|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/1702 |
24.4.2026 |
P10_TA(2025)0287
Baġit 2024: valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-metodoloġija tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-baġit tal-UE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2025 dwar il-baġit 2024 – valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-metodoloġija tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-baġit tal-UE (2025/2033(INI))
(C/2026/1702)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 8, 10 u 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 21 u 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2024/765 tad-29 ta’ Frar 2024 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (1), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2022/2496 tal-15 ta’ Diċembru 2022 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (2), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (3), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta’ Ottubru 2023 dwar il-proposta għal reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 (4), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda (5), u b’mod partikolari l-punt 16(f) tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (6), u b’mod partikolari l-Artikolu 33 tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Lulju 2025 għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2028 sal-2034 (COM(2025)0571), |
|
— |
wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Lulju 2025 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas ta’ traċċar u ta’ prestazzjoni tan-nefqa baġitarja u regoli orizzontali oħra għall-programmi u għall-attivitajiet tal-Unjoni (COM(2025)0545) u r-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt li jakkumpanjaha tas-16 ta’ Lulju 2025 (SWD(2025)0590), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Novembru 2021 bit-titolu “Better Regulation Guidelines” (Linji gwida għal regolamentazzjoni aħjar) (SWD(2021)0305), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Marzu 2020 bit-titolu “Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija ta’ Ugwaljanza bejn is-Sessi għall-2020-2025” (COM(2020)0152), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-2025 tal-Kummissjoni dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-UE, |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Marzu 2025 bit-titolu “Pjan Direzzjonali għad-Drittijiet tan-Nisa” (COM(2025)0097), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Jannar 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri (7), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2022 dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-Parlament Ewropew – rapport annwali 2020 (8), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta’ April 2025 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2026, Taqsima III - Il-Kummissjoni (9), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Mejju 2025 dwar baġit imġedded fit-tul għall-Unjoni f’dinja li qed tinbidel (10), |
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-estimi għas-sena finanzjarja 2026 tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Ġunju 2025 (SEC(2025)0250), |
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-prestazzjoni tal-programmi tan-nefqa operazzjonali inklużi fil-parti I tad-dokument ta’ ħidma ta’ Ġunju 2025 li jakkumpanja l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2026 (COM(2025)0300), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Kummissjoni dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni għall-Baġit tal-UE – Sena Finanzjarja 2021 (COM(2022)0401), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Kummissjoni dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni għall-Baġit tal-UE – Sena Finanzjarja 2022 (COM(2023)0401), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Kummissjoni dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni għall-Baġit tal-UE – Sena Finanzjarja 2023 (COM(2024)0401), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Kummissjoni dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni għall-Baġit tal-UE – Sena Finanzjarja 2024 (COM(2025)0824), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali 10/2021 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tas-26 ta’ Mejju 2021bit-titolu “L-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-baġit tal-UE: wasal iż-żmien li l-kliem jissarraf f’azzjoni”, |
|
— |
wara li kkunsidra l-briefing tas-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) ta’ Frar 2025 bit-titolu “Gender-responsive budgeting: State of play and opportunities for the European Parliament’s 10th term” (Ibbaġitjar skont il-ġeneru: is-sitwazzjoni attwali u l-opportunitajiet għall-10 leġiżlatura tal-Parlament Ewropew), |
|
— |
wara li kkunsidra l-istudju mitlub mill-Kumitati għall-Baġits u għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu bit-titolu “European Union gender budgeting – state of play 2024” (Ibbaġitjar skont il-ġeneru tal-Unjoni Ewropea – is-sitwazzjoni attwali 2024), |
|
— |
wara li kkunsidra l-workshop tal-25 ta’ Ġunju 2025 mitlub mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit bit-titolu “Implementation of the gender mainstreaming methodology in the EU budget” (L-implimentazzjoni tal-metodoloġija tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-baġit tal-UE), |
|
— |
wara li kkunsidra t-tweġibiet bil-miktub ipprovduti mill-Kummissarju deżinjat ta’ dak iż-żmien għall-Baġit, għall-Ġlieda kontra l-Frodi u għall-Amministrazzjoni Pubblika matul il-perjodu tas-seduti ta’ smigħ ta’ konferma fl-2024, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Beijing (1995), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Grupp ta’ Speċjalisti dwar l-Ibbaġitjar skont il-Ġeneru tal-Kunsill tal-Ewropa (2005), |
|
— |
wara li kkunsidra l-attivitajiet tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) u l-pubblikazzjonijiet tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A10-0212/2025), |
|
A. |
billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija objettiv tal-Unjoni minqux fil-liġi primarja tagħha u prinċipju li għandu jkun fil-qalba tal-politiki kollha tal-Unjoni; |
|
B. |
billi l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri hija strateġija rikonoxxuta globalment biex tiżgura l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politiki, il-programmi u l-miżuri kollha, sabiex tiġi promossa l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni; |
|
C. |
billi l-ibbaġitjar skont il-ġeneru huwa definit mill-Kunsill tal-Ewropa bħala valutazzjoni bbażata fuq il-ġeneru tal-baġits, li tinkorpora perspettiva tal-ġeneru fil-livelli kollha tal-proċess baġitarju u r-ristrutturar tad-dħul u l-infiq sabiex tiġi promossa l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; |
|
D. |
billi l-EIGE jiddeskrivi l-ibbaġitjar skont il-ġeneru bħala għodda li tippermetti lil dawk li jfasslu l-politika jippromwovu l-obbligu ta’ rendikont u t-trasparenza, iżidu l-parteċipazzjoni bbilanċjata tal-ġeneri kollha fil-proċess baġitarju u javvanzaw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; |
|
E. |
billi l-Qorti Ewropea tal-Awdituri indikat li l-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) tal-Unjoni għall-2014–2020 tal-Unjoni ma qiesx b’mod adegwat l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; |
|
F. |
billi l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala prijorità orizzontali fil-baġit tal-UE hija kwistjoni ta’ tħassib li ilha teżisti kemm fil-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit kif ukoll fil-Parlament u hi meqjusa bħala kriterju ewlieni li bih tiġi vvalutata l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE u l-ġestjoni finanzjarja tajba tiegħu; |
|
G. |
billi l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-baġit tal-UE hija msaħħa skont il-Ftehim Interistituzzjonali li jakkumpanja l-QFP 2021–2027, inkluż permezz ta’ rekwiżiti biex tissaħħaħ il-valutazzjoni tal-impatt fuq il-ġeneru fil-valutazzjonijiet tal-impatt u l-evalwazzjonijiet skont il-qafas għat-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, u biex tiġi żviluppata metodoloġija pilota biex titkejjel in-nefqa rilevanti għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-livell tal-programm mill-2023; |
|
H. |
billi l-insegwiment tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jirrikjedi approċċ intersezzjonali għall-ibbaġitjar skont il-ġeneru li jqis id-diskriminazzjoni aggravata li jiffaċċjaw in-nisa li jappartjenu għal gruppi razzjalizzati, il-persuni b’diżabbiltà, il-persuni LGBTIQ+ u l-migranti, biex jiġi żgurat li l-infiq tal-UE jippromwovi l-ugwaljanza fid-dimensjonijiet kollha; |
|
I. |
billi l-familja hija l-unità fundamentali tas-soċjetà u għandha rwol kritiku fit-trawwim tal-benesseri, l-istabbiltà u l-iżvilupp tal-individwi, il-komunitajiet u n-nazzjonijiet; billi huwa essenzjali, għalhekk, li l-politiki orizzontali tal-UE jippromwovuha u jappoġġawha b’mod attiv; |
|
J. |
billi l-ibbaġitjar skont il-ġeneru huwa prerekwiżit għall-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u din hija fiha nnifisha kundizzjoni biex jinkiseb tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, inkluż fl-UE, fejn l-EIGE wera permezz ta’ mudell ekonometriku robust applikat għall-kuntest speċifiku tal-UE li t-titjib tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jirriżulta f’sensiela ta’ benefiċċji makroekonomiċi f’diversi oqsma bħall-edukazzjoni, l-attività tas-suq tax-xogħol u l-pagi; billi l-EIGE wera wkoll li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri ġeneralment għandha impatt qawwi u pożittiv fuq il-PDG per capita, u li t-titjib tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jwassal għal żieda fil-PDG per capita tal-UE ta’ mill-anqas 6,1 % u sa 9,6 % sal-2050, li jammonta għal EUR 1,95 triljun u EUR 3,15 triljun rispettivament; |
|
K. |
billi l-EIGE rrapporta li kien hemm tnaqqis inkwetanti fl-isforzi tal-Istati Membri biex jimplimentaw l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri mill-2021, xejra li ma għandiex tiġi riflessa fil-livell tal-UE; |
|
L. |
billi l-integrazzjoni sistematika tal-valutazzjonijiet tal-impatt ex ante dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tal-miżuri ta’ mitigazzjoni fil-proċessi tat-tfassil tal-politika tal-UE hija meħtieġa biex jiġi żgurat li l-inizjattivi futuri jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u ma jaggravawhiex; |
|
M. |
billi l-istituzzjonijiet demokratiċi jridu jirriflettu d-diversità tas-soċjetà, speċjalment fil-kompożizzjoni tal-persunal tagħhom; |
|
N. |
billi l-bilanċ bejn il-ġeneri għadu objettiv mhux milħuq f’diversi livelli kruċjali ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet; |
|
O. |
billi l-Pjattaforma ta’ Azzjoni u d-Dikjarazzjoni ta’ Beijing jitolbu l-integrazzjoni ta’ perspettiva tal-ġeneru fid-deċiżjonijiet baġitarji fil-livelli kollha, u filwaqt li l-UE hija impenjata li tapplika l-prinċipji tagħha, b’mod partikolari biex tiżgura li r-riżorsi pubbliċi jikkontribwixxu b’mod effettiv għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa fl-oqsma kollha ta’ politika; |
Kummenti ġenerali
|
1. |
Jilqa’ l-fatt li, f’konformità mal-impenji vinkolanti tagħha, u wara t-talbiet ripetuti tal-Parlament, il-Kummissjoni żviluppat metodoloġija pilota biex issegwi u tkejjel in-nefqa relatata mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-livell tal-programm fil-QFP 2021–2027, bl-għan li ttejjeb l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-proċess baġitarju tal-Kummissjoni u ttejjeb kif it-tfassil tal-politika u l-allokazzjoni tar-riżorsi javvanzaw l-objettivi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; |
|
2. |
Jinnota li, skont il-metodoloġija attwali, il-Kummissjoni tassenja punteġġi differenti lill-programmi abbażi ta’ valutazzjoni tal-kontribut tagħhom għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-aktar livell granulari possibbli ta’ intervent, u tagħti punteġġ ta’:
|
|
3. |
Jinnota li l-metodoloġija hija bbażata fuq l-indikatur tal-politika dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri żviluppat mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, li hija għodda statistika kwalitattiva wżata biex jiġu mmonitorjati u rreġistrati l-attivitajiet ta’ żvilupp li jkollhom l-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala objettiv ta’ politika u hija applikata mill-Kummissjoni għall-programmi kollha ta’ nfiq tal-baġit tal-UE taħt ġestjoni kondiviża, diretta u indiretta; |
|
4. |
Jisħaq li l-metodoloġija tal-Kummissjoni hija differenti mill-indikatur tal-politika tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri żviluppat mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi peress li ma tinkludix punteġġ li jippermetti t-traċċar tal-effetti potenzjalment negattivi tal-infiq tal-UE fuq l-objettivi tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u tintroduċi l-kategorija ta’ 0* għal interventi b’impatt pożittiv probabbli iżda li għadu mhux ċar fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jissottolinja li l-metodoloġija tal-Kummissjoni għandha fi kwalunkwe każ tevita li twassal għal konsegwenzi mhux intenzjonati, bħall-iskoraġġiment jew ir-rifjut ta’ investimenti f’setturi li huma strateġiċi iżda tradizzjonalment iddominati minn ġeneru wieħed, inkluż is-settur tad-difiża; |
Dwar l-implimentazzjoni tal-metodoloġija żviluppata mill-Kummissjoni
|
5. |
Jinnota li l-metodoloġija ntużat għall-ewwel darba fil-proċess tal-abbozzar tal-estimi għall-baġit tal-UE għas-sena finanzjarja 2023, flimkien ma’ applikazzjoni retroattiva għall-baġits tas-snin finanzjarji 2021 u 2022; |
|
6. |
Jinnota li, għas-sena finanzjarja 2021, fiż-żmien tal-pubblikazzjoni tar-Rapport Annwali dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni relatat, minn EUR 352 biljun f’impenji, 1 % tal-impenji kienu rċevew punteġġ ta’ 2, 3 % kienu rċevew punteġġ ta’ 1, 1 % kienu rċevew punteġġ ta’ 0 u 95 % kienu rċevew punteġġ ta’ 0*; |
|
7. |
Jinnota li, għas-sena finanzjarja 2022, fiż-żmien tal-pubblikazzjoni tar-Rapport Annwali dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni relatat, minn EUR 321 biljun f’impenji, 2 % tal-impenji kienu rċevew punteġġ ta’ 2, 9 % kienu rċevew punteġġ ta’ 1, 16 % kienu rċevew punteġġ ta’ 0 u 73 % kienu rċevew punteġġ ta’ 0*; |
|
8. |
Jinnota li, għas-sena finanzjarja 2023, fiż-żmien tal-pubblikazzjoni tar-Rapport Annwali dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni relatat, minn EUR 427 biljun f’impenji, 2 % tal-impenji kienu rċevew punteġġ ta’ 2, 9 % kienu rċevew punteġġ ta’ 1, 69 % kienu rċevew punteġġ ta’ 0 u 20 % kienu rċevew punteġġ ta’ 0*; |
|
9. |
Jinnota li, għas-sena finanzjarja 2024, fiż-żmien tal-pubblikazzjoni tar-Rapport Annwali dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni relatat, minn EUR 195 biljun f’impenji, 3 % tal-impenji kienu rċevew punteġġ ta’ 2, 17 % kienu rċevew punteġġ ta’ 1, 65 % kienu rċevew punteġġ ta’ 0 u 16 % kienu rċevew punteġġ ta’ 0*, u dawn il-punteġġi ġew ittondjati ’l fuq; |
|
10. |
Jifhem li s-sehem dejjem jonqos tal-impenji b’punteġġ ta’ 0* matul is-snin huwa r-riżultat ta’ titjib fil-ġbir u d-disponibbiltà ta’ data, u l-kapaċità ta’ rapportar tal-Kummissjoni, li jippermetti lid-direttorati ġenerali tagħha jkejlu aħjar il-kontribut tal-programmi tagħhom għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri f’livell aktar granulari; |
|
11. |
Jifhem ukoll li, minħabba d-disponibbiltà limitata ta’ data u kapaċità ta’ rapportar matul l-ewwel snin finanzjarji li għalihom ġiet applikata din il-metodoloġija, it-tqabbil taċ-ċifri bejn is-snin differenti abbażi tar-riżultati annwali jew l-użu ta’ informazzjoni minn dan it-tqabbil ftit li xejn għandu valur miżjud; |
|
12. |
Jinnota li, skont il-Kummissjoni, l-interventi b’punteġġ ta’ 2 jew 1 jistgħu jitqiesu li jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u li meta jitqies dan, l-interventi b’valur ta’ EUR 37,99 biljun ippromwovew l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-2024, filwaqt li din iċ-ċifra kienet ta’ EUR 10,76 biljun fl-2021, EUR 37,83 biljun fl-2022 u EUR 47,99 biljun fl-2023; |
|
13. |
Jinnota li t-tnaqqis fil-valur assolut bejn l-2023 u l-2024 ta’ interventi meqjusa li jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri huwa konsegwenza diretta tat-tnaqqis fl-ammont totali ta’ impenji bejn dawk is-sentejn finanzjarji, fil-biċċa l-kbira spjegata minn tneħħija gradwali tal-impenji fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza; |
|
14. |
Jinnota li minbarra r-riżultati pprovduti għal kull sena finanzjarja, fir-Rapport Annwali dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni għall-Baġit tal-UE tal-2024, il-Kummissjoni ppubblikat valutazzjoni mill-ġdid tar-riżultati preċedenti kollha bbażata fuq valutazzjonijiet aktar reċenti u komprensivi tal-programmi tagħha, li rriżultaw f’xejriet aggregati li jindikaw li għall-interventi matul il-perjodu bejn l-2021 u l-2024, 2 % ngħataw punteġġ ta’ 2, 10 % ingħataw punteġġ ta’ 1, 83 % ingħataw punteġġ ta’ 0 u 5 % ngħataw punteġġ ta’ 0*; jinnota wkoll li skont ir-rivalutazzjoni tal-Kummissjoni, b’kollox, fis-snin finanzjarji 2021–2024, 12 % tan-nefqa tal-baġit tal-UE kkontribwiet għall-promozzjoni tal-ġeneru (b’punteġġi ta’ 1 u 2), li jammontaw għal EUR 158,4 biljun; |
|
15. |
Jisħaq li mhux il-programmi baġitarji kollha tal-UE għandhom prestazzjoni ugwali f’termini tal-integrazzjoni tal-ġeneru bħala prijorità orizzontali, b’xi programmi jmorru ħafna aħjar minħabba t-tfassil tal-politika tagħhom, bħal programmi taħt l-Intestatura 6 “Il-Viċinat u d-Dinja” fejn il-ġeneru ġie stabbilit bħala prijorità trasversali b’miri u kriterji ċari, u programmi speċifiċi taħt intestaturi oħra bħal Orizzont Ewropa, li, bis-saħħa tar-rekwiżit tiegħu li jimplimenta l-ibbaġitjar skont il-ġeneru, mhux biss irawwem l-ugwaljanza bejn il-ġeneri iżda wkoll iħalli impatt pożittiv fuq il-prattiki tal-Istati Membri permezz ta’ kontaminazzjoni kroċjata matul l-istadju ta’ implimentazzjoni fil-livell nazzjonali; |
|
16. |
Jiddispjaċih li, peress li l-metodoloġija użata hija għodda ta’ traċċar imfassla speċifikament għall-baġits operattivi, ma tistax tivvaluta l-baġits amministrattivi tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE b’mod adegwat; |
|
17. |
Jinnota li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-metodoloġija huwa limitat, peress li ma jinkludix b’mod adegwat l-effetti sekondarji jew indiretti tal-programmi fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-impatti negattivi potenzjali jew id-dimensjonijiet intersezzjonali meħtieġa għal valutazzjoni komprensiva tal-impatti tal-politika; |
|
18. |
Jinnota wkoll li l-impatti negattivi potenzjali tal-programmi dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri mhumiex ikkunsidrati biżżejjed, b’mod partikolari f’setturi bħall-kompetittività, id-difiża u l-preparatezza; jissottolinja li l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri ma għandhiex twassal għal restrizzjonijiet jew tnaqqis fl-investimenti f’setturi kritiċi; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri konkreti biex ittejjeb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, filwaqt li tiżgura li d-deċiżjonijiet ta’ investiment ma jiġux affettwati b’mod negattiv; |
|
19. |
Jiddispjaċih għall-fatt li, minħabba n-natura ex post tagħha, din il-metodoloġija ma tippermettix impatt strutturali fuq it-tfassil tal-politiki fi stadju ex ante jew il-ġbir u l-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji, li huwa essenzjali għall-integrazzjoni xierqa tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-programmi tal-UE; |
Dwar l-approċċ usa’ għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-programmi finanzjarji tal-UE
|
20. |
Jinnota li lil hinn mill-metodoloġija tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri applikata għall-baġit tal-UE, ċerti programmi tal-UE għandhom l-ugwaljanza bejn il-ġeneri integrata fil-bażijiet legali tagħhom filwaqt li oħrajn le; |
|
21. |
Jinnota li filwaqt li l-approċċ doppju tal-Kummissjoni għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, jiġifieri li ssegwi l-baġit tal-UE u tistabbilixxi l-objettivi stabbiliti fil-bażijiet legali tal-programmi, huwa qafas utli, dan l-approċċ huwa frammentat u ma jaffettwax il-programmi kollha bl-istess mod, u b’hekk idgħajjef il-koerenza tal-approċċ tal-UE għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri; |
Kummenti tal-għeluq
|
22. |
Jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-baġit tal-UE (11) u jaqbel mal-fehma li, għas-snin li fadal tal-QFP 2021–2027, il-prijorità għandha tkun li l-programmi jkomplu jiġu evalwati sabiex jiġi vvalutat aħjar il-kontribut tagħhom għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u li wieħed jitgħallem mill-implimentazzjoni tagħhom, filwaqt li jsir użu tajjeb mir-rapportar imtejjeb tad-data diżaggregata skont il-ġeneru li ilu fis-seħħ mill-2023; jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ kooperazzjoni msaħħa mal-Istati Membri kollha biex jiġu armonizzati l-metodoloġiji u tiġi evitata kwalunkwe frammentazzjoni fl-approċċi tagħhom, u biex jittejbu l-ġbir, l-aggregazzjoni u r-rapportar tad-data; |
|
23. |
Jirrikonoxxi li filwaqt li l-metodoloġija żviluppata mill-Kummissjoni hija għodda utli għall-valutazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-baġit tal-UE għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, din tiffaċċja limitazzjonijiet li jillimitaw il-kapaċità tagħha għal effett trasformattiv; jisħaq fuq l-importanza li jiġu żgurati d-disponibbiltà tad-data u l-użu ta’ indikaturi tal-prestazzjoni speċifiċi, li jistgħu jitkejlu u jinkisbu, realistiċi u marbuta mal-ħin (SMART) f’dan ir-rigward; |
|
24. |
Jissottolinja li peress li l-baġit tal-UE qed jiġi affettwat minn diversi kriżijiet u bidliet fil-prijoritajiet politiċi, huwa essenzjali li l-ibbaġitjar skont il-ġeneru jiġi integrat b’mod proporzjonat fiċ-ċiklu baġitarju ewlieni tal-programmi, ex ante, inkluż f’oqsma prijoritarji ġodda bħall-kompetittività, id-difiża u l-preparatezza; |
|
25. |
Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa approċċ sħiħ u komprensiv għall-ibbaġitjar skont il-ġeneru u metodoloġija speċifika u komprensiva għall-baġit tal-UE, li għandu jsir kompletament operattiv mill-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss u b’potenzjal trasformattiv, peress li se jkun jista’ jinfluwenza ċ-ċiklu baġitarju kollu u jindirizza l-kwistjonijiet identifikati f’din ir-riżoluzzjoni, sabiex tiġi żgurata ġestjoni finanzjarja tajba tal-fondi tal-UE; |
|
26. |
Jenfasizza, li minbarra l-QFP, kwalunkwe strument adottat skont l-Artikolu 122 tat-TFUE għandu japplika wkoll dispożizzjonijiet dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u l-ibbaġitjar kif xieraq, mingħajr ma jinbidlu l-objettivi tal-programm, il-kriterji ta’ eliġibbiltà jew tal-għoti diġà stabbiliti fil-leġiżlazzjoni speċifika għas-settur, bl-għan li jiġi traċċat il-kontribut tal-UE għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-istrumenti ta’ finanzjament kollha b’mod komprensiv u konsistenti; |
|
27. |
Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjonijiet tal-impatt ex ante sistematiċi li janalizzaw ukoll l-impatti speċifiċi tal-politiki u l-miżuri ta’ politika fiskali tal-UE – inklużi l-iskemi tat-taxxa u l-programmi ta’ għajnuna mill-Istat – fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, f’konformità mal-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar, bl-għan li jiġu identifikati u mmitigati d-disparitajiet bejn il-ġeneri; jisħaq li għandha tingħata wkoll kunsiderazzjoni bir-reqqa lill-impatti soċjali u ekonomiċi ta’ ugwaljanza mtejba bejn il-ġeneri filwaqt li jitqiesu l-ispejjeż amministrattivi għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju; |
|
28. |
Ifakkar li l-proposti leġiżlattivi kollha tal-UE jridu jikkonformaw mal-liġi primarja tal-UE, inkluż il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-valutazzjonijiet tal-impatt ex ante tagħhom sabiex tikkunsidra bir-reqqa u timminimizza kwalunkwe effett negattiv potenzjali fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-UE meta tħejji proposti leġiżlattivi; |
|
29. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi “mekkaniżmu ta’ salvagwardja tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri” bħala parti standard mill-proċeduri leġiżlattivi tal-UE, li jkun jirrikjedi r-reviżjoni ta’ kwalunkwe proposta li, permezz tal-analiżi tal-Qorti tal-Awdituri, tintwera li ddgħajjef l-istrateġija u l-objettivi tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; |
|
30. |
Jiddispjaċih dwar l-iżbilanċ tar-rappreżentanza tal-ġeneri fost l-uffiċjali u r-rappreżentanti politiċi kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak tal-Istati Membri, li, min-naħa tiegħu, jimmina l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fir-rappreżentanza; |
|
31. |
Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-fattibbiltà tal-introduzzjoni ta’ aktar miżuri ta’ parità fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-livell maniġerjali biex jiżguraw li l-ġeneri kollha jkunu involuti biżżejjed fit-tfassil tal-politika permezz ta’ skemi ta’ appoġġ immirati; |
|
32. |
Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li sehem minimu tal-baġit tal-UE jkun iddedikat biex l-ugwaljanza bejn il-ġeneri ssir objettiv ewlieni (li jikkorrispondi għal punteġġ ta’ 2 fil-metodoloġija attwali); |
|
33. |
Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà tal-istabbiliment ta’ mira kwantitattiva fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss sabiex sehem mill-baġit tal-UE jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri (li jikkorrispondi għal punteġġ ta’ 2 jew 1 fil-metodoloġija attwali), u jinnota li tali miri wrew li huma utli fl-avvanz tal-miri tal-UE dwar il-klima u l-bijodiversità; |
|
34. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jirrispettaw id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju rivedut matul in-negozjati dwar il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ programmi, jiġifieri li l-programmi u l-attivitajiet għandhom, fejn fattibbli u xieraq, jiġu implimentati f’konformità mar-regoli rilevanti speċifiċi għas-settur, jiġu implimentati b’kont meħud tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u f’konformità ma’ metodoloġija xierqa għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri; |
|
35. |
Iqis li huwa kruċjali, f’konformità mar-Regolament Finanzjarju rivedut, li jiġi żgurat li l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ programmi tinkludi objettivi li jippermettu, fejn xieraq, il-ġbir ta’ data diżaggregata skont il-ġeneru u l-aggregazzjoni ta’ tali data fil-programmi rilevanti kollha; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa u ttejjeb il-metodoloġija tagħha biex issegwi l-kontribuzzjoni tal-baġit tal-UE għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, inkluż permezz tal-użu sistematiku ta’ għodod diġitali, bħall-intelliġenza artifiċjali, biex ittejjeb il-ġbir, l-aggregazzjoni u l-analiżi bejn il-programmi tad-data; |
|
36. |
Jistieden lill-atturi rilevanti kollha, inkluż il-Kunsill, il-Kummissjoni, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u sħab rilevanti oħra, jistinkaw biex l-ibbaġitjar skont il-ġeneru jsir realtà fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss; |
|
37. |
Jistieden lill-Kummissjoni talloka sehem akbar tal-baġit tal-azzjonijiet esterni tal-UE għal interventi li jikkontribwixxu għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u tiddedika wkoll 25 % tal-istrumenti ta’ finanzjament estern tal-UE fil-QFP li jmiss għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala objettiv prinċipali; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tistabbilixxi fond iddedikat biex tippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri globalment u li tiżgura li l-azzjonijiet li tappoġġja jiffukaw fuq l-aċċess għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, iżżid il-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet, tappoġġja organizzazzjonijiet mhux governattivi lokali mmexxija min-nisa, u tassisti lid-difensuri lokali tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa; |
|
38. |
Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi objettivi ċari għall-QFP li jmiss sabiex tikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi u fil-pensjonijiet u tindirizza l-kwistjoni tal-faqar fost in-nisa, inkluż permezz tat-titjib tas-servizzi tal-indukrar tat-tfal; |
|
39. |
Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-programmi ffinanzjati mill-UE jipproteġu u jippromwovu d-drittijiet tan-nisa, b’attenzjoni partikolari għall-aċċess għall-kura tas-saħħa pubblika, l-indukrar tat-tfal u s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi; |
|
40. |
Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE, f’konformità mal-prinċipji tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fil-Pagi (12), janalizzaw u jirrapportaw dwar id-differenzi possibbli tagħhom fil-pagi bejn il-ġeneri u jieħdu miżuri xierqa fejn meħtieġ; itenni t-talba tiegħu lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE biex itejbu l-bilanċ bejn il-ġeneri, speċjalment fil-livell tal-maniġment superjuri; jistieden lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE jwettqu analiżi biex jidentifikaw oqsma fi ħdan iċ-ċiklu tar-riżorsi umani – mir-reklutaġġ sal-aċċess għall-promozzjonijiet – fejn tali titjib huwa l-aktar meħtieġ, u jesploraw il-possibbiltà li jimplimentaw aktar miżuri biex jinkiseb bilanċ bejn il-ġeneri mill-aktar fis possibbli; |
|
41. |
Jirrikonoxxi d-disparitajiet persistenti bejn il-ġeneri f’diversi setturi li tradizzjonalment huma ddominati minn ġeneru wieħed; jistieden lill-Kummissjoni tapplika bbaġitjar skont il-ġeneru biex tiżgura u timmonitorja kundizzjonijiet nondiskriminatorji biex jiġu aċċessati l-ħiliet meħtieġa u l-programmi edukattivi għall-ġeneri kollha, u ttejjeb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri f’dawn is-setturi speċifiċi bl-għan li tissaħħaħ il-kompetittività tal-industrija; jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lill-intraprendituri nisa, speċjalment f’intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u start-ups, inkluż permezz ta’ monitoraġġ speċifiku fi ħdan programmi, bħal InvestEU u Orizzont Ewropa; jappella għal mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u rapportar aktar b’saħħithom biex jiġi żgurat li l-fondi jkunu ta’ benefiċċju ġenwin għan-nisa u għall-gruppi emarġinati; ° ° ° |
|
42. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. |
(1) ĠU L, 2024/765, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/765/oj.
(2) ĠU L 325, 20.12.2022, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2496/oj.
(3) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/2093/oj.
(4) ĠU C, C/2024/1195, 23.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1195/oj.
(5) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2020/1222/oj.
(6) ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj.
(7) ĠU C 456, 10.11.2021, p. 208.
(8) ĠU C 347, 9.9.2022, p. 139.
(9) ĠU C, C/2025/4382, 9.9.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/4382/oj.
(10) Testi adottati, P10_TA(2025)0090.
(11) Il-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament li jistabbilixxi qafas ta’ traċċar u ta’ prestazzjoni tan-nefqa baġitarja u regoli orizzontali oħra għall-programmi u għall-attivitajiet tal-Unjoni (COM(2025)0545).
(12) Id-Direttiva (UE) 2023/970 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li ssaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali bejn l-irġiel u n-nisa permezz ta’ trasparenza fil-pagi u mekkaniżmi ta’ infurzar (ĠU L 132, 17.5.2023, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/970/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/1702/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)