku huwa wieħed mill-akbar kisbiet tal-Unjoni Ewropea, pedament tal-integrazzjoni u l-prosperità, u mutur deċiżiv tal-kompetittività u r-reżiljenza tal-Ewropa; li sa mill-ħolqien tiegħu aktar minn tletin sena ilu, sar l-akbar suq integrat fid-dinja bi kważi 450 miljun konsumatur u jammonta għal kwart tal-PDG tal-UE, isostni 56 miljun impjieg u jirrappreżenta kważi wieħed minn kull sitta tal-kummerċ globali fil-merkanzija; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissalvagwardjaw u japprofondixxu s-suq uniku sabiex il-benefiċċji tiegħu jinkisbu bis-sħiħ fir-reġjuni kollha; |
|
2. |
jissottolinja l-benefiċċji tas-suq uniku għall-fiduċja tal-konsumatur, b’mod partikolari billi tissaħħaħ il-kompetizzjoni li tgħin biex il-prezzijiet tal-konsumatur jinżammu ġusti u affordabbli, billi titwessa’ l-firxa ta’ prodotti u servizzi disponibbli bejn il-fruntieri, u billi jiġu żgurati livelli għoljin ta’ kwalità, sikurezza u protezzjoni ambjentali permezz ta’ standardizzazzjoni fl-UE kollha; jenfasizza li s-sinifikat tas-suq uniku jestendi lil hinn mill-ekonomija, irawwem il-benesseri, il-mobbiltà u l-opportunitajiet taċ-ċittadini, u juri fil-prattika l-benefiċċji tal-UE fil-ħajja ta’ kuljum; |
|
3. |
jilqa’ l-Komunikazzjoni dwar Is-Suq Uniku: is-suq domestiku Ewropew tagħna f’dinja inċerta — Strateġija biex is-Suq Uniku jsir sempliċi, bla xkiel u b’saħħtu (l-Istrateġija għas-Suq Uniku), li tistabbilixxi l-għan tal-Kummissjoni li ssaħħaħ is-suq uniku billi tfittex li tneħħi l-ostakli l-aktar dannużi għas-suq uniku, timmodernizza u tiftaħ is-swieq transfruntiera tal-UE, tappoġġja lin-negozji, tissimplifika u tiddiġitalizza r-regoli u l-proċeduri u ssaħħaħ il-governanza u l-infurzar ġenerali tas-suq uniku; |
|
4. |
jinnota b’dispjaċir li l-Istrateġija ma tirriflettix bis-sħiħ il-kuraġġ tar-rapporti ta’ Draghi u ta’ Letta rigward is-suq uniku, u li tonqos milli tipproponi strumenti legali adegwati f’diversi oqsma ewlenin; iqisha bħala pass fid-direzzjoni t-tajba iżda jitlob approċċ aktar fit-tul, flimkien ma’ miżuri determinati fuq terminu qasir, għat-tisħiħ tas-suq uniku, iggwidati minn indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni pertinenti u stadji importanti u miri konkreti biex jitkejjel jekk l-objettivi humiex qed jintlaħqu; |
|
5. |
jinsab diżappuntat li aktar minn sena wara, minkejja l-isforzi tal-Kummissjoni, ftit wisq mir-rakkomandazzjonijiet tar-rapporti ta’ Draghi u ta’ Letta għas-suq uniku u l-kompetittività ssarrfu f’bidliet konkreti fil-prattika għaċ-ċittadini u n-negozji, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħtieġa ta’ investiment, tas-semplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-burokrazija; |
Il-potenzjal li għadu ma ntlaħaqx tas-suq uniku
|
6. |
waqt li jirrikonoxxi li s-suq uniku diġà laħaq livell għoli ta’ integrazzjoni ekonomika u kien fattur ċentrali fil-ħolqien tal-prosperità għall-Ewropej, jinnota b’dispjaċir li l-ostakli persistenti għadhom qed irażżnu l-potenzjal tiegħu; jirrimarka li skont l-istimi, tnaqqis ta’ 10 % fl-ostakli li fadal jista’ jwassal għal gwadanji sa 7 % tal-PDG; |
|
7. |
jilqa’ ż-żieda fl-isforzi fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea dwar l-infurzar u t-tneħħija tal-ostakli, li jindikaw impenn aktar b’saħħtu biex jiġu indirizzati l-frammentazzjoni u r-regolamentazzjoni żejda; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni (1) biex tiddedika aktar mir-riżorsi tagħha għat-tneħħija sistematika tal-ostakli għas-suq uniku u għall-infurzar tar-regoli tas-suq uniku; |
|
8. |
iwissi, madankollu, li strumenti bħal SOLVIT u t-Task Force għall-Infurzar fis-Suq Uniku (SMET) jiddependu wisq fuq il-kooperazzjoni volontarja mill-Istati Membri, li tillimita l-kapaċità tagħhom li jindirizzaw protezzjoniżmu inespliċitu iżda persistenti; jitlob, barra minn hekk, l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’dawn l-istrumenti ta’ tneħħija tal-ostakli tas-suq uniku, peress li r-reġjuni u l-bliet biss jistgħu jġibu l-għarfien espert u d-data teknika meħtieġa mit-territorji tagħhom, kull wieħed bi sfidi speċifiċi ħafna, biex dawn l-istrumenti jsiru verament effiċjenti fil-prattika; |
|
9. |
jenfasizza li l-volum kbir ta’ oġġetti mhux sikuri, mhux konformi u ffalsifikati li jidħlu fis-suq tal-UE, speċjalment permezz tal-kummerċ elettroniku u minn pajjiżi mhux tal-UE, ilu jiżdied b’mod esponenzjali f’dawn l-aħħar snin, u b’hekk kellu impatt negattiv fuq l-operaturi tan-negozju tal-UE, b’mod partikolari l-SMEs, u s-sikurezza tal-konsumatur; jitlob għalhekk qafas modern u msaħħaħ ta’ sorveljanza tas-suq biex jiġi żgurat li prodotti konformi biss isiru disponibbli fis-suq tal-UE, u b’hekk in-negozji Ewropej jiġu protetti minn kompetizzjoni inġusta, u jinżamm il-valur miżjud tal-UE u tiġi ppreservata s-sovranità ekonomika; |
|
10. |
jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kapaċitajiet tas-sorveljanza tas-suq u tal-awtoritajiet doganali biex jiżguraw li jkunu jistgħu jinfurzaw b’mod effettiv ir-regoli tas-suq uniku, anke bl-użu ta’ strumenti legali u teknoloġiji ġodda; |
|
11. |
iwissi li l-istrateġija tiffoka ħafna fuq ostakli mmirati speċifikament (“Terrible Ten”) waqt li ħafna ostakli oħra, daqstant detrimentali għall-attivitajiet transfruntiera bla xkiel, għadhom ma ġewx indirizzati, u huwa diżappuntat ukoll li l-awtoritajiet lokali u reġjonali ma kinux involuti biżżejjed fl-istabbiliment ta’ din il-lista, u b’hekk intilfet l-opportunità li jibbażaw il-prijoritajiet fuq l-esperjenza prattika ta’ dawk l-eqreb għan-negozji; jappella għal approċċ prammatiku fit-tneħħija tal-ostakli li jwassal għal benefiċċji viżibbli, pereżempju għall-faċilitazzjoni tal-forniment transfruntier ta’ servizzi ewlenin għas-settur tal-manifattura, bħas-servizzi tal-inġinerija, imħabbra fl-istrateġija; |
|
12. |
jiddispjaċih li n-negozji għadhom qed jiffaċċjaw ostakli sinifikanti għall-forniment ta’ servizzi transfruntiera; jenfasizza li dawn l-ostakli jieħdu diversi forom, minn rekwiżiti amministrattivi lokali sa regolamenti tekniċi nazzjonali li jaġixxu bħala ostakli de facto għad-dħul fis-suq; jitlob li jittieħdu passi urġenti biex jiġi ffaċilitat aħjar il-forniment ta’ servizzi transfruntiera fl-UE; |
|
13. |
jinnota l-proposta possibbli għal Att dwar il-Prevenzjoni tal-Ostakli għas-Suq Uniku; jenfasizza li l-għodod attwali ma kienux biżżejjed effettivi biex jipprevjenu l-ostakli, u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibda minnufih tevalwa l-ħtieġa ta’'’ Att potenzjali bħal dan u l-funzjonament prattiku tiegħu, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, bil-ħsieb li eventwalment jiġi ppubblikat; |
|
14. |
jitlob li jiġi stabbilit prinċipju ta’ nonrigressjoni għall-integrazzjoni tas-suq uniku biex jiġi evitat li nimxu lura minflok ’il quddiem; jinnota bi tħassib li l-kummerċ intra-UE tal-merkanzija mar lura, u jitlob li tiġi indirizzata l-leġiżlazzjoni li toħloq ostaklu għall-moviment liberu tal-merkanzija biex titreġġa’ lura din ix-xejra inkwetanti; |
Suq uniku robust u aktar reżiljenti
|
15. |
jisħaq li l-kriżijiet ekonomiċi u ġeopolitiċi reċenti fakkruna fl-importanza tas-suq uniku għall-ħajja ta’ kuljum, iżda żvelaw ukoll id-dgħufijiet tiegħu, kif ukoll il-fraġilità tal-globalizzazzjoni nnifisha, u enfasizzaw il-ħtieġa ta’ awtonomija strateġika f’setturi kritiċi; it-tensjonijiet u l-volatilità kummerċjali globali reċenti komplew jesponu vulnerabbiltajiet, b’impatt dirett fuq ir-reġjuni u l-bliet tal-Ewropa, li jiddependu fuq suq uniku li jiffunzjona tajjeb biex jiġu ġġenerati l-investiment, l-impjiegi u l-innovazzjoni; huwa meħtieġ suq uniku aktar b’saħħtu biex flimkien nirreżistu aħjar il-kriżijiet globali; |
|
16. |
jissottolinja li r-rapport “Safer Together” mill-konsulent speċjali u l-eks President Finlandiż Sauli Niinistö dwar ir-reżiljenza u l-preparatezza jippreżenta s-suq uniku bħala s-sinsla kritika tar-reżiljenza tal-UE; jirrimarka li dan kien ukoll wieħed mill-messaġġi ewlenin tal-Opinjoni tiegħu tal-2024 dwar Nagħmlu r-reġjuni reżistenti għax-xokkijiet: it-tisħiħ tar-reżiljenza ekonomika lokali u reġjonali fl-evoluzzjoni strateġika tas-Suq Uniku (CDR-1340-2024); |
|
17. |
jinnota f’dak il-kuntest li suq uniku robust u reżistenti għall-kriżijiet se jippermetti l-moviment liberu ta’ oġġetti u servizzi kritiċi kif ukoll tal-ħaddiema, anke meta jseħħu avvenimenti ta’ tfixkil; għalhekk itenni t-talba tiegħu għal aktar attenzjoni għall-kunċett ta’ sigurtà u sikurezza tal-provvista komprensivi, u jappoġġja miżuri madwar l-UE kollha li jikkoordinaw ir-reazzjonijiet għall-kriżijiet u jisfruttaw u jsaħħu l-ktajjen tal-provvista, b’mod partikolari matul kriżijiet attwali u fid-dawl ta’ kriżijiet u tfixkil futuri; |
|
18. |
jissottolinja li l-investimenti fl-infrastruttura, l-aċċessibbiltà u l-konnettività diġitali rapida u affidabbli tar-reġjuni huma ta’ importanza kritika, speċjalment fiż-żoni rurali, muntanjużi u insulari biex jiġu konnessi aħjar mas-suq uniku u tissaħħaħ ir-reżiljenza ta’ dan tal-aħħar; |
|
19. |
jitlob b’mod partikolari l-armonizzazzjoni tat-trasport ferrovjarju transfruntier tal-passiġġieri u tal-merkanzija, it-tneħħija sistematika tal-ostakli għalih, u l-implimentazzjoni rapida tal-proġetti kbar ta’ kostruzzjoni ferrovjarja, sabiex tingħata spinta lis-suq uniku u lill-kummerċ bejn ir-reġjuni; jisħaq li żona ferrovjarja Ewropea li tiffunzjona hija kruċjali biex tiġi żgurata sistema tat-trasport reżiljenti u biex il-fluss tal-merkanzija jiġi ttrasferit lejn modi ta’ trasport effiċjenti fl-użu tal-enerġija u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent; |
|
20. |
jenfasizza r-rwol kruċjali tal-SMEs fid-diversifikazzjoni tal-ekonomiji u l-ktajjen tal-provvista reġjonali, u b’hekk isaħħu s-suq uniku u r-reżiljenza ekonomika reġjonali, peress li d-dipendenza tar-reġjuni minn għadd limitat ta’ impjegaturi kbar iżżid il-vulnerabbiltà tagħhom għall-iskossi ekonomiċi f’każi ta’ żvestiment; jinnota fl-istess ħin li l-kriżijiet spiss jolqtu l-aktar lill-SMEs; |
|
21. |
jitlob implimentazzjoni rapida u effiċjenti ta’ strumenti legali bħall-Att dwar l-Emerġenzi u r-Reżiljenza tas-Suq Intern (IMERA) biex jinżamm il-funzjonament tas-suq uniku anke meta jintlaqat minn xokkijiet severi; |
Suq uniku aktar sempliċi u aktar diġitalizzat
|
22. |
huwa diżappuntat dwar l-effetti negattivi tal-għadd dejjem jikber ta’ leġiżlazzjonijiet tal-UE fuq in-negozji u l-kompetittività Ewropea; ifakkar li s-semplifikazzjoni hija waħda mill-aktar domandi urġenti tan-negozji, b’mod partikolari l-SMEs u l-mikrointrapriżi; ifaħħar il-mira tal-Kummissjoni li tnaqqas l-ispejjeż tal-piżijiet amministrattivi kollha b’25 % għall-kumpaniji kollha u b’35 % għall-SMEs, u jaqbel mal-Boxxla għall-Kompetittività li r-restawr tal-kompetittività tal-Ewropa jeħtieġ li jmur ferm lil hinn minn safejn wasal fil-passat sabiex titnaqqas il-burokrazija, u fl-istess ħin jinżammu l-istandards ekonomiċi, soċjali, tas-saħħa u ambjentali; għalhekk jilqa’ l-proposti tal-pakkett omnibus tal-Kummissjoni u jistieden lill-koleġiżlaturi jiżguraw l-adozzjoni rapida tagħhom; |
|
23. |
itenni t-talba fir-rapport ta’ Draghi li l-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni sistematika u ttestjar tal-istress tal-liġijiet u r-regolamenti eżistenti kollha tal-UE fil-bidu ta’ kull mandat; dan għandu jiġi segwit mill-kodifikazzjoni u l-konsolidazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE skont il-qasam ta’ politika, inkluż is-semplifikazzjoni u t-tneħħija tas-sovrapożizzjoni u l-inkonsistenzi tul il-katina leġiżlattiva kollha; barra minn hekk jistieden lill-Kummissjoni tiżgura valutazzjonijiet tal-impatt ta’ kwalità għolja tal-proposti leġiżlattivi ġodda kollha, inklużi atti delegati u ta’ implimentazzjoni, u jinsisti li l-valutazzjonijiet tal-impatt kollha jinkludu kontroll tal-kompetittività, li jivvaluta b’mod speċifiku l-impatt fuq l-SMEs u n-negozji ġodda; jenfasizza li dawn il-valutazzjonijiet għandhom jeżaminaw ukoll b’mod sistematiku l-piżijiet regolatorji u l-ispejjeż amministrattivi li jakkumulaw kif ukoll il-kumplessità tal-konformità, u għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku f’format ċar u komparabbli, sabiex titżdied it-trasparenza, titjieb il-kwalità tat-tfassil tal-liġijiet u tikber il-fiduċja fost in-negozji u ċ-ċittadini; |
|
24. |
jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tissimplifika r-regoli u l-proċeduri kumplessi u li jieħdu ħafna ħin u li huma ostaklu għal kummerċ bla xkiel intra-UE, u jenfasizza li s-semplifikazzjoni u d-diġitalizzazzjoni għandhom jitfasslu biex inaqqsu b’mod reali l-piżijiet regolatorji għal negozji ta’ kull daqs, waqt li tiġi żgurata n-newtralità teknoloġika, u li soluzzjonijiet diġitali għandhom ikunu kompletament aċċessibbli u jipprovdu konnettività għar-reġjuni bi żvantaġġi ġeografiċi permanenti; jisħaq, madankollu, li d-diġitalizzazzjoni ma tridx tieħu post is-semplifikazzjoni u qabelxejn hija meħtieġa semplifikazzjoni deċiżiva; |
|
25. |
jenfasizza li jista’ jsir ħafna wkoll permezz ta’ implimentazzjoni faċli għall-utent tar-regoli tas-suq uniku. Il-pjattaformi interoperabbli pubbliċi, l-istandards u l-għodod diġitali huma kruċjali, u jridu jitfasslu biex ikunu kemm effettivi għall-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll proporzjonati għall-operaturi ekonomiċi differenti; jitlob li jissaħħu pjattaformi bħall-gateway diġitali unika u s-Sistema Teknika ta’ Darba Biss biex jippermettu reġistrazzjonijiet kummerċjali aktar faċli; |
|
26. |
iħeġġeġ lill-Kummissjoni tarmonizza r-regoli dwar it-tikkettar u l-imballaġġ u tiżgura semplifikazzjoni flimkien mad-diġitalizzazzjoni permezz tal-passaport diġitali tal-prodotti; jemmen li r-regoli dwar it-tikkettar iridu jibbilanċjaw il-ħtieġa li jinftiehmu b’mod ċar mill-konsumaturi mal-ħtieġa li jitnaqqsu l-ostakli tas-suq, u li tiġi evitata d-duplikazzjoni taċ-ċertifikazzjonijiet u l-obbligi ta’ rapportar li huma piżijiet għan-negozji Ewropej; |
|
27. |
iħeġġeġ lill-Kummissjoni tarmonizza l-istandards dwar is-sostenibbiltà, li huma frammentati ħafna fil-livell Ewropew u li joħolqu ostakli fis-suq uniku, speċjalment għall-SMEs; |
|
28. |
iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tissemplifika u tarmonizza s-sistemi ta’ tassazzjoni, tallinja r-regoli tal-VAT u timplimenta pjattaforma diġitali unika għall-konformità transfruntiera mar-regoli tat-taxxa, inkluża sistema semplifikata għall-kontribuzzjonijiet tal-VAT intra-UE, u b’hekk tnaqqas il-piżijiet amministrattivi fuq l-SMEs; |
|
29. |
jenfasizza li l-SMEs u l-mikrointrapriżi jiffurmaw is-sinsla tal-ekonomija Ewropea u huma vitali għall-iżvilupp rurali u l-libertà li wieħed jibqa’ f’territorji inqas żviluppati jew periferiċi; jissottolinja wkoll li l-SMEs, minħabba n-natura tagħhom, spiss ikollhom inqas opportunitajiet biex jakkwistaw l-għodod meħtieġa f’termini ta’ ħiliet u investimenti biex jagħmlu l-aħjar użu mill-opportunitajiet tas-suq uniku; jisħaq li fir-reġjuni bi żvantaġġi ġeografiċi permanenti, l-SMEs u l-mikrointrapriżi jiffurmaw nisġa ekonomika partikolarment fraġli li tiddependi ħafna fuq setturi staġjonali u tiffaċċja spejjeż loġistiċi għoljin; għalhekk, iridu jiġu adottati miżuri ta’ appoġġ bħala parti mill-Istrateġija għas-Suq Uniku; |
|
30. |
jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tiddedika kapitolu sħiħ tal-Istrateġija tagħha għall-SMEs, u b’hekk tenfasizza l-ambizzjoni tagħha li tgħinhom jinnavigaw is-suq uniku; jiddispjaċih, madankollu, li l-Istrateġija ma ssemmi l-ebda miżura mmirata favur il-mikrointrapriżi, li għalihom is-suq uniku jirrappreżenta sett speċifiku ħafna ta’ sfidi, u jistieden lill-Kummissjoni tqis dan meta timplimenta l-Istrateġija; |
|
31. |
jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li oqfsa ġodda bħat-28 reġim jibqgħu flessibbli, proporzjonati u aċċessibbli għat-tipi rilevanti kollha ta’ negozji, u mhux soġġetti għal kundizzjonijiet restrittivi żżejjed; it-28 reġim għandu jissimplifika b’mod partikolari l-istabbiliment ta’ negozju fi Stat Membru ieħor u jiżgura l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ “darba biss” fil-proċeduri amministrattivi kollha, mingħajr ma jdgħajjef il-protezzjoni tal-ħaddiema u kundizzjonijiet tax-xogħol ekwi; |
|
32. |
jitlob miżuri ta’ faċilitazzjoni proporzjonati u effiċjenti f’oqsma bħar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, id-diplomi u titoli inġenerali, l-istazzjonar tal-ħaddiema u regoli dwar il-ħin tax-xogħol, inkluż permezz tal-użu ta’ għodod diġitali, sabiex jitnaqqas id-dewmien u jiġi evitat l-iskoraġġiment tal-attivitajiet transfruntiera, speċjalment għall-SMEs u l-mikrointrapriżi, li fl-aħħar mill-aħħar jaffettwa wkoll lill-ħaddiema tagħha; jemmen li għandu jsir aktar biex tittejjeb il-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kollha; |
|
33. |
jitlob ukoll li l-oqfsa ta’ rikonoxximent reċiproku għaċ-ċertifikazzjonijiet tal-prodotti jiġu infurzati bis-sħiħ, kif meħtieġ mir-Regolament (UE) 2019/515 (2) dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-prodotti, sabiex jiġi żgurat li l-SMEs ikunu jistgħu joperaw mingħajr ostakli fis-suq uniku kollu; |
Suq uniku b’dimensjoni territorjali aktar b’saħħitha
|
34. |
jenfasizza li l-ostakli li jibqgħu fis-suq uniku għaċ-ċirkolazzjoni ta’ oġġetti u servizzi u għall-mobilità tal-forza tax-xogħol huma fil-qalba tad-distribuzzjoni mhux uniformi tal-benefiċċji tiegħu fit-territorji tal-UE; |
|
35. |
jinnota li waqt li l-kummerċ intra-UE tal-merkanzija jgħin biex titrawwem il-konverġenza ekonomika u soċjali tat-territorji Ewropej, il-kummerċ intra-UE fis-servizzi għandu t-tendenza li jkun ta’ benefiċċju għal bliet akbar u reġjuni aktar għonja, u reġjuni periferiċi (bħar-reġjuni insulari) u rurali jitħallew jibqgħu lura; jissottolinja li dawn ir-reġjuni jiffaċċjaw sfidi speċifiċi relatati mal-eżodu ta’ mħuħ u t-tibdil demografiku kif ukoll żvantaġġi strutturali permanenti li ma jistgħux jitqiesu b’mod indipendenti mis-suq uniku; |
|
36. |
ifakkar li l-politika ta’ koeżjoni u s-suq uniku huma “żewġ naħat tal-istess munita” u jinsisti li l-approfondiment ulterjuri tal-integrazzjoni tas-suq uniku jrid jimxi id f’id mal-koeżjoni territorjali u l-iżvilupp rurali; jappoġġja l-kunċett tal-libertà li wieħed jibqa’, li għandu l-għan li jagħmel is-suq uniku effettiv għal kulħadd f’kull reġjun u jenfasizza d-dimensjoni territorjali tas-suq uniku, li tirrikjedi valutazzjonijiet tal-impatt territorjali aħjar; |
|
37. |
jistieden, għalhekk, lill-koleġiżlaturi jiżguraw li aktar integrazzjoni tkun akkumpanjata minn finanzjament ta’ koeżjoni adegwat, b’mod partikolari fil-kuntest tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, li jrid jikkonferma u jsaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-politiki ffinanzjati mill-UE bħala salvagwardja kontra nuqqas ta’ enfasi fuq l-isfidi territorjali biex jiġu evitati impatti negattivi fuq is-suq uniku; |
|
38. |
iwissi li sabiex jiġi evitat l-approfondiment tad-disparitajiet reġjonali l-finanzjament tal-programmi settorjali m’għandux ikun għad-detriment tal-finanzjament ta’ koeżjoni, u jistieden lill-koleġiżlaturi jippreżervaw finanzjament b’saħħtu għall-Pjani ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali proposti bħala parti mill-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss; |
|
39. |
jissottolinja li hija meħtieġa perspettiva territorjali aktar b’saħħitha, speċjalment għar-reġjuni transfruntiera, periferiċi, rurali u muntanjużi kif ukoll insulari; jirrimarka li mekkaniżmi aktar konkreti għall-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-valutazzjoni tal-impatt transfruntier jistgħu jiżguraw implimentazzjoni aktar effettiva tar-regoli tas-suq uniku fit-territorji kollha; jissuġġerixxi t-tisħiħ tal-programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera li jippermettu lill-SMEs jipparteċipaw fi proġetti tal-UE u jrawmu l-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni tal-fruntiera; f’dan is-sens, jitlob implimentazzjoni rapida u sħiħa tar-Regolament dwar l-Għodda ta’ Faċilitazzjoni Transfruntiera biex jikkontribwixxi għal reġjuni tal-fruntiera aktar kompetittivi; |
|
40. |
jitlob li jiġi aġġornat ir-Rapport intitolat “Europe’s outermost regions and the single market: The EU’s influence in the world” (Ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Ewropa u s-suq uniku: l-influwenza tal-UE fid-dinja) li tfassal fl-2011 u li jikkonċerna l-integrazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi fis-suq uniku u l-influwenza esterna tagħhom, sabiex jitqiesu l-bidliet ekonomiċi, teknoloġiċi u ġeopolitiċi tal-aħħar għaxar snin, kif ukoll il-ħtieġa li jiġi implimentat bis-sħiħ l-Artikolu 349 tat-TFUE, peress li l-integrazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi fis-suq uniku għadha objettiv li għadu ma ntlaħaqx kompletament; |
Is-suq uniku jaħdem bis-saħħa tal-awtoritajiet reġjonali u lokali
|
41. |
jenfasizza li r-reġjuni u l-bliet mhux biss jibbenefikaw mis-suq uniku, iżda huma wkoll imsieħba indispensabbli għall-funzjonament tiegħu, peress li huma l-ewwel punt ta’ kuntatt għal ħafna SMEs u mikrointrapriżi li jfittxu li jespandu lil hinn mill-fruntieri u jappoġġjaw lill-ħaddiema u lill-fornituri tas-servizzi fl-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ mobbiltà tagħhom; jisħaq, f’dan ir-rigward, fuq l-importanza li jiġi żgurat li l-inizjattivi lokali u reġjonali jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali u jrawmu tkabbir soċjalment inklużiv; |
|
42. |
jirrimarka li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol deċiżiv fl-infurzar tar-regoli; mingħajr l-involviment attiv tagħhom, l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli tas-suq uniku se jibqgħu dgħajfa; għalhekk itenni t-talba tiegħu għal involviment adatt tar-reġjuni u l-bliet fit-tfassil u l-introduzzjoni ta’ regoli u politiki tas-suq uniku, inklużi dawk imħabbra fl-Istrateġija għaas-Suq Uniku u f’dawk eżistenti bħal għodod ta’ sorveljanza tas-suq; |
|
43. |
jappella għall-użu sistematiku tal-valutazzjonijiet tal-impatt territorjali biex jiġu identifikati u evitati diffikultajiet futuri fl-implimentazzjoni u biex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet u l-vulnerabbiltajiet speċifiċi tar-reġjuni u l-bliet jitqiesu matul il-proċess leġiżlattiv tal-proposti tas-suq uniku; jinsisti li tali valutazzjonijiet għandhom jinkludu b’mod sistematiku kontrolli tal-kompetittività u tal-SMEs, kif ukoll id-dimensjonijiet tal-impatt ambjentali, klimatiku u soċjali; |
|
44. |
jenfasizza li l-implimentazzjoni effettiva tas-suq uniku tiddependi mill-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali bil-mezzi meħtieġa biex isaħħu l-kapaċitajiet amministrattivi tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jassistu kif xieraq lin-negozji, b’mod partikolari lill-operaturi żgħar, biex jinnavigaw il-proċeduri u jgħinu biex jiġi żgurat l-infurzar konsistenti tar-regoli; |
|
45. |
jilqa’ l-proposta li jiġi nnominat sherpa tas-suq uniku ta’ livell għoli għal kull Stat Membru, u jitlob li r-rappreżentanti reġjonali u lokali jiġu inklużi fil-ħidma tiegħu, bi djalogu obbligatorju annwali, biex jissaħħu l-governanza f’diversi livelli u s-sjieda politika fil-livelli kollha; jipproponi li jintlaħaq bilanċ bejn ir-reġjuni meta jiġu nnominati sherpas tas-suq uniku, b’reġjuni transfruntiera, periferiċi, rurali, muntanjużi u insulari li jkunu rappreżentati, sabiex il-karatteristiċi speċifiċi tagħhom ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati b’mod sistematiku fil-governanza tas-suq uniku; |
|
46. |
jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-istabbiliment ta’ network informali ta’ sherpas tas-suq uniku fil-livell reġjonali u transfruntier, li jista’ jiġi kkoordinat permezz tar-REKT jew entitajiet transfruntiera oħra, bi pjani direzzjonali annwali u rappurtar pubbliku; |
Sejħa għal azzjoni urġenti
|
47. |
jappella għal aktar ambizzjoni u urġenza fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija, bl-objettiv li sa tmiem l-2027 jitneħħew l-għaxar ostakli hekk imsejħa “Terrible Ten”, u li jiġu stabbiliti indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni u miri konkreti fuq terminu medju sa twil għall-integrazzjoni tas-suq uniku, peress li dan se jkun kruċjali għall-kompetittività futura, u jissottolinja li n-nuqqas ta’ azzjoni se jkompli jdgħajjef l-ekonomija u l-awtonomija strateġika tal-Ewropa; |
|
48. |
jieħu nota tal-laqgħa informali tal-mexxejja tal-UE f’Alden Biesen biex jiddiskutu kif jista’ jiġi approfondit is-suq uniku, jitnaqqsu d-dipendenzi ekonomiċi u tingħata spinta lill-kompetittività, u jistenna bil-ħerqa l-Pjan Direzzjonali u l-Pjan ta’ Azzjoni “Ewropa Waħda, Suq Wieħed”; jenfasizza, fl-istess ħin, li issa m’għadux iż-żmien biex jiġu ppubblikati Boxxliet, Strateġiji u Pjani Direzzjonali, iżda biex jiġu implimentati azzjonijiet u miżuri reali biex jinkiseb progress tanġibbli lejn ekonomija Ewropea u suq uniku prosperi, reżiljenti u bla xkiel; jissottolinja li l-implimentazzjoni trid tkun f’waqtha, ikkoordinata fil-livelli kollha ta’ governanza u ffinanzjata b’mod adegwat, u li piżijiet amministrattivi mhux neċessarji għandhom jiġu evitati sabiex l-SMEs, il-mikrointrapriżi u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jikkontribwixxu b’mod effettiv u jibbenefikaw mit-tranżizzjoni. |
Brussell, l-4 ta’ Marzu 2026.
Il-President
tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Kata TÜTTŐ
(1) CDR-2106-2024.
(2) Regolament (UE) 2019/515 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ merkanzija kummerċjalizzati legalment fi Stat Membru ieħor u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 764/2008 (ĠU L 91, 29.3.2019, p. 1).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/2599/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)