European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/1989

13.4.2026

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-12 ta’ Frar 2026 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas – il-Litwanja) – VšĮ “Vilniaus tarptautinė mokykla” vs Valstybinė kalbos inspekcija

(Kawża C-48/24  (1) , Vilniaus tarptautinė mokykla)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Artikolu 49 TFUE - Libertà ta’ stabbiliment - Kamp ta’ applikazzjoni - Attività ekonomika - Rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali - Direttiva 2005/36/KE - Artikolu 53 - Għarfien lingwistiku - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi rekwiżit ta’ għarfien tal-lingwa uffiċjali mill-għalliema u mill-membri tal-persunal amministrattiv f’komunikazzjoni regolari mal-pubbliku u mal-awtoritajiet amministrattivi, impjegati ta’ stabbiliment ta’ tagħlim privat - Artikolu 4(2) TUE - Identità nazzjonali ta’ Stat Membru - Protezzjoni u promozzjoni tal-lingwa uffiċjali ta’ Stat Membru - Stabbiliment ta’ tagħlim privat li jipprovdi programmi internazzjonali ta’ edukazzjoni - Kundizzjoni ta’ neċessità - Prinċipju ta’ proporzjonalità - Rekwiżit ta’ għarfien tal-lingwa uffiċjali mingħajr il-possibbiltà ta’ eċċezzjoni jew ta’ flessibbiltà)

(C/2026/1989)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: VšĮ “Vilniaus tarptautinė mokykla”

Konvenut: Valstybinė kalbos inspekcija

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li dan japplika għas-sitwazzjoni ta’ stabbiliment ta’ tagħlim privat stabbilit fi Stat Membru u li ċittadin ta’ Stat Membru ieħor ikollu sehem fil-kapital ta’ dan l-istabbiliment li jippermettilu jeżerċita influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet tiegħu u jiddetermina l-attivitajiet tiegħu, meta dan l-istabbiliment jipprovdi, fl-Istat Membru li fih dan huwa stabbilit, bi ħlas, programm internazzjonali ta’ edukazzjoni sekondarja kif ukoll il-programmi ta’ edukazzjoni primarja u intermedjarja tal-baċellerat internazzjonali.

2)

L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, f’sitwazzjoni li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li abbażi tagħha stabbiliment ta’ tagħlim privat, li jipprovdi, f’lingwa li ma tkunx il-lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru, programm internazzjonali ta’ edukazzjoni sekondarja kif ukoll il-programmi ta’ edukazzjoni primarja u intermedja tal-baċellerat internazzjonali, huwa meħtieġ jivverifika jekk l-għalliema tiegħu u l-membri tal-persunal amministrattiv tiegħu f’komunikazzjoni regolari mal-pubbliku u mal-awtoritajiet amministrattivi jissodisfawx ir-rekwiżit ta’ għarfien, fuq livell intermedjarju, ta’ din il-lingwa uffiċjali, bil-kundizzjoni li din il-leġiżlazzjoni tkun iġġustifikata minn għan ta’ protezzjoni u ta’ promozzjoni tal-imsemmija lingwa uffiċjali u li din tkun neċessarja u proporzjonata għat-twettiq ta’ dan l-għan. Din il-kundizzjoni ma hijiex issodisfatta meta l-imsemmija leġiżlazzjoni tapplika, mingħajr possibbiltà ta’ eċċezzjoni jew ta’ flessibbiltà, għall-persuni kollha li hija tkopri u tobbligahom, sabiex dawn juru li għandhom il-livell meħtieġ ta’ għarfien tal-lingwa uffiċjali, jipproduċu ċertifikat maħruġ minn organu tal-Istat Membru kkonċernat abbażi ta’ eżamijiet tal-lingwa organizzati fit-territorju tiegħu.

3)

L-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali, kif emendata bid-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013, moqri fid-dawl tal-Artikolu 49 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, f’sitwazzjoni li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li abbażi tagħha l-għalliema ta’ stabbiliment ta’ tagħlim privat li jipprovdi, f’lingwa li ma tkunx il-lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru, programm internazzjonali ta’ edukazzjoni sekondarja kif ukoll il-programmi ta’ edukazzjoni primarja u intermedjarja tal-baċellerat internazzjonali huma suġġetti għal rekwiżit ta’ għarfien, fuq livell intermedjarju, ta’ din il-lingwa uffiċjali, bil-kundizzjoni li din il-leġiżlazzjoni tkun iġġustifikata minn għan ta’ protezzjoni u ta’ promozzjoni ta’ din il-lingwa uffiċjali u li din tkun neċessarja u proporzjonata għat-twettiq ta’ dan l-għan. Din il-kundizzjoni ma hijiex issodisfatta meta l-imsemmija leġiżlazzjoni tapplika, mingħajr possibbiltà ta’ eċċezzjoni jew ta’ flessibbiltà, għall-persuni kollha li hija tkopri u tobbligahom, sabiex dawn juru li għandhom il-livell meħtieġ ta’ għarfien tal-lingwa uffiċjali, jipproduċu ċertifikat maħruġ minn organu tal-Istat Membru kkonċernat abbażi ta’ eżamijiet tal-lingwa organizzati fit-territorju tiegħu.


(1)  ĠU C, C/2024/2593.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/1989/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)