European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/1700

24.4.2026

P10_TA(2025)0285

L-aspetti istituzzjonali tar-Rapport dwar il-futur tal-Kompetittività Ewropea (ir-Rapport Draghi)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2025 dwar l-aspetti istituzzjonali tar-Rapport dwar il-futur tal-Kompetittività Ewropea (ir-Rapport Draghi) (2025/2013(INI))

(C/2026/1700)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-rapport tad-9 ta’ Settembru 2024 ta’ Mario Draghi intitolat “The future of European competitiveness” (Il-futur tal-kompetittività Ewropea (ir-rapport Draghi)),

wara li kkunsidra d-diskors ta’ Mario Draghi dwar il-preżentazzjoni tar-rapport Draghi lill-Parlament Ewropew fis-17 ta’ Settembru 2024,

wara li kkunsidra r-rapport tas-17 ta’ April 2024 ta’ Enrico Letta intitolat “Much more than a market” (Ħafna aktar milli suq (ir-rapport Letta)),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Jannar 2025 intitolata “Boxxla għall-Kompetittività tal-UE” (COM(2025)0030),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Frar 2025 intitolata “Il-perkors lejn il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss” (COM(2025)0046),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Marzu 2025 intitolata “Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti Strateġija biex Jissaħħu l-Ġid taċ-Ċittadini u l-Kompetittività Ekonomika fl-UE” (COM(2025)0124),

wara li kkunsidra r-rapport tat-30 ta’ Ottubru 2024 ta’ Sauli Niinistö intitolat “Safer Together – Strengthening Europe’s Civilian and Military Preparedness and Readiness” (Aktar Sikuri Flimkien – It-Tisħiħ tat-Tħejjija u l-Prontezza Ċivili u Militari tal-Ewropa (ir-rapport Niinistö)),

wara li kkunsidra r-rapport tad-9 ta’ Mejju 2022 dwar l-eżitu finali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa (CoFE),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Mejju 2022 dwar is-segwitu għall-konklużjonijiet tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Ġunju 2022 dwar it-talba biex titlaqqa’ Konvenzjoni għar-reviżjoni tat-Trattati (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2023 dwar proposti tal-Parlament Ewropew għar-reviżjoni tat-Trattati (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Lulju 2023 dwar l-implimentazzjoni tal-klawżoli passerelle fit-Trattati tal-UE (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Mejju 2025 dwar baġit imġedded fit-tul għall-Unjoni f’dinja li qed tinbidel (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Marzu 2025 dwar il-white paper dwar il-futur tad-difiża Ewropea (6),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

wara li kkunsidra l-klawżoli passerelle fit-trattati tal-UE,

wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tat-trattati dwar il-kooperazzjoni msaħħa u l-kooperazzjoni strutturata permanenti,

wara li kkunsidra l-Artikolu 122 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A10-0196/2025),

A.

billi r-rapport Draghi, abbozzat minn Mario Draghi u mħejji fuq talba tal-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen, joffri djanjożi komprensiva tal-isfidi strutturali li qed tħabbat wiċċha magħha l-UE, u jwissi li l-UE tissogra tkabbir ekonomiku kajman prolongat li fl-aħħar mill-aħħar jista’ jhedded il-prosperità u l-benesseri soċjali; billi r-rapport Draghi jiddeskrivi kif l-Ewropa ma tistax tibqa’ tiddependi fuq ħafna mill-fatturi li appoġġjaw it-tkabbir fil-passat;

B.

billi nfetaħ distakk kbir fil-PDG bejn l-UE u l-Istati Uniti, li żdied minn ’il fuq minn 15 % fl-2002 għal madwar 30 % fl-2023 kif imkejjel bil-prezzijiet tal-2015; billi dan hu kkawżat primarjament minn tnaqqis aktar sinifikanti fil-produttività fl-Ewropa u min-nuqqas tal-UE li tikkapitalizza fuq ir-rivoluzzjoni diġitali mmexxija mill-internet u l-gwadanji potenzjali fil-produttività assoċjati, parzjalment minħabba l-frammentazzjoni tas-suq uniku Ewropew;

C.

billi r-rapport Draghi jidentifika l-għeluq tad-distakk fl-innovazzjoni, pjan konġunt għad-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività, iż-żieda fis-sigurtà u t-tnaqqis tad-dipendenzi, u t-twettiq tal-objettivi ekonomiċi, ambjentali u soċjali tal-UE bħala l-bażijiet fundamentali għat-tkabbir futur tal-Ewropa; billi r-rapport jivvaluta li dan se jirrikjedi żieda fil-livelli ta’ investiment ta’ madwar 5 % tal-PDG totali tal-UE, jiġifieri ammont minimu ta’ EUR 750-800 biljun ta’ investiment annwali addizzjonali;

D.

billi d-domanda globali għal materja prima kritika qed tiżdied b’mod rapidu minħabba t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, filwaqt li l-Ewropa tiddependi ħafna wkoll fuq l-importazzjonijiet tat-teknoloġija diġitali, b’mod partikolari għall-produzzjoni taċ-ċipep, peress li 75-80 % tal-kapaċità globali tal-fabbrikazzjoni tal-pjastrini tinsab fl-Asja; billi għandha tiġi żviluppata “politika ekonomika barranija” ġenwina tal-UE biex tinżamm l-awtonomija u l-kompetittività tal-UE f’dan il-qasam kritiku, kif ukoll f’setturi strateġiċi oħra;

E.

billi kemm ir-rapport Letta, abbozzat minn Enrico Letta u kkummissjonat mill-Kunsill Ewropew, kif ukoll ir-rapport Draghi jenfasizzaw li s-suq uniku, mill-bidu nett, wera li huwa fattur b’saħħtu fl-attraenza tal-UE, u li jagħti spinta formidabbli lill-ekonomija tagħha u għadu pedament għall-integrazzjoni u l-valuri Ewropej, u dan iservi bħala katalizzatur b’saħħtu għat-tkabbir, il-prosperità u s-solidarjetà; billi x-xenarju internazzjonali nbidel b’mod profond, madankollu, u jenfasizza l-ħtieġa li s-suq uniku jiġi approfondit u kkompletat aktar sabiex jikseb il-potenzjal sħiħ tiegħu;

F.

billi r-rapport Draghi identifika li huwa meħtieġ minimu ta’ EUR 750-800 biljun ta’ investiment annwali addizzjonali biex tiġi restawrata l-produttività tal-UE u jintlaħqu l-objettivi ambjentali u soċjali tal-UE;

G.

billi l-appoġġ tal-UE kemm għall-investiment pubbliku kif ukoll dak privat huwa ristrett mid-daqs tal-baġit tal-UE, min-nuqqas ta’ enfasi tiegħu, mill-qafas ta’ governanza kumpless tiegħu, u minn attitudni kawta żżejjed fir-rigward tar-riskji; billi l-investiment komuni tal-UE, inkluż l-inizjattivi bbażati fuq is-suq u ffinanzjati b’mod konġunt, huwa essenzjali għall-isfidi li jmorru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali li jridu jiġu indirizzati, billi jippermetti ekonomiji ta’ skala, irawwem l-awtonomija strateġika filwaqt li jipproteġi u jippromwovi l-koeżjoni fl-Unjoni kollha, jattira l-kapital privat, isaħħaħ il-kompetittività globali tal-UE f’setturi kritiċi, kif ukoll billi jiffinanzja u jipprovdi beni pubbliċi Ewropej oħra;

H.

billi t-tentattiv biex tinħoloq l-unjoni tas-swieq kapitali (CMU), stabbilit mill-President tal-Kummissjoni von der Leyen bħala prijorità strateġika, ma laħaqx l-objettivi tiegħu matul dawn l-aħħar għaxar snin; billi l-ħidma fuq l-unjoni tas-swieq kapitali s’issa turi li l-integrazzjoni sħiħa tas-servizzi finanzjarji fis-suq uniku hija essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi strateġiċi tal-politika ekonomika tal-UE;

I.

billi r-rapport Draghi jipprovdi analiżi komprensiva tal-governanza ekonomika u l-kompetittività tal-UE;

J.

billi l-proċessi ta’ adeżjoni ta’ għadd ta’ pajjiżi kisbu momentum ġdid mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, u dan wassal għal sitwazzjoni li fiha l-UE jeħtiġilha tħejji ruħha għaċ-ċikli ta’ tkabbir li jmiss u ttejjeb il-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħha biex tiżgura li tkun tista’ tiffunzjona b’mod effiċjenti b’għadd akbar ta’ Stati Membri; billi r-rapport Draghi jinnota li l-attività leġiżlattiva tal-Kummissjoni qed tikber u li l-UE għandha tkun rigoruża fl-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà; billi r-rapport Draghi jindika wkoll li r-regoli tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE ma evolvewx b’mod sostanzjali bit-tkabbir tal-UE u li jeħtieġ li jiġu msaħħa u razzjonalizzati fil-perspettiva ta’ tkabbir futur u tal-kumplessità tal-ambjent globali; billi t-tkabbir tas-suq uniku għandu potenzjal konsiderevoli biex ikabbar l-ekonomija tal-UE u jsaħħaħ il-pożizzjoni ġeoekonomika tagħha;

K.

billi r-rapport Draghi jqis ukoll li l-veto nazzjonali huwa strumentalizzat minn diversi gvernijiet biex idewmu jew inaqqsu s-saħħa tal-azzjoni permezz tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet; billi r-rapport jissottolinja wkoll, madankollu, li filwaqt li t-tisħiħ tal-UE jirrikjedi bidla fit-trattati, jista’ jsir ħafna permezz ta’ aġġustamenti mmirati; billi r-rapport għaldaqstant jargumenta li strateġija industrijali ġdida għall-Ewropa jeħtieġ tkun akkumpanjata minn titjib parallel fl-istruttura istituzzjonali u l-funzjonament tal-UE;

L.

billi r-rapport Draghi jenfasizza l-ħtieġa li l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet Ewropew jiġi simplifikat, biex tiġi faċilitata l-adozzjoni ta’ miżuri biex jissaħħu l-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku tal-UE, kif ukoll biex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet jittieħdu b’mod f’waqtu u effiċjenti;

M.

billi r-rapport Draghi jiċċara li t-tisħiħ tal-mudell politiku u istituzzjonali tal-UE huwa possibbli fi ħdan il-qafas legali eżistenti, billi jiġu applikati miżuri ta’ simplifikazzjoni mmirati, mingħajr il-ħtieġa ta’ bidla fit-trattati; billi r-rapport jargumenta li tali miżuri għandhom jiffukaw fuq id-deregolamentazzjoni aktar milli jżidu l-għadd ta’ regoli u proċeduri tal-UE;

N.

billi r-rapport Draghi jidentifika t-trasformazzjoni diġitali u l-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali (IA) bħala muturi ewlenin tal-kompetittività Ewropea futura; billi s’issa l-UE tilfet opportunitajiet kritiċi fir-rivoluzzjoni diġitali, u għadha lura meta mqabbla mal-mexxejja globali fil-kapaċitajiet tal-IA, fl-infrastruttura tad-data u fit-tkabbir tat-teknoloġija profonda;

O.

billi r-rapport Draghi jenfasizza li l-UE jeħtiġilha ssaħħaħ l-awtonomija strateġika u l-kapaċità tad-difiża tagħha billi tegħleb il-frammentazzjoni tas-suq, ittejjeb l-interoperabbiltà u tikkonsolida l-industrija tad-difiża Ewropea; billi r-rapport Niinistö jikkomplementa din il-viżjoni billi jenfasizza l-ħtieġa li jittejbu l-preparatezza għar-riskji, ir-rispons għall-kriżijiet u r-reżiljenza tal-infrastruttura kritika u l-ktajjen tal-provvista; billi ż-żewġ rapporti jissottolinjaw li unjoni Ewropea tad-difiża kredibbli teħtieġ qafas ta’ governanza integrat u investiment sostnut u koordinat fil-livell tal-UE;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.

Jilqa’ r-rapport Draghi, is-sejbiet tiegħu u s-sejħa tiegħu għal azzjoni; jappoġġja l-analiżi li l-Ewropa qed tiffaċċja sfida eżistenzjali li tirrikjedi sforz istituzzjonali bla preċedent biex tibqa’ kompetittiva u twettaq tkabbir fil-kuntest ġeopolitiku tal-lum li qed jinbidel b’rata mgħaġġla; jenfasizza li tali reazzjoni trid tkun ankrata fil-governanza demokratika tal-Unjoni, il-bilanċ tal-poteri bejn l-istituzzjonijiet, u r-rispett għat-trattati; jappella għal strateġija Ewropea mġedda li tippermetti lill-Unjoni tieħu deċiżjonijiet f’waqthom u effettivi biex tiżgura l-kompetittività u s-sostenibbiltà tagħha;

2.

Jenfasizza l-fatt li, kif iddikjarat fir-rapport Draghi, l-UE teħtieġ b’mod urġenti li ttejjeb il-governanza istituzzjonali tagħha; jenfasizza li dan it-titjib għandu jkun akkumpanjat minn strateġija ta’ komunikazzjoni ċara u inklużiva mmirata biex iżżomm liċ-ċittadini involuti u infurmati dwar il-benefiċċji li jirriżultaw minnhom, biex jiġi żgurat appoġġ pubbliku sħiħ u jitrawwem sens ta’ appartenenza u responsabbiltà komuni; jissottolinja li dan, flimkien mal-ħtieġa li jiġu abbandunati approċċi nazzjonali frammentati u li jissaħħaħ proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet iffukat mill-ġdid, aċċellerat u simplifikat fil-livell tal-UE, se jippermetti lill-Unjoni taġixxi b’mod aktar effiċjenti u effettiv fejn huwa l-aktar importanti, bħala attur verament globali; jirrikonoxxi l-importanza li jiġu indirizzati l-imblukkar fil-Kunsill f’diversi oqsma; jappoġġja l-inizjattivi kollha mmirati lejn l-iżvilupp ta’ proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet aktar effettiv, li huwa essenzjali għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-UE, filwaqt li jiġu rrispettati għalkollox il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu 5(3) u (4) tat-TUE;

3.

Jenfasizza li l-oqsma ewlenin li jeħtieġu riforma strateġika tal-politiki biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-UE huma t-tlestija tas-suq uniku Ewropew, il-ħolqien tal-unjoni tat-tfaddil u tal-investimenti (SIU), titjib fl-effiċjenza tal-baġit tal-UE u l-implimentazzjoni tiegħu, iż-żamma ta’ livelli għoljin ta’ protezzjoni soċjali u drittijiet soċjali u tal-ħaddiema, l-approfondiment ta’ mudell Ewropew tal-IA u t-trasformazzjoni diġitali, u l-iżvilupp ta’ unjoni Ewropea tal-enerġija u unjoni Ewropea tad-difiża;

4.

Jisħaq li r-riformi strateġiċi tal-politika u l-bidliet proposti fl-arkitettura istituzzjonali tal-UE għandhom jitqiesu bħala aspetti marbuta b’mod inseparabbli u li għandhom jiġu implimentati flimkien biex tingħata spinta lil UE aktar kompetittiva;

Iffukar mill-ġdid, aċċellerazzjoni u simplifikazzjoni tal-governanza tal-UE

5.

Jilqa’ l-isforzi biex il-ħidma tal-UE tiġi ssimplifikata u ffukata mill-ġdid permezz ta’ prijoritizzazzjoni strateġika u effiċjenza istituzzjonali; jappella għal tisħiħ tal-kapaċità tal-UE li taġixxi meta din iżżid valur ċar, abbażi tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità; jissottolinja li s-simplifikazzjoni, is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità jridu jwasslu għal leġiżlazzjoni aktar intelliġenti u aktar effettiva, u ma għandhomx iwasslu għal diżimpenn f’oqsma li jeħtieġu azzjoni fil-livell tal-UE; jenfasizza li interventi effettivi f’oqsma ta’ politika li jwasslu għal kompetittività ekonomika akbar jirrikjedu l-adattament tal-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni fit-trattati; jenfasizza li din is-simplifikazzjoni u fokus imġedded jridu jiġu riflessi wkoll fi struttura istituzzjonali aktar effiċjenti u aktar effiċjenti, inkluż riorganizzazzjoni tal-Kummissjoni u tal-Kulleġġ tal-Kummissarji biex jissaħħu l-effettività tal-UE u l-ħila tagħha li tindirizza sfidi li qed jevolvu u ssaħħaħ ir-rwol tagħha fix-xena globali;

6.

Jieħu nota tal-Boxxla għall-Kompetittività tal-Kummissjoni, mibnija fuq il-viżjoni tar-rapport Draghi, u l-enfasi tiegħu fuq il-ħtieġa ta’ reżiljenza u awtonomija strateġika akbar u l-urġenza li tingħata spinta lill-kompetittività tal-UE, abbażi tas-sostenibbiltà, l-innovazzjoni u s-sigurtà tal-enerġija, kif ukoll il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali; jirrikonoxxi li l-enfasi tal-Boxxla għall-Kompetittività fuq l-effiċjenza regolatorja hija essenzjali biex tixpruna l-innovazzjoni, tattira l-investiment u tippermetti t-tkabbir sostenibbli; jappoġġja l-introduzzjoni ta’ għodod biex jiġi vvalutat l-impatt ta’ proposti ġodda fuq l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u fuq il-kompetittività, u jirrakkomanda l-monitoraġġ regolari tal-progress u l-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet diġitali biex jiġu ffaċilitati l-proċeduri amministrattivi; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-iskarsezzi tal-ħaddiema u tal-ħiliet bħala sfida strutturali għall-kompetittività fl-Istati Membri kollha; jenfasizza, madankollu, li l-Boxxla għall-Kompetittività jeħtieġ li tittejjeb aktar billi tissaħħaħ l-istruttura istituzzjonali tal-UE;

7.

Jilqa’ l-idea li jissaħħaħ it-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE dwar prijoritajiet immirati u strateġiċi tal-kompetittività; iqis li kwalunkwe għodda ta’ koordinazzjoni tal-kompetittività għandha sservi bħala qafas istituzzjonali ġenerali, li jippermetti lill-UE mhux biss tikkoordina l-politiki tal-UE u dawk nazzjonali iżda wkoll li taġixxi bħala entità waħda; jenfasizza li tali għodda għandha titmexxa mill-Kummissjoni, b’sorveljanza mill-Parlament u mill-Kunsill, u soġġetta għal evalwazzjoni indipendenti bbażata fuq l-effettività u t-trasparenza tagħha u l-kisba tal-objettivi tagħha; jenfasizza li l-kooperazzjoni mal-parlamenti nazzjonali u mal-awtoritajiet regolatorji hija meħtieġa biex tiġi żgurata l-leġittimità demokratika; jissottolinja li l-involviment tas-sħab soċjali u tal-partijiet ikkonċernati jrid jiġi inkorporat fil-governanza tal-UE biex jiġu żgurati l-inklużività u l-obbligu ta’ rendikont;

8.

Jilqa’ l-objettiv li titħaffef il-ħidma tal-UE u jtenni l-appell tiegħu biex isir progress lejn effiċjenza akbar fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, inkluż it-tranżizzjoni lejn votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata (VMK) u l-proċedura leġiżlattiva ordinarja, meta jkun meħtieġ, f’oqsma ta’ politika ewlenin; jinnota li għandhom jiġu previsti sollijiet ogħla ta’ votazzjoni f’xi oqsma ta’ importanza vitali; jinnota li fil-passat, instabu soluzzjonijiet li għamlu l-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet aktar deċiżivi; jenfasizza, pereżempju, il-fatt li t-Trattat ta’ Amsterdam introduċa votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata, filwaqt li inkluda wkoll il-possibbiltà ta’ astensjoni kostruttiva f’ċerti oqsma ta’ politika;

9.

Iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew jiddiskuti l-proposti stabbiliti fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tad-9 ta’ Ġunju 2022 u tat-22 ta’ Novembru 2023 dwar it-tlaqqigħ ta’ konvenzjoni f’konformità mal-proċedura ta’ reviżjoni ordinarja prevista fl-Artikolu 48 tat-TUE, u jikkunsidra, fejn ikun possibbli, emendi mmirati għat-trattati permezz tal-proċedura simplifikata stabbilita skont l-Artikolu 48(6) tat-TUE biex jitħaffu r-riformi essenzjali u urġenti; ifakkar fil-konklużjonijiet tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jieħdu passi konkreti u f’waqthom biex isegwu dawn ir-rakkomandazzjonijiet; iqis li ż-żmien ta’ qabel kompromess dwar il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss tikkostitwixxi opportunità importanti biex tiġi intensifikata l-ħidma fuq it-tisħiħ tal-istruttura istituzzjonali tal-UE;

10.

Ifakkar fil-konklużjonijiet tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, b’mod partikolari l-ħtieġa għal riforma tat-trattati, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jieħdu passi konkreti u f’waqthom biex isegwu dawn ir-rakkomandazzjonijiet;

11.

Itenni l-impenn tiegħu li jsaħħaħ il-kapaċità tal-UE li taġixxi malajr u b’mod effettiv u li ttejjeb l-effiċjenza tat-teħid ta’ deċiżjonijiet f’oqsma ta’ politika ewlenin; itenni l-appell tiegħu għall-estensjoni tal-VMK u l-proċedura leġiżlattiva ordinarja għall-oqsma ta’ politika ewlenin, meta jkun meħtieġ, bl-użu tal-klawżoli passerelle kif previst fit-trattati, biex titjieb il-ħila tal-UE li taġixxi malajr u b’mod effettiv;

12.

Jistieden lill-Kunsill jikkunsidra r-rikors għall-kooperazzjoni msaħħa skont l-Artikolu 20 tat-TUE f’każijiet fejn il-votazzjoni b’unanimità ma tippermettix li jittieħdu deċiżjonijiet importanti għall-UE kollha kemm hi f’oqsma ta’ politika ewlenin; jissottolinja li l-kooperazzjoni msaħħa hija bbażata fuq il-ħtiġijiet leġittimi tal-Istati Membri, meta l-objettivi ta’ tali kooperazzjoni ma jkunux jistgħu jintlaħqu fi żmien raġonevoli mill-Unjoni kollha kemm hi; jenfasizza li l-kooperazzjoni msaħħa toffri żewġ salvagwardji importanti, jiġifieri l-approvazzjoni tal-Parlament u r-rieżami ġudizzjarju mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE), u li d-deċiżjonijiet meħuda fl-ambitu tal-kooperazzjoni msaħħa huma bbażati fuq proposta tal-Kummissjoni; jissottolinja li l-għan ewlieni tal-kooperazzjoni msaħħa huwa s-simplifikazzjoni tat-teħid tad-deċiżjonijiet; jagħti parir lill-Istati Membri parteċipanti biex jattivaw il-klawżola passerelle speċifika minquxa fl-Artikolu 333 tat-TFUE biex jaqilbu għall-VMK u għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja fl-ambitu ta’ kooperazzjoni msaħħa; jinnota li r-rapport Draghi jipproponi li fejn ma jkunx jista jintlaħaq ftehim unanimu biex tiġi introdotta VMK, l-Istati Membri disposti jistgħu jikkunsidraw ukoll li jirrikorru għall-kooperazzjoni intergovernattiva;

13.

Jenfasizza li t-titjib tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE teħtieġ l-għoti tas-setgħa lill-Parlament billi jitqiegħed fuq l-istess livell mal-Kunsill u jappella li jissaħħaħ ir-rwol tal-Parlament fil-proċess leġiżlattiv; itenni t-talba tiegħu lill-Parlament biex jikseb id-dritt sħiħ ta’ inizjattiva leġiżlattiva; jenfasizza l-importanza li jiġi mmodernizzat id-dritt ta’ inkjesta tal-Parlament biex jissaħħaħ il-kontroll demokratiku fuq l-eżekuttiv tal-UE;

14.

Iqis il-potenzjal tal-Artikolu 122 tat-TFUE bħala għodda għal azzjoni rapida tal-UE strettament f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, iżda jisħaq li l-użu tiegħu jeħtieġ sorveljanza b’saħħitha, mhux biss mill-QĠUE iżda wkoll mill-Parlament; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni, il-Parlament u l-istituzzjonijiet u l-korpi rilevanti oħra tal-UE; jappella li l-proċeduri għall-attivazzjoni tal-Artikolu 122 tat-TFUE jiġu ċċarati u jsiru aktar sistematiċi, b’mod partikolari billi ż-żewġ koleġiżlaturi jingħataw is-setgħa li jiddeċiedu dwar l-attivazzjoni tiegħu;

15.

Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jittejjeb il-qafas istituzzjonali u finanzjarju tal-UE biex jiġi żgurat li jibqa’ funzjonali, demokratiku u kompetittiv, u li jkun kapaċi jassorbi membri ġodda u jippromwovi l-integrazzjoni b’suċċess tagħhom, fil-perspettiva ta’ tkabbir futur; jafferma mill-ġdid, għalhekk, li t-tkabbir irid jimxi id f’id mat-tisħiħ tal-governanza tal-UE; jinkoraġġixxi d-djalogu bejn l-UE u l-gvernijiet, il-parlamenti u s-soċjetà ċivili tal-pajjiżi kandidati dwar kwalunkwe proposta għal bidliet fl-istruttura istituzzjonali tal-UE li huma previsti; jirrikonoxxi l-importanza ta’ inizjattivi bħall-Komunità Politika Ewropea, li jippermettu l-kooperazzjoni politika u jikkontribwixxu għal djalogi reġjonali, u li jistgħu jiffaċilitaw l-integrazzjoni gradwali tal-pajjiżi kandidati fl-Unjoni u l-politiki tagħha, mingħajr ma jkunu alternattivi għas-sħubija fl-UE; jenfasizza li l-Parlament għandu jiġi infurmat u kkonsultat regolarment dwar l-iżviluppi fl-EPC, sabiex jiġu żgurati r-responsabbiltà demokratika u l-koerenza mal-qafas istituzzjonali tal-UE;

Governanza effiċjenti tal-UE fl-oqsma ta’ politika ewlenin

16.

Jappella li jitlesta s-suq uniku Ewropew, kif minqux fl-Artikoli 26 u 114 tat-TFUE u l-Artikolu 3(3) tat-TUE, sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal kollu tiegħu u jingħelbu l-ostakli li fadal għall-aċċess, inkluż il-kompetizzjoni internazzjonali inġusta, il-prezzijiet għoljin tal-enerġija, l-iskarsezzi tal-ħiliet u tal-ħaddiema, id-diffikultajiet fl-aċċess għall-kapital, l-implimentazzjoni frammentata tar-regoli tal-UE, l-appoġġ insuffiċjenti għat-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika u l-piżijiet amministrattivi għoljin għaċ-ċittadini u l-intrapriżi, u biex it-tkabbir ekonomiku, il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali, u l-iskambju kulturali jiġu promossi fi ħdan l-UE; jappella għall-iżvilupp ta’ suq kapitali integrat Ewropew, kif previst mill-Artikoli 26 u 63 tat-TFUE, permezz ta’ unjoni tat-tfaddil u tal-investimenti li tkun għadha kif ġiet stabbilita, u li tibni fuq l-unjoni tas-swieq kapitali mhux kompluta; jappella għal Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq imsaħħa, skont il-bażi legali tal-Artikolu 114 tat-TFUE, biex jissaħħu l-konverġenza superviżorja u l-koordinazzjoni transfruntiera fil-qafas tal-unjoni tat-tfaddil u tal-investimenti; jinnota wkoll li r-rapport Letta rrikonoxxa l-importanza tas-setgħa ekonomika tas-suq uniku għall-ambizzjonijiet globali u kummerċjali tal-UE, inkluż fir-relazzjonijiet ekonomiċi mas-sħab strateġiċi;

17.

Jappoġġja ż-żieda ta’ “ħames libertà” mal-erbgħa eżistenti, kif issuġġerit fir-rapport Letta, biex jissaħħu r-riċerka, l-innovazzjoni, l-għarfien u l-edukazzjoni għar-riċerkaturi, l-innovaturi u l-ħaddiema fis-suq uniku;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li inizjattivi futuri biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-UE u biex jiġi approfondit is-suq uniku jkunu ankrati f’miżuri li jsaħħu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali kif minqux fit-trattati; jenfasizza li l-mekkaniżmi istituzzjonali għall-opportunitajiet indaqs, is-solidarjetà u t-tnaqqis tal-inugwaljanzi jridu jiġu inkorporati għalkollox fis-sistema ta’ governanza tal-UE; itenni t-talba tiegħu biex l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jissaħħu permezz tal-istrutturi ta’ governanza tal-UE, u b’hekk jinkorporaw il-progress soċjali bħala element ewlieni tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE;

19.

Jafferma mill-ġdid li l-objettivi tas-suq uniku għandhom jallinjaw mhux biss mad-dritt għall-moviment liberu, iżda wkoll mal-“libertà li wieħed jibqa’”, kif deskritt fir-rapport Letta; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tassenja r-responsabbiltà għal-“libertà li wieħed jibqa’” lil wieħed mill-Kummissarji, b’portafoll li jinkludi l-politika ta’ koeżjoni u s-servizzi ta’ interess ġenerali, u, bl-għan li jiġi żgurat li l-politiki dwar il-“libertà li wieħed jibqa’” jkunu mfassla bir-reqqa għall-karatteristiċi speċifiċi ta’ reġjun u li tiġi onorata d-diversità soċjoekonomika u kulturali tar-reġjuni fl-UE, biex jiġi stabbilit djalogu strutturat u kontinwu bejn il-Kummissarju u l-awtoritajiet reġjonali tal-Istati Membri; jirrikonoxxi li t-trawwim tal-iżvilupp tal-infrastruttura, il-bini tal-komunità, il-ħolqien tal-impjiegi, l-aċċess għas-servizzi pubbliċi u ambjent xieraq għall-industriji u l-investimenti huwa essenzjali biex jiġi rispettat id-dritt tan-nies li jibqgħu fir-reġjuni tagħhom u jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku u l-kompetittività tal-UE; jisħaq fuq l-importanza li l-politika ta’ koeżjoni tinżamm bħala parti b’saħħitha mill-baġit tal-UE, filwaqt li jiġi żgurat li twieġeb b’mod aktar effettiv għall-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjuni u l-bliet, inkluż billi tipprovdi aċċess aktar dirett għall-fondi tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li l-proġetti tal-politika ta’ koeżjoni jintużaw b’mod aktar effiċjenti u viżibbli fil-post, filwaqt li jagħtu riżultati tanġibbli li jsaħħu s-sens ta’ appartenenza taċ-ċittadini u l-appoġġ għall-integrazzjoni fl-UE;

20.

Jenfasizza li l-UE għandha taġixxi b’mod aktar effettiv f’oqsma strateġiċi, filwaqt li tikkomplementa l-isforzi nazzjonali u tkun appoġġjata minn taħlita ta’ riżorsi proprji tal-UE u kontribuzzjonijiet koordinati, u li tali azzjoni ssaħħaħ il-kompetittività, l-innovazzjoni, ir-reżiljenza ekonomika, il-koeżjoni soċjali u territorjali, is-sostenibbiltà ambjentali u tal-enerġija, u s-sigurtà kollettiva tal-Ewropa; jisħaq, fid-dawl tas-sejbiet tar-rapport Draghi, fuq il-ħtieġa li jinżamm dibattitu miftuħ u li jħares ’il quddiem li jqis it-tagħlimiet misluta mill-esperjenza ta’ NextGenerationEU; jenfasizza l-importanza li jinħolqu strumenti u għodod ta’ investiment fil-livell tal-UE għall-finanzjament ta’ investimenti konġunti strateġiċi fil-beni u s-servizzi pubbliċi Ewropej, u l-importanza li l-programmi ta’ finanzjament jiġu aġġustati sabiex titqies id-dinamika li qed tinbidel tal-kummerċ u l-innovazzjoni; jenfasizza li riżorsi proprji ġodda ġenwini tal-UE huma kruċjali biex il-Parlament u l-Kunsill ikunu jistgħu jadottaw baġits flessibbli biex jagħtu s-setgħa lill-UE taġixxi b’mod aktar awtonomu u tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq il-kontribuzzjonijiet baġitarji nazzjonali; jenfasizza pereżempju li l-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri huwa kandidat għal riżorsa proprja ġdida tal-UE li tgawdi minn livell għoli ta’ appoġġ fost l-Istati Membri; ifakkar fil-pożizzjoni tal-Parlament fil-proposta tiegħu dwar il-qafas finanzjarju pluriennali 2028-2034 dwar il-ħtieġa li wieħed imur lil hinn mir-regola awtoimposta li skontha d-daqs tal-baġit fit-tul tal-UE ma jridx jaqbeż il-1 % tal-prodott nazzjonali gross aggregat tal-Istati Membri;

21.

Jenfasizza li, bil-ħsieb li tinżamm u tissaħħaħ il-kompetittività globali tal-UE, il-baġit tal-UE għandu jiġi ssimplifikat biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi bla bżonn, jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-fondi għall-benefiċjarji u jintlaħaq aħjar l-objettiv li tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali billi jiġi żgurat li l-finanzjament jilħaq lil dawk li l-aktar għandhom bżonnu, b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, il-komunitajiet lokali u l-atturi tal-ekonomija soċjali, inkluż fiż-żoni rurali, periferiċi jew ekonomikament żvantaġġati; ifakkar, madankollu, li l-isforzi ta’ simplifikazzjoni ma jridux jippreġudikaw il-prinċipji fundamentali li jirfdu l-qafas finanzjarju pluriennali u l-programmi tiegħu, u lanqas idgħajfu l-iskrutinju demokratiku fuq l-implimentazzjoni tagħhom; jinsisti li s-simplifikazzjoni trid tkun akkumpanjata minn garanziji sodi għal aċċess ugwali, nondiskriminazzjoni u obbligu ta’ rendikont effettiv, u li l-Parlament jiżgura sorveljanza demokratika matul iċ-ċiklu ta’ finanzjament kollu;

22.

Jissottolinja li l-kisba tal-għanijiet tal-kompetittività tal-UE tirrikjedi l-inkorporazzjoni tal-objettivi tan-newtralità klimatika u tas-sostenibbiltà fil-qafas istituzzjonali u ta’ governanza tal-UE; jinsisti li r-riformi jridu jirrispettaw id-dispożizzjonijiet tat-trattati, inkluż l-Artikolu 194 tat-TFUE, u jkunu soġġetti għal leġittimità demokratika soda permezz tal-involviment tal-Parlament fit-tfassil, il-finanzjament u s-sorveljanza tagħhom; jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ il-koordinazzjoni interistituzzjonali u li jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet f’dan il-qasam ikunu soġġetti għal skrutinju parlamentari effettiv, u b’hekk jissaħħu l-pedamenti demokratiċi tal-Unjoni;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex fid-dawl tal-isfidi ġeopolitiċi eżistenti jistabbilixxu unjoni Ewropea tad-difiża ġenwina u jagħtu spinta lill-investiment industrijali tad-difiża Ewropew, b’mod partikolari billi jirrikorru għal strumenti verament Ewropej, b’finanzjament ġdid, flimkien ma’ programm komplut għad-difiża, inkluż kontra l-attakki ibridi, u jiżguraw li l-ippjanar, l-iżvilupp, l-akkwist, u l-ġestjoni tal-kapaċitajiet isiru flimkien, fi gruppi ta’ numri sinifikanti ta’ Stati Membri; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-konsistenza bejn l-istrumenti eżistenti u futuri, inkluż fil-livell ta’ governanza, sabiex jiġi żgurat kontroll demokratiku effettiv tal-unjoni tad-difiża l-ġdida; jappella li l-UE tegħleb il-frammentazzjoni tas-suq, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tar-rapporti Draghi, Letta u Niinistö, billi toħloq suq uniku għad-difiża fejn japplikaw regoli komuni vinkolanti; jinnota li tali regoli komuni jiggarantixxu kompetizzjoni ġusta u jiffaċilitaw iċ-ċertifikazzjoni trasversali tal-prodotti tad-difiża filwaqt li jiżguraw interoperabbiltà u interkambjabbiltà sħaħ, iġibu ekonomiji ta’ skala, u jtejbu l-kapaċitajiet u r-riżorsi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkorporaw l-investimenti fid-difiża f’kunċett ta’ sigurtà usa’ li jinkludi wkoll inizjattivi Ewropej komuni, b’mod partikolari Proġetti Ewropej għad-Difiża ta’ Interess Komuni, it-tisħiħ tal-infrastruttura kritika u l-avvanz tal-proġetti ta’ riċerka u żvilupp, u b’hekk jinħolqu u jinżammu impjiegi ta’ kwalità; jistieden lill-Kunsill Ewropew jaqbel dwar l-attivazzjoni tal-Artikolu 42(2) tat-TUE bl-għan li tiġi stabbilita politika tad-difiża komuni tal-Unjoni; jissottolinja li l-unjoni tad-difiża l-ġdida trid tikkomplementa u mhux tissostitwixxi n-NATO; jieħu nota tal-fatt li l-Istati Membri bdew it-tfassil progressiv tal-politika Ewropea tad-difiża, filwaqt li stabbilew l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) u bdew il-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO); jistieden lill-Istati Membri jkomplu jaħdmu fuq it-tfassil progressiv lejn l-istabbiliment ta’ unjoni Ewropea tad-difiża b’difiża komuni; ifakkar li l-istabbiliment tal-fond tal-bidu, l-EDA u l-PESCO, kif ukoll l-użu tal-baġit tal-UE, huma rregolati minn votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata; ifakkar li anke grupp ta’ Stati Membri jistgħu, skont l-Artikolu 44 tat-TUE, jiddeċiedu li jużaw il-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata;

24.

Jenfasizza li t-tisħiħ tal-governanza tal-IA jrid ikun ibbażat fuq it-trasparenza, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u s-salvagwardja tal-interess pubbliku, f’konformità mal-approċċ tal-UE bbażat fuq ir-regoli; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rwol tal-Uffiċċju Ewropew għall-IA eżistenti; jilqa’ l-pjan ta’ azzjoni għal kontinent tal-IA għall-iżvilupp ta’ “mudell tal-IA” tal-UE, ibbażat fuq il-kooperazzjoni bejn l-atturi pubbliċi u privati;

°

° °

25.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill Ewropew, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)   ĠU C 465, 6.12.2022, p. 109.

(2)   ĠU C 493, 27.12.2022, p. 130.

(3)   ĠU C, C/2024/4216, 24.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4216/oj.

(4)   ĠU C, C/2024/3996, 17.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3996/oj.

(5)  Testi adottati, P10_TA(2025)0090.

(6)   ĠU C, C/2025/3151, 20.6.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3151/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/1700/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)