|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/2597 |
20.5.2026 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Neżaminaw ir-rwol tas-settur privat fit-tisħiħ tal-politika ta’ koeżjoni wara l-2027
(C/2026/2597)
|
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR)
Ir-rwol tas-settur privat fil-politika ta’ koeżjoni
|
1. |
jieħu nota tal-Proposta tal-Kummissjoni Ewropea għall-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) u r-riżorsi proprji ġodda għall-perjodu 2028-2034; |
|
2. |
jenfasizza li l-politika ta’ koeżjoni hija politika ta’ investiment fit-tul u waħda mill-istrumenti ewlenin tal-UE għall-investiment fil-kompetittività, l-għarfien u l-iżvilupp sostenibbli u t-trawwim tal-inklużjoni soċjali, imsejsa fuq politiki reġjonali u bbażati fuq il-post, sabiex ir-reġjuni kollha jsiru kompetittivi; |
|
3. |
jirrimarka li, fid-dawl ta’ kuntest fiskalment ristrett wara l-2027, l-investimenti tas-settur privat jeħtieġ li jiġu inċentivati peress li s-settur privat iġib innovazzjonijiet, riżorsi u għarfien espert li huma meħtieġa biex jikkomplementaw l-investimenti pubbliċi. L-investimenti privati jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-effettività tal-finanzjament pubbliku u għall-ingranaġġ tal-fondi pubbliċi sabiex jinkiseb effett multiplikatur, u jiġi xprunat il-ġid għat-territorju kollu. Dan jinkludi l-ottimizzazzjoni tal-parteċipazzjoni tas-settur privat u l-finanzjament tas-settur privat fil-livelli territorjali kollha; |
|
4. |
jappella għal aktar azzjoni biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu awtonomizzati biex jiffaċilitaw l-involviment reali u rilevanti tas-settur privat, permezz tal-bini tal-kapaċitajiet tagħhom u miżuri ta’ assistenza teknika. L-interazzjoni b’suċċess tal-awtoritajiet lokali u reġjonali ma’ diversi partijiet ikkonċernati tas-settur privat involuti fil-politika ta’ koeżjoni hija kruċjali għall-implimentazzjoni attwali u futura tagħha, u essenzjali biex jitwettqu l-investimenti meħtieġa fil-prattika. Il-kapaċità tagħhom li jinvolvu ruħhom b’mod effettiv mas-settur privat hija kruċjali biex jinkisbu eżiti reġjonali aktar b’saħħithom kif ukoll biex jintlaħqu l-objettivi komuni tal-UE; |
|
5. |
jenfasizza r-rwol importanti tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) fil-politika ta’ koeżjoni. L-SMEs mhumiex biss benefiċjarji iżda msieħba strateġiċi u spiss huma l-muturi tal-ekonomiji lokali. Il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni jikkostitwixxu komponent sinifikanti mfassal biex jappoġġja lill-SMEs, inkluż permezz ta’ prodotti ta’ dejn u ekwità u servizzi ta’ żvilupp tan-negozju mmirati biex jagħtu spinta lill-innovazzjoni, lill-kompetittività u lill-ħolqien tal-impjiegi. Huwa importanti li jiġi enfasizzat li approċċ ibbażat fuq il-post li jiffoka fuq il-ħtiġijiet u l-karatteristiċi speċifiċi tal-SMEs f’kull territorju huwa partikolarment rilevanti meta jiġu appoġġjati l-SMEs; |
|
6. |
jenfasizza li korporazzjonijiet kbar u kumpaniji multinazzjonali huma atturi ewlenin fil-politika ta’ koeżjoni fir-rigward tal-infrastruttura, l-enerġija, it-trasport u l-proġetti ta’ diġitalizzazzjoni. Huma jaqdu wkoll rwol ewlieni bħala xpruni u katalisti tal-attività tal-SMEs. Il-kapaċità finanzjarja u l-għarfien espert tekniku tagħhom jistgħu jamplifikaw b’mod sinifikanti l-impatt tal-investimenti ta’ koeżjoni f’inizjattivi ta’ żvilupp reġjonali ewlenin, permezz ta’ proġetti li x’aktarx jixprunaw trasformazzjonijiet industrijali u ekonomiċi strutturali. Huma għandhom ukoll il-kapaċità li jieħdu r-riskji meħtieġa u jwettqu investimenti kbar; |
|
7. |
jisħaq li istituzzjonijiet finanzjarji u investituri privati, bħal banek, fondi ta’ investiment, u intermedjarji finanzjarji oħra, għandhom rwol kruċjali fil-forniment ta’ strumenti finanzjarji fi ħdan il-politika ta’ koeżjoni (self, garanziji u investimenti fl-ekwità). L-istituzzjonijiet finanzjarji jgħinu fl-ingranaġġ tal-fondi pubbliċi biex jattiraw il-kapital privat, u jżidu l-firxa u l-effettività tal-programmi ta’ koeżjoni. Il-KtR diġà enfasizza r-rwol ewlieni tal-banek promozzjonali fl-Opinjoni tiegħu dwar Naħdmu flimkien għat-tkabbir u l-impjiegi: Ir-rwol tal-Banek Promozzjonali Nazzjonali u Reġjonali (NPBs) fl-appoġġ tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa; |
|
8. |
jirrikonoxxi r-rwol tal-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ għan-negozju u l-assoċjazzjonijiet tal-industrija, bħall-kmamar tal-kummerċ, l-aġenziji tal-intrapriżi, u assoċjazzjonijiet speċifiċi għas-settur li jaġixxu bħala intermedjarji bejn is-settur privat u l-awtoritajiet ta’ ġestjoni. Dawn il-partijiet ikkonċernati għandhom rwol ewlieni fl-għoti ta’ assistenza teknika, fil-promozzjoni ta’ politiki favorevoli għan-negozju, fit-tixrid ta’ informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament, u fl-identifikazzjoni u fl-għoti ta’ vuċi għall-ħtiġijiet u l-isfidi tan-negozju; |
Sar progress — iżda għad hemm diskrepanzi
|
9. |
jirrikonoxxi li sar progress sinifikanti matul dawn l-aħħar 20 sena fl-iżvilupp ta’ oqfsa istituzzjonali u kapaċità amministrattiva għall-kooperazzjoni mal-atturi tas-settur privat. Ħafna awtoritajiet lokali u reġjonali bnew kapaċità istituzzjonali soda għall-kollaborazzjoni tas-settur privat bis-saħħa tar-rekwiżiti tal-politika ta’ koeżjoni fir-rigward tas-sħubija u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati u l-użu, fil-qafas ta’ din il-politika, ta’ strumenti finanzjarji li jeħtieġu kooperazzjoni pubblika-privata; |
|
10. |
ifakkar fil-parteċipazzjoni b’suċċess tal-SMEs u fl-appoġġ għalihom f’perjodi suċċessivi ta’ implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni, pereżempju l-appoġġ għal madwar ħames miljun SME permezz ta’ finanzjament ta’ EUR 118 biljun (1) u l-kontribut għall-ħolqien ta’ 370 000 impjieg dirett ġdid fil-perjodu 2014-2020 (2), waqt li l-appoġġ u d-diversifikazzjoni tal-SMEs kienu jirrappreżentaw madwar terz tal-baġit tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta fil-perjodu 2021-2027 (3). Huwa jidentifika l-importanza ta’ politiki ta’ espansjoni u strateġiji reġjonali komprensivi biex jixprunaw it-tkabbir u l-kompetittività; |
|
11. |
jirrikonoxxi s-suċċess dejjem akbar tal-politika ta’ koeżjoni mwettqa permezz ta’ strumenti finanzjarji, li bdiet bi Stat Membru wieħed jew tnejn fil-perjodu 2000-2006 u kompliet tikber biex, fiż-żmien tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027 tinkludi 21 Stat Membru li pprogrammaw madwar 6,5 % tal-kontribuzzjonijiet tal-UE taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta permezz ta’ strumenti finanzjarji, li kważi nofshom kienu marbuta mat-tkabbir u l-kompetittività tal-SMEs, madwar kwart mal-effiċjenza enerġetika u madwar 8 % kull wieħed mal-enerġija rinnovabbli u r-riċerka u l-innovazzjoni fir-riċerka. Ġew allokati wkoll riżorsi sinifikanti tal-istrumenti finanzjarji għall-iżvilupp urban u territorjali, id-diġitalizzazzjoni, it-teknoloġiji kritiċi u l-ekonomija ċirkolari (4); |
|
12. |
jirrimarka li għad hemm potenzjal mhux sfruttat biex jiġi attirat il-kapital privat; diskrepanzi fil-kapital jibqgħu sfida sinifikanti u jridu jiġu indirizzati sabiex jiġi sfruttat l-effett tal-politika ta’ koeżjoni; |
|
13. |
jisħaq li bosta awtoritajiet pubbliċi jista’ ma jkollhomx l-għarfien tekniku jew l-għarfien espert legali biex jinnegozjaw u jistrutturaw kollaborazzjoni pubblika-privata jew biex jevalwaw u jimmaniġġjaw l-istrumenti finanzjarji b’mod effettiv. Jista’ jkun hemm ukoll limitazzjonijiet fl-ippjanar strateġiku, fl-evalwazzjoni tal-proġetti, u fil-valutazzjoni tar-riskju, li huma essenzjali fil-ħidma ma’ investituri privati jew fl-implimentazzjoni ta’ inizjattivi xprunati mill-innovazzjoni. Barra minn hekk, l-ineffiċjenzi burokratiċi, is-sistemi dgħajfa tal-akkwist, jew l-instabbiltà politika jistgħu jfixklu l-kooperazzjoni ma’ entitajiet privati; |
|
14. |
jenfasizza li l-kultura istituzzjonali u l-fiduċja għadhom problema wkoll. F’xi kuntesti, hemm nuqqas ta’ esperjenza jew tradizzjoni fir-rigward tal-ħidma ma’ atturi privati, li jista’ jwassal għal xettiċiżmu jew eżitazzjoni miż-żewġ naħat. L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jkunu avversi għar-riskju, mentri d-ditti privati jistgħu jiddubitaw it-trasparenza jew l-affidabbiltà tal-imsieħba pubbliċi; għaldaqstant, hemm bżonn kemm ta’ bini ta’ kapaċitajiet immirat kif ukoll ta’ bidla fil-mentalità — minn averżjoni għar-riskju għal sħubijiet strateġiċi u responsabbli; |
|
15. |
jinsab imħasseb dwar il-fatt li ħafna SMEs għadhom qed jitħabtu mal-kumplessità amministrattiva, il-kontrolli li jikkoinċidu u n-nuqqas ta’ adattament lokali. Mingħajr miżuri konkreti li jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi fil-livell tal-benefiċjarju, ir-riformi strutturali maħsuba u l-objettivi tal-UE mhux se jintlaħqu; |
|
16. |
jiġbed l-attenzjoni għall-konklużjonijiet tal-istudju tal-Parlament Ewropew dwar Public private partnerships and cohesion policy (5), li żvelaw li minkejja qafas leġiżlattiv aktar favorevoli, l-użu ta’ sħubijiet pubbliċi-privati fil-politika ta’ koeżjoni għadu baxx. L-evidenza dwar it-taħlit tindika li l-użu ta’ sħubijiet pubbliċi-privati huwa limitat; |
L-ottimizzazzjoni tal-involviment tal-partijiet ikkonċernati privati fil-QFP wara l-2027
|
17. |
itenni li l-kooperazzjoni pubblika-privata u l-mudelli ta’ koinvestiment fil-politika ta’ koeżjoni għandhom ikunu strateġiċi, mhux simboliċi. Is-setturi pubbliċi u privati jeħtieġ li jaħdmu flimkien, biex jiżguraw li kull euro ta’ finanzjament tal-UE jkun akkumpanjat minn għarfien espert, investiment, u akkontabbiltà — kemm minn atturi pubbliċi kif ukoll privati — biex jinkisbu riżultati sinifikanti għar-reġjuni tagħna. Huwa importanti li jkun hemm approċċ komprensiv u li jħares ’il quddiem meta jiġu identifikati proġetti trasformattivi ewlenin; |
|
18. |
jisħaq li n-nazzjonalizzazzjoni tal-programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni (skont il-proposta tal-QFP wara l-2027) għandha r-riskju li ddgħajjef l-approċċi bbażati fuq il-post u tnaqqas il-viżibbiltà tal-ekosistemi tan-negozju lokali, u jappella għal mekkaniżmi inkorporati strutturati għall-parteċipazzjoni tas-settur privat fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi. Fl-istess ħin, huwa importanti li tissaħħaħ il-kapaċità fil-ġestjoni fil-livell reġjonali biex tittejjeb il-parteċipazzjoni tas-settur privat; |
|
19. |
jirrakkomanda bil-qawwa t-tisħiħ tal-prinċipju tas-sħubija u l-integrazzjoni tal-involviment tas-settur privat fil-programmazzjoni, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni, permezz ta’ involviment attiv fl-istadji kollha mill-analiżi tal-ħtiġijiet u l-istabbiliment tal-kundizzjonijiet u r-riformi, sal-għażla ta’ oqsma prijoritarji u allokazzjonijiet finanzjarji; |
|
20. |
jinnota li evalwazzjonijiet suċċessivi tal-politika ta’ koeżjoni u r-rwol tal-istrumenti finanzjarji fit-twettiq tal-politika identifikaw lok għal titjib u inkoraġġiment ulterjuri tal-adozzjoni ta’ dawn l-istrumenti; |
|
21. |
jirrakkomanda bil-qawwa qafas imfassal b’mod ċar u arkitettura li tinkludi miżuri mmirati u mekkaniżmi ta’ appoġġ għall-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-SMEs fil-qafas leġiżlattiv futur għall-politika ta’ koeżjoni, li jippermettu appoġġ għall-bini tal-kapaċità għall-assistenza teknika u amministrattiva, sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal u jiġu indirizzati l-isfidi li fadal; |
|
22. |
jenfasizza l-ħtieġa li t-terminu “finanzjament nazzjonali” fil-qafas leġiżlattiv futur jinkludi b’mod espliċitu l-kofinanzjament privat, biex b’hekk jgħin biex ikun hemm allinjament aħjar mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u jipprevjeni dewmien ikkawżat minn proċeduri ta’ notifika individwali; |
|
23. |
jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-proposta tal-QFP wara l-2027 la tinkludi u lanqas tirrikonoxxi l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti (S3) li wriet il-benefiċċji tal-allinjament tal-investimenti pubbliċi, il-ħtiġijiet lokali u l-kundizzjonijiet ekonomiċi lokali. L-istrument suċċessur għall-Investiment Interreġjonali fl-Innovazzjoni (I3)u l-Widien tal-Innovazzjoni Reġjonali, li tħallew barra wkoll mill-proposta tal-QFP, urew kif il-kollaborazzjoni bejn l-atturi privati u pubbliċi tista’ trawwem sħubijiet transreġjonali, speċjalment bejn reġjuni aktar u inqas żviluppati, u tintegrahom fil-ktajjen tal-valur tal-UE u dawk globali. L-esperjenzi minn dawn l-istrumenti għandhom jiġu inklużi fil-proposta l-ġdida tal-QFP biex jiġi inċentivat aktar l-involviment tas-settur privat; |
|
24. |
iqis li huwa ta’ importanza kbira li jittejbu l-possibbiltajiet għall-involviment tal-partijiet ikkonċernati privati u li jiġu implimentati miżuri konkreti sabiex jiġi evitat il-gold-plating billi jiġi introdott mekkaniżmu ta’ rieżami rapidu biex jiġu identifikati u indirizzati rekwiżiti nazzjonali sproporzjonati u jittejjeb l-allinjament bejn ir-regoli tal-UE u dawk nazzjonali, b’mod speċifiku r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u l-possibbiltà ta’ kofinanzjament nazzjonali għal proġetti ffinanzjati mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni. Huwa partikolarment importanti li jiġu sfruttati l-momentum u l-għodod offruti mill-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa għall-ingranaġġ tal-appoġġ pubbliku għal proġetti katalitiċi; |
|
25. |
jirrakkomanda l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ darba biss (jiġifieri s-sottomissjoni ta’ dokumenti darba biss lill-awtorità ta’ ġestjoni reġjonali) u l-introduzzjoni ta’ għażliet ta’ kostijiet issemplifikati u finanzjament mhux marbut mal-kostijiet; |
|
26. |
jissuġġerixxi li jiġu infurzati proċeduri ta’ awditjar proporzjonali billi jinħoloq livell limitu simili ta’ “de minimis” għal proġetti żgħar (<100 000 EUR) li jippermettu awditjar ħafif jekk l-eżitu jintwera b’mod ċar, u li jiġi żgurat li approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni jqis il-miżuri adegwati għall-SMEs. Barra minn hekk, ir-replikazzjoni u l-adozzjoni tal-mudell ta’ finanzjament ta’ somma f’daqqa tal-Kummissjoni Ewropea jistgħu jwasslu għal semplifikazzjoni u razzjonalizzazzjoni tal-proċeduri; |
|
27. |
jappella għal aktar appoġġ għall-iżvilupp ta’ għarfien espert tekniku għall-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-SMEs, speċjalment fil-livell lokali, bl-għan li tiġi żviluppata sistema kkaratterizzata minn ftuħ u prevedibbiltà, li tiżgura perspettiva fit-tul u sostenibbli; |
|
28. |
jenfasizza li l-użu tal-istrumenti finanzjarji għandu jkun allinjat man-natura tal-investiment biex tiġi promossa l-effiċjenza ekonomika, u b’hekk jagħti parir kontra l-użu ta’ appoġġ dirett b’għotjiet għal investimenti produttivi; jirrakkomanda li l-qafas regolatorju futur jinkludi dispożizzjoni li permezz tagħha l-investimenti li jiġġeneraw id-dħul u li jiffrankaw l-ispejjeż jitwettqu primarjament permezz tal-istrumenti finanzjarji; |
|
29. |
iwissi dwar distakk akbar bejn ir-reġjuni li huma mexxejja fl-innovazzjoni u reġjuni inqas żviluppati li ma għandhomx l-istess esperjenza jew kapaċità istituzzjonali biex jibbenefikaw minn fondi u għodod ġodda proposti fil-proposta tal-QFP; jinsisti, għaldaqstant, li l-proposta tal-QFP trid tinkludi biżżejjed appoġġ konsultattiv u tekniku għar-reġjuni b’inqas esperjenza sabiex tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta tal-fondi biex jintlaħqu l-objettivi tal-UE f’termini ta’ koeżjoni u kompetittività; |
|
30. |
jenfasizza li l-qafas leġiżlattiv futur għandu jippermetti lill-Istati Membri jinkludu l-istrumenti finanzjarji fil-pjani tagħhom; itenni li l-istrumenti finanzjarji huma modi intelliġenti u effiċjenti biex jiżdied l-impatt tal-fondi tal-UE, u li se jsaħħu l-effett ta’ lieva u multiplikatur tal-fondi tal-UE jekk ikunu mfassla għall-ħtiġijiet lokali; jenfasizza li l-involviment tas-settur privat mhuwiex fakultattiv — huwa essenzjali għar-reżiljenza u l-impatt fit-tul tal-investimenti ta’ koeżjoni; |
|
31. |
jemmen li l-istituzzjonijiet finanzjarji nazzjonali u reġjonali għandhom jiġu awtonomizzati sabiex l-istrumenti finanzjarji jiġu fdati f’idejn l-istituzzjonijiet ta’ garanzija nazzjonali u reġjonali u l-banek promozzjonali pubbliċi, minħabba l-prossimità tagħhom għall-SMEs u l-fehim profond tagħhom tas-swieq lokali; |
|
32. |
jenfasizza b’mod partikolari l-ħtieġa għal strumenti finanzjarji mfassla apposta bħal skemi ta’ mikrofinanzjament, proċeduri ta’ self semplifikati u garanziji mmirati, b’mod partikolari f’reġjuni inqas żviluppati u ekonomiji b’densità baxxa fejn l-ekosistemi finanzjarji huma aktar dgħajfa u s-sensibilizzazzjoni hija limitata. |
Brussell, l-4 ta’ Marzu 2026.
Il-President
tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Kata TÜTTŐ
(1) Rapport ta’ Sinteżi 2023 dwar l-Implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej.
(2) Evalwazzjoni ex post tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u tal-Fond ta’ Koeżjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020.
(3) Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta 2021-2027.
(4) Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta 2021-2027.
(5) Riċerka tal-Kumitat REGI — Public Private Partnerships and Cohesion Policy (Sħubijiet pubbliċi-privati u l-politika ta’ koeżjoni — mhux disponibbli bil-Malti).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/2597/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)