European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/2005

13.4.2026

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Belġju) fil-21 ta’ Diċembru 2025 – SM, EW, Ticombo GmbH vs L-Istat Belġjan

(Kawża C-860/25, Ticombo)

(C/2026/2005)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal de première instance francophone de Bruxelles

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: SM, EW, Ticombo GmbH

Konvenut: L-Istat Belġjan

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat bħala li jipprojbixxi leġiżlazzjoni nazzjonali li, bħal dik inkwistjoni, tipprojbixxi – fiċ-ċirkustanzi kollha u irrispettivament mill-prezz tal-bejgħ mill-ġdid – kemm il-bejgħ mill-ġdid abitwali ta’ titoli tal-aċċess għal avvenimenti kif ukoll il-provvista tal-mezzi li għandhom jintużaw għal dan il-bejgħ mill-ġdid, u, b’dan il-mod, toħloq ostaklu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi minn operaturi bħal TICOMBO?

2)

L-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar is-Servizzi”) flimkien mal-Artikolu 56 TFUE għandhom jiġu interpretati bħala li jipprojbixxu leġiżlazzjoni nazzjonali li, bħal dik inkwistjoni, tipprojbixxi – taħt kull ċirkustanza – il-bejgħ mill-ġdid ta’ titolu ta’ aċċess bi prezz ogħla mill-prezz inizjali tal-bejgħ tiegħu, irrispettivament mil-livell ta’ dan l-ammont addizzjonali, u b’hekk jostakolaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi minn operaturi bħal TICOMBO?

3)

Fil-każ li jirriżulta li l-Liġi tat-30 ta’ Lulju 2013 tipprojbixxi kemm lill-parteċipanti kollha tas-suq inkwistjoni milli jbigħu mill-ġdid abitwalment titoli ta’ aċċess għal avvenimenti kif ukoll il-provvista tal-mezzi li għandhom jintużaw għal tali bejgħ mill-ġdid, l-Artikolu 106 TFUE, flimkien mal-Artikolu 102 TFUE, għandu jiġi interpretat bħala li jipprojbixxi tali leġiżlazzjoni nazzjonali li:

isaħħaħ il-monopolju tal-organizzatur fis-suq primarju għall-bejgħ inizjali u jnaqqas is-suq sekondarju għall-bejgħ mill-ġdid;

b’hekk jipproteġi lill-organizzatur minn kwalunkwe pressjoni kompetittiva li tirriżulta mill-bejgħ mill-ġdid abitwali bi prezzijiet iktar baxxi mill-valur nominali tat-titoli tal-aċċess;

jista’ joħloq riskju ta’ abbuż min-naħa tal-organizzatur, li mbagħad ikun jista’ iktar faċilment jitlob prezzijiet għolja?


(1)   ĠU 2006, L 376, p. 36.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/2005/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)