European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/2548

22.5.2026

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Pjan direzzjonali għall-krediti tan-natura

(COM(2025) 374 — final)

(C/2026/2548)

Relatur:

Arnaud SCHWARTZ

Korelatur:

Teppo SÄKKINEN

Konsulenti

Athénaïs GEORGES (għar-relatur)

Juha TURKKI (għall-korelatur)

Proċedura leġiżlattiva

EU Law Tracker

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 29.8.2025

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Dokumenti tal-Kummissjoni Ewropea

COM(2025) 374 — final

Sommarju ta’ COM(2025) 374 final

Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) rilevanti

SDG 1 — Inxejnu l-faqar

SDG 2 — Inxejnu l-ġuħ

SDG 8 — Jiġu promossi tkabbir ekonomiku sostnut, inklużiv u sostenibbli, impjieg sħiħ u produttiv u xogħol deċenti għal kulħadd

SDG 10 — Titnaqqas l-inugwaljanza bejn il-pajjiżi u fihom stess

SDG 11 — Bliet u Komunitajiet Sostenibbli

SDG 12 — Jiġu żgurati xejriet sostenibbli ta’ konsum u ta’ produzzjoni

SDG 13 Azzjoni klimatika

SDG 14 — Ħajja taħt l-ilma

SDG 15 — Ħajja fuq l-art

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adozzjoni fis-sezzjoni

28.1.2026

Adozzjoni fis-sessjoni plenarja

19.2.2026

Sessjoni plenarja Nru

603

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

219/3/2

1.   RAKKOMANDAZZJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jistieden lill-Kummissjoni Ewropea:

1.1.

tiżgura li jintlaħqu l-għanijiet ta’ finanzjament għall-bijodiversità stabbiliti mill-Qafas Globali tal-Bijodiversità ta’ Kunming-Montreal. Dan jirrikjedi finanzjament pubbliku suffiċjenti, stabbli u f’waqtu, inkluż mill-baġit tal-UE, u t-tneħħija gradwali ta’ sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent, bħas-sussidji fuq il-fjuwils fossili. Il-krediti tan-natura jistgħu jkunu għodda li tgħin biex titnaqqas id-diskrepanza fil-finanzjament u jiġi mobilizzat il-finanzjament privat, li jikkomplementa iżda ma jissostitwix il-fondi pubbliċi;

1.2.

tiddefendi u ssaħħaħ il-leġiżlazzjoni ambjentali u l-prinċipji fundamentali, bħala għodda effiċjenti biex jiġu żgurati l-protezzjoni tan-natura u l-kisba tal-miri tal-bijodiversità, u titnaqqas id-diskrepanza fil-finanzjament, u bħala l-bażi għal qafas ta’ krediti tan-natura affidabbli;

1.3.

tiżgura li l-qafas għall-krediti tan-natura u għas-swieq tal-krediti tan-natura jkun ibbażat fuq prinċipji stretti ta’ integrità għolja flimkien mal-ġerarkija tal-mitigazzjoni u salvagwardji ambjentali, klimatiċi, u soċjali, u jivvaluta b’mod sistematiku l-konformità tal-proġetti magħhom. Il-metodoloġiji użati għandhom ikunu olistiċi u xjentifiċi, u għandhom ikunu bbażati fuq approċċ ekoloġikament integrat u bbażat fuq ir-riżultati;

1.4.

tiżgura li l-qafas ta’ governanza għas-suq tal-krediti tan-natura jkun ibbażat fuq ix-xjenza, u jkun inklużiv, trasparenti u parteċipattiv, b’enfasi qawwija fuq l-involviment tal-bdiewa, tal-forestiera, tas-sidien tal-art, tal-konservazzjonisti, tal-ħaddiema b’mod ġenerali u ta’ atturi oħra bil-potenzjal li jirrestawraw, jikkonservaw u jsaħħu n-natura, kif ukoll gruppi vulnerabbli u emarġinati bħaż-żgħażagħ, in-nisa, il-komunitajiet rurali u l-popli indiġeni. Il-qafas għandu jindirizza l-ġestjoni u s-sjieda trasparenti u ġusti tad-data;

1.5.

tipproċedi b’kawtela dwar il-ħtieġa għal Direttiva jew Regolament, peress li l-istabbiliment ta’ krediti tan-natura u swieq tal-krediti tan-natura għandu jibqa’ volontarju b’konformità ma’ regoli u kriterji stretti. Il-qafas għandu jiffoka prinċipalment fuq kontributi pożittivi, waqt li l-użu tat-tpaċija għandu jitħalla f’idejn id-deċiżjoni tal-Istati Membri, sabiex ma jiddgħajfux l-inizjattivi ambizzjużi eżistenti fil-livell nazzjonali;

1.6.

tiċċara l-allinjament tal-krediti tan-natura u tas-swieq tal-krediti tan-natura ma’ politiki oħra, bħal miżuri agroambjentali fil-PAK fir-rigward tal-agrikoltura. Il-krediti tan-natura u s-swieq tal-krediti tan-natura jridu jinbnew b’mod li jippermetti li l-bijoekonomija, l-ekonomija ċirkolari, il-produzzjoni sostenibbli tal-ikel u l-forestrija jirnexxu fl-UE. Il-qafas għandu jevita li jżid piż amministrattiv bla bżonn fuq il-prattikanti, b’mod partikolari dawk żgħar, u fl-istess ħin jiżgura l-integrità għolja u l-approċċ ibbażat fuq ix-xjenza tal-krediti;

1.7.

tiżgura li n-negozjabbiltà possibbli tal-krediti ma twassalx għall-komodifikazzjoni jew il-finanzjalizzazzjoni ta’ elementi naturali. Il-ħtif tal-art u l-ispekulazzjoni għandhom jiġu evitati akkost ta’ kollox. Il-Kummissjoni Ewropea jeħtiġilha tivvaluta u titgħallem minn eżempji madwar id-dinja. L-istruttura ekonomika tal-krediti tan-natura u tas-swieq għandha dejjem tagħti prijorità lill-integrità pjuttost milli l-profittabbiltà fuq terminu qasir, kif ukoll lid-distribuzzjoni ġusta tal-benefiċċji, u jindirizza kwistjonijiet ta’ governanza u mekkaniżmi ta’ manipulazzjoni tas-suq. F’dan ir-rigward, minbarra li jiffinanzjaw l-azzjoni għall-bijodiversità, is-swieq tal-krediti tan-natura għandhom, mid-disinn tagħhom, jgħinu wkoll biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi u jiġu promossi impjiegi ta’ kwalità tajba billi jipprovdu opportunitajiet ta’ dħul addizzjonali;

1.8.

tinvolvi ruħha b’kawtela fi proġetti barra mill-UE, peress li l-metodoloġiji u l-oqfsa ta’ governanza żviluppati fl-Ewropa jistgħu ma jkunux adattati għal kuntesti soċjali, kulturali, legali, politiċi u ekoloġiċi barra mill-pajjiż, u tipprovdi gwida kontinwa lill-atturi ekonomiċi tal-UE dwar l-użu ta’ krediti ta’ integrità għolja biex jiġġeneraw impatti pożittivi għan-natura fil-ktajjen tal-valur tagħhom barra mill-UE.

2.   NOTI TA’ SPJEGAZZJONI

Sfond

2.1.

Il-Qafas Globali tal-Bijodiversità ta’ Kunming-Montreal (Qafas Globali tal-Bijodiversità) jistabbilixxi l-mira li t-telf tal-bijodiversità jitreġġa’ lura sal-2030. Sabiex jagħmel dan, il-Qafas Globali tal-Bijodiversità għandu l-għan li jimmobilizza mill-inqas USD 200 biljun fis-sena, inkluż permezz ta’ skemi innovattivi bħal tpaċija għall-bijodiversità u krediti b’salvagwardji ambjentali u soċjali. Fil-livell tal-UE, id-distakk fil-finanzjament għall-implimentazzjoni tal-objettivi tal-bijodiversità huwa stmat għal madwar EUR 200 biljun sal-2030. Kif enfasizzat mir-rapport influwenti Dasgupta Review (1), l-importanza tal-bijodiversità tista’ tinftiehem ukoll f’termini ekonomiċi biex tinqabad il-ħtieġa inerenti tagħha għall-ekonomiji tagħna mingħajr ma jitnaqqas il-valur intrinsiku tan-natura.

2.2.

Il-Panel Konsultattiv Internazzjonali dwar il-Qafas tal-Krediti għall-Bijodiversità (IAPB) għal swieq ta’ kreditu għall-bijodiversità b’integrità għolja (2024) (2), imniedi fil-COP16, jiddefinixxi kreditu għall-bijodiversità bħala ċertifikat li jirrappreżenta unità mkejla u bbażata fuq l-evidenza ta’ eżitu pożittiv għall-bijodiversità li jkun durabbli u addizzjonali għal dak li kieku kien iseħħ.

2.3.

Madankollu, il-Pjan direzzjonali għall-krediti tan-natura ppubblikat mill-Kummissjoni Ewropea jsemmi “krediti tan-natura u swieq tal-krediti tan-natura”. Definizzjoni ċara ta’ “krediti tan-natura” għandha tkun il-punt tat-tluq, inkluża l-identifikazzjoni tal-oqsma speċifiċi relatati man-natura, bħall-bijodiversità u/jew is-servizzi tal-ekosistema, li huma adattati għal approċċ ibbażat fuq il-krediti u l-kundizzjonijiet speċifiċi li japplikaw. L-Istrateġija Ewropea għar-Reżiljenza tal-Ilma ssemmi l-Pjan direzzjonali bħala għodda potenzjali għall-finanzjament tal-ilma. L-ilma mhuwiex biss ben komuni, iżda huwa vitali għall-organiżmi kollha; huwa dritt fundamentali tal-bniedem, ekosistema, parti mill-wirt kulturali tagħna, regolatur tal-klima u l-bażi għal kwalunkwe ekonomija li tiffunzjona. Huwa kruċjali li l-qafas jindirizza n-natura intrinsika ta’ kull wieħed mill-elementi naturali li se jiġu inklużi.

Prerekwiżiti

2.4.

Il-krediti tan-natura jistgħu jkunu għodda għall-mobilizzazzjoni tal-fondi għal azzjoni pożittiva għan-natura. Madankollu, dawn ma għandhomx jissostitwixxu mezzi oħra ta’ finanzjament u l-protezzjoni tal-bijodiversità. Bħala prijorità, l-UE jeħtieġ li tiżgura li jiġi allokat finanzjament pubbliku suffiċjenti u f’waqtu għar-restawr u l-protezzjoni tan-natura fil-baġit tal-UE permezz ta’ strumenti stabbli; li sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent, b’mod partikolari s-sussidji fuq il-fjuwils fossili, li jammontaw għal EUR 112-il biljun fis-sena fl-Ewropa (EEA, 2023), jitneħħew gradwalment mill-iżjed fis; u li l-leġiżlazzjoni dwar in-natura tiġi implimentata u infurzata, b’rispett dovut għall-istat tad-dritt. Il-krediti tan-natura għandhom jallinjaw mal-politiki ambjentali differenti tal-UE u jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi ta’ dawn il-politiki; huma għandhom jikkontribwixxu għall-kisba tal-oqfsa ta’ żvilupp sostenibbli bħall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs).

2.5.

Il-KESE diġà enfasizza l-importanza li jiġu mobilizzati l-investimenti mis-settur privat. Madankollu, huwa wissa wkoll li l-integrità tal-istrumenti finanzjarji li jinċentivaw l-investimenti privati trid tiġi żgurata b’mod strett u li, b’mod partikolari, għandha tingħata attenzjoni meta jsiru proposti għas-“swieq tal-bijodiversità” (3). Il-Pjan direzzjonali għall-krediti tan-natura jipprovdi punt tat-tluq għad-dibattitu dwar kif għandhom jiġu żviluppati krediti u swieq ta’ integrità għolja sabiex jiġu appoġġjati l-għanijiet tal-bijodiversità. Għandu jittieħed biżżejjed żmien, mhux ristrett għall-iskeda ta’ żmien ta’ sentejn tal-pjan direzzjonali, biex jitqiegħdu l-pedamenti għall-krediti tan-natura u għas-swieq tal-krediti tan-natura b’attenzjoni.

2.6.

Approċċi bbażati fuq is-suq jistgħu jipprovdu soluzzjonijiet għall-finanzjament tal-bijodiversità u għall-konservazzjoni u r-restawr tan-natura. Jekk isiru b’mod korrett, il-krediti jistgħu jenfasizzaw il-valur tal-bijodiversità u tas-servizzi tal-ekosistema, u jistabbilixxu kemm inċentivi għal azzjoni pożittiva għan-natura kif ukoll kostijiet għal impatti dannużi. Madankollu, is-swieq waħedhom ma jistgħux isolvu d-diskrepanza fil-finanzjament tan-natura, u regoli tas-suq laxki jistgħu jwasslu għal riskji, bħall-greenwashing jew l-ispekulazzjoni, u jagħmlu ħsara lill-komunitajiet lokali. Għalkemm is-swieq tal-karbonju jistgħu jipprovdu tagħlimiet dwar x’għandu u x’ma għandux isir fir-rigward tal-krediti tan-natura, iridu jiġu kkunsidrati l-lokalità inerenti u l-kumplessità tal-elementi naturali u l-interazzjonijiet tagħhom.

2.7.

Il-Pjan direzzjonali għall-krediti tan-natura jindika r-Regolament tal-UE dwar l-Assorbimenti tal-Karbonju u l-Kultivazzjoni Karbonika, li skontu qed jiġu żviluppati metodoloġiji għaċ-ċertifikazzjoni tas-sekwestru tal-karbonju. Dawn il-metodoloġiji, minkejja li mhumiex finali, juru l-isfidi marbuta mal-integrità tal-krediti, bħal-linji bażi u l-addizzjonalità, l-użu ħażin potenzjali tal-krediti li jirriżultaw u n-nuqqas li jiġu inkorporati salvagwardji, metriċi u indikaturi sinifikanti biex jiġu żgurati l-integrità ambjentali u l-benefiċċji tal-bijodiversità. Dawn in-nuqqasijiet għandhom jitqiesu meta jiġi esplorat l-iżvilupp tal-krediti tan-natura.

2.8.

Barra minn hekk, trid issir riflessjoni bir-reqqa u kawta dwar in-natura leġiżlattiva tal-qafas tal-krediti tan-natura, biex jiġi evitat li jiddgħajfu inizjattivi ambizzjużi u effettivi ta’ protezzjoni u restawr tan-natura fil-livell nazzjonali. Filwaqt li l-krediti tan-natura jridu jikkonformaw ma’ regoli u kriterji stretti, l-istabbiliment tagħhom irid jibqa’ volontarju. Għalhekk, il-ħtieġa għal Direttiva jew għal Regolament għandha tiġi indirizzata b’kawtela.

Prinċipji ta’ bażi

2.9.

Il-liġijiet nazzjonali u l-oqfsa regolatorji tal-UE diġà jibbenefikaw minn prinċipji ambjentali fundamentali b’saħħithom ħafna u effiċjenti, bħall-prinċipju ta’ “prekawzjoni”, il-prinċipju li “l-ħsara lill-ambjent għandha, bħala prijorità, tissewwa f’ras il-għajn” u l-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” (4), flimkien mal-prinċipju ta’ “la tagħmilx ħsara sinifikanti”. L-istat tad-dritt għandu jiġi ggarantit billi jiġu rispettati dawn il-prinċipji. Dment li ma jiddgħajfux, il-liġijiet ambjentali nazzjonali u tal-UE jappoġġjaw l-integrità għolja tal-krediti potenzjali tan-natura billi jiggarantixxu l-permanenza maż-żmien tal-protezzjoni u r-restawr tan-natura. Mil-lat soċjali, is-swieq tan-natura għandhom jevitaw li jrawmu impatti soċjali negattivi u jippromovu impjiegi ta’ kwalità tajba u sostenibbli.

2.10.

Għalkemm il-krediti jistgħu jipprovdu sorsi addizzjonali ta’ finanzjament, it-“3T” (taxxi, tariffi, trasferimenti), approċċ żviluppat mill-eks Direttur tal-Fond Monetarju Internazzjonali Michel Camdessus, joffru diversi strumenti robusti biex jiġi implimentat il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, u fl-istess ħin jiffinanzjaw ukoll il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità. Strumenti bħat-taxxi u t-trasferimenti huma ta’ rilevanza partikolari biex jiġu indirizzati l-isfidi marbuta mal-monetizzazzjoni u t-tfassil tas-servizzi tal-ekosistema u l-ħsara ambjentali.

2.11.

Il-ġerarkija tal-mitigazzjoni — evita, imminimizza, ikkumpensa — tipprovdi biżżejjed flessibbiltà fil-każ ta’ ħsara ambjentali “inevitabbli”. Minn perspettiva xjentifika, il-kisba ta’ ekwivalenza ekoloġika assoluta hija impossibbli, u huwa għalhekk li l-kumpens għandu dejjem ikun mekkaniżmu tal-aħħar istanza. Il-krediti ma għandhomx jintużaw biex jikkumpensaw għall-impatti li kellhom jiġu evitati jew minimizzati, u ma għandhomx jippermettu għadd doppju tat-tnaqqis tal-emissjonijiet.

2.12.

Skont il-Qafas tal-IAPB, l-użu tal-krediti jista’ jinqasam bejn wieħed u ieħor fi: 1) kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-evidenza għall-bijodiversità; 2) tpaċijiet li jintużaw biex jikkumpensaw għall-ħsara mill-inqas fl-istess livell; u 3) kumpens għal emissjonijiet ta’ karbonju fil-ktajjen tal-provvista (insetting). Fil-Finlandja, l-użu ta’ tpaċijiet iseħħ fil-qafas tal-ġerarkija tal-mitigazzjoni u bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, u għandu appoġġ xjentifiku qawwi. Madankollu, f’xi Stati Membri (eż. Franza), l-użu tal-krediti tan-natura biex tiġi kkumpensata d-degradazzjoni jista’ jkollu l-effett mhux mixtieq billi min iniġġes jitħalla jibbenefika minn kumpens obbligatorju skont il-ġerarkija tal-mitigazzjoni bil-ħruġ ta’ kreditu, u potenzjalment jinkoraġġixxi aktar ħsara. Għaldaqstant, kwalunkwe qafas tal-UE għandu jiffoka prinċipalment fuq l-użu ta’ krediti tan-natura għal kontribuzzjonijiet pożittivi biss, iżda jista’ jikkunsidra gwida għal prinċipji ta’ integrità għolja għal kumpensi biex jiskoraġġixxi l-użu laxk tagħhom.

2.13.

Il-krediti tan-natura jridu jirrispettaw prinċipji minimi ta’ integrità għolja. Dawn jinkludu: l-addizzjonalità; l-ebda għadd doppju tat-tnaqqis tal-emissjonijiet; il-permanenza tar-restawr; kawżalità bejn il-metriċi u l-eżiti mixtieqa; il-prevenzjoni ta’ effetti ta’ tnixxija; verifika indipendenti, minn partijiet terzi u pubblika tal-eżiti, u l-kostijiet għal tali verifika għandhom jiġġarrbu minn entitajiet privati li jkunu jridu jiksbu l-krediti; detezzjoni sistematika u l-penalizzazzjoni tan-nuqqas ta’ konformità; u trasparenza sħiħa u f’waqtha u aċċess miftuħ għal metodoloġiji, proġetti, riżultati u kwalunkwe informazzjoni marbuta mal-krediti tan-natura. Kull wieħed minn dawn it-termini jrid jiġi definit bir-reqqa, flimkien ma’ metodoloġiji għall-valutazzjoni u l-monitoraġġ tal-konformità tal-proġetti magħhom.

2.14.

L-applikazzjoni ta’ prinċipji ta’ integrità għolja trid tkun prerekwiżit għal kwalunkwe kreditu tan-natura. Dan jinkludi salvagwardji ambjentali u soċjali addizzjonali, bħal:

salvagwardji ambjentali kontra l-greenwashing, il-manipulazzjoni ġenetika/il-bijoinġinerija, il-kummerċ ta’ organiżmi selvaġġi, eċċ.; u

governanza u salvagwardji soċjali kontra: il-ħtif tal-art, l-ispekulazzjoni u ż-żidiet eċċessivi fil-prezzijiet tal-art u tal-proprjetà immobbli (speċjalment għall-agrikoltura), u l-privatizzazzjoni taż-żoni naturali; distribuzzjoni inġusta tal-benefiċċji, sabiex jiġi evitat li sidien kbar tal-art jew entitajiet b’saħħithom jiksbu gwadanji sproporzjonati, li jġiegħlu lill-bdiewa jtemmu l-attività agrikola tagħhom jew jirriżultaw f’tifqir u f’sakkeġġ ta’ gruppi vulnerabbli; u biex jiġi żgurat li l-ambitu ġeografiku tal-proġetti jkun limitat għaż-żoni u l-ġuriżdizzjonijiet tal-ekosistemi ta’ rilevanza, bi proċessi ta’ governanza u regolatorji konsistenti, li jinvolvu, fuq bażi permanenti, lill-partijiet ikkonċernati, lix-xjenzjati u lis-soċjetà ċivili b’mod ġenerali.

Governanza

2.15.

Ma hemm l-ebda suq mingħajr provvista, u ma hemm l-ebda provvista mingħajr persuni li għandhom il-mezzi biex jirrestawraw, jikkonservaw u jtejbu n-natura, bħall-bdiewa u s-sidien tal-foresti. L-iżvilupp ta’ suq tal-valur tan-natura u l-krediti tan-natura għandu jinvolvi mill-qrib lill-prattikanti fl-istadji kollha tal-proċess, inklużi l-pilotaġġ u l-ittestjar. Fl-agrikoltura diġà jiġu applikati kunċetti differenti ta’ sostenibbiltà, inklużi l-biedja organika u miżuri agroambjentali fit-tieni pilastru tal-PAK attwali. Huwa importanti li l-krediti tan-natura ma jeskludux pagamenti eżistenti oħra bħall-pagamenti tal-PAK. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal ċarezza dwar kif il-krediti jkunu jaqblu ma’ dawn l-oqfsa ta’ politika l-oħra. Il-krediti tan-natura u s-swieq tal-krediti tan-natura jridu jinbnew b’mod li jippermetti li l-bijoekonomija, l-ekonomija ċirkolari, il-produzzjoni tal-ikel u l-forestrija jirnexxu fl-UE;

2.16.

Sabiex il-krediti tan-natura jipprovdu mod kif jinħolqu benefiċċji tanġibbli għall-komunitajiet lokali, għall-bdiewa, għas-sajjieda, għall-forestiera, għas-sidien tal-art u għall-popli indiġeni, u b’hekk tiġi żgurata l-kapaċità li jiġu restawrati, protetti, imtejba u kkonservati l-ekosistemi u l-bijodiversità, u jiġu inċentivati prattiki riġenerattivi, iridu jiġu stabbiliti oqfsa ta’ governanza robusti, trasparenti u parteċipattivi, li jinvolvu l-parteċipazzjoni sistematika tal-iżjed komunitajiet esposti. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lil gruppi vulnerabbli u emarġinati bħaż-żgħażagħ, in-nisa, il-komunitajiet rurali u l-popli indiġeni. Għall-popli indiġeni, id-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni, li tirrikonoxxi d-dritt tagħhom għall-awtodeterminazzjoni permezz ta’ Kunsens Liberu, Minn Qabel u Infurmat (FPIC), u l-inklużjoni tal-għarfien tradizzjonali huma kruċjali. Għal dawn il-gruppi, għandhom jiġu stabbiliti korpi speċifiċi għall-bini tal-kapaċitajiet u għall-parteċipazzjoni. Is-soċjetà ċivili għandha sistematikament tkun parti min-negozjati globali.

2.17.

Il-kundizzjonijiet tas-suq, l-istrutturi tas-sjieda tal-art, ir-regolamenti ambjentali, il-prattiki agrikoli u tal-forestrija, u n-natura nnifisha jvarjaw bejn l-Istati Membri tal-UE. Għalhekk, it-tħejjija kollha tal-politika tal-UE trid tqis il-karatteristiċi uniċi ta’ kull pajjiż, tirrispetta l-iżvilupp stabbilit u kontinwu tal-krediti tan-natura u tas-swieq tal-krediti tan-natura b’integrità għolja, u tiżgura li oqfsa komuni possibbli għall-krediti tan-natura jkunu jistgħu jiġu adattati fl-Istati Membri differenti mingħajr ma jiġu kompromessi l-prinċipji tal-integrità.

2.18.

L-oqfsa ta’ governanza jridu jkunu bbażati fuq ix-xjenza, demokratiċi, u jkunu trasparenti u inklużivi, u jeħtieġ li jindirizzaw il-ġestjoni u s-sjieda trasparenti u ġusti tad-data. Dawn jitolbu sorveljanza u parteċipazzjoni pubbliċi kostanti u sinifikanti. Il-governanza b’mod ġenerali għandha tkun ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet pubbliċi, li għandhom jinvestu fil-bini tal-kapaċitajiet u l-impjiegi (eż. fl-universitajiet, eċċ.), appoġġjati minn partijiet terzi fdati. L-aċċess għall-informazzjoni, il-ġustizzja u l-parteċipazzjoni pubblika huma inkorporati fil-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha huma firmatarji tagħha.

2.19.

Meta jiġu stabbiliti s-swieq tal-krediti tan-natura billi jiġi permess it-trasferiment/il-kummerċ tal-krediti, huwa importanti li jiġu żgurati salvagwardji b’saħħithom kontra l-manipulazzjoni tas-suq bħall-ispekulazzjoni, l-akkumulazzjoni bla rażan (hoarding) jew il-wash trading li jisseparaw l-inċentivi finanzjarji mill-eżiti ekoloġiċi, li potenzjalment iwasslu għall-finanzjalizzazzjoni tan-natura. Inizjattivi li jittrasformaw l-ilma f’assi finanzjarji, bħall-istabbiliment ta’ swieq u krediti tal-ilma f’California u l-Awstralja, wasslu għal bosta impatti, bħal li l-iskarsezza ssir profittabbli u li jiġi kompromess l-użu sostenibbli, u jiddgħajfu l-bdiewa u l-komunitajiet żgħar, minħabba l-ispekulazzjoni. L-ipprezzar mhux trasparenti, is-sorveljanza dgħajfa, u l-prijoritizzazzjoni tar-redditi finanzjarji fuq il-ħtiġijiet soċjali u ekoloġiċi komplew jipperikolaw it-trasparenza, l-ekwità, u l-ġestjoni tal-ilma bħala ben komuni.

2.20.

Il-krediti tan-natura jridu jinżammu fi ħdan ambitu lokali, marbuta ma’ ekosistemi u komunitajiet speċifiċi, u ma jiġux innegozjati bejn il-ġuriżdizzjonijiet nazzjonali. Dan huwa konsistenti mal-metodoloġiji xjentifiċi fil-qasam.

2.21.

L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom joqogħdu partikolarment attenti għall-proġetti ta’ krediti tan-natura fi nħawi oħra fid-dinja peress li l-aspetti kulturali, legali u ekoloġiċi jvarjaw ħafna minn pajjiż għal ieħor, u minħabba li jirriskjaw li joħolqu kwistjonijiet ta’ governanza li jistgħu jirriżultaw f’eżempju ieħor ta’ neokolonjaliżmu u jfixklu l-objettiv innifsu ta’ dawn il-krediti kemm mil-lat soċjali kif ukoll minn dak ambjentali, u b’hekk jixprunaw ukoll l-instabbiltà tas-suq minħabba nuqqas ta’ fiduċja. Pereżempju, il-qbid illegali ddokumentat sew u storiku u s-sakkeġġ tal-art tal-komunitajiet indiġeni u rurali fl-Amerka Latina, l-Afrika u l-Asja wasslu għall-monopolizzazzjoni tagħhom minn ċerti gruppi potenti. L-UE ma tistax tieħu r-riskju li tappoġġja l-iżvilupp ta’ proġetti fuq art misruqa. Il-metodoloġiji żviluppati fl-UE jistgħu ma jkunux adattati fi nħawi oħra tad-dinja.

2.22.

Il-krediti tan-natura jistgħu jkunu strument għall-atturi ekonomiċi tal-UE, speċjalment in-negozji, b’partijiet mill-katina tal-valur tagħhom barra mill-UE, li huma lesti li jnaqqsu l-impatti tagħhom fuq il-post iżda li ma għandhomx mekkaniżmi apposta għal dan. Il-konformità ma’ prinċipji ta’ integrità għolja, inklużi oqfsa trasparenti, inklużivi u parteċipattivi ta’ governanza u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet imfassla għall-kuntesti soċjokulturali, legali, politiċi u ekonomiċi lokali, hija saħansitra aktar importanti f’dan ir-rigward. Fil-livell tal-UE, dan irid ikun allinjat mad-Direttiva dwar id-Diliġenza Dovuta Korporattiva dwar is-Sostenibbiltà (CSDDD) u d-Direttiva dwar ir-Rappurtar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà (CSRD).

Metodoloġiji xjentifiċi

2.23.

L-istabbiliment ta’ referenzi tal-ekosistema b’indikaturi u kriterji robusti, kif ukoll it-tfassil u l-monetizzazzjoni tas-servizzi tal-ekosistema t-tnejn joħolqu sfidi xjentifiċi u epistemoloġiċi kbar. Il-metrika indiretta għandha tintuża b’kawtela, u fl-istess ħin jeħtieġ li jsir sforz lejn varjabbli ta’ kawżalità ogħla. Kwalunkwe metodoloġija soda trid tintegra l-kumplessità ekoloġika; in-natura multidimensjonali tal-funzjonijiet, l-użi u l-utenti tal-ekosistemi u n-natura transfruntiera potenzjali tagħhom; u l-kuntest soċjali u l-inċertezza, speċjalment b’rabta mar-riskji klimatiċi. Ix-xjenzjati, inklużi x-xjenzjati naturali u soċjali, huma fil-qalba tat-tfassil tal-metodoloġiji u għandhom ikunu jistgħu jipprovdu feedback onest dwar il-fattibbiltà tagħhom. Il-partijiet ikkonċernati kemm mis-settur pubbliku kif ukoll minn dak privat qajmu tħassib dwar żieda fil-burokrazija u enfasizzaw il-ħtieġa għal kriterji stretti u ta’ kwalità għolja biex jiġu żgurati l-integrità, il-fiduċja u l-prestazzjoni. Il-metrika indiretta mhijiex biżżejjed għal metodoloġiji robusti.

2.24.

Approċċ ibbażat fuq ir-riżultati li joħroġ krediti biss għal kisbiet ekoloġiċi vverifikati, bħall-irkupru tal-ispeċijiet, l-integrità tal-ħabitats jew il-funzjonalità tal-ekosistemi, għadu l-aktar approċċ robust u validu. Il-krediti għandhom jirrikonoxxu firxa wiesgħa ta’ attivitajiet, fosthom il-konservazzjoni, ir-restawr, il-manutenzjoni attiva bħat-tindif tal-mergħat, u l-użu multiplu taż-żoni. Għal proġetti li għalihom l-eżiti jieħdu żmien twil biex jitwettqu, jistgħu jiġu stabbiliti għanijiet intermedji jew stadji importanti, bħar-ritorn jew iż-żieda ta’ speċijiet indikaturi. Il-bdiewa, is-sidien tal-foresti jew il-konservazzjonisti li l-kontribut tagħhom għall-kisbiet tal-bijodiversità jkun jeħtieġ azzjonijiet kontinwi jista’ jkollhom bżonn jiġu ppremjati fuq bażi regolari, peress li ma jistgħux jistennew li proġett komplet ta’ restawr tal-ekosistema jiġi kkompletat fi tmiem iċ-ċiklu sħiħ tiegħu.

2.25.

Jekk jiġu żviluppati, il-krediti tan-natura jridu jikkonformaw tal-inqas mal-prinċipji kollha msemmija hawn fuq u ma għandhomx jirriżultaw f’komodifikazzjoni jew finanzjalizzazzjoni.

2.26.

Sabiex jiġi evitat li: 1) jiżdied il-kost tal-operat u tal-ġestjoni taċ-ċertifikati tan-natura u l-katina tal-valur tal-kreditu; u li 2) jinħolqu kwistjonijiet ta’ governanza, l-intermedjarji għandhom jiġu evitati kemm jista’ jkun, meta dan ma jkunx meħtieġ għall-iżvilupp tas-suq.

Kunsiderazzjoniet ekonomiċi

2.27.

L-istruttura ekonomika ta’ sistema ta’ kreditu tan-natura għandha tagħti prijorità lill-integrità u s-sostenibbiltà fit-tul pjuttost milli l-profittabbiltà fuq terminu qasir. Il-volatilità hija inerenti fis-swieq finanzjarji, iżda l-protezzjoni tal-bijodiversità teħtieġ stabbiltà u prevedibbiltà. Is-swieq volontarji jistgħu jipprovdu dawn tal-aħħar biss jekk ikunu marbuta ma’ regoli u regolamenti trasparenti, sodi u stretti.

2.28.

Fil-każ li jinbena suq sekondarju, il-Kummissjoni jeħtiġilha tesplora xenarji differenti għal distribuzzjoni ġusta tal-benefiċċji, inkluż fost il-prattikanti, il-komunitajiet lokali, l-awtoritajiet u proġetti oħra ta’ restawr, u tfassal miżuri biex tipprevjeni l-ispekulazzjoni u l-profitt eċċessiv u inġust fuq il-prezzijiet tal-krediti mir-rivendituri.

2.29.

L-isforzi għar-restawr tal-bijodiversità u tal-ekosistemi għandhom tul ta’ ħajja differenti. Filwaqt li f’ċerti każijiet ir-restawr ta’ xi elementi jista’ jkun rapidu ħafna (bħal fil-każ tar-restawr tax-xmajjar u r-ritorn rapidu tal-ħut migratorju), ir-restawr komprensiv tal-ekosistemi funzjonali jkopri għexieren ta’ deċennji (pereżempju, ir-restawr tal-konnettività sħiħa ta’ baċir għall-ġbir tal-ilma minn xmara partikolari). Il-fatt li l-eżiti ekoloġiċi x’aktarx li ma jimmaterjalizzawx fi ħdan ċikli ta’ investiment fuq terminu qasir għandu jitqies meta jitfasslu l-krediti tan-natura.

Brussell, id-19 ta’ Frar 2026.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Séamus BOLAND


(1)   The Economics of Biodiversity: The Dasgupta Review, Partha Dasgupta, 2021.

(2)   Framework for high integrity biodiversity credit markets, IAPB.

(3)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Strateġija komprensiva għall-bijodiversità fil-COP16: inressqu s-setturi kollha flimkien għal għan komuni (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C, C/2024/6880, 28.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6880/oj).

(4)  L-Artikolu 191 tat-TFUE.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/2548/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)