European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/2334

23.4.2026

Pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata ta’ speċifikazzjoni tal-prodott ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)

(C/2026/2334)

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

(Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)

“Queso de La Serena”

Numru ta’ referenza tal-UE: PDO-ES-0086-AM02 — 29.1.2026

1.   Isem il-prodott

“Queso de La Serena”

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP

IĠP

3.   Settur

prodotti agrikoli

inbejjed

xarbiet spiritużi

4.   Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika

Spanja

5.   Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda standard

Isem

Il-Ministeru Reġjonali għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali, il-Popolazzjoni u t-Territorju tal-Gvern Reġjonali ta’ Extremadura, id-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Bhejjem

6.   Kwalifika bħala emenda standard

L-applikazzjoni għal emenda tista’ tiġi kklassifikata bħala waħda standard skont it-tifsira tal-Artikolu 24(4) tar-Regolament (UE) 2024/1143. B’mod partikolari, dawn huma bidliet li ma jistgħux jiġu klassifikati bħala emendi tal-Unjoni, minħabba li:

1)

ma jinkludux bidla fl-isem protett bħala DOP, lanqas fl-użu ta’ dak l-isem;

2)

ma hemmx riskju li tixxejjen ir-rabta tal-prodott maż-żona ġeografika;

3)

ma jwasslux għal restrizzjonijiet ġodda fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott protett.

7.   Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i

Titolu

Inklużjoni tar-razza Lacaune bħala adattata għall-provvista tal-ħalib għall-“Queso de La Serena”.

Deskrizzjoni

L-emenda li ġejja ġiet inkluża fid-deskrizzjoni tal-prodott (it-taqsima B tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott), fl-evidenza li l-prodott joriġina fiż-żona (is-subtaqsima b.1 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott), u fir-rabta (is-subtaqsima 3.a tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott), kif ukoll fil-punti rilevanti tad-dokument uniku:

Ir-rekwiżit li l-ħalib għall-ipproċessar tal-ġobnijiet protetti jrid jiġi biss min-nagħaġ tar-razza Merina ġie sostitwit bir-rekwiżit li l-ħalib irid jiġi esklussivament mir-razez Merina u Lacaune, flimkien mar-razez imħallta tagħhom. Skont it-talba ppreżentata mill-Kunsill Regolatorju, l-emenda hija dovuta għal “bidliet fis-sistemi tal-produzzjoni, bidliet fl-istruttura tal-azjendi agrikoli u bidliet fis-sistemi tax-xogħol f’dawn l-aħħar deċennji”. B’mod partikolari, “kien hemm bosta bidliet fis-sistema tal-ġestjoni u tal-produzzjoni tan-nagħaġ, titjib fil-ġenetika u fl-għażla tar-razez, żieda u inklużjoni ta’ razez li adattaw ruħhom għal dan l-ambjent partikolari, titjib tekniku, bidliet fis-sistema tal-ħlib, avvanzi fis-saħħa, titjib fil-faċilitajiet u bidliet kif jaħdmu l-imħaleb u l-produtturi tal-ġobon”.

Skont l-istudji ta’ sostenn ippreżentati, l-inklużjoni tar-razza l-ġdida ma tibdilx il-karatteristiċi tal-ġobnijiet koperti mid-DOP. Din ir-razza adattat ruħha perfettament għad-distrett ta’ La Serena sa mill-introduzzjoni tagħha diversi għexieren ta’ snin ilu.

Fi kwalunkwe każ, kemm ir-razza Merina kif ukoll ir-razza Lacaune huma inklużi fil-Katalogu Uffiċjali tar-Razez tal-Bhejjem ta’ Spanja (l-Anness I tad-Digriet Reġju 45/2019 tat-8 ta’ Frar li jistabbilixxi r-regoli żootekniċi applikabbli għall-annimali ta’ razza pura għat-tnissil, ħnieżer tat-tnissil ibridi u tal-prodotti ġerminali tagħhom, li jaġġorna l-programm nazzjonali għall-konservazzjoni, it-titjib u l-promozzjoni tar-razez tal-bhejjem u li jemenda d-Digrieti Reġju 558/2001 tal-25 ta’ Mejju; 1316/1992, tat-30 ta’ Ottubru; 1438/1992, tas-27 ta’ Novembru; u 1625/2011 tal-14 ta’ Novembru)

L-emenda taffettwa d-dokument uniku

Titolu

Aġġornament tal-korp ta’ spezzjoni

Deskrizzjoni

Id-dettalji tal-korp ta’ spezzjoni msemmi fit-Taqsima G tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ġew aġġornati. Din il-bidla ma taffettwax id-dokument uniku.

L-emenda taffettwa d-dokument uniku

Titolu

Aġġornament tan-nomenklatura tal-kategorija tal-prodott.

Deskrizzjoni

Fl-aħħar nett, għalkemm ma kienx parti mit-talba tal-Kunsill Regolatorju, dan l-aġġornament iġib il-klassifikazzjoni tat-tip tal-prodott f’konformità mal-kodiċijiet il-ġodda tan-Nomenklatura Magħquda (it-Taqsima 3.1 tad-dokument uniku).

L-emenda taffettwa d-dokument uniku

DOKUMENT UNIKU

Denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli

“Queso de La Serena”

Numru ta’ referenza tal-UE: PDO-ES-0086-AM02 — 29.1.2026

1.   Isem/Ismijiet

“Queso de La Serena”

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP

IĠP

3.   Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika definita

Spanja

4.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu

4.1.   Klassifikazzjoni tal-prodott agrikolu f’konformità mal-intestatura u l-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143

04 – ĦALIB U PRODOTTI TAL-ĦALIB; BAJD TAL-GĦASAFAR; GĦASEL NATURALI; PRODOTTI TAJBIN GĦALL-IKEL TA’ ORIĠINI MILL-ANNIMALI, LI MHUMIEX SPEĊIFIKATI JEW INKLUŻI BANDA OĦRA

0406 — Ġobon u baqta

4.2.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat

Il-“Queso de La Serena” huwa ġobon artab għal parzjalment iebes prodott mill-ħalib tan-nagħaġ tar-razez Merina, Lacaune u tar-razez imħallta tagħhom. Dan huwa ġobon xaħmi jew b’kontenut sħiħ ta’ xaħam, maturat, f’forma ta’ rota bl-uċuħ ċatti u bil-ġenb tond imżaqqaq ’il barra, qoxra ftit iebsa u qalba ratba għal ftit iebsa. Il-piż tiegħu jvarja minn 250 g sa 3 kg, għandu għoli ta’ 40 % sa 70 % tad-dijametru, u dijametru minimu ta’ 8 cm.

Il-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi tal-ġobon huma kif ġej:

Xaħam: minimu ta’ 50 % fl-estratt niexef.

Estratt niexef: minimu ta’ 50 %.

pH: bejn 4,9 u 5,9.

4.3.   Derogi dwar l-akkwist ta’ għalf (għal prodotti li joriġinaw mill-annimali ddeżinjati b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta biss) u restrizzjonijiet fuq l-akkwist ta’ materja prima (għal prodotti proċessati deżinjati minn indikazzjoni ġeografika protetta biss)

Il-mergħat fiż-żona ġeografika huma limitati f’termini ta’ kwantità iżda huma ta’ kwalità tajba, li tagħti karatteristiċi speċjali lill-produzzjoni tal-ħalib. F’ċertu żmien tas-sena, in-nagħaġ jinħarġu mir-razzett biex jirgħu mill-qasbija taċ-ċereali u xi kultant mill-fdalijiet tat-tkabbir tal-uċuħ ta’ raba’ saqwi. Jekk ikun meħtieġ li jingħata l-ikel, dan isir kif stipulat fir-regoli ta’ applikazzjoni, inklużi r-regoli speċifiċi għall-prodotti b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta dwar is-sorsi tal-għalf u tal-materja prima.

Il-ħalib użat fl-ipproċessar tal-“Queso de La Serena” joriġina mill-irziezet tan-nagħaġ tar-razza Merina, Lacaune u tar-razez imħallta tagħhom li jinsabu fiż-żona tal-produzzjoni. Il-ħalib huwa l-prodott naturali sħiħ miksub minn nagħaġ b’saħħithom, u hu nadif u ħieles mill-impuritajiet, mingħajr kolostri u prodotti mediċinali għall-preservazzjoni, li jista’ jkollhom impatt negattiv fuq l-ipproċessar, il-maturazzjoni jew il-konservazzjoni tal-ġobon, jew fuq il-kundizzjonijiet sanitarji u tal-iġjene tiegħu.

Il-karatteristiċi analitiċi tal-ħalib huma kif ġej:

Proteina: Minimu ta’ 4,8 %.

Estratt tal-ġobon: Minimu ta’ 11 %.

4.4.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita

L-istadji tal-produzzjoni li għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika ddefinita f’punt 4 huma dawn li ġejjin:

Il-produzzjoni tal-ħalib, bil-karatteristiċi u bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’punt 3.3, inkluż il-ħlib, it-tkessiħ, il-ħżin, il-ġbir u t-trasport tal-ħalib.

L-ipproċessar tal-ġobon, inklużi l-istadji tal-koagulazzjoni tal-ħalib li ssir bejn 25 °C u 32 °C f’ħin ta’ bejn 50 u 75 minuta (permezz ta’ koagulant veġetali naturali li joriġina minn fjuri mnixxfin tas-Cynara Cardunculus), it-tqattigħ, l-iffurmar, it-tmelliħ u l-maturazzjoni.

4.5.   Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

Il-ġobon jista’ jinqasam min-nofs jew fi kwarti. Is-sistema ta’ ppakkjar għandha tippreserva l-integrità u l-kwalità finali tal-prodott.

4.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

It-tikketti kummerċjali, dawk li jappartjenu lil kull ditta kummerċjali rreġistrata, għandhom ikunu approvati mill-Kunsill Regolatorju tad-DOP. Huwa obbligatorju li fuq it-tikketta jidher il-kliem li ġej: Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta “Queso de La Serena”.

Il-prodott maħsub għall-konsum għandu jkollu tikketti sekondarji numerati u li jkunu maħruġa mill-Kunsill Regolatorju tad-DOP, li jitwaħħlu fuq kull ġobna jew kwalunkwe parti minnha fil-post fejn tiġi prodotta, b’tali mod li ma jkunux jistgħu jerġgħu jintużaw. Il-manifattur finali huwa responsabbli għall-użu xieraq ta’ dawn it-tikketti.

5.   Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika

Iż-żona tal-ipproċessar, tal-maturazzjoni u tal-produzzjoni tal-“Queso de La Serena” hija magħmula minn 21 muniċipalità li jinsabu fl-estremità tal-parti tax-Xlokk tal-Provinċja ta’ Badajoz: La Haba, Magacela, La Coronada, Campanario, Esparragosa de Lares, Valle de la Serena, Zalamea de la Serena, Higuera de la Serena, Quintana de la Serena, Malpartida de la Serena, Esparragosa de la Serena, Castuera, Cabeza del Buey, Santi-Spiritus, Risco, Garlitos, Peñalsordo, Zarzacapilla, Capilla, Monterrubio de la Serena, Benquerencia de la Serena.

6.   Rabta maż-żona ġeografika

Aspett Storiku

Dawn li ġejjin huma xi referenzi bibljografiċi fejn issir referenza għall-“Queso de La Serena”:

Referenza fil-ktieb Viaje a La Serena tal-1791 ta’ D. Antonio Agúndez Fernández, dwar id-distrett ta’ La Serena, meħuda minn xi manuskritti tal-Imħallef Cubeles, fejn, fost l-oħrajn, jgħid: “Il-ġobon magħmul mill-ħalib tan-nagħaġ tagħha huwa famuż għat-togħma u għas-sengħa, u l-‘arroba’ tiegħu jinbiegħ għal 60 real”.

Fl-ordinanzi tas-seklu 16 u 17 ta’ Cabeza del Buey, hemm referenza għad-dieċma tal-ġobon u għall-ewwel frott li kienu jingħataw lill-Knisja Parrokkjali, billi l-bidwi kien obbligat jagħti lill-kappillan tal-parroċċa l-ġobon kollu magħmul mill-ewwel lott ta’ ħalib maħlub għall-produzzjoni tal-ġobon.

Aspett naturali

a)   Orografija

Fil-provinċja ta’ Badajoz, jiddominaw għoljiet mhux weqfin ħafna, u l-konfigurazzjoni tagħhom, f’termini ġenerali, tikkorrispondi għal penipjan. Huwa distrett ta’ mergħat ta’ kwalità eċċellenti, b’ħamrija skeletali tal-lavanja u l-granit li tokkupa madwar 300 000 ettaru, fejn jirgħu n-nagħaġ tar-razza Merina. Fil-fatt, din il-mergħa erbaċea hija l-akbar provvista ta’ riżorsi tal-enerġija fl-ekosistema ta’ dan id-distrett u tikkonsisti f’kompożizzjoni ta’ fjuri varjata (ara t-taqsima dwar il-flora). L-altitudni medja hija ta’ 430 metru.

b)   Ħamrija

L-istruttura ġeoloġika tal-provinċja ta’ Badajoz tikkorrispondi għal penipjan paleożojku b’xi strati ta’ depożiti li ġew wara u bosta traċċi eruttivi.

Il-ħamrija hija Kambrijana, Silurjana u granitika, mhix fonda ħafna u pjuttost permeabbli, u spiss ikollha sodda ta’ blat fil-wiċċ. Il-pendil mhux wieqaf, it-topografija hi xi ftit immewwġa u l-orjentazzjoni tħares lejn in-Nofsinhar. B’mod ġenerali, hija ħamrija skeletali tal-lavanja u l-granit, aċiduża b’pH ta’ 5 sa 5,5 u b’livelli baxxi ta’ fosfru. Ma tantx hemm siġar; f’xi partijiet lanqas hemm siġra waħda, u dan jagħti d-dehra ta’ reġjun deforestat.

c)   Klima

Id-distrett ta’ La Serena jgawdi minn klima Mediterranja b’influwenza Atlantika, bi sjuf sħan u xotti, u xtiewi moderati u bix-xita. F’din iż-żona, ix-xtiewi huma ġeneralment moderati għalkemm hemm perjodu ta’ ġlata, li jibda mill-1 ta’ Novembru u jintemm fl-10 ta’ Marzu, u s-sjuf huma sħan u xotti, u t-tendenza ġenerali ta’ din iż-żona hija l-aridità. Il-medja annwali tax-xita hija ta’ 498 mm.

d)   Idrografija

Ix-xmajjar Guadiana Menor u Zújar jgħaddu mid-distrett ta’ La Serena.

e)   Flora

Fost l-ispeċijiet botaniċi taż-żona nsibu:

Vulpia ciliata, Bromus molis u Agrostis spp. mill-familja Gramineae.

Trifolium (T. arvense, T. campestre u T. glomeratum).

Ornitopus compresus għal-legumi; Heliantemus, Erodium, Plantago, Carlina u Hipochaeris.

Sistemi tal-produzzjoni u tal-ipproċessar

a)   Produzzjoni

In-nagħaġ tar-razez Merina, Lacaune u tar-razez imħallta tagħhom huma magħrufa għar-reżistenza tagħhom u għall-kapaċità li jadattaw għall-klima u l-ambjent ħorox. Fil-preżent, jitrabbew l-aktar għal-laħam tagħhom, iżda huma mogħnija wkoll b’ċerta kapaċità li jipproduċu l-ħalib kif ukoll is-suf, li flimkien, b’kont meħud tal-ambjent diffiċli fejn jgħixu dawn in-nagħaġ, iwasslu għal rendiment pjuttost aċċettabbli, għaliex ir-razza kapaċi tipproduċi ftit ħalib iżda b’livell għoli ta’ proteini u xaħam.

Il-fekondità u l-fertilità ta’ dawn in-nagħaġ huma għoljin, u normalment iwelldu darba fis-sena, għalkemm hemm it-tendenza li jwelldu tliet darbiet f’sentejn.

Il-mergħat f’din iż-żona huma limitati f’termini tal-kwantità iżda huma ta’ kwalità tajba, u dan jagħti karatteristiċi speċjali lill-produzzjoni tal-ħalib.

b)   Ipproċessar

Il-ġobon isir permezz tal-koagulazzjoni bl-enzimi tal-ħalib, bl-użu tat-tames veġetali (Cynara cardunculus), b’mod ġenerali f’temperatura ta’ inqas minn 30 oC.

Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri t-temperatura moderata u l-użu ta’ tames b’livell baxx ta’ kapaċità koagulanti, jirriżultaw f’ħinijiet itwal ta’ koagulazzjoni u f’baqta pjuttost ratba; għaldaqstant, dan il-ġobon ikollu livell ogħla ta’ attività proteolitika li jirriżulta f’ġobon b’sawra inqas konsistenti.

Għoxrin jum wara li l-ġobon jingħata l-forma, ħafna drabi jseħħ il-fenomenu msejjaħ “atortado”, fejn il-qalba tal-ġobon issir aktar fluwida u wieħed irid joqgħod attent kif jittrattaha biex jiġi evitat li l-qoxra tinkiser u tidħol fil-qalba tal-ġobon.

Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità u l-karatteristiċi tal-prodott

Minn naħa waħda, il-mergħat tad-distrett ta’ La Serena, li huma mifruxa fuq madwar 300 000 ettaru ta’ art kważi totalment mingħajr siġar, jikbru mingħajr ebda kompetizzjoni ta’ pjanti. Dan ifisser li l-mergħat jieħdu n-nutrijenti kollha mill-ħamrija u, għaldaqstant, jiżviluppaw b’valuri nutrizzjonali għoljin, ideali għall-għalf tal-bhejjem. Min-naħa l-oħra, in-nagħaġ tar-razez Merina, Lacaune u tar-razez imħallta tagħhom, li huma dawk li jadattaw l-aħjar għall-kundizzjonijiet klimatiċi u orografiċi estremi ta’ La Serena, jipproduċu ftit ħalib iżda b’livell għoli ta’ proteini u xaħam.

Dan il-kombinament antik u insostitwibbli tagħmel il-ħalib tan-nagħaġ tar-razez imsemmija, li jirgħu fil-mergħat ta’ La Serena, ideali għall-produzzjoni tal-“Queso de La Serena” u tagħtih il-karatteristiċi tant speċjali u ġenwini tiegħu.

Referenza elettronika (url) għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://www.juntaex.es/documents/77055/621148/Pliego+condiciones+Queso+Serena+2025+consolidado.pdf/


(1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/2334/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)