European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/2508

11.5.2026

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Haarlem (il-Pajjiżi l-Baxxi) fid-9 ta’ Marzu 2026 – DL vs Minister van Asiel en Migratie

(Kawża C-182/26, Hardeker  (1) )

(C/2026/2508)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Haarlem

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: DL

Konvenut: Minister van Asiel en Migratie

Domandi preliminari

1)

F’sitwazzjoni bħal dik hawnhekk, fejn tliet pajjiżi ta’ ritorn possibbli jissemmew fid-deċiżjoni ta’ ritorn u fejn, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn ma kienx (għadu) ġie stabbilit b’mod ċar lejn liema pajjiż il-barrani għandu jirritorna, evalwazzjoni ta’ refoulement għandha ssir fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn? Il-qorti ta’ detenzjoni tista’ tevalwa ex officio dan il-punt, bħala rekwiżit speċifiku tad-deċiżjoni ta’ ritorn, ukoll meta ebda rimedju ġudizzjarju kontra din id-deċiżjoni ta’ ritorn ma jkun tressaq quddiemha?

(a)

fl-affermattiv, l-evalwazzjoni tar-refoulement għandha tirrigwarda l-pajjiżi ta’ ritorn possibbli kollha msemmija fid-deċiżjoni ta’ ritorn? L-evalwazzjoni tar-refoulement għanda ssir bħallikieku l-barrani kellu n-nazzjonalità jew l-oriġini tal-pajjiżi ta’ ritorn imsemmija, jew huwa biżżejjed li ssir evalwazzjoni bbażata unikament fuq is-sitwazzjoni ġenerali fil-pajjiżi kkonċernati, kemm jekk flimkien ma’ jew mingħajr dak li jkun magħruf dwar il-barrani bħal pereżempju r-reliġjon tiegħu jew il-grupp ta’ popolazzjoni li jagħmel parti minnu? Għanda ssir distinzjoni bejn l-evalwazzjoni li għanda ssir mill-awtorità amministrattiva u l-evalwazzjoni li għandha ssir mill-qorti u jekk fl-affermattiv, b’liema mod?

b)

X’irwol għandha f’dan ir-rigward iċ-ċirkustanza dwar jekk il-barrani jikkooperax jew le sabiex jiġi stabbilit il-pajjiż ta’ ritorn?

2.

F’sitwazzjoni bħal dik hawnhekk, fejn tliet pajjiżi ta’ ritorn possibbli jissemmew fid-deċiżjoni ta’ ritorn u fejn, fil-mument ta’ tqegħid f’detenzjoni ma kienx (għadu) ċert lejn liema pajjiż il-barrani għandu jirritorna, għandha ssir evalwazzjoni tar-refoulement fil-mument meta tiġi imposta l-miżura ta’ detenzjoni, fid-dawl tal-fatt li l-għan ta’ detenzjoni huwa li jiġi ffaċilitat ir-ritorn tal-barrani, b’mod partikolari billi jinżamm għad-dispożizzjoni sabiex tiġi stabbilita n-nazzjonalità tiegħu jew l-oriġini tiegħu u, għaldaqstant, f’liema pajjiż għandu jirritorna? Fl-affermattiv, l-evalwazzjoni tar-refoulement għandha tirrigwarda l-pajjiżi ta’ ritorn possibbli kollha msemmija fid-deċiżjoni ta’ ritorn?

a)

X’irwol għandha f’dan ir-rigward iċ-ċirkustanza dwar jekk il-barrani jikkooperax jew le sabiex jiġi stabbilit il-pajjiż ta’ ritorn?

3.

Fil-każ ta’ risposti fin-negattiv għall-ewwel u għat-tieni domanda, f’sitwazzjoni bħal dik hawnhekk, tista’ tiġi posposta l-evalwazzjoni ta’ refoulement sakemm ikun ċar liema pajjiż il-barrani għandu jirritorna lejh, pereżempju minħabba li n-nazzjonalità tiegħu tkun ġiet ikkonfermata mill-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż jew il-barrani ikun ipproduċa prova huwa stess tan-nazzjonalità tiegħu?


(1)  L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/2508/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)