|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/2496 |
11.5.2026 |
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-5 ta’ Marzu 2026 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Kammergericht – il-Ġermanja) – Eisenberger Gerüstbau GmbH vs JK
(Kawża C-564/24 (1) , Eisenberger Gerüstbau)
(Rinviju preliminari - Protezzjoni tal-konsumaturi - Direttiva 2011/83/UE - Kuntratt mill-bogħod konkluż bejn konsumatur u kummerċjant - Kunċett ta’ “konsumatur” - Stabbiliment tal-kuntatt bejn il-konsumatur u l-kummerċjant minn kummerċjant ieħor ingaġġat mill-konsumatur - Il-punt 7 tal-Artikolu 2 - Dritt ta’ rtirar tal-konsumatur - Artikolu 9(1) - Abbuż ta’ dritt)
(C/2026/2496)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Kammergericht
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Eisenberger Gerüstbau GmbH
Konvenut: JK
Dispożittiv
|
1) |
Il-punt 7 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandu jiġi interpretat fis-sens li: il-fatt li konsumatur ikun assistit, qabel u matul il-konklużjoni ta’ kuntratt bejn dan il-konsumatur u kummerċjant, minn kummerċjant ieħor tal-għażla tiegħu li huwa responsabbli għall-konklużjoni tal-kuntratt bejn il-konsumatur u l-ewwel kummerċjant u li influwenza elementi essenzjali tal-kontenut ta’ dan il-kuntratt, ma huwiex rilevanti sabiex l-imsemmi kuntratt jiġi kklassifikat bħala “kuntratt mill-bogħod”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
2) |
Il-punt 7 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li: meta partijiet għal kuntratt li ma jistax jiġi kklassifikat bħala “kuntratt mill-bogħod”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jikkonkludu, bl-użu esklużivament ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, ftehim addizzjonali għal dan il-kuntratt li jirrigwarda servizzi komplementari ta’ importanza sekondarja meta pparagunati mas-servizzi previsti mill-imsemmi kuntratt, dan il-ftehim addizzjonali jikkostitwixxi “kuntratt mill-bogħod”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, sakemm il-kundizzjonijiet previsti minnha jkunu ssodisfatti. |
|
3) |
Id-Direttiva 2011/83 għandha tiġi interpretata fis-sens li: fil-każ fejn konsumatur ikun irtira minn kuntratt mill-bogħod fi tmiem it-terminu għall-irtirar kif estiż konformement mal-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva u f’mument meta s-servizzi li huma s-suġġett ta’ dan il-kuntratt u li ma humiex restitwibbli jkunu diġà ġew ipprovduti, il-kummerċjant jista’ validament isostni li dan il-konsumatur, minħabba l-aġir tiegħu stess, eżerċita d-dritt ta’ rtirar b’mod abbużiv, jekk miċ-ċirkustanzi kollha jirriżulta li, minn naħa, l-eżerċizzju mill-konsumatur tad-dritt ta’ rtirar tiegħu ma jikkorrispondix mal-għanijiet imfittxija mill-imsemmija direttiva dwar l-informazzjoni tal-konsumatur u s-sigurtà fit-tranżazzjonijiet mal-kummerċjant u, min-naħa l-oħra, il-konsumatur għandu l-intenzjoni, bl-aġir tiegħu stess, li jikseb b’mod abbużiv vantaġġ għad-detriment tal-kummerċjant. |
(1) ĠU C, C/2024/6916.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/2496/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)