European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/2012

13.4.2026

Appell ippreżentat fis-27 ta’ Jannar 2026 minn Nagila Warburg mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla, komposta minn ħames Imħallfin) fid-19 ta’ Novembru 2025 fil-Kawża T-366/23, YH vs BĊE

(Kawża C-39/26 P)

(C/2026/2012)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Nagila Warburg (rappreżentant: R. Hübner, Rechtsanwalt)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

konsegwentement, tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża tal-BĊE;

sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tibgħat lura l-kawża quddiem awla oħra tal-Qorti Ġenerali; u

tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka għaxar aggravji.

L-ewwel aggravju ibbażat fuq allegazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 22(2) u (6) tad-Direttiva 2013/36/UE (1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva CRD IV”). Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta assumiet li l-informazzjoni li takkumpanja n-notifika tal-akkwiżizzjoni proposta għandha tiġi pprovduta bil-miktub bħan-notifika nnifisha. Għaldaqstant, hija kkalkolat b’mod żbaljat il-perijodu ta’ evalwazzjoni. Kieku l-Qorti Ġenerali kkalkolat b’mod korrett il-perijodu ta’ evalwazzjoni, hija kienet tikkonkludi li d-deċiżjoni tal-BĊE kienet intbagħtet wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ evalwazzjoni. Minn dan isegwi li l-akkwiżizzjoni proposta kellha titqies bħala approvata.

It-tieni aggravju ibbażat fuq allegazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 35(1) u (10), u tal-Artikolu 88(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (2) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Qafas tal-MSU”). Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta awtorizzat lill-BĊE jinnotifika d-deċiżjoni lill-appellanti permezz ta’ sempliċi posta elettronika mingħajr ma ppreveda regoli dwar in-notifiki elettroniċi kif meħtieġ mill-Artikolu 35(1) u (10) tar-Regolament Qafas tal-MSU.

It-tielet aggravju ibbażat fuq allegazzjoni ta’ applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikolu 31(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU u tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (3) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament MSU”). Il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq billi ċaħdet li kien hemm ksur tad-dritt tal-appellanti li tinstema’ mill-BĊE li ma semgħetx lill-appellanti dwar il-fatti li l-BĊE uża sabiex jikkonstata l-eżistenza ta’ azzjoni miftiehma fil-livell ta’ Warburg Gruppe.

Ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza stabbilita dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni meta ddikjarat li l-fatt li l-BĊE kien ta’ parti mid-deċiżjoni tiegħu — in-“nota ta’ evalwazzjoni separata” — biss għaxart ijiem wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni huwa irrilevanti.

Il-ħames aggravju ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ applikazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li l-qrati għandhom jistabbilixxu jekk il-provi użati humiex fattwalment korretti, affidabbli u konsistenti u jekk jinkludux l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni. Il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li l-BĊE ma ħax inkunsiderazzjoni l-informazzjoni rilevanti kollha dwar ir-reputazzjoni tal-konjuġi tal-appellanti billi ddikjara li l-fatt li l-Landgericht Bonn (il-Qorti Reġjonali ta’ Bonn, il-Ġermanja), f’sentenza ta’ Diċembru 2022, ma aċċettatx l-opinjoni tal-BaFin dwar il-konjuġi tal-appellanti fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni mill-ġdid tal-2019 kien irrilevanti. Għalhekk, la l-Qorti Ġenerali, la l-BĊE u lanqas il-BaFin ma eżaminaw il-fatti b’reqqa u b’imparzjalità.

Is-sitt aggravju, ibbażat fuq l-allegazzjoni li Qorti Ġenerali wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti. Il-Qorti Ġenerali mhux biss talli injorat il-fatt li l-BĊE ma eżaminax il-fatti b’reqqa u b’imparzjalità iżda talli qieset li d-dikjarazzjonijiet tal-BĊE kienu suffiċjenti sabiex tistabbilixxi li kien hemm azzjoni miftiehma bejn l-appellanti u l-azzjonisti l-oħra ta’ Warburg Gruppe u għalhekk — b’mod żbaljat — sostniet il-fehma li l-appellanti kienet ser tikseb holding kwalifikanti filwaqt li fir-realtà, hija ma kinitx ser tagħmel dan.

Is-seba’ aggravju, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 22(8) u l-Artikolu 23(1) u (2) tad-Direttiva CRD IV billi inkludiet il-kompetenza professjonali fil-kriterji ta’ evalwazzjoni applikabbli għall-appellanti bħala akkwirenta proposta.

It-tmien aggravju, ibbażat fuq l-allegazzjoni li, anki jekk il-kompetenza professjonali kellha tagħmel parti mill-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-akkwirenti proposti, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-livell ta’ kompetenza meħtieġa. Barra minn hekk, sa fejn għandha PhD fl-amministrazzjoni tan-negozju, l-appellanti hija suffiċjentement kompetenti sabiex tamministra l-holding li hija għandha l-intenzjoni li takkwista.

Id-disa’ aggravju, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 48 tal-Karta billi rrifjutat lill-appellanti l-opportunità li tinvoka l-preżunzjoni tal-innoċenza tal-konjuġi tagħha u billi attribwitilha l-allegat nuqqas ta’ integrità ta’ dan tal-aħħar. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-konjuġi tal-appellanti tammonta għal applikazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza stabbilita billi injorat il-fatt li l-provi użati mill-BĊE ma kinux ġew eżaminati bir-reqqa u b’imparzjalità, huma obsoleti u għalhekk ma fihomx l-informazzjoni rilevanti kollha.

L-għaxar aggravju, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti billi injorat tielet sentenza tal-Artikolu 2c(1b) tal-Gesetz über das Kreditwesen (KWG) (il-Liġi dwar is-Settur ta’ Kreditu), li hija dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tippermetti lill-BĊE jawtorizza akkwiżizzjoni taħt kundizzjonijiet, u għalhekk applikat b’mod żbaljat il-prinċipju ta’ proporzjonalità.


(1)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, u rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 73, fil-ĠU 2017, L 20, p. 1, u fil-ĠU 2020, L 203, p. 95,

(2)  Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (ĠU 2014, L 141, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Qafas tal-MSU”).

(3)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63)


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/2012/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)